Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0212

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016.
    ENEFI Energiahatékonysági Nyrt vs Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (DGRFP).
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Mureș.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 4 – Effetti previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fuq il-krediti li ma kinux is-suġġett tal-proċedura ta’ insolvenza – Dekadenza – Natura fiskali tal-kreditu – Assenza ta’ effett – Artikolu 15 – Kunċett ta’ ‘kawżi pendenti’ – Proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata – Esklużjoni.
    Kawża C-212/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:841

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    9 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 4 — Effetti previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fuq il-krediti li ma kinux is-suġġett tal-proċedura ta’ insolvenza — Dekadenza — Natura fiskali tal-kreditu — Assenza ta’ effett — Artikolu 15 — Kunċett ta’ ‘kawżi pendenti’ — Proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata — Esklużjoni”

    Fil-Kawża C‑212/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Mureş (qorti reġjonali ta’ Mureş, ir-Rumanija), b’deċiżjoni tal-24 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura

    ENEFI Energiahatekonysagi Nyrt

    vs

    Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (DGRFP),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President ta’ Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2016,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, G. Koós u M. Bóra, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent, assistit minn D. Calciu, avukat,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ENEFI Energiahatekonysagi Nyrt (iktar ’il quddiem “ENEFI”), li qabel kienet E-Star Alternativ Energiaszolgaitato Nyrt, u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov (DGRFP) [direttorat ġenerali reġjonali tal-finanzi pubbliċi ta’ Brașov, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem id-“DGRFP Brașov”)], dwar l-eżekuzzjoni forzata, fuq talba ta’ DGRFP Brașov, ta’ kreditu fiskali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 12, 20 21 u 23 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxu:

    “(12)

    Dan ir-Regolament jawtoriżża l-proċedimenti prinċipali ta’ falliment [ta’ insolvenza] li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu iċ-ċentru prinċipali ta’ l-interessi tiegħu. Dawn il-proċedimenti għandhom l-iskop universali u l-għan li jkopru l-assi kollha tad-debitur. Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali. Proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji huma limitati għall-assi li jinsabu f’dak l-Istat. Regolu mandatorji ta’ koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali jissodisfaw il-ħtieġa ta’ unità fil-Komunità.

    […]

    (20)

    […] Sabiex jiġi assigurat ir-rwol dominanti tal-proċediment prinċipali ta’ falliment, il-likwidatur fi proċedimenti bħal dawk għandu jingħata diversi possibbilitajiet għal intervent fi proċedimenti sekondarji ta’ falliment li jkunu pendenti fl-istess żmien. Per eżempju, dan għandu jkun jista’ jipproponi pjan ta’ ristrutturar jew komposizzjoni jew għar-realiżazzjoni ta’ l-assi fil-proċedimenti sekondarji ta’ falliment li jkunu ser jiġu sospiżi.

    (21)

    Kull kreditur, li jkollu ir-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fil-Komunità, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta t-talbiet tiegħu f’kull waħda mill-proċedimenti ta’ falliment pendenti fil-Komunità u li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-assi tad-debitur. Dan għandu japplika wkoll għall-awtoritajiet tat-taxxi u għall-istituzjonijiet tas-siġurta soċjali. B’dana kollu, sabiex ikun assigurat trattament egwali tal-kredituri, it-tqassim tal-proċedimenti għandu jkun ikkoordinat. […]

    […]

    (23)

    Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment.”

    4

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Il-ġurisdizzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

    “1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

    2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

    3.   Meta proċediment ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ l-egħluq.

    […]”

    5

    L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġi applikabbli”, jipprovdi:

    “1.   Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-‘Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

    2.   Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’mod partikolari:

    […]

    f)

    l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi pendenti;

    g)

    it-talbiet li jkunu ġew ippreżentati kontra l-propjetà tad-debitur u t-trattament tat-talbiet li joriġinaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment;

    h)

    ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet;

    […]

    j)

    il-kondizzjonijiet għal u l-effetti ta’ l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, b’mod partikolari b’komposizzjoni;

    k)

    id-drittijiet tal-kredituri wara l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment;

    […]”

    6

    L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Effetti ta’ proċedimenti ta’ falliment fuq kawżi pendenti”, jipprovdi:

    “L-effetti ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] fuq kawżi pendenti li jikkonċernaw assi jew dritt li jkunu ittieħdu minn għand id-debitur għandhom jiġu regolati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fiħ il-kawża tkun pendenti.”

    7

    L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Radd lura u imputazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Kreditur li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) jakkwista b’xi meżżi, b’mod partikolari permezz ta’ infurzar, sodisfazzjoni totali jew parzjali tat-talba tiegħu fuq l-assi li jappartienu lid-debitur li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jrodd lura lill-likwidatur dak li jkun akkwista, bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7.

    2.   Sabiex jassigura trattament ugwali mal-kredituri, kreditur li jkun, matul il-proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], akkwista dividend fuq it-talba tiegħu għandu jaqsam fid-distribuzzjoni magħmula fi proċedimenti oħra biss meta kredituri ta’ l-istess grad jew kategorija jkunu, f’dawk il-proċedimenti l-oħra, akkwistaw dividend ekwivalenti.”

    8

    L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Dritt ta’ preżentazzjoni ta’ talbiet”, huwa fformulat kif ġej:

    “Xi kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, inklużi l-awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta talbiet bil-miktub fil-proċedimenti ta’ falliment.”

    Id-dritt Ungeriż

    9

    L-Artikolu 20(3) tal-Liġi Nru XLIX tal-1991, dwar proċeduri ta’ falliment u ta’ insolvenza (1991. évi XLIX. törvény, a csődeljárásról és a felszámolási eljárásról), jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tat-terminu previst [minn] din il-liġi, il-kreditur ma jistax jipparteċipa fil-konklużjoni tal-ftehim u l-effetti tal-ftehim ma jestendux għalih. Il-kreditur li ma jkunx ġie rreġistrat minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għad-dikjrazzjoni tal-krediti, ma jistax jinvoka dan il-kreditu kontra d-debitur, iżda jista’ jirreġistra l-kreditu tiegħu, peress li ma jkunx għadu ġie rreġistrat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment mibdija minn kreditur ieħor. […]”

    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    ENEFI hija kumpannija li s-sede tagħha jinsab l-Ungerija u li, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kellha stabbiliment fir-Rumanija. Fit-13 ta’ Diċembru 2012, inbdiet proċedura ta’ insolvenza kontra din il-kumpannija fl-Ungerija li l-ftuħ tagħha ġie nnotifikat lil DGRFP Brașov fis-7 ta’ Jannar 2013.

    11

    Matul Jannar 2013, DGRFP Brașov irreġistra żewġ krediti fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li ma kienx osserva t-terminu applikabbli u naqas milli jħallas l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni, dawn il-krediti ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura. DGRFP Brașov ġie informat b’dan fit-2 ta’ Mejju 2013.

    12

    Sussegwentement, waqt li l-proċedura ta’ insolvenza kienet għadha pendenti, DGRFP Brașov wettaq kontroll fiskali fl-istabbilimenti ta’ ENEFI fir-Rumanija. Fil-25 ta’ Ġunju 2013, DGRFP Brașov ħareġ avviż ta’ taxxa (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ taxxa”) dwar dejn dovut relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Madankollu, huwa ma rreġistrax il-kreditu dwar dan l-avviż ta’ taxxa fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza.

    13

    Għall-ewwel, ENEFI ma kkontestatx l-avviż ta’ taxxa. Konsegwentement, fis-7 ta’ Awwissu 2013, inħareġ titolu eżekuttiv kontriha mill-awtoritajiet Rumeni, li sussegwentement, taw bidu għal proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata.

    14

    Qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza fl-Ungerija fis-7 ta’ Settembru 2013, ENEFI ippreżentat rikors kontra l-eżekuzzjoni forzata mibdija fir-Rumanija. Fil-fatt, hija kienet tqis li ma kinitx marbuta tħallas il-VAT dovuta konformement mal-avviż ta’ taxxa u li l-eżekuzzjoni forzata marbuta miegħu kienet illegali, peress li, fid-data li fiha seħħ il-kontroll fiskali li wassal għall-ħruġ tal-avviż ta’ taxxa, hija kienet diġà ġiet suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza mibdija fl-Ungerija. Konsegwentement, skont ENEFI, DGRFP Brașov kellu jirreġistra l-kreditu tiegħu fil-kuntest tal-imsemmija proċedura ta’ insolvenza. Skont id-dritt Ungeriż, li huwa determinanti, konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-krediti li ma jkunux ġew irreġistrati fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza fil-prinċipju jiddekadu.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Mureş (qorti reġjonali ta’ Mureş, ir-Rumanija), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2)(f) u (k) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], l-effetti tal-proċeduri ta’ insolvenza previsti mil-liġi tal-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri jistgħu jinkludu, fir-rigward ta’ kreditur li ma pparteċipax fil-proċeduri ta’ insolvenza, id-dekadenza mid-dritt li jieħu azzjoni sabiex jinforza l-kreditu tiegħu fi Stat Membru ieħor jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ tali kreditu f’dan l-Istat Membru l-ieħor?

    2)

    Hija rilevanti f’dan ir-rigward in-natura fiskali tal-kreditu li huwa s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri?’’

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    16

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura, li fir-rigward ta’ kreditur li ma jkunx ipparteċipa fl-imsemmija proċedura ta’ insolvenza, jipprevedu d-dekadenza tad-dritt li jiġi inforzat il-kreditu tiegħu jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ tali kreditu fi Stat Membru ieħor.

    17

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta l-ewwel nett, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja f’dan ir-regolament, li l-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija dik tal-Istat tal-ftuħ (iktar ’il quddiem il-“lex fori concursus”). Għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 23 tal-imsemmi regolament, il-lex fori concursus tiddetermina l-effetti kollha tal-proċedura ta’ insolvenza, kemm jekk proċedurali kif ukoll jekk sostantivi, fuq il-persuni u r-relazzjonijiet legali kkonċernati.

    18

    B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 4(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li l-lex fori concursus tiddetermina liema krediti għandhom jiġu rreġistrati kontra d-debitur, l-ipproċessar tal-krediti li jinbtu wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza kif ukoll ir-regoli dwar il-produzzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti. Madankollu, sabiex dawn id-dispożizzjonijiet ma jiċċaħdux mill-effett utli tagħhom, il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regoli tal-lex fori concursus dwar ir-reġistrazzjoni tal-krediti u, b’mod partikolari, tat-termini previsti f’dan ir-rigward għandhom ukoll jiġu evalwati abbażi tal-imsemmija lex fori concursus (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kornhaas, EU:C:2015:806, punt 19).

    19

    Fir-rigward tal-effetti tal-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza, b’mod partikolari permezz ta’ ftehim, kif ukoll tad-drittijiet ta’ kredituri wara l-għeluq tal-proċedura ta’ insolvenza, hemm lok li jitfakkar li dawn l-effetti u dawn id-drittijiet, kif ipprovdut espliċitament fl-Artikolu 4(2)(j) u (k), huma wkoll iddeterminati mil-lex fori concursus.

    20

    Filwaqt li huwa minnu, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, li jinkludi lista ta’ materji li jaqgħu taħt il-lex fori concursus, ma jirreferix speċifikament għall-kredituri li ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ insolvenza u konsegwentement, għall-effetti ta’ din il-proċedura, jew tal-għeluq tagħha, fuq id-drittijiet ta’ dawn il-kredituri, ma għandu jkun hemm madankollu ebda dubju li dawn l-effetti għandhom ukoll jiġu evalwati abbażi tal-imsemmija lex fori concursus.

    21

    Fil-fatt, minn naħa, il-lista ta’ materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000, li tinsab fil-paragrafu 2 tiegħu, ma hijiex eżawrjenti, kif jirriżulta mit-termini tagħha stess, jiġifieri mill-użu tat-terminu “b’mod partikolari”.

    22

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni li skontha l-lex fori concursus tiddetermina l-effetti tal-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza, b’mod partikolari bi ftehim, u d-drittijiet ta’ kredituri wara dan l-għeluq, iżda mhux l-effetti tad-drittijiet tal-kredituri li ma pparteċipawx f’din il-proċedura, ikollha r-riskju li tippreġudika serjament l-effiċjenza tal-imsemmija proċedura.

    23

    L-interpretazzjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza għandha bħala konsegwenza li l-kredituri li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ insolvenza jistgħu, wara l-għeluq tal-proċedura, jitolbu l-ammont kollu tal-krediti tagħhom, li għalhekk ikun jagħti lok għal inugwaljanza fit-trattament bejn il-kredituri. Barra minn hekk, u fuq kollox, din l-interpretazzjoni tkun timplika l-isfratt ta’ kwalunkwe ftehim jew miżura oħra paragunabbli ta’ rkurpru tad-debitur, sa fejn dan tal-aħħar, li għandu jwieġeb għall-krediti tal-kredituri li ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedura ta’ insolvenza, ma jkollux il-mezzi neċessarji sabiex iħallas, konformement ma’ tali ftehim jew ma’ kwalunkwe miżura oħra, id-dejn dovut lil kredituri oħra, peress li dan id-dejn huwa ġeneralment riprogrammat u/jew imnaqqas skont il-mezzi finanzjarji li jkollu effettivament id-debitur.

    24

    Għal raġunijiet parzjalment simili, għandu jiġi miċħud l-argument, ippreżentat mill-qorti tar-rinviju f’dan il-kuntest, li jipprovdi li dispożizzjoni tal-lex fori concursus applikabbli għal proċedura ta’ insolvenza prinċipali, li tillimita jew teskludi l-possibbiltà li jiġi inforzat kreditu li ma jkunx ġie rreġistrat fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tostakola l-possibbiltà, prevista fir-Regolament Nru 1346/2000, li ssir talba għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza sekondarji.

    25

    Fil-fatt, minn naħa, tali dispożizzjoni tal-lex fori concursus, kuntrarjament għal dak li jidher li tqis il-qorti tar-rinviju, ma tostakolax il-ftuħ, bħala tali, ta’ proċedura ta’ insolvenza sekondarja, iżda biss l-ammissjoni ta’ talba, intiża għall-ftuħ ta’ tali proċedura, imressqa minn kreditur li ma jkunx osserva t-terminu għar-reġistrazzjoni tal-kreditu tiegħu, kif stabbilit mil-lex fori concursus applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza prinċipali. Kuntrarjament, kull talba mressqa minn kreditur li tikkonsisti fi kreditu li ma jkunx għadu ddekada, jew li tkun tressqet mill-istralċjarju tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, tibqa’ ammissibbli.

    26

    Min-naħa l-oħra, minkejja li r-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza sekondarja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li l-ftuħ ta’ tali proċedura li, konformement mal-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament, għandha tkun proċedura ta’ stralċ, għandha r-riskju li tmur kontra l-għan ta’ proċedura prinċipali ta’ natura protettiva u li dan ir-regolament għalhekk jistabbilixxi ċertu numru ta’ regoli mandatorji ta’ koordinament intiżi li jiżguraw, kif imsemmi fil-premessa 12 tiegħu, il-bżonn ta’ unità fi ħdan l-Unjoni Ewropea. F’din is-sistema, meta mqabbla mal-proċedura sekondarja, il-proċedura prinċipali tokkupa rwol predominanti, kif huwa speċifikat fil-premessa 20 tar-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Bank Handlowy u Adamiak, C‑116/11, EU:C:2012:739, punti 5960).

    27

    Fir-rigward ta’ dan ir-rwol predominanti tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali, jidher li huwa kompletament koerenti li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’, permezz tad-dekadenza tal-krediti rreġistrati barra mit-terminu, teskludi kull talba, imressqa mill-persuni li għandhom dawn il-krediti, intiża għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza sekondarja, fid-dawl tal-fatt li tali ftuħ jippermetti li tiġi evitata d-dekadenza prevista fil-lex fori concursus. Barra minn hekk, b’analoġija mal-premessi msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, tali leġiżlazzjoni tippermetti li jiġi evitat li kreditur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali jista’ jisfratta ftehim jew miżura oħra paragunabbli ta’ rkurpru tad-debitur, adottata fil-kuntest ta’ din il-proċedura, billi jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza sekondarja.

    28

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, hemm għaldaqstant lok li jitqies li dispożizzjoni tad-dritt intern tal-Istat tal-ftuħ, li tipprovdi, fir-rigward ta’ kreditur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura ta’ insolvenza, id-dekadenza tad-dritt li jinforza l-kreditu tiegħu, taqa’ taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000.

    29

    Sussegwentement, fir-rigward tal-konklużjoni fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li l-lex fori concursus tista’ wkoll tipprevedi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ kreditu li ma jkunx ġie rreġistrat fit-termini stabbiliti. Fil-fatt, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li d-dekadenza tal-krediti mhux irreġistrati hija, fil-prinċipju, permessa, ir-Regolament Nru 1346/2000 għandu, a fortiori, jippermetti wkoll regola tal-lex fori concursus li hija limitata għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata relatata ma’ dawn il-krediti.

    30

    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, peress li r-Regolament Nru 1346/2000 ma jarmonizzax it-termini stabbiliti għar-reġistrazzjoni tal-krediti fil-każijiet ta’ insolvenza li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxihom, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li r-regoli marbuta miegħu ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti f’dan ir-rigward, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kriterji humiex issodisfatti fir-rigward tal-Artikolu 20(3) tal-Liġi Nru XLIX tal-1991.

    31

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi li l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq “kawża pendenti” li tikkonċerna beni jew dritt li jiġi żvestit minnu debitur huma rregolati esklużivament mil-liġi tal-Istat Membru li fih tkun pendenti din il-kawża.

    32

    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 4(2)(f) tar-Regolament Nru 1346/2000, li jagħmel distinzjoni bejn il-“kawżi pendenti” u proċeduri oħra mressqa minn kredituri individwali. Għaldaqstant, l-effetti tal-proċedura ta’ insolvenza fuq proċeduri mressqa minn kredituri individwali oħra għajr “kawżi pendenti” huma fi kwalunkwe każ irregolati biss mil-lex fori concursus. Kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċeduri intiżi għall-eżekuzzjoni forzata ta’ kreditu jaqgħu taħt din l-aħħar kategorija.

    33

    Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 1346/2000 huwa bbażat fuq il-prinċipju li r-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri, sottostanti mutatis mutandis kull proċedura ta’ insolvenza, jipprekludi, b’mod ġenerali, proċeduri individwali permezz ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata, li jitressqu u jiżvolġu waqt li tkun pendenti proċedura ta’ insolvenza kontra d-debitur. Għaldaqstant, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jeżiġi li kreditur li jikseb“b’mod partikolari permezz ta’ infurzar”, sodisfazzjon tal-kreditu tiegħu fuq il-beni tad-debitur li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tal-ftuħ, għandu jrodd lura lill-istralċjarju dak li jkun kiseb.

    34

    Ikun kontradittorju li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000 jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata, bil-konsegwenza li l-effetti tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza jkunu għalhekk jaqgħu taħt il-liġi tal-Istat Membru fejn tkun pendenti tali proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, filwaqt li, parallelment, l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, billi jeżiġi b’mod espliċitu r-radd lura lill-istralċjarju ta’ dak li jkun inkiseb b’“infurzar”, iċaħħad l-Artikolu 15 mill-effett utli tiegħu.

    35

    Konsegwentement, hemm lok li jitqies li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1346/2000.

    36

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu d-dispożizzjoniet tad-dritt intern tal-Istat tal-ftuħ li jipprovdu, fir-rigward ta’ kreditur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura ta’ insolvenza, id-dekadenza tad-dritt li jinforza l-kreditu tiegħu jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-kreditu fi Stat Membru ieħor.

    Fuq it-tieni domanda

    37

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-natura fiskali tal-kreditu li huwa s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat tal-ftuħ hijiex rilevanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari.

    38

    F’dan ir-rigward, il-premessa 21 tar-Regolament Nru 346/2000 tipprovdi li kull kreditur, li jkollu r-residenza abitwali, id-domiċilju jew is-sede tiegħu fl-Unjoni, għandu jkollu d-dritt li jirreġistra l-krediti tiegħu f’kull proċedura ta’ insolvenza pendenti fl-Unjoni fir-rigward ta’ beni tad-debitur, u li dan għandu japplika wkoll għall-awtoritajiet fiskali u għall-organi tas-sigurtà soċjali. Madankollu, din il-premessa tipprovdi wkoll li, għall-finijiet tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri, għandu jkun hemm koordinazzjoni tad-distribuzzjoni tal-qligħ. B’kunsiderazzjoni għal dan, l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament essenzjalment jipprovdi li l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri għajr l-Istat tal-ftuħ għandhom id-dritt, bħal kull kreditur li għandu r-residenza abitwali, id-domiċilju jew is-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat tal-ftuħ, jirreġistraw il-krediti tagħhom bil-miktub fil-proċedura ta’ insolvenza.

    39

    Għaldaqstant, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, minn naħa, ir-Regolament Nru 1346/2000 jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jeskludu li l-krediti ta’ awtoritajiet fiskali ta’ Stati Membri għajr l-Istat tal-ftuħ jiġu rreġistrati fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza. Min-naħa l-oħra, mill-istess dispożizzjonijiet jirriżulta li dan ir-regolament ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-krediti tad-dritt privat u dawk tad-dritt pubbliku.

    40

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1364/2000 ma jagħtux status preferenzjali lil krediti ta’ awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tal-ftuħ, fis-sens li dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata anki wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Konsegwentement, fir-rigward tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-krediti li huma s-suġġett tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata huma krediti ta’ natura fiskali ma jimplikax li, minħabba dan, huma jaqgħu taħt id-dritt intern Rumen biss, jew li l-effetti previsti mil-lex fori concursus, f’dan il-każ mid-dritt ta’ insolvenza Ungeriż, ma jestendux għalihom.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li n-natura fiskali tal-kreditu li jkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru għajr l-Istat tal-ftuħ, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex rilevanti għar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu d-dispożizzjoniet tad-dritt intern tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun miftuħa proċedura ta’ insolvenza, li jipprovdu, fir-rigward ta’ kreditur li ma jkunx ipparteċipa fil-proċedura ta’ insolvenza, id-dekadenza tad-dritt li jinforza l-kreditu tiegħu jew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-kreditu fi Stat Membru ieħor.

     

    2)

    In-natura fiskali tal-kreditu li jkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata fi Stat Membru għajr dak li fit-territorju tiegħu tkun miftuħa proċedura ta’ insolvenza, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex rilevanti għar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

    Top