EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0047

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Ġunju 2016.
Sélina Affum, épouse Amissah vs Préfet du Pas-de-Calais u Procureur général de la Cour d'appel de Douai.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment – Arrest preventiv – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ dħul irregolari, piena ta’ priġunerija – Sitwazzjoni ta’ ‘tranżitu’ – Arranġament ta’ ammissjoni mill-ġdid multilaterali.
Kawża C-47/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:408

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment — Arrest preventiv — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ dħul irregolari, piena ta’ priġunerija — Sitwazzjoni ta’ ‘tranżitu’ — Arranġament ta’ ammissjoni mill-ġdid multilaterali”

Fil-Kawża C‑47/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Sélina Affum,

vs

Préfet du Pas-de-Calais,

Procureur général de la cour d’appel de Douai,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, M. Berger, K. Jürimäe, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Affum, minn P. Spinosi, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Tátrai, kif ukoll minn G. Koós u M. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn C. Bichet, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Sélina Affum, u, min-naħa l-oħra, il-prefett ta’ Pas-de-Calais (Franza) u l-prosekutur ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta’ Douai (Franza), dwar id-dħul irregolari tagħha fit-territorju Franċiż u l-estensjoni tad-detenzjoni amministrattiva tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/115

3

Il-premessi 2, 4, 5, 10, 17 u 26 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l‑4 u l‑5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[...]

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

(5)

Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fi Stat Membru.

[...]

(10)

Fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għal xiex wieħed għandu jaħseb li dan ikun se jimmina l-iskop tal-proċedura tar-ritorn, għandu jkun ippreferut ir-ritorn voluntarju aktar milli ritorn bil-forza, u għandu jingħata żmien għat-tluq volontarju. [...]

[...]

(17)

[...] Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f’faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.

[...]

(26)

Sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul bi qbil mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fiha ir-Renju Unit [tal-Gran Brettanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq] mhux se jieħu sehem [...]; barra minn dan, [...] ir-Renju Unit mhux jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [irregolarment], skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment [irregolarment] fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li:

(a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[...]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet” jgħid:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2)

‘soġġorn illegali [residenza rregolari]’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

3)

‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat – għal:

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5)

‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

[...]”

7

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet aktar favorevoli”, jindika, fil-paragrafu (4) tiegħu:

“Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2 (2)(a) l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżguraw li t-trattament tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ miżuri koerżivi), l-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija), l-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f’emerġenza u b’kont meħud tal-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli) u l-Artikoli 16 u 17 (kondizzjonijiet tad-detenzjoni) u

(b)

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

8

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn” jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment [jirrisjedi irregolarment] fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5

[...]

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

[...]”

9

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tluq volontarju”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4 [...]”

10

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tneħħija”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[...]

4.   Meta l-Istati Membri jużaw – bħala l-aħħar possibbiltà – miżuri koerżivi biex iwettqu t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m’għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali skond id-drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat.

5.   Meta jwettqu tneħħijiet bl-ajru, l-Istati Membri għandhom iqisu l-Linji Gwida Komuni dwar dispożizzjonijiet ta’ sigurtà [...].

[...]”

11

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Posponiment ta’ tneħħija”, jindika, fil-paragrafu 2(a) tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jieħdu kont ta’:

a)

l-istat fiżiku jew il-kapaċità mentali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz”.

12

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Projbizzjoni fuq id-dħul”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

a)

jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew

b)

jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. [...]”

13

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:

[...]

b)

jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard;

[...]

d)

jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.”

14

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni”, jipprevedi:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[...]

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux [ma jistgħux jestendu] il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

15

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet tad-detenzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.”

16

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprevedi kundizzjonijiet speċjali għad-detenzjoni ta’ minuri u ta’ familji.

17

Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mill‑24 ta’ Diċembru 2010.

Il-KFS u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

18

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19), iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid‑19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem, il-“KFS”), tagħmel parti mill-acquis ta’ Schengen.

19

Fit-Titolu II tal-Kapitolu 4 tal-KFS, intitolat “Kundizzjonijiet li jirregolaw il-moviment tal-barranin”, l-Artikolu 19(1) u (2), l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 21(1) u (2) ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom, rispettivament, il-barranin li għandhom viża uniformi jew viża maħruġa minn waħda mill-partijiet kontraenti, il-barranin li ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża kif ukoll il-barranin li għandhom permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza, maħruġa minn waħda minn dawn il-partijiet, jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-partijiet kontraenti. Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu, b’mod partikolari, għal xi wħud mill-kundizzjonijiet għad-dħul f’dan it-territorju stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-KFS.

20

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), ikkonsolida u żviluppa l-acquis ta’ Schengen.

21

Skont il-premessa 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dan “jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux parti [...] Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.”

22

Skont l-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huwa “jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea” u “jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea”.

23

Il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“1)

‘fruntieri interni’ tfisser:

a)

il-fruntieri ta’ l-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, ta’ l-Istati Membri;

b)

l-ajruporti ta’ l-Istati Membri għal titjiriet interni;

ċ)

il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi ta’ l-Istati Membri għal kollegamenti regolari bi traġitt;

2)

‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni”.

24

Taħt il-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Il-qsim ta’ fruntieri esterni u l-kondizzjonijiet għad-dħul”, l-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Il-qsim ta’ fruntieri esterni”, jipprevedi:

“1.   Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

[...]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 jew għall-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jintroduċu penali, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li mhumiex punti ta’ qsim jew f’ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

25

Taħt l-imsemmi kapitolu, l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, jipprevedi:

“1.   Għal soġġorni li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, il-kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu dawn li ġejjin:

a)

ikunu fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera;

b)

ikunu fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ [...], ħlief meta jkollhom permess ta’ residenza validu;

ċ)

jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

d)

ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (SIS)] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

e)

mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru [...]

[...]

4.   B’deroga mill-paragrafu 1:

a)

Ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha għad-dħul imsemmija fil-paragrafu 1 iżda li jkollhom permess ta’ residenza jew viża ta’ dħul mill-ġdid maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri jew, fejn meħtieġ, iż-żewġ dokumenti, għandhom jitħallew jidħlu fit-territorji ta’ l-Istati Membri l-oħra għal finijiet ta’ transitu sabiex ikunu jistgħu jaslu fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew il-viża ta’ dħul mill-ġdid [...]

[...]

ċ)

Ċittadin(i) ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx xi kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu awtorizzati minn xi Stat Membru biex jidħlu fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. [...]”

26

Taħt il-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Il-kontroll ta’ fruntieri esterni u ċaħda tad-dħul”, l-Artikolu 7 ta’ dan il-kodiċi, huwa nnifsu intitolat “Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera”, jipprevedi:

“1.   Moviment trans-konfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera. Il-verifiki għandhom jitwettqu skond dan il-kapitolu.

[...]

3.   Mad-dħul u l-ħruġ, ċittadini ta’ pajjiżi terz għandhom ikunu soġġetti għal verifika bir-reqqa.

[...]”

27

Taħt l-imsemmi kapitolu, l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Ċaħda tad-dħul”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(4) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet speċjali dwar id-dritt ta’ l-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.”

28

Skont l-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jagħmel parti mill-Kapitolu I tat-Titolu III ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni”, il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.

29

Bis-saħħa tal-Artikolu 39(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jagħmel parti mit-Titolu IV ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Disposizzjonijiet finali”, l-Artikoli 2 sa 8 tal-KFS tħassru mit‑13 ta’ Ottubru 2006. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għad-dħul, li qabel kienu jinsabu fl-Artikolu 5(1) tal-KFS, ġew b’dan il-mod issostitwiti b’dawk stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi kodiċi.

30

Wara d-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1).

31

L-Artikolu 12 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013, intitolat “Sorveljanza fuq il-fruntiera”, li jagħmel parti mill-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Il-kontroll ta’ fruntieri esterni u ċaħda tad-dħul”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri għandu jkun biex ma jitħalliex li jsir il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità trans-konfinali u biex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali. Persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li ma għandha l-ebda dritt tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u ssir soġġetta għall-proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE.”

Id-dritt Franċiż

Iċ-Ceseda

32

L-Artikolu L. 621‑2 tal-Kodiċi dwar id-dħul u r-residenza tal-persuni barranin u d-dritt għall-ażil (iktar ’il quddiem, iċ-“Ceseda”), kif emendat permezz tal-Liġi Nru 2012‑1560, tal‑31 ta’ Diċembru 2012, dwar id-detenzjoni sabiex issir il-verifika tad-dritt ta’ residenza u li temenda r-reat ta’ għajnuna għar-residenza irregolari sabiex teskludi minnu l-azzjonijiet umanitarji u diżinteressati (JORF tal‑1 ta’ Jannar 2013, p. 48, iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal‑31 ta’ Diċembru 2012”), jipprevedi:

“Hija punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ sena u b’multa ta’ EUR 3750 il-persuna barranija li ma tkunx ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea:

Jekk tkun daħlet fit-territorju metropolitan mingħajr ma tkun issodisfat il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti a, b jew ċ tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] u mingħajr ma tkun ġiet ammessa fit-territorju skont il-punti a u ċ tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament; l-istess jgħodd meta l-persuna barranija tkun is-suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni eżekuttiva meħuda minn Stat ieħor li huwa parti mill-[KFS];

Jew jekk, bi provenjenza diretta mit-territorju ta’ Stat li huwa parti għal din il-konvenzjoni, hija tkun daħlet fit-territorju metropolitan mingħajr ma tkun ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikoli 19(1) jew (2), 20(1), u 21(1) jew (2) tagħha, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt e tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] u fil-punt d meta l-allert għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ ammissjoni ma jirriżultax minn deċiżjoni eżekuttiva meħuda minn Stat ieħor li huwa parti mill-[KFS];

[...]

Għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, il-proċeduri kriminali jistgħu jinbdew biss meta l-fatti jkunu ġew ikkonstatati fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 53 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

33

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi, fl-Artikolu 53 tiegħu:

“Huwa kklassifikat bħal delitt jew reat in flagrante delicto meta persuna tinqabad twettqu, jew meta jkun għadu kemm twettaq. Ikun hemm ukoll delitt jew reat in flagrante delicto meta, f’ħin viċin ħafna għall-azzjoni, il-persuna ssuspettata tkun segwita minn protesta qawwija mill-pubbliku, jew tinsab fil-pussess ta’ oġġetti, jew turi traċċi jew indikazzjonijiet, li jagħtu x’tifhem li hija pparteċipat fid-delitt jew fir-reat.

Wara l-konstatazzjoni ta’ delitt jew reat in flagrante delicto, l-investigazzjoni mmexxija taħt il-kontroll tal-prosekutur tar-Repubblika fil-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kapitolu tista’ titwettaq b’mod kontinwu matul perijodu ta’ tmien tijiem.

[...]”

34

L-Artikolu 62‑2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprevedi:

“L-arrest preventiv huwa miżura restrittiva deċiża minn uffiċjal tal-pulizija, taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, li permezz tagħha persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm raġuni jew raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ippruvat twettaq delitt jew reat punibbli b’piena ta’ priġunerija tinżamm għad-dispożizzjoni tal-investigaturi.”

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

35

Fit‑22 ta’ Marzu 2013, S. Affum, ta’ nazzjonalità tal-Ghana, kienet is-suġġett ta’ kontroll minn aġenti tal-pulizija Franċiża f’Coquelles (Franza), punt ta’ dħul fiċ-Channel Tunnel, meta hija kienet f’autobus li ġej minn Gand (il-Belġju) u b’destinazzjoni għal Londra (ir-Renju Unit).

36

Wara li ppreżentat passaport Belġjan li jinkludi r-ritratt u l-isem ta’ terz, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dokument ta’ identità jew ta’ vvjaġġar ieħor f’isimha, hija tqiegħdet taħt arrest preventiv minħabba dħul irregolari fit-territorju Franċiż, abbażi tal-Artikolu L. 621‑2, 2 taċ-Ceseda, kif emendat bil-liġi tal‑13 ta’ Diċembru 2012.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2013, il-prefett ta’ Pas-de-Calais, adit bis-sitwazzjoni amministrattiva ta’ S. Affum sabiex jiddeċiedi dwar it-tneħħija eventwali tagħha mit-territorju Franċiż, iddeċieda li hija tiġi kkonsenjata lill-awtoritajiet Belġjani, sabiex terġa’ tiġi ammessa mill-ġdid, abbażi tal-arranġament bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża, minn naħa, u l-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, min-naħa l-oħra, rigward it-teħid ta’ responsabbiltà għal persuni fil-fruntieri komuni bejn Franza u t-territorji tal-Istati tal-Benelux, iffirmat f’Pariġi fis‑16 ta’ April 1964.

38

Bl-imsemmija deċiżjoni, il-prefett ta’ Pas-de-Calais ordna t-tqegħid ta’ S. Affum taħt detenzjoni amministrattiva f’bini li ma huwiex parti mill-amministrazzjoni penitenzjali għal perijodu ta’ ħamest ijiem li jibda jgħodd mit-tmiem tal-arrest preventiv tagħha, sat-tneħħija tagħha.

39

Fis‑27 ta’ Marzu 2013, il-prefett ta’ Pas-de-Calais talab quddiem il-juge des libertés et de la détention (imħallef għal-libertà u għad-detenzjoni) tat-Tribunal de grande instance de Lille (Franza) l-estensjoni ta’ din id-detenzjoni, sakemm tingħata r-risposta mill-awtoritajiet Belġjani fuq it-talba tagħha għal ammissjoni mill-ġdid.

40

Fid-difiża tagħha, S. Affum sostniet li r-rikors tal-prefett ta’ Pas-de-Calais kellu jiġi miċħud peress li t-tqegħid tagħha taħt arrest preventiv kien irregolari, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807), u tali irregolarità tivvizzja, skont id-dritt nazzjonali, il-proċedura kollha u hija ssanzjonata bir-rifjut tal-estensjoni tad-detenzjoni u t-tqegħid fil-libertà tal-persuna kkonċernata.

41

B’digriet tat‑28 ta’ Marzu 2013, il-juge des libertés et de la détention tat-tribunal de grande instance de Lille madankollu qies li l-miżura ta’ arrest preventiv adottata fil-konfront ta’ S. Affum kienet regolari u li t-tqegħid tagħha f’detenzjoni amministrattiva kien għaldaqstant seħħ wara proċedura regolari. Konsegwentement, il-juge des libertés et de la détention tat-tribunal de grande instance de Lille laqa’ r-rikors tal-prefett ta’ Pas-de-Calais u ordna l-estensjoni taż-żamma ta’ S. Affum f’detenzjoni amministrattiva għal perijodu massimu ta’ 20 jum li jibda jgħodd minn dak il-jum stess.

42

Dan id-digriet, li kien is-suġġett ta’ appell minn S. Affum, ġie kkonfermat b’digriet tad‑29 ta’ Marzu 2013 tal-ewwel President tal-qorti ta’ appell ta’ Douai.

43

Fuq appell ta’ kassazzjoni minn S. Affum kontra dan id-digriet imsemmi l-aħħar, il-Cour de cassation (Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz ikun f’residenza illegali [irregolari] fuq it-territorju ta’ Stat Membru u jaqa’, minħabba f’hekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, meta dan il-barrani jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ sempliċi transitu, bħala passiġġier ta’ autobus li jiċċirkula fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, bi provenjenza minn Stat Membru ieħor, li jagħmel parti miż-żona Schengen, u b’destinazzjoni fi Stat Membru differenti?

2)

L-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li trażżan id-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ Stat terz permezz ta’ piena ta’ priġunerija, meta l-barrani inkwistjoni jkun jista’ jittieħed lura minn Stat Membru ieħor, skont ftehim jew arranġament konkluż ma’ dan tal-aħħar qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/115?

3)

Skont ir-risposta li ser tingħata għad-domanda preċedenti, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li trażżan id-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ Stat terz b’piena ta’ priġunerija, skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian [(C‑329/11,EU:C:2011:807)], dwar residenza illegali, fir-rigward tan-nuqqas li l-persuna kkonċernata tiġi suġġetta minn qabel għall-miżuri ta’ impożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva u dwar it-tul tad-detenzjoni tagħha?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

44

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadina ta’ pajjiż terz li daħlet b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru li jagħmel parti miż-żona Schengen minn fruntiera komuni ta’ dan l-Istat u ta’ Stat Membru ieħor li jagħmel ukoll parti minn din iż-żona, u li ġiet interċettata meta hija kienet qiegħda tħejji sabiex tmur fit-territorju ta’ Stat Membru terz, li ma jagħmilx parti mill-imsemmija żona.

Fuq l-ewwel domanda

45

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun f’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru u jaqa’, minħabba f’hekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, meta, mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza, huwa jittranżita minn dan l-Istat Membru bħala passiġġier ta’ autobus, bi provenjenza minn Stat Membru ieħor, li jagħmel parti miż-żona Schengen, u b’destinazzjoni fi Stat Membru terz li ma huwiex f’din iż-żona.

46

Il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu li ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 minħabba l-fatt biss li huwa jinsab f’tali sitwazzjoni ta’ “sempliċi tranżitu” u huwa għalhekk preżenti fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni b’mod temporanju jew tranżitorju biss.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, l-Artikolu 2(1) tagħha jipprevedi li hija tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali [residenza irregolari]” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru”.

48

Minn din id-definizzjoni jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza f’dan il-pajjiż ikun, b’dan il-fatt biss, f’residenza irregolari, mingħajr ma din il-preżenza tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ perijodu minimu jew ta’ intenzjoni li wieħed jibqa’ f’dan it-territorju. Barra minn hekk, in-natura temporanja jew tranżitorja biss ta’ tali preżenza lanqas ma tinsab fost ir-raġunijiet, elenkati fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu ċittadin ta’ pajjiż terz f’residenza irregolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

49

Sa fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jivvjaġġa f’autobus fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza huwa preżenti fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, huwa jkun għalhekk f’residenza irregolari, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115, u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 2 tagħha.

50

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun f’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru u jaqa’, minħabba f’hekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, meta, mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza, huwa jittranżita minn dan l-Istat Membru bħala passiġġier ta’ autobus, bi provenjenza minn Stat Membru ieħor, li jagħmel parti miż-żona Schengen, u b’destinazzjoni fi Stat Membru terz li ma huwiex f’din iż-żona.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

51

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trażżan id-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz permezz ta’ piena ta’ priġunerija, li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva għadha ma ġietx applikata, u dan ukoll meta dan iċ-ċittadin ikun jista’ jittieħed lura minn Stat Membru ieħor, skont ftehim jew arranġament fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar ir-rilevanza tas-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807).

52

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trażżan ir-residenza irregolari permezz ta’ sanzjonijiet kriminali, sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, filwaqt li jkun jirrisjedi irregolarment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq minn dan it-territorju volontarjament, ma jkunx ġie suġġett għall-miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u, fil-każ ta’ detenzjoni bil-ħsieb li tiġi ppreparata u mwettqa t-tneħħija tiegħu, ma jkunx laħaq l-iskadenza tat-tul massimu ta’ tali detenzjoni (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 50).

53

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din id-direttiva ma tipprekludix detenzjoni amministrattiva għad-determinazzjoni tan-natura regolari jew le tar-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġixxu b’diliġenza u jieħdu pożizzjoni mingħajr dewmien dwar ir-regolarità tar-residenza tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punti 29 sa 31).

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-imsemmija direttiva lanqas ma tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-istess direttiva u li jirrisjedi irregolarment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 50).

55

B’mod partikolari, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu L.621‑1 taċ-Ceseda, fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda magħmula mil-liġi tal‑31 ta’ Diċembru 2012, li kienet is-suġġett tal-imsemmija sentenza u li kienet tipprevedi piena ta’ priġunerija għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz “li [jkun daħal] u [għex] fi Franza mingħajr ma [kellu d-dokumenti u l-viżi meħtieġa għad-dħul u, fil-każ ta’ residenza li teċċedi t-tliet xhur, permess ta’ residenza], jew li [baqa’] fi Franza lil hinn mit-terminu awtorizzat mill-viża [tiegħu]”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din tista’ twassal għal priġunerija filwaqt li, skont l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti fl-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, tali ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ ritorn u jista’, fir-rigward tat-privazzjoni tal-libertà, ikun suġġett l-iktar l-iktar għal detenzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punti 10111438).

56

Huwa stabbilit li, wara li ngħatat din is-sentenza, iċ-Ceseda ġie emendat bil-liġi tal‑31 ta’ Diċembru 2012, li fost l-oħrajn ħassret ir-reat ta’ residenza irregolari, filwaqt li żammet ir-reat ta’ dħul irregolari. B’dan il-mod, l-Artikolu L. 621‑1 taċ-Ceseda, li l-kontenut tiegħu tfakkar fil-punt preċedenti, tħassar u l-Artikolu L. 621‑2 taċ-Ceseda ġie emendat b’mod korrispondenti. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2008/115 ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu L. 621‑2 taċ-Ceseda, kif emendat bil-Liġi tal‑31 ta’ Diċembru 2012, li trażżan b’piena ta’ priġunerija d-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

57

S. Affum, il-Gvern Ċek, dak Grieg, dak Ungeriż u dak Svizzeru, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza tista’ tiġi trasposta għall-każijiet koperti mill-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali u li, barra minn hekk, ċittadin ta’ pajjiż terz ikompli jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 anki meta huwa jittieħed lura, skont ftehim jew arranġament, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tagħha, minn Stat Membru differenti minn dak li fih ġie arrestat.

58

Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Franċiż, mill-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll mill-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija kompatibbli ma’ din id-direttiva.

Fuq id-dħul irregolari fid-dawl tad-Direttiva 2008/115

59

Kemm mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “soġġorn illegali [residenza irregolari]” li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115 u mfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-premessa 5 ta’ din id-direttiva, li skontha din hija applikabbli “għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza”, jirriżulta li ċittadin ta’ stat terz li, wara d-dħul irregolari tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa preżenti f’dan it-territorji mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza jkun jinsab, minħabba dan il-fatt, f’residenza irregolari.

60

B’dan il-mod, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115, il-kunċetti ta’ “soġġorn illegali [residenza irregolari]” u ta’ “dħul irregolari” għandhom rabta stretta bejniethom, għaliex tali dħul ikun jikkostitwixxi, fil-fatt, waħda miċ-ċirkustanzi ta’ fatt li jistgħu jwasslu għar-residenza irregolari taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

61

Ladarba ċittadin ta’ pajjiż terz li, bħal S. Affum, ikun daħal irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u li, minħabba f’hekk, jitqies li huwa residenti hemmhekk b’mod irregolari jaqa’ għalhekk, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/115, u suġġett għal dan l-Artikolu 2(2), taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, huwa għandu jkun suġġett għall-istandards u l-proċeduri komuni previsti minnha għat-tneħħija tiegħu, u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, skont il-każ, irregolarizzata.

62

Issa, skont dawn l-istandards u proċeduri, tali ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ ritorn, li l-ordni ta’ eżekuzzjoni tal-istadji tagħha jikkorrispondi ma’ gradazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, u li tippermetti, fir-rigward tal-privazzjoni tal-libertà, mill-iktar id-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat, li madankollu hija strettament irregolata, skont l-Artikoli 15 u 16 ta’ din id-direttiva, bl-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 4142).

63

Għalhekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807), l-Istati Membri ma jistgħux jippermettu, biss minħabba l-fatt tad-dħul irregolari, li jwassal għal residenza irregolari, il-priġunerija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li għalihom il-proċedura ta’ ritorn stabbilita mid-Direttiva 2008/115 għadha ma ġietx ikkompletata, peress li tali priġunerija tista’ tfixkel l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura u ddewwem ir-ritorn, u b’hekk tippreġudika l-effettività ta’ din id-direttiva.

64

Tali sitwazzjoni hija għalhekk distinta sew minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Celaj (C‑290/14, EU:C:2015:640), li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz f’residenza irregolari, li għalih ġew applikati l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti permezz tad-Direttiva 2008/115 sabiex tintemm l-ewwel residenza irregolari tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, kien daħal mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul.

65

Fl-aħħar nett, għandu jiġi speċifikat li d-Direttiva 2008/115 ma teskludix is-setgħa tal-Istati Membri li jrażżnu b’piena ta’ priġunerija t-twettiq ta’ reati differenti minn dawk marbuta mal-fatt biss ta’ dħul irregolari, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn l-imsemmija proċedura tkun għadha ma ġietx ikkompletata.

66

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-awtoritajiet Franċiżi għadhom ma bdewx il-proċedura ta’ ritorn kif prevista mid-Direttiva 2008/115 fil-konfront ta’ S. Affum.

67

Il-Gvern Franċiż iqis madankollu li l-Istati Membri għandhom, minn naħa, is-setgħa, skont l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115, li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu fit-territorju tagħhom irregolarment u, min-naħa l-oħra, l-obbligu, skont l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jipprevedu sanzjonijiet għal tali dħul irregolari.

Fuq l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115

68

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-direttiva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux kisbu sussegwentement awtorizzazzjoni jew id-dritt biex jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru.

69

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ż-żewġ sitwazzjonijiet koperti minnha jirrigwardaw biss il-qsim ta’ fruntiera esterna ta’ Stat Membru, kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u għalhekk ma jirrigwardawx il-qsim ta’ fruntiera komuni ta’ Stati Membri li jagħmlu parti miż-żona Schengen. L-imsemmija dispożizzjoni ma tistax għalhekk tippermetti lill-Istati Membri jeskludu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva minħabba d-dħul irregolari tagħhom minn fruntiera interna.

70

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, huwa stabbilit li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul konformement mal-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biss iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jaqsmu fruntiera esterna sabiex jidħlu f’din iż-żona.

71

Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta, sa fejn huwa jispeċifika li dawn iċ-ċittadini “ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru”, jiġifieri dak li qasmu l-fruntiera esterna tiegħu u li ġew arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, li din is-sitwazzjoni tirrigwarda, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, ukoll l-ipoteżi li fiha l-imsemmija ċittadini jkunu daħlu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u mhux dik fejn huma fittxew li jitilqu minn dan it-territorju u miż-żona Schengen. Din l-ipoteżi msemmija l-aħħar tikkorrispondi, barra minn hekk, mal-għan ta’ din id-direttiva, kif ikkonfermat mill-premessa 10 tagħha, li jikkonsisti f’li jiġi ppreferut it-tluq volontarju taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. It-tieni waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 tirrifletti għalhekk dik li hija koperta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013.

72

Fl-aħħar nett, dejjem fir-rigward ta’ din it-tieni sitwazzjoni, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 jispeċifika li l-arrest jew l-interċezzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għandu jseħħ “b’konnessjoni mal-qsim irregolari” ta’ fruntiera esterna, li jimplika, bħalma jsostnu essenzjalment S. Affum, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni, u bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, rabta diretta fiż-żmien u fl-ispazju ma’ dan il-qsim tal-fruntiera. Għalhekk ir-riferiment huwa għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument stess tal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna jew wara dan il-qsim viċin din il-fruntiera.

73

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 hija, kuntrarjament għal dik prevista fl-Artikolu 2(2)(b) tagħha, akkumpanjata b’ċerti obbligi li huma stabbiliti fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva.

74

Il-fatt li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115 jirregola għalhekk b’mod iddettaljat l-eżerċizzju mill-Istati Membri tas-setgħa prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tagħha huwa spjegat, bħalma esponiet il-Kummissjoni matul is-seduta, mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, kif jirriżulta mill-proċess għall-adozzjoni ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti fil-fatt li l-Istati Membri jitħallew ikomplu japplikaw għall-fruntieri esterni tagħhom proċeduri ta’ ritorn nazzjonali ssemplifikati, mingħajr ma jkollhom isegwu l-istadji kollha ta’ proċeduri previsti mill-imsemmija direttiva, sabiex ikunu jistgħu jneħħu malajr kemm jista’ jkun iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi interċettati waqt il-qsim ta’ dawn il-fruntieri. L-imsemmi Artikolu 4(4) huwa intiż, f’dan il-kuntest, sabiex jiżgura li dawn il-proċeduri nazzjonali ssemplifikati josservaw il-garanziji minimi previsti mid-Direttiva 2008/115, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 ta’ din id-direttiva.

75

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa stabbilit li S. Affum tpoġġiet f’arrest preventiv abbażi mhux tal-Artikolu L. 621‑2, 1 taċ-Ceseda, kif emendat bil-Liġi tal‑31 ta’ Diċembru 2012, li jipprevedi piena ta’ priġunerija għad-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju Franċiż minn fruntiera esterna, iżda tal-Artikolu L. 621‑2, 2 taċ-Ceseda, kif emendat bil-Liġi tal‑31 ta’ Diċembru 2012, minħabba d-dħul irregolari tagħha f’dan it-territorju mill-fruntiera ta’ bejn Franza u l-Belġju.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi ma huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu L. 621‑2, 1 taċ-Ceseda, kif emendat bil-Liġi tal‑31 ta’ Diċembru 2012, tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2008/115.

77

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu L. 621‑2, 2 taċ-Ceseda, kif emendat bil-Liġi tal‑31 ta’ Diċembru 2012, li tissanzjona b’tali piena d-dħul irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Franċiż minn fruntiera interna, għandu jitfakkar li, bħalma ġie rrilevat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 ma jistax jippermetti lill-Istati Membri jeskludu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod irregolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba d-dħul irregolari tagħhom minn fruntiera interna.

78

Fir-rigward tal-fatt li S. Affum ġiet interċettata u arrestata mhux fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju Franċiż minn fruntiera interna, iżda waqt it-tentattiv tagħha li titlaq minn dan it-territorju u miż-żona Schengen permezz taċ-Channel Tunnel, mill-punt 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan il-fatt ma jistax, fi kwalunkwe każ, jeskludi lil din iċ-ċittadina ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, skont l-Artikolu 2(2)(a) tagħha.

Fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115

79

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu.

80

Skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jastjenu milli jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skont ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. F’dan il-każ, l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu japplika l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

81

Għandu jiġi kkonstatat li, bħalma sostna l-Gvern Franċiż u bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-arranġament imsemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza huwa assimilabbli għal “arranġamenti bilaterali”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115, sa fejn, minkejja li konkluż minn erba’ Stati Membri, huwa jqis it-territorju tal-Benelux bħala territorju uniku.

82

Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa jistabbilixxi eċċezzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tiżdied ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tagħha u li tippermetti lill-Istati Membri jeskludu mill-istandards u mill-proċeduri komuni ta’ ritorn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari meta dawn jittieħdu lura, skont ftehim jew arranġament eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, minn Stat Membru differenti minn dak li fih ġew arrestati.

83

Fil-fatt, bħalma jsostnu, essenzjalment, il-partijiet l-oħrajn kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura u bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 u 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni f’dan is-sens tmur kontra l-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6 kif ukoll tal-istruttura u tal-għan tad-Direttiva 2008/115.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-eċċezzjoni prevista f’dan l-Artikolu 6(3) tirrigwarda biss l-obbligu tal-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċittadin inkwistjoni, li jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu u li b’hekk jieħu ħsieb it-tneħħija tiegħu, u dan l-obbligu jaqa’ għalhekk, bħalma tispeċifika t-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(3), fuq l-Istat Membru li jkun ħa lura dan iċ-ċittadin.

85

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tad-Direttiva 2008/115, għaliex l-imsemmija eċċezzjoni ma tagħmilx fil-fatt parti mid-derogi għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li huma espressament previsti fl-Artikolu 2(2) tagħha.

86

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-kliem u l-istruttura tad-Direttiva 2008/115, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari, li jittieħed lura, skont ftehim jew arranġament fis-sens tal-Artikolu 6(3) tagħha, minn Stat Membru differenti minn dak li fih ġie arrestat, tibqa’ rregolata b’din id-direttiva u li l-Istat Membru li jiddeċiedi li jikkonsenjah lil Stat Membru ieħor skont din id-dispożizzjoni għandu jaġixxi fil-qafas tal-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti mill-imsemmija direttiva.

87

Peress li din id-deċiżjoni ta’ konsenja tikkostitwixxi waħda mill-miżuri previsti mid-Direttiva 2008/115 sabiex tintemm ir-residenza irregolari taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u stadju ta’ tħejjija għat-tneħħija tiegħu mit-territorju tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu, fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva, jadotta l-imsemmija deċiżjoni b’diliġenza u malajr kemm jista’ jkun sabiex dan iċ-ċittadin jiġi ttrasferit mill-iktar fis lejn l-Istat Membru responsabbli għall-proċedura ta’ ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punti 3145, kif ukoll tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 76).

88

Huwa ċar li l-fatt li tiġi imposta u eżegwita piena ta’ priġunerija fuq l-imsemmi ċittadin qabel ma jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat Membru tal-aħħar idewwem il-bidu ta’ din il-proċedura u għalhekk it-tneħħija effettiva taċ-ċittadin ikkonċernat, li għalhekk jippreġudika l-effettività tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

89

Skont l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-Istati Membri għandhom jintroduċu sanzjonijiet, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li ma humiex punti ta’ qsim ta’ fruntiera jew f’ħinijiet li ma humiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

90

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istati Membri jistabbilixxu pieni ta’ priġunerija għas-sitwazzjonijiet li hija tkopri, iżda tħallilhom l-għażla fir-rigward tas-sanzjonijiet li huma jixtiequ jadottaw, sakemm dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għalhekk, anki fis-sitwazzjonijiet li għalihom l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi obbligu ta’ sanzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jikkonformaw miegħu u fl-istess waqt josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/115. Il-fatt li dan l-Artikolu 4(3) bl-ebda mod ma huwa intiż sabiex jidderoga mill-istandards u mill-proċeduri komuni stabbiliti minn din id-direttiva huwa barra minn hekk espressament ikkonfermat fl-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013.

91

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jillimita l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet biss “għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li mhumiex punti ta’ qsim jew f’ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti” u li s-sitwazzjoni ta’ S. Affum ma hijiex tali sitwazzjoni. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni oħra tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma tipprevedi sanzjoni għall-każijiet li ma humiex koperti mill-imsemmi Artikolu 4(3), jiġifieri dawk ta’ qsim ta’ fruntieri mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li huma punti ta’ qsim waqt il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti, kif ukoll dawk ta’ qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri interni.

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Franċiż ma jistax jinvoka l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex jiġġustifika ksur tad-Direttiva 2008/115.

93

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti biss minħabba l-fatt tad-dħul irregolari minn fruntiera interna, li jwassal għal residenza irregolari, il-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva għadha ma ġietx ikkompletata. Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll meta ċ-ċittadin ikkonċernat jista’ jittieħed lura minn Stat Membru ieħor, skont ftehim jew arranġament fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

94

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun f’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru u jaqa’, minħabba f’hekk, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, meta, mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza , huwa jittranżita minn dan l-Istat Membru bħala passiġġier ta’ autobus, bi provenjenza minn Stat Membru ieħor, li jagħmel parti miż-żona Schengen, u b’destinazzjoni fi Stat Membru terz li ma huwiex f’din iż-żona.

 

2)

Id-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti biss minħabba l-fatt tad-dħul irregolari minn fruntiera interna, li jwassal għal residenza irregolari, il-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li għalih il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva għadha ma ġietx ikkompletata.

Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll meta ċ-ċittadin ikkonċernat jista’ jittieħed lura minn Stat Membru ieħor, skont ftehim jew arranġament fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top