EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0213

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Lulju 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Patrick Breyer.
Appell – Aċċess għal dokumenti ta’ istituzzjonijiet – Artikolu 15(3) TFUE – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Talba għal aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑189/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:455) – Dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni Ewropea – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.
Kawża C-213/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:563

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Appell – Aċċess għal dokumenti ta’ istituzzjonijiet – Artikolu 15(3) TFUE – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Talba għal aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-189/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:455) – Dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni Ewropea – Protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji”

Fil-Kawża C-213/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-8 ta’ Mejju 2015,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel u H. Krämer, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. J. García-Valdecasas Dorrego u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas, R. Coesme u F. Fize, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Patrick Breyer, residenti f’Wald-Michelbach (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Starostik, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u C. Meyer-Seitz kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal u M. Vilaras, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), A. Borg Barthet, D. Šváby u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: T. Millett, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Frar 2015, Breyer vs Il-Kummissjoni (T-188/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2015:124), li permezz tagħha dik il-qorti annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ April 2012, li tirrifjuta li tagħti lil Patrick Breyer l-aċċess sħiħ għad-dokumenti relatati mat-traspożizzjoni mir-Repubblika tal-Awstrija tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54), u għad-dokumenti relatati mal-kawża li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-189/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:455), sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tirrifjuta l-aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-kawża.

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-Ħames Parti tat-Trattat KE, li kienet tirrigwarda l-“Istituzzjonijiet tal-Komunità”, kienet tinkludi Titolu I, intitolat “Disposizzjonijiet li Jirregolaw l-Istituzzjonijiet”. Fil-Kapitolu 2 ta’ dan it-titolu, intitolat “Disposizzjonijiet Komuni għal Diversi Istituzzjonijiet”, l-Artikolu 255(2) KE kien jipprovdi:

“Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 [KE, imsejħa ‘kodeċiżjoni’] fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.”

3

L-Ewwel Parti tat-Trattat FUE, li tirrigwarda l-“Prinċipji” tinkludi Titolu II, intitolat “Dispożizzjonijiet ta’ Applikazzjoni Ġenerali”, li jinkludi fih l-Artikoli 7 sa 17 TFUE. L-ewwel sar-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 15(3) TFUE jipprovdu:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja.

Kull istituzzjoni, korp jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu u jelabora fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu d-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tiegħu, skond ir-regolamenti previst fit-tieni subparagrafu.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandhom ikunu suġġetti għal dan il-paragrafu biss meta jeżerċitaw il-kompiti amministrattivi tagħhom.”

4

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 255(2) KE.

5

Skont l-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)

li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “l-istituzzjonijiet”) previsti fl-Artikolu 255 [KE] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

6

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Benefiċjarji u skop”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum [mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni], jiġifieri, dokumenti miktuba [jew irċevuti minn dawn l-istituzzjonijiet] u fil-pussess [tagħhom], f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

7

L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘dokument’ tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

(b)

“parti terza” tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi.”

8

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Eċċezzjonijiet”:

“[…]

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

proċeduri u pariri legali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

4.   Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu […] 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5.   Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

[…]

7.   L-eċċezzjonijiet stipulati fil-[paragrafu 2] għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. […]”

9

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, dwar l-“Applikazzjonijiet”, jirregola l-modalitajiet għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal aċċess għal dokumenti skont dan ir-regolament.

10

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Proċessar ta’ applikazzjonijiet fil-bidu”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, “[f]il-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

11

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew indikati fil-punti 6 sa 10 u 15 tas-sentenza appellata fil-kliem li ġej:

“6

B’ittra tat-30 ta’ Marzu 2011, […] P. Breyer ressaq quddiem il-Kummissjoni […] talba ta’ aċċess għal dokumenti, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001.

7

Id-dokumenti mitluba kienu dwar proċeduri ta’ ksur ippreżentati fl-2007 mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva [2006/24]. Iktar preċiżament, [P. Breyer] talab l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri amministrattivi mmexxija mill-Kummissjoni kif ukoll fir-rigward tad-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ġudizzjarja li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-189/09, EU:C:2010:455).

8

Fil-11 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba mressqa [minn P. Breyer] fit-30 ta’ Marzu 2011.

9

Fit-13 ta’ Lulju 2011, [P. Breyer ressaq], skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, […] talba konfermatorja.

10

B’deċiżjonijiet tal-5 ta’ Ottubru u tat-12 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tat [lil P. Breyer] l-aċċess għal parti mid-dokumenti mitluba. F’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni minbarra dan infurmat [lil P. Breyer] bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni differenti fir-rigward ta’ dokumenti relatati mal-kawża li tat lok għas-sentenza [tad-29 ta’ Lulju 2010,] Il-Kummissjoni vs L-Awstrija […] (EU:C:2010:455).

[…]

15

Fit-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni, bħala tweġiba għat-talba konfermatorja [ta’ P. Breyer] tat-13 ta’ Lulju 2011, adottat id-deċiżjoni referenza Ares (2012) 399467 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-aċċess [ta’ P. Breyer], minn naħa, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, mibdija kontra r-Repubblika tal-Awstrija u, min-naħa l-oħra, għad-dokumenti relatati mal-proċedura ġudizzjarja fil-kawża li tat lok għas-sentenza [tad-29 ta’ Lulju 2010,] Il-Kummissjoni vs L-Awstrija […] (EU:C:2015:455). Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni, b’mod partikolari rrifjutat l-aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja (iktar ’il quddiem in-“noti inkwistjoni”), minħabba li dawn in-noti ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kwalità tagħha bħala istituzzjoni ma hijiex suġġetta għar-regoli relatati mal-aċċess għal dokumenti ħlief fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha. It-tieni nett, il-Kummissjoni tippreċiża li n-noti inkwistjoni kienu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Kummissjoni, bħala parti fil-kawża li tat lok għas-sentenza [tad-29 ta’ Lulju 2010,] Il-Kummissjoni vs L-Awstrija […] (EU:C:2010:455), irċeviet biss kopji tagħhom. It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-komunikazzjoni ta’ sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ proċedura ġudizzjarja unikament lill-partijiet f’din il-proċedura u lill-istituzzjonijiet li d-deċiżjonijiet tagħhom huma inkwistjoni. Ir-raba’ nett, skont il-Kummissjoni, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, […] EU:C:2010:541), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-kwistjoni jekk l-istituzzjonijiet kellhomx jagħtu l-aċċess għan-noti ta’ parti oħra f’proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, fir-rigward tan-noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, huma biss in-noti tal-istituzzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ippreżentati minn partijiet oħra, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li huwa ppreċiżat li, jekk interpretazzjoni differenti kellha tiġi aċċettata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 TFUE u tar-regoli speċifiċi li jirriżultaw mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu evitati.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

12

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2012, P. Breyer ressaq azzjoni intiża, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, sa fejn, b’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrifjutatlu l-aċċess għan-noti kontenzjużi. Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent qajjem motiv wieħed biss, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa sostna li r-raġuni li tidher f’din id-deċiżjoni, li skontha n-noti kontenzjużi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kienet żbaljata.

13

Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan il-motiv u, konsegwentement, annullat id-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012.

14

Fil-punti 35 sa 61 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, qabelxejn, jekk in-noti kontenzjużi kinux dokumenti “miżmuma minn istituzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu.

15

Għal dan l-għan, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 40 sa 48 tas-sentenza appellata, li, konformement mal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma minn istituzzjoni tal-Unjoni jirrigwarda d-dokumenti rċevuti, b’mod partikolari, minn Stati Membri, u li d-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dokument”, li tidher fl-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, “hija bbażata […] fuq l-eżistenza ta’ kontenut miżmum, li jista’ jiġi riprodott jew ikkonsultat wara l-produzzjoni tiegħu, filwaqt li huwa speċifikat […], [b’mod partikolari], […] [li dan] il-kontenut għandu jirrigwarda kwistjoni dwar il-politika, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà tal-istituzzjoni inkwistjoni”. Filwaqt li kkonstatat, minn naħa, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkontestatx li kellha fil-pussess tagħha kopji tan-noti kontenzjużi u rrilevat, min-naħa l-oħra, li din l-istituzzjoni rċeviet dawn in-noti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-kuntest tal-attività kontenzjuża tagħha, hija qieset li dawn in-noti kellhom jiġu kklassifikati bħala dokumenti miżmuma minn istituzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu.

16

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 50 sa 61 tas-sentenza appellata, id-diversi argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni tan-noti kontenzjużi bħala dokumenti miżmuma minn din l-istituzzjoni, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 3(a) tiegħu. Dawn l-argumenti kienu bbażati fuq il-fatt li dawn in-noti kienu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, intbagħtu lill-Kummissjoni biss bħala kopji u, sa fejn huma dokumenti ġudizzjarji, la jaqgħu taħt l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kompetenza tagħha, meta jitqies li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jikkonċernax l-attività kontenzjuża ta’ din l-istituzzjoni.

17

F’dan ir-rigward, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabelxejn, li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx jissuġġetta l-applikazzjoni tiegħu għall-kundizzjoni li d-dokument li l-istituzzjoni inkwistjoni “rċiviet” ikun ġie indirizzat lilha u mibgħut direttament lilha mill-awtur tiegħu. Sussegwentement, fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li fakkret li l-kunċett ta’ “dokument”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, għandu definizzjoni wiesgħa, qieset li ma kienx rilevanti f’dan ir-rigward li n-noti kontenzjużi kienu ntbagħtu lill-Kummissjoni bħala kopji u mhux oriġinali. Barra minn hekk, fil-punt 57 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mill-għanijiet fil-qasam tat-trasparenza stipulati mir-Regolament Nru 1049/2001, li joħorġu b’mod partikolari mit-tieni premessa tiegħu, mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dokument”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-formulazzjoni u mill-eżistenza stess, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tiegħu, ta’ eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet l-attività kontenzjuża ta’ dawn tal-aħħar.

18

Finalment, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, li n-noti inkwistjoni kienu ntbagħtu lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li hija kienet ippreżentat fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 226 KE (li sar l-Artikolu 258 TFUE), u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta sostniet li hija ma kinitx irċeviet dawn in-noti fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

19

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 63 sa 112 tas-sentenza appellata, l-effett tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

20

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 67 sa 73 ta’ dik is-sentenza, li kemm mill-Artikolu 15 TFUE u kif ukoll mill-istruttura tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-għanijiet tal‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar din il-materja, jirriżulta illi l-attività ġudizzjarja bħala tali hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stabbilit minn din il‑leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, in-noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u dawk ippreżentati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jifformaw parti, min-natura tagħhom stess, mill-attività ġudizzjarja ta’ dawn il-qrati.

21

Issa, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punti 75 sa 80 tas-sentenza appellata, kemm mill-ġurisprudenza tagħha stess (sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-391/03 u T-70/04, EU:T:2006:190, punti 88 sa 90; tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T-36/04,EU:T:2007:258, punt 60, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il-Kunsill, T-63/10, EU:T:2012:516, punti 66 u 67), kif ukoll minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541, punt 94), li, minkejja li jagħmlu parti mill-attività ġudizzjarja tal-qrati tal-Unjoni, tali noti ma humiex esklużi, fuq il-bażi tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. F’dan il-kuntest, fil-punt 82 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li kellha “ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-esklużjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, min-naħa l-oħra, in-noti redatti fid-dawl ta’ [proċedura ġudizzjarja], li, minkejja li jagħmlu parti minn din l-attività ġudizzjarja, madankollu ma jaqgħux taħt l-esklużjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni u għall-kuntrarju huma suġġetti għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti”.

22

Konsegwentement hija qieset, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li “r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma [kienx jipprekludi] l-inklużjoni tan-noti inkwistjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001”, qabel ma ċaħdet id-diversi argumenti tal-Kummissjoni li jirrigwardaw, minn naħa, distinzjoni li għandha ssir bejn in-noti tal-Kummissjoni u dawk tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ din l-analiżi u, min-naħa l-oħra, il-fatt li r-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji jkunu nieqsa mis-sens u evitati jekk l-aċċess, skont l-imsemmi regolament, għan-noti redatti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja kellu jiġi aċċettat.

23

Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-ewwel lok, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tad-differenzi ta’ kuntest bejn il-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541), mogħtija fir-rigward ta’ tilwima dwar l-iżvelar ta’ noti tal-Kummissjoni relatati ma’ proċeduri ġudizzjarji pendenti, u din il-kawża, il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, bħal dawk esposti fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, ma kinux rilevanti f’dan il-każ.

24

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li, bl-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541), il-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament irrikonoxxiet l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament għan-noti tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 103 sa 105 tas-sentenza appellata, li l-inklużjoni tan-noti kontenzjużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament ma tippreġudikax l-għan tar-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri ġudizzjarji, sa fejn il-protezzjoni ta’ tali proċeduri setgħet, jekk ikun il-każ, tkun żgurata permezz tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-aċċess, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament.

25

Finalment, fir-rigward tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali qieset li l-pubblikazzjoni minn P. Breyer fuq l-internet tar-risposta tal-Kummissjoni u tal-iskambju ta’ ittri li seħħ bejn P. Breyer u l-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-pubblikazzjoni tikkostitwixxi użu mhux xieraq tal-atti proċedurali li jiġġustifika qsim nofs b’nofs bejn P. Breyer u l-Kummissjoni tal-ispejjeż li huwa sostna.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

26

B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, tat-3 ta’ Settembru u tas-6 ta’ Ottubru 2015, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

27

Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi b’mod definittiv it-tilwima billi tiċħad ir-rikors ippreżentat minn P. Breyer u tikkundanna lil dan tal-aħħar għall-ispejjeż.

28

P. Breyer, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

29

Bl-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma kienx jipprekludi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għal talba ta’ aċċess għal dokumenti redatti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja li huma fil-pussess tal-Kummissjoni, bħan-noti kontenzjużi, fid-dawl tan-natura partikolari ta’ tali dokumenti.

30

Skont il-Kummissjoni, nota ppreżentata minn istituzzjoni tal-Unjoni quddiem il-qrati tagħha hija ta’ “natura doppja” sa fejn din taqa’ kemm taħt id-dritt ta’ aċċess ġenerali għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, kif ukoll taħt l-eċċezzjoni dwar id-dokumenti marbuta mal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, prevista fir-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni din in-“natura doppja” meta ppronunzjat ruħha, mill-perspettiva tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq l-aċċess għan-noti tal-Kummissjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541). Il-Kummissjoni tqis li, mill-banda l-oħra, id-dokumenti marbuta mal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ma ġewx redatti minn istituzzjoni, ma għandhomx tali “natura doppja” u li din il-kawża taqa’ f’kuntest differenti minn dak li wassal għal dik is-sentenza, kemm mill-perspettiva fattwali, sa fejn din tirrigwarda noti stabbiliti minn Stat Membru, kif ukoll mill-perspettiva legali, peress li l-qafas legali ġie mmodifikat mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

31

Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE jipprekludi lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jestendi, permezz ta’ regolament ibbażat fuq it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet għal dokumenti marbuta mal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Mingħajr ma ssostni li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa invalidu, il-Kummissjoni, filwaqt li taċċetta li l-validità tal-atti tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha ġew adottati, tqis madankollu li, fid-dawl tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, il-Qorti Ġenerali kellha tinterpreta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 b’mod restrittiv. Għalhekk, hija kellha tikkunsidra li dan ir-regolament ma japplikax għad-dokumenti marbuta mal-imsemmija attività ġudizzjarja, peress li dawn ma ġewx redatti minn istituzzjoni.

32

Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża jsostnu l-argumenti tal-Kummissjoni, filwaqt li P. Breyer, sostnut mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Renju tal-Isvezja, intervenjenti fl-ewwel istanza, jiddefendu t-teżi kuntrarja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali relatata mal-applikabbiltà stess tar-Regolament Nru 1049/2001 għat-talba għal aċċess għan-noti kontenzjużi li P. Breyer għamel lil din l-istituzzjoni, mingħajr ma tipprevedi l-kwistjoni, differenti u li ma ġietx sottomessa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell, dwar jekk l-aċċess għal dawn in-noti kellux jingħata jew, jekk ikun il-każ, jiġi rrifjutat, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

34

Dan l-aggravju uniku jipprevedi l-effett tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE fuq l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Qabel l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-argumenti mqajma mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, hemm lok li fl-ewwel lok jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu.

35

Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) ta’ dan tal-aħħar, dan ir-regolament għandu japplika għad-dokumenti kollha miżmuma mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba jew irċevuti minn dawn l-istituzzjonijiet u fil-pussess tagħhom, f’kull qasam ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(a) tal-imsemmi regolament, hemm lok li “dokument” jinftiehem bħala “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu […] dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

36

Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi espressament li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ma jkoprix biss id-dokumenti redatti minn dawn l-istituzzjonijiet innifishom, iżda wkoll dawk li huma jkunu rċevew mingħand terzi, inklużi kemm l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 55).

37

B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ddefinit b’riferiment għall-istituzzjonijiet elenkati minnu, u mhux għal kategoriji ta’ dokumenti speċifiċi jew, kif diġà ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 56), għall-awtur tad-dokument miżmum minn xi waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

38

F’dan il-kuntest, il-fatt li d-dokumenti miżmuma minn waħda mill-istituzzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 kienu redatti minn Stat Membru u huma marbuta mal-proċeduri ġudizzjarji ma huwiex ta’ natura li jeskludi tali dokumenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li r-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex applikabbli għat-talbiet għal aċċess għal dokumenti fil-pussess tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jfissirx li d-dokumenti marbuta mal-attività ġudizzjarja ta’ din l-istituzzjoni ma jaqgħux, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, meta tali dokumenti jkunu fil-pussess tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati fl-imsemmi regolament, bħall-Kummissjoni.

39

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tqis li l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ tali dokumenti tista’ tiġi żgurata permezz tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 83).

40

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiddefinixxu l-limiti oġġettivi ta’ interess pubbliku jew privat li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ żvelar ta’ dokumenti (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 57), fosthom, b’mod partikolari, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, li skontu l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument, b’mod partikolari, fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument previst.

41

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li skontha l-iżvelar ta’ noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jikkawża preġudizzju għall-protezzjoni ta’ proċedura ġudizzjarja fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sa fejn din il‑proċedura tkun għadha pendenti. Din il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tapplika wkoll għan-noti ppreżentati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ tali proċedura.

42

B’dan premess, kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni ġenerali ma teskludix id-dritt tal-persuna interessata li turi li dokument speċifiku li l‑iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541, punt 103).

43

Fir-rigward, barra minn hekk, ta’ noti redatti minn Stat Membru, għandu jitfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza rilevanti f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li jkun ġie mingħandu jekk ma jkunx miftiehem hekk minn qabel, jagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jipparteċipa fid-deċiżjoni li l-istituzzjoni għandha tadotta u jistitwixxi, għal dan l-għan, proċess deċiżjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjonijiet materjali li huma elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jipprekludux li jingħata aċċess għad-dokument ikkunsidrat, inkluż meta dawn ikunu noti redatti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. Madankollu, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lil dan l-Istat Membru dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat b’mod li jipprekludi skont id-diskrezzjoni tiegħu l-iżvelar ta’ dokumenti li jkunu ġejjin mingħandu u li jkunu miżmuma minn istituzzjoni.

44

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li n-noti kontenzjużi jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, kif il-Qorti Ġenerali qieset korrettement fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-Kummissjoni rċeviet dawn in-noti mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u mhux mill-Istat Membru kkonċernat, ma għandu ebda effett fuq id-determinazzjoni tal-applikabbiltà stess tar-Regolament Nru 1049/2001.

45

Fir-rigward tal-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas ir-regoli ta’ proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jipprevedu dritt ta’ aċċess minn terzi għan-noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, għalkemm dan huwa, ċertament, ta’ natura li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541, punt 100), dan ma jistax, mill-banda l-oħra, iwassal għall-inapplikabbiltà tal-imsemmi regolament għat-talbiet ta’ aċċess għan-noti redatti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti tal-Unjoni, li jkunu fil-pussess tal-Kummissjoni.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fi kliem ir-Regolament Nru 1049/2001, in-noti kontenzjużi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sa fejn dawn huma “dokument[i] miżmum[a] minn istituzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament.

47

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-Kummissjoni li skontu r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, inkluż fid-dritt primarju wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, jipprekludi lil-leġiżlatur tal-Unjoni milli jipprevedi dritt ta’ aċċess għal dokumenti marbuta mal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ma kinux stabbiliti minn istituzzjoni, b’mod li l-unika interpretazzjoni ammissibbli tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija dik li tali dokumenti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hemm lok li jiġu eżaminati l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-Artikolu 15(3) TFUE.

48

Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija suġġetta għar-regoli ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, biss meta hija teżerċita funzjonijiet amministrattivi. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għal dokumenti miżmuma minn din l-istituzzjoni li huma marbuta mal-attività ġudizzjarja tagħha ma jistgħux jiġu stabbiliti b’regolamenti adottati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, peress li l-aċċess għad-dokumenti ta’ natura amministrattiva tagħha huma barra minn hekk irregolati bid-Deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha (ĠU 2013, C 38, p. 2), issostitwita b’deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2016 (ĠU 2016, C 445, p. 3).

49

Madankollu, in-natura inapplikabbli tar-regoli ta’ aċċess għal dokumenti, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta din teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji ma tostakolax l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għal istituzzjoni, li għaliha d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(3) TFUE u tar-Regolament Nru 1049/2001 japplikaw b’mod sħiħ, bħall-Kummissjoni, meta din iżżomm dokumenti redatti minn Stat Membru, bħan-noti kontenzjużi, marbuta ma’ proċeduri ġudizzjarji.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li l-introduzzjoni tal-Artikolu 15 TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 255 KE, wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541, punt 81).

51

Fil-fatt, b’mod differenti mill-Artikolu 255 KE, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien limitat għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-Artikolu 15(3) TFUE jipprevedi issa dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment, meta dawn jeżerċitaw funzjonijiet amministrattivi. Kuntrarjament għal dak li essenzjalment issostni l-Kummissjoni, ebda element ma jippermetti li jiġi affermat li t-twessigħ tal-imsemmi dritt sabiex ikunu koperti l-attivitajiet amministrattivi ta’ dawn tal-aħħar huwa akkumpanjat bl-introduzzjoni ta’ xi restrizzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tad-dokumenti li jkunu ġejjin minn Stat Membru, bħan-noti kontenzjużi, li huma miżmuma mill-Kummissjoni b’rabta ma’ proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

52

L-interpretazzjoni wiesgħa tal-prinċipju ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata, minn naħa, mill-Artikolu 15(1) TFUE, li jipprevedi, b’mod partikolari, li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom bl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni miftuħa, prinċipju riaffermat ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u fl-Artikolu 298 TFUE, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-istipulazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jistipulaw l-għan ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma jistax jiġi interpretat, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni ssostni, fis-sens li jeżiġi l-adozzjoni ta’ qari restrittiv tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 bil-konsegwenza li d-dokumenti redatti minn Stat Membru, bħan-noti kontenzjużi, ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament meta dawn ikunu miżmuma mill-Kummissjoni.

53

Fir-rigward tar-riskju, enfasizzat mill-Kummissjoni, ta’ evitar tar-regoli proċedurali previsti fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-limitazzjonijiet fir-rigward tal-aċċess għal dokumenti ta’ natura ġudizzjarja, kemm jekk previsti skont l-Artikolu 255 KE, li warajh ġie l-Artikolu 15 TFUE, kif ukoll skont ir-Regolament Nru 1049/2001, ifittxu l-istess skop, jiġifieri dak intiż sabiex jiggarantixxi li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet ikun eżerċitat mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji, filwaqt li din il-protezzjoni timplika, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll ta’ dak ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541, punti 8485).

54

Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti li, jekk ikun il-każ, l-iżvelar ta’ dokumenti marbuta mal-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni jiġi rrifjutat u, fuq din il-bażi, tiġi ggarantita l-protezzjoni ta’ tali proċeduri ġudizzjarji, kif jirriżulta mill-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma jeżiġix, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni essenzjalment issostni, interpretazzjoni li skontha n-noti redatti minn Stat Membru u miżmuma mill-Kummissjoni, bħan-noti kontenzjużi, għandhom neċessarjament jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, sa fejn il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji hija b’hekk żgurata, konformement mal-għan tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi kompromess.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta qieset, b’mod partikolari fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li n-noti kontenzjużi ma kinux jaqgħu, bħal dawk redatti mill-Kummissjoni nnifisha, taħt l-esklużjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti prevista fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE.

56

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 113 ta’ dik is-sentenza, li n-noti kontenzjużi kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u annullat, għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 2012 li tirrifjuta li tagħti lil P. Breyer aċċess għall-imsemmija noti.

57

Minn dan isegwi li l-appell tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

58

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

59

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

60

Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

61

F’dan il-każ, għalkemm l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni ma ntlaqax, huwa stabbilit li P. Breyer, li talab il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż, ippubblika fuq l-internet verżjonijiet anonimizzati tan-noti skambjati fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-appell.

62

Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 171(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet l-oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. L-atti proċedurali li huma kkomunikati b’dan il-mod lill-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex aċċessibbli għall-pubbliku. Għaldaqstant, il-pubblikazzjoni fuq l-internet, minn P. Breyer, tan-noti marbuta ma’ din il-proċedura, mingħajr awtorizzazzjoni, tikkostitwixxi użu mhux xieraq ta’ atti proċedurali, li jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fit-taqsim tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, EU:C:2010:541, punti 92, 93 u 97 sa 99).

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell sostnuti minn P. Breyer, filwaqt li n-nofs l-ieħor jibqa’ sostnut minn dan tal-aħħar.

64

Barra minn hekk, sa fejn P. Breyer jikkontesta, bir-risposta tiegħu għall-appell, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-allokazzjoni tal-ispejjeż fl-ewwel istanza, li jidhru fil-punt 119 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari sa fejn din il-qorti qieset li parti li tingħata aċċess għall-atti proċedurali ta’ partijiet oħra tista’ tuża dan id-dritt biss sabiex tiddefendi l-kawża tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull skop ieħor, bħal dak li jqanqal kritika mill-pubbliku fir-rigward tal-argumenti mqajma mill-partijiet l-oħra fil-kawża, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-risposta għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqa’ jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment, l-appell.

65

Issa, peress li t-talbiet tal-appell tal-Kummissjoni ma jipprevedux il-kwistjoni tat-taqsim tal-ispejjeż fis-sentenza appellata, dan il-kap tat-talbiet ta’ P. Breyer huwa inammissibbli.

66

Finalment, l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess marbuta ma’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Patrick Breyer.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Top