EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0466

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2016.
Jean-Michel Adrien et vs Premier ministre et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Uffiċjali nazzjonali ssekondati fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni – Pensjoni ta’ xjuħija – Dritt tal-għażla – Sospensjoni jew żamma tas-sħubija għall-iskema ta’ pensjoni nazzjonali – Limitazzjoni tal-kumulu tal-pensjoni miksuba taħt l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali flimkien ma’ dik miksuba taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.
Kawża C-466/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:749

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-ħaddiema — Uffiċjali nazzjonali ssekondati fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni — Pensjoni ta’ xjuħija — Dritt tal-għażla — Sospensjoni jew żamma tas-sħubija għall-iskema ta’ pensjoni nazzjonali — Limitazzjoni tal-kumulu tal-pensjoni miksuba taħt l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali flimkien ma’ dik miksuba taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑466/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (France), (kunsill tal-istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Jean-Michel Adrien et

vs

Prim Ministru,

Ministru għall-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi,

Ministru għad-Deċentralizzazzjoni u s-Servizz Pubbliku,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President ta’ Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Adrien et, minnhom infushom,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, J.M. Adrien et u, min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi kif ukoll il-Ministru għad-Deċentralizzazzjoni u s-Servizz Pubbliku dwar il-pensjoni tal-irtirar tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni nazzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, (iktar 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1) hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, jipprovdi: Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU 1968, L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1240/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 (ĠU 2010, L 338, p. 7).

4

Skont l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Uffiċjal li ta mill-anqas 10 snin servizz għandu jkun intitolat għal pensjoni tal-irtirar. […]”

5

L-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“L-uffiċjali għandhom jikkontribwixxu terz ta’ l-ispiża biex tkun iffinanzjat din l-iskema tal-pensjoni. […]”

6

L-Artikolu 12(1) u (2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“1.   Uffiċjal li għandu anqas minn 63 sena, li s-servizz tiegħu jintemm b’mod ieħor minbarra minħabba mewt jew invalidità u li m’huwiex intitolat għal pensjoni immedjata jew posposta ta’ l-irtirar, għandu jkun intitolat hekk kif jitlaq mis-servizz:

a)

fejn ħadem anqas minn servizz ta’ sena waħda u m’għamilx użu mill-arranġament imniżżel fl-Artikolu 11(2), għal pagament ta’ għotja tal-firda daqs tliet darbiet l-ammont miżmum mis-salarju bażiku tiegħu dwar il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tiegħu, wara t-tnaqqis ta’ xi ammonti mħallsa taħt l-Artikoli 42 u 112 tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg];

b)

f’każijiet oħra, għall-benefiċċji pprovduti taħt l-Artikolu 11(1) jew għall-pagament tal-ekwivalenza attwarjali tat-tali benefiċċi lil kumpanija privata tal-assigurazzjoni, jew il-fond tal-pensjoni tal-għażla tagħhom, bil-kondizzjoni li t-tali kumpanija jew fond tiggarantixxi li:

[…]

2.   B’mod ta’ deroga mill-paragrafu 1 (b), l-uffiċjali ta’ taħt it-63 sena li, minn meta bdew id-dmirijiet tagħhom, sabiex ikunu stabbiliti jew jinżammu d-drittijiet għall-pensjoni, ħallsu fi skema nazzjonali tal-pensjoni, skema privata ta’ l-assigurazzjoni, jew fond tal-pensjoni ta’ l-għażla tagħhom, li jħarsu l-ħtiġijiet ippreżentati fil-paragrafu 1, u li s-servizz tagħhom jintemm minħabba raġunijiet minbarra mewt jew invalidità, mingħajr ma jikkwalifikaw għal pensjoni immedjata jew posposta ta’ l-irtirar, għandhom ikunu intitolati, malli jitilqu mis-servizz, għal għotja tal-firda daqs il-valur attwarjali tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni akkwistati matul is-servizz fl-istituzzjonijiet. F’dawn il-każijiet, il-pagamenti li saru sabiex ikunu stabbiliti jew jinżammu d-drittijiet tagħhom għal pensjoni taħt skema nazzjonali tal-pensjoni, fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 42 jew 112 tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg], għandhom jitnaqqsu mill-għotja tal-firda.”

7

Skont l-Artikolu 2 tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg]:

“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ l-impieg, ‘persunal temporanju’ tfisser:

[…]

(ċ)

persunal, barra uffiċjali tal-Unjoni imqabbad biex jassisti jew persuna li għandha uffiċċju pprovdut fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew il-President elett ta’ waħda mill-istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni, jew wieħed mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew il-Kumitat tar-Reġjuni, jew grupp fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

[…]”

8

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg:

“Malli jitlaq mis-servizz, ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 2 għandu jkun intitolat għal pensjoni tal-irtirar, trasferiment ta’ ekwivalenza attwarjali jew il-ħlas ta’ għotja ta’ terminazzjoni skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu V u l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Meta l-ħaddiem ikun intitolat għal pensjoni tal-irtirar, id-drittijiet tiegħu għal pensjoni għandhom jitnaqqsu bil-proporzjon tal-ammonti mħallsa skont l-Artikolu 42.”

9

L-Artikolu 41 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi:

“Rigward l-iffinanzjar ta’ l-iskema tas-sigurtà soċjali pprovduta fit-Taqsimiet B u Ċ, id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 83 u 83a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 36 u 38 ta’ l-Anness VIII tiegħu għandhom japplikaw b’analoġija.

Id-dritt Franċiż

10

L-Artikolu 46b tal-Liġi Nru 84‑16 tal-11 ta’ Jannar 1984 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet statutorji dwar is-servizz pubbliku tal-Istat, kif emendata permezz tal-Liġi Nru 2002-73 tas-17 ta’ Jannar 2002 ta’ modernizzar soċjali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 2002‑7”, jipprevedi:

“L-uffiċjal issekondat f’amministrazzjoni jew korp stabbilit fit-territorju ta’ Stat barrani jew ma’ korp internazzjonali jista’ japplika, anki jekk huwa jkun imsieħeb fl-iskema tal-pensjoni tal-irtirar li taqa’ taħt il-funzjoni ta’ ssekondar, li jikkontribwixxu għall-iskema tal-kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari. F’dan il-każ, l-ammont tal-pensjoni li titħallas taħt din tal-aħħar, li magħha jiżdied l-ammont tal-pensjoni eventwalment miksuba skont is-servizz imwettaq bħala issekondar, ma jistax ikun ogħla mill-pensjoni li setgħet tinkiseb fl-assenza ta’ ssekondar u l-pensjoni tal-kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari hija, jekk ikun il-każ, imnaqqsa bl-ammont tal-pensjoni akkumulat matul dak l-issekondar.

Digriet tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat) li jiddetermina il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.”

11

L-Artikolu L. 87 tal-kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari (Code des pensions civiles et militaires de retraite), fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru 2002‑73, jipprevedi:

“Fil-każ fejn l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal militari ssekondat f’amministrazzjoni jew korp stabbilit fit-territorju ta’ Stat barrani jew ma’ korp internazzjonali matul il-karriera tiegħu jkun għażel għaż-żamma tat-tnaqqis previst fl-Artikolu L. 61, l-ammont tal-pensjoni miksub skont dan il-kodiċi, miżjud bl-ammont tal-pensjoni eventwalment imħallsa skont is-servizzi mwettqa fil-pożizzjoni ta’ ssekondar, ma tistax tkun għola mill-pensjoni li tkun miksuba fl-assenza ta’ ssekondar u l-pensjoni ta’ dan il-kodiċi hija, jekk ikun il-każ, imnaqqsa eventwalment mill-ammont tal-pensjoni miksuba matul dan l-issekondar.

[…]”

12

L-Artikolu R‑74‑1 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“L-uffiċjali ssekondati msemmija fl-Artikolu 46b tal-Liġi Nru 84‑16 tal-11 ta’ Jannar 1984 emendata li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet statutorji dwar is-servizz pubbliku tal-Istat jistgħu japplikaw sabiex jikkontribwixxu għall-iskema tal-kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari f’terminu ta’ erba’ xhur li jibdew jiddekorru mid-data li fiha tkun ġiet innotifikata lilhom id-deċiżjoni ta’ ssekondar jew ta’ tiġdid.

It-talb hija ppreżentata bil-miktub lill-amministrazzjoni li fiha l-uffiċjal huwa ssekondat.

L-uffiċjal li jkun għażel l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu huwa obbligat li jikkontribwixxi skont il-punt 2 tal-Artikolu L. 61 għand il-kontabbli uniku nnominat permezz ta’ digriet tal-ministru responsabbli għall-baġit, skont il-modalitajiet stabbiliti permezz b’dan id-digriet. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ ħlas tissospendi s-sħubija tal-uffiċjal minn din l-iskema.

L-uffiċjal li, fit-terminu previst, ma jkunx eżerċita d-dritt tal-għażla, jitqies li rrinunzja l-possibbiltà li jikkontribwixxi għall-iskema tal-kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari.

F’każ ta’ tiġdid ta’ ssekondar, l-għażla magħmula mill-uffiċjal għall-perijodu preċedenti ta’ ssekondar jitqies taċitament imġedded sakemm ma jkunx ippreżenta, fit-termini previsti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, għażla kuntrarja.”

13

Iċ-ċirkolari tat-18 ta’ Diċembru 2002 tispeċifika l-intenzjoni tas-servizzi amministrattivi kkonċernati l-implementazzjoni tad-dispożittiv previst mill-Artikolu 46b tal-Liġi Nru 84‑16 tal-11 ta’ Jannar 1984 u l-Artikolu L. 87 tal-kodiċi tal-pensjonijiet tal-irtirar ċivili u militari (Code des pensions civiles et militaires de retraite), kif emendati permezz tal-Liġi Nru 2002‑73.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma uffiċjali Franċiżi, issekondati bħala assistenti ġudizzjarji mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn huma impjegati bħala membri tal-persunal temporanju. Peress li jikkontribwixxu b’mod obbligatorju għall-finanzjament tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, huma għandhom dritt għal pensjoni skont din l-iskema jekk jagħmlu minn tal-inqas għaxar snin fis-servizz ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni. Fl-eventwalità fejn huma jtemmu l-funzjonijiet tagħhom qabel dawn l-għaxar snin, huma jkollhom essenzjalment id-dritt, skont it-tul ta’ servizz imwettaq, jew għal pagament ta’ għotja tal-firda li tkun daqs tliet darbiet l-ammont miżmum mis-salarju bażiku tiegħu dwar il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tiegħu, jew għall-ħlas ekwivalenti attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni, miksuba mal-Unjoni f’assigurazzjoni privata jew fondi ta’ pensjoni tal-għażla tagħhom.

15

Skont il-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, uffiċjal issekondat fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandu jagħżel bejn żewġ possibbiltajiet li jirrigwardaw il-pensjoni tiegħu taħt l-iskema nazzjonali.

16

L-uffiċjal, minn naħa, jista’ jissospendi s-sħubija tiegħu fl-iskema ta’ pensjoni Franċiża matul l-issekondar tiegħu. F’din l-ipoteżi, huwa jkun, għal dan il-perijodu, biss imsieħeb fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, peress li l-pensjoni tiegħu taħt l-iskema ta’ pensjoni Franċiża tiġi debitament imnaqqsa proporzjonalment għas-snin ta’ sħubija. Madankollu, din il-pensjoni tiġi integralment akkumulata mal-pensjoni li tirriżulta mid-drittijiet miksuba fil-kuntest tas-sħubija fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

17

Min-naħa l-oħra, l-uffiċjal jista’ jkompli jikkontribwixxi fl-iskema ta’ pensjonijiet Franċiża u, għalhekk, jibqa’ msieħeb f’din l-iskema. F’din l-ipoteżi, huwa jikseb, matul dan il-perijodu ta’ ssekondar, drittijiet skont l-imsemmija skema. Madankollu, l-ammont tal-pensjoni li huwa jkun jista’ jiġbor skont din l-iskema tista’ tiġi integrata fil-pensjoni miksuba taħt l-iskema tal-Unjoni biss sa fejn l-limitu tal-pensjoni li jkun kiseb skont din l-iskema nazzjonali fl-assenza ta’ ssekondar (regola tal-ammont massimu). Konsegwentement, il-pensjoni ta’ rtirar nazzjonali tiġi eventwalment imnaqqsa mill-pensjoni dovuta taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni b’tali mod li l-ammont akkumulat taż-żewġ pensjonijiet ma jaqbiżx il-limitu massimu b’hekk iffissat (regola tal-livellament). Il-livellament jirrigwarda fuq l-ammont totali tal-pensjoni Franċiża, u mhux biss fuq l-ammont tal-pensjoni li tikkorrispondi għall-perijodu ta’ ssekondar li jkun ta lok għal sħubija doppja.

18

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għażlu li jibqgħu msieħba, matul l-issekondar tagħhom, fl-iskema ta’ pensjoni Franċiża u, għalhekk, ikkontribwixxew kontemporanjament f’din l-iskema tal-aħħar u fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Huma għamlu, jew jistgħu jagħmlu, għaxar snin ta’ servizz f’istituzzjoni tal-Unjoni li tagħtihom id-dritt għall-benefiċċju ta’ pensjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Peress li, il-pensjoni tal-Unjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kisbu, jew jistgħu jiksbu, hija iktar għall-pensjoni Franċiża li huma jkunu kisbu fl-assenza ta’ ssekondar, huma ma jiġbrux jew jistgħux jiġbru, konformement għal-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ebda pensjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni Franċiża.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ talba li waslet fis-6 ta’ Marzu 2012, talbu lill-Istat Franċiż li jħassar il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Peress li din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni impliċita fis-6 ta’ Mejju 2012, huma ppreżentaw rikors kontra din iċ-ċaħda quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat).

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil uffiċjal ikkollokat fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jagħżel, għall-perijodu tal-kollokament tiegħu, jew li jissopendi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu, f’liema każ il-pensjoni tiegħu taħt din l-iskema tkun akkumulata kompletament mal-benefiċċji tal-irtirar relatati mal-pożizzjoni li għaliha jkun ġie kkollokat, jew inkella li jkompli jagħmel tali ħlasijiet, f’liema każ il-pensjoni tiegħu taħt din l-iskema tkun limitata għall-ammont neċessarju sabiex it-total tal-pensjonijiet, inkluża l-pensjoni miksuba taħt l-iskema applikabbli għall-pożizzjoni li għaliha jkun ġie kkollokat, ikun ekwivalenti għall-ammont tal-pensjoni li kien jikseb fl-assenza tal-kollokament, tmur kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, moqri fid-dawl tal-Artikolu 48 tal-istess Trattat u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE, u l-Artikolu 4(3) TUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala effett li uffiċjal nazzjonali ssekondat fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni li jagħżel li jibqa’ msieħeb fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali matul il-perijodu ta’ ssekondar tiegħu, jitlef kull benefiċċju jew parti mill-benefiċċji li jikkorrispondu mas-sħubija ta’ din l-iskema tal-aħħar jekk jagħmel perijodu ta’ għaxar snin fis-servizz tal-Unjoni, li jagħtih dritt għal pensjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar, jekk l-Istati Membri jippreżervaw il-kompetenza tagħhom sabiex jistrutturaw l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, madankollu, huma għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 43, u tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 38).

23

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema humiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jekk dan ikun il-każ, imbagħad, ikun hemm lok li jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, f’każ ta’ tweġiba fl-affermattiv, jekk dan l-ostakolu huwiex iġġustifikat.

24

L-ewwel nett, fir-rigward tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ċittadin tal-Unjoni li jaħdem fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u li aċċetta impjieg f’organizzazzjoni internazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punt 11; tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 15, u tal-4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C‑233/12, EU:C:2013:449, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Minn dan isegwi li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jaħdem għal istituzzjoni jew korp tagħha fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, bħalma huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jiġu miċħuda l-benefiċċju tad-drittijiet u l-benefiċċji soċjali mogħtija lilhom permezz tal-Artikolu 45 TFUE (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punt 12, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2006, Rockler, C‑137/04, EU:C:2006:106, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

It-tieni nett, fir-rigward tal-punt ta’ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kwalunkwe miżura li, anki jekk japplika mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tan-nazzjonalità, jista’ jostakola jew jagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (is-sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 45; tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels, C‑379/09, EU:C:2011:131, punt 22, u tal-5 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑317/14, EU:C:2015:63, punt 23).

27

Ċertament, jekk id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil persuna assigurata li tiċċaqlaq għal Stat Membru ieħor sistema ta’ sigurtà soċjali newtrali, b’mod partikolari fil-qasam tal-benefiċċji tal-mard u tal-pensjonijiet tax-xjuħija, sa fejn dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn l-iskemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’ jkun, skont il-każ, iktar jew inqas vantaġġuż jew żvantaġġuż għall-persuna kkonċernata mill-aspett tal-protezzjoni soċjali, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li jekk l-applikazzjoni tagħha tkun inqas favorevoli, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni biss sakemm, b’mod partikolari, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiżvantaġġax lill-ħaddiem ikkonċernat meta mqabbel ma’ dawk li jeżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru fejn hija tapplika u sakemm ma twassalx esklużivament u sempliċement għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali lil fondi li ma tibbenefikax minnhom (is-sentenzi tat-18 ta’ April 2013, Mulders, C‑548/11, EU:C:2013:249, punt 45, u tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 40).

28

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikklassifikat ostakoli ta’ miżuri li għandhom bħala effett li jtellfu lill-ħaddiema, permezz tal-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tagħhom, benefiċċji ta’ sigurtà soċjali li tassiguralhom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, b’mod partikolari meta dawn il-benefiċċji jirrappreżentaw il-korrispettiv ta’ kontribuzzjonijiet li huma ħallsu (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1975, Petroni, 24/75, EU:C:1975:129, punt 13; tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française et gouvernement wallon, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 46, u tat-18 ta’ April 2013, Mulders, C‑548/11, EU:C:2013:249, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, fl-eventwalità li uffiċjal jiġi ssekondat fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni jibqa’ msieħeb fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali tiegħu għat-tul tal-issekondar tiegħu, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-pensjoni li tirriżulta minn din l-isħubija għal regola ta’ ammont massimu u għal regola ta’ livellament. Skont dawn ir-regoli, l-ammont tal-pensjoni li jirċievi l-uffiċjal taħt l-iskema ta’ pensjoni nazzjonali jista’ jintegra l-pensjoni miksuba taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni biss fil-limitu tal-pensjoni nazzjonali li kieku kien jinkiseb fl-assenza tal-issekondar u l-pensjoni nazzjonali titnaqqas sal-pensjoni dovuta taħt l-iskema tal-Unjoni b’tali mod li l-ammont kumulattiv taż-żewġ pensjonijiet ma jaqbiżx il-limitu massimu hekk iffissat.

30

Dawn ir-regoli ta’ limitu massimu u ta’ livellament għandhom bħala effett li uffiċjal issekondat fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni li jibqa’ msieħeb, matul il-perijodu ta’ ssekondar tiegħu, fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali, jitlef il-benefiċċji kollha jew parti minnhom li jikkorrispondu għas-sħubija tiegħu f’din l-iskema tal-aħħar jekk ikun għamel il-perijodu ta’ għaxar snin fis-servizz tal-Unjoni li jagħtih id-dritt għal pensjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-uffiċjal li jibqa’ msieħeb fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali jħallas kontribuzzjonijiet li ma jitħallsux lura. L-imsemmija regoli jistgħu għalhekk ixekklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, minn uffiċjal, tal-libertà tiegħu ggarantita mill-Artikolu 45 TFUE.

31

Sakemm il-gvern Franċiż jargumenta li ż-żamma ta’ sħubija għall-iskema ta’ pensjoni nazzjonali tikkostitwixxi possibbiltà offerta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u mhux obbligu, għandu jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkustanza ma tneħħix minn din il-leġiżlazzjoni n-natura ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

32

Fil-fatt, in-natura fakultattiva taż-żamma ta’ sħubija għall-iskema ta’ pensjoni nazzjonali ma tbiddel xejn mill-fatt li r-regoli ta’ limitu massimu u ta’ livellament li japplikaw f’każ ta’ eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà għandhom bħala effett li l-uffiċjal juża l-imsemmija possibbiltà li jħallas kontribuzzjonijiet li ma jitħallsux lura jekk ikun għamel il-perijodu ta’ għaxar snin fis-servizz tal-Unjoni li jagħtih id-dritt għal pensjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni. Madankollu, meta skema ta’ pensjoni nazzjonali tippermetti lill-uffiċjali ssekondati li jibqgħu mseħbin, din il-possibbiltà għandha tiġi mfassla b’tali mod li ma jkollhiex dan l-effett, billi tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

33

In-natura ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mill-Gvern Franċiż skont liema din il-leġiżlazzjoni ma sfavorixxiex lill-uffiċjali ssekondati meta mqabbla ma’ dawk li jgħaddu l-karriera kollha tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini.

34

Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tisfavorixxi uffiċjal imsieħeb kemm fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni u kif ukoll fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali meta mqabbel ma’ uffiċjal li jibqa’ fl-Istat Membru ta’ oriġini li jkun imsieħeb biss f’din tal-aħħar skema peress li l-ewwel wieħed biss ikun suġġett, billi jkunu kkontribwixxa għaż-żewġ skemi, telf tal-benefiċċji kollha jew parti minnhom li jikkorrispondu għas-sħubija tiegħu fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali, jekk jikseb drittijiet għal pensjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

35

It-tielet nett u l-aħħar nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni eventwali, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma ssemmix raġuni possibbli biex tiġġustifika l-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li tikkostitwixxi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Bl-istess mod, fl-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Franċiż astjena li jinvoka ġustifikazzjoni għal din il-leġiżlazzjoni.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi ostakolu mhux ġustifikat għall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE.

37

Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala effett li uffiċjal nazzjonali ssekondat fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni li jagħżel li jibqa’ msieħeb fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali matul il-perijodu tal-issekondar tiegħu, jitlef il-benefiċċji kollha jew parti minnhom li jikkorrispondu għas-sħubija tiegħu f’din l-iskema tal-aħħar jekk ikun għamel perijodu ta’ għaxar snin fis-servizz tal-Unjoni li jagħtih id-dritt għal pensjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala effett li uffiċjal nazzjonali ssekondat fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea li jagħżel li jibqa’ msieħeb fl-iskema ta’ pensjoni nazzjonali matul il-perijodu tal-issekondar tiegħu jitlef il-benefiċċji kollha jew parti minnhom li jikkorrispondu għas-sħubija tiegħu f’din l-iskema tal-aħħar jekk ikun għamel perijodu ta’ għaxar snin fis-servizz tal-Unjoni li jagħtih id-dritt għal pensjoni taħt l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top