Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0464

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016.
Admiral Casinos & Entertainment AG vs Balmatic Handelsgesellschaft m.b.H et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Wiener Neustadt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Article 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, l-operazzjoni ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat (kleines Glücksspiel) fin-nuqqas ta’ permess maħruġ mill-awtorità kompetenti – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità abbażi kemm tal-għan tal-leġiżlazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħha kif ukoll tal-effetti tagħha waqt l-implementazzjoni tagħha – Effetti kkonstatati empirikament b’ċertezza.
Kawża C-464/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:500

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, l-operazzjoni ta’ magni tal-logħob b’rebħ limitat (kleines Glücksspiel) fin-nuqqas ta’ permess maħruġ mill-awtorità kompetenti — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità — Evalwazzjoni tal-proporzjonalità abbażi kemm tal-għan tal-leġiżlazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħha kif ukoll tal-effetti tagħha waqt l-implementazzjoni tagħha — Effetti kkonstatati empirikament b’ċertezza”

Fil-Kawża C‑464/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Wiener Neustadt (Qorti reġjonali ta’ Wiener Neustadt, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-26 ta’ Awwissu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura

Admiral Casinos & Entertainment AG

kontra

Balmatic Handelsgesellschaft mbH,

Robert Schnitzer,

Suayip Polat KG,

Ülkü Polat,

Attila Juhas,

Milazim Rexha,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Admiral Casinos & Entertainment AG, minn M. Aixberger, avukat,

għal Balmatic Handelsgesellschaft mbH u Suayip Polat KG, kif ukoll għal Schnitzer, Polat, Juhas u Rexha, minn P. Ruth, avukat,

għall-Gvern Awstrijaku, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn S. Rodrigues u I. Majumdar, avukati,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn E. Tsaousi u A. Dimitrakopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Portuġiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo, kif ukoll minn P. de Sousa Inês u A. Silva Coelho, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn Admiral Casinos & Entertainment AG (iktar ‘il quddiem “Admiral Casinos”) u Balmatic Handelsgesellschaft mbH u Suayip Polat KG kif ukoll Robert Schnitzer, Ülkü Polat, Attila Juhas u Milazim Rexha, dwar talba għal waqfien tal-operar illegali ta’ magni tal-logħob fl-Awstrija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Awstrijaku

Il-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard

3

Il-Glücksspielgesetz (Il-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard) tat-28 ta’ Novembru 1989 (BGB1 620/1989), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ‘il quddiem il-“GSpG”), fl-Artikolu 2 tagħha intitolat “Lotteriji” tipprevedi li:

“(1)   Il-lotteriji huma logħob tal-ażżard

1.

li huma installati, organizzati, offerti jew imqiegħda għad-dispożizzjoni minn operatur

2.

li permezz tagħhom ġugaturi jew persuni oħra jħallsu l-flus (ġugata) fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fil-logħba u

3.

li għalihom l-operatur, il-ġugaturi u persuni oħra jistennew ħlas fi flus (rebħ).

[...]

(3)   Teżisti lotterija bil-magni tal-logħob meta d-deċiżjoni dwar l-eżitu tal-logħba jittieħed mhux b’mod ċentrali, iżda b’apparat mekkaniku jew elettroniku li jinsab fil-kaxxa tal-logħob innifisha [...]

(4)   Il-lotteriji pprojbiti huma lotteriji li għalihom ma ngħatat ebda permess jew awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ din il-liġi federali u li ma humiex esklużi mill-monopolju tal-Istat Federali dwar il-logħob tal-ażżard previst fl-Artikolu 4.”

4

Skont l-Artikolu 3 tal-GSpG, intitolat, “Monopolju tal-logħob tal-ażżard”, id-dritt tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard huwa rriżervat għall-Istat Federali.

5

L-Artikoli 4 u 5 tal-GSpG jipprevedu, madankollu, eċċezzjonijiet għall-imsemmi monopolju għal-lotteriji magħmula permezz ta’ magni tal-logħob, li r-regoli tagħhom jibqgħu rriżervati għal-leġiżlatur tal-Istati Federati.

6

L-Artikolu 5 jipprevedi li kull wieħed mid-disa’ Länder jista’ jittrasferixxi, permezz ta’ liċenzja lil terzi, d-dritt li jiġu organizzati lotteriji bil-magni tal-logħob, fl-osservanza mill-intervenjenti tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-ordni pubbliku li huma stabbiliti hemm u fl-osservanza ta’ miżuri speċifiċi ta’ akkumpanjament fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi.

Il-Kodiċi Kriminali

7

Minbarra sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jingħataw abbażi tal-GSpG, l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard għall-profitt minn persuna li ma hijiex detentur ta’ liċenzja hija wkoll suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali. Huwa punibbli, skont l-Artikolu 168(1) tal-Strafgesetzbuch (Kodiċi Kriminali) “kull min jorganizza logħba formalment ipprojbita jew li r-rebħ jew it-telf tagħha jiddependu esklużivament jew prinċipalment mix-xorti, jew kull min jikkontribwixxi biex issir laqgħa bil-għan li jiġi organizzat tali logħob sabiex jibbenefika finanzjarjament minn din l-organizzazzjoni jew minn din il-laqgħa jew sabiex jikseb tali benefiċċju lil terzi”. Is-sanzjonijiet previsti huma piena ta’ priġunerija li tista’ titla’ sa 6 xhur jew multa kuljum sa massimu ta’ 360 jum. Skont l-Artikolu 168(2) ta’ dan il-kodiċi huwa suġġett għal dawn l-istess sanzjonijiet “kull min jipparteċipa f’dan il-logħob bħala operatur”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Admiral Casinos, kumpannija rregolata bid-dritt Awstrijak, hija proprjetarja, fil-Land ta’ Niederösterreich, ta’ awtorizzazzjoni għall-operar, permezz ta’ tal-logħob, ta’ logħob tal-ażżard fil-forma ta’ lotteriji.

9

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma kumpanniji u persuni fiżiċi li joperaw ħwienet tal-kafè u pompi tal-petrol li jinsabu fil-Land ta’ Niederösterreich u li fihom hemm installati dawn l-apparati.

10

L-operaturi tal-imsemmija apparati huma żewġ kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom, rispettivament, fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja, li fihom il-konvenuti fil-kawża prinċipali kkonċedew, bi ħlas, id-dritt ta’ installar tal-magni tal-logħob fl-istabbilimenti tagħhom. Dawn il-konvenuti ma għandhom ebda awtorizzazzjoni għall-operar fl-Awstrija, ta’ magni tal-logħob tal-ażżard fil-forma ta’ lotteriji.

11

Ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Landesgericht Wiener Neustadt (qorti reġjonali ta’ Wiener Neustadt, l-Awstrija), minn Admiral Casinos, huma intiżi sabiex jiġi ordnat lill-konvenuti fil-kawża prinċipali li jieqfu mill-operar jew milli jippermettu l-operar tal-magni tal-logħob, peress li ma għandhomx l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi meħtieġa għal dan il-għan.

12

L-imsemmija konvenuti jargumentaw, essenzjalment, li l-attività tagħhom hija legali, sa fejn il-GSpG u l-monopolju tal-Istat tal- logħob tal-ażżard imorru kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari kontra l-Artikolu 56 TFUE, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Landesgericht Wiener Neustadt (qorti reġjonali ta’ Wiener Neustadt) taqbel mal-ġurisprudenza ta’ tliet qrati supremi Awstrijaċi skont liema, inkunsiderazzjoni tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281), il-GSpG hija kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, peress li din il-liġi tindirizza preokkupazzjoni reali tal-leġiżlatur li jingħata appoġġ lil-logħob tal-ażżard u li tillimita l-kriminalità li huwa korollarju tiegħu.

14

Madankollu, din il-qorti ma tikkondividix l-interpretazzjoni magħmula mill-Oberster Gerichtshof (Qorti suprema, l-Awstrija) fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281), skont liema l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq l-evoluzzjoni osservata fil-qasam tal-logħob tal-ażżard mill-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, fatturi differenti li huma evalwati b’diffikultà jistgħu jinfluwenzaw l-effetti tal-imsemmija leġiżlazzjoni, sussegwentement għall-adozzjoni tagħha, bħalma huma iż-żieda demografika, il-qagħda ekonomika, l-immigrazzjoni, eċċ. Hija tqis li l-konformità mad-dritt tal-Unjoni kkonstatata fil-mument tal-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni mill-qrati supremi ma għandhiex tiġi kkontestata iktar ’il quddiem, permezz ta’ evalwazzjoni ex-post tal-evoluzzjonijiet li jseħħu wara din l-adozzjoni.

16

L-imsemmija qorti għandha b’mod partikolari dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha ssir tat-terminu Ġermaniż “tatsächlich” (“genuinely” fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża u “véritablement” fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża) li tidher fil-punt 56 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281), skont liema l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li din il-leġiżlazzjoni ma tindirizzax verament it-tħassib li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob jew li tiġġieled il-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku. Hija tistaqsi għalhekk, fuq il-punt ta’ jekk dan it-terminu għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkonferma l-interpretazzjoni li waslet għaliha l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema), skont liema huwa meħtieġ li jiġu evalwati mhux biss l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda wkoll l-effetti tagħha, li għandhom jiġu kkonstatati emperikament u b’ċertezza, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ex-post tal-proporzjonalità.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Landesgericht Wiener Neustadt (il-qorti reġjonali Wiener Neustadt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ regola nazzjonali li tipprevedi monopolju fis-suq tal-logħob tal-ażżard, wieħed għandu jibbaża ruħu, sabiex jevalwa l-legalità tal-imsemmija regola skont id-dritt tal-Unjoni, mhux biss fuq l-għan tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tagħha, li għandhom jiġi kkonstatati empirikament u b’ċertezza?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni

18

Il-Gvern Awstrijaku jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domanda magħmula, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kawżi prinċipali ma fihomx element transkonfinali.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi fil-kuntest tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija tixtieq tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar għandha tiddeċiedi wkoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adita mill-qorti nazzjonali bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess (ara, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010Volker und Markus Schecke u Eifert, C-92/09 u C-93/09, EU:C:2010:662, punt 39).

20

Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-problema sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja tkun ta’ natura purament ipotetika jew meta l‑interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma tkunx reali jew ma jkollha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-ġurisdizzjoni tagħha meta huwa evidenti li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi applikata (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C-567/07, EU:C:2009:593, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Issa, huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha huma limitati għal Stat Membru wieħed (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-389/05, EU:C:2008:411, punt 49).

22

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi Awstrijaċi u għal operaturi li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħra – bħala regola ġenerali, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE biss sa fejn hija tapplika għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma jistax jiġi eskluż bl-ebda mod li l-operaturi stabbiliti fl-Istati Membri li ma humiex ir-Repubblika tal-Awstrija kienu jew għadhom interessati li joperaw il-magni tal-logħob f’dan l-Istat Membru tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Sokoll-Seebacher, C-367/12, EU:C:2014:68, punt 10, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns, C-470/11, EU:C:2012:505, punt 21).

23

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 8 sa 10 ta’ din is-sentenza, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma, b’mod ċert, impriżi jew persuni li għandhom l-istabbiliment tagħhom jew id-domiċilju tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija, lanqas ma jirriżulta li, minkejja li ma jidhrux fost il-konvenuti fil-kawża prinċipali, l-operaturi tal-magni tal-logħob inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma żewġ kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja, li lilhom il-konvenuti kkonċedew id-dritt li jinstallaw, bi ħlas, il-magni tal-logħob fl-istabbilimenti tagħhom.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

Fuq il-mertu

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, jistax jiġi bbażat mhux biss fuq l-għan segwit minn din il-leġiżlazzjoni, kif ikun fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tal-imsemmija leġiżlazzjoni, evalwati sussegwentement għall-adozzjoni tagħha, li għandhom jiġu kkonstatati emperikament u b’ċertezza.

26

L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li t-termini “effetti (...) kkonstatati emperikament u b’ċertezza” li jidhru fit-test tad-domanda preliminari, huma bbażati, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fuq it-tifsira legali tat-terminu “tatsächlich”, użat fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-punt 56 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, (C-390/12, EU:C:2014:281).

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-verżjonijiet tal-imsemmi terminu jidhru fil-punt 56 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281), f’numru kbir ta’ lingwi pjuttost joqorbu lejn is-sens li jieħu dan it-terminu fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, it-terminu “véritablement” huwa l-ekwivalenti tat-terminu “wirklich” fil-lingwa Ġermaniża u mhux tat-terminu “tatsächlich”, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata, b’mod partikolari, mill-verżjonijiet tat-terminu kkonċernat li jidher fil-punt 56 fil-lingwi Spanjola (“verdaderamente”), Ingliża (“genuinely”), Litwana (“tikrai”), Pollakka (“rzeczywiście”), Portugiża (“verdadeiramente”), Rumena (“cu adevărat’) u Finlandiża (“todellisuudessa”).

28

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kuntest ġurisprudenzjali stabbilit li hu użat fil-kuntest tiegħu, it-terminu Ġermaniż “tatsächlich” għandu f’dan il-każ jinftiehem f’sens analoġiku għat-terminu “wirklich”, iż-żewġ termini jidhru fil-fatt li huma interkambjabbli. Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod ċert, irrikorriet għat-terminu “tatsächlich” fil-punt 98 tas-sentenza tagħha tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504), lanqas ma jirriżulta li l-imsemmi punt jagħmel riferiment għal ġurisprudenza li hija fl-istess ħin stabbilita u iktar antika, li tirriżulta, rispettivament, mill-punt 37 tas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C‑67/98, EU:C:1999:514) u fil-punt 53 tas-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, EU:C:2007:133) li, fil-verżjoni tagħhom bil-lingwa Ġermaniża, min-naħa tagħhom, jirreferu għat-terminu “wirklich”. Huwa għalhekk, ukoll, li b’mod partikolari, fil-verżjonijiet ta’ lingwa Franċiża u ta’ lingwa Ġermaniża tal-punt 36 tas-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Stanleybet et (C-186/11 u C-209/11, EU:C:2013:33) jużaw, fl-istess kuntest, rispettivament it-termini “wirklich” u “véritablement”.

29

Minn dan isegwi li s-sempliċi użu tat-terminu “véritablement” fil-punt 56 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), ma jistax jiġi interpretat fis-sens li juri indikazzjoni mogħtija lill-qrati nazzjonali biex tiġi kkonstatata “emperikamnt u b’ċertezza” l-eżistenza ta’ ċerti effetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali wara l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar.

30

It-tieni nett, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk, matul l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, kif jidher fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll tal-effetti tal-imsemmija leġiżlazzjoni, evalwati sussegwentement għall-adozzjoni tagħha.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 52 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281) mogħtija fir-rigward tal-istess leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni restrittiva.

32

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ma tistax tillimita ruħha għall-analiżi tas-sitwazzjoni kif kienet tidher fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kkonċernata, iżda li din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-istadju, neċessarjament sussegwenti, li jikkostitwixxi l-implementazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.

33

Fil-punt 56 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C-390/12, EU:C:2014:281), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet barra minn hekk, li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li din il-leġiżlazzjoni ma tindirizzax realment it-tħassib li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku.

34

Madankollu, jirriżulta mill-użu stess tat-termini “b’mod koerenti u sistematiku” li l-leġiżlazzjoni kkonċernata, għandha tindirizza t-tħassib li jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob mhux biss fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll sussegwentement għaliha.

35

Barra minn hekk, fil-punti 65 u 66 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer (C-347/09, EU:C:2011:582), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li, fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq verifiki, fir-rigward, b’mod partikolari, l-evoluzzjoni tal-politika kummerċjali tal-operaturi awtorizzati u fuq l-istat, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, tal-attivitajiet kriminali u frawdulenti marbuta mal-logħob.

36

Minn dan isegwi li għandu jiġi kkunsidrat li, matul l-istħarriġ tal-proporzjonalità, l-approċċ segwit mill-qorti tar-rinviju ma għandux ikun statiku, iżda dinamiku, fis-sens li għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, matul l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-qorti ma għandhiex tibbaża ruħha biss fuq l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, kif jidher fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tal-imsemmija leġiżlazzjoni, evalwati sussegwentement għall-adozzjoni tagħha.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, matul l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, il-qorti ma għandhiex tibbaża ruħha biss fuq l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, kif jidher fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tal-imsemmija leġiżlazzjoni, evalwati sussegwentement għall-adozzjoni tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top