EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0060

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Lulju 2017.
Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali ta’ dawn l-istituzzjonijiet – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 6(1) – Interess pubbliku fl-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali – Informazzjoni, trażmessa mill-awtoritajiet Ġermaniżi lill-Kummissjoni Ewropea, li tikkonċerna impjanti li jinsabu fit-territorju Ġermaniż ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Rifjut parzjali ta’ aċċess.
Kawża C-60/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:540

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Appell – Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess– L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) – Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali ta’ dawn l-istituzzjonijiet – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 6(1) – Interess pubbliku fl-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali – Informazzjoni, trażmessa mill-awtoritajiet Ġermaniżi lill-Kummissjoni Ewropea, li tikkonċerna impjanti li jinsabu fit-territorju Ġermaniż ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Rifjut parzjali ta’ aċċess”

Fil-Kawża C-60/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-11 ta’ Frar 2015,

Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH, stabbilita f’Stolberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Altenschmidt u P.-A. Schütter, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer kif ukoll minn F. Clotuche-Duvieusart u P. Mihaylova, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Saint-Gobain”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Diċembru 2014, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni (T-476/12, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:1059), li permezz tagħha din l-aħħar imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Jannar 2013, li tiċħad l-aċċess sħiħ għal-lista trażmessa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1), sa fejn dan id-dokument jinkludi informazzjoni marbuta ma’ ċerti impjanti ta’ Saint-Gobain, li jinsabu fit-territorju Ġermaniż, li tikkonċerna allokazzjonijiet provviżorji kif ukoll l-attivitajiet u l-livelli ta’ kapaċità fir-rigward ta’ emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju (CO2) matul is-snin 2005 sa 2010, l-effikaċja tal-impjanti u l-kwoti ta’ emissjoni annwali allokat provviżorjament għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), jipprovdi:

“1.   Kull parti għandha tagħmel mod li, taħt ir-riżerva tal-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent mitluba minnhom […].

a)

il-pubbliku ma jkollux għalfejn jinvoka interess partikolari;

[…]

4.   Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq:

a)

il-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi meta din il-kunfidenzjalità tkun prevista skont id-dritt intern;

[…]

Ir-raġunijiet għal rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud tal-interess pubbliku fl-iżvelar u skont jekk din l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 2, 4, 6 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) huma redatti kif ġej:

“(1)

It-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-kunċett ta’ trasparenza, billi jgħid li t-Trattat huwa stadju ġdid fil-proċess tal-ħluq ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ, u l-eqreb liċ-ċittadin, possibbli.

(2)

It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[…]

(6)

Għandu jingħata aktar aċċess għad-dokumenti f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kapaċitajiet leġislattivi tagħhom, inklużi dawk taħt setgħat delegati, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm l-effettività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jsiru direttament aċċessibbli bl-aktar mod possibbli.

[…]

(11)

Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

a)

li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l-istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti;

b)

li jistabbilixxi regoli li jiżguraw l-aktar faċilità fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, u

ċ)

li jimmpromwovi prattika amministrattiv tajba fl-aċċess għad-dokumenti.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Benefiċjarji u skop”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

6

L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi:

“[…]

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

[…]

l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.   Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

5.   Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

[…]”

7

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375) jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

a)

il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, meta din il-kunfidenzjalità tkun ipprovvduta bil-liġi;

[…]”

8

Il-premessa 2 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), huwa redatt kif ġej:

“Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent jisħaq fuq l-importanza li jiġu pprovduti informazzjoni adegwata dwar l-ambjent u opportunitajiet effettivi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tiswir ta’ deċiżjonijiet dwar l-ambjent, sabiex b’hekk tiżdied ir-responsabbiltà u t-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jsir kontribut għall-kuxjenza pubblika u jiżdied l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda. Barra dan, il-programm jinkoraġġixxi, kif għamlu dawk ta’ qablu, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni aktar effettivi tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent, inkluż l-infurzar tar-regoli Komunitarji u t-teħid ta’ azzjoni kontra l-ksur tal-liġi Komunitarja dwar l-ambjent.”

9

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw taħt il-[Konvenzjoni d’Aarhus], billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, partikolarment billi:

a)

jiġi garantit id-dritt għall-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent riċevuta jew prodotta minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità u miżmuma minnhom, u billi jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet bażiċi ta’ l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt u l-arranġamenti prattiċi għall-istess eżerċizzju;

b)

jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-ambjent tiġi progressivament magħmula disponibbli u mxerrda lill-pubbliku sabiex jinkisbu kemm id-disponibbiltà kif ukoll it-tixrid sistematiċi l-aktar ampji tagħha. Għal dak il-għan għandu jiġi promoss, fejn disponibbli, l-użu, partikolarment, tat-teknoloġija informatika tat-telekomunikazzjoni u/jew elettronika;

ċ)

jkun hemm provvediment għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward ta’ pjanijiet u programmi relatati ma’ l-ambjent;

d)

jingħata aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell Komunitarju taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament.

2.   Fl-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jassistu u jipprovdu gwida lill-pubbliku fir-rigward ta’ l-aċċess għall-informazzjoni, tal-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.”

10

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

d)

‘informazzjoni dwar l-ambjent’ tfisser kwalunkwe informazzjoni f’għamla miktuba, viżwali, li tinstema’, elettronika jew fi kwalunkwe forma materjali oħra dwar:

[…]

iii)

miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-linji politiċi, il-leġislazzjoni, il-pjanijiet, il-programmi, il-ftehim ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew li x’aktarx jaffettwaw l-elementi u l-fatturi msemmija fil-punti (i) u (ii) kif ukoll miżuri jew attivitajiet intiżi sabiex jipproteġu dawn l-elementi;

[…]”

11

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan l-istess regolament huwa redatt kif ġej:

“Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità minghajr diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv ta’ l-attivitajiet tagħha.”

12

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006, intitolat “Applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ talbiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’ mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

13

Skont l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 2011/278:

“Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, sat-30 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE fit-territorju tagħhom, inklużi installazzjonijiet identifikati skont l-Artikolu 5, permezz ta’ mudell elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

14

Saint-Gobain, kumpannija attiva fis-suq dinji tal-ħġieġ, tiġġestixxi impjanti li huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).

15

Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-Deċiżjoni 2011/278, Saint-Gobain ressqet talba quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti għall-għoti bla ħlas ta’ kwoti ta’ emissjoni għat-tielet perijodu previst fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni stabbilita minn din id-direttiva, jiġifieri għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2020.

16

Din id-deċiżjoni tipprovdi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw in-numru provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati bla ħlas lil kull wieħed mill-impjanti li jeżisti, abbażi tal-valuri ta’ riferiment iddeterminati mill-Kummissjoni Ewropea. L-imsemmija deċiżjoni tipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 15(1) tagħha, li r-riżultati ta’ dawn il-kalkoli għandhom jiġu inseriti fil-lista ta’ impjanti koperti mid-Direttiva 2003/87 li jinsabu fit-territorju ta’ kull Stat Membru, u li din il-lista għandha tiġi trażmessa minn kull Stat lill-Kummissjoni għal verifika.

17

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Lulju 2012, Saint-Gobain talbet lill-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 1367/2006, li tingħata aċċess għat-tabella Excel, trażmessa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 15(1). Din it-tabella tinkludi informazzjoni marbuta ma’ ċerti impjanti ta’ Saint-Gobain li jinsabu fit-territorju Ġermaniż. B’mod partikolari, Saint-Gobain talbet li tingħata l-aċċess għad-data marbuta mal-“kapaċitajiet inizjali installati”, trażmessi għal kull sottoimpjant, u għan-numru provviżorju annwali ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati bla ħlas lil kull waħda mis-sottoimpjanti tagħha għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2020.

18

Id-direttorat ġenerali tal-azzjoni għall-klima tal-Kummissjoni, permezz tal-ittra tat-23 ta’ Lulju 2012, ċaħad it-talba ta’ Saint-Gobain abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

19

Sussegwentement, l-awtoritajiet Ġermaniżi ppubblikaw il-lista tal-impjanti kkonċernati u l-kwoti ta’ emissjoni annwali allokati provviżorjament għal kull impjant.

20

Fis-7 ta’ Awwissu 2012, Saint-Gobain ressqet talba konfermatorja għal aċċess għad-dokumenti fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001.

21

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni estendiet it-termini għar-risposta bi ħmistax-il jum ta’ xogħol, jiġifieri tal-25 ta’ Settembru 2012.

22

Madankollu, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni informat lil Saint-Gobain li ma setgħetx tikkomunikalha deċiżjoni definittiva fit-terminu stabbilit, peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi, li kienu ġew ikkonsultati bħala awturi tal-informazzjoni mitluba, kienu għadhom ma bagħtu l-ebda risposta.

23

Fit-28 ta’ Settembru 2012, Saint-Gobain stiednet lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba konfermatorja tagħha qabel il-15 ta’ Ottubru 2012.

24

Fis-17 ta’ Jannar 2013, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonċediet aċċess parzjali għall-informazzjoni mitluba, jiġifieri dik li ġiet ippubblikata mill-awtoritajiet Ġermaniżi, kif ukoll għal dik mhux essenzjali li tinsab fit-tabella Excel u ċaħdet l-aċċess għall-kumplament tal-informazzjoni.

25

Il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi kkunsidrat li l-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni mitluba kien ser jimmina serjament il-proċess deċiżjonali tagħha li kien għadu għaddej u kien jinvolvi ħafna impjanti f’27 Stat Membru ta’ dak iż-żmien. Skont din l-istituzzjoni, komunikazzjoni sħiħa ta’ dik l-informazzjoni kienet tippermetti lill-pubbliku, u, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati, li jqajmu kwistjonijiet jew jifformulaw kritika fid-dawl tal-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri, u dan seta’ jinterferixxi fil-proċess deċiżjonali. Min-naħa tagħhom, dawn l-interferenzi setgħu jtawlu serjament dak il-proċess deċiżjonali u jagħmlu ħsara lid-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

26

Peress li l-informazzjoni mitluba kienet ġiet prodotta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni kkonsultat ma’ dan l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, li min-naħa tiegħu oppona għall-iżvelar ta’ din l-informazzjoni. L-imsemmi Stat Membru, bħall-Kummisjoni, iġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu bl-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, huwa sostna li l-Kummissjoni kienet għadha ma adottat l-ebda deċiżjoni dwar l-imsemmija informazzjoni u li tali deċiżjoni kienet mistennija ħafna fit-termini stabbiliti. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn ir-raġunijiet kienu prima facie rilevanti.

27

Fid-deċiżjoni kontezjuża, il-Kummissjoni, qabelxejn ikkonstatat li ma kienx jeżisti interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-ewwel paragarafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, li jiġġustifika l-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni mitluba, filwaqt li speċifikat li l-interessi espressi minn Saint-Gobain fit-talba tagħha kienu ta’ natura purament privata. Sussegwentement, din l-istituzzjoni kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-interessi prijoritarji kienu li tiġi żgurata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ħielsa minn kull influwenza esterna u li tiġi żgurata l-klima ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li parti importanti mill-informazzjoni mitluba kienet diġà ġiet ippubblikata mill-awtoritajiet Ġermaniżi u indikat li għaldaqstant il-pubbliku kellu aċċess għall-elementi prinċipali tal-proġett ta’ allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet bla ħlas.

28

Finalment, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni speċifikat li, anki jekk jiġi preżunt li l-informazzjoni mitluba minn Saint-Gobain kienet ikkostitwita minn informazzjoni ambjentali, b’differenza mill-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 ma jinkludi fih l-ebda dispożizzjoni li tippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

29

Fil-31 ta’ Ottubru 2012, Saint-Gobain ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet impliċiti tal-Kummissjoni tal-4 u tal-25 ta’ Settembru 2012. Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fis-17 ta’ Jannar 2013, Saint-Gobain talbet l-awtorizzazzjoni sabiex taġġusta t-talbiet tagħha. Peress li laqgħet id-dritt għal din it-talba, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikors kien minn issa ’il quddiem jikkonċerna biss l-annullament ta’ din l-aħħar imsemmija deċiżjoni.

30

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali warrbet iż-żewġ motivi invokati minn Saint-Gobain u ċaħdet ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet;

31

Saint-Gobain titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li Saint-Gobain tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

33

Insostenn tar-rikors, Saint-Gobain tqajjem, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv, maqsum f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn il-Qorti Ġenerali, minn naħa, wettqet interpretazzjoni estensiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, ma rrikonoxxietx l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifka l-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali mitluba. It-tieni motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

L-argumenti tal-partijiet

34

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, Saint-Gobain issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1367/2006, b’mod partikolari mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) dwar in-neċessità ta’ interpretazzjoni “stretta” tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, fosthom b’mod partikolari dik prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3), maħsuba sabiex tipproteġi l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjonijiet, sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal informazzjoni ambjentali.

35

Wara li rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-informazzjoni li ntalab l-aċċess għaliha f’dan il-każ hija “informazzjoni ambjentali” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006, Saint-Gobain tirrileva li, fil-preżenza ta’ tali informazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati li josservaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, li huma intiżi li japplikaw għal dawn l-istituzzjonijiet il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li tifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

36

Issa, din il-konvenzjoni ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni ta’ natura ġenerali paragunabbli ma’ dik tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali għadu jiġi rrifjutat f’każ li l-iżvelar tagħha jkun jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 4(4)(a) tal-imsemmija konvenzjoni, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni f’dan il-każ, talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali tista’ tiġi rrifjutata biss f’każ li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkollu effetti sfavorevoli fuq is-sigriet ta’ “deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”, meta dan is-sigriet ikun previst mid-dritt intern.

37

Barra minn hekk, tali raġuni għal rifjut hija identika għal dik prevista fl-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/4, li għandha l-għan li tapplika il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

38

B’hekk, kemm fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll ta’ din id-direttiva, ir-raġuni ta’ rifjut inkwistjoni kellha, skont ma jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza nazzjonali Ġermaniża, tinftiehem bħala li tikkonċerna biss id-deliberazzjonijiet interni marbuta mal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet u mhux l-elementi ta’ qabel dawn id-deliberazzjonijiet, bħall-informazzjoni li fuqhom ikunu msejsa dawn tal-aħħar.

39

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni estensiva tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt hija qieset li r-rifjut tal-aċċess għall-informazzjoni mitluba kien f’dan il-każ iġġustifikat sabiex jiġu evitati influwenzi esterni li jistgħu jipperturbaw l-iżvolġiment normali tal-proċess deċiżjonali pendenti, b’mod partikolari, billi jiġi pprovokat dewmien sinjifikattiv fil-proċess ta’ verifika tal-informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni u billi jinħolqu xi frizzjonijiet mal-Istati Membri li ttrasferixxew l-imsemmija informazzjoni, li jistgħu jagħmlu ħsara lid-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-imsemmija Stati Membri.

40

Issa, skont Saint-Gobain, is-sempliċi possibbiltà li l-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, jagħti lok għal kritika, ma jistax jiġġustifika n-natura kunfidenzjali tagħhom, peress li tali kritika min-naħa tal-pubbliku, li tirriżulta mit-trasparenza tal-proċeduri amministrattivi, hija l-konsegwenza mixtieqa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, din il-kritika sservi speċifikament l-għanijiet segwiti mill-imsemmija leġiżlazzjoni, fosthom dawk li jiġu adottati l-aħjar deċiżjonijiet fil-qasam tal-ambjent abbażi tal-informazzjoni suġġetta għall-istħarriġ mill-pubbliku. Barra minn hekk, Saint-Gobain tispeċifika li la r-Regolament Nru 1367/2006 u lanqas id-Direttiva 2003/4 ma tipprovdi għal raġunijiet ta’ rifjut marbuta mal-protezzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

41

Fl-aħħar, Saint-Gobain issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 80 sa 82 u 87 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha b’mod żbaljat, diversi drabi, fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mar-Regolament Nru 1049/2001 li ma tikkonċernax l-aċċess għal informazzjoni ambjentali fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni li tkun pendenti.

42

Il-Kummissjoni twieġeb billi teċepixxi qabelxejn l-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju tal-appell. Fil-fatt, qabelxejn, jekk dan l-aggravju għandu jiġi interpretat bħala li jikkontesta l-legalità tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan ikun ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Sussegwentement, sa fejn dan l-ewwel aggravju jista’ jinftiehem bħala li jallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-rekwiżit li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kunċett ta’ “deliberazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi” li jinsab fl-Artikolu 4(4)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan huwa bbażat fuq argumentat li la ġie ppreżentat u lanqas diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar, l-imsemmi aggravju ma kienx jidentifika bi preċiżjoni il-punti kritiċi tal-motivi tas-sentenza appellata.

43

Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, l-ewwel aggravju ma huwiex fondat. Fil-fatt, fl-ewwel lok, kemm il-kliem tal-Artikolu 4(4)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll dak tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/4 ma jagħmlux riferiment għad-“deliberazzjonijiet interni”, iżda sempliċement għal “proċedimenti” tal-awtoritajiet pubbliċi. Issa, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri kollha, bħall-Unjoni, huma parti fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus, hemm lok li jinftiehem li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx jintendi, permezz tad-Direttiva 2003/4, li jimponi fuq l-Istati Membri obbligi materjali differenti minn dawk imposti fuq il-korpi tal-Unjoni permezz tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Nru 1367/2006.

44

Fit-tieni lok, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “deliberazzjonijiet” li skontha dan ikopri biss l-operazzjonijiet interni ta’ awtorità pubblika hija biss waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli ta’ dan il-kunċett skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-“Linja gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tinterpreta it-tielet paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

45

Fit-tielet lok, il-kriterju adottat mill-Artikolu 4(4)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, bl-istess mod bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, ma huwiex il-kontenut tad-dokument, iżda l-“effetti sfavorevoli” tal-iżvelar ta’ dan il-kontenut. Konsegwentement, anki jekk dokument ma jkunx konness mad-deliberazzjonijiet interni ta’ awtorità pubblika, iżda biss mal-elementi li jkunu ntużaw bħala bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-aċċess għal dan id-dokument jista’ jiġi rrifjutat bl-applikazzjoni ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ammissibbiltà

46

Qabelxejn, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju f’każ li dan kellu jinftiehem bħala li huwa intiż li jikkontesta l-validità tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

47

Madankollu, billi Saint-Gobain ikkonfermat espressament, fir-replika tagħha, li, bl-aggravju inkwistjoni, hija bl-ebda mod ma riedet tikkontesta l-validità tal-imsemmi regolament u ta’ dan kollu ġie nnotat mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dan l-argument tal-Kummissjoni.

48

Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli peress li huwa bbażat fuq argument li la ġie invokat u lanqas diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

50

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’appell hija limitata għal evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija fir-rigward tal-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza. Għaldaqstant, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2016, Fapricela vs Il-Kummissjoni, C-510/15 P, EU:C:2016:547, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza stabbilita).

51

Madankollu, argument li ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza ma jistax jitqies bħala argument ġdid, inammissibbli fl-istadju tal-appell, jekk dan ikun jikkostitwixxi biss elaborazzjoni ta’ argument li jkun diġà ġie zviluppat fil-kuntest ta’ motiv imressaq fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C-247/11 P u C-253/11 P, EU:C:2014:257, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tat-talbiet tiegħu, Saint-Gobain invokat quddiem il-Qorti Ġenerali ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi sostniet li r-raġunijiet għar-rifjut ta’ aċċess għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Għal dan l-għan, Saint-Gobain għamlet riferiment espress għall-finalità ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament, jiġifieri li tiġi implementata l-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

53

Issa, bl-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Saint-Gobain tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 tapplika kemm għad-dokumenti stabbiliti fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali kif ukoll għad-dokumenti marbuta direttament mal-kwistjonijiet ittrattati f’dan il-proċess. Saint-Gobain issostni li din l-interpretazzjoni tmur kontra t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li dan l-aħħar imsemmi regolament huwa intiż li jimplementa, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(4)(a) ta’ din tal-aħħar.

54

Ċertament, fir-rikors tal-ewwel istanza, Saint-Gobain ma semmietx espressament l-Artikolu 4(4)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Madankollu, hija sostniet li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 adottat mill-Kummissjoni ma kinitx konformi mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

55

Għalhekk, peress li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-argument imqajjem minn Saint-Gobain jikkostitwixxi biss elaborazzoni ta’ argument diġà żviluppat fil-kuntest ta’ motiv invokat fir-rikors tal-ewwel istanza u għalhekk ma jistax jitqies inammissibbli.

56

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-appell ma jidentifikax bi preċiżjoni l-punti kkontestati tas-sentenza appellata.

57

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li skont l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aggravji u l-argumenti ta’ dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qed jiġu kkontestati. Appell li ma jidentifikax il-punti kritiċi tas-sentenza appellata u l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali jkun inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, NIOC et vs Il-Kunsill, C-595/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:721, punti 9596).

58

Issa, f’dan il-każ, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Saint-Gobain tindirizza espressament il-punti 80 sa 82 kif ukoll 87 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, sa fejn din tallega li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni ta’ Aarhus fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006, għaliha kien impossibbli li tidentifika punti speċifiċi ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li l-appell jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

59

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma mill-Kummissjoni.

Fuq il-mertu

60

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jirrifletti r-rieda espressa fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat UE, inkluż bit-Trattat ta’ Amsterdam, li jiġi mħaddan stadju ġdid fil-proċess ta’ ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u l-iktar eqreb possibbli lejn iċ-ċittadin. Kif tfakkar il-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, EU:C:2008:374, punt 34).

61

Għal dan l-għan, l-istess regolament huwa intiż, bħalma jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt għall-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P, u C-605/11 P, EU:C:2013:738, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

Ċertament, l-imsemmi dritt ta’ aċċess huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod partikolari, u f’konformità mal-premessa 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, fl-Artikolu 4 tiegħu, għal sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokument f’każ li l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar ikun jippreġudika wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C-514/07 P, C-528/07 P, u C-532/07 P, EU:C:2010:541, punti 7071 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

Madankollu, peress li tali eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, EU:C:2007:802, punt 66, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C-506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75).

64

Fir-rigward tal-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, ir-Regolament Nru 1367/2006 jsegwi l-għan, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li tiġi żgurata d-dispożizzjoni u d-diffużjoni sistematiċi kemm jista’ jkun wesgħin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe, C-673/13 P, EU:C:2016:889, punt 52).

65

Għalkemm, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006, ir-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari l-Artikolu 4 ta’ dan tal-aħħar, japplika, bħala prinċipju, għal kull talba għal aċċess għal tali informazzjoni ambjentali miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 jżid regoli iktar speċifiċi li jikkonċernaw dawn it-talbiet, li, in parte, jiffavorixxu u, in parte, jillimitaw l-aċċess għad-dokumenti (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P u C-605/11 P, EU:C:2013:738, punt 53).

66

B’mod partikolari, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirriżulta li, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-raġuni għal rifjut għandha tiġi interpretata b’mod strett, fid-dawl tal-interess pubbliku li jippreżenta l-iżvelar u tal-fatt dwar jekk l-informazzjoni mitluba hijiex konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C-514/11 P u C-605/11 P, EU:C:2013:738, punt 83).

67

Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

68

Fil-punti 79 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni kien proċedura amministrattiva maħsuba li talloka b’mod armonizzat kwoti ta’ emissjoni bla ħlas u li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din il-proċedura amministrattiva kienet għadha ma ġietx fi tmiemha.

69

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-imsemmija proċedura amministrattiva “kienet timmerita protezzjoni msaħħa”. Fil-fatt, kien jeżisti riskju miżjud li l-aċċess għal dokumenti interni li jifformaw parti mill-proċedura kkonċernata għandha riperkussjonijiet negattivi fuq il-proċess deċiżjonali. Din l-informazzjoni tista’ tintuża minn persuni interessati biex jippruvaw jeżerċitaw influwenza b’mod selettiv, ħaġa li tista’ tolqot b’mod partikolari l-kwalità tad-deċiżjoni finali.

70

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-proċeduri amministrattivi huma suġġetti għal termini stretti, li l-osservanza tagħhom tintilef li kieku l-Kummissjoni kellha, matul il-proċedura, teżamina u twieġeb għal reazzjonijiet għad-diskussjonijiet li jsiru fi ħdanha.

71

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma tirrikjedix aċċess għad-dokumenti daqshekk wiesa’ bħal dak li jikkonċerna l-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, liema aċċess, skont il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jkun iktar wiesa’.

72

Sussegwentement, fil-punti 86 sa 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ Saint-Gobain li l-informazzjoni mitluba ma tirrigwardax il-verifika mwettqa mill-Kummissjoni tal-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni 2011/278, iżda tirrigwarda tabella trażmessa mill-awtoritajiet Ġermaniżi lill-Kummissjoni u għalhekk ma tistax titqies bħala li tirrigwarda l-proċess deċiżjonali fih innifsu.

73

Bil-għan li tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, bl-użu tal-frażi “marbuta ma’ kwistjoni”, il-leġiżlatur ma riedx jillimita l-portata tal-informazzjoni koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 biss għall-dawk id-dokumenti stabbiliti fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni u li l-użu ta’ din il-frażi jippermetti wkoll l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għad-dokumenti marbuta direttament mal-kwistjonijiet ittrattati f’dan il-proċess.

74

B’hekk, skont il-Qorti Ġenerali, peress li l-informazzjoni li Saint-Gobain talbet li tingħata l-aċċess għaliha kienet informazzjoni marbuta direttament mal-kwistjoni eżaminata fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali pendenti fil-mument li ttieħdet id-deċiżjoni kontenzjuża, hija kellha “rabta ma’ kwistjoni li dwarha l-istituzzjoni [kienet għadha] ma ħaditx deċiżjoni”.

75

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 mogħtija mill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ konfużjoni tal-kunċetti ta’ proċess deċiżjonali u ta’ proċedura amministrattiva, twassal sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst minn din id-dispożizzjoni tant li tippermetti lil istituzzjoni tal-Unjoni li tirrifjuta l-aċċess għal kull dokument, inklużi dawk li jinkludu informazzjoni ambjentali, miżmuma minn din tal-aħħar, sa fejn tali dokument ikun marbut ma’ kwistjonijiet ittrattati fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva pendenti quddiem din l-istituzzjoni.

76

Issa, il-kunċett ta’ “proċess deċiżjonali” previst minn din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala li huwa konness mat-teħid ta’ deċiżjoni mingħajr ma jkopri l-proċedura amministrattiva kollha li tkun wasslet għal din tal-aħħar.

77

Tali interpretazzjoni tirrizulta, qabelxejn, mill-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni, li jagħmel riferiment għad-dokumenti li huma “marbuta ma’ kwistjoni li dwarha [l-istituzzjoni tal-Unjoni] tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni”.

78

Sussegwentement, din l-interpretazzjoni tissodisfa r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, rekwiżit li huwa iktar u iktar qawwi meta d-dokumenti li tintalab il-komunikazzjoni tagħhom ikunu jinkludu informazzjoni ambjentali.

79

Fl-aħħar, fir-rigward ta’ tali dokumenti, l-imsemmija interpretazzjoni timponi wkoll fir-rigward tal-finalità tar-Regolament Nru 1367/2006, li skont it-titolu tiegħu, għandu japplika għall-istituzzjonijiet u għall-korpi tal-Unjoni id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

80

Ċertment, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament sempliċement jindika li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat b’mod strett, mingħajr ma jispeċifika li l-kunċett ta’ “proċess deċiżjonali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

81

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprovdi, fl-Artikolu 4(4)(a) tagħha, li talab għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda f’każ li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkollu effetti sfavorevoli fuq is-sigriet tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, meta dan is-sigriet ikun previst mid-dritt intern, u mhux fuq il-proċedura amministrattiva kollha li fi tmiemha dawn l-awtoritajiet jiddeliberaw.

82

Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkunsidrat, qabelxejn, li ċ-ċirkustanza mfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li l-proċedura amministrattiva inkwistjoni kienet għadha ma ġietx mitmuma fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, waħidha ma tippermettix li jintwera li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba kien ser jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

83

Sussegwentement, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 80 tas-sentenza appellata li l-proċedura amministrattiva inkwistjoni timmerita protezzjoni msaħħa, fil-verità huwa l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandu jipprevali, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 63 tas-sentenza appellata. B’hekk, is-sempliċi riferiment għal riskju ta’ riperkussjonijiet negattivi marbuta mal-aċċess għal dokumenti interni u mal-possibbiltà li persuni kkonċernati jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq il-proċedura ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jipprova li l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti jippreġudika serjament ukoll il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata.

84

Barra minn hekk, għalkemm, skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1367/2006, huwa neċessarju li l-pubbliku jiġi offrut il-possibbiltajiet li verament jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, b’mod li jissaħħaħ l-obbligu tal-għoti ta’ rendikont u t-trasparenza fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni, l-imsemmi regolament bl-ebda mod ma jirrikjedi, għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha teżamina jew twieġeb għar-reazzjonijiet tal-pubbliku wara l-iżvelar ta’ dokumenti, li jinkludu informazzjoni ambjentali, marbuta ma’ proċedura amministrattiva pendenti u li jirrilevaw id-diskussjonijiet li saru fi ħdanha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li tali żvelar jipperikola l-osservanza tat-termini tal-proċeduri amministrattivi mmexxija mill-Kummissjoni.

85

Fl-aħħar, jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm l-attività amministrativa tal-Kummissjoni ma tirrikjedix aċċess għad-dokumenti daqshekk estiż bħal dak li jikkonċerna l-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, dan bl-ebda mod ma jfisser li din ma hijiex koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, billi dan tal-aħħar japplika, skont l-Artikolu 2(3) tiegħu, għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri stabbiliti jew rċevuti minnha u fil-pussess tagħha, fid-dominji kollha ta’ attività tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il- Kummissjoni, C-506/08 P, EU:C:2011:496, punti 8788, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma interpretatx l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) ta-imsemmi regolament b’mod strett kif rikjest mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

87

Konsegwentement, peress li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija fondata, jeħtieġ, mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan tal-aħħar u t-tieni aggravju, li tiġi annullata s-sentenza appellata.

Fuq il-konsegwenzi ta’ l-annullament tas-sentenza appellata

88

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

89

F’dan il-każ, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament il-kawża, li hija fi stat li tiġi deċiża.

90

Fir-rikors tagħha għal annullament, Saint-Gobain invokat żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(d)(iii) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

91

Kif tfakkar fil-punti 25 sa 28 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontezjuża, ikkunsidrat li komunikazzjoni sħiħa tal-informazzjoni inkwistjoni tkun tippermetti lill-pubbliku u, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati li jqajmu kwistjonijiet jew li jifformulaw kritika fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri, li jistgħu jinterferixxu mal-proċess deċiżjonali kemm quddiem il-Kummissjoni kif ukoll quddiem l-Istati Membri. Min-naħa tagħhom, dawn l-interferenzi setgħu jtawlu serjament dak il-proċess deċiżjonali u jagħmlu ħsara lid-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll bħala rilevanti ċ-ċirkustanza li hija kienet għadha ma adottatx deċiżjoni marbuta tal-imsemmija informazzjoni u li tali deċiżjoni, kienet mistennija fit-termini stabbiliti. Din l-istituzzjoni żiedet li, f’dan il-każ, kien essenzjali li jiġi ggarantit li d-deċiżjoni inkwistjoni tkun tista’ tittieħed fl-assenza ta’ kull interferenza esterna u li tiġi ppreservata l-klima ta’ fiduċja bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi.

92

Issa, fid-dawl tar-raġunijiet inklużi fil-punti 75 sa 81 ta’ din is-sentenza, tali kunsiderazzjonijiet ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali kien sejjer jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

93

Konsegwentement, jeħtieġ li jintlaqa’ l-ewwel motiv tar-rikors għal annullament u li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma hemm il-bżonn li jiġi eżaminat it-tieni motiv ta’ dan ir-rikors.

Fuq l-ispejjeż

94

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba f’dan is-sens.

95

Peress li l-Kummissjoni tilfet fit-talbiet tagħha u Saint-Gobain talbet li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn Saint-Gobain kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċedura odjerna tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Diċembru 2014, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni (T-476/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1059) hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Jannar 2013, li tirrifjuta l-aċċess sħiħ għal-lista trażmessa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sa fejn dan id-dokument jinkludi informazzjoni marbuta ma’ ċerti impjanti ta’ Saint-Gobain, li jinsabu fit-territorju Ġermaniż, li tikkonċerna allokazzjonijiet provviżorji kif ukoll l-attivitajiet u l-livelli ta’ kapaċità fir-rigward ta’ emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju (CO2) matul is-snin 2005 sa 2010, l-effikaċja tal-impjanti u l-kwoti ta’ emissjoni annwali allokat provviżorjament għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2020, hija annullata.

 

3)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċedura odjerna tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top