This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0069
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 9 June 2016.#Nutrivet D.O.O.E.L. v Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség.#Request for a preliminary ruling from the Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.#References for a preliminary ruling — Environment — Waste — Transfers — Regulation (EC) No 1013/2006 — Article 2(35)(g)(iii) — Illegal shipment — Incorrect or inconsistent information entered in the document listed in Annex VII to that regulation — Article 50(1) — Penalties applicable in the event of infringement of the provisions of that regulation — Proportionality.#Case C-69/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
Nutrivet D.O.O.E.L. vs Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Trasporti – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Artikolu 2(35)(g)(iii) – Trasport illegali – Informazzjoni żbaljata jew mhux koerenti inserita fid-dokument inkluż fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament – Artikolu 50(1) – Sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament – Proporzjonalità.
Kawża C-69/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
Nutrivet D.O.O.E.L. vs Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Trasporti – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Artikolu 2(35)(g)(iii) – Trasport illegali – Informazzjoni żbaljata jew mhux koerenti inserita fid-dokument inkluż fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament – Artikolu 50(1) – Sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament – Proporzjonalità.
Kawża C-69/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:425
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Skart — Trasporti — Regolament (KE) Nru 1013/2006 — Artikolu 2(35)(g)(iii) — Trasport illegali — Informazzjoni żbaljata jew mhux koerenti inserita fid-dokument inkluż fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament — Artikolu 50(1) — Sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament — Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑69/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest, L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Frar 2015, fil-proċedura
Nutrivet D.O.O.E.L.
vs
Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), E. Juhász, C. Vajda u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. Tátrai, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas, A. Sipos u D. Loma-Osorio Lerena, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(35)(g)(iii), tal-Artikolu 18(1)(a) u tal-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar [trasporti] ta’ skart (ĠU L 190, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2013, tal-20 ta’ Marzu 2013 (ĠU L 79, p. 19) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1013/2006”), kif ukoll tal-punt 15 tal-Anness I Ċ ta’ dan ir-regolament. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Nutrivet D.O.O.E.L. u l-Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség (awtorità nazzjonali inkarigata mill-ispezzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u tan-natura, iktar 'il quddiem l-“awtorità nazzjonali tal-ispezzjoni”), dwar multi amministrattivi imposti minn din tal-aħħar minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni marbuta mat-trasport tal-iskart. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 1013/2006
3 |
Il-premessi 1, 7, 15, 21 u 33 tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdu:
[...]
[...]
[...]
[...]
|
4 |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdi li dan tal-aħħar jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll applikabbli għat-trasport tal-iskart, skont l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-trasport, it-tip ta’ skart ittrasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu. |
5 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: [...]
[...]
[...]
|
6 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Qafas proċedurali ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu li: “[it-trasporti] tat-tipi ta’ skart li ġejjin destinati għall-irkupru għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, jekk l-ammont ta’ skart imbarkat ikun akbar minn 20 kg:
[...]” |
7 |
L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ċerta informazzjoni rekwiżita ma’ l-iskart”, jipprovdi li: “1. Dak l-iskart kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) u (4) li huwa previst se jiġi trasportat għandu jkun suġġett għar-rekwiżiti proċedurali li ġejjin:
[...] 3. Għall-finijiet ta’ spezzjoni, infurzar, ippjanar u statistika, l-Istati Membri jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, jitolbu l-informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 dwar [it-trasporti] koperti minn dan l-Artikolu. [...]” |
8 |
L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, intitolat “Teħid lura meta [t-trasport] ikun illegali”, jipprovdi: “1. Fejn xi awtorità kompetenti tiskopri [trasport] li hija tikkunsidra bħala [trasport] illegali, hija għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn konċernati. 2. Jekk ir-responsabbiltà ta’ [trasport] illegali tkun tan-notifikatur, l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ għandha tiżgura li l-iskart in kwistjoni jiġi:
3. Jekk ir-responsabbiltà [tat-trasport] illegali hija tad-destinatarju, l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni għandha tiżgura li l-iskart in kwistjoni jiġi rkuprat jew mormi b’mod ambjentalment san:
[...] 9. Fil-każ ta’ [trasport] illegali kif definit fil-punt 35(g) ta’ l-Artikolu 2, il-persuna li torganizza [it-trasport] għandha tkun suġġetta għall-istess obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu bħan-notifikatur. [...]” |
9 |
Skont l-Artikolu 42 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Rekwiżiti proċedurali għall-importazzjoni minn xi pajjiż Parti għall-Konvenzjoni ta’ Basel [dwar il-kontroll tal-moviment [transkonfinali] ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, iffirmata fit-22 ta’ Marzu 1989, approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE, tal-1 ta’ Frar 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301] jew minn xi żoni oħrajn f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ gwerra”: “1. Fejn jiġi importat skart fil-Komunità u jiġi destinat għar-rimi minn pajjiżi Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II mutatis mutandis bl-adattamenti u ż-żidiet elenkati fil-paragrafi 2 u 3. [...] 4. It-trasport jista’ jsir biss jekk, minbarra r-rekwiżiti previsti fit-Titolu II :
[...]” |
10 |
Skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Rekwiżiti proċedurali għall-importazzjoni minn xi pajjiż li għalih ma tapplikax id-Deċiżjoni [C(2001) 107 finali tal-Kunsill tal-OECD dwar ir-reviżjoni tad-deċiżjoni C(92) 39 finali dwar il-kontroll tal-movimenti transkonfinali ta’ skart intiż għal operazzjonijiet ta’ rkupru] u li huwa Parti għall-Konvenzjoni ta’ Basel jew minn xi żoni oħrajn f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ gwerra”, jipprovdi: “Fejn skart destinat għall-irkupru jiġi importat fil-Komunità:
|
11 |
L-Artikolu 49 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni ta’ l-Ambjent”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li: “Il-produttur, in-notifikatur u impriżi oħrajn involuti fi[t-trasport] ta’ skart u/jew l-irkupru jew ir-rimi tiegħu għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li kull skart li huma jittrasportaw jiġi mmaniġġat mingħajr periklu għas-saħħa umana u b’mod ambjentalment san matul il-perjodu ta[t-trasport] u matul l-irkupru u r-rimi tiegħu. Partikolarment, meta [t-trasport] isir fil-Komunità, għandhom ikunu rispettati r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12/KE u ta’ liġijiet oħra Komunitarji dwar l-iskart.” |
12 |
L-Artikolu 50 tal-imsemmi regolament, intitolat “Infurzar fl-Istati Membri”, jipprovdi li: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-liġi nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-iskoperta ta’ [trasporti] illegali u l-pieni għal [trasporti] bħal dawn. [...] [...] 4. L-ispezzjonijiet ta[t-trasporti] għandhom jinkludu l-verifika ta’ dokumenti, il-konferma tal-identità u, fejn opportun, il-kontroll fiżiku tal-iskart. [...]” |
13 |
Il-punt 15 tal-Anness I C tal-istess regolament, intitolat “Istruzzjonijiet speċifiċi għall-mili tad-dokument ta’ notifika”, huwa redatt kif ġej: “Normalment, id-destinatarju jkun il-faċilità ta’ rimi jew ta’ rkupru mogħtija fil-parti 10. F’xi każijiet, madankollu, id-destinatarju jista’ jkun persuna oħra, per eżempju, kummerċjant, broker, jew entità korporattiva, bħall-kwartieri ġenerali jew l-indirizz postali tal-faċilità ta’ rimi jew ta’ rkupru fil-parti 10. Sabiex jaġixxi/taġixxi bħala destinatarju, kummerċjant, broker jew entità korporattiva għandu/ha jkun/tkun taħt il-ġuriżdizzjoni tal-pajjiż destinatarju u jkollu/ha xi form’oħra ta’ kontroll legali fuq l-iskart fil-ħin meta l-konsenja tasal fil-pajjiż destinatarju. F’dawn il-każijiet, it-tagħrif relatat mal-kummerċjant, broker jew entità korporattiva għandu jimtela fil-parti 2.” |
14 |
Fl-Anness III tar-Regolament Nru 1013/2006 hemm inkluża l-“Lista ta’ skart suġġett għar-rekwiżit ġenerali ta’ informazzjoni stipulat fl-Artikolu 18 [ta’ dan ir-regolament]”, intitolata “skart elenkat bħala “aħdar” (iktar ’il quddiem il-“lista ħadra”). |
15 |
Fl-Anness VII tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Informazzjoni li takkumpanja [t-trasporti] ta’ skart kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) u (4)”, hemm inkluż id-dokument imsemmi fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ akkumpanjament”). Dan l-Anness VII huwa kif ġej: |
Id-dritt Ungeriż
16 |
L-Artikolu 19(1) tal-hulladékról szóló 2012. évi CLXXXV. törvény (liġi Nru CLXXXV tal-2012, dwar l-iskart, Magyar Közlöny 2012/160., iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-iskart”), jipprovdi li: “L-iskart jista’ jiddaħħal fit-territorju Ungeriż b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1013/2006], kif ukoll id-digriet governattiv marbut mal-moviment transkonfinali tal-iskart.” |
17 |
L-Artikolu 86(1) ta’ din il-liġi jipprovdi: “Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, persuni li jaħdmu għal rashom jew organi mingħajr personalità ġuridika li:
|
18 |
L-Artikolu 1 tal-hulladékgazdálkodási bírság mértékéről, valamint kiszabásának és megállapításának módjáról szóló 271/2001. Kormányerendelet (Digriet Governattiv Nru 271, dwar l-ammont tal-multa għall-ġestjoni tal-iskart, u li jiddetermina d-dettalji ta’ impożizzjoni u ta’ determinazzjoni tal-istess), tal-21 ta’ Diċembru 2001 (Magyar Közlöny 2001/150., iktar ’il quddiem id-“digriet governattiv”), jipprovdi: “1. L-ammont tal-multa huwa – suġġett għal dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 2(4) sa (8) u fl-Artikolu 3(4) ta’ dan id-digriet – fil-prodott, ikkalkulat skont l-Anness, ammonti bażiċi tal-multa stabbilita f’dan id-digriet u l-koeffiċjenti ta’ proporzjonalità li jemendawhom. [...] 3. L-ammont bażiku tal-multa skont il-ġestjoni tal-iskart (iktar ’il quddiem l-‘ammont bażiku’) ma jeċċedix: [...]
[...] 5. L-ammont bażiku jista’ jiġi stabbilit fil-proporzjon ta’ 25 % sa 100 % tal-ammonti ddeterminati skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-artikolu, u tal-Artikolu 2(3), mingħajr ħsara għall-każijiet previsti fil-paragrafu 3(e) ta’ dan l-Artikolu, jekk l-awtur tal-ksur ikun għamel tajjeb għall-konsegwenzi u waqqaf dan il-ksur qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni li timponi l-multa.” |
19 |
Skont l-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet governattiv: “1. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jeħtieġ li l-ewwel jiġi identifikat l-ammont bażiku. [...] 4. Fil-każ ta’ moviment transkonfinali illegali ta’ skart (importazzjoni, esportazzjoni jew tranżitu mit-territorju nazzjonali), l-ammont tal-multa li għandha titħallas hija stabbilita billi jiġi mmultiplikat l-ammont bażiku identifikat skont l-Artikolu 1(3)(f) jew (g) ta’ dan id-digriet maċ-ċifra li tirrappreżenta l-piż tal-iskart. Jekk il-piż tal-iskart ma jistax jiġi ddeterminat b’mod preċiż, huwa meqjus b’mezz li jinsab f’firxa ta’ piżijiet stmati f’tunnellati.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kontrolli mwettqa fil-15 u t-18 ta’ Ottubru 2013 mill-awtoritajiet Ungeriżi fuq żewġ trakkijiet irreġistrati fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li kienu qegħdin biex jidħlu fit-territorju Ungeriż irrilevaw li dawn tal-aħħar kienu qegħdin jittrasportaw kunsinni ta’ 23.2 tunnellata u ta’ 21.8 tunnellata rispettivament ta’ skart tal-karti li jaqa’ taħt il-lista l-ħadra. Kull waħda minn dawn il-kunsinni kienet akkumpanjata mid-dokument ta’ akkumpanjament kif ukoll minn nota ta’ kunsinna internazzjonali. |
21 |
Fir-rigward tal-ewwel kunsinna, id-dokument ta’ akkumpanjament kien jindika, fil-kaxxa 1 tiegħu, li Nutrivet kienet torganizza t-trasport, u, fil-kaxxi 2 u 7, li Hamburger Recycling Group GmbH, li tinsab f’Wiener Neudorf (L-Awstrija), kienet kemm l-importatur-destinatarju u l-faċilità ta’ rkupru, filwaqt li n-nota ta’ kunsinna internazzjonali kienet issemmi li din il-kunsinna kellha tiġi mwassla fis-sede ta’ Hamburger Hungária Kft., kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż stabbilit f’Dunaújváros (L-Ungerija). |
22 |
Fir-rigward tat-tieni kunsinna, id-dokument ta’ akkumpanjament kien jindika, fil-kaxxa 1 tiegħu, li Nutrivet kienet torganizza t-trasport, u, fil-kaxxi 2, li Hamburger Recycling Group kienet l-importatur-destinatarju u, u fil-kaxxa 7, li Hamburger Hungária kienet il-faċilità ta’ rkupru, filwaqt li n-nota ta’ kunsinna internazzjonali u dokumenti oħra ppreżentati lill-awtoritajiet Ungeriżi kienu jsemmu li din il-kunsinna kellha wkoll tiġi mwassla fis-sede ta’ din l-istess kumpannija. |
23 |
Il-kaxxa 11, marbuta mal-“Pajjiżi/l-Istati kkonċernati”, ta’ dawn iż-żewġ dokumenti ta’ akkumpanjament kienet issemmi l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja u l-Ungerija. |
24 |
L-awtorità nazzjonali ta’ spezzjoni kkonstatat li, għaż-żewġ trasporti ta’ skart, id-dokument ta’ akkumpanjament ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006, sa fejn il-kontenut tal-kaxxi tiegħu 2 u 7 ma kienx jaqbel ma’ dak tal-kaxxa 11, u li d-destinazzjoni finali ta’ dawn it-trasporti ma setgħetx tiġi ddeterminata b’ċertezza. Fil-kuntest tal-proċedura miftuħa fil-konfront tagħha, Nutrivet ikkollaborat ma’ din l-awtorità nazzjonali ta’ spezzjoni billi ttrażmettitilha b’mod partikolari, fit-18 u fil-25 ta’ Ottubru 2013, dokument ta’ akkumpanjament ġdid ikkorreġut għal kull trasport kif ukoll dokumenti oħra maħsuba sabiex isostnu l-informazzjoni li tinsab f’dan id-dokument ikkorreġut. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta b’mod ċar li d-destinatarju u d-destinazzjoni finali tal-kunsinna kienu, fiż-żewġ każijiet, Hamburger Hungária. |
25 |
Permezz tad-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Ottubru 2013, l-awtorità nazzjonali ta’ spezzjoni imponiet fuq Nutrivet, skont il-liġi dwar l-iskart, multi għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha abbażi tal-ġestjoni tal-iskart u imponiet l-ispejjeż tal-proċedura fuq din il-kumpannija. Fir-rigward tal-ewwel trasport, l-ammont tal-multa u dak tal-ispejjeż tal-proċedura kienu rispettivament ta’ HUF 1160000 (forint Ungeriż) (madwar EUR3 738) u ta’ HUF 124942 (madwar EUR 402). Fir-rigward tat-tieni trasport, l-ammont tal-multa u dak tal-ispejjeż tal-proċedura kienu jammontaw rispettivament għal HUF 1090000 (madwar EUR 3513) u għal HUF 182250 (madwar EUR 587). Din l-awtorità mmotivat id-deċiżjonijiet tagħha billi rrilevat li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet mwettqa fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, it-trasporti inkwistjoni kienu illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1013/2006. Sabiex tiddetermina l-ammont ta’ dawn il-multi, l-imsemmija awtorità, b’applikazzjoni tad-digriet governattiv, għażlet l-ammont bażiku għat-tip ta’ skart inkwistjoni (HUF 200000, jiġifieri madwar EUR 3205), li hija naqqset mir-rata massima ta’ 75 % bil-għan li tieħu inkunsiderazzjoni l-kollaborazzjoni ta’ Nutrivet. Sussegwentement hija mmultiplikat l-ammont hekk stabbilit (HUF 50000) bil-piż tal-iskart ittrasportat. |
26 |
Fir-rikors tagħha quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija), Nutrivet titlob, inter alia, l-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet. Hija ssostni li t-termini “b’mod mhux speċifikat materjalment fid-dokument espost fl-Anness VII”, li jidhru fl-Artikolu 2(35)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1013/2006, jagħmlu riferiment għas-sitwazzjoni fejn informazzjoni importanti mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ambjent tiġi moħbija jew ma tissemmiex, u mhux għal dik fejn id-dokument ta’ akkumpanjament ikun jinkludi informazzjoni żbaljata iżda fejn l-informazzjoni korretta tkun tirriżulta b’mod ċar minn dokumenti oħra disponibbli. Hija sostniet ukoll li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv, għaliex inkella jiġi kkunsidrat bħala illegali kull trasport li għalih id-dokument ta’ akkumpanjament ikun kien kkompletat b’mod żbaljat, u li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-każ fejn l-iżball jitwettaq intenzjonalment sabiex l-awtoritajiet ta’ kontroll jiġu żvijati u dak li fih l-iżball jirriżulta minn sempliċi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu amministrattiv. |
27 |
L-awtorità nazzjonali tal-ispezzjoni titlob li r-rikors jiġi miċħud. Hija ssostni li kull wieħed mit-trasporti tal-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom ikunu akkumpanjati minn dokument ta’ akkumpanjament debitament ikkompletat skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18 u tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1013/2006. Hija tammetti li l-“Importatur-destinatarju”, li ismu għandu jiġi inserit fil-kaxxa 2 ta’ dan id-dokument, jista’ jkun differenti mill-“Faċilità ta’ rkupru”, li isimha għandu jiġi inserit fil-kaxxa 7, iżda ssostni li, f’tali każ, in-negozjant jew is-sensar għandu, skont il-punt 15 tal-Anness I C ta’ dan ir-regolament, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-pajjiż ta’ destinazzjoni. |
28 |
Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, l-awtorità nazzjonali ta’ spezzjoni rrikonoxxiet espressament li hija kienet taf l-itinerarju tal-iskart minkejja li d-dokumenti ta’ akkumpanjament ma kinux ġew ikkompletati b’mod skorrett. Hija ammettiet ukoll li hija ma kinitx implementat il-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1013/2006, ma kinitx intervjeniet l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u ma kinitx ordnat li jintbagħtu lura l-kunsinni tal-iskart ikkunsidrati bħala illegali. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u tax-xogħol ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Osservazzjonijiet preliminari
30 |
Jeħtieġ li jiġi rrilevat, preliminarjament, li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher li ġie importat minn pajjiż terz, jiġifieri l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jippreżumu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 42 u 45 tar-Regolament Nru 1013/2006 ma humiex applikabbli għall-każ odjern. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tielet sal-ħames domandi
31 |
Permezz tal-ewwel u t-tielet sal-ħames domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(35)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li trasport tal-iskart, bħal dak previst fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, maħsub sabiex jiġi rkuprat, għandu jiġi kklassifikat bħala illegali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta d-dokument ta’ akkumpanjament relattiv għal dan it-trasport ikun jinkludi informazzjoni żbaljata jew mhux koerenti fir-rigward tal-importatur/destinatarju, il-faċilità ta’ rkupru kif ukoll il-pajjiżi/Stati kkonċernati, u jekk jinċidux fuq din il-klassifikazzjoni l-indikazzjoni korretta ta’ din l-informazzjoni f’dokumenti oħra ipprovduti lill-awtoritajiet kompetenti, l-intenzjoni li jiġu żvijjati dawn l-awtoritajiet, ir-rilevanza tal-imsemmija informazzjoni fil-livell tal-protezzjoni tal-ambjent u l-implementazzjoni mill-imsemmija awtoritajiet tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li l-premessa 1 tar-Regolament Nru 1013/2006 tiddikjara li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa l-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, skont il-premessa 7 tal-imsemmi regolament, huwa importanti li jiġu organizzati u rregolati s-sorveljanza u l-kontroll tat-trasporti ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-bżonn li jippreservaw, jipproteġu u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. |
33 |
Fir-rigward tat-trasporti ta’ skart li jaqa’ taħt il-lista l-ħadra u maħsub sabiex jiġi rkuprat, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament tispeċifika li jeħtieġ li jiġi żgurat livell minimu ta’ sorveljanza u ta’ kontroll billi jkun rikjest li dawn it-trasporti jkunu akkumpanjati minn ċerta informazzjoni. |
34 |
B’hekk, sabiex jiġi ffaċilitat is-segwitu tat-trasporti ta’ tali skart, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006 jobbliga lill-persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-pajjiż ta’ dispaċċ li torganizza t-trasport li tiżgura li l-iskart ikun akkumpanjat mid-dokument ta’ akkumpanjament, fejn dan tal-aħħar jista’ jintalab mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal finijiet ta’ spezzjoni, ta’ kontroll tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ta’ ippjanar jew ta’ statistika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Ragn-Sells, C‑292/12, EU:C:2013:820, punt 65). Sa fejn dan id-dokument jikkostitwixxi l-uniku sors ta’ informazzjoni ddettaljata dwar it-trasport tal-iskart previst minn dan ir-Regolament bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi kkonċernati jkunu jistgħu jwettqu l-missjoni ta’ sorveljanza u ta’ kontroll imposta fuqhom minn dan l-istess regolament, dan għandu jiġi kkompletat mill-organizzatur ta’ tali trasport. |
35 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-informazzjoni li għandha tkun inkluża b’mod obbligatorju f’dan id-dokument ta’ akkumpanjament, fir-rigward, b’mod partikolari tal-importatur/id-destinatarju, il-faċilità ta’ rkupru kif ukoll il-pajjiżi/Stati kkonċernati, tippermetti li jiġi żgurat segwitu adegwat tat-trasporti. Fil-fatt, din l-informazzjoni hija rilevanti mhux biss fuq il-livell tal-protezzjoni tal-ambjent, iżda wkoll neċessarja għall-eżekuzzjoni korretta tal-missjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll bil-għan li jiġu ppreżervati, protetti u mtejjba l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. |
36 |
Isegwi li, f’każ li d-dokument ta’ akkumpanjament ikun jinkludi informazzjoni ta’ dan it-tip, li tkun żbaljata jew mhux koerenti, l-imsemmija missjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll ma jkunux jistgħu jiġu eżegwiti skont ir-Regolament Nru 1013/2006, peress li l-awtoritajiet kompetenti, minħabba li ma jkunux debitament infurmati dwar il-modalitajiet tat-trasport ikkonċernat, ma jkunux jistgħu jiżguraw fir-rigward ta’ dan it-trasport segwitu adegwat bil-għan li tiġi evitata ħsara lill-ambjent kif ukoll attivitajiet li huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem. |
37 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li d-dokumenti ta’ akkumpanjament inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jindikaw, fil-kaxxa 2 tagħhom, mhux il-kumpannija li lilha kienu effettivament iddestinati t-trasporti tal-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri Hamburger Hungária, stabbilita f’Dunaújváros, iżda kumpannija oħra stabbilita fi Stat Membru ieħor, jiġifieri Hamburger Recycling Group, stabbilita f’Wiener Neudorf. Min-naħa l-oħra, fil-kaxxa 7 ta’ wieħed mid-dokumenti, din l-aħħar imsemmija kumpannija kienet imsemmija bħala faċilità ta’ rkupru, minkejja li din ma kinitx tinsab fil-pajjiż ta’ destinazzjoni indikat fil-kaxxa 11 ta’ dan id-dokument, jiġifieri l-Ungerija. |
38 |
Fid-dawl ta’ dawk l-iżbalji u ta’ dawl l-inkoerenzi, jidher li d-dokumenti ta’ akkumpanjament inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jippermettux, waħidhom, li jiġi żgurat, is-segwitu tat-trasporti ta’ skart inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, dawn it-trasporti għandhom jiġu kkunsidrati bħala trasporti illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1013/2006. |
39 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li trasport ta’ skart, bħal dawk previsti fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, maħsub sabiex jiġi rkuprat, għandu jiġi kklassifikat bħala illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(g)(iii) tal-imsemmi regolament, meta d-dokument ta’ akkumpanjament ikun jinkludi informazzjoni żbaljata jew inkoerenti, bħal dawk inklużi fid-dokumenti ta’ akkumpanjament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-importatur/destinatarju, il-faċilità ta’ rkupru kif ukoll il-pajjiżi/Stati kkonċernati. |
40 |
Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-fatt li l-informazzjoni li għandha tiġi inserita fid-dokument ta’ akkumpanjament, hija inserita b’mod korrett f’dokumenti oħra pprovduti lill-awtoritajiet kompetenti. Bl-istess mod, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward l-assenza ta’ element intenzjonali u n-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament. |
41 |
Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(35)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1013/2006 ma jsemmi l-ebda wieħed minn dawn it-tliet elementi. |
42 |
B’mod iktar partikolari, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-preżenza, f’dokumenti oħra, tal-informazzjoni li għandha tiġi inserita fid-dokument ta’ akkumpanjament, jeħtieġ li jiġi osservat li dan id-dokument ta’ akkumpanjament għandu jkun juri data ddettaljata dwar it-trasport tal-iskart, b’mod li jintlaħqu l-għanijiet ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tat-trasporti koperti minn dan ir-regolament. Tali dokument huwa b’hekk stabbilit minn leġiżlazzjoni speċifika u huwa intiż li jwettaq l-għanijiet proprji tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport tal-iskart, filwaqt li d-dokumenti l-oħra, bħan-nota ta’ kunsinna internazzjonali jew fattura kummerċjali, ma għandhomx dan l-għan. |
43 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(35)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li l-modalitajiet tat-trasport tal-iskart ikkonċernat għandhom ikunu speċifikati fid-dokument ta’ akkumpanjament u mhux xi mkien ieħor. Dan l-obbligu huwa ta’ natura li jiffaċilita s-segwitu ta’ tali trasport, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) ta’ dan ir-regolament, u li jiżgura kontroll effikaċi li jippermetti li tiġi evalwata immedjatament in-neċessità li titwettaq spezzjoni fiżika tal-iskart ikkonċernat. Fil-fatt, l-effikaċja tal-kontrolli tal-iskart waqt it-trasport tagħhom jew il-wasla tagħhom fil-post ta’ destinazzjoni hija msaħħa mill-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat ta’ tranżitu jew dak ta’ destinazzjoni jkollhom, billi jikkonsultaw id-dokument ta’ akkumpanjament, konoxxenza immedjata tad-data rikjesta, mingħajr ma jkunu obbligati li jwettqu verifiki ulterjuri, neċessarjament twal u finanzjarjament onerużi peress li jippreżumu l-immobilizzazzjoni tal-kunsinna kkonċernata. |
44 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-intenzjoni ta’ żvijjar tal-awtoritajiet kompetenti għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk trasport ta’ skart huwiex illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1013/2006, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprevedix li l-iżbalji jew l-inkoerenzi fid-data li għandha tiġi speċifikata fid-dokument ta’ akkumpanjament imsemmi fl-Anness VII tal-imsemmi regolament għandhom ikunu jirriżultaw minn att ta’ frodi. |
45 |
Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk l-iżball ikunx sar intenzjonalment jew le, xorta jibqa’ l-fatt li meta dan iwassal għal inkoerenza, dan jġiegħel lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri kkonċernati sabiex iwettqu verifiki ulterjuri billi jirrendi impossibbli l-kontroll immedjat tat-trasport fuq il-bażi biss tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1013/2006, b’tali mod li dawn iż-żewġ tipi ta’ żbalji għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, tal-inqas fl-istadju tal-klassifikazzjoni tal-ksur. |
46 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-assenza ta’ implementazzjoni tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1013/2006, jeħtieġ li jiġi osservat li la dan l-artikolu u l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jistabbilixxi rabta bejn dawn il-proċeduri u d-definizzjoni ta’ trasport illegali. Għall-kuntrarju, peress li dan l-artikolu jindirizza biss, skont it-termini proprji tiegħu, l-iskart li jkun suġġett għal trasport illegali, l-assenza ta’ implementazzjoni tal-imsemmija proċeduri previsti fl-imsemmi artikolu ma jistax jinċidi fuq il-klassifikazzjoni tat-trasport ikkonċernat bħala trasport illegali fis-sens tal-Artikolu 2(35) ta’ dan ir-regolament. |
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tielet sal-ħames domandi li l-Artikolu 2(35)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasport ta’ skart, bħal dak previst fl-Anness III tal-imsemmi regolament, intiż sabiex jiġi rkuprat, għandu jiġi kkunsidrat bħala illegali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta d-dokument ta’ akkumpanjament relattiv għal dan it-trasport ikun jinkludi informazzjoni żbaljata jew inkoerenti, bħal dik inkluża fid-dokumenti ta’ akkumpanjament inkwistjoni fil-kawża prinċipal, fir-rigward tal-importatur/destinatarju, tal-faċilità ta’ rkupru kif ukoll tal-pajjiżi/Stati kkonċernati, indipendentement mill-indikazzjoni korretta ta’ dik l-informazzjoni f’dokumenti oħra pprovduti lill-awtoritajiet kompetenti, mill-intenzjoni ta’ żvijjar ta’ dawn l-awtoritajiet u mill-implementazzjoni mill-imsemmija awtoritajiet tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan l-istess regolament. |
Fuq it-tieni domanda
48 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, li skontu s-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom, b’mod partikolari, ikunu proporzjonati, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, f’każ li d-dokument ta’ akkumpanjament ikun jinkludi informazzjoni żbaljata jew inkoerenti, l-impożizzjoni ta’ multa li l-ammont ta’ bażi tagħha jikkorrispondi għal dak tal-multa applikata f’każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ tkomplija ta’ dak id-dokument. |
49 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1013/2006 jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu “[I]r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament [...]” u jispeċifika li “l-penali stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi regolament ma jinkludix regoli iktar preċiżi f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-imsemmija sanzjonijiet nazzjonali, u b’mod partikolari ma jistabbilixxi ebda kriterju espliċitu għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata ta’ tali sanzjonijiet. |
50 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk is-sanzjoni inkwistjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jittieħed kont, b’mod partikolari, tan-natura u l-gravità tal-ksur li din is-sanzjoni hija intiża li tippenalizza, kif ukoll tal-metodi għad-determinazzjoni tal-ammont tal-istess multa (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Rodopi-M 91, C‑259/12, EU:C:2013:414, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju ta’ proporzjonalità għalhekk jimponi fuq l-Istati Membri b’mod ugwali l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-multa (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 54). |
52 |
Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-kawża li għandha quddiemha, li tevalwa jekk l-ammont tas-sanzjoni ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tipprovdilha l-kriterji għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettuha tevalwa tali kompatibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orlowski, C‑188/09, EU:C:2010:454, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Fir-rigward tas-sanzjonijiet applikati f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006, li huma intiżi li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Novembru 2015, Total Waste Recycling (C‑487/14, EU:C:2015:780, punt 55), li l-qorti nazzjonali hija obbligata, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ tali sanzjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari r-riskji li jistgħu jiġu kkawżati minn dan il-ksur fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. |
54 |
F’dan il-każ, l-informazzjoni żbaljata u inkoerenti inkluża fid-dokumenti ta’ akkumpanjament inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxu ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006. Tali ksur seta’ għalhekk, fil-prinċipju, jiġi ssuġġettat għal sanzjoni ekwivalenti għal dik prevista f’każ ta’ ksur tal-obbligu li jiġi kkompletat id-dokument ta’ akkumpanjament. |
55 |
Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ multa li tissanzjona trasport ta’ skart li għalih id-dokument ta’ akkumpanjament jinkludi informazzjoni żbaljata jew inkoerenti, li l-ammont bażiku tagħha jkun jekwivali għal dak tal-multa applikata fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li jiġi kkompletat dan id-dokument, tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata jekk iċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-ksur imwettaq jkunu jippermettu li jiġi kkonstatat li dawn kienu istanzi ta’ ksur ta’ serjetà ekwivalenti fir-rigward tar-riskju li dawn jimplikaw għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Total Waste Recycling, C‑487/14, EU:C:2015:780, punti 54 u 56). |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, li skontu, is-sanzjonijiet applikati mill-Istati Membri f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament għandhom ikunu proporzjonati, għandu jiġi interpretat fis-sens li trasport ta’ skart li għalih, id-dokument ta’ akkumpanjament imsemmi fl-Anness VII tal-istess regolament jinkludi informazzjoni żbaljata jew mhux koerenti jista’, fil-prinċipju, jiġi ssanzjonat minn multa, li l-ammont tagħha jikkorrispondi għal dak tal-multa applikata f’każ ta’ ksur tal-obbligu li jiġi kkompletat dan id-dokument. Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ tali sanzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji li jistgħu jiġu kkawżati minn dan il-ksur fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. |
Fuq is-sitt u s-seba ’ domandi
57 |
Permezz tas-sitt u s-seba’ domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’liema sens għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “persuna taħt il-ġurisdizzjoni tal-pajjiz tad-dispaċċ”, li jinsab fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006, kif ukoll it-termini “tkun taħt il-ġuriżdizzjoni tal-pajjiż destinatarju”, li jinsab fil-punt 15 tal-Anness IĊ ta’ dan ir-regolament. |
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tal-kawża li jkunu tressqu quddiemhom (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN, C‑107/13, EU:C:2014:151, punt 29, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export, C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 23). |
59 |
Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew ukoll meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN, C‑107/13, EU:C:2014:151, punt 30, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 36). |
60 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma tindikax kif is-sitt u s-seba’ domandi tagħha huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u ma tipprovdix l-elementi neċessarji sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli għaliha. |
61 |
Għaldaqstant, is-sitt u s-seba’ domandi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.