Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0436

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2017.
    Lietuvos Respublikos aplinkos ministerijos Aplinkos projektų valdymo agentūra vs UAB „Alytaus regiono atliekų tvarkymo centras“ et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 3(1) – Finanzjament abbażi tal-Fond ta’ Koeżjoni – Proġett ta’ żvilupp ta’ sistema reġjonali ta’ ġestjoni tal-iskart – Irregolaritajiet – Kunċett ta’ “programmi pluriennali” – Għeluq definittiv tal-programmi pluriennali – Terminu ta’ preskrizzjoni.
    Kawża C-436/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:468

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    15 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikolu 3(1) — Finanzjament abbażi tal-Fond ta’ Koeżjoni — Proġett ta’ żvilupp ta’ sistema reġjonali ta’ immaniġġjar ta’ skart — Irregolaritajiet — Kunċett ta’ ‘programm multiannwali’ — Għeluq definittiv tal-programm multiannwali — Terminu ta’ preskrizzjoni”

    Fil-Kawża C-436/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

    Lietuvos Respublikos aplinkos ministerijos Aplinkos projektų valdymo agentūra

    vs

    “Alytaus regiono atliekų tvarkymo centras” UAB

    fil-preżenza ta’

    Lietuvos Respublikos finansų ministerija,

    “Skirnuva” UAB,

    “Parama” UAB,

    “Alkesta” UAB,

    “Dzūkijos statyba” UAB,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2016,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Litwan, minn D. Stepanienė u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn S. Papaioannou u S. Charitaki, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u D. Recchia kif ukoll minn J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Lietuvos Respublikos aplinkos ministerijos Aplinkos projektų valdymo agentūra (aġenzija għat-tmexxija ta’ proġetti ambjentali fi ħdan il-Ministeru tal-Ambjent Litwan) (iktar ’il quddiem l-“awtorità ta’ tmexxija”) u l-“Alytaus regiono atliekų tvarkymo centras” UAB (ċentru tal-immaniġġjar tal-iskart tar-reġjun ta’ Alytus, il-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“impriża benefiċjarja”) fir-rigward tal-ħlas lura minn din tal-aħħar ta’ parti mill-fondi li din ibbenefikat minnhom abbażi tal-Fond ta’ Koeżjoni.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Ir‑Regolament Nru 2988/95

    3

    Skont it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2988/95:

    “[…] atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha.”

    4

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

    “1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji [tal-Unjoni Ewropea], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi [tal-Unjoni].

    2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

    5

    L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi Regolament jistabbilixxi li ġej:

    “Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

    F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

    It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

    Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).”

    6

    L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jiddikjara:

    “Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

    permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

    […]”

    Il-leġiżlazzjoni dwar il-Fondi Strutturali

    Ir-Regolament Nru 1164/94

    7

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1264/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 73), u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1265/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 78), kif ukoll bl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1164/94”), joħloq Fond ta’ Koeżjoni, imsejjaħ fl-imsemmi Regolament bħala l-“Fond”.

    8

    L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1164/94 jipprevedi:

    “Il-Fond jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’:

    proġetti

    jew

    stadji ta’ proġett li huma teknikament u finanzjarjament indipendenti

    jew

    gruppi ta’ proġetti marbutin ma’ strateġija viżibbli li jiffurmaw ġabra waħda koerenti.”

    9

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1164/1994 jelenka l-“miżuri eliġibbli” fil-kuntest tal-Fond ta’ Koeżjoni b’dan il-mod:

    “Il-Fond jista’ jipprovdi assistenza għal li ġej:

    proġetti ambjentali li jikontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-miri ta’ Artikolu 130r tat-Trattat [191 TFUE] […]

    […]”

    10

    Skont l-Artikolu 4 tal-istess Regolament, ir-riżorsi disponibbli previsti għall-impenn tal-Litwanja, kellhom jiġu allokati għall-perijodu mill-2004 sal-2006.

    11

    L‑Artikolu 10 tar‑Regolament Nru 1164/94 jipprovdi għall-approvazzjoni tal-proġetti b’dan il-mod:

    “1.   Il-proġetti li għandhom jiġu finanzjati mill-Fond għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni bi ftehim ma’ l-Istat Membru benefiċjarju.

    […]

    3.   Applikazzjonijiet għal assistenza għal proġetti taħt Artikolu 3(1) għandhom jiġu sottomessi mill-Istat Membru benefiċjarju. Proġetti, inklużi gruppi ta’ proġetti relatati, għandhom ikunu ta’ skala suffiċjenti li jkollhom impatt sinifikanti fil-qasam ta’ protezzjoni ambjentali […]

    4.   L-applikazzjonijiet għandhom jikkontjenu l-informazzjoni li ġejja: il-korp responsabbli għall-implimentazzjoni […]

    […]

    6.   […] il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-għotja ta’ assistenza mill-Fond sakemm il-ħtiġiet ta’ dan Artikolu huma sodisfatti, bħala regola ġenerali fi żmien tlett xhur minn meta l-applikazzjoni tkun ġiet riċevuta. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-approvazzjoni ta’ proġetti, stadji ta’ proġetti jew gruppi ta’ proġetti relatati, għandhom jiddeterminaw l-ammont ta’ sostenn finanzjarju u jistabbilixxu pjan ta’ finanzjament flimkien mad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-proġetti.

    7.   Id-dettalji ewlenin tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

    12

    L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1164/94, intitolat “Kontrolli finanzjarji”, jipprovdi:

    “Mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ l-estimi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli l-ewwel nett għall-kontroll finanzjarju tal-proġetti. Għal dak il-għan, il-miżuri li għandhom jieħdu għandhom jinkludu:

    […]

    d)

    li jiċċertifikaw li d-dikjarazzjonijiet ippreżentati lill-Kummissjoni huma preċiżi u jiggarantixxu li jirriżultaw minn sistemi ta’ żamma ta’ kontijiet ibbażati fuq dokumenti ta’ appoġġ u li jistgħu jiġu vverifikati;

    e)

    li jimpedixxu u li jikxfu irregolaritajiet, li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, bi qbil mar-regoli, u li jżommu lill-Kummissjoni aġġornata fuq il-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni skambjata tibqa’ kunfidenzjali;

    f)

    li jippreżentaw lill-Kummissjoni, meta kull proġett, fażi ta’ proġett jew grupp ta’ proġetti jiġu mitmuma, dikjarazzjoni miktuba minn persuna jew dipartiment li għandu funzjoni indipendenti minn dik ta’ l-awtorità maħtura. Din id-dikjarazzjoni għandha tfisser fil-qosor il-konklużjonijiet tal-kontrolli mwettqa matul is-snin ta’ qabel u għandha teżamina l-validità ta’ l-applikazzjoni għall-ħlas tal-bilanċ finali u l-legalità u r-regolarità tan-nefqa koperta bl-aħħar ċertifikat. L-Istati Membri jistgħu jehmżu l-opinjoni tagħhom ma’ din id-dikjarazzjoni jekk jaħsbu li tkun meħtieġa;

    g)

    li jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-fondi tal-Komunità jkunu qegħdin jintużaw skond il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

    h)

    li jirkupraw kull ammont mitluf minħabba irregolarità mikxufa u, fejn xieraq, jieħdu l-interessi fuq ħlas tard.”

    13

    L-Artikolu 16a(1) tar-Regolament Nru 1164/1994, intitolat “Disposizzjonijiet speċifiċi wara l-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea ta’ Stat Membru ġdid li jkun ibbenefika mill-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni taħt l-Istrument għall-Politiki Strutturali għal qabel l-Adeżjoni (ISPA)”, jipprovdi:

    “Miżuri li, fid-data ta’ l-adeżjoni […] [tal-]Litwanja, […] kienu s-suġġett ta’ deċiżjonjiet tal-Kummissjoni dwar assistenza taħt ir-Regolament (KE) Nru 1267/99 […] u li l-implimentazzjoni tagħhom ma tkunx għadha twettqet sa dik id-data għandhom ikunu kkunsidrati li huma approvati mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament. Sakemm il-paragrafi (2) u (5) ma jistipulawx mod ieħor, id-disposizzjonijiet l jirregolaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri approvati skond dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal dawn il-miżuri.”

    14

    Id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 1164/94 jinsabu fl-Anness II tiegħu li jirreferi għalih l-Artikolu 15 tal-istess Regolament (iktar ’il quddiem l-“l-Anness II”).

    15

    L-Artikolu C tal-Anness II, li jikkonċerna l-impenji tal-baġit, jipprovdi:

    “1.

    L-Impenji tal-budget għandhom isiru abbażi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw il-miżuri kkonċernati (il-proġett, l-istadju tal-proġett, il-grupp ta’ proġetti, l-istudju jew il-miżura teknika ta’ sostenn). L-Impenji għandhom ikunu validi għal perjodu determinat bin-natura tal-miżura u l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tagħha.

    […]

    4.

    L-arranġamenti għal impenji għandhom jiġu speċifikati fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw il-miżuri kkonċernati.

    […]”

    16

    L-Artikolu D tal-Anness II, jirrigwarda l-metodi ta’ pagament ta’ assistenza finanzjarja f’dawn it-termini:

    “1.

    Il-pagamenti ta’ assistenza finanzjarja għandhom isiru, skond l-impenji korrispondenti tal-budget, lill-awtorità jew lill-korp maħtur għall-iskop fl-applikazzjoni sottomessa mill-Istat Membru benefiċjarju kkonċernat. Il-pagamenti jistgħu jieħdu l-forma ta’ pagamenti fuq il-kont, pagamenti interim jew pagamenti fuq il-bilanċ finali. Pagamenti interim u pagamenti fuq il-bilanċ għandhom ikollhom x’jaqsmu ma’ l-infiq fil-fatt imħallas, li għandu jiġi appoġġjat b’fatturi reġistrati jew dokumenti ta’ żamma tal-kontijiet li għandhom l-istess valur probattiv.

    2.

    Il-pagamenti għandhom isiru kif ġej:

    […]

    d)

    il-bilanċ finali tal-għajnuna tal-Komunità maħdum fuq il-bażi ta’ l-infiq attestat u fil-fatt imħallas għandu jitħallas sakemm:

    il-proġett, fażi ta’ proġett, jew grupp ta’ proġetti jkunu twettqu skond l-għanijiet tagħhom,

    l-awtorità jew korp maħtur li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 jkunu preżentaw applikazzjoni għall-ħlas lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ għeluq għat-tlestija tax-xogħol u għall-infiq stabbilit fid-deċiżjoni li tagħti l-għajnuna lill-proġett, fażi tal-proġett jew grupp ta’ proġetti,

    ir-rapport finali imsemmi f’Artikolu F(4) jiġi preżentat lill-Kummissjoni,

    l-Istat Membru jkun iċċertifika lill-Kummissjoni li l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni għall-ħlas u fir-rapport hija korretta,

    l-Istat Membru jkun bagħat id-dikjarazzjoni msemmija f’Artikolu 12(1) lill-Kummissjoni,

    l-informazzjoni kollha u l-miżuri ta’ pubbliċità mfasslin mill-Kummissjoni taħt Artikolu 14(3) jkunu ġew implementati.

    3.

    Jekk ir-rapport finali msemmi fil-paragrafu 2 ma jintbagħatx lill-Kummissjoni fi żmien 18-il xahar mid-data finali għat-tmiem tax-xogħlijiet u tal-pagamenti kif mogħti fid-deċiżjoni li tagħti l-għajnuna, dik il-parti ta’ l-għajnuna li tirrappreżenta l-bilanċ li jibqa’ għall-proġett għandha tiġi kanċellata.

    […]

    5.

    Il-Pagament għandu jsir lill-awtorità jew lill-korp maħtura mill-Istat Membru, bħala regola ġenerali sa mhux aktar tard minn xagħrejn mill-irċevuta ta’ applikazzjoni ammessibbli għal pagament sakemm il-fondi ta’ l-estimi jkunu disponibbli.

    […]

    7.

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli komuni dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq.”

    17

    L-Artikolu F(4) tal-Anness II jipprovdi:

    “Għall kull proġett, l-awtorità jew il-korp maħtura għall-iskop mill-Istat Membru għandhom jissottomettu rapporti ta’ progress lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-aħar ta’ kull sena kompleta ta’ implimentazzjoni. Għandu jiġi sottomess rapport finali lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-kompletazzjoni tal-proġett jew tal-istadju tal-proġett.

    […]”

    Ir-Regolament Nru 1267/1999

    18

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi kull Strument għal Politika Strutturali għal Qabel l-adeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 31, p. 254), jipprovdi:

    “L-Istrument għall-Politika Strutturali ta’ Qabel l-Adeżjoni, minn hawn ’il quddiem ‘ISPA’ huwa hawnhekk stabbilit.

    ISPA għandha tipprovdi assistenza biex tikkontribwixxi għat-tħejjija għall-adeżjoni tal-[Litwanja] ma’ l-Unjoni Ewropea, minn hawn il-quddiem ‘il-pajjiżi benefiċjarji’, fill-qasam […] ta’ l-ambjent […] bi qbil mad-disposizzjonijiet tar-Regolament.”

    19

    Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1267/1999, il-miżuri eliġibbli fil-kuntest tal-ISPA huma ddefiniti b’dan il-mod:

    “1.   L-għajnuna tal-Komunità iffinanzjata taħt l-ISPA tinkludi proġetti, stadji ta’ kull proġett li huma teknikament u finanzjarjament indipendenti, gruppi ta’ proġetti jew skemi ta’ proġetti fil-qasam ta’ l-ambjent […], minn issa ’l quddiem ilkoll referuti bħala ‘miżuri’. […]

    2.   Il-Komunità tipprovdi għajnuna taħt l-ISPA fid-dawl ta’ l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għal dawn li ġejjin:

    a)

    miżuri ambjentali li jippermettu l-pajjiżi benefiċjarji jikkonformaw mal-ħtiġiet tal-liġi ambjentali tal-Komunità u ma’ l-għanijet tal-Partnerships għall-Adeżjoni;

    […]”

    20

    L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “L-għajnuna Komunitarja taħt l-ISPA tingħata matul il-perjodu mill-2000 sa 2006.

    […]”

    21

    Skont l-Artikolu 7(1), tar-Regolament Nru 1267/1999, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet dwar il-miżuri li jkunu ffinanzjati taħt l-ISPA.

    22

    Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1267/1999 intitolat “Impenji u ħlasijiet”:

    “Il-Kummissjoni għandha timplimenta infiq taħt l-ISPA b’mod konformi mar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-buġet ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej fuq il-bażi tal-memorandum ta’ finanzjament li jrid jiġi mfassal bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż benefiċjarju.

    […]”

    Ir-Regolament Nru 1386/2002

    23

    Konformement mal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1386/2002, tad-29 ta’ Lulju 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fondi ta’ Koeżjoni u l-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 162), il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1386/2002 jkopri l-miżuri eliġibbli li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1164/94 li ġew approvati għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Jannar 2000.

    24

    L-Artikolu 8(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1386/2002 jipprovdi:

    “2. Qabel ma tiċċertifika kwalunkwe dikjarazzjoni, l-awtorità ta’ ħlas għandha tissodisfa lilha nnifisha li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    b)

    id-dikjarazzjoni ta’ nfiq tinkludi l-infiq biss:

    i)

    li fil-fatt ġie magħmul fiż-żmien il-perjodu ta’ eliġibbilità stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ għoti u jista’ jiġi appoġġjat b’fatturi jew dokumenti tal-kontabilità ta’ valur probattiv ekwivalenti;

    […]”

    Ir-Regolament Nru 16/2003

    25

    Konformement mal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 16/2003, tas-6 ta’ Jannar 2003, li jippreskrivi regoli speċjali dettaljati għall-implimentazzjoi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tal-eliġibilità tal-ispiża fil-kuntest tal-miżuri parzjalment iffinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 189), ir-Regolament Nru 16/2003 jippreskrivi regoli komuni biex tkun iddeterminata l-eliġibilità ta’ spiża taħt il-miżuri pprovduti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 li tista’ tkun parzjalment iffinanzjata mill-Fond ta’ Koeżjoni.

    26

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 16/2003 jipprevedi:

    “L-ispiża li għandha titqies għall-ħlas ta’ għajnuna mill-Komunità għandha tkun attwalment intefqet matul il-perjodu ta’ eliġibilità kif iddefinit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, skond l-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1386/2002, u għandha tkun direttament konnessa mal-proġett. L-ispiża għandha tkun konnessa ma’ ħlasijiet iċċertifikati mill-Istat Membru u attwalment tħallsu minnu jew f’ismu jew, fil-każ ta’ konċessjonijiet, mid-detentur tal-konċessjoni li lilu l-korp responsabbli għall-implimentazzjoni jkun iddelega l-implimentazzjoni tal-proġett, u sostnuti b’fatturi mmarkati bħala rċevuti jew dokumenti ta’ kontijiet ta’ valur probatorju ekwivalenti.

    […]”

    27

    L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 16/2003 intitolat “Tmien tal-perjodu ta’ eliġibilità” jipprovdi kif ġej:

    “Id-data finali għal eliġibilità għandha tkun konnessa mal-ħlasijiet li saru mill-korp responsabbli għal implimentazzjoni.

    Id-data finali ta’ eliġibilità għandha tkun iffissata (determinata) mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    28

    L-awtorità ta’ tmexxija hija l-korp pubbliku Litwan responsabbli, bħala korp għall-implementazzjoni tal-proġetti, stabbilit mill-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 1164/94 biex jikkonstata u jneħħi l-irregolaritajiet marbuta mal-użu tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea.

    29

    Fit-13 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni Ewropea adottat deċiżjoni, li tapprova l-proġett “Ħolqien ta’ sistema ta’ immaniġġar ta’ skart għar-Reġjun ta’ Alytus” fil-Litwanja (iktar ’il quddiem il-“proġett fil-kawża prinċipali”), abbażi tal-ISPA, kif stabbilit mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1267/1999, kif emendat bid-deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni relattiva għall-għoti tal-kuntratt”). Fl-istess jum, il-Kummissjoni ffirmat protokoll finanzjarju tal-proġett imsemmi, stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-istess Regolament (iktar ’il quddiem il-“protokoll finanzjarju”). Ir-Repubblika tal-Litwanja ffirmat dan id-dokument fl-14 ta’ Marzu 2002. Abbażi tal-Artikolu 2 tal-protokoll finanzjarju, l-iskadenza tal-proġett fil-kawża prinċipali kienet stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2004, filwaqt li l-Artikolu 4(3) ta’ dan il-protokoll kienet tiffissa l-31 ta’ Diċembru 2006 bħala d-data limitu għall-ħlasijiet li għandhom isiru mill-korp responsabbli mill-implementazzjoni tal-proġett. F’terminu ta’ sitt xhur wara din l-aħħar data, l-awtoritajiet Litwani kellhom jippreżentaw lill-Kummissjoni r-rapport ta’ verifika finali għall-finijiet tal-ħlas tal-bqija tal-finanzjament tal-proġett fil-kawża prinċipali.

    30

    L-awtorità ta’ tmexxija kienet inkarigata bl-iżvilupp tal-proġett fil-kawża prinċipali u kienet taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità kontraenti fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi relattivi għal dan il-proġett. Fl-10 ta’ Novembru 2004, l-awtorità ta’ tmexxija ffirmat mal-impriża benefiċjarja ftehim ta’ implementazzjoni tal-programm ta’ koeżjoni tal-ISPA, fir-rigward tat-tqassim tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-proġett fil-kawża prinċipali. Bejn it-22 ta’ April 2004 u s-6 ta’ Diċembru 2006, l-awtorità ta’ tmexxija, fil-kwalità tagħha bħala awtorità kontraenti, il-kumpannija benefiċjarja u ċerti kuntratturi privati oħra ffirmaw kuntratti pubbliċi.

    31

    Fis-27 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li temenda b’mod partikolari d-deċiżjoni inizjali, b’dan il-mod: “L-Artikolu 2 [tad-deċiżjoni inizjali] huwa kkompletat bil-paragrafu segwenti: ‘5. L-infiq relatat mal-proġett [inkwistjoni fil-kawża prinċipali] huwa eliġibbli sal-31 ta’ Diċembru 2008”. L-Artikolu 2 tal-[protokoll finanzjarju] huwa emendat kif ġej: “Data tat-tmiem: il-31 ta’ Diċembru 2008’”.

    32

    Fis-17 ta’ Diċembru 2009, l-awtorità tal-verifika nazzjonali Litwana fasslet ir-rapport tal-verifika pubblika tal-proġett fil-kawża prinċipali.

    33

    Fit-28 ta’ Marzu 2013, l-awtorità ta’ tmexxija ppubblikat erba’ “konklużjonijiet” li jiddikjaraw bħala mhux eliġibbli għall-finanzjament ċerti spejjeż tal-proġett fil-kawża prinċipali minħabba diversi irregolaritajiet. B’mod partikolari, din ikkonstatat li l-impriża benefiċjarja ma kinitx iġġustifikat ix-xiri ta’ assi fuq żmien twil u fuq żmien qasir. Fid-29 ta’ Marzu 2013, l-awtorità msemmija adottat erba’ deċiżjonijiet li jimponu r-rimbors tal-fondi rrikonoxxuti bħala mhux eliġibbli.

    34

    L-impriża benefiċjarja ppreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjonijiet imsemmija quddiem il-qorti tal-ewwel istanza. Dak ir-rikors intlaqgħa b’sentenza tal-14 ta’ Mejju 2014, minħabba li kien japplika t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. B’mod partikolari, is-sentenza msemmija qieset li l-preskrizzjoni bdiet tiddekorri mill-31 ta’ Diċembru 2008, id-data ta’ skadenza tal-proġett fil-kawża prinċipali u l-aħħar jum ta’ eliġibbiltà għall-ispejjeż, konformement mal-protokoll finanzjarju, u li dan kien iddekorra fil-31 ta’ Diċembru 2012.

    35

    Fit-28 ta’ Mejju 2014, l-awtorità ta’ tmexxija ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn ikkontestat id-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-proċeduri.

    36

    Il-qorti tar-rinviju tat digriet li bih stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali sabiex jipprovdu informazzjoni u data b’rabta mat-tlestija tal-proġett fil-kawża prinċipali, kif ukoll l-argumenti tagħhom relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95. B’mod partikolari, din il-qorti osservat li kellhom jiġu ċċarati xi elementi, b’mod partikolari l-fatt ġeneratur li miegħu l-awtorità ta’ tmexxija kienet torbot it-tlestija tal-proġett fil-kawża prinċipali, l-ammont tal-bqija li kien għadu mhux imħallas fil-kuntest ta’ dan il-proġett u d-data li fiha kien previst il-ħlas ta’ dan l-ammont, kif ukoll it-tifsira tat-termini “programm”, “miżura” u “proġett” li kienu intużaw b’mod interkambjabbli fid-dokumenti fil-proċedura.

    37

    B’risposta għal dan id-digriet, l-awtorità ta’ tmexxija ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju ittra tal-Ministeru tal-Finanzi tat-30 ta’ April 2015, li kienet tindika li fil-31 ta’ Mejju 2013, dan kien ippreżenta lill-Kummissjoni talba għall-ħlas finali mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-bqija għall-proġett fil-kawża prinċipali f’ammont ta’ EUR 826069.28. F’din it-talba, il-Kummissjoni kienet informata li, minħabba l-proċeduri ġudizzjarji pendenti fi-kuntest ta’ dan il-proġett, nefqa ta’ EUR 40276.31 eventwalment ineliġibbli ma kinitx tnaqqset mit-talba msemmija. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2014, il-Ministeru tal-Finanzi ppreżenta lill-Kummissjoni r-rapport ta’ verifika aġġornat dwar il-proġett fil-kawża prinċipali tas-17 ta’ Diċembru 2009, flimkien mad-dikjarazzjoni ta’ għeluq tal-imsemmi proġett, fejn iż-żewġ dokumenti kienu bid-data tal-25 ta’ Ġunju 2014. Wara l-preżentata lill-Kummissjoni tat-talba għal ħlas finali tal-bqija għall-proġett fil-kawża prinċipali, l-awtorità ta’ tmexxija kienet wettqet investigazzjonijiet ġodda dwar l-irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest ta’ dan il-proġett u żewġ proċeduri ġudizzjarji dwar dan il-proġett kienu għadhom pendenti fit-30 ta’ April 2015. Fl-ittra, il-Ministeru tal-Finanzi kien ikkonkluda li ma kienx f’pożizzjoni li jkun jaf f’liema data l-Kummissjoni kienet ser tittrasferixxi l-fondi mitluba li kienu għadhom dovuti u lanqas f’liema data kienet ser tirrikonoxxi t-tlestija tal-proġett fil-kawża prinċipali.

    38

    Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni għalqet il-proġett fil-kawża prinċipali. Din ikkwantifikat l-ammont tal-ispejjeż mhux eliġibbli għal EUR 106225.67, iżda qieset li, minħabba l-eżistenza tal-ispejjeż eċċessivi suffiċjenti, dawn l-irregolaritajiet ma kellhomx impatt fuq il-ħlas tal-bqija dovuta finali. Din ikkonkludiet li, f’dak li jikkonċerna l-baġit tal-Unjoni Ewropea, setgħet tintemm l-evalwazzjoni tal-każijiet ta’ irregolaritajiet u li l-bqija dovuta tal-impenji tal-Fond ta’ Koeżjoni kienet ser titħallas fit-totalità tagħha.

    39

    Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi fuq il-kjarifika tal-kunċett ta’ “programm multiannwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fid-dawl tad-diversità tat-termini użati fl-istrumenti legali tal-Unjoni applikabbli fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq ir-risposta għall-kwistjoni jekk l-elementi li jikkostitwixxu dan il-kunċett humiex sodisfatti f’din il-kawża, kif ukoll fuq il-metodu ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża msemmija.

    40

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    X’jikkostitwixxi ‘programm multiannwali’ fis-sens tal-Artikolu 3(1) [tar-Regolament Nru 2988/95]?

    2)

    Proġetti bħal […] ‘Stabbiliment ta’ sistema ta’ immaniġġar tal-iskart għar-reġjun ta’ Alytus Region’, li ingħata mid-[deċiżjoni inizjali] kif emendata […], jikkorrispondu mal-kunċett ta’ ‘programm [multiannwali]’ kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Nru 2988/95]?

    3)

    F’każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, liema mument għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi l-bidu tat-terminu [ta’ preskrizzjoni] għall-proċeduri skont l-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Nru 2988/95]?”

    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    41

    Bl-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk proġett, bħall-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-iskart f’reġjun determinat u li l-implementazzjoni tiegħu kienet ippjanata fuq diversi snin u ffinanzjata minn riżorsi tal-Unjoni, jaqax taħt il-kunċett ta’ “programm multiannwali”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    42

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li r‑Regolament Nru 2988/95 jintroduċi, konformement mal‑Artikolu 1(1) tiegħu, regoli ġenerali fir‑rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri u sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ irregolaritajiet fir‑rigward tal‑liġi tal‑Unjoni, u dan sabiex, kif jirriżulta mit‑tielet premessa tar‑regolament imsemmi, atti li huma ta’ ħsara għall‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni jiġu rribattuti fl‑oqsma kollha (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan il-kuntest, l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, mingħajr preġudizzju għal terminu ta’ preskrizzjoni iqsar, li jista’ jiġi stabbilit permezz ta’ leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni jew leġiżlazzjoni nazzjonali, terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet ta’ erba’ snin mit-twettiq tal-irregolarità jew, fil-każ ta’ irregolarità kontinwa jew ripetuta, mill-ġurnata li fiha ntemmet l-irregolarità (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 21).

    44

    Fir-rigward tal-programmi multiannwali, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 tippreċiża li “it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament”.

    45

    Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “programm multiannwali” fir-Regolament Nru 2988/95, għandha tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan il-kunċett filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni t-tifsira ta’ kull wieħed mit-termini li jifformawh, il-kuntest li jintuża fih, kif ukoll tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tirreferi għalih (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C-59/14, EU:C:2015:660, punt 22 kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Interservice, C-547/15, EU:C:2016:983, punt 20).

    46

    F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabel kollox, tat-termini użati, għandu jiġi rrilevat li t-terminu “programm” għandu portata wiesgħa u li t-termini “programm” u “proġett” jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament.

    47

    B’hekk, il-kunċett ta’ “programm multiannwali”, fis-sens t-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jikkostitwixxi kunċett trażversali, li jista’ jinstab fl-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Unjoni, sa fejn jintuża l-baġit tal-Unjoni.

    48

    Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi stabbilita rabta terminoloġika stretta bejn dan il-kunċett u l-kunċetti ta’ li jintużaw fid-diversi strumenti li jistabbilixxu l-fondi differenti li jagħtu għajnuna finanzjarja.

    49

    Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-kuntest li jidħol fih il-kunċett imsemmi kif ukoll l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, minn naħa, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 2988/95 huwa intiż biex jiġġieled il-ksur imwettaq kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    50

    Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi Regolament tifforma parti minn numru ta’ dispożizzjonijiet, indikati fl-imsemmi Artikolu 3(1) li għandhom l-għan, hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jiddefinixxu r-regoli tal-preskrizzjoni għall-proċeduri applikabbli għall-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmi Regolament, li huma dawk relatati ma’ ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandhom jew jista’ jkollhom l-effett li jippreġudikaw lill-baġit ġenerali tal-Unjoni jew lill-baġits ġestiti minnha.

    51

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li proġett, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-iskart f’reġjun determinat u li l-implementazzjoni tiegħu kienet ippjanata fuq diversi snin u ffinanzjata minn riżorsi tal-Unjoni, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “programm multiannwali”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    Fuq it-tielet domanda

    52

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema huwa l-punt fejn jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-proċeduri, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fir-rigward ta’ irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest ta’ “programm multiannwali”, bħall-proġett fil-kawża prinċipali.

    53

    F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-proċeduri jibda jiddekorri mid-data minn meta titwettaq l-irregolarità.

    54

    Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, f’każ ta’ irregolarità kontinwa jew ripetuta, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum meta tintemm l-irregolarità, bil-preċiżazzjoni li l-kunċett ta’ “minn meta l-irregolarità […] tkun ġiet kommessa”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jitqies fis-sens li jirreferi għall-jum meta ntemmet l-aħħar operazzjoni li tikkostitwixxi l-istess irregolarità ripetuta (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 66).

    55

    Irregolarità għandha titqies bħala “kontinwa” meta l-ommissjoni li twassal għall-ksur tad-dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni kkonċernata sseħħ fuq perijodu ta’ żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2004, José Martí Peix vs Il-Kummissjoni,C-226/03 P, EU:C:2004:768, punt 17). Irregolarità tkun “ripetuta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta titwettaq minn operatur li jieħu vantaġġi ekonomiċi minn sensiela ta’ tranżazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 49).

    56

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skont ir-regoli tal-provi tad-dritt nazzjonali u sakemm ma tiġix ippreġudikata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, jekk l-elementi kostituttivi ta’ irregolarità kontinwa jew ripetuta, imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, humiex sodisfatti.

    57

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-impatt tar-regola tal-preskrizzjoni speċifika għall-“programmi multiannwali”, stabbilita fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fuq il-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-kawża prinċipali.

    58

    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C-233/15, EU:C:2016:305, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Konsegwentement, għandhom jingħataw ukoll lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet li jistgħu jippermettulha tiddetermina f’liema mument “il-programm jitwaqqaf definittivament”, sa fejn jestendi, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, it-terminu ta’ preskrizzjoni fil-kuntest ta’ “programm multiannwali”.

    60

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 2988/95 ma jistabbilixxix il-mument preċiż u li japplika b’mod ġenerali meta “il-programm jitwaqqaf definittivament” peress li, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-mument neċessarjament ivarja skont l-istadji u l-proċeduri differenti stabbiliti għall-konklużjoni ta’ kull programm multiannwali implementat.

    61

    B’hekk, id-determinazzjoni tal-mument meta “il-programm jitwaqqaf definittivament” għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola tal-preskrizzjoni speċifika għall-“programmi multiannwali”, stabbilita fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, tiddependi fuq ir-regoli marbuta ma’ kull programm multiannwali.

    62

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għad-determinazzjoni ta’ meta “il-programm jitwaqqaf definittivament”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tat-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-preskrizzjoni stabbilita fid-dispożizzjoni msemmija tippermetti, minn naħa, li jiġi żgurat li, sakemm programm ma jkunx waqaf definittivament, l-awtorità kompetenti tkun dejjem tista’ tieħu azzjoni kontra l-irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-programm, sabiex tiffaċilita l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C-59/14, EU:C:2015:660, punt 26). Min-naħa l-oħra, din hija intiża biex tiżgura ċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi. Fil-fatt, dawn għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu, minn fost l-operazzjonijiet tagħhom, dawk li huma definittivament kweżiti u dawk li għadhom jistgħu jkunu suġġetti għal azzjonijiet (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C-52/14, EU:C:2015:381, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    Fid-dawl ta’ dan l-għan doppju, għad-determinazzjoni tad-data meta “il-programm jitwaqqaf definittivament” sa liema data jestendi t-terminu ta’ preskrizzjoni, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data meta jintemm il-“programm multiannwali” kkonċernat.

    64

    Issa, fir-rigward ta’ proġett bħall-proġett fil-kawża prinċipali, mill-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 1164/94 u mit-tieni inċiż tal-punt d tal-Artikolu D(2) tal-Anness II jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova tali proġett u li tagħti l-kuntratt tindika d-data limitu għat-tlestija tax-xogħolijiet u għall-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet fir-rigward tal-proġett.

    65

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu D(1) u (2)(d) tal-Anness II, mill-ewwel inċiż tal-punt b tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1386/2002 kif ukoll mill-Artikoli 5(1) u 8 tar-Regolament Nru 16/2003 jirriżulta li din l-istess deċiżjoni tal-Kummissjoni tiffissa d-data ta’ tmiem tal-eliġibbiltà għall-ispejjeż tal-proġett inkwistjoni, li tikkonċerna l-ħlasijiet magħmula mill-korp responsabbli mill-implementazzjoni tiegħu.

    66

    Isegwi li, wara li tgħaddi d-data limitu ffissata mill-Kummissjoni għat-tlestija tax-xogħolijiet u għall-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet tal-ispejjeż eliġibbli relatati magħhom, imsemmija fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, tali proġett għandu jitqies bħala definittivament magħluq, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, mingħajr preġudizzju għal eventwali estensjoni, permezz ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

    67

    F’dan il-każ, mill-punt 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, bid-deċiżjoni tas-27 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni indikat id-data tal-31 ta’ Diċembru 2008 kemm bħala data tat-tmiem tal-proġett fil-kawża prinċipali kif ukoll bħala data tat-tmiem tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż marbuta miegħu. Isegwi li l-proġett fil-kawża prinċipali għandu jitqies li għalaq definittivament, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fil-31 ta’ Diċembru 2008.

    68

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li meta “il-programm jitwaqqaf definittivament”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, dan mhux neċessarjament jimplika l-għeluq tal-preskrizzjoni fir-rigward tal-eventwali irregolaritajiet kollha mwettqa fl-implementazzjoni ta’ dan il-programm. Dan huwa biss il-każ fir-rigward tal-irregolaritajiet li ntemmu iktar minn erba’ snin qabel il-mument meta “il-programm jitwaqqaf definittivament” li, fin-nuqqas ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni għal wieħed mill-motivi stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, ikunu immedjatament preskritti, ladarba jseħħ it-twaqqif.

    69

    Fi kliem ieħor, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-“programmi multiannwali”, stabbilit fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jippermetti biss li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi estiż, u mhux li jitqassar.

    70

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li:

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ irregolarità mwettqa fil-kuntest ta’ “programm multiannwali”, bħall-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jibda jiddekorri mid-data tat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, jekk din tkun irregolarità “kontinwa jew ripetuta”, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum meta ntemmet l-irregolarità, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    Barra minn hekk, “programm multiannwali” jitqies li “jitwaqqaf definittivament”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fid-data tat-tmiem prevista għal dan il-programm, skont ir-regoli li japplikaw għalih. B’mod partikolari, programm multiannwali rregolat mir-Regolament Nru 1164/94 għandu jitqies li “jitwaqqaf definittivament”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija, fid-data indikata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova lil dan il-proġett bħala data limitu għat-tlestija tax-xogħolijiet u għall-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet tal-ispejjeż eliġibbli relatati miegħu, mingħajr preġudizzju għal estensjoni eventwali, permezz ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

    Fuq l‑ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Proġett, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-iskart f’reġjun determinat u li l-implementazzjoni tiegħu kienet ippjanata fuq diversi snin u ffinanzjata minn riżorsi tal-Unjoni Ewropea, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “programm multiannwali”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.

     

    2)

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ irregolarità mwettqa fil-kuntest ta’ “programm multiannwali”, bħall-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jibda jiddekorri mid-data tat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, jekk din tkun irregolarità “kontinwa jew ripetuta”, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum meta ntemmet l-irregolarità, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    Barra minn hekk, “programm multiannwali” jitqies li “jitwaqqaf definittivament”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fid-data tat-tmiem prevista għal dan il-programm, skont ir-regoli li japplikaw għalih. B’mod partikolari, programm multiannwali rregolat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1264/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1265/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, kif ukoll bl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandu jitqies li “jitwaqqaf definittivament”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija, fid-data indikata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tapprova lil dan il-proġett bħala data limitu għat-tlestija tax-xogħolijiet u għall-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet tal-ispejjeż eliġibbli relatati miegħu, mingħajr preġudizzju għal estensjoni eventwali, permezz ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top