This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0430
Judgment of the Court (First Chamber) of 1 February 2017.#Secretary of State for Work and Pensions v Tolley (deceased, acting in the proceedings by her personal representative).#Request for a preliminary ruling from the Supreme Court of the United Kingdom.#Reference for a preliminary ruling — Social security — Regulation (EEC) No 1408/71 — Care component of disability living allowance — Person insured against the risk of old age who has definitively ceased all occupational activity — Concepts of ‘sickness benefit and ‘invalidity benefit’ — Exportability.#Case C-430/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Frar 2017.
Secretary of State for Work and Pensions vs Tolley.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance) – Persuna assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija li tkun waqfet definittivament kull attività professjonali – Kunċetti ta’ ‘benefiċċju tal-mard’ u ta’ ‘benefiċċju tal-invalidità’ – Esportabbiltà.
Kawża C-430/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Frar 2017.
Secretary of State for Work and Pensions vs Tolley.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance) – Persuna assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija li tkun waqfet definittivament kull attività professjonali – Kunċetti ta’ ‘benefiċċju tal-mard’ u ta’ ‘benefiċċju tal-invalidità’ – Esportabbiltà.
Kawża C-430/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:74
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
1 ta’ Frar 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance) — Persuna assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija li tkun waqfet definittivament kull attività professjonali — Kunċetti ta’ ‘benefiċċju tal-mard’ u ta’ ‘benefiċċju tal-invalidità’ — Esportabbiltà”
Fil-Kawża C‑430/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura
Secretary of State for Work and Pensions
vs
Tolley,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal L. Tolley (mejta, irrappreżentata fil-proċedura mill-amministratur tas-suċċessjoni tagħha), minn R. Drabble, QC, u T. Buley, barrister, li huma mogħtija mandat minn S. Clarke, solicitor, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, QC, u minn D. Blundell, barrister, |
— |
għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås, M. Schei u C. Rydning, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u J. Tomkin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 335) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn is-Secretary of State for Work and Pensions (ministru tax-xogħol u tal-pensjonijiet, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“ministru”) u L. Tolley, li mietet fl-10 ta’ Mejju 2001 u rrappreżentata fil-proċedura tal-kawża prinċipali mir-raġel tagħha fil-kwalità tiegħu bħala amministratur tas-suċċessjoni ta’ L. Tolley, rigward it-trażżin tad-dritt tagħha li tirċievi l-element tad-dipendenza tal-allowance tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (disability living allowance, iktar ’il quddiem id-“DLA”) minħabba li hija ma kinitx tissodisfa iktar il-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li sar applikabbli fl-1 ta’ Mejju 2010. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata bir-Regolament Nru 1408/71. |
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jistipula li: “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.” |
6 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li: “1. Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:
[…] 2. Dan ir-Regolament ikun japplika għall-iskemi kollha tas-sigurtà soċjali ġenerali u speċjali, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk non-kontributorji, u għal skemi li għandhom x’jaqsmu mal-lijabiltà ta’ xi ħadd li jħaddem jew sid ta’ vapur fejn jidħlu l-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1. […]” |
7 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ dan l-istess regolament huwa fformulat kif ġej: “Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament il-benefiċċji għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard u l-mewt okkupazzjonali akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent jabita fit-territorju ta’ Stat membru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas.” |
8 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]
|
9 |
It‑Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali dwar id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji”, huwa maqsum fi tmien kapitoli fejn l-ewwel wieħed jirrigwarda l-mard u l-maternità. Fit-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, intitolat “Persuni impjegati jew jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom”, hemm l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Persuna impjegata jew taħdem għal rasha li tabita fit-territorju ta’ Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti, li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni fejn hemm bżonn tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, tirċievi fl-Istat li qiegħda tabita: […]
|
10 |
L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, li jinsab fl-istess taqsima, jipprovdi: “1. Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, u: […]
[…] tkun intitolata: […]
2. L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(b) tista’ tkun miċħuda biss jekk ikun stabbilit li l-moviment tal-persuna kkonċernata jkun ta’ preġudizzju għall-Istat ta’ saħħitha jew għar-riċeviment tal-kura medika. […]” |
11 |
L‑Artikolu 89 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa fformulat kif ġej: “Proċeduri speċjali għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri jinsabu fl-Anness VI.” |
12 |
L‑Anness I tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Persuni koperti mir-Regolament”, jinkludi t-Taqsima O, dwar ir-Renju Unit, huwa fformulat kif ġej: “Kwalunkwe persuna li ‘taħdem bi qligħ’ jew ’li taħdem għal rasha’ fit-tifsira tal-leġislazzjoni tal-Gran Brittanja jew tal-leġislazzjoni ta’ l-Irlanda ta’ Fuq tkun meqjusa rispettivament bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament. Kwalunkwe persuna li f’isimha jitħallsu kontribuzzjonijiet bħala ‘persuna impjegata’ jew ‘persuna li taħdem għal rasha’ skond il-leġislazzjoni ta’ Ġibiltà tkun meqjusa bħala impjegata jew li taħdem għal rasha fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament.” |
13 |
It-Taqsima O, dwar ir-Renju Unit, tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, hija stess intitolata “Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri”, tipprovdi, fil-punt 19 tagħha: “Suġġetta għall-konvenzjonijiet konklużi ma’ Stati Membri individwali, għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament u l-Artikolu 10b tar-Regolament implimentattiv, il-leġislazzjoni tar-Renju Unit ma tibqax tapplika fl-aħħar mill-aħħar ta’ l-iktar tard tat-tlett ijiem segwenti għal kwalunkwe persuna suġġetta għal-leġislazzjoni tar-Renju Unit bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha: […]
|
14 |
Il‑punt 20 ta’ din it-taqsima jipprovdi: “Il-fatt li persuna saret suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament, l-Artikolu 10b tar-Regolament implimentattiv u l-punt 19 ta’ hawn fuq, ma jżommux:
|
Id-dritt tar-Renju Unit
15 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-DLA hija benefiċċju ta’ natura mhux kontributorja li għandu l-għan li jkopri l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa għal ċerti tipi ta’ kura jew minħabba inkapaċità jew kważi inkapaċità li ma tippermettix il-mixi. Filwaqt li jikkonsisti f’element ta’ dipendenza u f’element ta’ mobbiltà, id-DLA ma huwa suġġett għal ebda kriterju ta’ riżorsi u ma huwiex benefiċċju ta’ sostituzzjoni ta’ dħul, peress li l-benefiċjarju jista’ jeżerċita attività professjonali. |
16 |
Skont l-Artikolu 71(6) tas-Social Security Contributions and Benefits Act 1992 (liġi dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tal-1992, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1992”), “[p]ersuna ma għandhiex dritt għad-[DLA] ħlief jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja”. |
17 |
Dawn il-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja huma ppreċiżati b’mod partikolari fl-Artikolu 2(1)(a) tas-Social Security (Disability Living Allowance) Regulations 1991 (regolament dwar is-sigurtà soċjali li jirrigwarda l-allowances tas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà tal-1991). |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 |
L. Tolley, ċittadina Brittanika mwielda fis-17 ta’ April 1952, ħallset kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni nazzjonali matul is-snin 1967 sa 1984. Sussegwentement, hija ġiet ikkreditata b’kontribuzzjonijiet sas-sena 1993. Kieku kienet issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni meta laħqet l-età legali għall-irtirar, kienet tkun tista’ tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat. |
19 |
Mis-26 ta’ Lulju 1993, L. Tolley ngħatat l-element tad-dipendenza tad-DLA għal żmien indeterminat, minħabba l-fatt li ma kinitx kapaċi tipprepara waħedha l-ikel tagħha. |
20 |
Fil-5 ta’ Novembru 2002, L. Tolley u r-raġel tagħha ċċaqilqu definittivament fi Spanja sabiex jistabbilixxu ruħhom hemmhekk. L. Tolley ma kinitx, f’dan l-Istat Membru, ħaddiema impjegata u lanqas ma kienet ħaddiema li taħdem għal rasha. |
21 |
Matul is-sena 2007, il-ministru ddeċieda li d-dritt ta’ L. Tolley li tirċievi l-element tad-dipendenza tad-DLA kien spiċċa fis-6 ta’ Novembru 2002. Huwa paċifiku li, skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, il-persuna kkonċernata tilfet, f’din id-data, id-dritt għal din l-allowance. |
22 |
Għalhekk L. Tolley ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (qorti tal-prim’istanza, ir-Renju Unit). Din laqgħet dan ir-rikors, billi ddeċidiet li L. Tolley kellha d-dritt li tkompli tirċievi l-element tad-dipendenza tad-DLA wara ċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71. |
23 |
Il-ministru appella s-sentenza tal-First-tier Tribunal (qorti tal-prim’ istanza) quddiem l‑Upper Tribunal (qorti superjuri, ir-Renju Unit). Din l-aħħar qorti ddeċidiet li L. Tolley kellha dritt għall-element tad-dipendenza tad-DLA skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, minħabba li, sa fejn kienet assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija minħabba l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħha, hija kienet ħaddiema impjegata fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament. |
24 |
Il‑Court of Appeal (England & Wales) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] ċaħdet l-appell ippreżentat mill-ministru kontra d-deċiżjoni tal-Upper Tribunal (qorti superjuri). B’hekk, il-ministru ppreżenta rikors quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit). |
25 |
Din il-qorti tosserva li l-element tad-dipendenza tad-DLA jista’ jitqies bħala benefiċċju tal-invalidità fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, li jista’ jiġi esportat, skont l-Artikolu 10 tiegħu, lejn Stat Membru ieħor. Il-benefiċċji elenkati f’din id-dispożizzjoni għandhom bħala karatteristika prinċipali li huma ħlasijiet għal żmien twil jew ħlasijiet uniċi relatati ma’ kundizzjonijiet permanenti. Jekk, min-naħa l-oħra, din l-allowance kellha titqies bħala benefiċċju tal-mard, il-kwistjoni tqum dwar jekk id-definizzjoni ta’ “persuna impjegata” [ħaddiem impjegat] li tinsab fl-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan ir-regolament, tapplikax ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament dwar il-mard. F’dan ir-rigward, ma jkunx loġiku li persuni mhux attivi mill-perspettiva ekonomika jitqiesu bħala ħaddiema li għandhom jiġu ttrattati iktar favorevolment mill-persuni li jkunu attivament qed ifittxu impjieg. |
26 |
Minbarra dan, billi l-eventwali dritt ta’ L. Tolley għal pensjoni tal-irtirar skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit kien inżamm wara ċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja, il-qorti tar-rinviju tfittex tkun taf jekk il-formulazzjoni “persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru”, li tinsab fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, tirreferix għal-leġiżlazzjoni kollha ta’ Stat Membru jew tassew unikament għal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-benefiċċju inkwistjoni. Fl-ipoteżi fejn din l-aħħar leġiżlazzjoni biss tkun applikabbli, din il-qorti tqis li jista’ jiġi mistoqsi jekk il-punt 19(ċ) tat-Taqsima O tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, li jippreċiża l-mument li fih il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tieqaf milli tkun applikabbli, jirreferix għall-vantaġġ effettiv tal-benefiċċju jew minflok unikament għad-dritt għalih. Tqum ukoll il-kwistjoni jekk il-punt 20 ta’ din l-istess taqsima jimponi jew ma jimponix fuq ir-Renju Unit l-obbligu li jħallas l-element tad-dipendenza tad-DLA skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament. |
27 |
F’dan iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
28 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk benefiċċju bħall-element tad-dipendenza tad-DLA jikkostitwixxix benefiċċju tal-mard jew benefiċċju tal-invalidità fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. |
Fuq l-ammissibbiltà
29 |
Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli minħabba, minn naħa, li hija ma hijiex is-suġġett ta’ diskussjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, li hija identika għal domanda magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608). |
30 |
Fir-rigward tal-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem minn dan il-gvern, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali possibbiltà mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni ta’ validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għad-deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemhom. Il-qrati nazzjonali għalhekk għandhom il-possibbiltà u, jekk ikun il-każ, l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari minn meta jikkonstataw, kemm ex officio u kemm fuq talba tal-partijiet, li l-mertu tal-kawża jirrigwarda kwistjoni li għandha tiġi deċiża li tidħol fl-iskop tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu. Dan għaliex il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma kinux invokaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li din titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Fil-fatt, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm hu fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-qorti nazzjonali tar-rilevanza u tan-neċessità ta’ dan ir-rinviju (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 66). |
32 |
Minbarra dan, għalkemm jista’ jirriżulta mill-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li domanda preliminari ssir biss wara trattazzjoni inter partes, għandu madankollu jiġi rrikonoxxut li l-eżistenza ta’ trattazzjoni inter partes ma hijiex fost in-numru ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Eurico Italia et, C‑332/92, C‑333/92 u C‑335/92, EU:C:1994:79, punt 11). |
33 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-partijiet f’kawża ma kellhomx trattazzjoni minn qabel quddiem il-qorti nazzjonali ta’ kwistjoni li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li din il-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
34 |
Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, huwa biżżejjed li jitfakkar li, anki quddiem ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jċaħħadx lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
36 |
L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni ta’ L. Tolley taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. |
37 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li dan japplika għall-ħaddiema impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew li ġew suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri jew ukoll persuni mingħajr stat jew refuġjati li jirrisjedu fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u għas-superstiti tagħhom. |
38 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna għandha l-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tar‑Regolament Nru 1408/71, jekk hija tkun assigurata, anki jekk biss kontra riskju wieħed, taħt assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja ma’ skema ġenerali jew speċifika tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-istess regolament, u dan irrispettivament mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Borger, C‑516/09, EU:C:2011:136, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Il-qorti tar-rinviju u l-gvern tar-Renju Unit madankollu jsostnu li s-sitwazzjoni ta’ L. Tolley taqa’ taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, minħabba li l-element tad-dipendenza tad-DLA huwa ta’ benefiċċju għar-residenti kollha, kemm jekk ikunu impjegati jew le. Billi din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Anness I ta’ dan ir-regolament, L. Tolley ma tistax tiġi kklassifikata bħala “ħaddiem” ħlief jekk hija kienet issodisfat il-kundizzjonijiet stipulati mil-leġiżlazzjoni Brittanika. Issa, din il-leġiżlazzjoni tirreferi biss għall-persuni li jeżerċitaw attività remunerata. |
40 |
F’dan il-każ, jirriżulta mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, matul is-snin 1967 sa 1993, L. Tolley kienet assigurata fir-Renju Unit kontra r-riskju tax-xjuħija fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali li kienet tapplika għar-residenti kollha. Ma huwiex ikkontestat li l-metodu ta’ ġestjoni u ta’ finanzjament ta’ din l-iskema kien jippermetti li din il-persuna tiġi identifikata bħala ħaddiema impjegata. Billi kienet għalhekk assigurata kontra l-eventwalità prevista fl-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, L. Tolley għandha titqies bħala ħaddiem fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan ir-regolament. |
41 |
Il-fatt li L. Tolley mietet qabel ma laħqet l-età tal-irtirar ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubju dwar din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-possibbiltà li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 ma tiddependix mit-twettiq tar-riskju kopert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Borger, C‑516/09, EU:C:2011:136, punt 30). |
42 |
Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71. |
43 |
Sussegwentement għandu jitfakkar li benefiċċju jitqies bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali meta jingħata, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita u meta dan ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji espliċitament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Konformement mal-Artikolu 4(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, dan japplika għal-leġiżlazzjonijiet relatati mal-fergħat tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw, rispettivament, il-benefiċċji tal-mard u l-benefiċċji ta’ invalidità, inklużi dawk li huma ddestinati sabiex iżommu jew itejbu l-kapaċità ta’ qligħ. |
45 |
Sabiex tinħoloq distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju kopert minn kull benefiċċju (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 27). |
46 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li benefiċċji mogħtija b’mod oġġettiv abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u li huma intiżi sabiex itejbu l-istat ta’ saħħa kif ukoll il-ħajja tal-persuni dipendenti għandhom essenzjalment bħala għan li jikkompletaw il-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard u għandhom jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar, C‑160/96, EU:C:1998:84, punti 23 sa 25, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Fir-rigward tal-element tad-dipendenza tad-DLA, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan il-benefiċċju fi flus li għandu natura mhux kontributorja, mogħti indipendentement mil-livell ta’ dħul tal-benefiċjarju tiegħu, għandu bħala għan li jikkumpensa l-ispejjeż supplimentari li persuna tista’ tħallas b’mod partikolari minħabba l-inkapaċità jew il-kważi inkapaċità tagħha li timxi. |
48 |
Huwa paċifiku li l-għoti ta’ dan il-benefiċċju ma jiddependix minn evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali tal-applikant u li dan iseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħall-impossibbiltà għall-persuna li tipprepara waħedha l-ikel tagħha, li huma ddefiniti fil-liġi tal-1992. |
49 |
Minbarra dan, ma huwiex ikkontestat li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-istess karatteristiċi u jsegwi l-istess skop bħad-DLA, fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608). |
50 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 65 et seq ta’ din is-sentenza, essenzjalment, li, anki jekk hija ma kellhiex essenzjalment bħala għan li tikkompleta benefiċċji ta’ assigurazzjoni għall-mard, din l-allowance kellha, ħlief f’dak li jikkonċerna l-element tal-mobbiltà tagħha, titqies bħala benefiċċju tal-mard fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. |
52 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mill-qorti tar-rinviju li l-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala “benefiċċju tal-invalidità” minħabba li tixbah il-benefiċċji elenkati fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri, b’mod partikolari, il-benefiċċji fi flus ta’ invalidità, li għandhom bħala karatteristika prinċipali li huma ħlasijiet għal żmien twil jew ħlasijiet uniċi relatati ma’ kundizzjonijiet permanenti. |
53 |
Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li, għall-finijiet tal-għoti tal-element tad-dipendenza tad-DLA, it-tnaqqis tal-mobbiltà għandu jirrigwarda perijodu ta’ żmien sostanzjali ma hijiex ta’ natura li tbiddel l-iskop ta’ din l-allowance, li huwa li tittejjeb il-ħajja ta’ persuni dipendenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 63). |
54 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandhom jiġu assimilati ma’ benefiċċji tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, benefiċċji, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw ir-riskju ta’ dipendenza, minkejja li, bid-differenza ta’ benefiċċji tal-mard stricto sensu, bħala prinċipju dawn ma humiex intiżi li jitħallsu għal żmien qasir u li huma jista’ jkollhom, b’mod partikolari permezz tal-metodi ta’ applikazzjoni tagħhom, karatteristiċi li, fil-fatti, huma viċin ukoll, sa ċertu punti, il-fergħat ta’ invalidità u ta’ xjuħija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C‑388/09, EU:C:2011:439, punti 47 u 48). |
55 |
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li benefiċċju bħall-element tad-dipendenza tad-DLA jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. |
B –Fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni domanda preliminari
56 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tista’ sussegwentement tieqaf milli tkun applikabbli għal din il-persuna. Għalkemm ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ risposta negattiva, din il-qorti tfittex tkun taf, minn naħa, f’liema mument il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit waqfet milli tkun applikabbli għal L. Tolley fir-rigward tal-fatt li hija komplet tirċievi ħlasijiet skont l-element tad-dipendenza tad-DLA sas-sena 2007, għalkemm hija kienet, skont din il-leġiżlazzjoni, tilfet id-dritt li tirċievi dan il-benefiċċju minħabba ċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja matul is-sena 2002. |
57 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u għandu bħala għan biss li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn l-iskemi. Huwa għalhekk iħalli jissussistu skemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom il-benefiċjarju għandu drittijiet diretti, kemm skont id-dritt intern waħdu, kif ukoll skont id-dritt intern ikkompletat jekk meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Dumont de Chassart, C‑619/11, EU:C:2013:92, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament, li l-Artikolu 13 ta’ dan tal-aħħar jagħmel parti minnu, jikkostitwixxu sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan mhux biss li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan, iżda wkoll li jiġi prekluż li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 jiġu mċaħħda minn protezzjoni fil-qasam ta’ sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 28). |
59 |
Għalhekk, meta persuna taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan tal-aħħar, ir-regola ta’ uniċità stabbilita fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament bħala prinċipju hija applikabbli u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 47). |
60 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) ta’ dan l-istess regolament, dawn għandhom unikament bħala għan li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-persuni li jsibu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tiegħu. (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 29). |
61 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jitfakkar li t-trażżin tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jikkostitwixxi kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 51). |
62 |
Min-naħa l-oħra, xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jissuġġerixxi li l-fatt li persuna kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari lill-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat tista’, f’mument sussegwenti, tieqaf milli tkun applikabbli għal din il-persuna. |
63 |
Minbarra dan, billi l-kisba ta’ drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija hija l-konsegwenza normali tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali, li jiġi ammess li persuna ma tkunx tista’ tiġi suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minbarra dak li fih hija kisbet tali drittijiet għall-ewwel darba jwassal sabiex l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 jiġi mċaħħad mis-sens tiegħu. |
64 |
F’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jiddefinixxihomx. Għalhekk, hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik, C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 51). |
65 |
Fil-fatt, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 10b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1971, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2195/91 tal-25 ta’ Ġunju 1991 (ĠU 1991, L 206, p. 2), id-data u l-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna intiża fl-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 huma ddeterminati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni. |
66 |
Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-mument li fih il-leġiżlazzjoni ta Stat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna, skont il-każ, ukoll dispożizzjonijiet tal-Anness VI ta’ dan l-aħħar regolament, li jsemmi l-metodi partikolari ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri. |
67 |
F’dan il-każ, billi L. Tolley ma kinitx ħallset iktar kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali tar-Renju Unit mis-sena 1993, kienet waqfet kull attività professjonali u, matul is-sena 2002, kienet ħalliet dan l-Istat Membru, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, dawn iċ-ċirkustanzi wasslux għall-waqfien tal-affiljazzjoni ta’ L. Tolley ma’ din l-iskema u l-ħruġ tagħha minnha. |
68 |
L-istess japplika fir-rigward tal-fatt li L. Tolley kompliet tirċievi ħlasijiet skont l-element tad-dipendenza tad-DLA sas-sena 2007, minkejja li hija kienet, skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, tilfet id-dritt li tirċievi dan il-benefiċċju minħabba ċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja matul is-sena 2002. |
69 |
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna kisbet drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija permezz tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul perijodu partikolari lill-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membri tista’ sussegwentement tieqaf milli tkun applikabbli għal din il-persuna. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tat-tilwima mressqa quddiemha u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, f’liema mument din il-leġiżlazzjoni waqfet milli tkun applikabbli għal din il-persuna. |
Fuq it-tielet parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda
70 |
Permezz tat-tielet parti tat-tieni domanda tagħha u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 19(1) u/jew l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ preżenza, kif prevista fl-Artikolu 71(6) tal-liġi tal-1992. |
71 |
Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Residenza fi Stat Membru għajr l-Istat kompetenti – Regoli ġenerali”, jiżgura, akkarigu tal-Istat kompetenti, id-dritt, għall-ħaddiem impjegat jew għall-ħaddiem li jaħdem għal rasu kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu residenti fi Stat Membru ieħor, li s-sitwazzjoni tagħhom teħtieġ kura fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza, li jibbenefikaw minn benefiċċji ta’ mard in natura mogħtija mill-istituzzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, EU:C:2009:455, punt 42). |
72 |
Konsegwentement, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tirreferi biss għas-sitwazzjonijiet li fihom ħaddiem li jitlob lill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru benefiċċju tal-mard jirrisjedi, fid-data tal-applikazzjoni tiegħu, fi Stat Membru ieħor. |
73 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li L. Tolley kienet għadha residenti fir-Renju Unit meta hija talbet lill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru l-benefiċċju tal-element tad-dipendenza tad-DLA. Għalhekk, is-sitwazzjoni tagħha manifestament ma taqax taħt dan l-Artikolu 19. |
74 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, dan jikkonċerna b’mod partikolari l-ipoteżi tat-trasferiment, matul marda, tar-residenza ta’ ħaddiem impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru mhux dak tal-istituzzjoni kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, EU:C:2009:455, punt 45). |
75 |
Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjoni ta’ L. Tolley taqax taħt dan l-Artikolu 22(1)(b). |
76 |
Il‑Gvern tar-Renju Unit isostni, minn naħa, li l-espressjoni “ħaddiem” użata f’din id-dispożizzjoni, tirreferi biss għall-persuni li, bid-differenza ta’ L. Tolley, ma waqfux definittivament kull attività professjonali. |
77 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
78 |
Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, fejn fosthom hemm dik ta’ “persuna impjegata” u dik ta’ “persuna li taħdem għal rasha” jingħataw “[g]ħall-iskop ta’ dan ir-Regolament” mingħajr ma eċċezzjoni li tikkonċerna ċerti dispożizzjonijiet tiegħu ma tkun prevista. |
79 |
Issa, mill-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li L. Tolley għandha titqies bħala “ħaddiem” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(a)(ii) tal-istess regolament, u dan indipendentement mill-fatt li hija waqfet definittivament kull attività professjonali. |
80 |
Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bir-riferiment għall-“ħaddiem”, li jinsab fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71, dan tal-aħħar ma huwiex intiż sabiex jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-ħaddiema attivi meta pparagunati mal-ħaddiema mhux attivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979, Pierik, 182/78, EU:C:1979:142, punt 7). |
81 |
Il‑Gvern tar-Renju Unit isostni, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit waqfet milli tkun applikabbli għal L. Tolley fil-mument taċ-ċaqliq tagħha lejn Spanja u li, skont l-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament, hija kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Għalhekk dan huwa l-Istat kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament. |
82 |
F’dan ir-rigward, mill-qari flimkien tal-Artikolu 1(o)(i) u tal-Artikolu 1(q) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li l-kunċett ta’ “Stat kompetenti” jindika, b’mod partikolari, l-Istat Membru fejn tinsab l-istituzzjoni li l-ħaddiem huwa affiljat magħha fil-mument tal-applikazzjoni għal benefiċċji. |
83 |
Minbarra dan, mill-istruttura tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet taż-żamma tas-servizz ta’ benefiċċji li għalihom ħaddiem għandu dritt skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti b’mod partikolari f’każ ta’ trasferiment ta’ residenza “fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” jirriżulta li, fir-rigward ta’ din l-ipoteżi, jikkostitwixxi l-“Istat kompetenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, neċessarjament l-Istat Membru li kien kompetenti sabiex jagħti dawn il-benefiċċji qabel it-trasferiment ta’ residenza. |
84 |
Fir-rigward tal-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-mument meta L. Tolley talbet il-benefiċċju tad-DLA lill-istituzzjonijiet kompetenti tar-Renju Unit, hija kienet affiljata mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru. Konsegwentement, minkejja li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kienet waqfet, sussegwentement, li tkun applikabbli għaliha, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa r-Renju Unit li jikkostitwixxi l-Istat kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament. |
85 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-punt 20 tat-Taqsima O tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71, li jipprevedi li: “[i]l-fatt li persuna saret suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 13(2)(f) [ta’ dan ir-]Regolament […], ma jżommux [ma huwiex ta’ preġudizzju]”, b’mod partikolari għall-“applikazzjoni għaliha mir-Renju Unit bħala l-Istat kompetenti tad-dispopżizzjonijiet relatati mal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha tat-Titolu III, il-Kapitolu 1 […] jekk hija tibqa’ persuna impjegata jew taħdem għal rasha għal dawk l-iskopijiet u kienet assigurata l-aħħar taħt il-leġislazzjoni tar-Renju Unit”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament il-possibbiltà għar-Renju Unit li jibqa’ l-Istat kompetenti fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tiegħu tieqaf milli tapplika għall-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan l-istess regolament. |
86 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71. |
87 |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi d-dritt, għal ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti li jirċievi l-benefiċċji fi flus mogħtija mill-istituzzjoni kompetenti wara t-trasferiment ta’ residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. |
88 |
F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-Renju Unit li l-formulazzjoni “li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti” tippermetti lill-Istati Membri li jipprevedu kundizzjoni ta’ residenza għall-provvista tal-benefiċċji fi flus intiżi minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu meta rrefera għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1997:613), tali interpretazzjoni, sa fejn tippermetti li jitrażżan id-dritt li jagħti l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, permezz ta’ kundizzjoni ta’ residenza magħmula mil-liġi nazzjonali, iċċaħħad għalkollox lil din id-dispożizzjoni mill-għan tagħha. |
89 |
Isegwi li dan l-Artikolu 22(1)(b) jipprekludi li Stat kompetenti jissuġġetta ż-żamma ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ preżenza fit-territorju tiegħu. |
90 |
Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi ppreċiżat li din l-istess dispożizzjoni tissuġġetta d-dritt ta’ esportazzjoni ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun talab u kiseb mill-istituzzjoni kompetenti l-awtorizzazzjoni li jittrasferixxi r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. |
91 |
Ċertament, hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, din l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss jekk jiġi stabbilit li ċ-ċaqliq tal-persuna kkonċernata huwa ta’ natura li jikkomprometti l-istat ta’ saħħa tagħha jew l-applikazzjoni tat-trattament mediku. |
92 |
Madankollu, hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 124 sa 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tistax tobbliga lill-Istati Membri li jagħtu lil ħaddiem il-benefiċċju tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament fil-każ fejn dan il-ħaddiem ikun ittrasferixxa r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fl-assenza ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija mill-istituzzjoni kompetenti. |
93 |
Fid-dawl ta’ dan kollu, it-tielet parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti tissuġġetta l-benefiċċju ta’ allowance bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal kundizzjoni ta’ residenza u ta’ preżenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. L-Artikolu 22(1)(b) u l-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali żżomm id-dritt li tirċievi l-benefiċċji intiżi f’din l-ewwel dispożizzjoni wara li tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat kompetenti, bil-kundizzjoni li hija tkun kisbet awtorizzazzjoni għal dan il-għan. |
Fuq l-ispejjeż
94 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż