EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0292

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016.
Hörmann Reisen GmbH vs Stadt Augsburg u Landkreis Augsburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vergabekammer Südbayern.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Artikolu 4(7) – Subappalt – Obbligu għall-operatur li jwettaq huwa stess parti kbira mis-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri – Portata – Artikolu 5(1) – Kriterji għall-għoti tal-kuntratt – Għoti ta’ kuntratt skont id-Direttiva 2004/18/KE.
Kawża C-292/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:817

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank — Regolament (KE) Nru 1370/2007 — Artikolu 4(7) — Subappalt — Obbligu għall-operatur li jwettaq huwa stess parti kbira mis-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri — Portata — Artikolu 5(1) — Proċedura tal-għoti ta’ kuntratt — Għoti ta’ kuntratt skont id-Direttiva 2004/18/KE”

Fil-Kawża C‑292/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vergabekammer Südbayern (bord għall-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Hörmann Reisen GmbH

vs

Stadt Augsburg,

Landkreis Augsburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Hörmann Reisen GmbH, minn S. Roling u T. Martin, avukati,

għal Stadt Augsburg u għal Landkreis Augsburg, minn R. Wiemann, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u A. Tokár kif ukoll minn J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(7) u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u Nru 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Hörmann Reisen GmbH u Stadt Augsburg (il-belt ta’ Augsburg, il-Ġermanja) u Landkreis Augsburg (distrett ta’ Augsbourg) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awtoritajiet kontraenti”), dwar ir-regolarità ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għal servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1370/2007 tgħid:

“L-objettivi ewlenin tal-White Paper tal-Kummissjoni [Ewropea] tat-12 ta’ Settembru 2001, ‘Il-politika Ewropea tat-trasport għal 2010: iż-żmien għad-deċiżjonijiet’, huma li jiġu garantiti servizzi tat-trasport tal-passiġġieri sikuri, effiċjenti u ta’ kwalità għolja permezz ta’ kompetizzjoni rregolata [...]”.

4

Skont il-premessa 7 ta’ dan ir-regolament:

“Studji li saru u l-esperjenza ta’ l-Istati Membri fejn ilha teżisti kompetizzjoni fis-settur tat-trasport pubbliku għal numru ta’ snin juru li, b’salvagwardji xierqa, l-introduzzjoni ta’ kompetizzjoni rregolata bejn operaturi twassal għal servizzi aktar attraenti u innovattivi bi prezz orħos u li x’aktarx ma tostakolax il-prestazzjoni tax-xogħlijiet speċifiċi li jkunu ngħataw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku.”

5

Skont il-premessa 9 tal-imsemmi regolament :

“Biex ikunu jistgħu jorganizzaw is-servizzi tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri tagħhom bl-iktar mod adatt għall-ħtiġijiet tal-pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom ikunu jistgħu jagħżlu liberament l-operaturi ta’ servizz pubbliku tagħhom, b’kont meħud ta’ l-interessi ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju, taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali ta’ l-operaturi [ugwaljanza fit-trattament] li qed jikkompetu u tal-proporzjonalità, meta jingħataw kumpens jew drittijiet esklussivi, huwa meħtieġ li kuntratt għal servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi] bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur magħżul ta’ servizz pubbliku jiddefinixxi n-natura ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku u r-rimborż miftiehem. [...]”

6

Il-premessa 19 ta’ dan l-istess regolament tipprevedi:

“L-għoti ta’ sub-kuntratti [subappalti] jista’ jikkontribwixxi għal trasport pubbliku ta’ passiġġieri li hu aktar effiċjenti u jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ impriżi oħrajn minbarra l-operatur ta’ servizz pubbliku li kien mogħti l-kuntratt għal servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi]. Madankollu, bil-ħsieb għall-aħjar użu tal-fondi pubbliċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jiddeterminaw il-modalitajiet għas-sub-kuntrattar [subappalt] tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ servizzi mogħtija minn operatur intern. Barra minn hekk, subkuntrattur m’għandux jitwaqqaf milli jieħu sehem f’offerti kompetittivi fit-territorju ta’ kwalunkwe awtorità kompetenti. L-għażla ta’ subkuntrattur minn awtorità kompetenti jew l-operatur intern tagħha trid issir b’konformità mal-liġi [tal-Unjoni].”

7

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Skop u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi [tal-Unjoni], l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment [provvista] ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], [għandhom] jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b'mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. [...]

[...].”

8

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej :

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)

“trasport pubbliku għall-passiġġieri” tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

b)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

[...]

i)

“kuntratt għal servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi]” tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta’ servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku [...]

[...]”

9

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi:

“Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta' kuntratt għal servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi].”

10

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] u tar-regoli ġenerali” jipprevedi :

“1.   Il-kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] [...] għandhom:

[...]

b)

jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti:

i)

il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

ii)

in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija,

b’mod li jevita l-kumpens żejjed. [...]

[...]

7.   Dokumenti ta’ sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jindikaw, b’mod trasparenti, jekk jistax jiġi kkunsidrat li jingħata sub-kuntratt [subappalt] jew le, u jekk iva sa fejn. Jekk jingħataw sub-kuntratti [subappalti], l-operatur li jingħata l-inkarigu li jamministra u jħaddem is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri skond dan ir-Regolament għandu jkun mitlub iwettaq parti kbira mis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu. Kuntratt għal servizz pubbliku li jkopri fl-istess ħin id-disinn, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta’ servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri jista’ jippermetti sub-kuntrattazzjoni [subappalt] sħiħa għall-operazzjoni ta’ dawk is-servizzi. Il-kuntratt għal servizz pubbliku għandu, skond il-liġi nazzjonali u [tal-Unjoni], jiddetermina l-kondizzjonijiet applikabbli għall-għoti ta’ subkuntratt [subappalt].”

11

L-Artikolu 5 tar-regolament imsemmi, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] jew 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.

[...].”

12

L-Artikolu 5(2) sa (6) tar-Regolament Nru 1370/2007 jinkludi regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li jidderogaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] direttament jew fejn il-valur annwali medu jkun stmat inqas minn EUR 1000000 jew fejn huma jikkonċernaw il-forniment [provvista] annwali ta’ anqas minn 300000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri”.

13

L-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17 jiddefinixxi, għall-finijiet tagħha, il-“konċessjoni ta’ servizz” bħala “kuntratt ta’ l-istess tip tal-kuntratt ta’ servizz minbarra għall-fatt li l-konsiderazzjoni għall-provvediment ta’ servizzi tikkonsisti jew fid-dritt biex jiġi esplojtat is-servizz biss jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas.”

14

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2013 (ĠU 2013, L 335, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/18 emendata”):

“1.   Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mdaħħla fil-paragrafi 2 sa 15 għandhom jgħoddu.

a)

‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[...]

d)

‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ [kuntratti pubbliċi għal servizzi] huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

Kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratt pubbliku għal xogħlijiet] li għandu bħala għan sew il-prodotti u s-servizzi mħaddna fit-tifsira ta’ l-Anness II se jiġu kkunsidrati li huma ‘kuntratt għas-servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi]’ jekk il-valur tas-servizzi in kwistjoni li jaqbeż dak tal-prodotti koperti bil-kuntratt.

Kuntratt pubbliku li għandu bħala għan is-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness II u jinkludi attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness I li huma biss inċidentali għall-għan prinċipali tal-kuntratt se jkun kkunsidrat li huwa kuntratt għal servizzi pubbliċi.

[...]

4.   “Konċessjoni tas-servizz” huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.

[...]”

15

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18 emendata, intitolat “Limiti massimi għal kuntratti publiċi”, jistabbilixxi estimu tal-limiti ta’ valuri eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li l-għoti ta’ kuntratt għandu jkun suġġett għalih skont ir-regoli ta’ din id-direttiva.

16

Dawn il-limiti huma mibdula regolarment permezz tar-regolamenti tal-Kummissjoni u huma adattati għaċ-ċirkustanzi ekonomiċi. Fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitu massimu li kien jikkonċerna l-kuntratti għal servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li ma humiex awtoritajiet governattivi ċentrali kien ta’ EUR 207000 mingħajr VAT, skont l-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18 emendata.

17

L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jgħid:

“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A għandhom jiġu mogħtija skond l-Artikoli 23 sa 55”

18

L-Artikolu 25 tad-direttiva imsemmija, intitolat “Sotto-kuntratti” [Subappalti], jipprevedi:

“Fid-dokumenti tal-kuntratt, l-awtorità kontrattwanti [l-awtorità kontraenti] tista’ tistaqsi jew tista’ tkun mitluba minn xi Stat Membru biex tistaqsi lil min ikun xeħet l-offerta biex jindika fl-offerta tiegħu kull sehem mill-kuntratt li hu jista’ jkollu l-ħsieb li joffri b’sotto-kuntratt [subappalt] lil partijiet terzi jew kull sotto-kuntratturi [subappaltaturi] proposti.

Din l-indikazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwistjoni ta’ l-obbligu ta’ l-operatur ekonomiku ewlieni.”

19

Fost il-kategoriji ta’ servizzi enumerati fl-Anness II A ta’ din l-istess direttiva, hemm il-kategorija 2, li tirreferi għas-servizzi li ġejjin:

“Servizzi ta’ trasport ta’ l-art [...], inkluż servizzi ta’ vetturi korazzati, u servizzi tal-courier, ħlief it-trasport tal-posta”.

20

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU 2014, L 94, p. 65):

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-18 ta’ April 2016.”

21

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24 :

“Id-Direttiva [2004/18 emendata] hija mħassra b’effett mit-18 ta’ April 2016.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Fis-7 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet kontraenti ppubblikaw fis-suppliment ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea taħt in-numru 2015/S 047‑081632, avviż ta’ kuntratt li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank fuq ċerti rotot reġjonali. Skont dan l-avviż ta’ kuntratt, l-offerenti kienu awtorizzati jirrikorru għal impriżi subappaltanti fi proporzjon massimu ta’ 30 % tal-provvista tas-servizz, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kilometri skedati.

23

Hörmann Reisen ressqet kawża quddiem il-Vergabekammer Südbayern (bord għall-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja) sabiex tikkontesta l-legalità ta’ tali limitazzjoni għas-subappalt. Hija ssostni li din il-limitazzjoni hija inkompatibbli mad-Direttiva 2004/18 emendata u żżid li, filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament 1370/2007, effettivament jipprevedi l-limitazzjoni tal-użu tas-subappalt, dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għall-proċedura inkwistjoni, skont l-Artikolu 5(1) tiegħu.

24

L-awtoritajiet kontraenti jfakkru li t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 tipprevedi li, “[f]ejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ [dan l-Artikolu] m’għandhomx japplikaw.” Minn dan, l-awtoritajiet jiddeduċu li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(7) tiegħu, jibqgħu japplikaw għal tali kuntratti. Fl-aħħar nett, skont l-imsemmija awtoritajiet, il-limitazzjoni tal-użu ta’ subappalt għal proporzjon ta’ 30 % tal-provvista tas-servizz, impost fl-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkorrispondi għall-obbligu msemmi f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li l-operatur “għandu jkun mitlub iwettaq parti kbira mis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu.”

25

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kawża prinċipali tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet kontraenti kellhomx id-dritt li jillimitaw l-użu tas-subappalt għal 30 % tal-provvista tas-servizz inkwistjoni, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kilometri skedati, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti mwettqa skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, flimkien mad-Direttiva 2004/18 emendata jew mad-Direttiva 2014/24.

26

Fir-rigward tal-kuntratt pubbliku għal servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-qorti tippreċiża li l-valur ta’ dan il-kuntratt jeċċedi l-limitu previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18 emendata, jiġifieri ta’ EUR 207000, mingħajr VAT.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vergabekammer Südbayern (bord għall-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il‑Ġermanja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fi proċedura għall-għoti mibdija taħt l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, flimkien mad-Direttiva 2004/18/KE [emendata] jew mad-Direttiva 2014/24/UE, ir-regoli previsti minn dawn id-direttivi biss huma applikabbli bħala prinċipju, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007 li jidderogaw minn dawn id-direttivi għandhom jiġu esklużi?

2)

Il-legalità tal-użu ta’ subappalt fi proċedura għall-għoti mibdija taħt l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, flimkien mad-Direttiva 2004/18/KE [emendata] jew mad-Direttiva 2014/24/UE, hija rregolata esklużivament mir-regoli li stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2004/18/KE [emendata] u minn dawk elenkati fl-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24/KE, jew għandu jiġi kkunsidrat li b’deroga minn dawk ir-regoli, awtorità kontraenti tista’ wkoll, f’tali proċedura, tiffissa għall-offerenti, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament 1370/2007, rata perċentwali ta’ awto-forniment (ikkalkolata fuq il-bażi tat-tabella tal-kilometri [fuq il-bażi tal-kilometri skedati])?

3)

Jekk l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 japplika għall-proċeduri għall-għoti mibdija bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, flimkien mad-Direttiva 2004/18/KE [emendata] jew mad-Direttiva 2014/24/UE, l-awtorità kontraenti, fid-dawl tal-premessa 19 tar-Regolament 1370/2007, tista’ tiffissa r-rata ta’ awto-forniment b’tali mod li jista’ jiġi ġġustifikat ir-rekwiżit tiegħu ta’ rata ta’ awto-forniment ta’ 70 %, ikkalkolata fuq il-bażi tat-tabella tal-kilometri [fuq il-bażi tal-kilometri skedati]?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

28

Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kklassifikat il-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg (bord tal-kuntratti pubbliċi tad-distrett ta’ Arnsberg, il-Ġermanja) bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Bundesdruckerei, C-549/13, EU:C:2014:2235, punti 20 sa 23).

29

Ma jirriżulta minn ebda element tal-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, f’din il-kawża, il-Vergabekammer Südbayern (bord għall-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il‑Ġermanja) ma jistax jiġi kklassifikat bl-istess mod.

30

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li, minbarra għar-Regolament Nru 1370/2007 u għad-Direttiva 2004/18 [emendata], il-qorti tar-rinviju, fid-domandi preliminari tagħha, tagħmel riferiment għad-Direttiva 2014/24.

31

Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi rrilevat li l-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2015, jiġifieri qabel id-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/24, stabbilita għat-18 ta’ April 2016 skont l-Artikolu 90(1) tagħha.

32

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-direttiva applikabbli hija, bħala prinċipju, dik li tkun fis-seħħ meta l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li ser issegwi u tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni ta’ jekk hemmx obbligu jew le li ssir sejħa għal offerti qabel l-aġġudikazzjoni ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, huma inapplikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada wara dan il-mument (sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C-324/14, EU:C:2016:214, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 2014/24 ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

34

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal servizz ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, l-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament jibqa’ japplika għal dan il-kuntratt.

35

Skont l-indikazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri bit-triq, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, u jirrigwarda servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, kif previst fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, mingħajr madankollu ma huwa f’forma ta’ kuntratt għal konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi.

36

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jingħata, bħala regola stabbiliti f’dan ir-regolament.

37

Madankollu, meta kuntratt ma huwiex f’forma ta’ kuntratt għal konċessjoni ta’ servizzi, kif iddefinit fid-Direttivi 2004/17 jew 2004/18 [emendata], skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank jingħata skont il-proċeduri previsti minn dawn id-direttivi.

38

Barra minn hekk, it-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 tipprevedi li, għal tali każ ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, il-“paragrafi 2 sa 6 ta’ [dan l-Artikolu] m’għandhomx japplikaw”.

39

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 tinkludi deroga għar-regola ġenerali stabbilita fl‑ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, u li l-portata preċiża ta’ din id-deroga hija speċifikata wara fit-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) sa (6) tiegħu.

40

L-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu 5 jew tar-Regolament Nru 1370/2007 ma testendi l-portata tal-imsemmija deroga.

41

Konsegwentement, għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta li huma biss id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) sa (6) tar-Regolament Nru 1370/2007 li ma japplikawx, filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament jibqgħu applikabbli.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 japplika fil-każ ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank li jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.

43

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tar-Regolament Nru 1370/2007.

44

Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, l-għan tiegħu huwa li “jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi [tal-Unjoni], l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment [provvista] ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.”

45

Il-fatt li r-Regolament Nru 1370/2007, min-natura tiegħu stess, huwa intiż li jipprovdi modalitajiet ta’ intervent fis-sistemi ġenerali ta’ kuntratti pubbliċi, jimplika li jinkludi regoli speċjali dwar dawn tal-aħħar.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/18 [emendata] hija ta’ applikazzjoni ġenerali, filwaqt li r-Regolament Nru 1370/2007 japplika biss għal servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq.

47

Madankollu, sa fejn kemm l-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2004/18 [emendata], jinkludu regoli dwar is-subappalt, għandu jitqies li l-ewwel dispożizzjoni hija regola speċjali meta mqabbla ma dawk previsti fit-tieni dispożizzjoni u, bħala lex specialis, tipprevali fuq dawn tal-aħħar.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, l-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament jibqa’ japplika għal dan il-kuntratt.

Fuq it-tielet domanda

49

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-iffissar mill-awtorità kontraenti ta’ 70 % tal-proporzjon tal-provvista awtonoma mill-operatur inkarigat bl-amministrazzjoni u bl-implementazzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007, id-dokumenti tas-sejħa għal offerti u l-kuntratti pubbliċi għal servizz jispeċifikaw b’mod trasparenti jekk, u fl-affermattiv sa liema punt, is-subappalt huwiex prevedibbli.

51

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tas-subappalt tal-amministrazzjoni u tal-implementazzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ trasport irregolat mill-imsemmi regolament, ta lill-awtoritajiet kompetenti setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bl-istess mod kif huwa leġittimu għal awtorità kontraenti li tipprojbixxi s-subappalt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank għall-offerenti rebbieħ tal-kuntratt fil-każ ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007, is-setgħa diskrezzjonali imsemmija fil-punt preċedenti tinkludi l-possibbiltà li s-subappalt jiġi pprojbit għal parti mill-kuntratt biss.

53

Barra minn hekk, meta s-subappalt ikun previst fil-kuntest tal-amministrazzjoni u tal-implementazzjoni tas-servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma tawtorizzax, għall-kuntratt ikkonċernat, subappalt sħiħ, peress li dan jipprevedi li l-operatur magħżul għal dan is-servizz ikun meħtieġ li jimplementa huwa stess parti kbira minnu. Huwa biss fil-każ fejn il-kuntratt pubbliku għal servizz ikun ikopri fl-istess ħin id-disinn, il-kostruzzjoni u l-operat ta’ servizzi pubbliċi għat-trasport ta’ passiġġieri li jista’ jiġi awtorizzat, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament, is-subappalt sħiħ tal-implementazzjoni ta’ dawn is-servizzi.

54

Konsegwentement, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma jipprekludix lill-awtorità kontraenti milli tillimita, b’mod sinjifikattiv, il-possibbiltà tal-użu ta’ subappalt fil-kuntest ta’ kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

55

F’dan il-każ, l-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi dokument ta’ sejħa għal offerti li jippreċiża, b’mod trasparenti, kif jirriżulta b’mod inekwivoku mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-użu ta’ subappalt huwa limitat għal perċentwali ta’ 30 % tal-provvista tas-servizz, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kilometri skedati.

56

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li tali limitazzjoni ma teċċedix is-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007, jagħti lill-awtoritajiet kompetenti.

57

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-iffissar mill-awtorità kompetenti ta’ 70 % tal-proporzjon tal-provvista awtonoma mill-operatur inkarigat bl-amministrazzjoni u bl-implementazzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L’article L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u Nru 1107/70, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, l-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament jibqa’ japplika għal dan il-kuntratt.

 

2)

L-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-iffissar mill-awtorità kompetenti ta’ 70 % tal-proporzjon tal-provvista awtonoma mill-operatur inkarigat bl-amministrazzjoni u bl-implementazzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top