Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0335

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016.
Maria Cristina Elisabetta Ornano vs Ministero della Giustizia, Direzione Generale dei Magistrati del Ministero.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE) – Direttiva 75/117/KEE – Ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema irġiel u nisa – Artikolu 1 – Direttiva 92/85/KEE – Miżuri intiżi sabiex itejbu s-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu – Il-punt (2)(b) tal-Artikolu 11 u l-punt (3) tal-Artikolu 11 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens għall-ispejjeż sostnuti mill-membri tal-ġudikatura ordinarja matul l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom – Assenza ta’ dritt għal dan il-kumpens ta’ membru tal-ġudikatura ordinarja fil-każ ta’ leave tal-maternità obbligatorju meħud qabel l-1 ta’ Jannar 2005.
Kawża C-335/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:564

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

tal-14 ta’ Lulju 2016 * ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE) — Direttiva 75/117/KEE — Ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema irġiel u nisa — Artikolu 1 — Direttiva 92/85/KEE — Miżuri intiżi sabiex itejbu s-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu — Il-punt (2)(b) tal-Artikolu 11 u l-punt (3) tal-Artikolu 11 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens għall-ispejjeż sostnuti mill-membri tal-ġudikatura ordinarja matul l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom — Assenza ta’ dritt għal dan il-kumpens ta’ membru tal-ġudikatura ordinarja fil-każ ta’ leave tal-maternità obbligatorju meħud qabel l-1 ta’ Jannar 2005”

Fil-Kawża C‑335/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Maria Cristina Elisabetta Ornano

vs

Ministero della Giustizia, Direzione Generale dei Magistrati del Ministero,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, J. Malenovský u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE), tal-Artikolu 120 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 142 KE), tal-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), kif ukoll tal-Artikoli 2, 14 u 15 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Maria Cristina Elisabetta Ornano u l-Ministero della Giustizia, Direzione Generale dei Magistrati del Ministero (ministeru tal-ġustizzja, direttorat ġenerali tal-membri tal-ġudikatura tal-ministeru, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“ministeru tal-ġustizzja”) fir-rigward tar-rifjut li membru tal-ġudikatura ordinarja jibbenefika, għal dak li jikkonċerna perijodi ta’ leave tal-maternità obbligatorju meħuda qabel l-1 ta’ Jannar 2005, minn kumpens għall-ispejjeż sostnuti mill-membri tal-ġudikatura ordinarja matul l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 75/117/KEE

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179), jistabbilixxi:

“Il-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa deskritt fil-qosor fl-Artikolu 119 tat-Trattat [KEE], ’il quddiem imsejjaħ ‘prinċipju ta’ paga ndaqs’, ifisser, għall-istess xogħol jew għal xogħol li għalih huwa attribwit valur indaqs, it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess għar-rigward ta’ l-aspetti kollha u kondizzjonijiet ta’ ħlas.

Partikolarment, fejn sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ impjiegi hija wżata biex tistabbilixxi paga, għandha tkun bażata fuq l-istess kriterji kemm għall-irgiel u għan-nisa u hekk imfassla li teskludi kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess.”

4

Din id-direttiva tħassret bid-Direttiva 2006/54 b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009. Madankollu, il-fatti fil-kawża prinċipali huma preċedenti għat-tħassir tad-Direttiva 75/117.

Id-Direttiva 76/207/KEE

5

Skont it-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187):

“Billi, fir-rigward tal-paga, il-Kunsill fl-10 ta’ Frar 1975 adotta d-Direttiva [75/117];

Billi tidher meħtieġa wkoll azzjoni tal-Komunità biex tilħaq il-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għal impjiegi u t-taħriġ professjonali u l-promozzjoni u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol; billi, it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, inkwantu l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol waqt li jinżamm it-titjib tagħhom għandu fost l-oħrajn jitmexxa ’il quddiem; billi t-Trattat ma jagħtix il-poteri speċifiċi meħtieġa għal dan l-iskop”.

6

Id-Direttiva 76/12 tħassret bid-Direttiva 2006/54 b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009. Madankollu, il-fatti fil-kawża prinċipali huma preċedenti għat-tħassir tad-Direttiva 76/207.

Id-Direttiva 92/85

7

Skont id-disa’ u s-sittax sat-tmintax-il premessa tad-Direttiva 92/85:

“Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’ għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

[…]

Billi l-miżuri għall-organiżżazzjoni tax-xogħol li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien ta’ drittijiet annessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż li jibqa’ jsir il-ħlas u/jew l-intitolament għal allowance adegwata;

Billi, barra minn hekk, il-provvediment ta’ leave tal-maternita’ ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien tad-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg u/jew drittijiet għal allowance adegwata;

Billi l-kunċett ta’ allowance adegwata fil-każ tal-leave tal-maternità għandu jitqies bħala punt tekniku ta’ referenza biex jiġi ffissat il-livell minimu ta’ protezzjoni u m’għandu qatt jiġi interpretat li t-tqala u l-mard huma analogi”.

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifisiriet” jistabbilixxi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘ħaddiema tqila’ għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

(b)

‘ħaddiema li welldet reċentement’ għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

(ċ)

‘ħaddiema li qiegħda tredda’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika”.

9

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave tal-maternità”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 2 huma ntitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.   Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimgħatejn qabel u/jew wara l-ħlas skont il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

10

Il-punti (1) sa (3) tal-Artikolu 11 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg”, jiddisponu li:

“Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’ dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

1.

fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta’ ħlas ta’, u/jew l-intitolament għal benefiċċju adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

2.

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

(a)

id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f’punt (b) hawn taħt;

(b)

il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;

3.

l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali”.

Id-dritt Taljan

11

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-legge n. 27, provvidenze per il personale di magistratura (Liġi Nru 27, dwar l-allowances favur il-persunal tal-membri tal-ġudikatura), tad-19 ta’ Frar 1981 (GURI Nru 52, tal-21 ta’ Frar 1981, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 27/81”), jipprevedi għall-ħlas ta’ kumpens ġudizzjarju speċjali lill-membri tal-ġudikatura ordinarja Taljani għall-ispejjeż li dawn isostnu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom (iktar ’il quddiem il-“kumpens ġudizzjarju speċjali”).

12

Sal-31 ta’ Diċembru 2004, il-membri tal-ġudikatura ordinarja bil-leave tal-maternità obbligatorju kienu esklużi mill-benefiċċju ta’ dan il-kumpens. F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81 (iktar ’il quddiem il-“verżjoni inizjali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81”) jistabbilixxi:

“Sa l-adozzjoni ta’ sistema ġdida għar-remunerazzjoni tal-persunal prevista mill-Liġi Nru 97 tat-2 ta’ April 1979, huwa stabbilit favur il-membri tal-ġudikatura ordinarja, fir-rigward tal-ispejjeż li dawn isostnu fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, mill-1 ta’ Lulju 1980, kumpens speċjali li ma jipprovdix għal dritt għall-pensjoni, ta’ ITL 4.4 miljuni fis-sena, pagabbli f’rati ta’ kull xahar bl-esklużjoni tal-perijodi ta’ leave straordinarju, leave speċjali għal kwalunkwe raġuni, leave obbligatorju jew volontarju previst fl-Artikoli 4 u 7 tal-Liġi Nru 1204, tat-30 ta’ Diċembru 1971, u ta’ sospensjoni mis-servizz għal kwalunkwe raġuni.”

13

Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bl-Artikolu 1(325) tal-legge n. 311, Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2005) [Liġi Nru 311, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-baġit annwali u pluriannwali tal-Istat (liġi tal-finanzi 2005)], tat-30 ta’ Diċembru 2004 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 306, tal-31 ta’ Diċembru 2004), li estenda d-dritt għall-kumpens ġudizzjarju speċjali fil-każ tal-leave tal-maternità obbligatorju tal-membri tal-ġudikatura ordinarja (iktar ’il quddiem il-“verżjoni emendata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81”). Din l-aħħar verżjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

Fit-23 ta’ Frar 2007, M. C. E. Ornano, Imħallef mat-Tribunale di Cagliari (qorti ta’ Cagliari, l-Italja), talbet lill-ministeru tal-ġustizzja l-ħlas, b’mod partikolari, tal-kumpens ġudizzjarju speċjali f’dak li jikkonċerna żewġ perijodi ta’ leave tal-maternità obbligatorju li hija kienet ibbenefikat minnhom matul is-snin 1997/1998 u 2000/2001.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2007, il-ministeru tal-ġustizzja ċaħad it-talba ta’ M. C. E. Ornano, fuq il-bażi li dawn iż-żewġ perijodi ta’ leave tal-maternità kienu preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-verżjoni emendata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2005, u li din l-emenda ma kinitx retroattiva.

16

Fit-30 ta’ Lulju 2007, M. C. E. Ornano kkontestat din id-deċiżjoni billi ppreżentat rikors straordinarju quddiem il-Presidente della Repubblica (president tar-Repubblika, l-Italja). Fil-kuntest ta’ tali rikors, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija l-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat, l-Italja).

17

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, M. C. E. Ornano sostniet li l-verżjoni emendata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81 tapplika għal sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din dispożizzjoni u li għalihom, bħal f’dan il-każ, għad ma kienx hemm preskrizzjoni.

18

Fid-9 ta’ Ottubru 2007, il-ministeru tal-ġustizzja eskluda l-applikazzjoni retroattiva tal-verżjoni emendata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81. Huwa nnota li l-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) qajjem il-kwistjoni tal-kostituzzjonalità ta’ din il-verżjoni emendata u li, f’diversi okkażjonijiet, u b’mod partikolari f’digriet tat-13 ta’ April 2007, il-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali, l-Italja) ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma kinitx tmur kontra l-kostituzzjoni Taljana.

19

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 2015, il-ministeru tal-ġustizzja bagħat lill-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) digriet tal-Corte costituzionale (qorti kostituzzjonali) tal-14 ta’ Mejju 2008, fejn din kienet iddikjarat bħala manifestament mhux fondata l-kwistjoni tal-konformità mal-kostituzzjoni Taljana tal-verżjoni inizjali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81 peress li dan kien jeskludi d-dritt għall-kumpens ġudizzjarju speċjali matul leave tal-maternità obbligatorju. F’dan ir-rigward, din l-aħħar qorti ddeċidiet li l-verżjoni emendata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81 ma setgħatx tapplika għall-perijodi preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din il-verżjoni.

20

Skont il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat), tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk il-verżjoni inizjali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27/81 hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fid-dispożizzjonijiet differenti tagħha intiżi sabiex jipproteġu l-maternità u sabiex jiżguraw nondiskriminazzjoni bejn is-sessi, b’mod partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tfittex li tiżgura li l-maternità ma tpoġġix lill-ħaddiema kkonċernati f’sitwazzjoni inqas favorevoli mill-kollegi rġiel tagħhom fil-kuntest tar-relazzjoni tax-xogħol.

22

Hija żżid li, dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dak li jikkonċerna speċifikament ir-remunerazzjoni, il-ħaddiema bil-leave tal-maternità, anki jekk hija ma tistax tippretendi ż-żamma tar-remunerazzjoni sħiħa tagħha, għandha żżomm mhux biss is-salarju bażiku tagħha iżda wkoll id-dritt għall-primjums li huma relatati mal-istatus professjonali tagħha.

23

F’dan il-każ, il-kumpens ġudizzjarju speċjali kien impliċitament rikonoxxut mil-leġiżlatur Taljan bħala “komponent mhux kontinġenti” tar-remunerazzjoni tal-membri tal-ġudikatura ordinarja u, fi kwalunkwe każ, bħala indipendenti mit-tqegħid bil-leave tal-maternità obbligatorju, kif stabbilit mil-Liġi Nru 311, tat-30 ta’ Diċembru 2004, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-baġit annwali u pluriannwali tal-Istat (liġi tal-finanzi 2005), li tagħti d-dritt għal dan il-kumpens għall-perijodi ta’ servizz taħt il-leave tal-maternità obbligatorju.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-ewwel paragrafu, punti 1, 2(b) u 3 tal-Artikolu 11 u l-aħħar żewġ premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, kif ukoll [l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE), l-Artikolu 120 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 142 KE)], sa fejn dan jipprevedi li “[l-]Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jżommu l-ugwaljanza eżistenti bejn skemi ta’ vaganzi bil-ħlas”, l-Artikoli 2(2)(ċ) u 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE, moqrija flimkien, kif ukoll l-Artikolu 15 u l-premessi 23 u 24 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, u, fl-aħħar nett, l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2000, C 364, p. 1), jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 27, tad-19 ta’ Frar 1981, fil-verżjoni preċedenti għall-emenda introdotta bl-Artikolu 1(325) tal-Liġi Nru 27, tat-30 ta’ Diċembru 2004, ma tippermettix l-għoti tal-allowance li hija tipprevedi għall-perijodi ta’ leave obbligatorju tal-maternità ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2005?”

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Awwissu 2015, it-talba tal-qorti tar-rinviju li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet miċħuda.

Fuq id-domanda

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-każ ta’ perijodu ta’ leave tal-maternità obbligatorju preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2005, membru tal-ġudikatura ordinarja huwa eskluż mill-benefiċċju ta’ kumpens għall-ispejjeż li l-membri tal-ġudikatura ordinarja jsostnu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom.

27

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-fatti fil-kawża prinċipali seħħew matul is-snin 1997/1998 u 2000/2001, fejn matulhom M. C. E. Ornano bbenefikat minn leave tal-maternità obbligatorju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni li tqum fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien, b’mod partikolari d-Direttiva 92/85, l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE) u d-Direttiva 75/117.

Fuq id-Direttiva 92/85

28

F’dan il-każ, peress li M. C. E. Ornano kienet ibbenefikat minn żewġ leave tal-maternità obbligatorju, għandu jiġi interpretat il-punt (2)(b) tal-Artikolu 11 kif ukoll il-punt (3) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85, dwar il-leave tal-maternità, mingħajr il-ħtieġa li ssir referenza għall-punt 1 ta’ dan l-istess Artikolu 11, li huwa wkoll imsemmi mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, dan l-aħħar punt, li jirrigwarda l-Artikoli 5 sa 7 ta’ din id-direttiva, jikkonċerna l-ħaddiema tqal kif ukoll il-ħaddiema li qed ireddgħu u għalhekk sitwazzjonijiet differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

F’dan ir-rigward, il-punt (2)(b) tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprevedi li, fil-każ ta’ leave tal-maternità, għandha tiġi żgurata ż-żamma ta’ remunerazzjoni u/jew il-benefiċċju ta’ allowance xierqa għall-ħaddiema. Il-punt 3 tal-Artikolu 11 ta’ din l-istess direttiva jippreċiża li l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, suġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

30

Il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 jinkludi, bħad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE), il-benefiċċji li l-persuna li timpjega tħallas direttament jew indirettament matul il-leave tal-maternità fir-rigward tal-impjieg tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “allowance” li għalih jirreferi wkoll dan l-Artikolu 11 jinkludi kull dħul li tirċievi l-ħaddiema matul il-leave tal-maternità tagħha u li ma jitħallasx lilha mill-persuna li timpjegaha taħt ir-relazzjoni tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, EU:C:1998:506, punt 31, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2010, Parviainen, C‑471/08, EU:C:2010:391, punt 35).

31

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħaddiema madankollu ma jistgħux effettivament jinvokaw l-użu tad-dispożizzjonijiet tal-punti (2) u (3) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 sabiex jitolbu t-tkomplija, matul il-perijodu tal-leave tal-maternità, tar-remunerazzjoni sħiħa tagħhom daqs li kieku kienu jokkupaw effettivament, bħall-ħaddiema l-oħra, il-post tax-xogħol tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, EU:C:1996:46, punt 20; tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster, C‑147/02, EU:C:2004:192, punt 46, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 82).

32

Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fil-punti (2) u (3) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 u l-kunċett ta’ “remunerazzjoni sħiħa” pperċepita meta l-ħaddiema effettivament tokkupa l-pożizzjoni ta’ xogħol tagħha, u li f’dan il-każ, tinkludi l-kumpens ġudizzjarju speċjali, li tiddependi mill-ispejjeż li l-membri tal-ġudikatura ordinarja jsostnu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom.

33

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mid-Direttiva 92/85 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiżgura li l-ħaddiema tibbenefika, matul dan il-leave, minn dħul li l-ammont tiegħu huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak tal-allowance prevista mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali f’każ ta’ interruzzjoni tal-attivitajiet tagħha minħabba raġunijiet ta’ saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, EU:C:1998:506, punt 32; tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 83, kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN, C‑512/11 u C‑513/11, EU:C:2014:73, punt 36).

34

Meta ħaddiema tkun assenti mix-xogħol għaliex tkun qed tibbenefika minn leave tal-maternità, il-protezzjoni minima mitluba mill-punti (2) u (3) tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva ma jimplikax għaldaqstant it-tkomplija sħiħa tar-remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 86).

35

Madankollu, id-Direttiva 92/85, li fiha rekwiżiti minimi, bl-ebda mod ma teskludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni ogħla lil dawn il-ħaddiema, billi jżommu jew jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni iktar favorevoli għall-ħaddiema sakemm dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. L-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tipprekludi l-Istati Membri jew, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali milli jipprevedu ż-żamma tal-elementi kollha tar-remunerazzjoni li l-ħaddiema tqila kellha dritt għalihom qabel it-tqala tagħha u l-leave tal-maternità tagħha (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 88, kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2014, TSN u YTN, C‑512/11 u C‑513/11, EU:C:2014:73, punt 37).

36

Konsegwentement, jirriżulta mill-punt (2)(b) tal-Artikolu 11 u mill-punt (3) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 li, fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ma pprevediex iż-żamma tal-elementi kollha tar-remunerazzjoni li membru tal-ġudikatura ordinarja kien intitolat għalihom qabel il-leave tal-maternità tiegħu, il-persuna li timpjega din il-ħaddiema, fil-każ ta’ perijodu ta’ leave tal-maternità obbligatorju preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2005, ma hijiex meħtieġa li tħallasha kumpens fuq l-ispejjeż li l-membri tal-ġudikatura ordinarja jsostnu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, sakemm din il-ħaddiema tkun ibbenefikat matul dan il-perijodu minn dħul ta’ ammont li jkun għall-inqas ekwivalenti għal dak tal-allowance prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali li hija kienet tirċievi fil-każ li tieqaf temporanjament mill-attività professjonali tagħha minħabba raġunijiet ta’ saħħa, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE) u d-Direttiva 75/117

37

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, matul il-perijodi ta’ leave tal-maternità ta’ M. C. E. Ornano, kien fis-seħħ l-Artikolu 119 tat-Trattat KE, li, mill-1 ta’ Mejju 1999, sar l-Artikolu 141 KE.

38

Hekk kif ġie stabbilit fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, peress li bbażati fuq ir-relazzjoni tax-xogħol, il-benefiċċji li l-persuna li timpjega tħallas, taħt il-liġi jew minħabba f’kuntratt ta’ xogħol, lil ħaddiema matul il-leave tal-maternità tagħha, jikkostitwixxu remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE) u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 (sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, EU:C:1996:46, punt 14, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, EU:C:1998:506, punt 38).

39

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (sentenza tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, EU:C:1996:46, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, in-nisa li jibbenefikaw minn leave tal-maternità previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jinsabu f’sitwazzjoni speċifika li teżiġi li jingħataw protezzjoni speċjali, iżda li ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ raġel jew ta’ mara li jokkupaw effettivament il-post tax-xogħol tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, EU:C:1996:46, punt 17).

40

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ugwaljanza tar-remunerazzjonijiet bejn ħaddiema irġiel u nisa, stabbilit mill-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE) u ppreċiżat mid-Direttiva 75/117, ma jimponix l-obbligu ta’ żamma tar-remunerazzjoni sħiħa tal-ħaddiema matul il-leave tal-maternità tagħhom u lanqas ma jistabbilixxi kriterji speċifiċi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ allowances li għandhom jiġu lilhom mħallsa matul dak il-perijodu, sakemm dan ma jkunx iffissat f’livell tali li jipperikola l-għan wara l-leave tal-maternità. Madankollu, sa fejn il-kalkolu ta’ dawn l-allowances huwa bbażat fuq salarju rċevut mill-ħaddiema qabel il-bidu tal-leave tal-maternità, l-ammont tagħhom għandu jinkludi, mid-dħul fis-seħħ tagħhom, iż-żidiet fis-salarji mogħtija bejn il-bidu tal-perijodu kopert mis-salarju ta’ riferiment u t-tmiem tal-leave tal-maternità (sentenza tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie etC‑342/93, EU:C:1996:46, punt 25).

41

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi fatt li membru tal-ġudikatura ordinarja ma jibbenefikax mill-kumpens ġudizzjarju speċjali matul il-leave tal-maternità obbligatorju, b’differenza mill-kollegi rġiel fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE) u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117.

42

Għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, fil-każ fejn il-ħaddiema kkonċernata tkun ibbenefikat minn dħul ta’ ammont mill-inqas ekwivalenti għal dak tal-allowance prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fil-qasam tas-sigurtà soċjali li hija kienet tirċievi fil-każ li tieqaf mill-attività tagħha minħabba raġunijiet ta’ saħħa, fis-sens tal-punt (2)(b) tal-Artikolu 11 kif ukoll tal-punt (3) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, dan id-dħul ma għandux jiġi kkunsidrat bħala li huwa ffissat f’livell tali li jipperikola l-għan wara l-leave tal-maternità.

43

Għaldaqstant, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, peress li l-benefiċċji li l-persuna li timpjega tħallas matul leave tal-maternità jikkostitwixxu remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE) u tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117, din ir-remunerazzjoni ma taqax taħt id-Direttiva 76/207. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mit-tieni premessa ta’ din l-aħħar direttiva li dan ma jikkonċernax ir-remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, EU:C:1996:46, punt 24, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, EU:C:1998:506, punt 38). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li din il-kawża tiġi eżaminata fir-rigward tad-Direttiva 76/207.

44

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE), l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117, il-punt (2)(b) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 kif ukoll il-punt (3) tal-Artikolu 11 ta’ din l-aħħar direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ippreveda għaż-żamma tal-elementi kollha tar-remunerazzjoni li l-membru tal-ġudikatura ordinarja kellu dritt għalihom qabel il-leave tal-maternità tiegħu, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li, fil-każ ta’ perijodu ta’ leave tal-maternità obbligatorju preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2005, membru tal-ġudikatura ordinarja huwa eskluż mill-benefiċċju ta’ kumpens għall-ispejjeż li l-membri tal-ġudikatura ordinarja jsostnu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, sakemm din il-ħaddiema tkun ibbenefikat matul dan il-perijodu minn dħul ta’ ammont li jkun għall-inqas ekwivalenti għal dak tal-allowance prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali li hija kienet tirċievi fil-każ li tieqaf temporanjament mill-attività tagħha minħabba raġunijiet ta’ saħħa, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 119 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 141 KE), l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa, il-punt (2)(b) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), kif ukoll il-punt (3) tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ippreveda għaż-żamma tal-elementi kollha tar-remunerazzjoni li l-membru tal-ġudikatura ordinarja kellu dritt għalihom qabel il-leave tal-maternità tiegħu, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li, fil-każ ta’ perijodu ta’ leave tal-maternità obbligatorju preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2005, membru tal-ġudikatura ordinarja huwa eskluż mill-benefiċċju ta’ kumpens għall-ispejjeż li l-membri tal-ġudikatura ordinarja jsostnu fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, sakemm din il-ħaddiema tkun ibbenefikat matul dan il-perijodu minn dħul ta’ ammont li jkun għall-inqas ekwivalenti għal dak tal-allowance prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali li hija kienet tirċievi fil-każ li tieqaf temporanjament mill-attività tagħha minħabba raġunijiet ta’ saħħa, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top