EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0147

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-28 ta’ Lulju 2016.
Città Metropolitana di Bari, li qabel kienet Provincia di Bari vs Edilizia Mastrodonato Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-ambjent — Immaniġġar ta’ skart — Direttiva 2006/21/KE — Artikolu 10(2) — Radam ta’ spazji vojta ta’ tħaffir bi skart minbarra l-iskart ta’ estrazzjoni — Rimi f’landfill jew irkupru tal-imsemmi skart.
Kawża C-147/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:606

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-ambjent — Immaniġġar ta’ skart — Direttiva 2006/21/KE — Artikolu 10(2) — Radam ta’ spazji vojta ta’ tħaffir bi skart minbarra l-iskart ta’ estrazzjoni — Rimi f’landfill jew irkupru tal-imsemmi skart”

Fil-Kawża C‑147/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Città Metropolitana di Bari, li kienet Provincia di Bari

vs

Edilizia Mastrodonato srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), E. Juhász, C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għaċ-Città Metropolitana di Bari, li kienet Provincia di Bari, minn G. Mariani, avukat,

għal Edilizia Mastrodonato Srl, minn M. Ingravalle, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Grasso, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Drwięcki kif ukoll minn B. Paziewska, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn A. Bates, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU 2006, L 102, p. 15).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn iċ-Città Metropolitana di Bari (belt metropolitana ta’ Bari, l-Italja), li kienet Provincia di Bari (provinċja ta’ Bari, l-Italja) u Edilizia Mastrodonato Srl dwar ir-reġim ta’ awtorizzazzjoni li għandha tiġi suġġetta għliha l-attività ta’ radam ta’ barriera li ma għadhiex tintuża.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 1999/31/KE

3

Il-premessa 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228) jipprovdi:

“Billi l-irkupru, bi qbil mad-Direttiva 75/442/KEE, ta’ skart qiegħed [inerti] jew mhux perikoluż li huwa xieraq, permezz l-użu tagħhom fix-xogħol ta’ żvilupp mill-ġdid/restorazjoni u l-mili, jew għal skopijiet ta’ kostruzzjoni jistgħu ma jikkostitwux attività ta’ rimi f’terraferma [f’landfill].”

4

Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/31 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

g)

‘terraferma [landfill]’ tfisser sit ta’ rifjut ta’ skart għal depożitu ta’ l-iskart fuq jew fl-art (per eżempju taħt l-art), inkluż [...]

[…]”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2):

“1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal kull terraferma [ landfill ] kif imsemmi fl-Artikolu 2 (g).

2.   mingħajr preġudizzju għall-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, dan li ġej irid jiġi eskluż mill-iskop ta' din id-Direttiva:

[…]

l-użu ta’ skart qiegħed li huwa adattat, fix-xogħol ta’ żvilupp mill-ġdid/restorazzjoni tal-mili, jew għal skopijiet ta’ kostruzzjoni, fit-terraferma,

[…]

id-depożitu ta; ħamrija mhux imniġġża jew ta’ skart inerti mhux perikoluż li jiġi minn tfittix u estrazzjoni, trattament, u ħażna ta’ riżorsi minerali kif ukoll mit-tħaddim ta’ barrieri.”

[…]

Id-Direttiva 2006/21

6

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/21 jipprovdi:

“Bla ħsara għal paragrafi 2 u 3, din id-Direttiva tkopri l-immaniġġar ta’ skart li jirriżulta mit-tfittix, l-estrazzjoni, it-trattament u l-ħażna ta’ riżorsi minerali u l-qtugħ tal-barrieri, minn issa ’l quddiem ‘skart ta’ estrazzjoni’”.

7

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/21, intitolat “Spazji mħaffra”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-operatur ikun qed jitfa’ l-iskart ta’ l-estrazzjoni lura fl-ispazji imħaffra għal skopijiet ta’ riabilitazzjoni u kostruzzjoni, kemm jekk saru permezz ta’ estrazzjoni minn fuq wiċċ l-art kif ukoll minn taħt l-art, dan għandu jieħu miżuri xierqa sabiex:

1)

jiżgura l-istabbiltà ta’ l-iskart ta’ estrazzjoni skond, mutatis mutandis, l-Artikolu 11(2);

2)

jevita t-tniġġis tal-ħamrija, ta’ l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art skond, mutatis mutandis, l-Artikolu 13(1), (3) u (5);

3)

jiżgura l-monitoraġġ ta' l-iskart ta’ estrazzjoni u ta’ l-ispazju mħaffer skond, mutatis mutandis, l-Artikolu 12(4) u (5).

2.   Id-Direttiva 1999/31/KE għandha tibqa’ tapplika għall-iskart barra minn skart ta’ estrazzjoni użat għall-mili ta’ spazji imħaffra kif xieraq.”

Id-Direttiva 2008/98/KE

8

Il-premessa 19 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), tipprovdi:

“Id-definizzjonijiet ta’ rkupru u rimi jeħtieġ li jkunu mmodifikati sabiex jiżguraw distinzjoni ċara bejn iż-żewġ kunċetti, ibbażati fuq differenza ġenwina fl-impatt ambjentali permezz tas-sostituzzjoni tar-riżorsi naturali fl-ekonomija u bl-għarfien tal-benefiċċji potenzjali ta’ l-użu ta’ l-iskart bħala riżors fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Barra minn dan, jistgħu jiġu żviluppati linji gwida sabiex jiġu ċċarati l-każijiet fejn fil-prattika huwa diffiċli li tkun applikata din id-distinzjoni jew fejn il-klassifikazzjoni ta’ l-attività bħala rkupru ma taqbilx ma’ l-impatt ambjentali reali ta’ l-operazzjoni.”

9

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

15)

‘irkupru’ tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. L-Anness II fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru;

[…]

19)

‘rimi’ tfisser kull operazzjoni li mhijiex irkupru anki meta l-operazzjoni għandha bħala konsegwenza sekondarja r-reklamazzjoni ta’ sustanzi jew enerġija. L-Anness I fih lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet ta’ rimi;

[…]”

10

L-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija direttiva, li ġġib it-titolu “Ġerarkija ta’ l-iskart”, jipprovdi:

“1.   Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar:

a)

prevenzjoni;

b)

preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

ċ)

riċiklaġġ;

d)

irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

e)

rimi.

2.   Fl-applikazzjoni tal-ġerarkija ta’ l-iskart imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-għażliet li jagħtu l-aqwa riżultat ambjentali ġenerali. Dan jista’ jeħtieġ li xi tipi speċifiċi ta’ skart ma jsegwux il-ġerarkija fejn dan ikun ġustifikat mill-kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fuq l-impatti ġenerali tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ tali skart.

[…]”

11

L-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-skart jgħaddi minn operazzjonijiet ta’ rkupru, skond l-Artikoli 4 u 13.”

12

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Standards tal-Kwalità”, jistabbilixxi fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tiegħu:

“2.   Sabiex ikun hemm konformità ma’ l-objettivi ta’ din id-Direttiva, u biex isir progress lejn soċjetà Ewropea riċiklatriċi b’livell għoli ta’ effiċjenza fir-riżorsi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jinkisbu l-miri li ġejjin:

[…]

b)

sa l-2020, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u għal irkupru materjali ieħor, inklużi operazzjonijiet ta’ radam li jużaw l-iskart biex jissostitwixxu materjali oħra, ta’ skart mhux perikoluż ta’ kostruzzjoni u ta’ twaqqigħ, minbarra l-materjal li jokkorri naturalment li hu definit fil-kategorija 17 05 04 fil-lista ta’ skart għandha tiżdied sa minimu ta’ 70 % skond il-piż.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiffissa regoli ddettaljati dwar l-applikazzjoni u l-metodi ta’ kalkolu biex tiġi vverifikata l-konformità mal-miri stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jiġi kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-2002 ta’ Novembru 2002 dwar l-istatistiki dwar l-iskart [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 257]. Dawn jistgħu jinkludu perjodi ta’ tranżizzjoni għal Stati Membri li fl-2008 irriċiklaw inqas minn 5 % ta’ kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ skart imsemmija fil-paragrafu 2. Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2) ta’ din id-Direttiva.”

13

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:

a)

mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, pjanti jew l-annimali;

b)

mingħajr ma jinħoloq fastidju permezz ta’ ħsejjes jew irwejjaħ; u

ċ)

mingħajr effetti negattivi fuq il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjali.”

14

L-Artikolu 40 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li t-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva jiskadi fit-12 ta’ Diċembru 2010.

15

L-Anness I tad-Direttiva 2008/98, intitolat “Operazzjonijiet ta’ rimi”, jelenka l-operazzjonijiet li ġejjin:

“D 1 Depożitu ġewwa jew fuq l-art (eż. radam, eċċ.)

[…]

D 3 Injezzjoni fil-fond (eż. injezzjoni ta’ rifjut li jista’ jiġi ppumpjat fi bjar, munzelli tal-melħ jew repożitorji naturali, eċċ.)

[…]

D 12 Ħżin permanenti (eż. tqegħid ta’ kontenituri f’minjiera, eċċ.)

[…]”

16

L-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Operazzjonijiet ta’ rkupru”, jelenka l-operazzjonijiet li ġejjin:

“[…]

R 3 Riċiklaġġ/riklamazzjoni ta’ sustanzi organiċi li mhumiex użati bħala solventi (inkluż il-bdil f’kompost u proċessi oħra ta’ trasformazzjoni bijoloġika) [...]

R 4 Riċiklaġġ/riklamazzjoni ta’ metalli u komposti tal-metalli

R 5 Riċiklaġġ/riklamazzjoni ta’ materjali inorganiċi oħra [...]

[…]

R 10 Trattament ta’ l-art li jirriżulta f’benefiċċju għall-agrikoltura jew f’titjib ekoloġiku

[…]”

Id-dritt Taljan

17

L-Artikolu 10(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 117/2008, tat-30 ta’ Mejju 2008, li jittrażponi d-Direttiva 2006/21 (GURI Nru 157, tas-7 ta’ Lulju 2008, p. 4) jipprovdi:

“Ir-radam ta’ spazji vojta u ta’ volumi li jirriżultaw mill-attività ta’ estrazzjoni permezz ta’ skart minnbarra l-iskart ta’ estrazzjoni kopert minn dan id-digriet huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36 tat-13 ta’ Jannar 2003, dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Fis-16 ta’ Marzu 2010, Edilizia Mastrodonato ressqet applikazzjoni għall-estensjoni ta’ barriera, li b’mod partikolari kienet tinkludi pjan għar-riabilitazzjoni ambjentali li jipprevedi ir-radam ta’ żoni preċedentement operati permezz ta’ 1200000 m3 ta’ skart kif ukoll ta’ skart ta’ estrazzjoni.

19

Fil-21 ta’ Settembru 2011, is-Servizio regionale Attività estrattive (servizz reġjonali “Attivitajiet ta’ estrazzjoni”) awtorizza l-estensjoni tal-barriera, bil-kundizzjoni li r-riabilitazzjoni maħsuba titwettaq skont il-kundizzjonijiet previsti fil-pjan approvati fl-istess ħin.

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li nħolqu diverġenzi bejn Edilizia Mastrodonato u l-provinċja ta’ Bari dwar il-proċedura li Edilizia Mastrodonato kellha ssegwi sabiex effettivament twettaq ir-radam ta’ żoni mħaffra minn qabel.

21

Fid-19 ta’ Jannar 2012, Edilizia Mastrodonato bagħtet lill-provinċja ta’ Bari komunikazzjoni ta’ bidu ta' attività, konformement mal-proċedura semplifikata applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ rkupru tal-iskart. Fil-15 ta’ Novembru 2012, il-kap tas-servizz tal-Polizia Provinciale - Protezione Civile e Ambiente (pulizija prvinċjali - protezzjoni ċivili u ambjent) tal-provinċja ta’ Bari irrifjuta li l-proġett ta’ Ediliza Mastrodonato jkun suġġett għal tali proċedura ssimplifikata, peress li l-imsemmi radam kien jikkostitwixxi, fir-realtà, proġett ta’ rimi ta’ skart speċjali inerti ta’ volum ta’ 1200000 m3 għar-rimi tagħhom f’landfill, li għandha tkun suġġetta għal proċedura normali ta’ awtorizzazzjoni, konformemnent mal-Artikolu 10(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 117/2008, li jittrażponi l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21.

22

Din id-deċiżjoni ġiet maqluba mit-Tribunale Amministrativo Regionale Puglia (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Puglia, l-Italja). Din il-qorti, fil-fatt, qieset li l-operazzjoni ta’ radam proġettata setgħet titwettaq skont proċedura ssimplifikata, minkejja l-formulazzjoni tal-Artikolu 10(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 117/2008. Skont din il-qorti, din id-dispożizzjoni għandha fil-fatt tiġi interpretata fid-dawl tal-iżviluppi fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-iskart. Issa, il-punt 15 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/98 juru li operazzjoni ta’ radam, anki permezz ta’ skart minbarra dak ta’ estrazzjoni, tista’ tikkonsisti mhux f’rimi, iżda fi rkupru ta’ skart li għalih id-dritt Taljan jippermetti l-użu tal-proċedura ssimplifikata.

23

Adit b’appell ippreżentat mill-provinċja ta’ Bari kontra d-deċiżjoni tat-Tribunale amministrativo regionale Puglia (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Puglia), il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) huwa msejjaħ sabiex jinterpreta l-Artikolu 10(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 117/2008 u, konsegwentement, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21. Huwa kkonstata li, kuntrarjament għat-Tribunale amministrativo regionale Puglia (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Puglia), il-provinċja ta’ Bari ssostni li, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa biss ir-radam li jitwettaq permezz ta’ skart ta’ estrazzjoni ma jikkostiwixxix rimi ta’ skart u jista’, għaldaqstant, ikun suġġett, fid-dritt Taljan, għal proċedura ssimplifikata.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ mili ta’ miżbla [radam ta’ landfill] – fil-każ ta’ użu ta’ skart li ma huwiex ġej minn estrazzjoni – għandha dejjem tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tad-Direttiva dwar il-landfills, anki fil-każ li ma hemmx operazzjonijiet ta’ rimi ta’ skart, iżda ta’ rkupru?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permess tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan ma għandux bħala effett li jissottometti r-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/31 għall-operazzjoni ta’ radam ta’ barriera minn skart ieħor minbarra dak ta’ estrazzjoni meta din l-operazzjoni tikkostitwixxi rkupru ta’ dan l-iskart.

26

Kif jipprovdi l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2006/21 tapplika għall-immaniġġar ta’ skart li jirriżulta mit-tfittix, l-estrazzjoni, it-trattament, mill-ħażna ta’ riżorsi minerali kif ukoll mill-qtugħ tal-barrieri.

27

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva huwa intitolat “Spazji imħaffra”. Il-paragrafu 1 jimponi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-operatur ikun qed jitfa’ l-iskart tal-estrazzjoni lura fl-ispazji imħaffra għal skopijiet ta’ riabilitazzjoni u kostruzzjoni, dan għandu jieħu ċerti miżuri. Għall-kuntrarju il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprevedi li d-Direttiva 1999/31/KE “għandha tibqa’ tapplika għall-iskart barra minn skart ta’ estrazzjoni użat għall-mili ta’ spazji imħaffra kif xieraq”.

28

Għandu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21 huma differenti dwar il-punt jekk l-iskart minbarra dak ta’ estrazzjoni neċessarjament jaqax taħt id-Direttiva 1999/31. Fil-fatt, għalkemm fil-verżjonijiet bil-Grieg, bil-Franċiż u bit-Taljan, b’mod partikolari, din id-dispożizzjoni tistipula li d-Direttiva 1999/31 tkompli tapplika għall-iskart minbarra dak ta’ estrazzjoni użat għal skopijiet ta’ radam, fil-verżjonijiet tagħha bil-Ġermaniż u bl-Ingliż, b'mod partikolari, l-istess dispożizzjoni tipprovdi li d-Direttiva 1999/31 tkompli, jekk ikun il-każ (“gegebenenfalls” u “as appropriate”), tapplikaw għal tali skart.

29

Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom fil-fatt jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Kødbranchens Fællesråd, C‑112/15, EU:C:2016:185, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan ir-rigward, u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 10(2) jispeċifika li d-Direttiva 1999/31 “tibqa’ applikabbli” għall-iskart minbarra dak ta’ estrazzjoni użat għal finijiet ta’ radam, li jippreżumi li r-radam ta’ spazju vojt ta’ tħaffir ma jaqax taħt id-Direttiva 1999/31 sa fejn jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

31

Issa, id-Direttiva 1999/31 tapplika biss għall-iskart mormi u mhux għal dak suġġett ta’ rkupru. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li hija tapplika għal kull rimi f’landfill, li huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(g) tal-imsemmija direttiva, bħala sit ta’ rimi ta’ skart għad-depożitu tiegħu fuq jew taħt l-art.

32

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2006/21, li hija li tirregola biss l-immaniġġar tal-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni, l-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva ma jistax ikun interpretat b’mod li jkollu l-konsegwenza li impliċitament jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/31, kif iddefinit b’mod ċar fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva.

33

Minn dan isegwi li l-iskart minbarra dak ta’ estrazzjoni jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/31 biss jekk ikun f’lanfdill sabiex jintrema u mhux jekk dan l-iskart ikunx suġġett għal irkuru. Huwa f’dan is-sens li għandu jiġi interpretat it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-użu fil-landfills ta’ skart inerti adattat għal xogħlijiet ta’ żvilupp mill-ġdid jew ta’ riabilitazzjoni jew ta’ radam jew għal finijiet ta’ kostruzzjoni.

34

Għaldaqstant, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma għandux bħala effett li jissottometti għar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/31 l-operazzjoni ta’ radam ta’ barriera minn skart ieħor minbarra dak ta’ estrazzjoni meta din tal-aħħar tikkostitwixxi operazzjoni mhux ta’ rimi iżda ta’ rkupru ta’ dan l-iskart.

35

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għad irid jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet l-operazzjoni tar-radam ta’ barriera minn skart ieħor minbarra dak ta’ estrazzjoni tista’ titqies bħala operazzjoni ta’ rkupru.

36

Peress li t-terminu “irkupru” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 1999/31, għandu jsir riferiment għad-definizzjoni ta’ “rkupru” kif tinsab fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98. Din id-direttiva, li ħassret, b’effett mit-12 ta’ Diċembru 2010, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9) u li t-terminu ta; traspożizzjoni tagħha kien jiskadi fl-istess data, hija applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża, peress li-komunikazzjoni ta’ bidu ta’ attività mibgħuta minn Edilizia Mastrodonato lill-provinċja ta’ Bari, skont il-proċedura ssimplifikata applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ rkupru tal-iskart, hija datata 19 ta’ Jannar 2012 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑209/04, EU:C:2006:195, punti 5657).

37

Issa, il-punt 15 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/98 jiddefinixxi b’mod partikolari l-“irkupru” tal-iskart bħala l-operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun li l-iskart meqjus iservi għal finijiet utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw sabiex jissodisfaw funzjoni partikolari. Il-premessa 19 tal-imsemmija direttiva għandha l-istess perspettiva meta tispeċifika li l-kunċett ta’ “irkupru” huwa distint, fil-livell tal-effetti ambjentali, mill-kunċett ta’ “rimi” permezz tas-sostituzzjoni tar-riżorsi naturali fl-ekonomija.

38

B’hekk, għandu jitqies li din id-definizzjoni tikkorrispondi għal dik żviluppata fil-ġurisprudenza tal-Qorti, li skontha l-karatteristika essenzjali ta’ operazzjoni ta’ rkupru ta’ skart hija li l-għan prinċipali tagħha huwa li l-iskart ikun jista’ jservi funzjoni utli, bħala sostituzzjoni għall-użu ta’ materjali oħra li kellhom jintużaw sabiex jissodisfaw dik il-funzjoni, u dan jippermetti l-preżervazzjoni rar-riżorsi naturali (sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, SAA, C‑6/00, EU C:2002:121, punt 69).

39

Minn dan isegwi li l-ekonomija tar-riżorsi naturali għandha tkun l-għan ewlieni tal-operazzjoni ta’ rkupru. Bil-maqlub, meta l-ekonomija tal-materja prima hija biss effett sekondarju ta’ operazzjoni li l-għan prinċipali tagħhom hija r-rimi ta’ skart, hija ma tikkontestax il-klassifikazzjoni ta’ din l-operazzjoni bħala operazzjoni ta’ rimi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑458/00, EU:C:2003: 94, punt 43).

40

F’dan ir-rigward, mill-punti 15 u 19 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jirriżulta li l-Annessi I u II ta’ din id-direttiva għandhom l-għan li jiġbru fil-qosor l-operazzjonijiet ta’ rimi u ta’ rkupru l-iktar komuni u mhux li jelenkaw b’mod eżawrjenti l-operazzjonijiet kollha ta’ rimi jew ta’ irkupru ta’ skart fis-sens tal-imsemmija direttiva.

41

Madankollu, kwalunkwe operazzjoni ta’ trattament ta’ skart għandha tista’ tiġi kklassifikata bħala “rimi” jew ta’ “irkupru” u, kif jirriżulta mill-punt 19 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, l-istess operazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata simultanjament bħala “rimi” u “irkupru”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta, bħal fil-kawża prinċipali, operazzjoni ta’ trattament ta’ skart ma tistax tintrabat ma’ waħda mill-operazzjonijiet jew kategoriji ta’ operazzjonijiet imsemmija fl-Annessi I u II ta’ din id-direttiva, fid-dawl biss tal-formulazzjoni tal-operazzjonijiet inkwistjoni, hemm lok li tiġi kklassifikata każ b’każ fid-dawl tal-għanijiet u tad-definizzjonijiet tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, ASA, C‑6/00, EU:C:2002:21, punti 62 sa 64).

42

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-provi rilevanti kollha tal-kawża prinċipali u meta tieħu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent segwit mid-Direttiva 2008/98, jekk l-operazzjoni ta’ radam tal-barriera inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex intiża prinċipalment sabiex tirkupra l-iskart minbarra dak ta’ estrazzjoni li huma maħsub sabiex jintuża waqt din l-operazzjoni ta’ radam.

43

Dan jista’ jikun il-każ jekk, minn naħa, ikun preżunt li r-radam ta’ din il-karriera seta’ jitwettaq anki fil-każ fejn tali skart ma kienx disponibbli u fejn kien, għaldaqstant, neċessarju li jintużaw materjali oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, ASA, C‑6/00, EU:C:2002:121, punt 69).

44

F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha tqis il-kundizzjonijiet tal-operazzjoni ta’ radam sabiex tiddetermina jekk din l-operazzjoni kellhiex titwettaq, anki fl-assenza ta’ skart minbarra dak ta’ estrazzjoni. B’hekk, pereżempju, il-fatt li l-operatur tal-barriera inkwistjoni fil-kawża prinċipali jakkwista dan l-iskart għal ħlas lill-produttur jew lid-detentur tiegħu jista’ jindika li l-operazzjoni inkwistjoni għandha bħala għan ewlieni l-irkupru tal-imsemmi skart (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑458/00, EU:C:2003:94, punt 44).

45

Barra minn hekk, ir-radam tal-barriera inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jitqies bħala operazzjoni ta’ rkupru biss jekk, skont it-tagħrif xjentifiku u tekniku l-iktar reċenti, l-iskart użat ikun adattat għal dan l-iskop.

46

Fil-fatt, l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98 jimponu fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji meħtieġa sabiex l-operazzjonijiet ta’ rkupru jiżvolġu fir-rispett tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, li jippreżumi li l-iskart jista’ jissostitwixxi materjali oħra taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ prekawzjoni għall-ambjent (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑283/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, EU:C:2008:763, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fir-rigward l-adegwatezza tal-użu tal-iskart minbarra dak ta’ estrazzjoni għar-radam tal-bnarriera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-tieni sar-raba’ inċiż tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 1999/31 jirriżulta li skart mhux inerti kif ukoll skart perikoluż ma huwiex adattat għax-xogħlijiet ta’ żvilupp jew ta’ riabilitazzjoni u ta’ radam jew għal finijiet ta’ kostruzzjoni. B’hekk, tali użu ta’ skart mhux inerti jew perikoluż ma jistax jitqies bħala rkupru u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

48

L-użu ta’ skart mhux xieraq sabiex jintradmu l-ispazji vojta ta’ tħaffir ta’ barriera jwassal għal effetti sinjifikattivi iktar negattivi għall-ambjent jekk l-operazzjoni tar-radam twettqet bl-użu ta’ materjali oħra. Issa, kif tfakkar il-premessa 19 tad-Direttiva 2008/98, ma huwiex possibbli li tikklassifika attività bħala operazzjoni ta’ rkupru jekk din il-klassifikazzjoni ma tirriflettix l-impatt ambjentali reali tal-operazzjoni, li għandha, skont il-ġerarkija tal-iskart, stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva, titjieb fil-każ ta’ rkupru fil-każ ta’ rimi ta’ skart.

49

Minħabba dak li ġie spjegat fil-punti 41 u 46 hawn fuq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverefika jekk, minn naħa, Edilizia Mastrodonato radmitx spazji miftuħa ta’ tħaffir tal-barriera li tappartjeni lilha anki kieku kellha tirrinunzja għal użu ta’ skart ieħor minbarra dak ta’ estrazzjoni sabiex tagħmel dan u jekk, min-naħa l-oħra, l-iskart li l-użu tiegħu huwa ppjanat huwiex adattat għal tali operazzjon ta’ radam. L-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala “rkupru” biss sakemm din tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

50

F’dan ir-rigward, mir-risposta tal-qorti nazzjonali għat-talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ta’ natura differenti ħafna u li probabbilment jinkludi skart mhux inerti jew skart perikoluż, li, kif ġie stabbilit fil-punt 47 ta' din is-sentenza, ma huwiex xieraq għal operazzjoni ta’ radam ta’ barriera. Madankollu hija l-qorti nazzjonali, li hija biss għandha l-kompetenza sabiex tevalwa l-fatti tat-tilwima, li għandha tiddetermina jekk il-proġett ta’ radam ta’ spazji vojta ta’ tħaffir tal-barriera li tappartjeni lil Edilizia Mastrodonato jissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma għandux bħala effett li jissuġġetta għar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/31 l-operazzjoni ta’ radam ta’ barriera bi skart minbarra dak ta’ estrazzjoni meta din l-operazzjoni tikkostitwixxi rkupru ta’ dan l-iskart, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma għandux bħala effett li jissuġġetta għar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsil 1999/31, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [f’landfill] l-operazzjoni ta’ radam ta’ barriera bi skart minbarra dik ta’ estrazzjoni meta din l-operazzjoni tikkostitwixxi rkupru ta’ dan l-iskart, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top