EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0461

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Settembru 2016.
E.ON Kraftwerke GmbH vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti mingħajr ħlas – Deċiżjoni 2011/278/UE – Modifika tal-allokazzjoni – Artikolu 24(1) – Obbligu ta’ informazzjoni mill-operatur tal-installazzjoni – Portata.
Kawża C-461/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:648

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

8 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Skema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/87/KE — Allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas — Deċiżjoni 2011/278/UE — Modifika tal-allokazzjoni — Article 24(1) — Obbligu ta’ informazzjoni mill-operatur tal-installazzjoni — Portata”

Fil-Kawża C‑461/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

E.ON Kraftwerke GmbH

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub, wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E.ON Kraftwerke GmbH, minn S. Altenschmidt u A. Sitzer, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E.ON Kraftwerke GmbH u l-Bundesrepublik Deutschland (Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar l-estensjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni ta’ E.ON Kraftwerke għall-allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas, fid-dawl tal-modifiki miġjubin għall-operat ta’ wieħed mill-impjanti elettriċi tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/87

3

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 63), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), tistabbilixxi, fl-Artikolu 7 tagħha, intitolat “Bidliet marbuta mal-istallazzjonijiet”:

“L-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidliet ippjanti fin-natura jew fl-operazzjoni, jew dwar estensjoni, jew tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità, tal-istallazzjoni li tista’ tkun teħtieġ aġġornament tal-permess tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess. [...]”

4

Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva Nru 2003/87:

“Mill-2013 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas taħt l-Artikolu 10a u 10c [...]”

5

L-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sal-31 ta’ [Diċembru] 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti [...]”

Id-Deċiżjoni 2011/278

6

Skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Il-ġbir tad-dejta bażi ta’ referenza”:

“1.   Għal kull installazzjoni eżistenti eliġibbli għal allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emisjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE, inklużi installazzjonijiet li jitħaddmu biss perjodikament, b’mod partikolari, l-installazzjonijiet li jinżammu f’riserva jew għal xi emerġenza u l-installazzjonijiet li jitħaddmu fuq skeda staġjonali, l-Istati Membri għandhom, għas-snin kollha tal-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2008, jew l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2010 fejn ikun meħtieġ, li matulhom l-installazzjoni kienet qiegħda titħaddem, jiġbru mingħand l-operatur l-informazzjoni u d-dejta kollha rilevanti rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV.

2.   L-Istati Membri għandhom jiġbru b’mod separat id-dejta għal kull subinstallazzjoni. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-operatur jissottometti aktar dejta.

[...]”

7

L-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa abbozzat f’dawn il-kliem:

“Fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 8.”

8

L-Artikoli 19 sa 21 tad-Deċiżjoni 2011/278 jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jallokaw il-kwoti tal-emissjonijiet li joħorġu wara estensjoni sinjifikattiva jew tnaqqis sinjifikattiv tal-kapaċità tal-installazzjoni kkonċernata.

9

L-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Tibdil fl-operat ta’ installazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha rigward kwalunkwe tibdil ippjanat jew effettiv fil-kapaċità, il-livell ta’ attività u l-operat ta’ installazzjoni tkun sottomessa mill-operatur sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

2.   Meta jkun hemm tibdil fil-kapaċità, il-livell ta’ attività jew l-operat ta’ installazzjoni li għandu impatt fuq l-allokazzjoni tal-installazzjoni, l-Istati Membri għandhom jissottomettu, permezz ta’ mudell elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni, l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż l-ammont annwali totali preliminari rrivedut ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lill-installazzjoni kkonċernata stabbilit skont din id-Deċiżjoni, lill-Kummissjoni qabel id-determinazzjoni tal-ammont annwali totali finali ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas. Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-ammont preliminari totali annwali rivedut tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għall-installazzjoni kkonċernata.”

Ir-Regolament (UE) Nru 601/2012

10

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 181, p.30), jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-attivitajiet skont id-Direttiva 2003/87/KE fil-perjodu ta’ negozjar tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet li jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 u perjodi sussegwenti ta’ negozjar.

11

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 601/2012, intitolat “Il-kontenut u s-sottomissjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ”, jistabbilixxi:

“1.   Operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jissottometti pjan ta’ monitoraġġ lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

Il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jikkonsisti minn dokumentazzjoni dettaljata, kompluta u trasparenti tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ ta’ installazzjoni speċifika jew ta’ operatur ta’ inġenji tal-ajru speċifiku u għandu jinkludi tal-anqas l-elementi stabbiliti fl-Anness I.

[...]

2.   Fejn l-Anness I jirreferi għal proċedura, operatur jew operatur ta’ inġenji tal-ajru għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura bħal din b’mod separat mill-pjan ta’ moniotraġġ.

[...]

3.   Minbarra l-elementi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li jiġu inklużi iżjed elementi fil-pjan ta’ monitoraġġ ta’ installazzjonijiet għall-ilħiq tar-rekwiżiti tal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278 [...] inkluż sommarju ta’ proċedura li tiżgura dan li ġej:

(a)

l-operatur jivverifika regolarment jekk l-informazzjoni dwar kwalunkwe tibdil ippjanat jew effettiv fil-kapaċità, il-livell tal-attività u l-operat ta’ installzzjoni hijiex rilevanti skont dik id-Deċiżjoni,

(b)

l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tiġi sottomessa mill-operatur lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.”

Id-dritt Ġermaniż

12

Fis-26 ta’ Settembru 2011, il-Gvern Federali adotta l-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas-Emissionsberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (Regolament għall-allokazzjoni ta’ kwoti tal- emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-perijodu ta’ skambju mill-2013 sal-2020) (BGBl. I S. 1921, iktar ’il quddiem iz-“ZuV 2020”).

13

L-Artikolu 22 taz-ZuV 2020, intitolat “Tibdil fl-operat ta’ installazzjoni”, jipprovdi:

“1)   L-operatur huwa obbligat li jissottometti lill-awtorità kompetenti kull informazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-modifiki ppjanati jew effettivi fil-kapaċità, il-livell ta’ attività u l-operat ta’ installazzjoni, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar tas-sena segwenti u għall-ewwel darba sal-31 ta’ Jannar 2013.

2)   F’każ ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-kapaċità skont l-Artikolu 19, l-operatur tal-installazzjoni huwa obbligat li jissottometti lill-awtorità kompetenti, mingħajr dewmien, il-kapaċità imnaqqsa u l-kapaċità installata tal-element ta’ allokazzjoni. F’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet ta’ installazzjoni, skont l-Artikolu 20(1), l-operatur tal-installazzjoni huwa obbligat li jissottometti lill-awtorità kompetenti, mingħajr dewmien, id-data tal-waqfien mill-attivitajiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

E.ON Kraftwerke hija impriża tas-settur tal-enerġija li topera fil-Ġermanja diversi impjanti tal-elettriku suġġetti għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għall-impjant tagħha ta’ Heyden (il-Ġermanja), hija talbet mingħand is-servizz ta’ bejgħ Ġermaniż, drittijiet ta’ emissjonijiet (“Deutsche Emissionshandelsstelle, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”) l-allokazzjoni mingħajr ħlas tad-drittijiet ta’ emissjonijiet għat-tielet perijodu ta’ skambju (2013 sa 2020), proporzjonalment għall-valur ta’ emissjonijiet tas-sħana.

15

E.ON Kraftwerke informat, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 2013, lid-DEHSt li, kuntrarjament għal dak li huwa jeħtieġ fuq il-bażi tal-Artikolu 22(1) taz-ZuV 2020, hija tissottometti lilu d-data dwar il-livelli ta’ attività ta’ kull element ta’ allokazzjoni biss jekk dawn setgħu jwasslu għall-adattazzjoni tad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni.

16

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Settembru 2013, id-DEHSt irrisponda għal din il-korrispondenza billi enfasizza li l-informazzjoni rilevanti li s-sottomissjoni tagħha hija meħtieġa abbażi tal-Artikolu 22(1) taz-ZuV 2020 ma kinitx limitata għal dik li għandha bħala effett li timmodifika l-allokazzjoni, iżda kienet tinkludi l-informazzjoni kollha li kienet marbuta mad-data li fuqha l-allokazzjoni hija bbażata.

17

Fil-formola ta’ dikjarazzjoni stabbilita minn E.ON Kraftwerke għas-sena 2013, iċ-ċifra “0” kienet tidher fit-taqsima ddedikata għal-livell ta’ attività.

18

Permezz ta’ rikors li tressaq quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin), fis-27 ta’ Novembru 2013, E.ON Kraftwerke talbet li jkun ikkonstatat, essenzjalment, li hija ma kinitx obbligata, abbażi tal-Artikolu 22(1) taz-ZuV 2020, li tipprovdi d-data kollha li hija marbuta mal-kapaċità, il-livell ta’ attività jew l-operat tal-installazzjoni, iżda li hija kellha tissottometti d-data biss li hija marbuta mat-tibdil li jista’ jinfluwenza l-allokazzjoni tal-kwoti. Dan huwa s-sens tal-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni 2011/278, kif ukoll tad-dokument ta’ gwida tiegħu Nru 7.

19

Peress li d-DEHSt għamel qari ieħor ta’ dawn l-atti tal-Kummissjoni, sostna li kien l-obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-informazzjoni rilevanti dwar l-allokazzjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Liema informazzjoni tagħmel parti mill-informazzjoni rilevanti fis-sens tal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE? Din ir-restrizzjoni għandha tinftiehem b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv; b’mod partikolari, hija inkluża wkoll informazzjoni dwar tibdil ippjanat jew effettiv fil-kapaċità, fil-livell ta’ attività u fl-operat ta’ installazzjoni li ma jirriżultax direttament fl-annullament jew fl-adattament tad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni skont l-Artikoli 19 sa 21 tad-Deċiżjoni 2011/278/UE u li ma jagħti lok għal ebda obbligu ta’ sottomissjoni ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 24(2) [ta’ din id-d]eċiżjoni?

2)

Jekk tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istat Membru milli jeżiġi li l-operatur jipprovdi informazzjoni dwar tibdil ippjanat jew effettiv fil-kapaċità, fil-livell ta’ attività u fl-operat ta’ installazzjoni li ma jirriżultax fl-annullament jew fl-adattament tad-deċiżjoni ta’ allokazzjoni skont l-Artikoli 19 sa 21 tad-Deċiżjoni 2011/278/UE?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrikjedi minn impriżi li, suġġetti għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, jibbenefikaw minn allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti mingħajr ħlas li jipprovdu informazzjoni dwar it-tibdil kollu ppjanat jew effettiv fil-kapaċità, fil-livell ta’ attività u fl-operat ta’ installazzjoni, mingħajr ma jillimita dan ir-rekwiżit għall-informazzjoni biss dwar it-tibdiliet li għandhom effett fuq din l-allokazzjoni.

22

Id-Deċiżjoni 2011/278 tirregola l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87.

23

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li d-Direttiva 2003/87 hija intiża li tnaqqas, minn hawn sas-sena 2020, l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni b’minn tal-inqas 20 % fil-konfront tal-livelli tagħhom fis-sena 1990, f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ mekkaniżmi. L-ewwel wieħed, stabbilit permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jikkonsisti fit-tnaqqis tal-kwantità tal-kwoti disponibbli b’mod lineari bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ 1.74 % fil-konfront tat-total annwali medju ta’ kwoti maħruġ mill-Istati Membri konformement mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-perijodu bejn is-sena 2008 u s-sena 2012. It-tieni mekkaniżmu huwa dak tal-bejgħ bl-irkant tal-kwoti li għandu wkoll jippermetti li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 81).

24

Fir-rigward tal-installazzjonijiet benefiċjarji, f’ċerti setturi ta’ attività, dwar kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas, konformement mal-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, il-kwantità allokata ta’ dawn il-kwoti titnaqqas gradwalment, b’effett mis-sena 2013, bil-għan li jintlaħaq l-abolizzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas matul is-sena 2027 (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 82).

25

F’dan il-kuntest, huwa previst, konformement mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278, li, għal kull installazzjoni eżistenti eliġibbli għal allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-Istati Membri għandhom, għas-snin kollha tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Diċembru 2008, jew l-1 ta’ Jannar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2010 fejn ikun meħtieġ, li matulhom l-installazzjoni kienet qiegħda titħaddem, jiġbru mingħand l-operatur l-informazzjoni u d-data kollha rilevanti rigward kull parametru elenkat fl-Anness IV ta’ din id-deċiżjoni, jippermettu li jiġi stabbilit l-ammont ta’ din l-allokazzjoni.

26

Skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278, fuq il-bażi tad-data miġbura skont dan l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom.

27

Kif tesponi l-premessa 15 tad-Deċiżjoni 2011/278, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miġbura mingħand l-operaturi u użata għall-fini tal-allokazzjoni tkun sħiħa, konsistenti u tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb.

28

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmulin mill-qorti tar-rinviju, li wieħed għandu jfittex liema hija l-“informazzjoni rilevanti” li l-Istati Membri għandhom id-dritt jeħtieġu, konformement mal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278, minn naħa tal-operaturi kkonċernati.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-Deċiżjoni 2011/278 ma teħtieġx direttament mill-operaturi l-obbligu ta’ informazzjoni, iżda tafda lill-Istati Membri l-kura li jistabbilixxu huma stess il-motivi li jiksbu mingħand l-operaturi tad-data suffiċjentement rilevanti għall-finijiet tal-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

30

Fir-rigward ta’ din id-data, huwa obbligu tal-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278, li għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha rigward kwalunkwe tibdil ippjanat jew effettiv fil-kapaċità, il-livell ta’ attività u l-operat ta’ installazzjoni tkun sottomessa mill-operatur sal-31 ta’ Diċembru l-iktar tard kull sena lill-awtorità kompetenti.

31

Għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li l-Artikolu 24(2) tad-Deċiżjoni 2011/278, li s-suġġett tiegħu huwa li jirregola l-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri li jissottomettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti għall-istabbiliment tal-kwantità annwali totali finali tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas, jillimita dan l-obbligu għall-uniċi każijiet li fihom dawn il-modifiki għandhom effett fuq l-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet lil installazzjoni.

32

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 li jagħmel riferiment għall-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna dawn il-modifiki, ma jillimitax ir-rekwiżit ta’ sottomissjoni ta’ informazzjoni li għalih huma obbligati l-operaturi għall-uniċi każijiet li fihom l-imsemmija modifiki għandhom effett fuq l-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas.

33

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 hija, fit-tielet lok, konformi mal-istruttura tad-Deċiżjoni 2011/278 u mal-għanijiet tagħha.

34

Fil-fatt, fl-iskema ta’ allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet, huwa l-obbligu tal‑Istati Membri, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li jikkalkolaw għal kull sena, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura konformement mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278, in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull waħda mill-installazzjonijiet eżistenti fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant huwa biss l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jevalwaw, mill-informazzjoni miġbura mingħand l-operaturi, jekk dawn huma ta’ natura li għandhom effett fuq l-istabbiliment tan-numru ta’ kwoti allokati.

35

Barra minn hekk, ma jirriżulta la mid-Direttiva 2003/87, b’mod partikolari mill-Artikolu 7 tagħha, u lanqas mid-Deċiżjoni 2011/278 li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jinstema’ jippermetti lill-operaturi li jagħżlu l-informazzjoni li għandhom jissottomettu, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, skont l-effett li huma suppost li għandhom fuq l-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet.

36

Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li dawn huma intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-modifiki tal-operat tal-installazzjonijiet sabiex, minn naħa, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu, l-ewwel, in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull waħda mill-installazzjonijiet eżistenti fit-territorju tagħhom u, min-naħa l-oħra, għall-Kummissjoni, it-tieni, li tistabbilixxi l-kwantità annwali totali finali tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas.

37

F’din il-perspettiva, u kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data miġbura mingħand l-operaturi u użata għall-fini tal-allokazzjoni tkun sħiħa, konsistenti u tippreżenta l-ogħla preċiżjoni li tista’ tinkiseb. Konsegwentement, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu huma stess liema data rilevanti għall-awtoritajiet kompetenti għandha tinġabar mingħand l-operaturi.

38

Billi jagħmel riferiment għan-natura rilevanti tal-informazzjoni b’hekk mitluba, l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 jawtorizza l-Istati Membri li jeħtieġu li tkun pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti dik, fost din l-informazzjoni, li tippermettilhom jevalwaw oġġettivament il-modifiki tal-installazzjoni inkwistjoni, u jipprekludu li jeħtieġu informazzjoni oħra mingħajr rabta ma’ din l-evalwazzjoni, dik li tikkonċerna b’mod partikolari l-kawżi fejn, b’mod ġenerali, in-neċessitajiet ekonomiċi jew kummerċjali ta’ dawn it-tibdiliet, li huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jivverifikaw. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-provvista ta’ informazzjoni tkun limitata għal dik li hija marbuta mat-tibdiliet li jidhru, lill-operaturi, li għandha effett fuq l-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas.

39

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’dokument intitolat “Guidance Document no 7 on the harmonized free allocation methodology for the EU-ETS post 2012 New Entrants and Closures” li l-Kummissjoni ppubblikat fuq is-sit internet tagħha. Fil-fatt, skont l-indikazzjoni espressa li tinsab f’dan id-dokument, din ma hijiex legalment vinkolanti u ma tirriflettix il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrikjedi minn impriżi li, suġġetti għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, jibbenefikaw minn allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti mingħajr ħlas, li jipprovdu informazzjoni dwar it-tibdiliet kollha ppjanati jew effettivi fil-kapaċità, fil-livell ta’ attività u fl-operat ta’ installazzjoni, mingħajr ma jillimitaw dan ir-rekwiżit biss għall-informazzjoni dwar it-tibdiliet li għandhom effett fuq din l-allokazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jirrikjedi minn impriżi li, suġġetti għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni, jibbenefikaw minn allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti mingħajr ħlas, li jipprovdu informazzjoni dwar it-tibdiliet kollha ppjanati jew effettivi fil-kapaċità, fil-livell ta’ attività u fl-operat ta’ installazzjoni, mingħajr ma jillimitaw dan ir-rekwiżit biss għall-informazzjoni dwar it-tibdiliet li għandhom effett fuq din l-allokazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top