Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0144

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-3 ta’ Marzu 2016.
Staatssecretaris van Financiën vs Customs Support Holland BV.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 2304, 2308 u 2309 – Klassifikazzjoni ta’ konċentrat tal-proteina tas-soja.
Kawża C-144/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:133

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

3 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 2304, 2308 u 2309 — Klassifikazzjoni ta’ konċentrat tal-proteina tas-soja”

Fil-Kawża C‑144/15,

li għandha bħala suġġett tagħha talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën

vs

Customs Support Holland BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President ta’ Awla, C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Customs Support Holland BV, minn A. Jansen u J. Biermasz, advocaaten,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 2304, 2308 u 2309 tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 287, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (segretarjat tal-Istat għall-finanzi) u l-Customs Support Holland BV dwar il-klassifikazzjoni, fi ħdan in-NM, ta’ konċentrat tal-proteina tas-soja, ikkummerċjalizzat taħt l-isem “Imcosoy 62” u użat bħala ingredjent fl-għalf kompost għall-għoġġiela żgħar ħafna.

Il-kuntest ġuridiku

In-NM

3

Il-klassifikazzjoni doganali tal-oġġetti importati fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Il-klassifikazzjoni doganali tal-oġġetti importati fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM.

4

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazju doganali, kif din il-verżjoni tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. L-imsemmi Regolament għandu jiġi ppubblikat mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti prinċipali hija dik relattiva għas-sena 2010, li tirriżulta mir-Regolament Nru 948/2009.

5

L-ewwel parti tan-NM, marbuta mad-dispożizzjonijiet preliminari, tinkludi l-Kapitolu I, iddedikat għar-“Regoli ġenerali”, u t-Taqsima A tiegħu, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda”, tipprovdi b’mod partikolari:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

a)

it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ titli jew iżjed li kull wieħed minnhom jirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk t-titli għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk wieħed minnhom jagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

[…]”

6

It-tieni parti tan-NM tinkludi l-Kapitolu 23, intitolat “Fdal u skart mill-industrija tal-ikel; għalf tal-annimali ppreparat”, li jinkludi l-intestaturi 2304, 2308 u 2309.

7

L-intestatura 2304 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“2304 00 00Għalf tal-bhejjem (oilcake) u fdalijiet oħrajn solidi, kemm jekk mitħunin jew f’forma ta’ gerbub kif ukoll jekk le, li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta’ żejt tas-sojja.”

8

L-intestatura 2308 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“2308 00Materjali veġetali u skart veġetali, fdalijiet veġetali u prodotti li jirriżultaw minnhom, kemm f’forma ta’ gerbub kif ukoll jekk le, ta’ kwalità użata għal għalf ta’ annimali, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:

[...]

2308 00 90

[...]

‐ oħrajn:”

9

L-intestatura 2309 tan-NM hija fformulata kif ġej:

“2309

Preparazzjonijiet ta’ tip użat f’għalf ta’ l-annimali:

[...]

2309 90

[...]

‐ Oħrajn:

[...]

2309 90 31

‐ ‐ Oħrajn, inkluż taħlitiet lesti:

‐ ‐ ‐ Li fihom lamtu, glukows, ġulepp tal-glukows, maltodestrina jew ġulepp tal-maltodestrina ta’ subtitli 1702 30 50, 1702 30 90, 1702 40 90, 1702 90 50 u 2106 90 55 jew prodotti ta’ ħalib:

‐ ‐ ‐ ‐ Li fih lamtu, glukows, ġulepp tal-glukows, maltodestrina jew ġulepp tal-maltodestrina:

‐ ‐ ‐ ‐ ‐ Li ma fihx lamtu jew fih lamtu 10 % jew inqas bil-piż:

‐ ‐ ‐ ‐ ‐ ‐ Mingħajr prodotti ta’ ħalib jew fih inqas minn 10 % bil-piż minn dawn il-prodotti.”

10

Skont in-Nota 1 tal-Kapitolu 23 tan-NM, l-intestatura 2039 ta’ din tal-aħħar tinkludi “prodotti ta’ kwalità użata għal għalf tal-annimali, mhux speċifikati jew imsemmijin band’oħra, magħmulin bl-ipproċessar ta’ materjali veġetali jew annimali f’tali stat li jkunu tilfu l-karatteristiċi essenzjali tal-materjal oriġinali, ħlief skart veġetali, fdal veġetali u riżultati ta’ dan l-ipproċessar”.

In-noti ta ’ spjegazzjoni tas-sistema armonizzata ta ’ deżinjazzjoni u ta ’ kodifikazzjoni tal-oġġetti

11

Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni ta’ merkanziji (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tadotta l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA. Huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri li jifformaw sottodiviżjonijiet li japplikaw għaliha biss.

12

In-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA ġew elaborati fi ħdan l-ODD skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni.

13

In-nota ta’ spjegazzjoni li tirrigwarda l-intestatura 2304 tas-SA tipprovdi li:

“Din l-intestatura tinkludi l-għalf tal-bhejjem u fdalijiet oħrajn solidi li jirriżultaw mill-estrazzjoni, permezz ta’ ippressar, permezz ta’ solventi jew permezz ta’ ċentrifugazzjoni, taż-żejt li jinsan fil-żrieragħ tas-soja. Dawn il-fdalijiet jikkonstitwixxu għalf għall-bhejjem l-iktar preġjati.

[...]

Din l-intestatura teskludi:

[...]

b)

Il-konċentrati tal-proteini miksuba bl-eliminazzjoni ta’ ċerti kostitwenti ta’ dqieq tas-soja imnaddaf miż-żejt, maħsuba sabiex jiżdiedu ma’ preparazzjonijiet alimentari, u d-dqieq tal-fażola tas-soja minsuġ (Nru 21.06).”

14

In-nota ta’ spjegazzjoni dwar l-intestatura 2308 tas-SA tipprevedi:

“Bla ħsara għal xi intestatura oħra iktar speċifika tan-nomenklatura u li tkun speċifika għall-għalf tal-annimali, din l-intestatura tinkludi prodotti u fdalijiet veġetali kif ukoll residwi jew prodotti li jirriżultaw miksuba matul il-proċess industrijali ta’ ipproċessar ta’ materjali veġetali bil-ħsieb tal-estrazzjoni ta’ uħud mill-komponenti tagħhom.

[...]”

15

In-nota ta’ spjega li tirrigwarda l-intestatura 2309 tas-SA tipprovdi li:

“Din l-intestatura tinkludi l-preparazzjonijiet ta’ pjanti għall-għalf fil-forma ta’ għasel jew fiz-zokkor, kif ukoll preparazzjonijiet għall-ikel tal-annimali li tikkonsistu f’taħlita ta’ diversi elementi nutrittivi, maħsuba:

[...]

2)

jew li jikkompletaw ikel prodott fl-irziezet bl-użu ta’ ċerti sustanzoi organiċi jew inorganiċi (ikela li jikkumplementa);

3)

jew inkella li jidħlu fil-produzzjoni ta’ ikel komplut jew ikel li jikkumplementa.

[...]

B.- Il-preparazzjonijiet maħsuba sabiex jikkompletaw, billi jikkalibraw, l-ikek prodott fl-irziezet (ikel ’li jikkumplementa’)

Is-sustanzi prodotti fl-irziezet huma, b’mod ġenerali, pjuttost neqsin fil-qasam tal-proteini, fil-qasam tal-minerali jew tal-vitamini. Il-preparazzjonijiet maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għal dawn in-nuqqasijiet b’md li l-annimali jibbenefikaw minn alimentazzjoni ekwilibrata, huma komposti, minn naħa, minn dawn l-aħħar imsemmija materji u, min-naħa l-oħra, minn elementi li jikkumplementaw il-materji enerġetiċi (hydrocarbon), fejn dawn tal-aħħar iservu bħala appoġġ għal komponenti oħra tat-taħlita.

Minkejja li, fil-livell kwalitattiv, il-kompożizzjoni ta’ dawn il-preparazzjonijiet hija pjuttost analoga għal dawk tal-preparazzjonijiet previsti fil-paragrafu A, dawk huma madankollu differenti minn dawn tal-aħħar minħabba l-kontenut relattivament għoli ta’ wieħed jew l-ieħor mill-elementi nutrittivi inklużi fil-kompożizzjoni tagħhom.

[...]

C.- Il-preparazzjonijiet maħsuba li jidħlu fil-produzzjoni tal-ikel ‘komplut’ jew li ‘jikkumplementa’ deskritt fil-paragrafi A u B iktar ’il fuq

Dawn il-preparazzjonijiet, iddeżinjati kummerċjalment taħt l-isem ta’ taħlitiet minn qabel huma, b’mod ġenerali, kompożizzjonijiet ta’ natura kumplessa li jinkludu assjem ta’ elementi (li kultant jissejħu addittivi), li n-natura u l-proporzjonjiet tagħhom huma stabbiliti bil-ħsieb tal-produzzjoni żooteknika ddeterminata. [...]

Dan it-titolu ma jkoprix:

a)

il-prodotti agglometati (pellets) ikkostitwiti jew min materja waħda, jew minn taħlita ta’ materji iżda li taqa’ bħala tali taħt intestatura partikoalri, anki jekk magħquda b’xi element (għasel, materja amilaċejuża eċċ.) li ma jeċċedix 3 % tal-piż (Nri 07.14, 12.14, 23.01, b’mod partikolari).

[...]

d)

il-fdalijiet, residwi jew prodotti riżultanti veġetali tan-Nru 23.08.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Imcosoy 62 huwa konċentrat tal-proteina tas-soja miksub fi tmiem żewġ operazzjonijiet industrijali.

17

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, wara li tkun tneħħiet mill-qoxra tagħha, ġiet mgħaffġa u msajra, il-fażola tas-soja tiġi, fl-ewwel lok, suġġetta għal proċess ta’ estrazzjoni taż-żejt tagħha li fi tmiemu jifdal dak li jissejjaħ id-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja. Dan id-dqiq jiġi sussegwentement ipproċessat bl-ethanol u bl-ilma sabiex minnu jiġi estratt ix-xaħam rimanenti, sabiex jitnaqqas minnu l-kontenut tal-elementi li ma humiex proteini, prinċipalment il-karboidrati u l-fibri alimentari, u sabiex jitneħħew ċerti sustanzi noċivi. Il-konċentrat tal-proteina tas-soja b’hekk miksuba ma jkunx jinkludi traċċi tal-ethanol użat. Huwa jkun ikkostitwit, b’mod partikolari, minn proteini, fl-ammont ta’ 62 % tal-piż, u minn lamtu, fl-ammont mill-inqas ta’ 10 % tal-piż.

18

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, minħabba l-konċentrazzjoni għolja tiegħu f’karboidrati, id-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja, kull kif użat fl-għalf tal-annimali, ma jistax iservi bħala ingredjent fl-għalf kompost maħsub għall-għoġġiela żgħar ħafna. Għall-kuntrarju, il-konċentrat tal-proteina tas-soja, miksub mid-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja, jista’ jikkostitwixxi ingredjent fl-għalf kompost maħsub għall-għoġġiela żgħar ħafna, minħabba l-konċentrazzjoni mnaqqsa ta’ karboidrati u ta’ fibri alimentari.

19

Fis-7 ta’ Settembru 2010, fuq talba mressqa mill-Customs Support Holland BV, l-awtorità doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi pprovdiet informazzjoni tariffarja vinkolanti li tikklassifika l-Imcosoy 62 taħt l-intestatura 2309 90 31 tan-NM.

20

Fit-3 ta’ April 2012, ir-Rechtbank Haarlem (qorti ta’ Haarlem), adita bil-kawża ppreżentata mill-Customs Support Holland BV, iddikjarat ir-rikors fondat, billi kkunsidrat li l-Imcosoy 62 għandu jiġi kklassifikat taħt is-sub-intestatura 2304 00 00 tan-NM. L-awtorità doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi appellat minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam), li ddikjarat dan l-appell infondat. Għaldaqstant, l-iStaatssecretaris van Financiën ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenza tal-Gerechtshof Amsterdam.

21

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) ikkunsidrat, minn naħa, li l-intestatura 2304 tan-NM tkopri biss il-prodotti li jirriżultaw direttament mill-operazzjoni tal-estrazzjoni taż-żejt u qieset, min-naħa l-oħra, li, għalkemm id-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja jirriżulta direttament mill-proċess tal-estrazzjoni taż-żejt u għandu għalhekk jitqies li jaqa’ taħt l-intestatura 2304 tan-NM, għall-kuntrarju, it-trattament tad-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja bil-ħsieb li jinkiseb il-konċentrat tal-proteina tas-soja huwa intiż mhux sabiex jiġi estratt iż-żejt tas-soja, iżda sabiex jirrendi l-fdalijiet ta’ din l-estrazzjoni adatti għal użu partikolari fl-għalif tal-annimali. Minn dan hija ddeduċiet li l-konċentrat tal-proteina tas-soja huwa ttrasformat fi prodott ta’ natura differenti.

22

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li prodott jista’ jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2309 tan-NM biss jekk jirriżulta minn trasformazzjoni definittiva ta’ prodott, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti agglomerati, jew ta’ taħlit ta’ prodott ma’ prodotti oħrajn. Barra minn hekk, dan għandu jservi biss bħala għalf għall-annimali.

23

F’dan ir-rigward, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tirrileva li l-estrazzjoni ta’ karboidrati, ta’ fibri alimentari u ta’ sustanzi noċivi tad-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja tikkostitwixxi trasformazzjoni definittiva li tirrendi l-prodott b’hekk ittrasformat adatt għall-użu bħala ingredjent f’għalf kompost għall-għoġġiela żgħar ħafna. Madankollu, hija tenfasizza li, skont in-nota ta’ spjegazzjoni marbuta mal-intestatura 2309 tas-SA, din l-intestatura ma tistax tapplika għal prodott ikkostitwit minn materja waħda jew minn taħlita ta’ materji li taqa’ bħala tali taħt intestatura partikolari, u lanqas għall-prodotti li jirriżultaw imsemmija fl-intestatura 2308 tas-SA. Għaldaqstant, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) ma teskludix li l-konċentrat tal-proteina tas-soja, li jikkonsisti fid-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja li minnu jkunu ġew estratti ċerti elementi partikolari, jaqa’ taħt l-intestatura 2309 tan-NM.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-intestatura 2304 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-‘NM’) għandha tiġi interpretata fis-sens li din l-intestatura tariffarja tkopri wkoll konċentrat tal-proteina tas-sojja li huwa miksub wara l-eliminazzjoni mill-fdalijiet solidi tal-estrazzjoni ta’ żejt miż-żerriegħa tas-sojja (imsejħa tqiq tas-sojja) ta’ xaħmijiet, karboidrati (jew fibra tal-għalf) u sustanzi noċivi li jippersistu [u] li, permezz ta’ din l-estrazzjoni, isir tajjeb għall-użu bħala ingredjent għal għalf kompost għal għoġġiela żgħar ħafna?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, konċentrat tal-proteina tas-sojja, miksub bil-mod deskritt fl-ewwel domanda, jaqa’ taħt l-intestatura 2308 jew l-intestatura 2309 tan-NM?”

Fuq id-domandi preliminari

25

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li konċentrat tal-proteina tas-soja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt l-intestatura 2304, 2308 jew 2309 ta’ din in-nomenklatura.

26

Bil-għan li tirrispondi d-domandi magħmula, għandu, minn naħa, jiġi enfasizzat li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprevedu li l-klassifikazzjoni tal-merkanziji għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet u l-kapitoli, filwaqt li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-sub-kapitoli jitqies li għandu biss valur indikattiv (ara s-sentenzi Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 33, u Baby Dan, C-272/14, EU:C:2015:388, punt 25).

27

Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Proxxon, C-500/04, EU:C:2006:111, punt 21, kif ukoll Vario Tek, C-178/14, EU:C:2015:152, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward tan-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA, għandu jingħad ukoll li, minkejja l-fatt li dawn ma għandhomx saħħa vinkolanti, dawn jikkostitwixxu strumenti importanti għall-finijiet li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi ta’ valur għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kloosterboer Services, C‑173/08, EU:C:2009:382, punt 25, u Agroferm, C-568/11, EU:C:2013:407, punt 28). Madankollu, dawn ma jistgħux jemendaw il-kontenut tan-noti tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Duval, C-44/15, EU:C:2015:783, punt 24).

29

Sussegwentement, l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ wkoll jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (sentenzi Swiss Caps, C‑410/08 sa C-412/08, EU:C:2009:794, punt 29, u Agroferm, C-568/11, EU:C:2013:407, punt 41).

30

F’dan il-każ, fir-rigward tal-intestatura 2308 tan-NM, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem tagħha, din tal-aħħar hija intestatura residwali. Għaldaqstant, jeħtieġ, fid-dawl tar-regola ġenerali 3 a) għall-interpretazzjoni tan-NM, li jiġi eżaminat, preliminarjament, jekk prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jaqa’ taħt l-intestaturi 2304 jew 2309 tan-NM.

31

Fir-rigward tal-intestatura 2304 tan-NM, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-Imcosoy 62 ma jikkostitwixxix fdalijiet, fis-sens tal-intestatura 2304 tan-NM, tal-operazzjoni li permezz tagħha ż-żejt jiġi estratt mill-fażola tas-soja, iżda dderivat minn dawn il-fdalijiet, miksub wara proċess separat u ulterjuri, speċjalment implementat bil-għan li jiġi prodott dan il-konċentrat tal-proteina u li matulu titneħħa parti mill-elementi li jikkostitwixxu d-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja.

32

Barra minn hekk, in-nota ta’ spjegazzjoni marbuta mal-intestatura 2304 tas-SA tispeċifika li huma esklużi b’mod partikolari minn din l-intestatura, il-konċentrati tal-proteini miksuba bl-eliminazzjoni ta’ ċerti elementi li jikkostitwixxu d-dqiq tas-soja li minnhom ikun tneħħa ż-żejt, maħsuba sabiex jiżdiedu ma’ preparazzjonijiet tal-ikel.

33

Issa, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Imcosoy 62 huwa konċentrat tal-proteina, maħsub sabiex jintuża bħala ingredjent fl-għalf għall‑għoġġiela żgħar ħafna u li dan il-prodott jinkiseb mid-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja, wara proċess li permezz tiegħu, minn naħa, jitneħħew xaħam rimanenti ta’ dan id-dqiq u ċerti sustanzi noċivi u, min-naħa l-oħra, jitnaqqas il-kontenut ta’ elementi li ma humiex proteini. Isegwi li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi konċentrat ta’ proteini li jinkiseb bl-eliminazzjoni ta’ ċerti elementi li jikkostitwixxu d-dqiq tas-soja u li huwa intiż li jiżdied ma’ preparazzjonijiet tal-ikel.

34

Fit-tieni lok, id-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja, li minnu jinkiseb l-Imcosoy 62, għandu jitqies li huwa prodott imnaddaf miż-żejt, anki jekk jista’ jiġi nnotat li għad fih preżenza minima ta’ żejt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fancon, 129/81, EU:C:1982:91, punti 1014).

35

Isegwi li konċentrat tal-proteina bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li jaqa’ taħt l-intestatura 2304 tan-NM.

36

Fir-rigward tal-intestatura 2309 tan-NM, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “preparazzjoni” fis-sens ta’ din l-intestatura, għandha tfisser jew it-trasformazzjoni ta’ prodott, jew taħlita ma’ prodotti oħrajn. Sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt l-intestatura 2309 tan-NM, il-prodott inkwistjoni għandu addizzjonalment, minn naħa, ikun tajjeb biss bħala għalf għall-annimali u, min-naħa l-oħra, ikun għadda minn trasformazzjoni definittiva jew jirriżulta f’taħlita ta’ materji differenti (ara, b’analoġija fir-rigward tal-intestatura 2307 tat-tariffa doganali komuni tal-1965, li tippreċedi l-intestatura 2309 tan-NM, is-sentenzi Henck, 36/71, EU:C:1972:25, punti 412, kif ukoll van de Poll,38/72, EU:C:1972:127, punt 5).

37

Mid-deskrizzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Imcosoy 62 huwa prodott li għadda minn trasformazzjoni definittiva u li huwa tajjeb biss bħala għalf għall-annimali.

38

Barra minn hekk, min-Nota 1 tal-Kapitolu 23 tan-NM jirriżulta li l-intestatura 2309 ta’ din tal-aħħar tinkludi l-prodotti ta’ tipi użati għal għalf tal-annimali, mhux speċifikati jew imsemmijin band’oħra, magħmulin bl-ipproċessar ta’ materjali veġetali jew annimali f’tali stat li jkunu tilfu l-karatteristiċi essenzjali tal-materjal oriġinali, ħlief skart veġetali, fdal veġetali u riżultati ta’ dan l-ipproċessar.

39

Issa, huwa stabbilit li l-Imcosoy 62 huwa prodott li jirriżulta minn materja veġetali, jiġifieri d-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja. Barra minn hekk, dan ma jistax jiġi assimilat ma’ skart, ma’ fdal jew prodott li jirriżulta minn proċess li għalih jiġi suġġett id-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja, peress li l-kisba ta’ dan il-prodott tikkostitwixxi l-għan proprju ta’ l-imsemmi proċess.

40

Sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt l-intestatura 2309 tan-NM, konċentrat tal-proteina tas-soja bħall-Imcosoy 62 għandu addizzjonalment jirriżulta minn proċess li jkun wassal sabiex jintilfu l-karatteristiċi essenzjali tiegħu għall-materja veġetali li minnu huwa dderivat.

41

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċess ta’ trasformazzjoni tad-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja, li minnu jirriżulta l-Imcosoy 62, isegwi għan żootekniku ddeterminat peress li huwa maħsub li joħloq konċentrat tal-proteina li jista’ jittiekel mill-għoġġiela żgħar ħafna, b’differenza mid-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja. B’hekk, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ tali prodott u, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis intenzjonat ta’ ċerti komponenti tad-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja bil-għan li dan il-prodott isir adatt sabiex jintegra l-għalf ta’ ċertu tip ta’ annimal, jippermettu li jiġi kkunsidrat li dan il-prodott jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2309 tan-NM.

42

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata min-nota ta’ spjegazzjoni marbuta mal-intestatura 2309 tas-SA li skontha din l-intestatura tkopri speċifikament il-preparazzjonijiet maħsuba sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqas ta’ proteini fl-għalf bażiku tal-annimali.

43

Fl-aħħar, in-NM ma tinkludix intestatura iktar speċifika li tista’ tiġi kklassifikata taħtha preparazzjoni miksuba, bħall-Imcosoy 62, mid-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja u intiża biss għall-għalf tal-annimali.

44

Isegwi li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2309 tan-NM.

45

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata min-nota ta’ spjegazzjoni marbuta mal-intestatura 2309 tas-SA li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, teskludi b’mod partikolari minn din l-intestatura, minn naħa, il-prodotti agglomerati kkostitwiti jew minn materja waħda, jew minn taħlita ta’ materji, iżda li jaqgħu bħala tali taħt intestatura determinata, u, min-naħa l-oħra, il-fdalijiet, ir-residwi u prodotti veġetali li jirriżultaw imsemmija fl-intestatura 2308 tas-SA.

46

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-esklużjoni, permezz tal-imsemmija nota ta’ spjegazzjoni, tal-prodotti agglomerati kkostitwiti jew minn materja waħda jew minn taħlita ta’ materji li jaqgħu bħala tali taħt intestatura tariffarja ddeterminata, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Imcosoy 62 huwa kompost, b’mod partikolari, minn proteini u minn amidon, b’tali mod li dan il-prodott ma jistax jitqies li huwa prodott agglomerat ikkostitwit minn materja waħda. L-Imcosoy 62 lanqas ma jista’ jiġi kklassifikat bħala prodott agglomerat ikkostitwit minn taħlita ta’ materji li jaqa’ bħala tali taħt intestatura determinata. Ċertament, dan il-prodott huwa dderivat mid-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja, li jaqa’, bħala tali, taħt l-intestatura 2304 tan-NM (sentenza Fancon, 129/81, EU:C:1982:91, punt 15). Madankollu, dan il-prodott idderivat ma jinkludix il-komponenti kollha tad-dqiq tal-estrazzjoni tas-soja u ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2304 tan-NM, għar-raġunijiet esposti fil-punti 31 sa 35 ta’ din is-sentenza.

47

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-esklużjoni permezz tal-istess nota ta’ spjegazzjoni tal-fdalijiet, residwi u prodotti veġetali li jirriżultaw imsemmija fl-intestatura 2308 tas-SA, hemm lok li jiġi rrilevat li n-noti ta’ spjegazzjoni tas-SA ma humiex vinkolanti b’differenza min-nota 1 tal-Kapitolu 23 tan-NM, li teskludi mill-intestatura 2309 tan-NM, il-fdalijiet veġetali, ir-residwi u l-prodotti veġetali li jirriżultaw mill-ipproċessar maħsub sabiex jiġi mmanifatturat il-prodott taħt din l-intestatura. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, konċentrat tal-proteina, bħall-Imcosoy 62, ma jistax jintlaqat minn tali esklużjoni.

48

Barra minn hekk, in-natura residwali tal-intestatura 2308 tas-SA tipprekludi li prodott li jikkorrispondi b’mod sħiħ għall-intestatura iktar preċiża tas-SA u tan-NM, bħal fil-każ tal-Imcosoy 62 inkonnessjoni mal-intestatura 2309 tan-NM, fid-dawl b’mod partikolari tal-użu esklużiv tiegħu għall-għalf tal-annimali, jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 2308 tan-NM.

49

Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li konċentrat tal-proteina tas-soja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt l-intestatura 2309 ta’ din in-nomenklatura.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li konċentrat tal-proteina tas-soja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt l-intestatura 2309 ta’ din in-nomenklatura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top