EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0145

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016.
K. Ruijssenaars et vs Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Raad van State.
Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 7 – Kumpens tal-passiġġieri f’każ ta’ tħassir jew dewmien ta’ titjira għal iktar minn tliet sigħat – Artikolu 16 – Organi nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tar-regolament – Ġurisdizzjoni – Adozzjoni ta’ miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ trasportatur bl-ajru sabiex iħallas il-kumpens dovut lil passiġġier.
Kawżi magħquda C-145/15 u C-146/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:187

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

17 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 7 — Kumpens tal-passiġġieri f’każ ta’ tħassir jew dewmien ta’ titjira għal iktar minn tliet sigħat — Artikolu 16 — Organi nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tar-regolament — Ġurisdizzjoni — Adozzjoni ta’ miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ trasportatur bl-ajru sabiex iħallas il-kumpens dovut lil passiġġier”

Fil-Kawżi magħquda C‑145/15 u C‑146/15,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Raad van State (Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Marzu 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2015, fil-proċeduri

K. Ruijssenaars,

A. Jansen (C‑145/15)

J. H. Dees-Erf (C‑146/15)

vs

Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Šváby (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Ruijssenaars, A. Jansen u J. H. Dees-Erf, minn M. Hoorntje, ġurista, u F. de Bray, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Gijzen u K. Bulterman, bħala aġenti,

għal Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, minn P. Eijsvoogel, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fl-ewwel waħda, K. Ruijssenaars u A. Jansen, u, t-tieni, bejn J.H. Dees-Erf u s-Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu (is-segretarju tal-Istat għall-infrastrutturi u għall-ambjent, iktar ’il quddiem is-“segretarju tal-Istat”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jadotta miżuri koerċittivi fil-konfront, rispettivament, ta’ Royal Air Maroc SA (iktar ’il quddiem “Royal Air Maroc”) u Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”) bil-għan li dawn l-aħħar imsemmija kumpanniji jiġu obbligati jħallsu l-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 minħabba d-dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat fil-wasla tat-titjiriet li huma kienu ħadu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 21 u 22 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[...]

(21)

Stati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għal vjolazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jassiguraw li dawn is-sanzjonijiet huma applikati. Dawk il-penali għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

(22)

Stati Membri għandhom jassiguraw u jissorveljaw ħarsien ġenerali mil-trasportaturi ta’ l-ajru tagħhom ma’ dan ir-Regolament u jinnominaw korp xieraq biex iwettaq dawn il-kompiti ta’ infurzar. Din is-sorveljanza m’għandhiex taffettwa d-drittijiet ta’ passiġġieri u trasportaturi ta’ l-ajru biex ifittxu rimedju legali minn qrati taħt proċeduri ta’ liġi nazzjonali.”

4

L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[...]”

5

L-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[...]”

6

L-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ksur tar-Regolament”, jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina organu responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruporti li jinstabu fit-territoju tiegħu u titjiriet minn pajjiż terz għal dawn l-ajruporti. Fejn xieraq, dan l-organu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li d-drittijiet ta’ passiġġieri huma mħarsa. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni ta’ l-organu li ġie nnominat skond dan il-paragrafu.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 12, kull passiġġier jista’ jagħmel ilment lil kwalunkwe organu nnominat taħt il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe organu kompetenti ieħor innominat minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament fi kwalunkwe ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jew fir-rigward ta’ kwalunkwe titjira minn pajjiż terz għal ajruport li jinstab f’dak it-territorju.

3.   Is-sanzjonijiet stabbiliti minn Stati Membri għal ksur ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u [dissważivi].”

Id-dritt Olandiż

7

L-eżekuzzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 hija żgurata, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet segwenti tal-liġi dwar l-avjazzjoni (Wet luchtvaart), tat-18 ta’ Ġunju 1992 (Stb.1992, Nru 368), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-avjazzjoni”).

8

Skont il-punt 1(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11.15 tal-liġi dwar l-avjazzjoni, is-segretarju tal-Istat, maħtur bħala responsabbli mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, huwa kompetenti sabiex jimponi, permezz ta’ ordni amministrattiv, l-obbligu li tinkiseb konformità mad-dispożizzjonijiet inklużi fir-Regolament Nru 261/2004 jew adottati skontu.

9

Skont il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tagħmel riferiment għax-xogħlijiet preparatorji tal-liġi dwar l-avjazzjoni, għalkemm din tal-aħħar tagħti lis-segretarju tal-Istat kompetenza ġenerali li jadotta miżuri koerċittivi fil-każ ta’ ksur tar-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari meta l-eżami tal-proċess ikun juri rifjut sistematiku tat-trasportatur bl-ajru li jissodisfa l-obbligi tiegħu naxxenti minn dan ir-regolament, l-istess liġi madankollu ma tippermettilux li jadotta miżuri koerċittivi fuq talba ta’ passiġġier f’kull każ individwali li fih trasportatur bl-ajru jirrifjuta li jaċċedi għal talba għal kumpens ibbażata fuq l-Artikoli 5(1)(ċ), u 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-kawża C-145/15

10

Wara l-annullament tat-titjira tagħhom minn Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) għal Casablanca (il-Marokk) prevista fit-8 ta’ April 2011, K. Ruijssenaars u A. Jansen talbu lil Royal Air Maroc il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

11

Affaċjati bir-rifjut tal-imsemmi trasportatur bl-ajru, huma talbu lis-segretarju tal-Istat, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2012, jadotta l-miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ Royal Air Maroc bil-għan li din tal-aħħar tiġi obbligata tirrimedja l-ksur tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 u li tħallashom il-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2012, is-segretarju tal-Istat ċaħad it-talba ta’ K. Ruijssenaars u A. Jansen. Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012, is-segretarju tal-Istat iddikjara bħala infondat l-ilment ifformulat minn dawn tal-aħħar fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni.

13

Għaldaqstant, K. Ruijssenaars u A. Jansen ippreżentaw rikors kontra din l-aħħar imsemmija deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Oost-Brabant (qorti ta’ Brabant Oriental) li ċaħditu permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2013.

14

K. Ruijssenaars u A. Jansen appellaw minn dik id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat).

15

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompetenza tas-segretarju tal-Istat li jadotta miżuri koerċittivi rikjesti mir-rikorrenti. Hija tikkunsidra li, għalkemm il-kompetenza ta’ dan tal-aħħar li jadotta miżuri koerċittivi fir-rigward tat-transportaturi bl-ajru li jirrifjutaw b’mod sistematiku li jissodisfaw l-obbligi tagħhom naxxenti mir-Regolament Nru 261/2004 hija stabbilita, dan ma jgħoddx għal miżuri koerċittivi adottati fuq talba tal-passiġġieri u li jikkonċernaw sitwazzjonijiet individwali ta’ ksur tal-Artikoli 5(1)(ċ) u 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

16

F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li r-relazzjoni bejn transportatur bl-ajru u passiġġier hija ta’ natura ċivili u li, f’każ li dan it-trasportatur bl-ajru jirrifjuta li jħallas il-kumpens lill-passiġġier, l-eżekuzzjoni tad-dritt għal kumpens titwettaq permezz tal-preżentata ta’ kawża ċivili quddiem qorti ċivili. Hija tirrileva wkoll li kieku s-segretarju tal-Istat jiġi fdat bl-adozzjoni ta’ miżuri koerċittivi fuq bażi individwali, li d-deċiżjonijiet tiegħu huma mistħarrġa mill-qrati amministrattivi, ikun hemm riskju li jiġi ppreġudikat it-tqassim tal-kompetenzi ġudizzjarji fil-Pajjiżi l-Baxxi f’każ ta’ kawża parallela quddiem il-qrati ċivili.

17

Barra minn hekk, l-inkompetenza tas-segretarju tal-Istat sabiex jadotta l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkonfermata mix-xogħlijiet parlamentari tal-liġi dwar l-avjazzjoni, li skonthom “ma huwiex kompitu tal-awtorità amministrattiva li titlob lit-trasportatur bl-ajru, kumpens f’isem il-passiġġieri”, kif ukoll mill-fatt li l-miżuri koerċittivi previsti mid-dritt Olandiż ma humiex ta’ natura, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn tal-aħħar mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat, li jiżguraw il-kumpens tal-passiġġieri.

18

Barra minn hekk, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) jirrileva li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 li huma rilevanti f’din il-kawża, huma direttament applikabbli u, għaldaqstant, jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali f’kawża bejn individwi, biex b’hekk jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-passiġġier.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State van België ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 [...], jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jadottaw miżuri ta’ eżekuzzjoni li jawtorizzaw lill-organu innominat abbażi tal-Artikolu 16 jieħu miżuri koerċittivi amministrattivi f’kull każ individwali ta’ ksur tal-Artikoli 5(1)(ċ) u 7 tar-Regolament, sabiex jiġi ggarantit id-dritt ta’ passiġġier li jingħata kumpens f’kull każ individwali, fid-dawl tal-fatt li d-dritt Olandiż jippermetti lill-passiġġieri jinvokaw quddiem il-qrati ċivili d-drittijiet li, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, huma jistgħu jisiltu mill-Artikoli 5(1)(ċ) u 7 tar-Regolament?”

Il-kawża C-146/15

20

Wara dewmien ta’ 26 siegħa tat-titjira tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2009 minn Curaçao (Antilli Olandiżi) lejn Amsterdam (Il-Pajjiżi l-Baxxi), J.H. Dees-Erf talbet lil KLM il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

21

Billi ffaċċjat ir-rifjut tal-imsemmi trasportatur bl-ajru, hija talbet lis-segretarju tal-Istat, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2012, li jadotta miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ KLM bil-għan li jobbliga lil din tal-aħħar tirrimedja l-ksur tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 u li tħallasha l-kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2012, is-segretarju tal-Istat ċaħad it-talba ta’ J.H. Dees-Erf. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2012, is-segretarju tal-Istat iddikjara l-ilment imressaq kontra dik id-deċiżjoni bħala infondat.

23

Għaldaqstant, J.H. Dees-Erf ippreżentat kawża kontra dan tal-aħħar quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-qorti ta’ Den Haag) li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2013.

24

J.H. Dees-Erf appellat minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat).

25

Għall-istess raġunijiet li ngħataw fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-145/15, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja identika għal dik magħmula f’dik il-kawża.

26

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 2015, il-Kawżi C‑145/15 u C‑146/15 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-organu nnominat minn kull Stat Membru skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li jirċievi lment individwali ta’ passiġġier wara r-rifjut ta’ trasportatur bl-ajru li jħallas lil dan tal-aħħar il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, huwiex obbligat li jadotta miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ dan it-trasportatur intiżi sabiex iġiegħlu lil dan tal-aħħar li jħallas dan il-kumpens.

28

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnominaw organu responsabbli mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li, fejn xieraq, għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-passiġġieri.

29

Mill-kliem tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004 meħud flimkien mal-premessa 22 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan tal-aħħar jimponi fuq l-organu previst minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-obbligu li jiżgura l-applikazzjoni ġenerali ta’ dan ir-regolament.

30

Peress li d-dispożizzjonijiet li jikkomponu l-imsemmi Artikolu 16 jifformaw assjem koerenti, jeħtieġ li l-Artikolu 16(2) u (3) tar-Regolament Nru 261/2004 jinqara bħala li jispeċifika l-aspetti differenti li jirriżultaw mill-kompitu li jinkombi lill-organu imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

31

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-ilmenti li l-organu jista’ jirċievi minn kull passiġġier, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 261/2004, dawn għandhom jitqiesu pjuttost li huma sinjali mmirati sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament b’mod ġenerali, peress li dan l-organu ma huwiex obbligat li jaġixxi fuq tali lmenti sabiex jiġi żgurat id-dritt ta’ kull passiġġier individwali għall-kisba tal-kumpens.

32

Sussegwentement, hemm lok li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “sanzjonijiet” inkluż fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 261/2004, meta dan il-paragrafu jinqara’ flimkien mal-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, bħala li jirreferi għall-miżuri adottati b’reazzjoni għall-ksur li l-organu jirrileva fl-eżerċizzju tas-sorveljanza ta’ natura ġenerali prevista fl-Artikolu 16(1), u mhux għall-miżuri koerċittivi amministrattivi li għandhom jiġu adottati f’kull każ individwali.

33

B’hekk, l-interpretazzjoni mogħtija lill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 fl-intier tiegħu ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-għanijiet segwiti minn dan ir-regolament, u, b’mod partikolari, dawk previsti fil-premessa 1 tal-imsemmi regolament, maħsuba sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u sabiex jittieħed kont sħiħ tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi b’mod ġenerali.

34

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 tippermetti wkoll, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-istess sitwazzjoni individwali, li tiġi mxejna kull diverġenza preġudevoli għad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru bejn, minn naħa, l-organi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004 abbażi tal-ipproċessar tal-ilmenti individwali indirizzati lihom u, min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali, aditi b’kawżi individwali għall-kisba tal-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

35

Barra minn hekk, din hija koerenti mal-artikulazzjoni tar-rwoli mogħtija rispettivament lill-organi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004 u lill-qrati nazzjonali li tirriżulta mit-tieni sentenza tal-premessa 22 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 51, kif ukoll Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 44).

36

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet kif ukoll tal-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri fl-għoti tal-kompetenzi li jkunu jixtiequ jagħtu lill-organi msemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 261/2004, imfakkra mill-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, bil-għan li jagħmlu tajjeb għall-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, li jawtorizzaw lill-organi msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament sabiex jadottaw miżuri li jsegwu l-ilmenti individwali.

37

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 18 ta’ din is-sentenza, fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tar-Regolament Nru 261/2004 huma applikabbli direttament u, konsegwentement, jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali f’kawża bejn individwi, biex b’hekk jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-passiġġieri bl-ajru.

38

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-organu nnominat minn kull Stat Membru skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, meta jirċievi ilment individwali ta’ passiġġier wara r-rifjut ta’ trasportatur bl-ajru li jħallsu l-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, ma huwiex obbligat li jadotta miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ dan it-trasportatur maħsuba sabiex iġiegħlu lil dan tal-aħħar iħallas dan il-kumpens.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-organu nnominat minn kull Stat Membru skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, meta jirċievi lment individwali ta’ passiġġier wara r-rifjut ta’ trasportatur bl-ajru li jħallsu l-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, ma huwiex obbligat li jadotta miżuri koerċittivi fil-konfront ta’ dan it-trasportatur maħsuba sabiex iġiegħlu lil dan tal-aħħar iħallas dan il-kumpens.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top