Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0218

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2016.
    Proċeduri kriminali kontra Gianpaolo Paoletti et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Campobasso.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 6 TUE – Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli – Ċittadini Taljani li organizzaw id-dħul illegali fit-territorju Taljan ta’ ċittadini Rumeni – Fatti mwettqa qabel l-adeżjoni tar-Rumanija għall-Unjoni – Effett tal-adeżjoni tar-Rumanija fuq id-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni klandestina – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-218/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:748

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    6 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 6 TUE — Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli — Ċittadini Taljani li organizzaw id-dħul illegali fit-territorju Taljan ta’ ċittadini Rumeni — Fatti mwettqa qabel l-adeżjoni tar-Rumanija għall-Unjoni — Effett tal-adeżjoni tar-Rumanija fuq id-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni klandestina — Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Fil-Kawża C‑218/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Campobasso (qorti ta’ Campobasso, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Mejju 2015, fil-proċeduri kriminali kontra

    Gianpaolo Paoletti,

    Umberto Castaldi,

    Domenico Faricelli,

    Antonio Angelucci,

    Mauro Angelucci,

    Antonio D’Ovidio,

    Camillo Volpe,

    Giampaolo Canzano,

    Raffaele Di Giovanni,

    Antonio Della Valle,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Y. Bot,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal G. Paoletti, minn G. Milia, avukat,

    għal G. Canzano, minn P. Di Giovanni, avukat,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u D. Nardi, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 TUE, tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 7 tad-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-“KEDB”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra Gianpaolo Paoletti u ċittadini Taljani oħra, akkużati li pprovdew għajnuna għall-immigrazzjoni illegali fl-Italja lil ċittadini Rumeni qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    It-tieni premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE, tat-28 ta’ Novembru 2002, li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64), tistabbilixxi:

    “[...] F’dan il-qafas, għandhom jittieħdu miżuri biex tkun miġġielda l-għajnuna lill-immigrazzjoni illegali kemm in konnessjoni mal-qsim mhux awtorizzat tal-konfini fis-sens strett u kemm għall-għan biex jinżammu networks li jesplojtjaw il-bnedmin.”

    4

    L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa dwar:

    a)

    kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex tidħol, jew taqsam fi transitu, it-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet d war id-dħul jew transitu ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernat;

    b)

    kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex toqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar ir-residenza ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernati.”

    5

    Konformement mal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li r-reati msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tal-istess direttiva jkunu suġġett għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    6

    L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI, tat-28 ta’ Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif [l-għajnuna] tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU 2002, L 328, p. 1), huwa fformulat kif ġej:

    “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-ksur tal-liġi ddefinit fl-Artikolu 1 u 2 tad-Direttiva [ 2002/90] ikun ikkastigat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinvolvu estradizzjoni.”

    Id-dritt Taljan

    7

    L-Artikolu 12(3) u 3a tad-decreto legislativo n. 286 –Testo unico delle disposizioni concernenti la disciplina dell’immigrazione e norme sulla condizione dello straniero (digriet leġiżlattiv nru 286, li fih test uniku tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni u r-regoli dwar il-kundizzjoni tal-barrani), tal-25 ta’ Lulju 1998 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 191, tat-18 ta’ Awwissu 1998), kif emendat bil-legge n. 94 (Liġi Nru 94), tal-15 ta’ Lulju 2009 (iktar ’l quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998”), jiddisponi:

    “3.   Ħlief sa fejn il-fatti jikkostitwixxu delitt iktar gravi, kull min, bi ksur tad-disposizzjonijiet ta’ dan it-test uniku, jippromwovi, imexxi, jorganizza, jiffinanzja jew iwettaq it-trasport ta’ barranin fl-Italja jew iwettaq atti oħra sabiex ikunu jistgħu jidħlu l-Italja illegalment jew fit-territorju ta’ Stat ieħor li tiegħu ma humiex ċittadini jew ma jkollhomx il-permess ta’ residenza permanenti huwa suġġett għal piena ta’ ħames sa ħmistax-il sena priġunerija u multa ta’ EUR 15000 għal kull persuna, fejn:

    a)

    il-fatti jikkonċernaw id-dħul jew il-preżenza illegali fl-Italja ta’ ħames persuni jew iktar;

    b)

    il-ħajja jew is-sigurtà tal-persuna ttrasportata jkunu ġew ipperikolati sabiex tkun tista’ tidħol jew tirrisjedi illegalment f’dan it-territorju;

    c)

    il-persuna ttrasportata tkun ġiet suġġetta għal trattament inuman jew degradanti sabiex tkun tista’ tidħol jew tirrisjedi illegalment f’dan it-territorju;

    d)

    il-fatti twettqu minn tliet persuni jew iktar li jaġixxu flimkien, jew li jużaw servizzi ta’ trasport internazzjonali jew dokumenti ffalsifikati jew mibdula jew fi kwalunkwe każ miksub illegalment;

    e)

    l-awturi tal-fatti għandhom armi jew materjal splussiv.

    3a.   Jekk il-fatti msemmija fil-paragrafu 3 twettqu billi ntużaw tnejn jew iktar mill-ipoteżijiet imsemmija taħt a), b), c), d) u e) tal-istess paragrafu, il-piena prevista fihom tiżdied.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuti fil-kawża prinċipali, permezz tal-ħolqien fl-Italja ta’ kumpannija li tikkostitwixxi estensjoni fittizja ta’ Api Costruction s.r.l., kumpannija rregolata taħt id-dritt Rumen, kisbu, matul is-snin 2004 u 2005, mid-direzione proviciale del lavoro di Pescara (direttorat provinċjali tax-xogħol ta’ Pescara, l-Italja), permessi ta’ xogħol u wara permessi ta’ residenza fit-territorju Taljan għal 30 ċittadin Rumen. Dawn il-permessi ngħataw abbażi tal-Artikolu 27(g) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, li jippermetti d-dħul temporanju, fuq it-talba tal-persuna li timpjega, u lil hinn mill-kwota ta’ ħaddiema barranin, ta’ ħaddiema impjegati minn imprizi li joperaw fl-Italja.

    9

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-akkużati fil-kawża prinċipali huma akkużati li organizzaw id-dħul illegali ta’ dawn iċ-ċittadini Rumeni, fi żmien qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, “sabiex jieħdu profitt mill-isfruttament intensiv u kontinwu ta’ ħaddiema barranin bi spiża baxxa.”

    10

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar, minn naħa, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 6 TUE, tal-Artikolu 49 tal-Karta u tal-Artikolu 7 tal-KEDB, l-adeżjoni tar-Rumanija għall-Unjoni kellha l-effett li tneħħi d-delitt ta’ għajnuna, minn ċittadini Taljani, għall-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini Rumeni li kkomettew qabel din l-adeżjoni, u, min-naħa l-oħra, jekk il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali għandux japplika għall-akkużati fil-kawża prinċipali.

    11

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Campobasso (qorti ta' Campobasso, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 7 tal-[KEDB], l-Artikolu 49 tal-Karta [...] u l-Artikolu 6 tat-TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni [...], li seħħet fl-1 ta’ Jannar 2007, wasslet għat-tneħħija tar-reat previst u ssanzjonat mill-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 [...] f’dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-immigrazzjoni u l-preżenza kontinwa ta’ ċittadini Rumeni fl-Italja?

    2)

    L-artikoli ċċitati għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa pprojbit għall-Istat Membru li japplika l-prinċipju tar-retroattività in mitius fir-rigward ta’ dawk li, qabel l-1 ta’ Jannar 2007 (jew kull data suċċessiva li tiddetermina l-applikazzjoni sħiħa tat-trattat), data tad-dħul fis-seħħ tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, instabu ħatja tal-ksur tal-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 [...] talli kienu ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni ta’ ċittadini Rumeni, fatt li ma huwiex iktar ikkunsidrat bħala reat mill-1 ta’ Jannar 2007?” “

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    12

    Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari għar-raġuni li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni msemmija ma għandhomx japplikaw f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mad-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali, inkluż meta d-delitt kien twettaq għall-benefiċċju ta’ ċittadini Rumeni qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    13

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

    14

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ ċertu grad, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni u l-effetti indiretti ta’ qasam fuq l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24).

    15

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkorrispondu ma’ dawk li jservu ta’ bażi għall-Artikolu 6(1) TUE, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta bl-ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif inhuma ddefiniti fit-Trattati (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Pelckmans Turnhout, C‑483/12, EU:C:2014:304, punt 21).

    16

    Ċertament, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax espressament id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ġew implementati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    17

    Madankollu, id-Direttiva 2002/90 għandha l-għan, skont il-premessa 2 tagħha, li tnaqqas l-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li r-reati ddefiniti fl-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-direttiva jkunu suġġetti għal sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jagħtu lok għal estradizzjoni.

    18

    Minbarra l-kwistjoni dwar jekk dan id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 ġiex adottat sabiex jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Taljan id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/90 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946, il-proċeduri legali sabiex titrażżan l-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma maħsuba sabiex jiżguraw l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva u din id-deċiżjoni qafas (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 27 u 28)

    19

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-domandi preliminari jirrigwardaw il-kwistjoni dwar x’inhu l-impatt tal-akkwist tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni miċ-ċittadini Rumeni, bħala konsegwenza tal-adeżjoni tar-Rumanija, dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, u li jinvolvu b’hekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    20

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq il-mertu

    Osservazzjoni preliminari

    21

    Kif jispeċifika l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali. L-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi, barra minn hekk, li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk mogħtija mill-imsemmija konvenzjoni. Din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma taderixxix magħha, strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44, u tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45).

    22

    Għaldaqstant għandu jsir riferiment biss għall-Artikolu 6 TUE kif ukoll għall-Artikolu 49 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 47, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 46).

    Fuq id-domandi preliminari

    23

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jingħataw risposta flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 49 tal-Karta għandhomx jiġu interpretat fis-sens li l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni ma tostakolax lil Stat Membru ieħor milli jista’ jimponi sanzjoni kriminali fuq persuni li kkommettew, qabel l-adeżjoni, id-delitt ta’ assistenza għall-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini tal-ewwel Stat.

    24

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli lill-akkużati li organizzaw l-immigrazzjoni illegali.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, kif stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, jagħmel parti mid-dritt primarju tal-Unjoni. Anki qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jagħti lill-Karta l-istess valur legali bħat-Trattati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju kien jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u, għaldaqstant, kellu jitqies bħala li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom josservaw meta japplikaw id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C‑299/95, EU:C:1997:254, punt 14).

    26

    Is-sempliċi fatt li l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew matul l-2004 u l-2005, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, ma jipprekludux l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

    27

    L-applikazzjoni tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli neċessarjament jimplika suċċessjoni ta’ liġijiet fiż-żmien u huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-leġiżlatur biddel l-opinjoni jew dwar il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata għal ksur.

    28

    Issa, f’dan il-każ, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-liġi kriminali inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 12(3) u (3)a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, ma kinitx suġġetta għal emendi wara li t-twettiq tad-delitti li huma akkużati bihom l-akkużati fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali fl-Italja għadha suġġetta għal piena ta’ bejn ħames u ħmistax-il sena ħabs.

    29

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-bidla leġiżlattiva li għandha tiġi kkunsidrata seħħet fil-kuntest ta’ liġi “extra-kriminali”, jiġifieri l-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. Hija tippreċiża li l-akkwist, miċ-ċittadini Rumeni, ta’ status ta’ ċittadin tal-Unjoni wara din l-adeżjoni, fl-1 ta’ Jannar 2007, u t-tneħħija, fl-1 ta’ Jannar 2014, tal-aħħar restrizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema rrendew skaduti l-motivi ta’ proċeduri kriminali kontra l-persuni li organizzaw l-immigrazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini f’perijodu preċedenti.

    30

    Din il-qorti żiedet li, f’sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, il-Corte suprema di Cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), meta ddeċidiet f’awli konġunti, eskludiet li l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni setgħet tirtira n-natura ta’ reat mill-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali kommessa qabel din l-adeżjoni, u li din il-ġurisprudenza ġiet affermata mill-ġdid fis-snin 2011 u 2015. Madankollu, fid-digriet tat-8 ta’ Mejju 2007 li biha hija kienet irrinvjat din il-kawża quddiem l-awli konġunti, l-ewwel awla tal-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) kienet sostniet it-teżi opposta.

    31

    Id-domanda b’hekk magħmula hija jekk l-akkwist tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni miċ-ċittadini Rumeni għandux effett fuq l-elementi kostituttivi tar-reat dwar għajnuna għall-immigrazzjoni illegali u, konsegwentement, fuq l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    32

    L-Artikolu 12(3) u 3a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jirrigwarda, mhux iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li illegalment jidħlu l-Italja u jirrisjedu hemm mingħajr ma jkollhom permess ta’ residenza, iżda l-persuni li jgħinu fid-dħul u fir-residenza irregolari tal-imsemmija ċittadini fit-territorju ta’ dan l-Istat. Is-sempiċi fatt li, wara d-dħul illegali tagħhom, dawn iċ-ċittadini saru ċittadini tal-Unjoni minħabba l-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini tagħhom għall-Unjoni ma jistax jinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali li saru kontra dawn il-persuni li jgħinu l-immigrazzjoni illegali.

    33

    Fil-fatt, dan l-akkwist taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ fatt li ma hijiex tali li temenda l-elementi kostituttivi tad-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali.

    34

    Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni kriminali inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 12(3) u (3)a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, tissanzjona l-għajnuna għall-immigrazzjoni fl-Italja b’piena ta’ priġunerija, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/90 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, li jipprovdu li tali reat huwa suġġett għal sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva.

    35

    L-elementi li jikkostitwixxu d-delitt tal-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali fl-ordinament ġuridiku Taljana għaldaqstant ma nbidlux, peress li l-adeżjoni tar-Rumanija għall-Unjoni ma pproduċiet ebda effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan ir-reat.

    36

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 26 u 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/90 jew test ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma tippermetti li jitqies li l-akkwist ta’ ċittadinanza tal-Unjoni għandha twassal għall-għajbien tar-reat kommess mill-akkużati, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jaħdmu fit-traffikar tal-ħaddiema. Kieku tingħata deċiżjoni b’sens kuntrarju, dan iwassal sabiex tinkoraġġixxi dan it-tip ta’ traffiku hekk kif Stat ikun beda l-proċess definittiv ta’ adeżjoni mal-Unjoni, peress li t-traffikanti jkunu ċerti li ser jibbenefikaw mill-immunità. Għaldaqstant, l-għan li jintlaħaq ikun eżattament kuntrarju minn dak imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    37

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni japplikaw mid-dħul fis-seħħ tagħhom u li għalhekk, għandu jitqies li għandhom jiġu applikati għall-effetti attwali ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 25, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 58).

    38

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta mingħajr ambigwità li r-reat li bih huma akkużati l-akkużati fil-kawża prinċipali twettaq matul is-snin 2004 u 2005.

    39

    Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-mod ta’ twettiq tal-element materjali ta’ dan ir-reat jeħtieġ li jiġi kklassifikat fil-kategorija ta’ reati instantanji. Fil-fatt, l-assistenza għad-dħul titwettaq materjalment meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jaqsam il-fruntiera esterna tal-Unjoni, u l-assistenza għar-residenza, meta tiġi pprovduta b’xi dokumenti, miksuba b’mod frawdolenti, li jippermettulha sabiex tagħti l-impressjoni li għandha d-dritt sabiex tibbenefika mill-vantaġġi marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jew fil-kwalità ta’ ħaddiem barrani f’sitwazzjoni legali.

    40

    Ir-reat allegat kontra l-akkużati fil-prinċipali kien għaldaqstant totalment u definittivament ikkostitwit qabel l-adeżjoni, fl-1 ta’ Jannar 2007, tar-Rumanija mal-Unjoni u, a fortiori, qabel ma tneħħew, fl-1 ta’ Jannar 2014, l-aħħar restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini ta’ dan l-Istat.

    41

    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-imsemmi reat ma jikkostitwixxi sitwazzjoni li bdiet qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni u li ma kienx ser ikollha l-effetti sħiħ tagħha qabel din l-adeżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, X, C‑318/13, EU:C:2014:2133, punti 22 u 23).

    42

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi preliminari li l-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 49 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adeżjoni ta’ Stat għall-Unjoni ma tipprekludix lil Stat Membru ieħor milli jista’ jimponi sanzjoni kriminali fuq il-persuni li jikkommettu, qabel din l-adeżjoni, id-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini tal-ewwel Stat.

    Fuq l-ispejjeż

    43

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 49 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adeżjoni ta Stat għall-Unjoni ma tipprekludix lil Stat Membru ieħor milli jista’ jimponi sanzjoni kriminali fuq il-persuni li jikkommettu, qabel din l-adeżjoni, id-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini tal-ewwel Stat.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top