Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0424

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2016.
Xabier Ormaetxea Garai u Bernardo Lorenzo Almendros vs Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 3 – Imparzjalità u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Riforma istituzzjonali – Amalgamazzjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra – Terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol tal-President u ta’ kunsillier ta’ awtorità regolatorja nazzjonali amalgamata qabel l-iskadenza tal-mandati tagħhom – Raġuni għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol mhux prevista mid-dritt nazzjonali.
Kawża C-424/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:780

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 3 — Imparzjalità u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Riforma istituzzjonali — Amalgamazzjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra — Terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol tal-President u ta’ kunsillier ta’ awtorità regolatorja nazzjonali amalgamata qabel l-iskadenza tal-mandati tagħhom — Raġuni għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol mhux prevista mid-dritt nazzjonali”

Fil-Kawża C‑424/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Xabier Ormaetxea Garai,

Bernardo Lorenzo Almendros

vs

Administración del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u M. Jacobs, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer kif ukoll minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u G. Braun kif ukoll minn L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol, 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37 u rettifika ĠU 2013, L 241, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Xabier Ormaetxea Garai u Bernardo Lorenzo Almendros mal-Administración del Estado (amministrazzjoni tal-Istat, Spanja) fir-rigward tad-digrieti rjali li temmew il-mandati tagħhom, rispettivament, ta’ kunsillier u ta’ President mal-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, Spanja, iktar ’il quddiem iċ-“CMT”), awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) fis-sens tad-Direttiva Qafas.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva Qafas

3

Il-premessa 11 tad-Direttiva Qafas tistabbilixxi:

“Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ [ARN] bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ l-indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri jew tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tas-sidien tal-proprjetà preskritta f’Artikolu [345 TFUE]. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom.”

4

L-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-kunċett ta’ “[ARN]” bħala li jfisser “il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”. L-Artikolu 2(l) jelenka d-direttivi li, minbarra d-Direttiva Qafas, jifformaw il-qafas regolatorju applikabbli fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li huma koperti mill-kunċett ta’ “Direttivi Speċifiċi”.

5

Id-Direttiva 2009/140 introduċiet fl-Artikolu 3 tal-verżjoni inizjali tad-Direttiva Qafas, il-paragrafi ġodda 3 sa 3c, dwar l-indipendenza tal-ARN. Il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140 tippreċiża f’dan ir-rigward li:

“L-indipendenza tal-[ARN] għandha tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u biex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, l-[ARN] responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jipperġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha. […] Għal dak il-għan, għandhom jiġu stabbiliti minn qabel regoli dwar ir-raġunijiet għat-tkeċċija tal-kap tal-awtorità regolatorja nazzjonali, sabiex jitneħħa kull dubju dettat mir-raġuni dwar in-newtralità ta’ dik l-entità u l-kapaċità tagħha li ma tkunx influwenzata minn fatturi esterni. Huwa importanti li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jkollhom il-baġit tagħhom stess, partikolarment sabiex ikunu jistgħu jirreklutaw għadd suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat. Biex tiġi żgurata t-trasparenza, dan il-baġit għandu jiġi pubblikat kull sena.”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas intitolat “[ARN]”, jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-[ARN] f’din id-Direttiva u fid-Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-[ARN] billi jassiguraw li jkun legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. L‑Istati Membri li jżommu l‑proprjetà jew jikkontrollaw intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi għandhom jassiguraw is‑separazzjoni strutturali effettiva tal‑funzjoni regolatorja mill‑attivitajiet assoċjati mal‑proprjetà jew kontroll.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ARN] jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom.

3a   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, [ARN] responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn impriżi […] għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Korpi ta’ appell biss stabbiliti skont l-Artikolu 4 għandu jkollhom is-setgħa jissospendu jew idawru deċiżjonijiet mill-[ARN].

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kap ta’ [ARN], jew fejn applikabbli, il-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni f’[ARN] msemmija fl-ewwel subparagrafu jew is-sostituti tagħhom ikunu jistgħu jitkeċċew biss jekk ma jissodisfawx iktar il-kondizzjonijiet mitluba għat-twettiq ta’ dmirijiethom li jkunu stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali. Id-deċiżjoni biex jitkeċċa l-kap tal-[ARN], jew fejn applikabbli biex jitkeċċew il-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni għandha ssir pubblika fiż-żmien tat-tkeċċija. Il-kap imkeċċi tal-[ARN], jew fejn applikabbli l-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni, għandhom jirċievu dikjarazzjoni ta’ raġunijiet u għandu jkollhom id-dritt jitolbu l-pubblikazzjoni tagħha, jekk din ma tkunx ser issir, f’liema każ hija tiġi pubblikata.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li [ARN] msemmija fl-ewwel subparagrafu jkollhom baġits annwali separati. Il-baġits għandhom ikunu pubblikati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-[ARN] jkollhom riżorsi umani u finanzjarji xierqa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) [ikkostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU L 337, p. 1)], kif ukoll jagħtu l-kontribut tagħhom lil dan il-Korp.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ix-xogħlijiet imwettqa mill-[ARN] f’forma faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fejn dawk ix-xogħlijiet huma assenjati lill-aktar minn korp wieħed. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, fejn xieraq, konsultazzjoni u koperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet, u bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi tal-konsumatur, dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni. […]

5.   L-[ARN] u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jipprovdu lill-xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi. […]

6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-[ÀRN] kollha assenjati xogħlijiet taħt din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi, u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Dritt ta’ appell”, jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri jiżguraw mekkaniżmi effettivi, fil-livell nazzjonali, li kull utent u impriża li jkunu affettwati minn deċiżjoni ta’ ARN jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem organu li jkun indipendenti mill-partijiet ikkonċernati.

Id-Direttiva 95/46/KE

8

L-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), huwa intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”. L-Artikolu 28(1) jiddisponi:

“Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza tal-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skont din id-Direttiva.

Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.”

Id-dritt Spanjol

9

Ir-Real Decreto-Ley 6/1996 de Liberalización de las Telecomunicaciones (Digriet Leġiżlattiv Irjali 6/1996, dwar il-liberalizzazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet), tas-7 ta’ Ġunju 1996 (BOE Nru 139, tat-8 ta’ Ġunju 1996, p. 18973), kien stabbilixxa ċ-CMT bħala korp indipendenti inkarigat sabiex jissorvelja l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet kif ukoll sabiex jarbitra bejn l-operaturi f’dan is-settur.

10

Il-Ley 2/2011 de Economía Sostenible (Liġi 2/2011, dwar l-ekonomija sostenibbli), tal-4 ta’ Marzu 2011 (BOE Nru 55, tal-5 ta’ Marzu 2011, p. 25033), kellha l-għan li tirriforma l-istatut ta’ ċerti organi regolatorji u ta’ superviżjoni eżistenti, sabiex b’mod partikolari ssaħħaħ l-indipendenza tagħhom. L-Artikolu 13 tiegħu stabbilixxa regoli ġodda dwar il-ħatra tal-president u tal-kunsilliera ta’ dawn l-organi, it-tul tal-mandat tagħhom u l-modalitajiet ta’ tiġdid tagħhom. Dan l-artikolu, li b’mod partikolari japplika għaċ-CMT, jiddisponi:

“1.   Il-President u l-kunsilliera huma maħtura mill-gvern permezz ta’ digriet irjali adottat fuq proposta tal-ministru kompetenti; huma magħżula minn fost persuni li l-awtorità u l-abbiltà professjonali tagħhom kienu magħrufa, wara li l-ministru u l-persuni proposti bħala president u kunsilliera jkunu nstemgħu mill-kummissjoni korrispondenti tal-Congreso de los Diputados (kungress tad-deputati, Spanja) […]

2.   Il-mandat tal-President u tal-kunsilliera huwa ta’ sitt snin mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu eletti mill-ġdid bħala membri tal-kunsill. Il-kunsilliera huma mġedda parzjalment sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-kontinwità tal-kunsill.”

11

L-Artikolu 16 tal-Liġi 2/2011 jipprevedi li:

“Il-President u l-kunsilliera jieqfu milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom:

a)

permezz ta’ riżenja;

b)

fl-iskadenza tal-mandat tagħhom;

c)

minħabba f’inkompatibbiltà ex post;

d)

insegwitu għal kundanna għal reat intenzjonali;

e)

minħabba f’inkapaċità permanenti;

f)

permezz tat-tmiem tal-impjieg deċiż mill-gvern f’każ ta’ ksur gravi tad-dmirijiet marbuta mal-kariga tagħhom jew il-ksur tal-obbligi f’materja ta’ inkompatibbiltajiet, ta’ kunflitti ta’ interess u tad-dmir ta’ diskrezzjoni. […]”

12

Id-disa’ dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 2/2011 tistabbilixxi miżuri tranżitorji intiżi għall-adattament tal-kompożizzjoni tal-kunsilli tal-organi regolatorji u ta’ superviżjoni kkonċernati u tal-Comisión Nacional de la Competencia (kummissjoni nazzjonali tal-kompetizzjoni, Spanja) għar-riforma li din il-liġi kienet timplementa. Din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod partikolari li, f’terminu ta’ xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-gvern irid, permezz ta’ digriet irjali, ikeċċi lill-membri tal-kunsilli tal-organi li l-mandat tagħhom kien skada fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet irjali, li l-ħatra tal-presidenti l-ġodda sseħħ fi tmiem l-mandati tal-presidenti fil-kariga, u li l-kunsilliera l-ġodda kellhom jinħatru meta n-numru ta’ kunsilliera fil-kariga li l-mandat tagħhom kien sejjer jispiċċa kien ser ikun inqas minn sitta. Fir-rigward tal-viċi presidenti, din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 2/2011, dawn kellhom jibqgħu jeżerċitaw il-kariga tagħhom sal-iskadenza tal-mandat tagħhom, u wara dan il-kariga ta’ viċi president ta’ kull organu kellu jitħassar.

13

Fl-10 ta’ Mejju 2011 ġew ippubblikati r-Real Decreto 667/2011 por el que se nombra Presidente de la Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones a don Bernardo Lorenzo Almendros (Digriet Irjali 667/2011 li jaħtar lil B. L. Almendros bħala President tal-kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet), tad-9 ta’ Mejju 2011 (BOE Nru 111 tal-10 ta’ Mejju 2011, p 47215) kif ukoll ir-Real Decreto 669/2011 por el que se nombra Consejero de la Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones a don Xabier Ormaetxea Garai (Digriet Irjali 669/2011 li jaħtar lil X. Ormaetxea Garai bħala kunsillier tal-kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet), tad-9 ta’ Mejju 2011 (BOE Nru 111 tal-10 ta’ Mejju 2011, p. 47217). Dawn il-ħatriet twettqu konformement mal-Artikolu 13 u mad-disa’ dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 2/2011.

14

Il-Ley 3/2013 de creación de la Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (Liġi 3/2013 li tistabbilixxi l-kummissjoni nazzjonali tas-swieq u tal-kompetizzjoni), tal-4 ta’ Ġunju 2013 (BOE Nru 134, tal-5 ta’ Ġunju 2013, p. 42191), ħassret l-Artikolu 13 tal-Liġi 2/2011.

15

Il-preambolu tal-Liġi 3/2013 jippreċiża b’mod partikolari li r-riforma li din il-leġiżlazzjoni tqiegħed fis-seħħ, li tikkonsisti fil-ħolqien tal-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (kummissjoni nazzjonali tas-swieq u tal-kompetizzjoni, Spanja, iktar ’il quddiem iċ-“CNMC”), li ser jgħaqqad il-funzjonijiet relatati mal-funzjonament tajjeb tas-swieq u tas-setturi ssorveljati sa dakinhar minn awtoritajiet regolatorji differenti, hija intiża sabiex iżżid l-ekonomiji ta’ skala u tiżgura l-koerenza u l-effettività tar-regolament tal-industriji kollha tan-netwerk, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u tal-utenti. Dan il-preambolu jindika wkoll li ċ-CNMC għandu personalità ġuridika għalih u li għandu kapaċità pubblika u privata u li qed jaġixxi f’konformità sħiħa mal-liġi, f’awtonomija organika u funzjonali u indipendentement mill-gvern, mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u mill-interessi tal-intrapriżi u dawk kummerċjali.

16

Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi 3/2013, iċ-CNMC huwa nkarigat mis-sorveljanza u mill-kontroll tal-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Artikoli oħra ta’ din il-liġi kienu jinkarigawh b’funzjonijiet oħra, bħal li jippreżerva u jippromwovi l-kompetizzjoni fuq is-swieq kollha u s-setturi produttivi kif ukoll sabiex jissorvelja u jikkontrolla s-swieq tal-elettriku u tal-gass, is-settur postali, is-suq tax-xandir u s-settur ferrovjarju.

17

It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 3/2013, tiddisponi fil-paragrafu 1 tagħha, li t-twaqqif taċ-CNMC iwassal għat-tneħħija tal-kummissjoni nazzjonali tal-kompetizzjoni, tal-Comisión Nacional de Energía (kummissjoni nazzjonali tal-elettriku, Spanja), taċ-CMT, tal-Comisión Nacional del Sector Postal (kummissjoni nazzjonali tas-settur postali, Spanja), tal-Comité de Regulación Ferroviaria (kumitat tar-regolazzjoni ferrovjarja, Spanja) tal-Comisión Nacional del Juego (kummissjoni nazzjonali tal-logħob tal-flus u tal-ażżard, Spanja), tal-Comisión de Regulación Económica Aeroportuaria (kummissjoni ta’ regolazzjoni ekonimika tal-ajruporti, Spanja) u tal-Consejo Estatal de Medios Audiovisuales (kunsill tal-istat dwar ix-xandir, Spanja).

18

L-Artikolu 23(1) tal-Liġi 3/2013 jipprevedi essenzjalment l-istess raġunijiet tat-tmiem tal-kariga tal-membri tal-kunsill li jmexxi l-kummissjoni nazzjonali tas-swieq u tal-kompetizzjoni bħal dawk li jissemmew fl-Artikolu 16 tal-Liġi 2/2011.

19

Ir-Real Decreto 657/2013 por el que se aprueba el Estatuto Orgánico de la Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (Digriet Irjali 657/2013, dwar l-adozzjoni ta’ statut organiku taċ-CNMC), ġie adottat fit-30 ta’ Awwissu 2013 (BOE Nru 209, tal-31 ta’ Awwissu 2013, p. 63623).

20

Fl-10 ta’ Settembru 2013 ġew ippubblikati d-Digrieti Rjali tad-9 ta’ Settembru 2013 li jaħtru lill-President, lill-Viċi President u lill-kunsilliera taċ-CNMC (BOE Nru 217, p. 66444 et seq.).

21

Fil-11 ta’ Ottubru 2013 ġew adottati r-Real Decreto 795/2013 por el que se dispone el cese de don Bernardo Lorenzo Almendros como Presidente de la Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (Digriet Irjali 795/2013, li jneħħi lil B. Lorenzo Almendros mill-funzjonijiet tiegħu ta’ President tal-kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet) (BOE Nru 247, tal-15 ta’ Ottubru 2013, p. 83736) kif ukoll ir-Real Decreto 800/2013 por el que se dispone el cese de don Xabier Ormaetxea Garai como Consejero de la Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (Digriet Irjali 800/2013, li jneħħi lil X. Ormaetxea Garai mill-funzjonijiet tiegħu ta’ kunsillier tal-kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet) (BOE Nru 247, tal-15 ta’ Ottubru 2013, p. 83741). Dawn iż-żewġ Digrieti Rjali jipprevedu li dawn it-terminazzjonijiet tar-relazzjoni tax-xogħol kellhom effett retroattiv għas-7 ta’ Ottubru 2013.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22

X. Ormaetxea Garai u B. Lorenzo Almendros jikkontestaw quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja) id-Digrieti Rjali 795/2013 u 800/2013 li ċaħħduhom mill-mandati tagħhom, rispettivament, ta’ kunsillier u ta’ President għaċ-CMT. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma jsostnu b’mod partikolari li t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom tikser l-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas, minħabba li permezz ta’ dawn id-digrieti rjali, intemmu il-funzjonijiet tagħhom qabel l-iskadenza tal-mandati tagħhom mingħajr raġuni legali għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, b’dawn ir-raġunijiet ikunu indikati b’mod eżawrjenti fid-dritt nazzjonali. Huma jenfasizzaw ukoll li l-adozzjoni ta’ tali digrieti rjali ma kienet ippreċeduta minn l-ebda proċedura dixxiplinari, li dawn ma humiex immotivati u li r-raġunijiet għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom ma ġewx ikkomunikati lilhom.

23

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, waqt li tagħmel riferiment għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas u għas-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (C‑82/07, EU:C:2008:143), tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584), u tat-8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237), jekk il-ħolqien ta’ organu wieħed ta’ superviżjoni u ta’ regolamentazzjoni tas-swieq u tal-kompetizzjoni, li jamalgama flimkien numru ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali li kienu responsabbli minn setturi differenti, inkluż l-ARN fis-sens tad-Direttiva Qafas, huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont din il-qorti, din tal-aħħar tista’ tiġi mifhuma fis-sens li teżiġi li, sabiex l-indipendenza kif ukoll il-kompetenza teknika tal-ARN fis-sens ta’ din id-direttiva jiġu żgurati b’mod adegwat, dawn għandhom ikunu mgħammra bi struttura indipendenti li ma hijiex integrata f’entità oħra.

24

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-fatt jekk, matul tali riforma istituzzjonali, u li kieku wieħed kellu jassumi li dan huwa validu taħt id-Direttiva Qafas, huwiex possibbli li ma jiġix irrispettat it-tul kollu tal-mandati inizjalment mogħtija lill-kunsilliera u lill-President tal-ARN li kienu preċedentement fil-kariga. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li tali riforma u t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol li tirriżulta minnha jistgħu jiġu koperti mil-libertà tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-mudell tal-ARN tagħhom. Madankollu, il-fatt li din ir-riforma wasslet għat-terminazzjoni bikrija tal-mandati tal-kunsilliera preċedentement maħtura meta ma kien hemm ebda raġuni stabbilita għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol espressament prevista fl-Artikolu 16 tal-Liġi 2/2011, u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li jippermettu l-ikkompletar ta’ dawn il-mandati, fil-fehma tagħha, dan seta’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa kuntrarju għar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-ARN previst fl-Artikolu 3(2) u (3a) tad-Direttiva Qafas.

25

F’dan il-kuntest, din il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari jekk il-kunċett ta’ “indipendenza” tal-ARN taħt id-Direttiva Qafas għandux jiġi interpretat fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237), fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad-data personali previst fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-interpretazzjoni tad-[Direttiva Qafas] tippermetti li jitqies li, mill-perspettiva tal-ħarsien effettiv tal-interessi ġenerali li għandu jiġi ggarantit mill-awtorità nazzjonali regolatorja [fil-qasam ta’ netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi], il-ħolqien mil-leġiżlatur nazzjonali ta’ awtortià regolatorja u ta’ superviżjoni bbażata fuq mudell istituzzjonali mhux speċjalizzat, li jgħaqqad taħt organu wieħed l-awtoritajiet ta’ superviżjoni li kienu jeżistu sa dakinhar b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-kompetizzjoni, huwa kompatibbli ma din id-direttiva?

2)

Ir-rekwiżiti ta’ ‘indipendenza’ tal-[ARN], li għalihom jagħmlu riferiment l-Artikoli 3(2) u 3a tad-[Direttiva Qafas] għandhom ikunu analogi għal dawk imposti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ supervizjoni tal-protezzjoni tad-data personali dis-sens tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46[…]?

3)

Il-ġurisprudenza li tinsab fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] tat-8 ta’ April 2014 [Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237),] tista’ tiġi applikata għal każ fejn il-persuni responsabbli għal [ARN] jingħataw is-sensja qabel ma jintemm il-mandat tagħhom minħabba qafas legali ġdid li joħloq awtorità ta’ superviżjoni li tiġbor taħtha diversi […] setturi […]? Din is-sensja antiċipata, biss minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ liġi nazzjonali ġdida u mhux minħabba l-għajbien ex post tar-rekwiżiti ratione personae tal-aġenti tagħhom, li kienu ġew stabbiliti minn qabel fid-dritt nazzjonali, tista’ titqies kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(3a) tad-[Direttiva Qafas]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva Qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonsisti fil-fatt li jiġu amalgamati ARN, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra, bħalma huma dawk responsabbli mill-kompetizzjoni, mis-settur postali u mis-settur tal-enerġija, sabiex jinħoloq organu regolatur multisettorjali responsabbli b’mod partikolari mill-kompiti assenjati lill-ARN, fis-sens ta’ din l-aħħar direttiva.

28

Taħt l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas, il-kunċett ta’ “ARN” jindika l-organu jew l-organi fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva Qafas jew fid-Direttivi Speċifiċi. Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, la d-Direttiva Qafas u lanqas id-Direttivi Speċifiċi ma jindikaw il-korpi tal-Istati Membri li dawn tal-aħħar għandhom jafdawlhom il-kompiti regolatorji mogħtija lill-ARN tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punt 23).

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li l-Istati Membri, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, għandhom l‑obbligu jiżguraw effett sħiħ ta’ din, waqt li jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla tal-mezzi u tal-metodi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tagħha. Għalhekk din il-libertà ma taffetwax l‑obbligu li kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji għandu li jadotta kull miżura neċessarja sabiex jiżgura l‑effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, konformement mal-għan imfittex mid-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punti 2425 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għaldaqstant, jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jgawdu minn awtonomija istituzzjonali fl-organizzazzjoni u fl-istrutturazzjoni tal-ARN tagħhom fis-sens tal-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas, din l-awtonomija tista’ tiġi eżerċitata biss b’osservanza tal-għanijiet u tal-obbligi stabbiliti f’din id-direttiva (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, C‑82/07, EU:C:2008:143, punt 24; tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punt 26, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 53).

31

Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax, fil-kuntest ta’ riforma istituzzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħti lill-organu regolatorju multisettorjali l-kompiti tal-ARN taħt id-Direttiva Qafas u id-Direttivi Speċifiċi ħlief jekk fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti, dan l-organu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni li għalihom l‑imsemmija direttivi jissuġġettaw lill-ARN (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punt 27).

32

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva Qafas li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mill-kompiti mogħtija lill-ARN jitwettaq minn organu kompetenti, għandhom jiggarantixxu l‑indipendenza ta’ dawn l‑ARN billi jiżguraw li jkunu legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu netwerks, apparat jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u għandhom jiżguraw li l-imsemmija ARN jeżerċitaw is-setgħat tagħhom imparzjalment, b’mod trasparenti u fil-ħin u li huma għandhom ir-riżorsi umani u finanzjarji sabiex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom.

33

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas, bla ħsara għall-każijiet ta’ konsultazzjoni u ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra previsti fil-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-artikolu, l-ARN responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi għandhom jaġixxu indipendentement u ma għandhomx jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp ieħor fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom. Permezz ta’ dan l-istess Artikolu 3(3a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali ARN jkollhom baġits annwali separati, li jiġu ppubblikati, u li dawn l-ARN jiddisponu minn riżorsi finanzjarji u umani xierqa sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod attiv u jagħtu kontribut lill-BEREC.

34

L-Artikolu 3(4) u (6) tad-Direttiva Qafas jipprevedi wkoll li l-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-ARN b’mod faċilment aċċessibbli u li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ARN kollha assenjati xogħlijiet taħt id‑Direttiva Qafas u d‑Direttivi Speċifiċi, kif ukoll ir‑responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

35

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 4 tal-istess direttiva, id‑deċiżjonijiet tal-ARN għandhom ikunu appellabbli quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti.

36

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva Qafas ma tipprekludix, bħala prinċipju, li ARN, fis-sens ta’ din id-direttiva, jiġu amalgamati ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra u li dawn flimkien jifformaw organu wieħed ta’ regolamentazzjoni multisettorjali sakemm, fl-eżerċizzju tal-kompiti li d-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi jattribwixxu lill-ARN, dan l-organu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza previsti mid-Direttiva Qafas u li d‑deċiżjonijiet li huwa jieħu jistgħu jiġu appellati quddiem organu indipendenti mill-partijiet involuti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punt 30, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2015, KPN, C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 57).

37

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk iċ-CNMC issodisfax dawn ir-rekwiżiti meta jintervjeni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħala ARN. F’dan ir-rigward, madankollu, jista’ jiġi osservat li jidher li jirriżulta mil-Liġi 3/2013 li din fiha d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw li ċ-CNMC jeżerċita l-funzjonijiet attribwiti lill-ARN mid-Direttiva Qafas u mid-Direttivi Speċifiċi, li ċ-CNMC huwa strutturat sabiex jirrifletti l-funzjonijiet differenti assenjati lilu, li l-korpi governattivi tiegħu huma komposti minn membri li l-awtorità u l-kompetenza professjonali tagħhom hija rikonoxxuta fl-oqsma li fihom iċ-CNMC huwa responsabbli u li għandu assi indipendenti minn dawk tal-amministrazzjoni ġenerali Spanjola kif ukoll awtonomija suffiċjenti u l-kapaċità ġuridika neċessarja għall-ġestjoni tar-riżorsi tiegħu. Jirriżulta wkoll mit-termini tal-Liġi 3/2013 li huma previsti rimedji ġudizzjarji kontra d-deċiżjonijiet taċ-CNMC.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel domanda hija li d-Direttiva Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonsisti fil-fatt li ARN, fis-sens ta’ din id-direttiva, jiġu amalgamati ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra, bħalma huma dawk responsabbli mill-kompetizzjoni, mis-settur postali u mis-settur tal-enerġija, sabiex jinħoloq organu regolatur multisettorjali responsabbli b’mod partikolari mill-kompiti assenjati lill-ARN, fis-sens ta’ din id-direttiva, sakemm, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti, dan l-organu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza previsti minn din u li d‑deċiżjonijiet li huwa jieħu jistgħu jiġu appellati quddiem organu indipendenti mill-partijiet involuti, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

39

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-President u l-kunsillier tal-ARN li qed jiġi amalgamat jiġu mkeċċija qabel l-iskadenza tal-mandati tagħhom, mis-sempliċi fatt li kien hemm riforma istituzzjonali li tikkonsisti fil-fatt li jiġu amalgamati ARN, responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi, ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra sabiex jinħoloq organu regolatorju multisettorjali inkarigat b’mod partikolari mill-kompiti mogħtija lill-ARN, fis-sens ta’ din id-direttiva.

40

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kap ta’ ARN responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi jew, fejn applikabbli, il-membri tal-korp kolleġġjali li jkopri dik il-funzjoni f’ARN jistgħu jitkeċċew biss jekk ma jissodisfawx iktar il-kundizzjonijiet mitluba għat-twettiq ta’ dmirijiethom li jkunu stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol għandha ssir pubblika u r-raġunijiet għal din it-terminazzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-kap imkeċċi jew lill-membri mkeċċija tal-korp kolleġġjali li jkopru din il-funzjoni, li għandhom id-dritt li jistaqsu għall-pubblikazzjoni tagħhom, jekk dan ma jsirx awtomatikament.

41

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit, minn naħa, li ċ-CMT, li kien inkarigat mir-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tas-settur tat-telekomunikazzjoni, kien immexxi minn korp kolleġġjali u, min-naħa l-oħra, li t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol tal-President u tal-kunsillier taċ-CMT, rikorrenti fil-kawża prinċipali, li seħħet qabel l-iskadenza tal-mandati rispettivi tagħhom, tirriżulta mhux mill-applikazzjoni ta’ waħda mir-raġunijiet għat-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom hekk kif kienet prevista fl-Artikolu 16 tal-Liġi 2/2011, iżda mir-riforma istituzzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li wasslet għat-tneħħija taċ-CMT u għat-tkomplija tal-kompiti ta’ ARN ta’ din tal-aħħar miċ-CNMC, fis-sens tad-Direttiva Qafas.

42

Huwa stabbilit ukoll li għalkemm, matul ir-riforma li rriżultat mil-Liġi 2/2011, kienu previsti miżuri tranżitorji, dan ma kienx il-każ matul ir-riforma li rriżultat mil-Liġi 3/2013, li kellha l-effett li ttemm prematurament il-mandati tal-President u tal-kunsilliera taċ-CMT, mandati miżmuma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

43

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas, li t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan seħħ għal raġuni differenti mill-fatt, għal dawn ir-rikorrenti, li ma baqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, hekk kif iddefiniti minn qabel fid-dritt nazzjonali.

44

Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tistaqsi dwar il-fatt jekk, minħabba l-awtonomija istituzzjonali mogħti lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni u fl-istrutturar tal-ARN tagħhom, riforma istituzzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħatx tikkostitwixxi madankollu raġuni valida għat-terminazzjoni bikrija tar-relazzjoni tax-xogħol, mingħajr ma tolqot l-indipendenza tal-ARN hekk kif hija ggarantita mid-Direttiva Qafas.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, kien, essenzjalment, konformement mal-premessa 11 ta’ din id-direttiva, jiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ARN billi jiżgura s-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, il-leġiżlatur tal-Unjoni, bid-Direttiva 2009/140 u hekk kif indikat bil-premessa 13 ta’ din, kellu l-intenzjoni li jsaħħaħ l-indipendenza tal-ARN sabiex jiżgura applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u sabiex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni, C‑240/15, EU:C:2016:608, punti 3234).

46

Il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140 għalhekk tistabbilixxi li għal dan il-għan għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, ARN responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew mill-pressjoni politika li jistgħu jippreġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha u li, għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti minn qabel regoli dwar ir-raġunijiet għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol tal-kap tal-ARN sabiex jitneħħa kull dubju raġonevoli dwar in-newtralità ta’ dan l-organu u dwar li ma jkunx influwenzat minn fatturi esterni.

47

Issa, dan l-għan tat-tisħiħ tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-ARN minn issa ’l quddiem imfittex mid-Direttiva Qafas, li huwa espress fl-Artikolu 3(3a) tagħha, ikun kompromess jekk minħabba f’riforma istituzzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien possibbli li jintemm prematurament u immedjatament il-mandat ta’ membru wieħed jew iktar tal-korp kolleġġjali li jmexxi l-ARN inkwistjoni. Fil-fatt, kieku dan kellu jiġi aċċettat, ir-riskju ta’ tkeċċija immedjata għal raġuni oħra barra minn dawk previsti bil-liġi, fejn anki membru wieħed biss ta’ tali korp kolleġġjali seta’ jiġi hekk ikkonfrontat bihom, dan seta’ joħloq dubju raġonevoli dwar in-newtralità tal-ARN ikkonċernata u dwar li ma tkunx influwenzata minn fatturi esterni u li jdgħajfu l-indipendenza, l-imparzjalità u l-awtorità tagħha.

48

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif irrilevat, essenzjalment, mill-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-kompiti assenjati lilhom mid-Direttiva Qafas u mid-Direttivi Speċifiċi, l-ARN huma b’mod partikolari msejħa sabiex jassenjaw drittijiet individwali u għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi, huma għandhom ċertu setgħa regolatorja ċara b’mod partikolari fil-qasam tal-kontroll tal-prezzijiet, u huma jistgħu jimponu obbligi fuq impriżi b’saħħa sinjifikattiva fis-suq. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji tas-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi assenjati lilhom mid-Direttiva Qafas, l-ARN għandhom setgħa wiesgħa sabiex iqisu l-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni ta’ suq skont kull sitwazzjoni, abbażi ta’ każ b’każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑424/07, EU:C:2009:749, punti 55 sa 61).

49

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, jekk it-tisħiħ tal-indipendenza tal-ARN kienet imwettqa mid-Direttiva 2009/140, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u sabiex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tagħhom, jibqa’ l-fatt li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom, b’osservanza tal-għanijiet u tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva Qafas, awtonomija istituzzjonali fl-organizzazzjoni u fl-istrutturar tal-ARN tagħhom.

50

In-neċessità li jiġu rrispettati l-imparzjalità u l-indipendenza tal-kap ta’ ARN responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi jew, fejn applikabbli, għall-membri tal-korp kolleġġjali li jkopru din il-funzjoni, għalhekk ma tistax tipprekludi riforma istituzzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li sseħħ meta l-mandati tagħhom għadhom għaddejjin.

51

Madankollu, huwa għall-Istat Membru kkonċernat, sabiex jissodisfa l-obbligi stabbiliti mill-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas, li jipprevedi għal regoli li jiggarantixxu li t-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol qabel l-iskadenza tal-mandati tagħhom ma jaffettwax l-indipendenza u l-imparzjalità tal-persuni kkonċernati.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata lit-tieni u lit-tielet domanda hija li l-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-President u l-kunsillier, li huma membri tal-korp kolleġġjali li jmexxi l-ARN li qed jiġi amalgamat, jiġu mkeċċija qabel l-iskadenza tal-mandati tagħhom, mis-sempliċi fatt li kien hemm riforma istituzzjonali li tikkonsisti fil-fatt li jiġu amalgamati ARN, responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi, ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra sabiex jinħoloq organu regolatorju multisettorjali inkarigat b’mod partikolari mill-kompiti mogħtija lill-ARN, fis-sens ta’ din id-direttiva, sakemm ma jkunux previsti regoli li jiggarantixxu li tali terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol ma jaffettwawx l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonsisti fil-fatt li awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, tiġi jiġu amalgamata ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra, bħalma huma dawk responsabbli mill-kompetizzjoni, mis-settur postali u mis-settur tal-enerġija, sabiex jinħoloq organu regolatur multisettorjali responsabbli b’mod partikolari mill-kompiti assenjati lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fis-sens ta’ din id-direttiva kif emendata, sakemm, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti, dan l-organu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza previsti minn din u li d‑deċiżjonijiet li huwa jieħu jistgħu jiġu appellati quddiem organu indipendenti mill-partijiet involuti, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

2)

L-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-President u l-kunsillier, li huma membri tal-korp kolleġġjali li jmexxi l-awtorità regolatorja nazzjonali li qed tiġi amalgamata, jiġu mkeċċija qabel l-iskadenza tal-mandati tagħhom, mis-sempliċi fatt li kien hemm riforma istituzzjonali li tikkonsisti fil-fatt li jiġu amalgamati awtorità regolatorja nazzjonali, responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi, ma’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali oħra sabiex jinħoloq organu regolatorju multisettorjali inkarigat b’mod partikolari mill-kompiti mogħtija lill-awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens ta’ din id-direttiva kif emendata, sakemm ma jkunux previsti regoli li jiggarantixxu li tali terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol ma jaffettwawx l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top