Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0050

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-21 ta’ Jannar 2016.
    Kurt Hesse vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).
    Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 8(1)(b) u (5) – Trade mark verbali Carrera – Oppożizzjoni tal‑proprjetarju tat-trade marks verbali nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea CARRERA – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Reputazzjoni miksuba mit-trade mark preċedenti.
    Kawża C-50/15 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:34

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    21 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

    “Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 8(1)(b) u (5) — Trade mark verbali Carrera — Oppożizzjoni mill‑proprjetarju tat-trade marks verbali nazzjonali u Komunitarja CARRERA — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Reputazzjoni miksuba mit-trade mark preċedenti”

    Fil-Kawża C-50/15 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2015,

    Kurt Hesse, residenti f’Nürnberg (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Krogmann, Rechtsanwalt,

    appellant,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Schifko, bħala aġent,

    konvenut fl-ewwel istanza,

    Hubert Ampferl, bħala mandatarju stralċjarju ta’ Lutter & Partner GmbH, li kienet Lutter & Partner GmbH,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn E. Stolz, Rechtsanwalt,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, J.-C. Bonichot u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, K. Hesse qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-27 ta’ Novembru 2014, Hesse u Lutter & Partner vs UASI – Porsche (Carrera) (T‑173/11, EU:T:2014:1001, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-11 ta’ Jannar 2011 (Każ R 306/2010-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG (iktar ’il quddiem “Porsche”) u K. Hesse dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “Carrera” bħala trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, din il-kawża għadha rregolata bir-Regolament Nru 40/94.

    3

    Bit-titolu “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprovdi:

    “1.   Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

    [...]

    b)

    jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    [...]

    5.   Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    4

    Fis-16 ta’ Frar 2007, K. Hesse ppreżenta quddiem l-UASI applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tas-sinjal verbali “Carrera”.

    5

    Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu b’mod partikolari fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

    “Apparat għall-irrekordjar, it-trażmissjoni, ir-riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew ta’ stampi; settijiet tat-televiżjoni; mezzi manjetiċi għar-rekordjar; apparat tal-kompjuter u kompjuters għall-irrekordjar, l-ipproċessar u r-restituzzjoni tal-ħsejjes u tal-istampi; apparat u strumenti elettriċi għall-ipproċessar u t-trażmissjoni ta’ data u ta’ messaġġi; mezzi tal-ħażna diġitali; mezzi li jaħżnu d-data diġitali; mezzi ta’ data u ta’ rrekordjar ottiċi; televiżjonijiet mobbli, b’mod partikolari televiżjonijiet bil-batterija; drajv tad-DVD; reġistraturi ta’ diski vidjo diġitali; reġistraturi tal-vidjo; reġistraturi ta’ ħardisks; riċevituri tat-televiżjoni; riċevituri tas-satelliti; trażmettituri u riċevituri analog u diġitali; flash drives tal-USB; scart sticks; kards plug-in; diski DVD; diski CD-ROM; apparat ta’ antenni; antenni satellitari; antenni satellitari fuq l-art; installazzjonijiet HI-FI; home cinema; apparat ta’ restituzzjoni portabbli għall-irrekordjar awdjo u vidjo; kabinetti għall-amplifikaturi tal-ħoss; magni tad-dettatura; apparat tan-navigazzjoni mobbli, b’mod partikolari apparat ta’ navigazzjoni bis-satellita mobbli; għaqda tal-artikoli kollha msemmija iktar ’il fuq; l-artikoli msemmija iktar ’il fuq li ma jiġux iffittjati f’vetturi awtomobbli bħala ekwipaġġament standard jew ekwipaġġament speċjali.”

    6

    L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 36/2007, tat-23 ta’ Lulju 2007.

    7

    Fis-26 ta’ Lulju 2007, Porsche ppreżentat oppożizzjoni taħt l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Carrera għall-prodotti msemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza.

    8

    It-trade marks preċedenti invokati minn Porsche insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawn li ġejjin:

    it-trade mark Komunitarja verbali CARRERA, irreġistrata mal-UASI fit-22 ta’ Jannar 2001, bin-Numru 283879, sabiex tindika prodotti fil-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Vetturi awtomobbli u l-partijiet tagħhom, vetturi tal-art u dgħajjes kif ukoll il-partijiet tagħhom, ħlief roti (biċikletti) u l-partijiet tagħhom”;

    it-trade mark Ġermaniża verbali CARRERA, irreġistrata fis-7 ta’ Lulju 1976 u estiża sal-2012, bin-Numru 946370, sabiex tindika prodotti fil-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Vetturi awtomobbli, jiġifieri karozzi sportivi”.

    9

    Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.

    10

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni, billi qieset li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti u li l-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jistax jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew jikkawżalhom ħsara.

    11

    Fl-4 ta’ Marzu 2010, Porsche ppreżentat appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    12

    Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) laqa’ l-imsemmi appell filwaqt li annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti inkwistjoni f’dak li jikkonċerna l-“apparat ta’ navigazzjoni mobbli, b’mod partikolari [l-]apparat ta’ navigazzjoni bis-satellita mobbli”.

    13

    Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet parzjalment ittrasferita lill-kumpannija Lutter & Partner GmbH (iktar ’il quddiem “Lutter & Partner”).

    14

    Wara dan it-trasferiment, żewġ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Carrera ddaħħlu fid-database tal-UASI, jiġifieri, minn naħa, dik li ġġib in-Numru 5723432, li tikkonċerna ċerti prodotti ċċitati fil-punt 5 iktar ’il fuq, fosthom l-“apparat ta’ navigazzjoni mobbli, b’mod partikolari [l-]apparat ta’ navigazzjoni bis-satellita mobbli” u, minn naħa oħra, dik li ġġib in-Numru 10881332 u li tikkonċerna prodotti oħra ċċitati fil-punt 5 iktar ’il fuq.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    15

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2011, K. Hesse ressaq azzjoni għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali billi invoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u t-tieni wieħed fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament.

    16

    Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Novembru 2014, Lutter & Partner ġiet aċċettata sabiex tissostitwixxi parzjalment lil K. Hesse bħala rikorrenti f’din il-proċedura, jiġifieri sa fejn din tikkonċerna l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Carrera Nru 10881332.

    17

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li ddikjarat it-talbiet sussidjarji bħala inammissibbli, ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat.

    It-talbiet tal-partijiet

    18

    K. Hesse jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tiċħad l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Komunitarja Nru 5723432, ippreżentata fis-16 ta’ Frar 2007;

    sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali; u

    tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

    19

    Porsche u l-UASI jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil K. Hesse għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    Fuq l-ewwel aggravju

    20

    Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, K. Hesse essenzjalment isostni li, fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna x-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni. F’dan ir-rigward huwa jsostni li, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti inkwistjoni, li f’dan il-każ jinkludu l-oriġini, il-kummerċjalizzazzjoni, il-kanali ta’ distribuzzjoni u l-punti ta’ bejgħ rispettivi ta’ dawn il-prodotti, jiġifieri l-fatturi kollha li fuqhom l-apparat ta’ navigazzjoni mobbli jiddistingwi ruħu mill-vetturi awtomobbli. Li kieku l-Qorti Ġenerali kienet ħadet inkunsiderazzjoni b’mod komplet dawn l-elementi essenzjali, hija ma kinitx tkun tista’ tikkonstata komplementarjetà funzjonali u, konsegwentement, xebh bejn dawn il-prodotti.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn prodotti jew servizzi, hemm lok li jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-għan tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Sunrider vs UASI, C-416/04 P, EU:C:2006:310, punt 85, u Les Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, EU:C:2008:739, punt 65).

    22

    Sa fejn K. Hesse jikkritika lill-Qorti Ġenerali, permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti inkwistjoni, b’mod partikolari, l-oriġini, il-kummerċjalizzazzjoni, il-kanali ta’ distribuzzjoni u l-punti ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li, fil-parti tas-sentenza appellata msemmija mill-imsemmi aggravju, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li skontha l-prodotti inkwistjoni jixxiebhu minħabba l-komplementarità, billi qieset, b’mod partikolari fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li l-argumenti mressqa minn K. Hesse b’mod speċifiku f’dan il-kuntest ma humiex idonei sabiex jinvalidaw din il-konstatazzjoni.

    23

    Fit-tieni lok, minkejja li n-natura komplementari tal-prodotti kkonċernati tirrappreżenta biss fattur fost diversi oħrajn, bħan-natura, l-użu jew il-kanali ta’ distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti, li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi evalwat ix-xebh tal-prodotti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan huwa kriterju awtonomu, li, waħdu jista’ jkun ta’ bażi għall-eżistenza ta’ tali xebh.

    24

    Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax, bla ħsara għall-obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali u r-regoli tal-proċedura fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova u li ma jiġux żnaturati l-provi, tkun obbligata timmotiva b’mod espress l‑evalwazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-valur ta’ kull prova ppreżentata quddiemha, b’mod partikolari meta hija tqis li dawn huma bla interess jew neqsin minn rilevanza għas-soluzzjoni tat-tilwima (sentenza Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-237/98 P, EU:C:2000:321, punt 51).

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza appellata, ikkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li skontha l-prodotti inkwistjoni kienu jixxiebhu minħabba l-komplementarjetà tagħhom mingħajr ma wettqet, b’dan l-għan, analiżi tal-oriġini, tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-kanali ta’ distribuzzjoni jew tal-punti ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti.

    26

    Sa fejn, barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju K. Hesse jsostni li l-użin korrett tal-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward kellu jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li ma hemmx xebh tal-prodotti inkwistjoni, fil-verità kulma jagħmel dan huwa li jikkontesta evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali (ara, b’analoġija, id-digrieti DMK vs UASI, C-346/12 P, EU:C:2013:397, punti 4445, kif ukoll Greinwald vs Wessang, C-608/12 P, EU:C:2014:394, punt 35).

    27

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq it-tieni aggravju

    28

    Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, K. Hesse essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat li t-trade marks preċedenti kienu kisbu reputazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat b’mod manifest fatti u provi li kienu ppreżentati quddiemha billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti riżultati essenzjali tal-istħarriġ imwettaq mill-impriża GfK, li minnhom jirriżulta li, fl-aħħar mill-aħħar, il-pubbliku jassoċja t-trade mark CARRERA mhux mal-vetturi awtomobbli, iżda qabel xejn mal-logħob, b’mod partikolari maċ-ċirkwiti tat-tlielaq elettriċi intiżi għat-tfal. Madankollu, billi tibbaża ruħha fuq dawn ir-riżultati, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li t-trade mark CARRERA ma kinitx tgawdi minn reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

    29

    Sa fejn, permezz ta’ dan l-aggravju, K. Hesse għandu l-intenzjoni li juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonfermat li t-trade marks preċedenti kienu kisbu reputazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi rrilevat li din il-konstatazzjoni taqa’ fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, liema evalwazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, ma tistax tiġi appellata, bla ħsara għal żnaturament tal-fatti u tal-provi ppreżentati quddiem din il-qorti.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta anki minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ġdida [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Waterford Wedgwood vs Assembled Investments (Proprietary), C-398/07 P, EU:C:2009:288, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    31

    Issa, billi kulma qiegħed jagħmel essenzjalment huwa li jsostni li, li kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni ċerti riżultati u elementi oħra tal-istħarriġ imwettaq mill-impriża GfK differenti minn dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, din il-qorti kien ikollha tikkonkludi li ma kienx hemm reputazzjoni tat-trade mark CARRERA, K. Hesse ma jurix li fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti ppreżentati quddiemha u, iktar u iktar, wettqet żnaturament tagħhom.

    32

    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat.

    Fuq it-tielet aggravju

    33

    Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, K. Hesse essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li kienet teżisti probabbiltà ta’ “trasferiment tal-immaġni” għall-benefiċċju tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward allegatament jinjoraw il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. B’mod partikolari, ikun inkonċepibbli li hija biss il-possibbiltà ta’ użu f’vetturi awtomobbli u n-natura teknika tal-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell f’dan il-kuntest assolutament ma jistgħux jiġu appoġġjati u bl-ebda mod ma jsostnu “użanza soċjali” li tista’ twassal għal trasferiment tal-immaġni għall-finijiet tal-imsemmi artikolu. Skont l-appellant, dan huwa minnu iktar u iktar għaliex il-prodotti kunfliġġenti f’dan il-każ ma jixxibhux, hekk kif sostna fil-kuntest tal-ewwel aggravju.

    34

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-tielet aggravju tiegħu, K. Hesse jsostni, mingħajr ma jippreċiża la l-punti tas-sentenza appellata msemmija u lanqas l-iżball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet fiha, argumentazzjoni li tixbah lil dik li huwa żviluppa quddiem din il-qorti, billi kkritika l-evalwazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ “trasferiment tal-immaġni” għall-benefiċċju tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, argument li l-Qorti Ġenerali ċaħdet fil-punti 69 sa 73 tas-sentenza appellata.

    35

    Fit-tieni lok, sa fejn K. Hesse jikkontesta l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ “trasferiment tal-immaġni” billi telaq mill-premessa li l-prodotti inkwistjoni ma jixxibhux, huwa biżżejjed li wieħed josserva li l-ewwel aggravju, dirett kontra l-affermazzjoni mill-Qorti Ġenerali li tali xebh jeżisti, ġie miċħud fil-punti 22 sa 27 ta’ din is-sentenza.

    36

    Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

    37

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    38

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Porsche u l-UASI talbu l-kundanna ta’ K. Hesse għall-ispejjeż u dan tal-aħħar tilef il-kawża, dan għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Porsche u mill-UASI.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Kurt Hesse huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top