Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0368

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2017.
    Kawża mressqa minn Ilves Jakelu Oy.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 97/67/KE – Artikolu 9 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi postali – Kunċetti ta’ servizz universali u ta’ rekwiżiti essenzjali – Awtorizzazzjonijiet ġenerali u individwali – Awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ servizzi postali sabiex jiġu eżegwiti kuntratti nnegozjati individwalment – Kundizzjonijiet imposti.
    Kawża C-368/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:462

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    15 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 97/67/KE — Artikolu 9 — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi postali — Kunċetti ta’ servizz universali u ta’ rekwiżiti essenzjali — Awtorizzazzjonijiet ġenerali u individwali — Awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ servizzi postali sabiex jiġu eżegwiti kuntratti nnegozjati individwalment — Kundizzjonijiet imposti”

    Fil-Kawża C‑368/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema, il-Finlandja), b’deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura mibdija minn

    Ilves Jakelu Oy,

    fil-preżenza ta’:

    Liikenne- ja viestintäministeriö,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u C.G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Ilves Jakelu Oy, minn H. Piekkala u I. Aalto-Setälä, avukat,

    għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Gvern Norveġiż, minn I. Thue u C. Rydning, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira u P. Aalto, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, (ĠU 2008, L 52, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Ilves Jakelu Oy kontra d-deċiżjoni tal-Valtioneuvosto (kunsill tal-ministri, il-Finlandja), tat-30 ta’ Jannar 2017, li tissuġġetta liċenzja postali għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 15 tad-Direttiva 97/67 hija fformulata kif ġej:

    “Billi d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-provvista ta’ servizz universali huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-operaturi universali li jinnegozjaw kuntratti mal-klijenti individwalment”.

    4

    Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

    […]

    (13)

    fornitur ta’ servizz universali: il-fornitur ta’ servizz postali pubbliku jew privat li jipprovdi servizz postali universali jew partijiet minnu fi Stat Membru, li l-identità tiegħu tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4;

    (14)

    awtorizzazzjonijiet: kull permess li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi għas-settur postali u li jippermetti lill-impriżi biex jipprovdu servizzi postali u, fejn japplika, li jistabbilixxu u/jew iħaddmu n-netwerks tagħhom għall-forniment ta’ dawk is-servizzi, fil-forma ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ‘liċenzja individwali’ kif definit hawn taħt:

    ‘awtorizzazzjoni ġenerali’; awtorizzazzjoni, irrispettivament minn jekk tkunx regolata minn ‘liċenzja ta’ klassi’ jew taħt liġi ġenerali u irrispettivament minn jekk dak ir-regolament ikunx jeħtieġ reġistrazzjoni jew proċeduri ta’ dikjarazzjoni, li ma teħtieġx li l-fornitur ta’ servizz postali kkonċernat jikseb deċizjoni espliċita mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma jeżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni,

    ‘liċenzja individwali’; awtorizzazzjoni li tingħata minn awtorità regolatorja nazzjonali u li tagħti lill-fornitur ta’ servizz postali drittijiet speċifiċi, jew li tissuġġetta lill-operazzjonijiet ta’ dik l-impriża għal obbligi speċifiċi li jissupplimentaw l-awtorizzazzjoni ġenerali meta din tkun applikabbli, meta l-fornitur ta’ servizz postali ma jkunx intitolat jeżerċita d-drittijiet konċernati sakemm ma jkunx irċieva d-deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali;

    […]

    (19)

    rekwiżiti essenzjali: raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru jimponi kondizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi postali. Dawn ir-raġunijiet huma l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, is-sigurtà tan-netwerk fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża, rispett għat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, skemi tas-sigurtà soċjali, stabbiliti minn liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u/jew bi ftehim kollettiv innegozjat bejn imsieħba soċjali nazzjonali, skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali u, fejn iġġustifikat, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ippjanar reġjonali. Il-protezzjoni tad-data tista’ tinkludi l-protezzjoni ta’ data personali, il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni mibgħuta jew maħżuna u l-protezzjoni tal-privatezza.

    […]”

    5

    Il-Kapitolu 2 tad-Direttiva 97/67 jirrigwarda s-servizz universali. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi il-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

    […]

    4.   Kull Stat Membru għandu jaddotta l-miżuri meħtiġa biex jiżgura li s-servizz universali jinkludi l-faċilitajiet minimi li ġejjin:

    l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa żewġ kilogrammi,

    l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa 10 kilogrammi,

    servizzi għal oġġetti reġistrati u oġġetti assigurati.”

    6

    L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Għal servizzi li jaqgħu barra l-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ sabiex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

    2.   Għal servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji individwali, sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali u biex jiġi żgurat il-forniment tas-servizz universali.

    L-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet jista’:

    ikun soġġett għall-obbligi ta’ servizz universali,

    jekk meħtieġ u ġġustifikat, jimponi rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tas-servizzi rilevanti,

    fejn xieraq, ikun soġġett għal obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni msemmijin fl-Artikolu 7, jekk il-forniment tas-servizz universali jkun jimplika spiża netta u jirrappreżenta piż inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali, innominat skond l-Artikolu 4,

    fejn xieraq, ikun suġġett għal obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-ispejjeż operazzjonali ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22,

    fejn xieraq, jiġi magħmul soġġett għal jew jimponi obbligu għar-rispett tal-kondizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mil-leġislazzjoni nazzjonali.

    L-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fl-ewwel inċiż u fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu imposti biss fuq il-fornituri nnominati ta’ servizz universali.

    Ħlief fil-każ ta’ impriżi li ġew innominati bħala fornituri ta’ servizz universali skond l-Artikolu 4, l-awtorizzazzjonijiet ma jistgħux:

    ikunu limitati fin-numru,

    għall-istess elementi ta’ servizz universali jew ta’ partijiet tat-territorju nazzjonali, jimponu obbligi ta’ servizzi universali u, fl-istess ħin, kontributi finanzjarji għal mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni,

    jirduppjaw il-kondizzjonijiet li japplikaw għal impriżi minħabba leġislazzjoni nazzjonali oħra mhux speċifika għas-settur,

    jimponu kondizzjonijiet tekniċi u operattivi barra minn dawk meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ din id-Direttiva.

    3.   Il-proċeduri, l-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli, non-diskriminatorji, proporzjonati, preċiżi u mhux ambigwi, jkunu pubbliċi minn qabel u bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għar-rifjut jew l-irtirar totali jew parzjali ta’ awtorizzazzjoni jiġu kkomunikati lill-applikant u għandhom jistabbilixxu proċedura ta’ appell.”

    7

    Il-premessa 33 tad-Direttiva 2008/6 tiddisponi:

    “L-Istati Membri għandhom ikunu permessi jużaw awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali kull meta jkun iġġustifikat u proporzjonat għall-objettiv segwit […]”.

    Id-dritt Finlandiż

    8

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Postilaki (415/2011), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 415/2011”), l-għan ta’ dan huwa li jiżgura li s-servizzi postali, u b’mod partikolari s-servizz universali, ikunu aċċessibbli, bl-istess kundizzjonijiet, fil-pajjiż kollu.

    9

    Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi 415/2011, kull attività postali li tikkonċerna li jintbagħat tibgħat posta hija suġġetta għal liċenzja. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, il-liċenzja għal servizz postali għandha tintalab mingħand il-valtioneuvosto. L-għoti ta’ din il-liċenzja ma twassalx għall-pubblikazzjoni ta’ avviż.

    10

    Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi 415/2011, il-liċenzja għandha tingħata jekk:

    “1)

    l-applikanta hija kumpannija jew assoċjazzjoni li tiddisponi minn riżorsi ekonomiċi suffiċjenti sabiex tissodisfa l-obbligi ta’ impriża postali;

    2)

    ma hemm ebda raġuni ġustifikabbli sabiex jiġi ddubitat li l-applikanta ma għandhiex il-kapaċità li tosserva d-dispożizzjonijiet u l-ħtiġijiet applikabbli għall-attività postali;

    3)

    l-applikanta għandha l-kapaċità li tiżgura operazzjoni regolari skont il-liċenzja;

    4)

    it-territorju kopert mil-liċenzja mitluba jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7;

    5)

    il-Gvern ma għandu l-ebda raġuni partikolari sabiex jissuspetta li l-għoti tal-liċenzja jista’ joħloq riskju manifest għas-sigurtà nazzjonali.”

    11

    L-Artikolu 9 tal-Liġi 415/2011 jirreferi għall-kontenut tal-liċenzja. Skont il-punt 5 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 9, il-valtioneuvosto għandu jipprevedi obbligi fil-liċenzja sabiex dawn jikkompletaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew id-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi ta’ din tal-aħħar u li jikkonċernaw kull rekwiżit ieħor, simili għal dawk elenkati fil-punti 1 sa 4 ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 9, li huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-kwalità, id-disponibbiltà u l-effiċjenza tas-servizzi.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    12

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2014, il-valtioneuvosto ta lil Ilves Jakelu liċenzja sabiex teżerċita attività postali li tikkonċerna li tibgħat posta fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Liġi 415/2011. L-ewwel klawżola ta’ din il-liċenzja telenka l-muniċipalitajiet tat-territorju Finlandiż koperti mil-liċenzja mitluba. Skont it-tieni klawżola ta’ din il-liċenzja, li tirrigwarda l-volum tal-attività, Ilves Jakelu għandha d-dritt li teżerċita attività postali illimitata fir-rigward ta’ klijenti li magħhom hija tkun ikkonkludiet kuntratt f’dak it-territorju.

    13

    Il-klawżoli 4 sa 8 ta’ din il-liċenzja huma intiżi sabiex jiżguraw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-effiċjenza tas-servizzi postali. Taħt il-klawżola 4 ta’ din l-istess liċenzja, Ilves Jakelu għandha tifformula l-kundizzjonijiet ta’ kunsinna qabel ma tibda tipprovdi servizzi ta’ kunsinna tal-posta. Skont il-klawżola 5 tal-liċenzja maħruġa permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2014, Ilves Jakelu għandha tiżgura li s-servizzi tagħha jkunu organizzati b’tali mod li l-posta wara d-data tal-għeluq tkun imqassma mill-inqas darba fil-ġimgħa, bl-eċċezzjoni tal-vaganzi. Skont il-klawżola 6 ta’ din il-liċenzja, Ilves Jakelu għandha tipprovdi s-servizz ta’ sospensjoni tal-kunsinna u servizz ta’ bdil tal-indirizz. Taħt il-klawżola 7 ta’ din il-liċenzja, Ilves Jakelu għandha tittikkettja l-posta sabiex din tkun tista’ tiġi distinta u sseparata minn ittri simili mibgħuta minn detenturi oħra ta’ liċenzja. Skont il-klawżola 8 ta’ din il-liċenzja, Ilves Jakelu għandha, f’kull komun tat-territorju kopert minnha, tirranġa mill-inqas punt wieħed ta’ ġbir għall-wasla tal-ittri msemmija fl-Artikolu 47 tal-Liġi 415/2011 u għar-ritorn tal-posta li kienet is-suġġett ta’ żball ta’ distribuzzjoni.

    14

    Skont Ilves Jakelu, l-Artikolu 9 tal-Liġi 415/2011 imur kontra d-Direttiva 97/67 peress li ma jipprevedix proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u peress li dan jippermetti li l-għoti ta’ liċenzji jkun suġġett għal servizzi li ma humiex koperti mis-servizz universali barra minn dawk il-kundizzjonijiet l-oħra li jikkorrispondu għar-rekwiżiti essenzjali.

    15

    Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-valtioneuvosto jistax jissuġġetta l-għoti tal-liċenzja mogħtija lil Ilves Jakelu għall-osservanza tal-klawżoli 4 sa 8 tagħha. Skont il-Gvern Finlandiż, dawn il-klawżoli huma neċessarji sabiex jiżguraw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-effiċjenza tas-servizzi postali suġġetti għall-liċenzja.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (qorti amministrattiva suprema, il-Finlandja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-[Direttiva 97/67], id-distribuzzjoni ta’ oġġetti postali ta’ klijenti abbonati għandha titqies li hija servizz li ma jaqax fl-ambitu tas-servizz universali skont l-Artikolu 9(1) jew servizz li jaqa’ fl-ambitu tas-servizz universali skont l-Artikolu 9(2) [ta’ din], fil-każ li l-impriża postali tiftiehem mal-klijenti tagħha l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kunsinna u timponilhom ħlas miftiehem b’mod individwali?

    2)

    Fil-każ li d-distribuzzjoni hawn fuq imsemmija ta’ oġġetti postali ta’ klijenti abbonati tkun tinvolvi servizz li ma jaqax fl-ambitu tas-servizz universali, l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 2(14) [tad-Direttiva 97/67] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ tali servizzi postali, taħt ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tista’ tiġi suġġetta għal liċenzja individwali, skont kif previst fil-liġi dwar is-servizzi postali?

    3)

    Fil-każ li d-distribuzzjoni hawn fuq imsemmija ta’ oġġetti postali ta’ klijenti abbonati tkun tinvolvi servizz li ma jaqax fl-ambitu tas-servizz universali, l-Artikolu 9(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ tali servizzi tista’ tiġi suġġetta biss għal termini intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali skont l-Artikolu 2(19) tad-Direttiva [97/67] u li awtorizzazzjonijiet fir-rigward ta’ tali servizzi ma jistgħux jiġu suġġetti għal termini dwar il-kwalità, id-disponibbiltà jew l-eżekuzzjoni tas-servizzi rilevanti skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva?

    4)

    Fil-każ li awtorizzazzjonijiet fir-rigward tad-distribuzzjoni […] ta’ oġġetti postali ta’ klijenti abbonati jistgħu jiġu suġġetti biss għal termini intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali, termini bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tas-servizz postali li jirregolaw il-kunsinna, il-frekwenza tad-distribuzzjoni ta’ oġġetti, is-servizz tal-bdil tal-indirizz u tas-sospensjoni tal-kunsinna, l-ittikkettjar tal-oġġetti u l-postijiet tal-ġbir – jistgħu jitqiesu li huma konformi mar-rekwiżiti essenzjali skont l-Artikolu 2(19) [tad-Direttiva 97/67] u neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali skont l-Artikolu 9(1) [ta’ din id-direttiva]?”

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    17

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 għandux ikun interpretat fis-sens li s-servizz li tibgħat posta bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt is-servizz universali meta l-impriża postali li tipprovdih tiftiehem dwar modalitajiet ta’ distribuzzjoni mal-klijenti tagħha, li hija tiffatturalhom ammont li kien is-suġġett ta’ ftehim. Skont il-każ, il-qorti tistaqsi jekk il-provvista ta’ tali servizzi postali f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux ikunu suġġetti għall-għoti ta’ liċenzja individwali.

    18

    Sabiex jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk il-provvista ta’ servizz ta’ distribuzzjoni ta’ oġġetti postali ta’ klijenti li magħhom ikun ġie konkluż kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt din id-dispożizzjoni jew, għall-kuntrarju, jaqax taħt l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi ddeterminat minn qabel, jekk dan is-servizz jaqax taħt il-kunċett ta’ “servizz universali” fis-sens tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva. Huwa għalhekk għall-qorti tar-rinviju li teżamina jekk l-attivitajiet imwettqa minn Ilves Jakelu, li kienu s-suġġett tat-talba tagħha għal awtorizzazzjoni, jissodisfawx il-kriterji stabbiliti f’dan ir-rigward mid-Direttiva 97/67.

    19

    Jirriżulta, minn naħa, mill-punt 13 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li l-fornitur ta’ servizz universali huwa l-entità pubblika jew privata li tiżgura s-servizz universali postali kollu jew parti minnu fi Stat Membru u li l-identità tagħha tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni.

    20

    Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 97/67, servizz universali jikkonsisti f’offerta ta’ servizzi postali ta’ kwalità speċifika pprovduti b’mod permanenti f’kull punt tat-territorju bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

    21

    Fost l-elementi li għandhom jitqiesu f’dan ir-rigward hemm iċ-ċirkustanza, irrilevata mill-qorti tar-rinviju, li l-ebda obbligu ta’ provvista ta’ servizz universali ma kien impost fuq Ilves Jakelu. Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż li skonthom Ilves Jakelu ma kinitx il-fornitur tas-servizz universali, fis-sens tal-punt 13 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67, u li liema isem kien ġie kkomunikat lill-Kummissjoni.

    22

    Dan japplika wkoll għall-fatt li Ilves Jakelu talbet għal liċenzja postali sabiex tipprovdi servizzi postali fit-territorju ta’ ċerti muniċipalitajiet. Fil-fatt, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, is-servizz postali universali għandu jkun ipprovdut fil-punti kollha tat-territorju.

    23

    Barra minn hekk, il-Gvern Finlandiż indika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li Ilves Jakelu offriet is-servizzi tagħha biss lill-klijenti li magħhom kienet ikkonkludiet ftehimiet kummerċjali. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li l-ammont dovut għas-servizzi postali offruti minn din il-kumpannija huwa nnegozjat separatament u mħallas mal-preżentata tal-fattura.

    24

    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li s-servizzi tal-posta espress huma differenti minn dawk tas-servizz postali universali minħabba fil-valur miżjud tagħhom għall-klijenti, li għalih il-klijenti huma lesti li jħallsu iktar. Tali servizzi jikkorrispondu għal servizzi speċifiċi li jistgħu jiġu sseparati mis-servizz ta’ interess ġenerali, li jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tal-operaturi ekonomiċi u li jeżiġu ċerti servizzi supplimentari li s-servizz postali tradizzjonali ma joffrix (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C‑320/91, EU:C:1993:198, punt 19).

    25

    Barra minn hekk, mill-premessa 15 tad-Direttiva 97/67 jirriżulta li l-possibbiltà li l-kuntratti jiġu nnegozjati fuq bażi individwali mal-klijenti ma tikkorrispondix, a priori, mal-kunċett ta’ provvista ta’ servizz universali (sentenza tat-23 ta’ April 2009, TNT Post UK, C‑357/07, EU:C:2009:248, punt 48).

    26

    Għaldaqstant, l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz li tibgħat posta bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkunsidrata bħala servizz li ma jaqax taħt is-servizz universali jekk huwa ma jikkorrispondix għal offerta ta’ servizzi postali ta’ kwalità ddeterminata, ipprovduta fuq bażi permanenti mill-punti kollha fit-territorju u bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu mill-utenti kollha, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    27

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi suġġetta għall-għoti ta’ liċenzja individwali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-impriżi tas-settur postali għal awtorizzazzjonijiet ġenerali fir-rigward ta’ servizzi li ma jaqgħux taħt is-servizzi universali, filwaqt li l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizzi universali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria), C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 20].

    28

    Għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jirriżulta mill-premessa 33 tad-Direttiva 2008/6 li l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati japplikaw għal sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u ta’ liċenzji individwali kull meta dan ikun neċessarju u xieraq għall-għan imfittex, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67, kuntrarju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ma jipprevedix il-possibbiltà sabiex il-provvista tas-servizzi postali tkun suġġetta għall-ħruġ ta’ liċenzja individwali.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-provvista ta’ tali servizzi tista’ biss tkun suġġetta għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva.

    30

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz li tibgħat posta bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt is-servizz universali jekk huwa ma jikkorrispondix għal offerta ta’ servizzi postali ta’ kwalità ddeterminata, ipprovduti fuq bażi permanenti mill-punti kollha fit-territorju u bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu mill-utenti kollha. Il-provvista tas-servizz li tibgħat posta li ma jaqax taħt is-servizz universali jista’ jkun biss suġġett għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ġenerali.

    Fuq it-tielet domanda

    31

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 għandux ikun interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali jistax jiġi ssuġġettat għal rekwiżiti bħal dawk fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva.

    32

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni fis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria) (C‑2/15, EU:C:2016:880), u r-risposta minnha mogħtija hija wkoll valida għal din il-kawża.

    33

    Fil-fatt, fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-osservanza ta’ rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tas-servizzi rilevanti. Hija kkunsidrat li fl-assenza ta’ ċarezza dwar is-servizzi kkonċernati minn dan l-obbligu, għandu jiġi enfasizzat li mix-xogħol preparatorju dwar id-Direttiva 2008/6 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni mhux biss li jneħħi l-aħħar ostakoli għall-ftuħ sħiħ tas-suq għal ċerti fornituri ta’ servizzi postali, iżda wkoll l-ostakoli l-oħra kollha għall-provvista ta’ servizzi postali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fl-assenza ta’ indikazzjoni kuntrarja u fid-dawl tan-natura tal-obbligu inkwistjoni, jidher għalhekk li l-fornituri kollha tas-servizzi postali jistgħu jkunu suġġetti għall-obbligu msemmi fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali jista’ jiġi ssuġġettat għal rekwiżiti bħal dawk fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva.

    Fuq ir-raba’ domanda

    35

    Ir-raba’ domanda għandha tinftiehem bħala li ġiet magħmula biss fil-każ fejn l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67 kien ġie interpretat fis-sens li liċenzja għall-provvista ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali jista’ jiġi biss issuġġettat għal obbligi intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tar-rekwiżiti essenzjali fis-sens tal-punt 19 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz li tibgħat posta bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt is-servizz universali jekk huwa ma jikkorrispondix għal offerta ta’ servizzi postali ta’ kwalità ddeterminata, ipprovduti fuq bażi permanenti mill-punti kollha fit-territorju u bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu mill-utenti kollha. Il-provvista tas-servizz li tibgħat posta li ma jaqax taħt is-servizz universali jista’ jkun biss suġġett għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ġenerali.

     

    2)

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2008/6, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali jista’ jiġi ssuġġettat għal rekwiżiti bħal dawk fit-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, kif emendata.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Finlandiż.

    Top