Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0532

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Diċembru 2016.
    Eurosaneamientos SL et vs ArcelorMittal Zaragoza SA u Francesc de Bolós Pi vs Urbaser SA.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Zaragoza u Juzgado de Primera Instancia de Olot.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi pprovduti mill-prokuraturi legali – Tariffa – Qrati – Impossibbiltà ta’ deroga.
    Kawżi magħquda C-532/15 u C-538/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:932

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

    8 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Servizzi pprovduti mill-prokuraturi legali — Tariffa — Qrati — Impossibbiltà ta’ deroga”

    Fil-Kawżi magħquda C‑532/15 u C‑538/15,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza, Spanja) u mill-Juzgado de Primera Instancia de Olot (qorti tal-ewwel istanza ta’ Olot, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑22 u tat‑18 ta’ Settembru 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 u fil‑15 ta’ Ottubru 2015 rispettivament, fil-proċeduri

    Eurosaneamientos SL,

    Entidad Urbanística Conservación Parque Tecnológico de Reciclado López Soriano,

    UTE PTR Acciona Infraestructuras SA

    vs

    ArcelorMittal Zaragoza SA,

    fil-preżenza ta’:

    Consejo General de Procuradores de España (C‑532/15),

    u

    Francesc de Bolós Pi

    vs

    Urbaser SA (C‑538/15),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2016,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Eurosaneamientos SL, minn J. García-Gallardo Gil-Fournier, A. Guerrero Righetto u A. Rada Pumariño, avukati, kif ukoll minn J. Issern Longares, procurador,

    għal F. de Bolós Pi, minn J. García-Gallardo Gil-Fournier, A. Guerrero Righetto et A. Figueras Sabater, avukati, kif ukoll minn F. de Bolós Pi, procurador,

    għal Urbaser SA, minn J. Badía Armengol u L. Ruz Gutiérrez, avukati, kif ukoll minn J. Pons Arau, procurador,

    għall-Consejo General de Procuradores de España, minn A. Guerrero Righetto u J. García-Gallardo Gil-Fournier, avukati, kif ukoll minn J. Estévez Fernández-Novoa, procurador,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u M. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, M. de Ree u C. Schillemans, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe kif ukoll minn C. Urraca Caviedes u J. Rius, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikoli 56 u 101 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikoli 4 u 15 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, Eurosaneamientos SL, Entidad Urbanística Conservación Parque Tecnológico de reciclado López Soriano u UTE PTR Acciona Infraestructuras SA, u ArcelorMittal Zaragoza SA u, min-naħa l-oħra, F. Francesc de Bolós Pi u Urbaser SA dwar l-onorarji tal-prokuraturi legali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (8)

    ‘ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku [raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali]’ tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika; saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur; riċevituri ta’ servizzi u ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l-annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali;

    […]”

    4

    L-Artikolu 15(2)(g) u (3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

    […]

    g)

    tariffi fissi minimi u/jew massimi li magħhom għandu jikkonforma l-fornitur;

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

    (b)

    bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku [raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali];

    (ċ)

    proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

    […]”

    Id-dritt Spanjol

    5

    Il-funzjoni tal-prokuraturi legali hija rregolata, prinċipalment, mil-Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial (Liġi Organika 6/1985 dwar il-ġudikatura), tal‑1 ta’ Lulju 1985 (BOE Nru 157, tat‑2 ta’ Lulju 1985), u l-intervent tagħhom fil-proċeduri huwa rregolat mil-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (Liġi 1/2000 dwar il-kodiċi ta’ proċedura ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ proċedura ċivili”). Il-funzjoni tal-prokuratur legali hija essenzjalment li jirrappreżenta lill-partijiet fil-proċedura u li jikkoopera b’mod effikaċi mal-ġudikatura sabiex jiffaċilita l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Dawn il-funzjonijiet huma distinti u inkompatibbli ma’ dawk tal-avukati.

    6

    L-Artikolu 242(4) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili jipprovdi:

    “Id-drittijiet li jispettaw lill-uffiċjali, prokuraturi legali u professjonisti suġġetti għal tariffa huma rregolati mit-tariffi li huma applikabbli għalihom.”

    7

    Ir-Real Decreto no 1373/2003 por el que se aprueba el arancel de derechos de los procuradores de los tribunales (Digriet Irjali Nru 1373/2003 dwar l-approvazzjoni tat-tariffa tal-miżati tal-prokuraturi legali), tas‑7 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 278, tal‑20 ta’ Novembru 2003), kif emendat bir-Real Decreto no 1/2006 (Digriet Irjali Nru 1/2006), tat‑13 ta’ Jannar 2006 (BOE Nru 24, tat‑28 ta’ Jannar 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 1373/2003”), jissuġġetta r-remunerazzjoni tal-prokuraturi legali għal ammont obbligatorju predeterminat, li jista’ jiġi nnegozjat bejn il-prokuratur legali u l-klijent tiegħu, iżda li jista’ jiżdied jew jitnaqqas bi 12 % biss u jiffissa l-limitu għal kull kawża skont l-ammont tat-tilwima. Wara li saru xi tibdiliet leġiżlattivi matul is-sena 2010, il-limitu globali tal-miżati li jista’ jirċievi prokuratur legali fl-istess kawża, għall-istess att jew fl-istess proċedura, jammonta għal EUR 300000.

    8

    Id-Direttiva 2006/123 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol bil-Ley 17/2009 sobre el libre acceso a las actividades de servicios y su ejercicio (Liġi 17/2009 dwar l-aċċess liberu għas-servizzi u għall-eżerċizzju tagħhom), tat‑23 ta’ Novembru 2009 (BOE Nru 283, tal‑24 ta’ Novembru 2009).

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    Kawża C‑532/15

    9

    Wara proċedura bejn, minn naħa, Eurosaneamientos, Entidad Urbanística Conservación Parque Tecnolóico de reciclado López Soriano u UTE PTR Acciona Infraestructura (iktar ’il quddiem “Eurosaneamientos et”) u, min-naħa l-oħra, ArcelorMittal Zaragoza dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, din il-kumpannija tal-aħħar ġiet ikkundannata għall-ispejjeż. Fuq talba ta’ Eurosaneamientos et, ir-Reġistratur tal-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza, Spanja) wettaq verifika tal-ispejjeż.

    10

    ArcelorMittal Zaragoza kkontestat din il-verifika għar-raġuni li l-miżati tal-prokuratur legal li rrappreżenta lil Eurosaneamientos et kienu inġusti u li l-onorarji tal-avukat ta’ dawn il-kumpanniji tal-aħħar kienu inġusti u eċċessivi. Ir-Reġistratur tal-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza) naqqas l-ispejjeż għas-somma ta’ EUR 17558.70 inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bħala onorarji tal-avukat, u għas-somma ta’ EUR 2793.56 inkluża l-VAT bħala miżati tal-prokuraturi legali.

    11

    Eurosaneamientos et appellaw id-deċiżjoni tar-Reġistratur quddiem l-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza).

    12

    Fit‑12 ta’ Frar 2015, l-imsemmija qorti tat tliet digrieti fil-proċedura tal-intaxxar tal-ispejjeż li jiċħdu kontestazzjonijiet ta’ Eurosaneamientos et sa fejn dawn kienu jirrigwardaw l-onorarji tal-avukati u stiednet lill-partijiet sabiex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż relatati mas-servizzi tal-prokuraturi legali, b’mod iktar partikolari t-tariffa li tistabbilixxi l-ammont tal-imsemmija spejjeż.

    13

    L-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza) għandha xi dubji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ remunerazzjoni tal-prokuraturi legali fi Spanja mad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, din il-qorti tosserva li s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Frar 2002, Arduino (C‑35/99, EU:C:2002:97), kif ukoll tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758), donnhom jindikaw li l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex ma jkunx hemm aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni huma, fl-ewwel lok, li l-Istat ma jkunx irrinunzja għas-setgħa ta’ deċiżjoni tiegħu jew għall-kontroll tal-implementazzjoni tat-tariffa inkwistjoni u, fit-tieni lok, li l-qrati jkunu jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, jidderogaw mil-limiti massimi u minimi stabbiliti.

    14

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat sabiex jivverifika l-applikazzjoni stretta tat-tariffa stabbilita bid-Digriet Irjali Nru 1373/2003, mingħajr ma jkun possibbli, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u permezz ta’ deċiżjoni debitament motivata, la li ssir deroga mil-limiti stabbiliti b’din it-tariffa u lanqas li jiġi mistħarreġ jekk l-ammont mitlub huwiex proporzjonat mas-servizz mogħti. Hija tosserva wkoll li mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali, Spanja) jirriżulta li l-modulazzjoni tad-drittijiet tal-prokuraturi legali mill-qrati nazzjonali tikkostitwixxi interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.

    15

    Barra minn hekk, l-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza) titlob, filwaqt li tqis li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta l-kunċetti ta’ “raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku” [raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali], ta’ “bżonn” u ta’ “proporzjonalità” li jinsabu fid-Direttiva 2006/123, jekk il-qrati nazzjonali humiex awtorizzati jistħarrġu, fil-każ li qafas leġiżlattiv stabbilit mill-Istat jistabbilixxi t-tariffa tas-servizzi u jinkludi dikjarazzjoni taċita fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk tali limitazzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hijiex iġġustifikata mill-interess ġenerali. Fl-assenza ta’ tali ġustifikazzjoni, hija tistaqsi wkoll jekk il-qrati nazzjonali humiex awtorizzati li ma japplikawx din it-tariffa jew li jvarjaw l-ammonti msemmija, minkejja li mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali) jirriżulta li deċiżjoni tal-qrati nazzjonali f’dan is-sens tikkostitwixxi interpretazzjoni contra legem.

    16

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-prezz ta’ ċerti servizzi jiġi stabbilit b’mod obbligatorju, indipendentement mix-xogħol effettivament imwettaq u mill-partikolaritajiet eventwali tal-kawża, minbarra l-ammont tat-tilwima, jista’ jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u tal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn, permezz tal-ispejjeż, il-parti fit-tilwima jista’ jkollha nefqa ddeterminata minn qabel imposta fuqha, mingħajr ma tkun tista’ tiżgura ruħha dwar in-natura proporzjonata jew iġġustifikata tagħha, fattur li jista’ jirrappreżenta ostakolu effettiv sabiex jiġi ppreżentat rikors li l-mod kif se jiġi deċiż huwa inċert jew suġġett għal kawtela.

    17

    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Regola legali stabbilita mill-Istat li, filwaqt li tistabbilixxi permezz ta’ leġiżlazzjoni l-ammont preċiż u obbligatorju tad-drittijiet tal-prokuraturi legali u filwaqt li tagħti kompetenza, b’mod partikolari fil-każ ta’ kundanna għall-ispejjeż, lill-korpi ġudizzjarji sabiex jistħarrġu ulterjorment u każ b’każ l-applikazzjoni ta’ din ir-regoli għall-finijiet tal-istabbiliment tal-imsemmija drittijiet, tipprevedi l-kontroll mill-Istat tal-iffissar tad-drittijiet tal-prokuraturi legali, mingħajr ma huwa possibbli li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u permezz ta’ deċiżjoni debitament motivata, issir deroga mil-limiti stabbiliti fl-imsemmija regola legali stabbilita mill-Istat, hija konformi mal-Artikolu 4(3) [TUE] u mal-Artikolu 101 TFUE?

    2)

    Fil-każijiet fejn jeżisti qafas leġiżlattiv stabbilit mill-Istat li jistabbilixxi d-dritt li għandu jitħallas għal servizz u li jinkludi dikjarazzjoni impliċita, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fir-regola ta’ traspożizzjoni, fir-rigward tal-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, minkejja li l-eżami ta’ din ir-raġuni fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Unjoni ma jippermettix li tiġi kkonstatata tali raġuni, id-delimitazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn il-kunċetti ta’ “raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku [raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali]”, “proporzjonalità” u “bżonn” li jinsabu fl-Artikoli 4 u 15 tad-Direttiva 2006/123, tippermetti lill-qrati nazzjonali jikkonstataw, f’każ partikolari, limitazzjoni li ma tkunx iġġustifikata mill-interess ġenerali, u, għaldaqstant, ma japplikawx il-leġiżlazzjoni dwar ir-remunerazzjoni tal-prokuraturi legali jew japplikawha b’mod aġġustat?

    3)

    L-adozzjoni ta’ regola legali li jkollha dawn il-karatteristiċi tista’ tkun kuntrarja għad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?”

    Kawża C‑538/15

    18

    F. De Bolós Pi, prokuratur legali Spanjol, ippreżenta rikors għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 66912.73, flimkien mal-interessi legali relattivi u l-ispejjeż, kontra Urbaser, għall-onorarji li huma dovuti lilu bħala remunerazzjoni għall-intervent tiegħu f’żewġ rikorsi kontenzjużi amministrattivi li huwa ppreżenta.

    19

    Urbaser targumenta li l-onorarji mitluba minn F. De Bolós Pi huma eċċessivi minħabba n-natura sproporzjonata tagħhom meta mqabbla mal-volum ta’ xogħol li r-rikorsi msemmija iktar ’il fuq ħolqu lil dan tal-aħħar, li sempliċement wettaq disa’ atti f’wieħed mir-rikorsi u tlieta fl-ieħor. Urbaser tqis, barra minn hekk, li l-qrati għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu l-onorarji tal-prokuraturi legali b’mod proporzjonat max-xogħol imwettaq, filwaqt li l-istabbiliment tal-onorarji abbażi biss tal-ammont previst fid-Digriet Irjali Nru 1373/2003 jikser il-prinċipju tal-kompetizzjoni libera u, għaldaqstant, l-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll id-Direttiva 2006/123, fatt li jiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari.

    20

    Urbaser tallega wkoll li kien jeżisti ftehim mhux miktub bejn il-partijiet fejn l-onorarji tal-prokuratur legali kienu ġew limitati għal EUR 2000. Madankollu, dejjem skont Urbaser, F. De Bolós Pi ddeċieda li ma josservax dan il-ftehim, fatt li kkonferma, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-avukat responsabbli mill-kawżi li taw lok għall-onorarji mitluba.

    21

    Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Lulju 2015, il-Juzgado de Primera Instancia de Olot (qorti tal-ewwel istanza ta’ Olot, Spanja) stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari.

    22

    Bħall-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza), il-Juzgado de Primera Instancia de Olot (qorti tal-ewwel istanza ta’ Olot) tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kompatibbiltà tad-Digriet Irjali Nru 1373/2003 mal-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, din il-qorti tosserva li l-Artikolu 245(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili ma jippermettix lill-qrati nazzjonali li jidderogaw mil-limiti ffissati bit-tariffa stabbilita b’dan id-digriet irjali. Fit-tieni lok, hija għandha xi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmi digriet irjali mad-Direttiva 2006/123 li tipprevedi li ma jistgħux jiġu introdotti t-tariffi minimi tas-servizzi, minbarra fil-każ ta’ bżonn, u li dawn għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u jkunu proporzjonati. Fit-tielet lok, l-imsemmija qorti tqis li l-impossibbiltà li jiġu kkontestati l-ammonti ffissati b’din it-tariffa għar-raġuni li huma sproporzjonati, eċċessivi jew mhux konformi max-xogħol imwettaq, tista’ tkun inkompatibbli mal-KEDB, jiġifieri mad-dritt għal smigħ xieraq.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia de Olot (qorti tal-ewwel istanza ta’ Olot) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 4(3) TUE, huwa kompatibbli mar-regolament li jistabbilixxi t-tariffa li tapplika għar-rappreżentanti legali fil-qrati (procuradores) [prokuraturi legali], jiġifieri d-Digriet Irjali 1373/2003 tas‑7 ta’ Novembru 2003, li jissuġġetta r-remunerazzjoni tagħhom għal tariffa jew għal skala minima, li tista’ tvarja ’l fuq jew ’l isfel bi 12 % meta la l-awtoritajiet tal-Istat Membru u lanqas il-qrati ma jistgħu jitbiegħdu minn dan l-ammont minimu anki fil-każ ta’ ċirkustanzi straordinarji?

    2)

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija skala legali mingħajr l-applikazzjoni tal-ammonti minimi stabbiliti fiha: il-fatt li l-ammont tat-tariffi dovuti li jirriżulta bl-applikazzjoni ta’ din l-iskala huwa sproporzjonat meta mqabbel max-xogħol effettivament imwettaq jista’ jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanzi straordinarji?

    3)

    Id-Digriet Irjali 1373/2006 huwa kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE?

    4)

    Dan id-digriet irjali jissodisfa r-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123/KE?

    5)

    L-Artikolu 6 tal-KEDB jinkludi d-dritt ta’ difiża effettiva quddiem determinazzjoni tat-tariffi ta’ rappreżentant legali (procurador) [prokuratur] li jirriżultaw sproporzjonalment għolja u li ma jikkorrispondux max-xogħol li effettivament twettaq?”

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal‑5 ta’ Novembru 2015, il-Kawżi C‑532/15 u C‑538/15 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    25

    Il-Consejo General de Procuradores de España (kunsill ġenerali tal-prokuraturi legali ta’ Spanja) jeċċepixxi l-inammissibbiltà taż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari u l-Gvern Spanjol kif ukoll F. De Bolós Pi jeċċepixxu l-inammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑538/15, għar-raġuni li, essenzjalment, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex meħtieġa sabiex jiġu deċiżi l-kawżi prinċipali. Fir-rigward tal-Kawża C‑532/15, huma l-qrati nazzjonali biss li għandhom jagħtu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑538/15, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali Nru 1373/2003 imsemmija mill-qorti tar-rinviju ma humiex applikabbli għall-kawża prinċipali għaliex din hija rregolata esklużivament mill-ftehim konkluż bejn il-prokuratur legali u l-klijent tiegħu.

    26

    Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin,C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala regola, hija marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin,C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Minn dan jirriżulta li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li għalhekk l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin,C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Issa, f’dan ir-rigward, ma jidhirx b’mod manifest mill-proċessi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali.

    Fuq il-mertu

    Osservazzjonijiet preliminari

    30

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriformula d-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Boi,C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Hemm lok li din il-possibbiltà tintuża fil-kuntest tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari preżenti.

    Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑532/15 u fuq l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C‑538/15

    32

    Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑532/15 u l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C‑538/15, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-onorarji tal-prokuraturi legali għal tariffa li tista’ tiżdied jew titnaqqas bi 12 % biss, li l-qrati nazzjonali jistgħu biss jivverifikaw l-applikazzjoni stretta tagħha, mingħajr ma jkunu jistgħu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jidderogaw mil-limiti ffissati minn din it-tariffa.

    33

    Preliminarjament, kuntrarjament għall-argumenti ta’ Eurosaneamientos et, tal-Consejo General de Procuradores de España (kunsill ġenerali tal-prokuraturi legali ta’ Spanja) u tal-Gvern Awstrijak, għandu jiġi rrilevat li l-onorarji ffissati bid-Digriet Irjali Nru 1373/2003, li huma estiżi għat-territorju kollu ta’ Stat Membru, jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 101(1) u tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2008, Hospital Consulting et, C‑386/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:256, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Minkejja li huwa minnu li l-Artikoli 101 u 102 TFUE jirrigwardaw biss l-aġir tal-impriżi u ma jirrigwardawx miżuri leġiżlattivi jew regolatorji mill-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-artikoli, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi dmir ta’ kooperazzjoni, jimponu fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew li jżommu fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja, li jistgħu jippreġudikaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2008, Hospital Consulting et, C‑386/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:256, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jkun hemm ksur tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 101 TFUE meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali akkordji, jew ineħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu stess in-natura pubblika tagħha billi jiddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet ta’ intervent ta’ interess ekonomiku (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Sabiex jiġi vverifikat jekk ir-Renju ta’ Spanja neħħiex in-natura statali mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk huwa ddelegax it-tfassil tat-tariffa tal-miżati tal-prokuraturi legali lil operaturi privati, f’dan il-każ lill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-prokuraturi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Arduino,C‑35/99, EU:C:2002:97, punt 36; tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 48, kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2008, Hospital Consulting et, C‑386/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:256, punt 21) u, min-naħa l-oħra, jekk il-likwidazzjoni tal-onorarji tal-prokuraturi legali tibqax taħt il-kontroll tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Arduino,C‑35/99, EU:C:2002:97, punt 42; tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 51, kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2008, Hospital Consulting et, C‑386/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:256, punt 24).

    37

    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑532/15 jirriżulta li d-Digriet Irjali Nru 1373/2003 jikkostitwixxi regola legali ppromulgata mill-Istat. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jenfasizza li dan id-digriet ma tfassalx mill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-prokuraturi legali, iżda li dan huwa regola stabbilita mill-Istat approvata mill-Kunsill tal-Ministri Spanjol, konformement mal-proċedura ordinarja ta’ tfassil tad-digrieti.

    38

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċedura ta’ likwidazzjoni tal-onorarji tal-prokuraturi legali, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li din il-proċedura taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-qrati tar-rinviju josservaw li qorti nazzjonali hija marbuta bl-ammonti ffissati mit-tariffa stabbilita bid-Digriet Irjali Nru 1373/2003 matul il-likwidazzjoni tal-onorarji u li hija la tista’ tidderoga minn din it-tariffa fil-każijiet eċċezzjonali u lanqas ma tista’ tivverifika l-proporzjonalità tal-ammonti tal-onorarji mas-servizz ipprovdut.

    39

    Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta wkoll li d-Digriet Irjali Nru 1373/2003 jipprevedi, minn naħa, il-possibbiltà għal prokuratur legali u għall-klijent tiegħu li jidderogaw mill-ammonti tal-onorarji previsti minn dan id-digriet irjali bi 12 % iktar jew inqas u, min-naħa l-oħra, limitu globali tal-onorarji li jirċievi prokuratur legali fl-istess kawża. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol jirriżulta li l-imsemmi digriet irjali jipprevedi wkoll il-possibbiltà ta’ deroga, b’mod eċċezzjonali u wara awtorizzazzjoni mogħtija minn qorti, mill-ammonti massimi previsti minnu, kif ukoll id-dritt tal-klijenti li jikkontestaw, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-ispejjeż, in-nefqa inutli, fakultattiva, superfluwa jew mhux awtorizzata mil-liġi, kif ukoll l-onorarji li ma ġewx iġġenerati fil-kuntest ta’ tilwima.

    40

    F’tali ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jiġi kkritikat, għas-sempliċi raġuni li l-qrati nazzjonali huma obbligati, matul il-proċedura ta’ likwidazzjoni tal-onorarji tal-prokuraturi legali, li josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, imfassla u ppromulgata minn dan l-Istat Membru skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li jkun iddelega s-setgħa ta’ tfassil ta’ din il-leġiżlazzjoni jew l-implementazzjoni tagħha lill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-prokuraturi legali.

    41

    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi Stat Membru lanqas ma jista’ jiġi kkritikat li jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni, mill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-prokuraturi legali, ta’ akkordji kuntrarji għall-Artikolu 101 TFUE jew li jsaħħaħ l-effetti tagħhom, jew inkella li jimponi jew jiffavorixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti kuntrarji għall-Artikolu 102 TFUE jew li jsaħħaħ l-effetti ta’ tali abbuż (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2008, Hospital Consulting et, C‑386/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:256, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Mill-osservazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑532/15 u għall-ewwel u għat-tieni domandi fil-Kawża C‑538/15 għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-onorarji tal-prokuraturi legali għal tariffa li tista’ tiżdied jew titnaqqas bi 12 % biss, li l-qrati nazzjonali jistgħu biss jivverifikaw l-applikazzjoni stretta tagħha, mingħajr ma jkunu jistgħu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jidderogaw mil-limiti ffissati minn din it-tariffa.

    Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑532/15 u t-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C‑538/15

    43

    Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑532/15 u t-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C‑538/15, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn il-qrati nazzjonali jqisu li din ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 u li din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità u ta’ bżonn fis-sens tal-Artikolu 15(2)(g) u (3) ta’ din id-direttiva.

    44

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss, b’mod partikolari, meta jkun jidher b’mod manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex applikabbli (ara d-digriet tat‑12 ta’ Mejju 2016, Security Service et, C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    F’dan ir-rigward, sa fejn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandu jiġi rrilevat li dawn ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha tagħha huma ristretti għal ġewwa Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Mejju 2016, Security Services et, C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten,C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47).

    46

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-elementi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn l-artikoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u s-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima, li l-elementi kollha tagħha huma ristretti għal ġewwa Stat Membru, għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten,C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 54).

    47

    Konsegwentement, fil-kuntest ta’ sitwazzjoni fejn l-elementi kollha tagħha huma ristretti għal ġewwa Stat Membru wieħed biss, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten,C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55).

    48

    Issa, minn ebda waħda mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jirriżulta li hemm fihom elementi ta’ konnessjoni kemm mal-partijiet fil-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, kif ukoll mal-attivitajiet ta’ dawn il-partijiet, li ma humiex ristretti ġewwa l-Istat Membru kkonċernat biss. Barra minn hekk, il-qrati tar-rinviju ma jindikawx kif il-kawżi pendenti quddiemhom għandhom, minkejja n-natura purament interna tagħhom, element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jagħmel l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ dawn it-tilwimiet.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma jipprovdux elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li l-Artikolu 56 TFUE jista’ japplika għaċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali.

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex twieġeb għat-tieni domanda fil-Kawża C‑532/15 kif ukoll għat-tielet u għar-raba’ domandi fil-Kawża C‑538/15 magħmula mill-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza) u mill-Juzgado de Primera Instancia de Olot (qorti tal-ewwel istanza ta’ Olot) rispettivament.

    Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑532/15 u l-ħames domanda fil-Kawża C‑538/15

    51

    Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑532/15 u l-ħames domanda fil-Kawża C‑538/15, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-klijenti jikkontestaw effettivament l-onorarji tal-prokuraturi legali meta dawn ikunu sproporzjonati u ma jikkorrispondux max-xogħol effettivament imwettaq.

    52

    Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li hija ma tistax tevalwa, fir-rigward tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, peress li tali leġiżlazzjoni tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett lejhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson,C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjonijiet legali li taw lok għall-kawżi prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    54

    Fil-kuntest ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tirregola, b’mod ġenerali, ċerti spejjeż fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Hija ma għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ma jinkludi l-ebda leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam jew li jista’ jinfluwenza din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos,C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 32).

    55

    Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirriżultax li s-suġġett tal-kawżi prinċipali jaqa’ fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, DEB,C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 2829, kif ukoll, f’dan is-sens, id-digriet tat‑28 ta’ Novembru 2013, Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio,C‑258/13, EU:C:2013:810, punt 23).

    56

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tielet domanda fil-Kawża C‑532/15 u għall-ħames domanda fil-Kawża C‑538/15 magħmula mill-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza) u mill-Juzgado de Primera Instancia de Olot (qorti tal-ewwel istanza ta’ Olot) rispettivament.

    Fuq l-ispejjeż

    57

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-onorarji tal-prokuraturi legali għal tariffa li tista’ tiżdied jew titnaqqas bi 12 % biss, li l-qrati nazzjonali jistgħu biss jivverifikaw l-applikazzjoni stretta tagħha, mingħajr ma jkunu jistgħu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jidderogaw mil-limiti ffissati minn din it-tariffa.

     

    2)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tieni u għat-tielet domandi fil-Kawża C‑532/15 u għat-tielet sal-ħames domandi fil-Kawża C‑538/15 magħmula mill-Audiencia Provincial de Zaragoza (qorti provinċjali ta’ Zaragoza, Spanja) u mill-Juzgado de Primera Instancia de Olot (qorti tal-ewwel istanza ta’ Olot, Spanja) rispettivament.

     

    Firem


    ( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top