Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0233

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-28 ta’ April 2016.
    SIA „Oniors Bio" vs Valsts ieņēmumu dienests.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Administratīvā apgabaltiesa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 1517 90 91 u 1518 00 31 – Taħlita fluwida veġetali, mhux ipproċessata, mhux volatili, komposta minn żejt tal-kolza (88 %) u żejt tal-ġirasol (12 %).
    Kawża C-233/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:305

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    28 ta’ April 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Subintestaturi 1517 90 91 u 1518 00 31 — Taħlita fluwida veġetali, mhux ipproċessata, mhux volatili, komposta minn żejt tal-kolza (88 %) u żejt tal-ġirasol (12 %)”

    Fil-Kawża C‑233/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura,

    SIA “Oniors Bio”

    vs

    Valsts ieņēmumu dienests,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, M. Safjan u M. Vilaras (Relatur) Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u G. Bambāne, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u A. Caeiros, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 1517 90 91 u 1518 00 31 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU L 282, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SIA “Oniors Bio” u Valsts ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali Latvjana iktar ’il quddiem il-“VID”), dwar is-suġġett tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ taħlita ta’ żjut veġetali fissi mhux maħduma u likwidi (88 % żejt tal-kolza u 12 % żejt tal-ġirasol).

    Il-kuntest ġuridiku

    In-NM u s-SA

    3

    Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Din hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifika ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), elaborata mill-Kunsill għall-kooperazzjoni doganali, li saret l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO) u mwaqqfa permezz tal-Konvenzjoni li ħolqot dan il-Kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-SA ġiet imwaqqfa permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifika ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u flimkien mal-Protokoll li jemendaha, tal-24 ta’ Ġunju 1986, ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA b’sitt figuri, bis-seba’ u bit-tmien figuri joħolqu biss subintestaturi ulterjuri li huma speċifiċi għaliha.

    4

    L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2658/87 jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea tadotta kull sena regolament li jinkludi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni relatata, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. L-imsemmi regolament huwa ppubblikat sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

    5

    Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija dik tas-sena 2012, mal-ħruġ tar-Regolament Nru 1006/2011.

    6

    L-ewwel parti tan-NM fiha numru ta’ dispożizzjonijiet preliminari. Taħt it-Titolu I ta’ din il-parti, iddedikata lir-regoli ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tiddisponi:

    “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

    1.

    It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv […]”

    7

    It-tieni parti tan-NM tinkludi Taqsima III intitolata “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew ħxejjex u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xamgħat tal-annimali jew tal-ħxejjex”. Din it-taqsima tinkludi Kapitolu 15, li għandha titolu identiku.

    8

    Il-Kapitolu 15 tan-NM jinkludi, b’mod partikolari, l-intestaturi u s-subintestaturi tariffarji segwenti:

    “1516

    Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew ta’ veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, inter-esterifikati, ri-esterifikati jew elajdinizzati, raffinati jew le, iżda mhux preparati aktar”.

    […]

    1517

    Marġerina; taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali jew veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-kapitlu, minbarra xaħmijiet u żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom ta’ titlu 1516

    […]

    1517 90 91 ‑ ‑ ‑ Żjut veġetali fissi, likwidi, imħallta”.

    9

    L-intestatura 1518 tan-NM hija strutturata kif ġej:

    “1518 00

    Xaħmijiet u żjut ta’ l-annimali jew veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, mgħollijin, ossidizzati, deidrati, sulfurizzati, minfuħin, polimerizzati bis-sħana ġewwa vakuum jew ġewwa gass inerti jew modifikati kimikament mod ieħor, ħlief dawk tat-titolu 1516; taħlitiet u preparazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali mhumiex tajbin għall-ikel jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet jew żjut differenti ta’ dan il-kapitolu, li mhumiex imsemmijin jew inklużi band’oħra:

    1518 00 10

    Linoxina

    ‑ Żjut veġetali fissi, fluwidi, imħalltin, għal użi tekniċi jew industrijali ħlief għall-manifattura ta’ oġġetti ta’ l-ikel għal konsum uman:

    1518 00 31

    ‑ Mhux maħdumin:

    […]”

    10

    In-Nota 3 tal-Kapitolu 15 tan-NM tistabbilixxi:

    “It-titolu 1518 ma jkoprix xaħmijiet jew żjut jew il-frazzjonijiet tagħhom, żnaturati biss, li jiġu klassifikati taħt it-titolu xieraq għax-xaħmijiet u għaż-żjut u għall-frazzjonijiet korrispondenti tagħhom mhux żnaturati.”

    11

    In-noti ta’ spjega tas-SA huma żviluppati fi ħdan id-WCO skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni internazzjonali fuq is-SA tal-14 ta’ Ġunju 1983 u huma ppubblikati fiż-żewġ lingwi uffiċjali tad-WCO, jiġifieri l-Franċiż u l-Ingliż. In-nota ta’ spjega dwar il-Kapitolu 15, fil-verżjoni Franċiża, tindika dan li ġej:

    “It-terminu ‘xaħmijiet u żjut u l-frazzjonijiet tagħhom, żnaturati biss’ imsemmijia fin-Nota 3 ta’ dan il-kapitolu jkopri x-xaħmijiet jew iż-żjut u l-frazzjonijiet tagħhom ma’ liema ġie miżjud, bil-għan li jagħmluhom mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem, denaturant bħal żejt tal-ħuta, fenoli, żjut minerali, spirtu tat-terpentina, toluwen, saliċilat tal-metil (żejt tal-wintergreen jew tal-Gaultheria) żejt tar-rosmarin. Dawn is-sustanzi huma miżjuda f’ammonti żgħar (normalment sa 1 % l-iktar) fi proporzjonijiet tali li x-xaħmijiet jew żjut u l-frazzjonijiet tagħhom isiru misnieħ, qarsa, irritanti, morri, pereżempju. Madankollu, għandu jiġi nnotat li n-Nota 3 ta’ dan il-kapitolu ma tapplikax għat-taħlitiet jew għall-preparazzjonijiet denaturati ta’ xaħmijiet jew żjut jew tal-frazzjonijiet tagħhom (Nru 15.18).”

    Il-Kodiċi Doganali

    12

    L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) jipprevedi:

    “1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, iwettqu l-kontrolli kollha li huma jqisu neċessarji sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-regoli doganali u l-liġijiet oħrajn li jirregolaw id-dħul, il-ħruġ, it-transitu, it-trasferiment u l-użu finali ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Komunità u pajjiżi terzi u l-preżenza ta’ merkanzija li ma għandhiex status Komunitarju. Jistgħu jitwettqu f’pajjiż terz, fejn dan ikun previst minn xi ftehim internazzjonali, kontrolli doganali għall-fini ta’ l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja.

    […]

    3.   Fejn il-kontrolli jiġu mwettqa minn awtoritajiet li ma jkunux l-awtoritajiet doganali, dawn il-kontrolli għandhom isiru b’kordinazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet doganali, fejn possibbli fl-istess ħin u post.

    […]”

    13

    L-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali jiddisponi:

    “1.   Dikjarazzjonijiet bil-miktub għandhom isiru fuq formola li tikkorrispondi mal-kampjun uffiċjali preskritt għal dak l-għan. Għandhom jiġu ffirmati u jkun fihom id-dettalji neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.

    2.   Id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.”

    14

    L-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi:

    “Għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet li jkunu aċċettaw, l-awtoritajiet doganali jistgħu:

    a)

    jeżaminaw id-dokumenti li jkopru d-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkompanjawha. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lil min jagħmel id-dikjarazzjoni biex jippreżenta dokumenti oħra bl-iskop li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni;

    b)

    jeżaminaw il-merkanzija u jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżami akkurat.”

    15

    L-Artikolu 71 tal-Kodiċi Doganali jiddisponi:

    “1.   Ir-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija.

    2.   Fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix verifikata, id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skont il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

    16

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 16, p. 463) jiddisponi:

    “1.   Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x’jaqsmu mal-ikel, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta’ l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern. Jistabbilixxi prinċipji komuni u responsabbilitajiet, il-mezzi ta’ provvista ta’ bażi xjentifika soda, arranġamenti effiċjenti ta’ organizzazzjoni u proċeduri biex isostni it-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf.”

    17

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 178/2002 jipprevedi li, għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, “oġġetti tal-ikel” (jew “ikel”) tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem.

    18

    L-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2002 jistabbilixxi:

    “1.   L-ikel m’għandux jitqiegħed fuq is-suq jekk ma jkunx tajjeb.

    2.   L-ikel għandu jitqies li ma jkunx tajjeb jekk ikun meqjus li:

    a)

    jkun ta’ ħsara għas-saħħa;

    b)

    ma jkunx tajjeb għall-konsum uman.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19

    Fis-16 ta’ Marzu 2012, Oniors Bio ppreżentat quddiem il-VID, żewġ dikjarazzjonijiet għall-finijiet taċ-ċirkulazzjoni libera ta’ ċerti kwantitajiet ta’ taħlita ta’ żjut veġetali fissi mhux maħduma likwidi, komposta minn 88 % żejt tal-kolza u 12 % żejt tal-ġirasol, immanifatturati fil-Belarus. Fid-dikjarazzjonijiet tagħha, Oniors Bio kklassifikat il-prodott inkwistjoni fis-subintestatura 1518 00 31 tan-NM.

    20

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur, il-merkanzija importata minn Oniors Bio ma kinitx intiża għall-użu bħala ikel, iżda biss għal użu tekniku. Fil-fatt, minħabba l-proċess teknoloġiku użat fil-produzzjoni tat-taħlita ta’ żjut inkwistjoni, ma setax jiġi eskluż fil-prodott finali, il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi, b’mod partikolari tat-toluwen, denaturant.

    21

    Oniors Bio ppreżentat ukoll lill-VID opinjoni taċ-ċentru ta’ ċertifikazzjoni tal-Latvja (Latvijas Sertifikācijas Centrs) minn fejn irriżulta li l-merkanzija inkwistjoni kien fiha 1.4 % ta’ toluwen, li jagħmilha mhux tajba għall-ikel. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li l-użu ta’ din il-merkanzija ma kienx awtorizzat fil-produzzjoni ta’ oġġetti tal-ikel. Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, l-ebda prova ma ġiet prodotta quddiemha li tkun tista’ tiċċertifika, għall-inqas indirettament, kwalunkwe frodi jew intenzjoni frawdolenti tal-manifattur u ta’ Oniors Bio sabiex jevadu l-ħlas ta’ dazji jew ta’ taxxi li għandhom jitħallsu.

    22

    Wara li wettqet spezzjoni tal-merkanzija importata u l-eżami tal-kampjuni meħuda, il-VID ikkunsidrat, b’żewġ opinjonijiet tas-27 ta’ Marzu 2012, li din għandha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 1517 90 91 tan-NM. Fuq il-bażi ta’ dawn l-opinjonijiet, il-VID adottat fid-29 ta’ Marzu 2012, żewġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom id-dazji u t-taxxa fuq il-valur miżjud mitluba minn Oniors Bio ġew miżjuda.

    23

    Oniors Bio ippreżentat ilment quddiem id-Direttur Ġenerali tal-VID kontra d-deċiżjonijiet hawn fuq imsemmija. Meta dan l-ilment kien miċħud, Oniors Bio ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva tad-distrett). Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Mejju 2013.

    24

    Oniors Bio appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    25

    Din tal-aħħar tindika li, sabiex teżamina l-kawża b’tagħrif sħiħ, hija stiednet lill-awtorità tal-ikel u veterinarja (Pārtikas veterinārais dienests, iktar ’il quddiem il-“PVD”) sabiex tipparteċipa fil-proċedura sabiex tagħti, fil-limiti tal-kompetenza tagħha, l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti. Fl-opinjoni tagħha, il-PVD ibbażat ruħha fuq l-informazzjoni mogħtija mill-manifattur tal-prodott inkwistjoni u fuq id-dokumenti annessi ma’ dan il-prodott sabiex ikkonkludiet li dan ma kienx prodott għall-użu fl-ikel jew fil-produzzjoni ta’ ikel għall-konsum mill-bniedem u ma setax jintuża għal dawn l-għanijiet.

    26

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-klassifikazzjoni tat-taħlita ta’ żjut importati minn Oniors Bio fis-subintestatura 1517 90 91 tan-NM ħolqot dubju raġonevoli fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mill-manifattur tal-prodott u tal-opinjoni taċ-ċentru ta’ ċertifikazzjoni tal-Latvja u tal-PVD. Fil-fehma tagħha, dawn id-dubji jinqalgħu, minn naħa, minħabba l-assenza, fil-kawża pendenti quddiemha, ta’ azzjoni mmirata, bħal dik fis-sentenza Evroetil (C‑503/10, EU:C:2011:872), intiża sabiex tagħmel il-prodott ikkonċernat b’mod irreversibbli mhux tajjeb għall-użu bħala ikel, minħabba ż-żieda ta’ denaturanti jew ta’ sustanzi oħra noċivi. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-VID ma kkonstatatx il-preżenza ta’ sustanzi noċivi fil-kampjuni meħuda mill-merkanzija importata jikkostitwixxi sors supplimentari ta’ dubji dwar il-klassifikazzjoni korretta tal-prodotti inkwistjoni.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Prodotti li fir-rigward tagħhom ir-riżultati tal-eżami tal-kampjuni meħuda fuq ċerti eżemplari ma żvelawx il-preżenza ta’ spirtu metilizzat jew sustanzi oħra noċivi li jagħmluhom mhux tajjba għall-konsum mill-bniedem iżda li, konformement mal-informazzjoni pprovduta mill-produttur, ma jistgħux jintużaw fil-prodotti tal-ikel (produzzjoni u katina tal-ikel) minħabba li wieħed ma jistax jeskludi l-preżenza ta’ sustanzi noċivi fil-prodott minħabba karatteristiċi tal-proċess ta’ produzzjoni għandhom b’mod ġenerali jiġu kklassifikati billi jintuża wieħed mill-kodiċi [tan-NM] applikabbli għall-prodotti li ma humiex tal-ikel jew madankollu jeħtieġ li dawn il-prodotti jiġu kklassifikati b’mod ġenerali billi jintuża wieħed mill-kodiċi tan-NM applikabbli għall-prodotti tal-ikel?

    2)

    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kodiċi [tan-NM], liema huma l-kriterji determinanti biex jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “prodott tal-ikel” u ta’ “prodott li ma huwiex tal-ikel”?

    3)

    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kodiċi [tan-NM], l-użu intenzjonat ta’ prodott jista’ jkun kriterju oġġettiv tal-kassifikazzjoni tal-merkanzija?

    4)

    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kodiċi [tan-NM], l-opinjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li tgħid li, konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Istat Membru fil-qasam tal-ikel, il-merkanzija importata mir-rikorrenti ma tistax tintuża fil-katina tal-ikel peress li ma hijiex tajba għall-konsum mill-bniedem tista’ tintuża bħala kriterju ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “prodott li ma huwiex tal-ikel”?

    5)

    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kodiċi [tan-NM], l-informazzjoni kkomunikata mill-produttur dwar il-proċess teknoloġiku ta’ produzzjoni ta’ merkanzija, li minħabba fiha wieħed ma jistax jeskludi l-preżenza ta’ sustanzi noċivi fil-prodott tista’ tintuża bħala kriterju ta’ klassifikazzjoni tal-merkanzija sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “prodott li ma huwiex tal-ikel”?

    6)

    Liema proprjetajiet fiżiko-kimiċi ta’ merkanzija li għandha tiġi kklassifikata huma determinanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni korretta tal-Kodiċi 1518 00 31 u 1517 90 91 [tan-NM]?

    7)

    Il-Kodiċi 1518 00 31 [tan-NM] għandu jiġi applikat għal merkanzija li tippreżenta proprjetajiet fiżiko-kimiċi bħal dawk li ġew ikkonstatati f’din il-kawża?”

    Fuq id-domandi preliminari

    28

    Preliminarjament, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, il-qorti nazzjonali jidher li hija fi kwalunkwe każ f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel din il-klassifikazzjoni (sentenza Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tikklassifika l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li hija għamlitilha.

    30

    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk inhu l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha (sentenza Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, bis-seba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala taħlita ta’ żjut veġetali tajba għall-ikel, fis-subintestatura 1517 90 91 tan-NM, jew bħala taħlita ta’ żjut veġetali mhux tajba għall-ikel, fis-subintestatura 1518 00 31 tan-NM, hija għandha tqis dan li ġej:

    ir-riżultati tal-eżami tal-kampjuni meħuda minn ċerti gruppi tal-merkanzija inkwistjoni, jekk ma jkunux urew il-preżenza ta’ denaturanti jew ta’ sustanzi noċivi li jagħmlu l-merkanzija inkwistjoni mhux tajba għall-konsum mill-bniedem;

    l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur tal-merkanzija kkonċernata, li tgħid li din il-merkanzija ma hijiex intiża għall-konsum mill-bniedem sakemm, minħabba l-proċess teknoloġiku użat fil-manifattura tagħha, il-preżenza, f’din il-merkanzija, ta’ sustanzi noċivi u, b’mod partikolari, ta’ toluwen, ma jistax jiġi eskluż;

    id-destinazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni;

    l-opinjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ikel ta’ Stat Membru, li tipprovdi li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-Istat Membru, il-merkanzija importata mhux tajba għall-konsum mill-bniedem;

    il-proċessi ta’ manifattura tal-merkanzija;

    il-proprjetajiet fiżiko-kimiċi tal-merkanzija inkwistjoni.

    32

    F’dan ir-rigward għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita, li fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifika tat-tariffi tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (sentenza Delphi Deutschland, C‑423/10, EU:C:2011:315, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, l-użu intiż ta’ prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenzi Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 41 u Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 47). Barra minn hekk, id-destinazzjoni tal-prodott huwa kriterju rilevanti biss jekk il-klassifikazzjoni ma tistax issir biss fuq il-bażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (sentenza Skoma-Lux, C‑339/09, EU:C:2010:781, punt 47).

    34

    Kif jirriżulta mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa taħlita ta’ żjut veġetali fissi, mhux maħduma, likwidi, komposta minn 88 % żejt tal-kolza u 12 % żejt tal-ġirasol. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur tagħha, din it-taħlita ma hijiex intiża għall-konsum mill-bniedem sa fejn, minħabba l-proċess teknoloġiku użat għall-manifattura tagħha, il-preżenza ta’ sustanzi noċivi u, b’mod partikolari, tat-toluwen, ma jistax jiġi eskluż.

    35

    Kif jirriżulta mill-kliem tagħha, l-intestatura 1517 tan-NM tinkludi, minbarra l-“marġerina”, “taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali jew veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-kapitlu, minbarra xaħmijiet u żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom ta’ titlu 1516”.

    36

    L-intestatura 1518 tan-NM tinkludi, skont il-kliem tagħha, “xaħmijiet u żjut tal-annimali jew veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, mgħollijin, ossidizzati, deidrati, sulfurizzati, minfuħin, polimerizzati bis-sħana ġewwa vakuum jew ġewwa gass inerti jew modifikati kimikament mod ieħor, ħlief dawk ta’ titlu 1516” kif ukoll “taħlitiet u preparazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali mhumiex tajbin għall-ikel jew ta’ frazzjonjiet ta’ xaħmijiet jew żjut differenti ta’ dan il-kapitlu, li mhumiex imsemmijin jew inklużi band’oħra”.

    37

    It-taħlita ta’ żejt tal-ġirasol u tal-kolza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-intestatura 1516 tan-NM, peress li ma hijiex komposta minn xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew ta’ veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, interesterifikati, riesterifikati jew elajdinizzati, maħduma jew le, iżda mhux ippreparati iktar, għandu jiġi konkluż li din taqa’ jew taħt l-intestatura 1517 tan-NM jew taħt l-intestatura 1518 tan-NM, sa fejn dawn iż-żewġ intestaturi jsemmu taħlitiet ta’ żjut veġetali, bil-klassifikazzjoni tagħha f’waħda jew l-oħra minn dawn l-intestaturi tiddependi fuq il-kwistjoni li wieħed ikun jaf jekk it-taħlita hijiex tajba għall-ikel jew mhux tajba għall-ikel, kif ġie wkoll irrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. Il-Kapitolu 15 tan-NM jiddistingwi, fil-fatt, billi jtenni d-distinzjoni stabbilita fil-Kapitolu 15 tas-SA, it-taħlitiet ta’ żjut veġetali tajbin għall-ikel, li jaqgħu taħt l-intestatura 1517 tan-NM, u t-taħlitiet ta’ żjut veġetali mhux tajbin għall-ikel, li jaqgħu taħt l-intestatura 1518 tan-NM.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-Nota 3 tal-Kapitolu 15 tan-NM, li tuża l-istess test tan-Nota 3 tal-Kapitolu 15 tas-SA, tippreċiża li l-intestatura 1518 tan-NM “ma tinkludix xaħmijiet u żjut żnaturati biss, li huma kklassifikati taħt l-intestatura għax-xaħmijiet u għaż-żjut mhux żnaturati korrispondenti”. Issa, n-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 15 tippreċiża, minn naħa, li t-terminu “xaħmijiet u żjut u frazzjonijiet tagħhom żnaturati biss” imsemmija fin-Nota 3 hija “xaħmijiet jew żjut u l-frazzjonijiet tagħhom li kienu miżjuda b’ denaturant, li jagħmluhom mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem”, bħalma hu, b’mod partikolari t-toluwen. L-aħħar frażi ta’ din in-nota ta’ spjega tippreċiża, min-naħa l-oħra, li n-Nota 3 tal-Kapitolu 15 tas-SA ma tapplikax għat-taħlitiet jew għall-preparazzjonijiet denaturati ta’ xaħmijiet jew ta’ żjut.

    39

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tikkwalifika taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik fil-kawża prinċipali bħala “mhux tajba għall-ikel” u sabiex tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 1518 00 31 tan-NM, ma huwiex indispensabbli li għandha tiġi b’mod irreversibbli reża mhux tajba għall-użu bħala ikel permezz ta’ azzjoni mmirata matul il-proċess tal-manifattura tagħha. Huwa biżżejjed li wieħed jifhem li qed nittrattaw ma’ taħlitiet mhux tajbin għall-ikel mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif ukoll mid-destinazzjoni li tirriżulta.

    40

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, is-sentenza Evroetil (C‑503/10, EU:C:2011:872), invokata mill-qorti tar-rinviju, ma tbiddilx din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet tikkonċerna l-kunċett ta’ “denaturazzjoni” u mhux id-distinzjoni bejn taħlitiet tajbin għall-ikel u mhux tajbin għall-ikel. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li prodott li ma ġiex żnaturat wara proċess fost dawk previsti mid-dispożizzjoni applikabbli, ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa inkwistjoni f’din il-kawża, meta dan l-istess prodott ikun fih sustanzi li jagħmluh mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EvroetilC‑503/10, EU:C:2011:872, punt 66). Issa, f’dan il-każ, il-kliem tas-subintestatura 1518 00 31 tan-NM ikopri mhux biss it-taħlitiet ta’ żjut veġetali żnaturati li jsegwu ċerti metodi iżda, b’mod ġenerali, it-taħlitiet ta’ żjut veġetali mhux tajbin għall-ikel.

    41

    Sussegwentement, fir-rigward tad-distinzjoni bejn taħlita ta’ żjut veġetali tajba għall-ikel, li tista’ tiġi kklassifikata fis-subintestatura 1517 90 91 tan-NM, u taħlita ta’ żjut veġetali mhux tajba għall-ikel, li taqa’ taħt is-subintestatura 1518 00 31 tan-NM, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, din id-distinzjoni tistrieħ fuq id-destinazzjoni tal-imsemmija taħlita, rispettivament għal għanijiet tajbin għall-ikel jew mhux tajbin għall-ikel.

    42

    Sabiex jiġi stabbilit jekk tali taħlita hija intiża għal għanijiet tajbin għall-ikel jew mhux tajbin għall-ikel, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti mal-karatteristiċi u mal-proprjetajiet oġġettivi inerenti fiha. Huwa l-importatur, fil-mument tal-importazzjoni, li għandu jipprova d-destinazzjoni msemmija għall-prodott inkwistjoni fid-dikjarazzjoni li huwa jippreżenta lill-awtoritajiet doganali kompetenti (ara b’analoġija, is-sentenza Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 51).

    43

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li, minħabba l-karatteristiċi tal-proċess ta’ manifattura, il-preżenza, f’taħlita ta’ żjut veġetali, ta’ sustanzi noċivi lis-saħħa tal-bniedem ma tistax tiġi eskluża li tikkostitwixxi element rilevanti biex tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ tali taħlita bħala “mhux tajba għall-ikel”, fir-rigward tal-karatteristiċi tagħha u tal-proprjetajiet oġġettivi tagħha u, għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tagħha fl-intestatura 1518 tan-NM u, b’mod partikolari, jekk tikkonsisti fi żjut veġetali mhux maħduma, fis-subintestatura 1518 00 31.

    44

    Fir-rigward tal-provi li jirrigwardaw il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-informazzjoni bil-miktub tal-manifattur tal-prodott tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 68(a) tal-Kodiċi Doganali, fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-verifika tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera u għall-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fl-intestatura korretta fin-NM.

    45

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, kif l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur għal taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi rrikonċiljata mar-riżultati tal-eżami tal-kampjuni meħuda mill-imsemmija taħlita u analizzati mill-awtoritajiet doganali, li ma sabux il-preżenza ta’ sustanzi noċivi għas-saħħa tal-bniedem.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 68(b) tal-Kodiċi Doganali, għall-verifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet aċċettati minnhom, l-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu eżami tal-merkanzija kkonċernata, flimkien mat-teħid ta’ kampjuni bil-għan li jiġu analizzati jew għal spezzjoni iktar dettaljata. Skont l-Artikolu 71(1) tal-Kodiċi Doganali, ir-riżultati tal-verifika ta’ dikjarazzjoni taċ-ċirkulazzjoni libera għandhom jintużaw għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha l-merkanzija inkwistjoni hija mqiegħda u għalhekk b’mod partikolari għall-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija fin-NM.

    47

    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, fil-każ fejn il-merkanzija kkonċernata minn dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera hija ppreżentata bħala taħlita ta’ żjut veġetali mhux tajba għall-ikel, iżda fejn l-eżami tal-kampjuni meħuda mill-imsemmija taħlita mill-awtoritajiet doganali kompetenti ma jsibux il-preżenza tal-ebda sustanza noċiva għas-saħħa tal-bniedem, dawn l-awtoritajiet għandhom id-dritt li jikklassifikaw din il-merkanzija f’intestatura tan-NM li tkopri t-taħlitiet ta’ żjut veġetali tajbin għall-ikel, bħal f’dan il-każ, l-intestatura 1517 tan-NM, sakemm ma jeżistux elementi oħra li juru li l-merkanzija inkwistjoni ma hijiex, min-natura tagħha u mill-proprjetajiet oġġettivi tagħha, intiża għall-użu għall-ikel.

    48

    Issa, informazzjoni bħal dik ipprovduta mill-manifattur tat-taħlita ta’ żjut veġetali inkwistjoni, li tipprovdi li, minħabba l-proċess ta’ manifattura ta’ tali taħlita, il-preżenza, ġo fiha, ta’ sustanzi noċivi għas-saħħa tal-bniedem ma tistax tiġi eskluża, tikkostitwixxi, preċiżament, fattur li jista’ juri li t-taħlita inkwistjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “ikel”. Din l-informazzjoni ma hijiex awtomatikament ikkontestata biss mir-riżultati ta’ analiżi ta’ kampjuni li ma wrewx il-preżenza ta’ sustanzi noċivi, sa fejn tali preżenza, fit-taħlita ta’ żjut inkwistjoni, ma hijiex ċerta, iżda biss possibbli.

    49

    Ċertament, ir-riżultati ta’ analiżi tal-kampjuni ta’ taħlita ta’ żjut veġetali bħal dawk miksuba mill-VID fil-kawża prinċipali jistgħu jqajmu dubju fuq l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-manifattur fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera għall-preżenza possibbli, fit-taħlita inkwistjoni, ta’ sustanzi noċivi għas-saħħa tal-bniedem. F’każ bħal dan, l-awtoritajiet doganali jistgħu, skont l-Artikolu 68(a) tal-Kodiċi Doganali, iwettqu riċerka supplimentari u jitolbu lid-dikjarant sabiex jippreżentalhom provi dokumentarji oħrajn, li jikkonfermaw jew jiċħdu l-eżattezza tat-tagħrif tal-manifattur u l-partikolaritajiet ta’ din id-dikjarazzjoni u għalhekk jingħeleb kwalunkwe tentattiv possibbli ta’ frodi.

    50

    Madankollu, fin-nuqqas ta’ dawn il-provi u ta’ tali evidenza supplimentari, li jistgħu jikkontestaw l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta mill-manifattur ta’ taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik fil-kawża prinċipali u li tidher fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, l-awtorità doganali ma tistax tibbaża ruħha biss fuq l-assenza, fil-kampjuni ta’ tali taħlita ta’ żjut veġetali meħuda u analizzata minnha, ta’ sustanzi noċivi, sabiex tikklassifika din it-taħlita f’intestatura tan-NM, bħal f’dan il-każ fl-intestatura 1517, li tinkludi prodotti tal-ikel.

    51

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżulta xejn mid-dokumenti prodotti lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżisti, fil-kawża prinċipali, kwalunkwe evidenza li tikkontesta l-veraċità tal-informazzjoni dwar il-proċess ta’ manifattura tat-taħlita ta’ żjut veġetali importata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tindika li ma hemm l-ebda evidenza ta’ mġiba frawdolenti tal-manifattur tal-merkanzija inkwistjoni jew tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk jeżistux tali provi.

    52

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rilevanza possibbli, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-opinjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, inkluż ir-Regolament Nru 178/2002 invokat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija fid-data tar-rilaxx tagħhom hija l-kompitu tal-awtoritajiet doganali nazzjonali, li f’dan ir-rigward, japplikaw id-dispożizzjonijiet tan-NM u tal-Kodiċi Doganali.

    53

    Fir-rigward tar-Regolament Nru 178/2002, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tiegħu, dan ifittex li jiżgura, fir-rigward ta’ oġġetti tal-ikel, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u tal-interessi tal-konsumatur u għalhekk għandu skop differenti.

    54

    Barra minn hekk, jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 14(1) u(2) tar-Regolament Nru 178/2002, li l-kunċett ta’ “oġġett tal-ikel” fis-sens ta’ dan ir-regolament jista’ wkoll jinkludi prodotti li jagħmlu ħsara lis-saħħa jew li mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem, li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija pprojbita.

    55

    Minn dan isegwi li l-opinjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel, li tgħid li taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex tajba għall-konsum mill-bniedem, ma hijiex, waħedha, determinanti sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni tal-imsemmija taħlita bħala “mhux tajba għall-ikel” u, għalhekk, il-klassifikazzjoni tagħha taħt l-intestatura 1518 tan-NM.

    56

    Fil-fatt, hija biss il-klassifikazzjoni ta’ tali taħlita bħala “ikel”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tan-NM u tal-ġbir tad-dazji doganali adegwati, ma jimplikax awtomatikament ir-rilaxx fuq is-suq bħala prodott intiż għall-konsum mill-bniedem. Kif diġà ġie rrilevat, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 178/202 jipprojbixxi r-rilaxx fis-suq ta’ “oġġett tal-ikel” perikoluż, jiġifieri ta’ ħsara għas-saħħa u mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Jibqa’ l-fatt li opinjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ikel, li tgħid li taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex tajba għall-konsum mill-bniedem, tikkostitwixxi element wieħed fost oħrajn li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità jew mill-qorti nazzjonali kompetenti, għall-klassifikazzjoni tal-imsemmija taħlita taħt l-intestatura korretta tan-NM (ara b’analoġija, is-sentenza Oliver Medical, C‑547/13, EU:C:2015:139, punt 53).

    57

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata, bħala taħlita ta’ żjut veġetali tajba għall-ikel, taħt is-subintestatura 1517 90 91 tan-NM jew bħala taħlita ta’ żjut veġetali mhux tajba għall-ikel, taħt is-subintestatura 1518 00 31 tan-NM, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ, sa fejn dawn huma relatati mal-karatteristiċi u mal-proprjetajiet oġġettivi inerenti għal dan il-prodott. Fost il-fatturi rilevanti li jistgħu jiġġustifikaw il-kwalifikazzjoni ta’ tali taħlita “mhux tajba għall-ikel”, għandha tiġi evalwata l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur ta’ din it-taħlita fil-kuntest tad-dikjarazzjoni doganali, li tgħid li, minħabba fil-karatteristiċi tal-proċess tal-manifattura tagħha, il-preżenza fl-imsemmija taħlita ta’ sustanzi noċivi ma tistax tiġi eskluża. F’dan ir-rigward, il-fatt li analiżi tal-kampjuni meħuda minn tali taħlita ta’ żjut veġetali ma sabitx il-preżenza, f’din it-taħlita, ta’ ebda sustanza noċiva, ma hijiex biżżejjed, waħedha, li tikkontesta l-klassifikazzjoni tat-taħlita inkwistjoni bħala “mhux tajba għall-ikel”. Dan ir-riżultat jimplika l-eżistenza ta’ evidenza rilevanti oħra, li biha tista’ tiġi kkontestata l-eżattezza tal-informazzjoni relatata mal-proċess tal-manifattura tat-taħlita kkonċernata, ipprovduta mill-manifattur u inkluża fid-dikjarazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 62, 68 u 71 tal-Kodiċi Doganali.

    Fuq l-ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk taħlita ta’ żjut veġetali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata, bħala taħlita ta’ żjut veġetali tajba għall-ikel, taħt is-subintestatura 1517 90 91 tan-Nomenklatura Magħquda jew bħala taħlita ta’ żjut veġetali mhux tajba għall-ikel, taħt is-subintestatura 1518 00 31 ta’ din in-nomenklatura, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ, sa fejn dawn huma relatati mal-karatteristiċi u mal-proprjetajiet oġġettivi inerenti għal dan il-prodott. Fost il-fatturi rilevanti li jistgħu jiġġustifikaw il-kwalifikazzjoni ta’ tali taħlita “mhux tajba għall-ikel”, għandha tiġi evalwata l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur ta’ din it-taħlita fil-kuntest tad-dikjarazzjoni doganali, li tgħid li, minħabba fil-karatteristiċi tal-proċess tal-manifattura tagħha, il-preżenza fl-imsemmija taħlita ta’ sustanzi noċivi ma tistax tiġi eskluża. F’dan ir-rigward, il-fatt li analiżi tal-kampjuni meħuda minn tali taħlita ta’ żjut veġetali ma sabitx il-preżenza, f’din it-taħlita, ta’ ebda sustanza noċiva, ma hijiex biżżejjed, waħedha, li tikkontesta l-klassifikazzjoni tat-taħlita inkwistjoni bħala “mhux tajba għall-ikel”. Dan ir-riżultat jimplika l-eżistenza ta’ evidenza rilevanti oħra, li biha tista’ tiġi kkontestata l-eżattezza tal-informazzjoni relatata mal-proċess tal-manifattura tat-taħlita kkonċernata, ipprovduta mill-manifattur u inkluża fid-dikjarazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 62, 68 u 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE), tat-13 ta’ April 2005.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

    Top