EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0320

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-14 ta’ Settembru 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/271/KEE – Trattament tal-ilma urban mormi – Artikolu 4(1) u (3) – Trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti.
Kawża C-320/15.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:678

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

14 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/271/KEE – Trattament tal-ilma urban mormi – Artikolu 4(1) u (3) – Trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti”

Fil-Kawża C-320/15,

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fis-26 ta’ Ġunju 2015,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Zavvos u E. Manhaeve, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Brodie u J. Kraehling, bħala aġenti

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma żguratx livell adegwat ta’ trattament tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia, Galatista, Desfina u Chanioti, b’ekwivalenza ta’ popolazzjoni (e.p.) ta’ bejn 2000 u 10000, kif ukoll ta’ Polychrono, b’e.p. ta’ bejn 10000 u 15000, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 311, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/271”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/271:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali.

L-għan tad-Direttiva huwa li tipproteġi l-Ambjent minn effetti negattivi iskariki ta’ ilma mormi hawn fuq imsemmija.”

3

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

(1)

‘ilma mormi urban’ tfisser ilma mormi domestiku jew taħlita ta’ ilma mormi domestiku ma’ ilma mormi industrijali u/jew ilma tax-xita;

[…]

(5)

‘sistema ta’ ġbir’ tfisser sistema ta’ pajpijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma mormi urban;

(6)

‘1 e.p. (ekwivalenti ta’ popolazzjoni)’ tfisser it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60 g ta’ ossiġnu kuljum;

[…]

(8)

‘trattament sekondarju’ ifisser trattament ta’ ilma mormi urban bi proċessi li jinvolvu ġeneralment trattament bioloġiku bi tqegħid sekondarju, jew proċessi oħra li fihom il-kriterji stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness I huma rispettati;

[…]”

4

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu [qabel] ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:

[…]

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ bejn l-10000 u l-15000 e.p.,

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għal skariki li jispiċċaw f’ilma ħelu u estwarji minn agglomerazzjonijiet ta’ bejn l-2000 u l-10000 e.p.

[…]

3.   L-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban deskritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta’ l-Anness I. B. […]

[…]”

5

L-Anness I tad-Direttiva 91/271, intitolat “Rekwiżiti għall-ilma mormi urban”, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

B.

Skarikar minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi għall-ilmijiet […] riċeventi […]

1.

Impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi għandhom ikunu ppjanati u modifikati biex kampjun rappreżentattiv ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel u l-effluwent ittrattat ikun jista’ jinkiseb qabel ma dan jintrema fl-ilmijiet riċeventi.

2.

Skariki minn impjant tat-trattment ta’ l-ilma mormi urban soġġetti għat-trattament skond l-Artikoli 4 u 5 għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet murija fit-Tabella 1.

[…]

D.

Metodi ta’ referenza għal sorveljanza u evalwazzjoni tar-riżultati

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun applikat Metodu ta’ sorveljanza li jkun jikkorrispondi għal ta’ lanqas mal-livell tal-kriterji deskritti hawn taħt.

Metodi alternattivi għal dawk imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 jistgħu jintużaw, sakemm jintwera li jintlaħqu riżultati ekwivalenti.

[…]

2.

Kampjuni ta’ [g]ħamla flow-proportional jew dawk ibbażati fuq perjodu ta’ 24 siegħa għandhom jinġabru fl-istess post definit tajjeb fl-iżbokk u jekk ikun meħtieġ fid-daħla ta’ l-impjant tat-trattament biex tiġi sorveljata l-konformità mal-kriterji ta’ l-ilma mormi skarikat hekk kif stabbilit f’din id-Direttiva.

[…]

3.

In-numru minimu annwali ta’ kampjuni għandu jkun determinat skond il-qies ta’ l-impjant tat-trattament u dawn għandhom jinġabru f’intervalli regolari matul is-sena:

2000 sa 9999 e.p.:

12-il kampjun matul l-ewwel sena.

Erba’ kampjuni fis-snin ta’ wara, jekk ikun jista’ jintwera li l-ilma matul l-ewwel sena ikun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva; jekk wieħed mill-erba’ kampjuni ifalli, għandhom jittieħdu 12-il kampjun fis-sena ta’ wara.

10000 sa 49999 e.p.:

12-il kampjun.

[…]”

6

It-tabella 1 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271 tinkludi r-rekwiżiti għall-iskariki minn impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi u suġġetti għad-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

Il-proċedura prekontenzjuża

7

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi sabiex jipprovdulha, fi żmien sitt xhur, l-informazzjoni dwar l-osservanza, b’mod partikolari, tal-obbligi tagħhom ta’ trattament tal-ilma urban mormi, kif previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, għall-2007. Għalkemm dawn l-awtoritajiet ma wieġbux għal din it-talba fit-terminu previst, huma madankollu bagħtu l-informazzjoni mitluba sentejn wara, wara li ntbagħat kwestjonarju dwar l-2009.

8

Peress li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni wasslet lill-Kummissjoni sabiex tqis li 62 agglomerazzjoni Griega kienu kisru l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, hija talbet, permess ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 2010, ċerti kjarifiki lill-awtoritajiet Griegi.

9

Wara li eżaminat l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi fit-tweġiba tagħhom tal-21 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika, fis-17 ta’ Ġunju 2011, ittra ta’ intimazzjoni li fiha qieset li din tal-aħħar kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 għak dak li jirrigwarda dawn it-62 agglomerazzjoni u stidnitha, konsegwentement, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

10

Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni fil-11 ta’ Awwissu 2011, billi kkomunikat informazzjoni dwar l-imsemmija agglomerazzjonijiet.

11

Fl-1 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Ellenika li fiha indikat li din tal-aħħar kompliet tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271. Hija stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn b’effett mir-riċezzjoni ta’ din l-opinjoni motivata.

12

Permezz ta’ ittri tal-20 ta’ Lulju 2012 u tal-20 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Ellenika wieġbet għall-imsemmija opinjoni motivata billi ddikjarat li erba’ agglomerazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271 wara li ntemmu diversi proġetti ffinanzjati mill-programm operattiv “Ambjent u żvilupp sostenibbli” u li tmien agglomerazzjoni oħra kellhom impjant operattiv ta’ trattament tal-ilma mormi b’data tal-output konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

13

Fil-21 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata supplimentari lir-Repubblika Ellenika għar-raġuni li tmien agglomerazzjonijiet, jiġifieri Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia, Desfina, Galatista, Polychrono u Chanioti, kienu għadhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271.

14

Fit-tweġiba tagħha tat-22 ta’ April 2014 għall-opinjoni motivata supplimentari, ir-Repubblika Ellenika ammettiet li erba’ agglomerazzjonijiet, minn fost it-tmienja inkwistjoni, ser josservaw għalkollox l-imsemmija rekwiżiti biss wara li jintemmu l-proġetti kofinanzjati. Għal dak li jirrigwarda l-erba’ agglomerazzjonijiet l-oħra, hija osservat li dawn, għalkemm għandhom impjanti ta’ trattament li jiġu operati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271, ma kinux bagħtu numru sodisfaċenti ta’ kampjuni, konformement mal-imsemmija direttiva.

15

Billi ma kinitx issodisfatta bit-tweġibiet mogħtija mir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

16

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (3) tad-Direttiva 91/271, sa fejn dan l-Istat Membru ma żgurax trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti tal-ilma urban mormi għal agglomerazzjoni li għandha e.p. ta’ bejn 10000 u 15000 u għal seba’ agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta’ bejn 2000 u 10000.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru mal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑85/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:251, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, peress li l-opinjoni motivata supplimentari, trażmessa fil-21 ta’ Frar 2014 u riċevuta fl-istess ġurnata mir-Repubblika Ellenika, kienet tat lil dan l-Istat Membru terminu ta’ xahrejn b’effett mir-riċezzjoni tagħha sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-Direttiva 91/271, l-eżistenza tan-nuqqas allegat għandha tiġi evalwata fil-21 ta’ April 2014.

19

Konsegwentement, għall-finijiet tal-eżami tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’din id-data, jistax jitqies li huwa stabbilit li r-Repubblika Ellenika, kif issostni l-Kummissjoni, ma osservatx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, għal dak li jirrigwarda l-agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista, kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) tal-istess direttiva, għal dak li jirrigwarda l-agglomerazzjonijiet ta’ Polychrono, Chanioti u Desfina.

20

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Ellenika tindika li hija ma tikkontestax li, fid-data mogħtija fl-opinjoni motivata supplimentari, l-iskariki tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista ma kinux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) ta’ din l-istess direttiva.

21

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tikkonstata jekk in-nuqqas allegat jeżistix jew le, anki jekk l-Istat ikkonċernat ma jikkontestax in-nuqqas (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑38/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:156, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271 jimponu fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat preċiż, ifformulat b’mod ċar u mhux ekwivoku, li jipprevedi li l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir għandu jkun suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, jew qabel kull skariku, meta joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta’ bejn 10000 u 15000, jew inkella qabel l-iskariki f’ilma ħelu u f’estwarji, meta joriġina minn agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta’ bejn 2000 u 10000.

23

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva, dan it-trattament sekondarju jew ekwivalenti għandu jiġi żgurat minn impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt B tal-Anness I tal-istess direttiva.

24

Issa, f’dan il-każ, kif ammettiet ir-Repubblika Ellenika fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, mill-elementi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-data mogħtija fl-opinjoni motivata supplimentari, fl-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, ix-xogħlijiet neċessarji għall-bini jew għat-titjib ta’ impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi ma kinux għadhom intemmu u li, għaldaqstant, l-iskariki ta’ ilma urban mormi li joriġina minn dawn l-agglomerazzjonijiet ma kinitx suġġetta għal trattament sekondarju jew ekwivalenti rikjest fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271.

25

Minn dan jirriżulta li, fid-data mogħtija fl-opinjoni motivata supplimentari, l-iskariki tal-ilma urban mormi tal-agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista ma kinux konformi, kif ammettiet ir-Repubblika Ellenika, mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.

26

Għal dak li jirrigwarda l-agglomerazzjonijiet ta’ Polychrono, Chanioti u Desfina, min-noti ppreżentati mill-partijiet jirriżulta li r-Repubblika Ellenika tat lill-Kummissjoni, f’intervalli irregolari u f’ammonti varjabbli, diversi kampjuni għall-2011 sal-2014.

27

Fir-rigward tar-riżultati ta’ dawn il-kampjuni, il-Kummissjoni sostniet, fil-konfront tal-agglomerazzjoni ta’ Polychrono, li, mill-84 kampjun ipprovduti għall-2012 u l-2013, 7 kampjuni kienu jaqbżu l-valuri awtorizzati, li l-kampjuni miġbura għall-agglomerazzjoni ta’ Chanioti bejn l-2012 u l-2014 ma kellhom l-ebda valur probatorju minħabba l-irregolarità tal-ġbir tagħhom u li, minn 14-il kampjun miġbura f’intervalli irregolari bejn l-2011 u l-2013 li jirrigwardaw lill-agglomerazzjoni ta’ Desfina, 2 minnhom kienu jaqbżu l-valuri stabbiliti.

28

Għalkemm, waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat espliċitament, bi tweġiba għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, li ma għadhiex tisħaq fuq r-rekwiżit li l-ġbir ta’ tnax-il kampjun, jiġifieri kampjun kull xahar, isir fuq perijodu ta’ sena sħiħa sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-konformità tal-installazzjonijiet ikkonċernati mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 91/271, moqri flimkien mal-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, hija madankollu sostniet, waqt is-seduta, li l-kampjuni mogħtija mir-Repubblika Ellenika ma kinux rappreżentattivi mill-aspett kwalitattiv minħabba l-assenza ta’ ġbir ta’ kampjuni li jippermetti eżami komparattiv u n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rilevanza tal-mument li fih il-kampjuni għandhom jinġabru.

29

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda l-agglomerazzjonijiet ta’ Polychrono, Chanioti u Desfina, kemm fil-fażi prekontenzjuża kif ukoll fir-rikors, il-Kummissjoni lmentat li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 91/271 minħabba n-numru ta’ kampjuni pprovduti.

30

Issa, minn naħa, ir-rekwiżit dwar ir-rilevanza tal-mument li fih il-kampjuni għandhom jinġabru ma jaqax taħt ir-rekwiżiti msemmija fil-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, u, għalhekk, taħt l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

31

Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal‑obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jkun jista’ jsostni d-difiża tiegħu kontra l‑akkużi mressqa mill‑Kummissjoni. Is-suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa, għaldaqstant, limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni. Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat FUE mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha, bħala suġġett, kontroversja li tkun iddefinita b’mod ċar (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, fir-rikors tagħha, l-istess bħal fil-fażi prekontenzjuża, il-Kummissjoni illimitat ruħha li tilmenta li r-Repubblika Ellenika pprovdiet kampjuni li ma kinux rappreżentattivi minħabba n-numru insuffiċjenti tagħhom, u ma qegħditx inkwistjoni l-kwalità tal-kampjuni li kienu ġew trażmessi lilha.

33

Minn dan jirriżulta li l-ilmenti dwar l-assenza ta’ ġbir ta’ kampjuni li jippermetti eżami komparattiv u dwar n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rilevanza tal-mument li fih il-kampjuni għandhom jinġabru jmorru lil hinn minn din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li mill-eżami tal-informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Ellenika fir-risposta tagħha jirriżulta li hija tat lill-Kummissjoni diversi kampjuni li juri l-effikaċja tat-trattament sekondarju tal-ilma urban mormi minn meta bdew joperaw is-sistemi ta’ ġbir tal-imsemmija agglomerazzjonijiet u li l-Kummissjoni indikat li hija ma għadhiex tisħaq fuq r-rekwiżit li l-ġbir ta’ tnax-il kampjun, jiġifieri kampjun kull xahar, isir fuq perijodu ta’ sena sħiħa, għandu jitqies li ntwera li l-iskariki li joriġinaw mill-impjanti ta’ trattament tal-agglomerazzjonijiet ta’ Polychrono, Chanioti u Desfina kienu jissodisfaw, fid-data mogħtija fl-opinjoni motivata supplimentari, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 91/271, b’mod li, għal dak li jirrigwarda dawn l-agglomerazzjonijiet, in-nuqqas allegat ma ġiex stabbilit.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma żguratx trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti tal-ilma urban mormi li joriġina mill-agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista, b’e.p. ta’ bejn 2000 u 10000, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271.

Fuq l-ispejjeż

36

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Peress li, f’dan il-każ, ir-rikors tal-Kummissjoni ntlaqa’ biss parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma żguratx trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti tal-ilma urban mormi li joriġina mill-agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista, b’ekwivalenza ta’ popolazzjoni ta’ bejn 2000 u 10000, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Ellenika għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top