Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0177

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Novembru 2016.
Nelsons GmbH vs Ayonnax Nutripharm GmbH u Bachblütentreff Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Informazzjoni u protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament (KE) Nru 1924/2006 – Indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel – Miżuri tranżitorji – Artikolu 28(2) – Kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li kellhom trade mark jew marka tad-ditta eżistenti qabel l-1 ta’ Jannar 2005 – Preparazzjonijiet abbażi ta’ “fjuri ta’ Bach” – Trade mark tal-Unjoni Ewropea RESCUE – Prodotti kkummerċjalizzati bħala mediċina qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u bħala prodotti tal-ikel wara din id-data.
Kawża C-177/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:888

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Informazzjoni u protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Miżuri tranżitorji — Artikolu 28(2) — Prodotti li kellhom trade mark jew marka tad-ditta eżistenti qabel l-1 ta’ Jannar 2005 — Preparazzjonijiet abbażi tal-“fjuri ta’ Bach” — Trade mark tal-Unjoni Ewropea RESCUE — Prodotti kkummerċjalizzati bħala mediċini qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u bħala prodotti tal-ikel wara din id-data”

Fil-Kawża C-177/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ April 2015, fil-proċedura

Nelsons GmbH

vs

Ayonnax Nutripharm GmbH,

Bachblütentreff Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nelsons GmbH, minn T. Salomon, B. Goebel u C. Alpers, Rechtsanwälte,

għal Ayonnax Nutripharm GmbH u Bachblütentreff Ltd, minn B. Ackermann, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Elleniku, minn A. Dimitrakopoulou, K. Karavasili, P. Paraskevopoulou, K. Nassopoulou u S. Lekkou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 5(1)(a), tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 10(3), kif ukoll tal-Artikolu 28(2), tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 9, u r-rettifika ĠU 2007, L 12, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 107/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008, L 39, p. 8) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1924/2006”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Nelsons GmbH u Ayonnax Nutripharm GmbH, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, minn naħa, u Bachblütentreff Ltd, kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, fir-rigward ta’ preparazzjonijiet abbażi ta’ fjuri, ikkummerċjalizzati minn Nelsons taħt it-trade mark tal-Unjoni Ewropea RESCUE.

Il-kuntest legali

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463), intitolat “Definizzjoni ta’ ‘ikel’”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, “ikel” (jew “oġġetti ta’ l-ikel”) tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem.

“Ikel” tinkludi xorb, chewing gum u kull sustanza oħra, inkluż ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament. […]

“Ikel” m’għandux jinkludi:

[…]

d)

prodotti mediċinali skond it-tifsira tad-Direttivi tal-Kunsill 65/65/KEE [, tas-26 ta’ Jannar 1965, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, dwar l-ispeċjalitajiet farmaċewtiċi (ĠU 1965, 22, p. 369)] u 92/73/KEE [, tat-22 ta’ Settembru 1992, li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 65/65/KEE u 75/319/KEE dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-mediċini u li tiffissa dispożizzjonijiet kumplimentari għall-mediċini omeopatiċi (ĠU 1992, L 297, p. 8)];

[…]”

Ir-Regolament Nru 1924/2006

4

Skont il-premessi 1 u 4 tar-Regolament Nru 1924/2006:

“(1)

Numru dejjem jikber ta’ ikel li qed jiġi ttikkettat u rriklamat [fl-Unjoni] qed ikollu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u biex tiġi ffaċilitata l-għażla tagħhom, il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq inklużi dawk importati, għandhom ikunu siguri u ttikkettati b’mod xieraq. Dieta varjata u bbilanċjata hija prerekwiżit għas-saħħa u prodotti individwali għandhom importanza relattiva fil-kuntest tad-dieta kollha.

[…]

(4)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-indikazzjonijiet kollha dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, inklużi inter alia, reklamar ġeneriku ta’ l-ikel u kampanji promozzjonali, bħal dawk appoġġati totalment jew parzjalment mill-awtoritajiet pubbliċi. Huwa m’għandux japplika għal indikazzjonijiet li jsiru f’komunikazzjonijiet mhux kummerċjali, bħal linji gwida dwar dieta jew pariri maħruġa mill-awtoritajiet u l-korpi tas-saħħa pubblika, jew komunikazzjonijiet u informazzjoni mhux kummerċjali fil-ġurnali u f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal trade-marks u marki oħrajn tad-ditta li jistgħu jinftiehmu bħala indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa.”

5

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari.

[…]

3.   Trade mark, marka ta’ ditta jew isem ornamentali li jidher fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-riklamar ta’ xi ikel li jistgħu jinftiehmu bħala indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni previsti minn dan ir-Regolament, kemm-il darba jkunu akkumpanjati minn indikazzjoni relatata dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa f’dik it-tikketta, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar li tikkonforma mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

6

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

id-definizzjonijiet ta’ “ikel”, “operatur ta’ negozju ta’ l-ikel”, “tqegħid fis-suq”, u “konsumatur finali” stabbilita fl-Artikoli 2, 3(3), 3(8) u 3(18) tar-Regolament [Nru 178/2002] għandhom japplikaw;

[…]

2.   Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

1)

“indikazzjoni” tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f’kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karetteristiċi partikolari;

[…]

5)

“indikazzjoni dwar is-saħħa” tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

[…]”

7

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għall-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Xorb li jkun fih iktar minn 1,2 % fil-volum ta’ alkoħol ma għandux ikollu indikazzjonijiet dwar is-saħħa.

[…]”

8

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-paragrafu (1) li jgħid kif ġej:

“L-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

ikun muri li l-preżenza, in-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas f’ikel jew f’kategorija ta’ ikel ta’ nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-indikazzjoni għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku ta’ benefiċċju, kif stabbilit minn evidenza xjentifika b’mod ġenerali;

(b)

in-nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-indikazzjoni:

(i)

ikunu jinsabu fil-prodott finali fi kwantità sinifikanti kif definit mil-leġislazzjoni Komunitarja jew, fejn tali regoli ma jeżistux, fi kwantità li tipproduċi l-effett nutrittiv jew fiżjoloġiku mistqarr kif stabbilit minn evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali […]

[…]”

9

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sostanzjament xjentifiku għall-indikazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu bbażati u ssostanzjati minn evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali.”

10

L-Artikolu 10 tar-regolament imsemmi, dwar l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa u intitolat “Kondizzjonijiet speċifiċi”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.

[…]

3.   Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista’ ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikoli 13 jew 14.”

11

L-Artikolu 28 tal-istess regolament, intitolat “Miżuri transitorji”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Prodotti li jġibu trade marks jew marki tad-ditta li jkunu diġà jeżistu qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq sa 19 ta’ Jannar 2022, wara liema terminu ta’ żmien għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

Id-dritt Ġermaniż

12

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (liġi dwar il-kompetizzjoni żleali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2010 I, p. 254, iktar ’il quddiem l-“UWG”):

“Prattiki kummerċjali żleali huma illegali meta jkunu jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew ta’ operaturi tas-suq oħra.”

13

L-Artikolu 4 tal-UWG jistabbilixxi:

“Eżempji ta’ prattiki kummerċjali żleali

Iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali, b’mod partikolari, kull min

[…]

11.

jikser dispożizzjoni legali li hija, fost oħrajn, intiża li tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi tas-suq.”

14

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-UWG tipprovdi:

“Azzjoni għat-tneħħija tal-istat ta’ fatt illegali jew, fil-każ ta’ riskju ta’ reċedività, azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni tista’ titressaq kontra kull min iwettaq att kummerċjali illegali fis-sens tal-Artikoli 3 u 7.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Nelsons tqiegħed fis-suq fil-Ġermanja, permezz ta’ spiżeriji, rimedji bbażati fuq il-fjuri, imsejħa l-“fjuri Bach”. Fost dawn il-preparazzjonijiet hemm il-prodotti komunement imsejħa “RESCUE”, li għandhom id-denominazzjoni “spirtu” u għandhom kontenut ta’ 27 % ta’ alkoħol bil-volum.

16

Dawn il-preparazzjonijiet jinbiegħu fi fliexken dropper ta’ 10 jew 20 ml, u fi sprays (iktar ’il quddiem il-“preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). L-imballaġġ tagħhom jinkludi rispettivament l-indikazzjonijiet segwenti fir-rigward tad-dożaġġ:

“ORIGINAL RESCUE TROPFEN [TAQTIR RESCUE ORIĠINALI]

għandhom jittieħdu 4 qatriet tal-likwidu mħallta ma’ tazza ilma li jinxtarbu diversi drabi matul il-ġurnata, jew, skont il-bżonn, 4 qatriet mhux imħallta;”

u

“RESCUE NIGHT SPRAY [SPRAY GĦAL-LEJL RESCUE]

2 sprays fuq l-ilsien.”

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, Nelsons kienet tikkummerċjalizza l-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja bħala prodott mediċinali, taħt it-trade mark tal-Unjoni Ewropea RESCUE, li dak iż-żmien kienet irreġistrata għal prodotti mediċinali. Matul l‑2007, Nelsons irreġistrat ukoll “RESCUE” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti tal-ikel.

18

Barra minn hekk, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ikkunsidrat li preparazzjonijiet abbażi ta’ “fjuri ta’ Bach” ma kinux jikkostitwixxu mediċini, iżda prodotti tal-ikel. B’riżultat ta’ din is-sentenza, Nelsons, li ma kinitx parti fit-tilwima f’din il-kawża, bdiet il-kummerċjalizzazzjoni, fil-Ġermanja, tal-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma mmodifikathom iżda ma baqgħetx tbigħhom bħala mediċini, iżda bħala prodotti tal-ikel.

19

Ayonnax Nutripharm u Bachblütentreff, li huma wkoll kienu jikkummerċjalizzaw prodotti abbażi tal-“fjuri ta’ Bach” fil-Ġermanja, ippreżentaw rikors quddiem il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ Munich I, il-Ġermanja) fejn talbu, b’mod prinċipali, projbizzjoni ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ preparazzjonijiet abbażi ta’ tali fjuri minn Nelsons minħabba n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn il-preparazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni dwar il-mediċini.

20

Sussidjarjament, Ayonnax Nutripharm u Bachblütentreff poġġew indiskussjoni diversi messaġġi pubbliċitarji ta’ Nelsons u l-mod li bih din ippreżentat il-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-suq Ġermaniż. Skont dawn il-kumpanniji, Nelsons irreklamat xarbiet alkoħoliċi fejn sostniet jew effetti ta’ benefiċċju fuq l-istat ta’ saħħa jew in-nuqqas ta’ riskji għas-saħħa, liema ċirkustanzi jikkostitwixxu atti ta’ kompetizzjoni żleali.

21

B’sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ Munich I) ordnat lil Nelsons sabiex tieqaf tuża ċerti messaġġi pubbliċitarji li jinkludu t-termini “fjuri ta’ Bach” u ċaħdet ir-rikors għall-bqija.

22

Ayonnax Nutripharm u Bachblütentreff appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht München (qorti reġjonali superjuri ta’ Munich, il-Ġermanja). B’sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, il-qorti msemmija qieset li dawn il-kumpanniji kienu fondati li jiksbu, abbażi tal-Artikolu 3(1), tal-punt 11 tal-Artikolu 4, u tal-Artikolu 8(1) tal-UWG, it-terminazzjoni tal-prattiki kummerċjali ta’ Nelsons f’dak li jikkonċerna l-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li l-promozzjoni u d-distribuzzjoni ta’ dawn il-preparazzjonijiet kienu jiksru l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1924/2006.

23

Nelsons ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja).

24

Din il-qorti tindika b’mod partikolari li, skont hi, it-termini “RESCUE TROPFEN” u “RESCUE NIGHT SPRAY” jikkostitwixxu “stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa”, skont l-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006. Fil-fatt, il-pubbliku kkonċernat, illum familjari mal-lingwa Ingliża, jaf it-tifsira ta’ “RESCUE”, terminu li mal-konsumaturi kkonċernati jinvoka l-impressjoni li l-użu tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa xieraq biex “jiġu salvati” meta jkollhom xi problemi tas-saħħa. B’hekk teżisti relazzjoni bejn it-termini “RESCUE TROPFEN” u “RESCUE NIGHT SPRAY”, minn naħa, u titjib fl-istat ta’ saħħa min-naħa l-oħra.

25

F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, it-termini “RESCUE TROPFEN” u “RESCUE NIGHT SPRAY” jirreferu għal “benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa”, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006. Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u fl-Artikolu 6(1) tar-regolament imsemmi għandhomx jiġu osservati għal indikazzjoni dwar is-saħħa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

26

Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 japplikax meta prodott ikun ġie kkummerċjalizzat qabel l-1 ta’ Jannar 2005, mhux bħala prodott tal-ikel iżda bħala prodott mediċinali, bil-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma japplikawx għall-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali matul il-perijodu tranżitorju previst f’din id-dispożizzjoni.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Likwidi li jinbiegħu fi spiżeriji fi flixkien b’qattara u fi sprays b’volum ta’ 10 ml jew ta’ 20 ml, deskritti bħala spirti li għandhom kontenut ta’ alkoħol ta’ 27 % ta’ volum, huma xorb li għandu iktar minn 1.2 % ta’ volum ta’ alkoħol fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 meta, skont l-indikazzjonijiet tad-dożaġġ fuq l-imballaġġ tagħhom,

(a)

għandhom jittieħdu erba’ qatriet tal-likwidu mħallta ma’ tazza ilma li jinxtarbu diversi drabi fil-ġurnata, jew skont il-bżonn, erba’ qatriet waħedhom;

(b)

il-likwidu mibjugħ bħala spray għandu jiġi applikat darbtejn fuq l-ilsien?

2.

Fil-każ li d-domandi 1a u 1b jingħataw risposta fin-negattiv:

Il-provi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru°1924/2006 għandhom ukoll ikunu preżenti fil-każ ta’ riferimenti għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament?

3.

L-ewwel nofs tas-sentenza tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru°1924/2006 tapplika jekk, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, il-prodott inkwistjoni ma kienx ikkummerċjalizzat bħala prodott tal-ikel iżda bħala prodott mediċinali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet domanda

28

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika fis-sitwazzjoni fejn prodott li kellu trade mark jew marka tad-ditta kien, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, ikkummerċjalizzat bħala prodott mediċinali u wara, filwaqt li kellu l-istess karatteristiċi u li kellu l-istess trade mark jew marka tad-ditta, bħala prodott tal-ikel wara din id-data.

29

Skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-prodotti li għandhom trade mark jew marka tad-ditta eżistenti qabel l‑1 ta’ Jannar 2005 u li ma humiex konformi mal-imsemmi regolament jistgħu jkomplu jiġu kkummerċjalizzati sad‑19 ta’ Jannar 2022, fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ikunu japplikaw għalihom wara din id-data.

30

B’hekk, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi miżura tranżitorja li tidderoga mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jgħid li trade mark, marka ta’ ditta jew isem ornamentali li jidher fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-riklamar ta’ xi ikel li jistgħu jinftiehmu bħala indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni previsti minn dan ir-Regolament, kemm-il darba jkunu akkumpanjati minn indikazzjoni relatata dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa f’dik it-tikketta, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirreferi għall-prodotti tal-ikel li għandhom trade mark jew marka tad-ditta li għandhom jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni nutrizzjonali jew dwar is-saħħa fis-sens ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Green – Swan Pharmaceuticals CR, C-299/12, EU:C:2013:501, punt 36).

32

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, Nelsons kienet diġà tikkummerċjalizza l-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala prodott mediċinali, taħt it-trade mark tal-Unjoni Ewropea RESCUE, li dak iż-żmien kienet irreġistrata għal prodotti mediċinali. Matul l‑2007, Nelsons irreġistrat ukoll “RESCUE” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti tal-ikel.

33

Permezz ta’ sentenza adottata matul l-2008, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, qorti Ġermaniża kkunsidrat li preparazzjonijiet abbażi ta’ “fjuri ta’ Bach” ma kinux jikkostitwixxu mediċini, iżda prodotti tal-ikel.

34

B’riżultat ta’ din is-sentenza, Nelsons bdiet il-kummerċjalizzazzjoni, fil-Ġermanja, tal-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala prodotti tal-ikel, madankollu mingħajr ma din il-bidla ma kienet akkumpanjata minn bidla f’dawn il-preparazzjonijiet. Konsegwentement, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, fir-rigward tas-sitwazzjoni eżistenti fil-ġurnata kkunsidrata fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, jiġifieri lejliet l-1 ta’ Jannar 2005, kienet biss il-kwalifika legali tal-preparazzjonijiet inkwistjoni li nbidlet.

35

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li hija tqis li t-termini “RESCUE TROPFEN” u “RESCUE NIGHT SPRAY” huma stqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa, skont l-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, u li RESCUE tikkostitwixxi trade mark jew marka tad-ditta, skont l-Artikolu 28(2) ta’ dan ir-regolament.

36

Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk preparazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġew ikkummerċjalizzati qabel l-1 ta’ Jannar 2005 bħala prodotti mediċinali u sussegwentement, wara din id-data, bħala prodotti tal-ikel jikkostitwixxux “prodotti”, fis-sens tal-Artikolu 28(2) tal-imsemmi regolament.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-terminu “prodotti”, skont din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-“prodotti tal-ikel”, fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006.

38

Fil-fatt, minn naħa, dan ir-regolament, kif iħabbar it-titolu tiegħu, jirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 1 u mill-Artikolu 5(1)(b)(i) tal-istess regolament jirriżulta b’mod partikolari li dan tal-aħħar ma jagħmilx distinzjoni espressa bejn il-“prodotti tal-ikel” u l-“prodotti”, peress li dawn iż-żewġ termini jintużaw bħala sinonimi.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għall-prodotti tal-ikel li għandhom trade mark jew marka tad-ditta li għandhom jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni nutrizzjonali jew dwar is-saħħa fis-sens ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Green – Swan Pharmaceuticals CR, C-299/12, EU:C:2013:501, punt 37).

40

F’dan il-każ, skont Ayonnax Nutripharm u Bachblütentreff, il-Gvern Elleniku kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, peress li l-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ikkummerċjalizzati bħala prodotti mediċinali qabel l-1 ta’ Jannar 2005, u mhux bħala prodotti tal-ikel, dawn ma jistgħux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, li jirreferi għalih l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel”, din ma tkoprix lill-“prodotti mediċinali”.

42

Għalhekk, il-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-kompożizzjoni tagħhom ma nbidlitx, ma jistgħux ikunu jew kienu, fl-istess ħin, “prodotti tal-ikel” u “prodotti mediċinali”.

43

Għaldaqstant, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu “prodotti mediċinali”, dawn ma jistgħux jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006.

44

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija fuq ipoteżi differenti, li fiha l-preparazzjonijiet imsemmija huma ppreżentati bħala li kienu oġġettivament jikkostitwixxu “prodotti tal-ikel”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, kemm matul il-perijodu rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 28(2) tar-regolament imsemmi, jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2005, kif ukoll issa.

45

F’dan il-każ, il-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, hekk kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, jiġu kkwalifikati bħala “prodotti”, fis-sens tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006.

46

Issa, din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-prodotti li kellhom trade mark jew marka tad-ditta “eżistenti” qabel l-1 ta’ Jannar 2005.

47

Fid-dawl tal-kliem tad-dispożizzjoni msemmija, it-terminu “eżistenti” għandu jinftiehem fis-sens li dawn il-prodotti, qabel din id-data, diġà kellu jkollhom l-istess karatteristiċi materjali u jkollhom l-istess trade mark jew marka tad-ditta. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

48

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika fis-sitwazzjoni fejn prodott li kellu trade mark jew marka tad-ditta kien, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, ikkummerċjalizzat bħala prodott mediċinali u wara, filwaqt li kellu l-istess karatteristiċi u li kellu l-istess trade mark jew marka tad-ditta, bħala prodott tal-ikel wara din id-data.

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

49

Fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tielet domanda, u b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-proċedura fil-kawża prinċipali, intiża għat-terminazzjoni immedjata tal-prattiki kummerċjali ta’ Nelsons f’dak li jikkonċerna l-preparazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domandi.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 107/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika fis-sitwazzjoni fejn prodott tal-ikel li kellu trade mark jew marka tad-ditta kien, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, ikkummerċjalizzat bħala prodott mediċinali u wara, filwaqt li kellu l-istess karatteristiċi materjali u li kellu l-istess trade mark jew marka tad-ditta, bħala prodott tal-ikel wara din id-data.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top