Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0084

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016.
Sonos Europe BV vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura magħquda – Intestaturi 8517, 8518, 8519, 8527 u 8543 – Tagħmir awtonomu maħsub sabiex jiġbor, jirċievi u jirriproduċi streaming ta’ fajls awdjo-diġitali fil-forma ta’ ħoss amplifikat.
Kawża C-84/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:184

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

17 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 8517, 8518, 8519, 8527 u 8543 — Tagħmir awtonomu maħsub sabiex jiġbor, jirċievi u jirriproduċi streaming ta’ fajls awdjodiġitali fil-forma ta’ ħoss amplifikat”

Fil-Kawża C‑84/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Sonos Europe BV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sonos Europe BV, minn N. Ooyevaar kif ukoll minn W. Schipper u H. Ooyevaar, adviseurs, assistiti minn T. Lyons, QC, u minn J. Wolfs, avukat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Gijzen u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 8517, 8518, 8519, 8527 u 8543 tan-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta suċċessivament mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad‑19 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 291, p. 1), u Nru 948/2009, tat‑30 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 287, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sonos Europe BV (iktar ’il quddiem “Sonos Europe”) u Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, iktar ’il quddiem l-“awtorità tad-dwana”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tagħmir awtonomu, imsejjaħ “SONOS Zone Player zps5”, maħsub sabiex jiġbor, jirċievi u jirriproduċi streaming ta’ fajls awdjodiġitali fil-forma ta’ ħoss amplifikat (iktar ’il quddiem iż-“Zoneplayers”).

Il-kuntest ġuridiku

Is-SA

3

Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll li jemendaha, tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti timpenja ruħha li tiżgura li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet u mingħajr bidliet, kif ukoll il-kodiċi diġitali relatati magħhom u li ssegwi s-sekwenza numerika tas-SA. Kull parti kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tas-sezzjonijiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma temendax il-portata ta’ dawn tal-aħħar.

5

L-ODD għandha tapprova, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA.

6

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8517 ta’ din is-sistema huma redatti kif ġej:

“Din l-intestatura tkopri t-tagħmir ta’ komunikazzjoni għat-trażmissjoni jew ir-riċezzjoni ta’ kliem jew ta’ ħsejjes oħra, ta’ immaġini jew ta’ data, bejn żewġ punti, permezz ta’ kurrent elettriku jew ta’ mewġ ottiku li jiċċirkola f’medium bil-wajer jew permezz ta’ mewġ elettromagnetiku f’netwerk mingħajr wajer. Is-sinjal jista’ jkun analoġiku jew diġitali. Fost dawn in-netwerks, li jistgħu jitqabbdu flimkien, wieħed jista’ jsemmi t-telefonija, it-telegrafija, ir-radjo-telefonija, ir-radjotelegrafija, in-netwerks lokali jew in-netwerks estiżi.

[...]

Ippreżentati separatament, il-mikrofoni, il-headphones, is-settijiet tat-telefon u l-loudspeakers jaqgħu taħt in-Nru 85.18; l-allarms ta’ twissija akustika huma kklassifikati fin-Nru 85.31.

L-apparat tal-utent jista’ jintegra jew ikollu: memorja li tippermetti li jiġu kkonservati u mfakkra n-numri tat-telefon; display li juri n-numru ddajljat, in-numru tal-persuna li qiegħda ċċempel, id-data u l-ħin tat-telefonata kif ukoll it-tul tagħha; loudspeaker u mikrofonu addizzjonali li jippermettu komunikazzjoni mingħajr il-handset; funzjonijiet awtomatiċi ta’ tweġiba għat-telefonati, ta’ trażmissjoni ta’ messaġġ irreġistrat, ta’ reġistrazzjoni ta’ messaġġi li jidħlu u ta’ smigħ fuq talba tal-messaġġi rreġistrati; funzjonijiet sabiex persuna tinżamm fuq il-linja filwaqt li wieħed jikkomunika ma’ persuna oħra, fuq telefon ieħor. L-apparat tal-utent li jinkorpora dawn il-funzjonijiet jista’ jkollu wkoll xi buttuni li jippermettulhom jiffunzjonaw, bħal pereżempju buttuna ta’ tweġiba li permezz tagħha t-telefon jista’ jiffunzjona anki jekk il-handset jibqa’ fuq l-iswitch bracket. Numru minn dawn il-funzjonijiet jużaw mikro-proċessatur jew ċirkwiti integrali diġitali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8518 ta’ din is-sistema:

“Din l-intestatura tkopri l-mikrofoni, il-loudspeakers, l-earphones u l-amplifikaturi ta’ awdjofrekwenza tal-elettriku ta’ kull tip, ippreżentati b’mod separat, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu partikolari li dan it-tagħmir huwa maħsub għalih (mikrofoni u earphones għal tagħmir telefoniku u loudspeakers għal settijiet tar-radju, pereżempju).

Huma kklassifikati wkoll hawnhekk is-settijiet tal-elettriku ta’ amplifikazzjoni tal-ħoss.

[...]

B. Loudspeakers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le

Il-loudspeakers għandhom funzjoni opposta għal dik tal-mikrofoni. Dan huwa tagħmir li jirriproduċi l-ħoss billi jittrasforma impulsjonijiet jew oxxillazzjonijiet elettriċi ta’ amplifikatur f’vibrazzjonijiet mekkaniċi u jxandarhom billi jikkomunika dawn il-vibrazzjonijiet fl-arja.

Ġeneralment issir distinzjoni:

[...]

Adapter transformers u amplifikaturi huma kultant inkorporati fil-loudspeakers. Ġeneralment, is-sinjali elettriċi ta’ dħul riċevuti mil-loudspeakers huma trażmessi f’forma analoġika anki jekk, kultant, is-sinjal ta’ dħul jista’ jkun diġitali. F’dan il-każ, il-loudspeakers jintegraw konvertituri diġitali-analoġiċi u amplifikaturi li l-vibrazzjonijiet mekkaniċi tagħhom huma kkomunikati fl-arja.

Skont l-użu li għalih huma intiżi, il-loudspeakers jistgħu jiġu mmuntati f’kaxex jew f’kontenituri ta’ forom differenti, ġeneralment b’effett akustiku, li jistgħu saħansitra jikkonsistu f’artikoli tal-għamara. Tali oġġetti jibqgħu kklassifikati hawnhekk sa kemm il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizzahom tkun dik ta’ loudspeaker. Kaxex u kontenituri li huma ppreżentati b’mod separat jaqgħu wkoll taħt din l-intestatura sakemm ikunu rrikonoxxuti bħala li ġew prinċipalment maħluqa għall-immuntar ta’ loudspeakers, ħlief il-każ, ovvjament, fejn dawn huma mobbli fis-sens tal-Kapitolu 94, sempliċement maħluqa biex jakkomodaw, minbarra l-użu normali tagħhom, loudspeaker.

Din l-intestatura tinkludi l-loudspeakers maħluqa biex jiġu konnessi ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, meta dawn jiġu ppreżentati b’mod separat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

In-noti ta’ spjega tas-SA għall-intestatura 8519 ta’ din is-sistema jipprevedu:

“Din l-intestatura tkopri l-istrumenti li jirrekordjaw jew li jirriproduċu l-ħoss u l-kombinazzjoni tagħhom. Ġeneralment, il-ħoss huwa rreġistrat fuq, jew riprodott permezz ta’, memorja interna jew medium (strixxa manjetika, medium ottiku, medium semikonduttur jew medium ieħor tan-Nru 85.23).

Strumenti li jirrekordjaw il-ħoss ibiddlu mezz ta’ reġistrazzjoni sabiex it-tagħmir ta’ riproduzzjoni tal-ħoss ikun jista’ sussegwentement jirriproduċi l-ħoss oriġinali (kliem, mużika, eċċ.). Il-fenomenu ta’ reġistrazzjoni jinkludi r-reġistrazzjoni bbażata fuq ir-riċezzjoni ta’ ħoss jew permezz ta’ metodi oħra, bħat-tniżżil ta’ fajls bil-ħoss, permezz ta’ magna awtomatika li tipproċessa l-informazzjoni, minn sit tal-internet jew minn CDs fil-memorja interna (pereżempju, memorja flash) ta’ tagħmir awdjodiġitali (pereżempju, MP3-player). Il-funzjonijiet li jirreġistraw il-ħoss fil-forma ta’ kodiċi diġitali ġeneralment ma humiex kapaċi jirriproduċu l-ħoss, sakemm ma jinkorporawx mezz ta’ kif jikkonvertu l-kodiċi diġitali f’sinjal analoġiku.

[...]

IV. Tagħmir ieħor li juża mediums magnetiċi, ottiċi jew semikondutturi

It-tagħmir ta’ dan il-grupp jista’ jkun portabbli. Huwa jista’ jkollu wkoll apparati akustiċi (loudspeakers, earphones, headphones) u amplifikatur tal-elettriku jew ikun maħsub biex jitqabbad magħhom.

[...]

Ċ) Tagħmir li juża medium semikonduttur

Dan il-grupp jinkludi t-tagħmir li juża mediums semikondutturi (pereżempju, mezzi ta’ ħażna volatili). Il-ħoss huwa rreġistrat fil-forma ta’ kodiċi diġitali ttrasformata permezz ta’ kurrenti amplifikati ta’ intensità varjabbli (sinjal analoġiku) fuq il-medium ta’ reġistrazzjoni. Il-ħoss huwa riprodott billi jinqara tali medium. Il-medium semikonduttur jista’ jiġi installat fit-tagħmir b’mod permanenti jew fil-forma ta’ medium ta’ memorja volatili ta’ data li tista’ titneħħa. Bħala eżempji ta’ tagħmir ta’ dan it-tip, wieħed jista’ jsemmi flash audio players (ċerti MP3-players, pereżempju) li huma tagħmir portabbli li jaħdem bil-batterija, kompost essenzjalment minn qoxra b’memorja flash (interna jew li tista’ titneħħa), mikro-proċessatur, sistema elettronika li tinkludi amplifikatur ta’ awdjofrekwenza elettriku, display LCD u xi command keys. Il-mikro-proċessatur huwa pprogrammat sabiex juża fajls ta’ format MP3, jew ta’ format simili. It-tagħmir jista’ jitqabbad ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar tad-data sabiex jitniżżlu fajls ta’ format MP3 jew ta’ format simili.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8543 ta’ din is-sistema huma redatti kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi, sakemm ma jkunux esklużi min-noti tat-taqsima jew ta’ dan il-kapitolu, il-magni u tagħmir elettroniku kollu li la huma msemmija jew inklużi f’intestaturi oħra tal-kapitolu, u lanqas ma huma koperti b’mod iktar speċifiku minn intestatura oħra f’kapitolu ieħor (b’mod partikolari l-Kapitoli 84 jew 90).

Għandu jitqies bħala magni jew tagħmir fis-sens ta’ din l-intestatura, it-tagħmir elettroniku li għandu funzjoni individwali. Id-dispożizzjonijiet tan-nota ta’ spjega tan-Nru 84.79 dwar il-magni u t-tagħmir li għandhom funzjoni individwali, huma applikabbli mutatis mutandis għall-magni u għat-tagħmir ta’ din l-intestatura.

Dawn huma, fil-maġġoranza tagħhom, assjem ta’ tagħmir tal-elettriku elementari (lampi, transformaturi, kondensaturi, inductors, reżistenzi, eċċ) li jiżguraw il-funzjoni tagħhom bl-elettriku biss. Huwa madankollu inkluż hawnhekk it-tagħmir tal-elettriku li għandu sistema mekkanika, sakemm dawn is-sistemi jkollhom rwol sekondarju biss meta mqabbla ma’ dak tal-partijiet tal-elettriku tal-magna jew tat-tagħmir.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In-NM

10

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA.

11

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazji doganali, kif din il-verżjoni tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

12

Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħew matul is-snin 2009 u 2010, huma dawk li jirriżultaw suċċessivament mir-Regolamenti Nri 1031/2008 u 948/2009.

13

L-Ewwel Parti tan-NM fiha numru ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Titolu I, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tistipula:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

14

It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana” tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima XVI li n-nota 3 tagħha tipprevedi:

“Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.”

15

Il-Kapitolu 85 tan-NM, li jinsab f’din it-Taqsima XVI, għandu t-titolu “Makkinarju u tagħmir elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Dan il-kapitolu jinkludi l-intestaturi tariffarji li ġejjin:

“8517

Settijiet tat-telefown, inklużi telefowns għan-netwerks ċellulari jew għal netwerks oħra bla wajers; tagħmir ieħor għat-trasmissjoni jew riċezzjoni ta’ vuċi, immaġni jew data oħra, inkluż tagħmir għal komunikazzjoni f’netwerk ikkollegat bil-wajer jew bla wajers (bħal netwerk ta’ żona lokali jew ta’ żona wiesgħa), minbarra tagħmir ta’ trasmissjoni jew ta’ riċezzjoni ta’ titlu 8443, 8525, 8527 jew 8528;

 

– Settijiet tat-telefown, inklużi telefowns għal netwerks ċellulari jew għal netwerks oħra bla wajer;

[...]

[...]

8517 18 00

[...]

 

– Tagħmir għat-trasmissjoni jew riċezzjoni ta’ vuċi, immaġni jew forom ta’ data oħra, inkluż tagħmir għal komunikazzjoni f’netwerk ikkollegat bil-wajer jew bla wajer (bħal netwerk ta’ żona lokali jew ta’ żona wiesgħa);

8517 61 00

Stazzjonijiet bażi

8517 62 00

Magni għar-riċezzjoni, konverżjoni u trasmissjoni jew riġenerazzjoni ta’ vuċi, immaġini jew data oħra, inkluż tagħmir għall-qlib tal-linji u routing

8517 69

Oħrajn:

[...]

[...]

8518

Mikrofoni u stands għalihom; lawdspikers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le; headphones u earphones, kombinati ma’ mikrofonu jew le, u settijiet magħmulin minn mikrofonu u lawdspiker wieħed jew aktar; amplifikaturi ta’ awdjofrekwenza ta’ l-elettriku; settijiet ta’ amplifikaturi ta’ ħoss-elettriku:

[...]

[...]

8519

Tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni tal-ħoss:

8519 20

Tagħmir li jitħaddem bil-muniti, karti tal-flus, kards tal-bank, towkins jew metodi oħra ta’ ħlas:

[...]

[...]

8519 30 00

Turntable (record-decks)

8519 50 00

Magni li jwieġbu t-telefown

 

Tagħmir ieħor:

8519 81

Li juża mezzi manjetiċi, ottiċi, jew ta’ semikondutturi:

[...]

[...]

8519 89

Oħrajn:

 

– – – Apparat għar-riproduzzjoni tal-ħoss, li ma jinkorporax mezz għal rekordjar tal-ħoss:

[...]

[...]

8519 89 19

– – – Oħrajn

[...]

[...]

8527

Tagħmir ta’ riċezzjoni għax-xandir bir-radju, kemm jekk huwa kkumbinat u kemm jekk mhuwiex, fl-istess kaxxa (housing), ma tagħmir għar-rekordjar jew riproduzzjoni jew arloġġ

[...]

[...]

8543

Magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-kapitlu”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Matul il-perijodu bejn is‑7 ta’ Diċembru 2009 u l‑4 ta’ Jannar 2010, Sonos Europe ippreżentat disa’ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għal xi Zoneplayers.

17

Dan it-tagħmir jikkonsisti f’kaxxa li fiha hemm integrati ħames loudspeakers li kull wieħed minnhom għandu amplifikatur diġitali. Il-kaxxa hija mgħammra b’ buttuni sabiex jiġi rregolat il-ħoss (“bla ħoss” u “volum”), konnessjoni għal headphones, input għall-awdjo, żewġ portijiet tan-netwerk u konnessjoni għall-enerġija (power supply) tat-tagħmir. Barra minn hekk, iż-Zoneplayer għandu motherboard li għandha b’mod partikolari proċessatur. Is-softwer installat fil-motherboard jinkludi b’mod partikolari s-sistema operattiva Linux, li tista’ tiġi aġġornata permezz ta’ konnessjoni mal-internet.

18

Sabiex tiġi stabbilita tali konnessjoni, iż-Zoneplayer għandu jitqabbad ma’ modem jew ma’ router permezz ta’ kejbil “Ethernet”. Ladarba jkun imqabbad mal-internet, iż-Zoneplayer jippermetti lill-utent tiegħu jisma’, b’mod partikolari, mużika streaming, bl-apparat jaqra fajls awdjodiġitali waqt il-proċess ta’ tniżżil ta’ dawn il-fajls, mingħajr ma jkunu maħżuna, f’dan ir-rigward, fil-memorja tal-apparat. Iż-Zoneplayer joffri wkoll il-possibbiltà li wieħed jisma’ l-emissjonijiet imxandra streaming mill-istazzjonijiet tar-radju ppreżentati fuq l-internet. Sabiex jippermetti dan il-qari streaming, iż-Zoneplayer jagħmel skambju ta’ data mhux ipproċessata mas-servers għall-informatika li fuqhom hemm maħżuna l-fajls awdjodiġitali li l-utent tal-apparat jixtieq jisma’ l-kontenut tagħhom.

19

Iktar minn 25000 stazzjon tar-radju, programmi u podcasts huma pprogrammati minn qabel fuq iż-Zoneplayer u dan ma joffrix il-possibbiltà li tiġi maħżuna data.

20

Fil-portijiet tan-netwerk li jinsabu fuq wara tal-kaxxa, jista’ jitqabbad – bl-għajnuna ta’ kejbil – tagħmir bħal vidjo rekorder diġitali, kompjuter personali, konsol tal-logħob, jew kompartiment għal ħażna fin-netwerk [“Network Attached Storage (NAS)”] sabiex dan it-tagħmir jitqabbad mal-internet u/jew sabiex iż-Zoneplayer jitqabbad mal-kompjuters preżenti f’netwerk lokali. Il-kontenut tal-fajls awdjodiġitali preżenti f’dawn it-terminals l-oħra jista’ wkoll jixxandar permezz tal-loudspeakers taż-Zoneplayer. F’dan il-każ ukoll, dawn il-fajls ma humiex maħżuna minn qabel fiż-Zoneplayer, iżda jinqraw streaming minnu, waqt il-proċess ta’ trasferiment ta’ data li jkun stabbilit bejn it-tagħmir konness fin-netwerk.

21

Żewġ Zoneplayers jew iktar jistgħu b’mod reċiproku jibagħtu u jirċievu mingħajr wajer data diġitali u għalhekk flimkien jistgħu jifformaw netwerk ta’ data mingħajr wajer (iktar ’il quddiem in-“netwerk Sonos”). Is-softwer installat fiż-Zoneplayers jagħmel possibbli, fi ħdan in-netwerk Sonos, it-trażmissjoni u x-xandir ta’ mużika streaming lejn kull wieħed miż-Zoneplayers b’mod separat. In-netwerk Sonos jaħdem, f’dan ir-rigward, indipendentement mill-preżenza eventwali ta’ netwerk tal-wifi; is-sistema tiġġenera fil-fatt hija stess il-kriptaġġ li hija tuża għat-trażmissjoni tad-data diġitali minn Zoneplayer għal ieħor.

22

Iż-Zoneplayers ġew iddikjarati minn Sonos Europe bħala li jaqgħu taħt is-subintestatura 8519 89 90 tan-NM, suġġetti għall-ħlas ta’ dazji doganali bir-rata ta’ 2 %. L-awtorità tad-dwana, konformement ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet, indirizzat lil Sonos Europe avviżi ta’ ħlas ta’ dazji doganali dovuti.

23

Sonos Europe ressqet ilment kontra dawn l-avviżi ta’ ħlas. Hija ssostni li ż-Zoneplayer għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8517 62 00 tan-NM, suġġetta għall-ħlas ta’ dazji doganali bir-rata ta’ 0 %. L-awtorità tad-dwana ċaħdet dan l-ilment, filwaqt li ppreċiżat, fid-deċiżjoni tagħha, li ż-Zoneplayer jaqa’ bħala prinċipju taħt is-subintestatura 8519 89 19 tan-NM, li għandha tariffa doganali ta’ 4.5 %, b’mod li d-dazji doganali stabbiliti fl-avviżi ta’ ħlas ikkontestati ma humiex stabbiliti f’ammont għoli wisq.

24

Sonos Europe ressqet rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-awtorità tad-dwana quddiem ir-rechtbank te Haarlem (qorti ta’ Harlem) li ddikjaratu infondat. Sonos Europe appellat minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam).

25

Il-qorti tal-appell qieset li ż-Zoneplayer, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, seta’ jiġi kklassifikat kemm fl-intestatura 8517 kif ukoll fl-intestatura 8519 tan-NM. Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, din il-qorti ddeċidiet li l-klassifikazzjoni tariffarja taż-Zoneplayer kellha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kontenut tan-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM. Skont il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam), iż-Zoneplayer, mill-perspettiva tal-konsumatur, huwa prinċipalment intiż sabiex jirriproduċi l-ħoss u din il-funzjoni ta’ riproduzzjoni tal-ħoss hija inerenti fl-apparat. Minn dan jirriżulta li din hija l-funzjoni prinċipali taż-Zoneplayer, filwaqt li l-funzjoni tan-netwerk hija sekondarja. Skont il-qorti tal-appell, iż-Zoneplayer għandu, għal din ir-raġuni, fuq il-bażi tar-regoli 1 u 6 tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM u skont in-nota 3 tat-Taqsima XVI ta’ din in-nomenklatura, jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8519 89 19 tal-imsemmija nomenklatura.

26

Sonos Europe ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza tal-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar għandha xi dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja taż-Zoneplayer.

27

Fil-fatt, hija tqis li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-intestaturi 8517, 8518 u 8519 tan-NM u fid-dawl tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestaturi rispettivi ta’ din is-sistema, iż-Zoneplayer għandu xi proprjetajiet u karatteristiċi komuni mal-magni u tagħmir li għandhom jiġu kklassifikati f’dawn l-intestaturi tariffarji. Madankollu, iż-Zoneplayer huwa distint mit-tagħmir li huwa meqjus jaqa’ taħt l-imsemmija intestaturi tariffarji, fid-dawl b’mod partikolari tal-iżvilupp teknoloġiku tiegħu, peress li huwa jimplementa teknika ġdida u avvanzata. Għalhekk, il-funzjonament taż-Zoneplayer ma humiex bħala tali deskritti fin-NM taħt waħda mill-intestaturi tariffarji tagħha.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-intestaturi 8517, 8518, 8519 u 8527 tan-[NM] għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodott bħal dak deskritt f’din is-sentenza (iż-“Zoneplayer”), li jirċievi informazzjoni diġitali u, mingħajr ma jaħżinha (“streaming” jew “xandir fi fluss”), jirripproduċiha b’mod amplifikat taħt forma ta’ ħoss permezz ta’ ħames loudspeakers (integrati) u/jew jibgħatha lejn apparat ieħor fin-netwerk lokali, jista’ jiġi kklassifikat taħt wieħed jew diversi minn dawn l-intestaturi u jekk iva, liema? Jew inkella l-intestatura 8543 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li apparat bħaż-Zoneplayer għandu jiġi kklassifikat taħt din l-intestatura bħala apparat elettriku li għandu funzjoni individwali?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tipprovdi kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha indispensabbli f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-qorti nazzjonali tidher, fi kwalunkwe każ, li qiegħda f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (sentenza Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 27).

30

Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tikklassifika l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda li hija għamlitilha.

31

Sabiex tingħata risposta utli lill-Qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, minn naħa, bħalma jirriżulta mill-punt 13 ta’ din is-sentenza, ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprevedu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija hija ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, fejn il-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli hija meqjusa bħala li għandha biss valur indikattiv.

32

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-ispezzjonijiet, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti ta’ taqsimiet jew ta’ kapitoli (sentenza Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward tan-noti ta’ spjega tas-SA, għandu jingħad ukoll li, minkejja l-fatt li dawn ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi ta’ valur għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kloosterboer Services, C‑173/08, EU:C:2009:382, punt 25, u Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 28). L-istess jgħodd għan-noti ta’ spjega tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Develop Dr. Eisbein, C‑35/93, EU:C:1994:252, punt 21, kif ukoll British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, EU:C:2011:248, punt 92).

34

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tagħmir awtonomu maħsub sabiex jiġbor, jirċievi u jirriproduċi streaming ta’ fajls awdjodiġitali fil-forma ta’ ħoss amplifikat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jiġi kklassifikat fl-intestatura tariffarja 8517, 8518, 8519, 8527 jew 8543 ta’ din in-nomenklatura.

35

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni stess tal-intestaturi 8517, 8518, 8519, 8527 u 8543 tan-NM, kif ukoll min-noti ta’ spjega relatati magħhom jirriżulta li l-funzjoni tal-merkanzija inkwistjoni hija determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ din tal-aħħar f’waħda minn dawn l-intestaturi.

36

Fil-fatt, l-imsemmija intestaturi jiddeskrivu b’mod speċifiku l-funzjoni li tissodisfa l-merkanzija li jkopru. Għalhekk, l-intestatura tariffarja 8517 tan-NM tirrigwarda, b’mod partikolari, t-“tagħmir [...] għat-trasmissjoni jew riċezzjoni ta’ vuċi, immaġni jew data oħra, inkluż tagħmir għal komunikazzjoni f’netwerk ikkollegat bil-wajer jew bla wajers”. L-intestatura 8518 tan-NM tirrigwarda b’mod partikolari l-“lawdspikers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le”. L-intestatura 8519 tan-NM ssemmi l-istrumenti li jirrekordjaw il-ħoss, l-istrumenti li jirriproduċu l-ħoss kif ukoll l-istrumenti li jirrekordjaw u li jirriproduċu l-ħoss. L-intestatura 8527 tan-NM tinkludi “[t]agħmir ta’ riċezzjoni għax-xandir bir-radju”. L-intestatura 8543 tan-NM tirrigwarda, min-naħa tagħha, l-“[m]agni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra [fil-] kapitlu [85 tan-NM]”.

37

F’dan il-każ, huwa stabbilit li, kif tirrileva l-Kummissjoni, iż-Zoneplayer għandu biss funzjoni waħda.

38

Fil-fatt, mid-deskrizzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif riprodotta, essenzjalment, fil-punti 17 sa 21 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li ż-Zoneplayer huwa maħsub sabiex jiġbor, jirċievi u jirriproduċi fil-forma ta’ ħoss, amplifikat permezz ta’ ħames loudspeakers li għandu dan l-apparat, fajls awdjodiġitali disponibbli fuq l-internet. Huwa jista’ wkoll, meta jkun imqabbad man-netwerk lokali, jaqra l-fajls awdjodiġitali streaming maħżuna fil-memorja tat-tagħmir li jagħmel parti minn dan in-netwerk. Minn dan jirriżulta li ż-Zoneplayer ma jiġġenerax huwa nnifsu s-sors tal-ħoss li huwa jittrażmetti, b’dan is-sors ikun fajl awdjodiġitali maħżun, skont il-każ, fuq server estern li ż-Zoneplayer ikun imqabbad miegħu bl-internet, jew fuq tagħmir ieħor li miegħu ż-Zoneplayer jaqsam netwerk lokali.

39

Konsegwentement, iż-Zoneplayer jissodisfa biss funzjoni ta’ riproduzzjoni tal-ħoss. F’dan ir-rigward, l-unità ċentrali li tippermetti l-ipproċessar ta’ fajl awdjodiġitali, id-diversi portijiet li jippermettu l-konnessjoni ma’ netwerk lokali u l-konnessjoni mal-internet ma jikkostitwixxux funzjonijiet distinti żgurati mit-tagħmir, iżda karatteristiċi tekniċi meħtieġa għall-funzjonament tiegħu. Fil-fatt, ir-riċezzjoni tal-ħoss permezz ta’ komunikazzjoni f’netwerk hija innovazzjoni teknoloġika fir-rigward tal-mod kif id-data ta’ sors tal-ħoss tiġi rċevuta, ikkonvertita u riprodotta.

40

F’dawn il-kundizzjonijiet, kuntrarjament għal dak argumentat mill-Gvern Olandiż, in-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, li tapplika għall-magni u magni komposti maħsuba sabiex jiżguraw żewġ funzjonijiet jew iktar differenti, alternattivi jew kumplimentari, ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija bħaż-Zoneplayer. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward għandu jitfittex fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott inkwistjoni.

41

F’dan il-każ, il-funzjoni ta’ riproduzzjoni tal-ħoss żgurata miż-Zoneplayer tikkorrispondi mal-formulazzjoni tal-intestatura 8519 tan-NM.

42

Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8519 ta’ din is-sistema jispeċifikaw li, “ġeneralment”, il-ħoss huwa rreġistrat fi, jew riprodott permezz ta’, memorja interna jew medium, li ma jeskludix sorsi oħra. Għalhekk, il-fatt biss li s-sors tal-ħoss ma jiġix minn memorja interna ma jeskludix il-klassifikazzjoni tal-imsemmi prodott f’din l-intestatura tariffarja. Konsegwentement, il-funzjoni ta’ riproduzzjoni tal-ħoss ta’ apparat bħaż-Zoneplayer ma tistax tiġi ddubitata minħabba l-fatt li s-sors tal-ħoss li huwa jirriproduċi jiġi jew mill-internet, jew minn apparat ieħor li miegħu huwa jaqsam netwerk lokali, jew minn apparat li huwa mqabbad miegħu b’kejbil.

43

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn l-inerenza għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha (ara s-sentenza Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, iż-Zoneplayer huwa intiż li jirriproduċi ħsejjes, b’mod partikolari l-mużika. Fil-fatt, skont il-Gvern Olandiż, Sonos Europe tippreżenta ż-Zoneplayer lill-konsumatur bħala sistema mingħajr wajer intiża li tiżgura r-riproduzzjoni ta’ ħoss stereo ta’ kwalità “Fedeltà Għolja” (HIFI). Minn dan jirriżulta li n-netwerking tat-tagħmir iservi biss sabiex jippermetti lil dan jiżgura l-funzjoni li huwa ddestinat għaliha. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-użu intenzjonat ta’ tagħmir bħaż-Zoneplayer jikkonferma l-klassifikazzjoni tiegħu fl-intestatura 8519 tan-NM.

45

Minn dawn l-elementi, kif ukoll mid-deskrizzjoni taż-Zoneplayer magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif stabbilita, essenzjalment, fil-punti 17 sa 21 ta’ din is-sentenza, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt kollha li din il-qorti għandha u li hija għandha twettaq f’dan ir-rigward, jirriżulta li dan it-tagħmir, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, kif ukoll tal-użu intenzjonat tiegħu, għandu bħala funzjoni r-riproduzzjoni tal-ħoss, kif deskritta fl-intestatura 8519 tan-NM.

46

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument ta’ Sonos Europe li ż-Zoneplayer għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 8517 tan-NM.

47

Fil-fatt, il-funzjoni taż-Zoneplayer hija r-riproduzzjoni tal-ħoss u għalhekk ma jistax jaqa’ taħt l-intestatura 8517 tan-NM. Bħalma jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, ir-riċezzjoni tal-ħoss permezz ta’ komunikazzjoni f’netwerk hija innovazzjoni teknoloġika li sempliċement tippermetti li ż-Zoneplayer jiffunzjona. Għalhekk, il-fatt li n-netwerking huwa indispensabbli għar-riproduzzjoni tal-mużika ma jippreġudika bl-ebda mod il-klassifikazzjoni ta’ dan it-tagħmir fl-intestatura 8519 tan-NM.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħmir awtonomu maħsub sabiex jiġbor, jirċievi u jirriproduċi streaming ta’ fajls awdjodiġitali fil-forma ta’ ħoss amplifikat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-punti ta’ fatt kollha li hija għandha, jiġi kklassifikat fl-intestatura 8519 ta’ din in-nomenklatura.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1) In-nomenklatura magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta suċċessivament mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad‑19 ta’ Settembru 2008, u Nru 948/2009, tat‑30 ta’ Settembru 2009, għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħmir awtonomu maħsub sabiex jiġbor, jirċievi u jirriproduċi streaming ta’ fajls awdjodiġitali fil-forma ta’ ħoss amplifikat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu, bla ħsara għall-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-punti ta’ fatt kollha li hija għandha, jiġi kklassifikat fl-intestatura 8519 ta’ din in-nomenklatura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top