Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0223

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Settembru 2016.
combit Software GmbH vs Commit Business Solutions Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Natura unitarja – Konstatazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għal parti biss tal-Unjoni – Portata territorjali tal-projbizzjoni li hemm fl-Artikolu 102 tal-imsemmi regolament.
Kawża C-223/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:719

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Natura unitarja — Konstatazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni għal parti biss tal-Unjoni — Portata territorjali tal-projbizzjoni li hemm fl-Artikolu 102 tal-imsemmi regolament”

Fil-Kawża C‑223/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura

combit Software GmbH

vs

Commit Business Solutions Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal combit Software GmbH, minn J. Vogtmeier, avukat,

għal Commit Business Solutions Ltd, minn C. Thomas, avukat,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 1993, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn combit Software GmbH u Commit Business Solutions Ltd, dwar proċedura sabiex tipprojbixxi lil din tal-aħħar milli tuża sinjal verbali.

Il-kuntest ġuridiku

3

Ir-Regolament Nru 207/2009, b’effett mit-23 ta’ Marzu 2016, ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (ĠU L 341, p. 21). Fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa, madankollu, eżaminat fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009 kif kien fis-seħħ qabel din l-emenda (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”).

4

Skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 207/2009:

“Sabiex jintlaħqu l-[…] għanijiet tal-[…] Unjoni [Ewropea], jidher neċessarju li jkun hemm arranġamenti [tal-]Unjoni ta’ trade marks li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trademark tal-UE taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trade mark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod fl-Unjoni kollha. Jinħtieġ li l-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trademark tal-UE, espress f’dan is-sens, japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.”

5

L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“It-trademark tal-Unjoni Ewropea għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fl-Unjoni kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u l-anqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

6

Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament:

“Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)

jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

7

L-Artikolu 9(1) ta’ dan l-istess regolament, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“It-trade mark [tal-UE] tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

[…]

b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark [tal-UE] u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark [tal-UE] u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

[…]”

8

L-Artikolu 95(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza, minn issa msejjħa ‚Il-qrati tat-trade marks tal-UE’, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

9

Skont l-Artikolu 96 ta’ dan ir-regolament:

“Il-qrati tat-trademark tal-UE għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

(a)

kull kawża ta’ vjolazzjoni u – jekk dawn huma permissibbli taħt il-liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trademarks tal-UE;

[…]”.

10

L-Artikolu 97 tal-imsemmi regolament jistipula:

“1.   […] [I]l-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 96 għandhom jinfetħu fil-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

2.   Jekk il-konvenut ma jkollu la domiċilju u lanqas stabbiliment f’ebda wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-attur għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk m’għandu domiċilju f’ebda wieħed mill-Istati Membri, fejn huwa għandu stabbiliment.

[…]”.

11

L-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi:

“Qorti għat-trademarks tal-UE li għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’:

(a)

atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri,

[…]”.

12

L-Artikolu 102(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Meta l-qorti għat-trademarks tal-UE issib li l-konvenut għamel vjolazzjoni jew hedded li jagħmel vjolazzjoni tad-drittijiet fi trademark tal-UE, hija għandha, sakemm ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor, toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu għamlu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jagħmlu vjolazzjoni tad-drittijiet fi trademark tal-UE. Għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri skont il-liġi nazzjonali li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

combit Software, kumpannija rregolata taħt id-dritt Ġermaniż, hija proprjetarja ta’ trade marks verbali, Ġermaniża u tal-Unjoni Ewropea, għal prodotti u servizzi fil-qasam tal-informatika. L-attivitajiet ta’ din il-kumpannija jikkonsistu b’mod partikolari fl-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ softwer.

14

Commit Business Solutions Ltd, kumpannija rregolata taħt id-dritt Iżraeljan, tbigħ f’diversi pajjiżi, permezz tal-intermedjarju tas-sit internet tagħha www.commitcrm.com, softwer li għandu s-sinjal verbali “Commit”. Meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-offerti tagħha ta’ bejgħ setgħu jiġu kkonsultati bil-lingwa Ġermaniża u s-softwer li hija tikkummerċjalizza, ladarba jinxtara, seta’ jiġi kkunsinnat fil-Ġermanja.

15

Fil-kwalità tagħha ta’ proprjetarja tat-trade marks combit, combit Software, skont l-Artikolu 97(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ippreżentat rikors kontra Commit Business Solutions quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Prinċipalment, hija talbet, billi invokat it-trade mark tal-Unjoni Ewropea li hija proprjetarja tagħha, li Commit Business Solutions tiġi ordnata tieqaf tuża, fl-Unjoni, is-sinjal verbali “Commit” għas-softwer li hija tikkummerċjalizza. Sussidjarjament, hija talbet, billi bbażat ruħha fuq it-trade mark Ġermaniża li hija proprjetarja tagħha, li din il-kumpannija tiġi ordnata sabiex tieqaf tuża, fil-Ġermanja, dan is-sinjal verbali.

16

Il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) ċaħdet it-talba prinċipali ta’ combit Software, iżda laqgħet it-talba sussidjarja tagħha.

17

Peress li qieset li l-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) kellha tordna lil Commit Business Solutions li ma tibqax tuża s-sinjal verbali “Commit” fl-Unjoni kollha, combit Software ippreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

18

Din l-aħħar qorti tqis li l-użu tas-sinjal verbali “Commit” minn Commit Business Solutions joħloq, f’moħħ il-konsumatur medju li jitkellem bil-Ġermaniż, probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark combit.

19

Ma kienx hemm, madankollu, l-ebda riskju ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-konsumatur medju anglofonu. Fil-fatt, dan tal-aħħar jista’ faċilment jifhem id-differenza kunċettwali bejn, minn naħa, il-verb Ingliż to commit u, min-naħa l-oħra, it-terminu “combit”, peress li dan tal-aħħar huwa kompost mill-ittri “com” għal computer, u mill-ittri “bit”, għal binary digit. Ix-xebh fonetiku bejn “Commit” u “combit” ikun, fl-ispirtu tal-imsemmi konsumatur anglofonu, innewtralizzat minn din id-differenza kunċettwali.

20

Din l-istess qorti kkonkludiet li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fl-Istati Membri li jitkellmu bil-Ġermaniż u fl-assenza ta’ tali riskju fl-Istati Membri anglofoni.

21

Hija tistaqsi dwar b’liema mod għandu, f’tali sitwazzjoni, jiġi implementat il-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u l-ordni ta’ projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 102(1) ta’ dan ir-regolament.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Liema konsegwenzi jirriżultaw, għall-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] verbali, mis-sitwazzjoni fejn, mill-perspettiva tal-konsumatur medju ta’ parti mill-Istati Membri, ix-xebh fonetiku tat-trade mark [...] ma’ denominazzjoni oħra li hija kkritikata li tikser it-trade mark [...] huwa nnewtralizzat permezz ta’ differenza kunċettwali, filwaqt li mill-perspettiva tal-konsumatur medju ta’ Stati Membri oħra ma huwiex:

a)

Għall-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni hija determinanti l-perspettiva tal-konsumatur medju ta’ parti mill-Istati Membri jew il-perspettiva tal-konsumatur medju tal-parti oħra jew inkella l-perspettiva ta’ konsumatur medju fittizju tal-Istati Membri kollha?

b)

Jeżisti [Teżisti] ksur [vjolazzjoni] tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea meta teżisti probabbiltà ta’ ksur biss f’parti minn dan it-territorju, jew għandha ssir differenzazzjoni bejn l-Istati Membri individwali?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 9(1)(b) u l-Artikolu 102(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tikkonstata li l-użu ta’ sinjal joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea f’parti mit-territorju tal-Unjoni, filwaqt li ma joħloqx tali riskju f’parti oħra ta’ dan it-territorju, din il-qorti għandha tikkonkludi li hemm ksur tad-dritt esklużiv mogħti minn din it-trade mark u tippronunzja ordni ta’ waqfien tal-imsemmi użu għat-territorju kollu tal-Unjoni.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-qorti adita tiddeċiedi fil-kwalità tagħha ta’ qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea dwar rikors ippreżentat skont l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009, din il-qorti għandha, konformement mal-Artikolu 98(1) ta’ dan ir-regolament, ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-eżistenza ta’ fatti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda li jitwettqu fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru.

25

Meta, bħal f’din il-kawża, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita tikkonstata, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, li l-użu ta’ sinjal joħloq, f’parti tal-Unjoni, probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li, f’parti oħra tal-Unjoni, l-istess użu ma joħloqx tali probabbiltà, din il-qorti ma tistax tikkonkludi li hemm l-assenza ta’ ksur tad-dritt esklużiv mogħti minn din it-trade mark. Hija għandha, għall-kuntrarju, tikkonstata li hemm preġudizzju għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tal-imsemmija trade mark u li, konsegwentement, hemm ksur tad-dritt esklużiv mogħti minnha.

26

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’kawża dwar id-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jopponi, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jixxiebah li toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni, li tali oppożizzjoni għandha tintlaqa’ peress li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni hija stabbilita f’parti tal-Unjoni, u din il-parti tista’, pereżempju, tikkonsisti fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2008, Armacell vs UASI, C‑514/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:511, punti 5657, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Settembru 2010, Dominio de la Vega vs UASI, C‑459/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:533, punti 30 u 31).

27

Soluzzjoni analoga hija meħtieġa fil-kawżi li jirrigwardaw id-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni. L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipproteġi l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kontra kwalunkwe użu li jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini ta’ din it-trade mark [ara, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 24), li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru°207/2009, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Konsegwentement, dan il-proprjetarju għandu d-dritt li jipprojbixxi tali użu, anki jekk dan ma jippreġudikax l-imsemmija funzjoni biss f’parti tal-Unjoni.

28

Mill-elementi spjegati iktar 'il fuq jirriżulta li probabbiltà ta’ konfużjoni fil-parti li titkellem bil-Ġermaniż tal-Unjoni, bħal dik ikkonstatata f’din il-kawża mill-qorti tar-rinviju, għandha twassal lill-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea adita li tikkonkludi li hemm ksur tad-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark ikkonċernata.

29

Konformement mal-Artikolu 102(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-qorti li għamlet din il-konstatazzjoni għandha tagħti ordni li tipprojbixxi t-tkomplija ta’ atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni. Għalkemm huwa minnu li, skont din id-dispożizzjoni, l-eżistenza ta’ “raġunijiet speċjali” tista’ tiġġustifika li tali ordni ma tingħatax, din id-deroga għandha, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, tiġi interpretata b’mod restrittiv u hija intiża biss għal ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali mhux inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia, C‑316/05, EU:C:2006:789, punt 30, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2016, Nikolajeva, C‑280/15, EU:C:2016:467, punt 33).

30

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni uniformi li tgawdi minnha t-trade mark tal-Unjoni Ewropea fit-territorju kollu tal-Unjoni, il-projbizzjoni li jitkomplew l-atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni għadha, fil-prinċipju, tiġi estiża, għal dan it-territorju kollu [ara, fir-rigward tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 40/94, tal-20 Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru°207/2009, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C‑235/09, EU:C:2011:238, punti 39 sa 44].

31

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 48 tas-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (C‑235/09, EU:C:2011: 238), meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tikkonstata li l-użu tas-sinjal li jixxiebah inkwistjoni għal prodotti identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni hija rreġistrata ma joħloqx, speċjalment għal raġunijiet lingwistiċi, ebda probabbiltà ta’ konfużjoni f’ċertu parti tal-Unjoni u għaldaqstant ma jistax jippreġudika l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini ta’ din it-trade mark, din il-qorti għandha tillimita l-portata territorjali tal-imsemmija projbizzjoni.

32

Fil-fatt, meta l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tikkonkludi, abbażi tal-provi li għandhom, fil-prinċipju jiġu prodotti lilha mill-konvenut, fl-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti tal-Unjoni, il-kummerċ leġittimu li jirriżulta mill-użu tas-sinjal inkwistjoni f’din il-parti tal-Unjoni ma jistax jiġi pprojbit. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 sa 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali projbizzjoni tmur lil hinn mid-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea, peress li dan id-dritt jippermetti biss lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala tali, jiġifieri li jiġi żgurat li l-imsemmija trade mark tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C‑235/09, EU:C:2011:238, punti 4647).

33

Il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti tal-Unjoni tista’, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun ibbażata biss fuq eżami tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. L-evalwazzjoni għandha tinkludi paragun viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Loutfi Management Propriété intellectuelle, C‑147/14, EU:C:2015:420, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Huwa meħtieġ, barra minn hekk, li l-parti tal-Unjoni li għaliha l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea kkonċernata tikkonstata l-assenza ta’ preġudizzju jew ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-funzjonijiet tat-trade mark tkun identifikata bi preċiżjoni minn din il-qorti, b’tali mod li jirriżulta b’mod ċar mid-digriet mogħti skont l-Artikolu 102 tar-Regolament Nru 207/2009, li parti mit-territorju tal-Unjoni ma hijiex koperta bil-projbizzjoni ta’ użu tas-sinjal inkwistjoni. Meta, bħal f’din il-kawża, din il-qorti għandha l-intenzjoni li teskludi mill-projbizzjoni ta’ użu ċerti żoni lingwistiċi tal-Unjoni bħal dawk deskritti bit-terminu “anglofonu”, hija għandha tispeċifika b’mod komprensiv liema żoni hija tkopri b’dan it-terminu.

35

L-interpretazzjoni li skontha l-projbizzjoni tal-użu ta’ sinjal toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tapplika għat-territorju kollu tal-Unjoni, ħlief għall-parti ta’ dan it-territorju li għalih l-assenza ta’ tali probabbiltà hija kkonstatata, ma taffettwax il-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 meta jiġi ppreservat id-dritt tal-proprjetarju ta’ din tal-aħħar li jipprojbixxi kwalunkwe użu li jippreġudika l-funzjonijiet proprji ta’ din it-trade mark.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 9(1)(b) u l-Artikolu 102(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tikkonstata li l-użu ta’ sinjal joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea f’parti mit-territorju tal-Unjoni, filwaqt li ma joħloqx tali probabbiltà f’parti oħra ta’ dan it-territorju, din il-qorti għandha tikkonkludi li hemm ksur tad-dritt esklużiv mogħti minn din it-trade mark u tippronunzja ordni ta’ waqfien tal-imsemmi użu għat-territorju kollu tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-parti ta’ din tal-aħħar fejn ġiet ikkonstatata l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2), l-Artikolu 9(1)(b) u l-Artikolu 102(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tikkonstata li l-użu ta’ sinjal joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark tal-Unjoni Ewropea f’parti mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li ma joħloqx tali probabbiltà f’parti oħra ta’ dan it-territorju, din il-qorti għandha tikkonkludi li hemm ksur tad-dritt esklużiv mogħti minn din it-trade mark u tippronunzja ordni ta’ waqfien tal-imsemmi użu għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tal-parti ta’ din tal-aħħar fejn ġiet ikkonstatata l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top