EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0286

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-26 ta’ Mejju 2016.
Valsts ieņēmumu dienests vs SIA "Latvijas propāna gāze".
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa Administratīvo lietu departaments.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestatura 2711 – Gassijiet miż-żejt u idrokarbonji oħrajn bil-gass – Materjal li tagħti n-natura essenzjali – Gass likwifikat miż-żejt.
Kawża C-286/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:363

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

26 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 2711 — Gassijiet miż-żejt u idrokarbonji oħrajn bil-gass — Materjal li tagħti n-natura essenzjali — Gass likwifikat miż-żejt”

Fil-Kawża C‑286/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa, Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Valsts ieņēmumu dienests

vs

SIA “Latvijas propāna gāze”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u A. Bogdanova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw suċċessivament mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad‑19 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 291, p. 1), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 287, p. 1), b’mod partikolari tal-intestatura 2711 ta’ dan l-anness, kif ukoll tal-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat‑2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Valsts Ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali, il-Latvja) u SIA “Latvijas propāna gāze” dwar dazji dovuti għall-importazzjoni ta’ gass likwifikat miż-żejt (“LPG”) mir-Russja għal-Latvja.

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali huma dawk relatati mas-snin 2008 u 2009, li jirriżultaw, rispettivament, mir-Regolamenti Nri 1031/2008 u 948/2009. Id-dispożizzjonijiet tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali baqgħu madankollu identiċi minn verżjoni għall-oħra.

4

L-ewwel parti tan-NM, dwar id-“Dispożizzjonijiet Preliminari”, tinkludi Taqsima 1, iddedikata għar-“Regoli ġenerali”, li s-Sezzjoni A tagħha, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tipprovdi b’mod partikolari:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

2.

[...]

(b)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skont il-prinċipji ta’ regola 3.

3.

Meta permezz tal-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

[...]

(b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(c)

meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati fit-titlu li jiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.

[...]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

5

It-tieni parti tan-NM, iddedikata għall-i“Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi Taqsima V, intitolata “Prodotti minerali”, li fiha hemm b’mod partikolari l-Kapitolu 27 tan-NM, intitolat “Karburanti minerali, żjut minerali u prodotti tad-distillazzjoni tagħhom; sustanzi bituminużi; xemgħat minerali”.

6

L-intestatura 2711 ta’ dan il-kapitolu hija fformulata u strutturata kif ġej:

2711

Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass:

 

– Imdewbin:

[...]

[...]

2711 12

– – Propan:

[...]

[...]

 

– – – Oħrajn:

[...]

[...]

 

– – – – Għal għanijiet oħrajn:

2711 12 97

– – – – – Oħrajn

2711 13

– – Butani:

[...]

[...]

 

– – – Għal għanijiet oħrajn:

[...]

[...]

2711 13 97

– – – – Oħrajn

[...]

[...]

2711 19 00

– – Oħrajn

7

L-Artikolu 62(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat‑12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) jipprovdi:

“Id-dikjarazzjoni [doganali] għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.”

8

Skont l-Artikolu 218(1) tar-Regolament Nru 2454/93:

“Id-dokumenti li ġejjin għandhom jakkompanjaw id-dikjarazzjoni doganali għal-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera:

[...]

(d)

id-dokumenti l-oħrajn kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rilaxx għal-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija dikjarata.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Latvijas propāna gāze kklassifikat l-LPG li hija importat mir-Russja għal-Latvja matul il-perijodu bejn l‑20 ta’ Marzu 2009 u l-15 ta’ Jannar 2010 fis-subintestatura tariffarja 2711 19 00 u, sussegwentement, applikatlu r-rata ta’ dazji fuq l-importazzjoni ta’ 0 % tal-valur doganali tiegħu. Madankollu, l-amministrazzjoni fiskali, billi bbażat ruħha fuq l-informazzjoni inkluża fid-dokumenti ta’ din il-kumpannija, qieset li s-sustanzi predominanti f’dan l-LPG kienu l-propan u l-butan, bi predominanza ta’ propan, u kklassifikat l-imsemmi LPG fis-subintestatura tariffarja 2711 12 97.

10

Bħalma tesponi l-qorti tar-rinviju, l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi l-metan, l-etan, l-etilene, il-propan, il-propilene, il-butan u l-butilene. Madankollu, iċ-ċertifikat ta’ kwalità ta’ dan l-LPG (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat ta’ kwalità”), maħruġ mill-produttur, jiġifieri AAS “Gazprom”, stabbilit f’Orenburg (ir-Russja), ma indikax b’mod separat il-perċentwali, f’densità, ta’ kull waħda minn dawn is-sustanzi u semma biss l-ammont ta’ metan, ta’ etan u ta’ etilene (0.32 % tad-densità tal-imsemmi LPG), l-ammont ta’ propan u ta’ propilene (58.32 %), kif ukoll l-ammont ta’ butan u ta’ butilene (massimu ta’ 39.99 %).

11

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-Università Teknika ta’ Riga (il-Latvja) tat opinjoni li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit, miċ-ċertifikat ta’ kwalità, li waħda mis-sustanzi li jikkomponu l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tagħtih, waħedha, in-natura essenzjali tiegħu bħala sors ta’ enerġija, jiġifieri l-valur kalorifiku u l-pressjoni żejda. Skont din l-opinjoni, il-propan u l-propilene kienu jagħtu lil dan l-LPG il-pressjoni żejda, iżda l-valur kalorifiku tiegħu huwa ddeterminat mill-komponenti kollha tiegħu flimkien.

12

L-amministrazzjoni fiskali qieset li l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jiġi kklassifikat, skont ir-Regola 2(b), ir-Regola 3(b), kif ukoll ir-Regola 6 tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, skont il-materjal li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu.

13

L-amministrazzjoni fiskali qieset li, fiċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, is-sustanza li tagħti lill-prodott in-natura essenzjali tiegħu hija dik li l-perċentwali tagħha, fid-densità tiegħu, hija l-ogħla. Sussegwentement, wara li rrilevat li, skont iċ-ċertifikat ta’ kwalità, l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkorrispondi għal gass likwifikat tat-tip CПБT (SPBT) u li, skont l-istandard nazzjonali Russu ΓOCT 20448‑90 (GOST 20448‑90), jistgħu jiġu kklassifikati bħala gass likwifikat tat-tip CΠБT (SPBT) dak il-gass li l-komponenti prinċipali tiegħu huwa l-propan u l-butan, din l-amministrazzjoni kkonkludiet li dawn iż-żewġ sustanzi kienu jagħtu lil dan l-LPG in-natura essenzjali tiegħu, mingħajr ma l-komponenti l-oħrajn, jiġifieri l-metan, l-etan, l-etilene, il-propilene u l-butilene jistgħu jibdlu n-natura essenzjali tiegħu.

14

Latvijas propāna gāze ressqet rikors kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja).

15

Fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ April 2014, dik il-qorti l-ewwel nett għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema huwa l-materjal, minn fost dawk li huwa magħmul minnhom, li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu, u dan jista’ jsir billi jiġi eżaminat jekk il-prodott, meta jiġi mċaħħad minn xi wieħed mill-komponenti tiegħu, iżommx jew le il-proprjetajiet li jikkaratterizzawh. Il-fattur li jiddetermina n-natura essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodott, jirriżulta pereżempju min-natura tal-materjal kostituttiv jew tal-komponenti tal-prodott, mill-volum tagħhom, mill-kwalità tagħhom, mill-piż tagħhom, mill-valur tagħhom jew mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostituttivi fid-dawl tal-użu ta’ dan il-prodott (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Kloosterboer Services, C‑173/08, EU:C:2009:382, punti 3132).

16

Sussegwentement, b’applikazzjoni ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-kawża prinċipali, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) irrilevat li l-amministrazzjoni fiskali la kienet ipprovat liema kienet in-natura essenzjali tal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas ma kienet uriet li l-propan jew il-butan kellu jitqies bħala s-sustanza li tagħtih tali natura. F’dan ir-rigward, wara li enfasizzat li l-perċentwali ta’ propan jew ta’ butan fil-kompożizzjoni ta’ dan l-LPG ma kinitx indikata b’mod separat fiċ-ċertifikat ta’ kwalità, din il-qorti għamlet riferiment għall-opinjoni tal-Università Teknika ta’ Riga li ma kienx possibbli jiġi stabbilit li waħda mis-sustanzi li jikkomponu l-imsemmi LPG tista’, waħedha, tagħti lil dan tal-aħħar in-natura essenzjali tiegħu. Fl-aħħar, l-imsemmija qorti osservat, meta eżaminat iċ-ċertifikati ta’ kwalità ppreżentati minn Latvijas propāna gāze dwar l-LPG akkwistat f’okkażjoni oħra fil-Litwanja, li l-proporzjon ta’ propilene setgħet, f’ċerti każi, tkun ogħla minn dik tal-propan fil-kompożizzjoni tal-LPG.

17

Bħalma tirrileva l-qorti tar-rinviju, li quddiemha l-amministrazzjoni fiskali ppreżentat appell ta’ kassazzjoni, miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jirriżulta li, anki jekk jitqies li l-propan jikkostitwixxi, bħala densità, is-sustanza predominanti tal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma d-diversi sustanzi li jikkomponu l-LPG li, flimkien, jagħtuh il-valur kalorifiku tiegħu bħala sors ta’ enerġija. Dik il-qorti tesprimi għalhekk xi dubji dwar il-fondatezza tal-argumenti tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana, fis-sens li s-sustanza li l-proporzjon tagħha hija predominanti bħala perċentwali tagħti lil-LPG inkwistjoni n-natura essenzjali tiegħu, u żżid li, fil-każ ta’ ċaħda ta’ tali argumenti, l-LPGs li l-kompożizzjoni tagħhom hija ddominata mill-propan jew mill-butan għandhom dejjem jiġu kklassifikati fis-subintestatura tariffarja 2711 19 00, li għaliha tapplika rata ta’ dazji fuq l-importazzjoni ta’ 0 % tal-valur doganali.

18

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament Nru 2454/93 jirriżulta li persuna li tixtieq timporta l-LPG u tikklassifikah f’intestatura tariffarja li għaliha tapplika rata li hija favorevoli għaliha għandha tippreżenta lill-awtoritajiet doganali kkonċernati, matul l-importazzjoni, provi li jippermettu li jiġi eliminat kull dubju fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-klassifikazzjoni. F’dan il-każ, dik il-qorti tenfasizza li huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni timplikax l-obbligu, għal importatur ta’ LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza predominanti fil-kompożizzjoni ta’ dan l-LPG.

19

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata fl-aħħar li ma huwiex iktar possibbli li jittieħdu kampjuni tal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għalhekk, li ssir analiżi ta’ dan l-LPG fil-laboratorju doganali tal-amministrazzjoni fiskali Latvjana, sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tiegħu. Konsegwentement, sabiex tiġi stabbilita korrettament l-intestatura tariffarja applikabbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti li diġà ġew stabbiliti fil-kawża prinċipali.

20

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Augstākās tiesa, Administratīvo lietu departaments (qorti suprema, dipartiment tal-affarijiet amministrattivi, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni [tan-NM] 2(b) u 3(b) [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk il-komponenti kollha tat-taħlita ta’ gass jagħtu flimkien in-natura essenzjali lill-prodott (gass likwifikat miż-żejt) u jekk ma huwiex possibbli li tiġi iżolata s-sustanza tal-gass li tagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, għandu jiġi preżunt li s-sustanza li tagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu skont [l-imsemmija] regola ġenerali [...] 3(b) hija dik li fiha hemm il-perċentwali l-iktar għoli fit-taħlita?

2)

L-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament [...] Nru 2454/93, [...] jimplika l-obbligu għall-persuna li tiddikjara l-merkanzija (gass likwifikat miż-żejt) sabiex tindika b’mod speċifiku l-perċentwali tas-sustanza li minnha hija prinċipalment magħmula t-taħlita?

3)

Fil-każ fejn il-persuna li tiddikjara l-merkanzija ma tkunx indikat b’mod speċifiku l-perċentwali tas-sustanza li minnha hija prinċipalment magħmula t-taħlita tal-gass, għandu jiġi applikat għal gass li fih 0.32 % metan, etan u etilen, 58.32 % propen u propilen, u mhux iktar minn 39.99 % butan u butilen, il-kodiċi 2711 19 00 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea, applikat mill-persuna li tiddikjara l-merkanzija f’din il-kawża, jew il-kodiċi 2711 12 97, applikat mill-Valsts ieņēmumu dienests [amministrazzjoni fiskali Latvjana]?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Hemm lok li tingħata risposta l-ewwel nett għall-ewwel domanda, sussegwentement, għat-tielet domanda, u, fl-aħħar, għat-tieni domanda.

Fuq l-ewwel domanda, dwar id-determinazzjoni tas-sustanza li tagħti lill-prodott in-natura essenzjali tiegħu

22

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regola 2(b) u r-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li l-komponenti ta’ LPG jagħtuh flimkien in-natura essenzjali tiegħu u fil-każ li ma huwiex possibbli li jiġi iżolat dak il-komponent li, waħdu, jagħtih in-natura essenzjali tiegħu, għandu jiġi preżunt li l-komponent li jagħti lil dan l-LPG in-natura essenzjali tiegħu, fis-sens tal-imsemmija Regola 3(b), huwa dak li l-perċentwali tiegħu hija l-ogħla fid-densità tal-imsemmi LPG.

23

Għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, “taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti [...] għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli”.

24

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi l-metan, l-etan, l-etilene, il-propan, il-propilene, il-butan u l-butilene. Skont l-opinjoni tal-Università Teknika ta’ Riga, li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit li waħda minn dawn is-sustanzi tagħti lil dan il-prodott, waħedha, in-natura essenzjali tiegħu, jiġifieri l-valur kalorifiku jew il-pressjoni żejda tiegħu. Għall-kuntrarju, minn din l-opinjoni jirriżulta li l-valur kalorifiku tal-imsemmi prodott huwa ddeterminat mill-komponenti kollha tat-taħlita ta’ gass flimkien, u mhux minn komponent wieħed.

25

Sa fejn din l-opinjoni xjentifika tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, għandu jiġi konkluż li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat, skont ir-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, liema hija s-sustanza preżenti fl-LPG li tagħti lit-taħlita l-karatteristiċi fiżikokimiċi tagħha u, speċifikament, il-valur kalorifiku tagħha.

26

Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-kwantità eżatta ta’ kull wieħed mill-komponenti tal-LPG inkwistjoni, peress li, fiċ-ċertifikat ta’ kwalità tal-oġġetti, il-perċentwali ta’ gassijiet preżenti fl-LPG hija indikata għal kull grupp ta’ gass, bl-ewwel grupp ikun kompost mill-metan, mill-etan u mill-etilene, bit-tieni grupp, mill-propan u mill-propilene u, bit-tielet grupp, mill-butan u mill-butilene.

27

Barra minn hekk, fid-dawl tal-provi deskritti mill-qorti tar-rinviju dwar l-akkwist ta’ LPG minn oriġini differenti, jidher li, fil-grupp kompost mill-propan jew mill-propilene, il-kwantità ta’ propilene tista’ tkun ogħla minn dik tal-propan. Għalhekk ma jistax jiġi preżunt li, meta l-ikbar grupp ta’ gass huwa dak kompost mill-propan u mill-propilene, il-propan għandu jitqies bħala l-element dominanti tat-taħlita.

28

Fl-aħħar, ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jinkludu r-Regola 3(c), applikabbli fil-każijiet meta l-oġġett inkwistjoni la jista’ jkun ikklassifikat skont ir-Regola 3(a) u lanqas skont ir-Regola 3(b) tal-imsemmija regoli, li skontha l-oġġetti għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numeriku minn fost dawk li jistgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni.

29

Minn dan jirriżulta li ma huwiex meħtieġ li wieħed jirrikorri għal preżunzjoni li għandha l-għan li tiddetermina s-sustanza li tagħti lit-taħlita n-natura essenzjali tagħha.

30

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regola 2(b) u r-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-komponenti kollha ta’ taħlita ta’ gass, bħal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtuha flimkien in-natura essenzjali tagħha, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat il-komponent li jagħtiha n-natura essenzjali tagħha u li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-kwantità eżatta ta’ kull wieħed mill-komponenti tal-LPG inkwistjoni, preżunzjoni li s-sustanza li tagħti lill-prodott in-natura essenzjali tiegħu, fis-sens tar-Regola 3(b) ta’ dawn ir-regoli ġenerali, hija dik li l-perċentwali tagħha hija l-ogħla fit-taħlita ma għandhiex tintuża.

Fuq it-tielet domanda, dwar il-klassifikazzjoni ta ’ taħlita ta ’ LPG

31

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fil-każ li d-dikjarant doganali ma jkunx indika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza li huwa prinċipalment kompost minnha LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi 0.32 % ta’ metan, ta’ etan u ta’ etilene, 58.32 % ta’ propan u ta’ propilene, u mhux iktar minn 39.99 % ta’ butan u ta’ butilene, in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li dan l-LPG għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 2711 19 00, bħala “Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass, imdewbin, oħrajn”, jew fis-subintestatura 2711 12 97, bħala “Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass, imdewbin, propan, oħrajn, għal għanijiet oħrajn: oħrajn”.

32

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 1982, Wünsche, 145/81, EU:C:1982:254, punt 12; tal‑20 ta’ Novembru 1997, Wiener SI, C‑338/95, EU:C:1997:552, punt 10; tal‑15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 47; tal‑20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C‑375/07, EU:C:2008:645, punt 43, kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 2015, TSI, C‑183/15, EU:C:2015:808, punt 24).

33

Dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati fil-mument tar-rilaxx doganali (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1996, Foods Import, C‑38/95, EU:C:1996:488, punt 17; tas‑27 ta’ Settembru 2007, Medion u Canon Deutschland, C‑208/06 u C‑209/06, EU:C:2007:553, punt 36, u tat‑23 ta’ April 2015, ALKA, C‑635/13, EU:C:2015:268, punt 37).

34

F’dan il-każ, is-subintestatura 2711 12 tan-NM hija dwar il-propan. Madankollu, bħalma jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, minkejja li l-propan huwa l-gass li l-perċentwali tiegħu hija l-ogħla f’LPG bħal dak deskritt mill-qorti tar-rinviju, dan il-gass ma jistax jiġi preżunt li jagħtih in-natura essenzjali tiegħu.

35

L-istess jgħodd għall-gassijiet l-oħrajn li jikkostitwixxu dan l-LPG, b’mod li dan lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestaturi 2711 13 (“Butani”) jew 2711 14 00 (Etilene, propilene, butilene u butadina”).

36

Peress li r-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM ma tippermettix li ssir il-klassifikazzjoni ta’ taħlita ta’ gass bħal-LPG kif deskritt mill-qorti nazzjonali, għandha tiġi applikata r-Regola 3(c) ta’ dawn ir-regoli, imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li skontha l-oġġetti għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numeriku minn fost dawk li jistgħu validament jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, bħalma tipproponi l-Kummissjoni, fis-subintestatura 2711 19 00 tan-NM, bħala “gass likwifikat miż-żejt ieħor”.

37

Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi 0.32 % ta’ metan, ta’ etan u ta’ etilene, 58.32 % ta’ propan u ta’ propilene, u mhux iktar minn 39.99 % ta’ butan u ta’ butilene, u li ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata liema waħda mis-sustanzi li jikkomponuh tagħtih in-natura essenzjali tiegħu, jaqa’ taħt is-subintestatura 2711 19 00, bħala “Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass, imdewbin, oħrajn”.

Fuq it-tieni domanda

38

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament Nru 2454/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimplika l-obbligu, għal dikjarant ta’ LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza li minnha huwa prinċipalment magħmul dan l-LPG.

39

Bħalma jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, ma huwiex possibbli li jiġi preżunt li, fil-każ li LPG, bħal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun kompost minn diversi sustanzi, dik is-sustanza li għandha l-ogħla perċentwali tagħti lil dan l-LPG in-natura essenzjali tiegħu.

40

Barra minn hekk, bħalma jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda u bħalma tirrileva l-Kummissjoni, l-assenza ta’ indikazzjoni preċiża tal-perċentwali tas-sustanzi li jikkomponu LPG, bħal-LPG inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli ta’ klassifikazzjoni tariffarja.

41

Għalhekk ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimplikax l-obbligu, għal dikjarant ta’ LPG, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza li minnha huwa prinċipalment magħmul dan l-LPG.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regola 2(b) u r-Regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...], fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad‑19 ta’ Settembru 2008, u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat‑30 ta’ Settembru 2009, rispettivament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-komponenti kollha ta’ taħlita ta’ gass, bħall-gass likwifikat miż-żejt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtuha flimkien in-natura essenzjali tagħha, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat il-komponent li jagħtiha n-natura essenzjali tagħha u li, fi kwalunkwe każ, ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-kwantità eżatta ta’ kull wieħed mill-komponenti tal-gass likwifikat miż-żejt inkwistjoni, preżunzjoni li s-sustanza li tagħti lill-prodott in-natura essenzjali tiegħu, fis-sens tar-Regola 3(b) ta’ dawn ir-regoli ġenerali, hija dik li l-perċentwali tagħha hija l-ogħla fit-taħlita ma għandhiex tintuża.

 

2)

L-imsemmija nomenklatura magħquda għandha tiġi interpretata fis-sens li gass likwifikat miż-żejt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi 0.32 % ta’ metan, ta’ etan u ta’ etilene, 58.32 % ta’ propan u ta’ propilene, u mhux iktar minn 39.99 % ta’ butan u ta’ butilene, u li ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata liema waħda mis-sustanzi li jikkomponuh tagħtih in-natura essenzjali tiegħu, jaqa’ taħt is-subintestatura 2711 19 00, bħala “Gassijiet minerali (petroleum) [Gassijiet miż-żejt] u idrokarbonji oħrajn bil-gass, imdewbin, oħrajn”.

 

3)

L-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat‑2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimplikax l-obbligu, għal dikjarant ta’ gass likwifikat miż-żejt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika preċiżament il-perċentwali tas-sustanza li minnha huwa prinċipalment magħmul dan il-gass likwifikat miż-żejt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top