Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0015

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Ġunju 2016.
    New Valmar BVBA vs Global Pharmacies Partner Health Srl.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Rechtbank van Koophandel te Gent.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni – Artikolu 35 TFUE – Kumpannija stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju – Leġiżlazzjoni li timponi r-redazzjoni tal-fatturi bil-lingwa Olandiża taħt piena ta’ nullità assoluta – Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ natura transkonfinali – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Assenza ta’ proporzjonalità.
    Kawża C-15/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:464

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    21 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni — Artikolu 35 TFUE — Kumpannija stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju — Leġiżlazzjoni li timponi r-redazzjoni tal-fatturi bil-lingwa Olandiża taħt piena ta’ nullità assoluta — Kuntratt ta’ konċessjoni ta’ natura transkonfinali — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni — Assenza ta’ proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑15/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van koophandel te Gent (qorti tal-kummerċ ta’ Gand, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura

    New Valmar BVBA

    vs

    Global Pharmacies Partner Health Srl,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen, A. Arabadjiev u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, J.‑C. Bonichot, C. Vajda, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Jannar 2016,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal New Valmar BVBA, minn P. Devos, avukat,

    għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn H. De Bauw u B. Martel, avukati,

    għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Dzikovič, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve, M. van Beek u G. Wilms, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ April 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 45 TFUE.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn New Valmar BVBA u Global Pharmacies Partner Health Srl (iktar ’il quddiem “GPPH”) dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ diversi fatturi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE, tat‑13 ta’ Lulju 2010 (ĠU L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”) jistipula l-informazzjoni li għandha tidher fuq il-fatturi.

    4

    L-Artikolu 248a ta’ din id-direttiva jipprovdi dan li ġej:

    “Għal finijiet ta’ kontroll, u fir-rigward ta’ fatturi ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi forniti fit-territorju tagħhom u fatturi riċevuti minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu, għal ċerti persuni taxxabbli jew ċerti każijiet, jitolbu traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu rekwiżit ġenerali li l-fatturi jiġu tradotti.”

    Id-dritt Belġjan

    5

    L-Artikolu 4 tal-Grondwet (Kostituzzjoni), fil-verżjoni kkoordinata tagħha, tas‑17 ta’ Frar 1994 (Belgisch Staatsblad, 17 ta’ Frar 1994, p. 4054), jistipula:

    “Il-Belġju fih erba’ reġjuni lingwistiċi: ir-reġjun tal-lingwa Franċiża, ir-reġjun tal-lingwa Olandiża, ir-reġjun bilingwi ta’ Bruxelles-Capitale u r-reġjun tal-lingwa Ġermaniża.

    Kull muniċipalità tar-Renju tagħmel parti minn wieħed minn dawn ir-reġjuni lingwistiċi.

    [...]”

    6

    Il-punt 3 tal-Artikolu 129(1) tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

    “Il-Parlamenti tal-Komunità Franċiża u tal-Komunità ta’ Vlaanderen, kull wieħed għal dak li jikkonċernah, għandhom jirregolaw b’digriet, u dan b’esklużjoni tal-leġiżlatur federali, l-użu tal-lingwi għal:

    [...]

    3.

    ir-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-persunal tagħhom, kif ukoll l-atti u d-dokumenti tal-impriżi imposti mil-liġi u r-regolamenti.”

    7

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 52(1) tal-wetten op het gebruik van de talen in bestuurzaken (liġijiet dwar l-użu tal-lingwi fil-qasam amministrattiv), ikkoordinati mid-Digriet Irjali tat‑18 ta’ Lulju 1966 (Belgisch Staatsblad, 2 ta’ Awwissu 1966, p. 7798) (iktar ’il quddiem il-“liġijiet dwar l-użu tal-lingwi”):

    “Għall-atti u dokumenti imposti mil-liġi u mir-regolamenti […], l-impriżi industrijali, kummerċjali jew finanzjarji għandhom jużaw il-lingwa tar-reġjun fejn ikun jew ikunu stabbiliti s-sede jew id-diversi sede tal-operat tagħhom.”

    8

    Id-decreet tot regeling van het gebruik van de talen voor de sociale betrekkingen tussen de werkgevers en de werknemers, alsmede van de door de wet en de verordeningen voorgeschreven akten en bescheiden van de ondernemingen (digriet li jirregola l-użu tal-lingwi fil-qasam tar-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema, kif ukoll fil-qasam tal-atti u dokumenti tal-impriża imposti mil-liġi u mir-regolamenti), tal-Vlaamse Gemeenschap (Komunità ta’ Vlaanderen, il-Belġju), tad‑19 ta’ Lulju 1973 (Belgisch Staatsblad, 6 ta’ Settembru 1973, p. 10089, iktar ’il quddiem id-“digriet dwar l-użu tal-lingwi”), ġie adottat abbażi tal-punt 3 tal-Artikolu 129(1) tal-Kostituzzjoni.

    9

    L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

    “Dan id-digriet japplika għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom sede tal-operat tagħhom fir-reġjun tal-lingwa Olandiża. Huwa jirregola l-użu tal-lingwi fil-qasam tar-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema, kif ukoll fil-qasam tal-atti u ta’ dokumenti tal-impriża mitluba mil-liġi.

    [...]”

    10

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi digriet jispeċifika li “l-lingwa li għandha tintuża fir-relazzjonijiet soċjali bejn il-persuni li jimpjegaw u l-ħaddiema, kif ukoll għall-atti u għad-dokumenti tal-impriżi mitluba mil-liġi, hija l-Olandiż”.

    11

    Skont l-Artikolu 10 tal-istess digriet:

    “Id-dokumenti jew l-atti li jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet huma nulli. In-nullità tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti.

    [...]

    Id-deċiżjoni għandha tordna s-sostituzzjoni ex officio tad-dokument inkwistjoni.

    [L]-eliminazzjoni tan-nullità jkollha effett biss mill-ġurnata tas-sostituzzjoni: għal dokumenti bil-miktub b’effett mill-ġurnata tal-preżentata tad-dokumenti sostituti fir-reġistru tat-tribunal tal-impjieg.

    [...]”

    Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12

    Fit‑12 ta’ Novembru 2010, New Valmar, kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan u stabbilita f’Evergem (il-Belġju), u GPPH, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan u stabbilita f’Milan (l-Italja), ikkonkludew kuntratt li kien jinnomina lil din tal-aħħar bħala konċessjonarja esklużiva ta’ New Valmar fl-Italja għad-distribuzzjoni ta’ affarijiet għat-tfal. Dan il-kuntratt kellu jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2014.

    13

    Skont l-Artikolu 18 ta’ dan il-kuntratt ta’ konċessjoni, dan kien irregolat mid-dritt Taljan u l-qrati ta’ Gent (il-Belġju) kienu kompetenti biex jiddeċiedu l-eventwali kontestazzjonijiet bejn il-partijiet.

    14

    B’ittra rreġistrata tad‑29 ta’ Diċembru 2011, New Valmar itterminat dan il-kuntratt b’mod antiċipat, b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2012.

    15

    B’taħrika tat‑30 ta’ Marzu 2012, New Valmar talbet lir-rechtbank van koophandel te Gent (qorti tal-kummerċ ta’ Gent, il-Belġju) sabiex tikkundanna lil GPPH tħallasha l-ammont ta’ madwar EUR 234192 abbażi ta’ diversi fatturi mhux imħallsa.

    16

    B’kontrotalba, GPPH talbet li New Valmar tkun ikkundannata tħallas kumpens fl-ammont ta’ EUR 1467448 għal terminazzjoni abbużiva tal-kuntratt ta’ konċessjoni tagħhom.

    17

    Biex topponi għat-talba ta’ New Valmar, GPPH eċċepiet in-nullità tal-fatturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li, għalkemm kienu “atti u dokumenti mitluba mil-liġi u mir-regolamenti” fis-sens tal-liġijiet dwar l-użu tal-lingwi u tad-digriet dwar l-użu tal-lingwi (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), dawn ma josservawx ir-regoli ta’ ordni pubbliku li jinsabu f’din il-leġiżlazzjoni, peress li, ħlief għall-informazzjoni dwar New Valmar, dwar il-VAT u dwar il-bank, l-informazzjoni kollha msemmija fl-imsemmija fatturi, inklużi l-kundizzjonijiet ġenerali, inkitbu b’lingwa li ma hijiex l-Olandiż, jiġifieri l-lingwa Taljana, filwaqt li New Valmar hija stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju.

    18

    Fl‑14 ta’ Jannar 2014, matul il-proċedura, New Valmar bagħtet lil GPPH traduzzjoni bl-Olandiż tal-istess fatturi. Madankollu mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn huma u jibqgħu vvizzjati b’nullità assoluta skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    19

    New Valmar ma tikkontestax li l-fatturi inkwistjoni ma josservawx il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, hija ssostni li din tmur kontra, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, b’mod partikolari l-Artikolu 26(2), u l-Artikoli 34 u 35 TFUE.

    20

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tas-sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239), l-obbligu impost fuq l-impriżi li għandhom is-sede tagħhom fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju li joħorġu, taħt piena ta’ nullità, il-fatturi tagħhom bil-lingwa Olandiża, jistax jikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ internazzjonali, jekk dan l-ostakolu eventwali jistax jiġi ġġustifikat minn għan wieħed jew iktar ta’ interess ġenerali, fosthom dawk intiżi li jippromwovu u li jistimulaw l-użu ta’ lingwa uffiċjali jew sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tal-kontrolli amministrattivi, u jekk l-imsemmi ostakolu eventwali huwiex proporzjonat għall-għanijiet imfittxija.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank van koophandel te Gent (qorti tal-kummerċ ta’ Gent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħal f’dan il-każ il-Komunità Fjamminga [ta’ Vlaanderen] tal-Istat Federali Belġjan, li timponi fuq kull impriża li jkollha s-sede tal-operat tagħha fit-territorju ta’ din l-entità, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tal-Liġijiet [dwar l-użu tal-lingwi] u tal-Artikolu 10 [tad-digriet dwar l-użu tal-lingwi], meħuda flimkien, li tirrediġi l-fatturi ta’ natura transkonfinali bil-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federali biss, taħt piena ta’ nullità tal-fatturi, liema nullità għandha titqajjem ex officio mill-qorti?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà u l-portata tad-domanda

    22

    Fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jipprevedi espressament li dan huwa suġġett għad-dritt Taljan. Issa, il-kwistjoni hija bbażata fuq il-premessa li, minkejja l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt bħala liġi kuntrattwali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 27), għandha tingħata risposta għad-domanda bbażata fuq din il-premessa, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-fondatezza tagħha, fid-dawl b’mod partikolari, u bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 sa 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

    24

    Fit-tieni lok, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kif ukoll matul is-seduta, il-Gvern Belġjan argumenta li, kuntrarjament għal dak li l-qorti tar-rinviju indikat fid-deċiżjoni tagħha, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi l-użu tal-lingwa Olandiża, mhux għall-informazzjoni kollha inkluża fil-fattura, iżda biss għall-informazzjoni legalment obbligatorja fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-VAT. Issa, peress li din l-informazzjoni tal-aħħar hija elenkata fl-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112, huwa faċli li wieħed jikseb it-traduzzjoni fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-qafas tad-distribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għaldaqstant, irrispettivament mill-kritiki espressi mill-Gvern Belġjan fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija minn din il-qorti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 38).

    26

    F’dan il-każ, għandha għalhekk tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju bbażata fuq il-premessa li l-informazzjoni kollha msemmija fuq il-fattura għandha, konformement mal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun redatta bil-lingwa Olandiża.

    27

    Fit-tielet lok, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan jargumenta li, fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-moviment liberu tal-ħaddiema, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli jew, għall-inqas, ma teħtieġx risposta, peress li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

    28

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Szemerey, C‑330/14, EU:C:2015:826, punt 30).

    29

    Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE biss, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għall-għoti tas-sentenza fil-kawża li hija adita biha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Szemerey, C‑330/14, EU:C:2015:826, punt 31).

    30

    F’dan il-każ, minkejja li ssemma l-Artikolu 45 TFUE fid-domanda preliminari, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mar-regoli stabbiliti mit-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, peress li din il-qorti ssemmi espressament, f’dan ir-rigward, li New Valmar invokat, fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 26(2) kif ukoll l-Artikoli 34 u 35 TFUE.

    31

    Peress li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-importazzjoni iżda l-esportazzjoni ta’ merkanzija lejn il-Belġju minn Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, l-Italja, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss l-Artikolu 35 TFUE, li jipprojbixxi miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, li jista’ jkun applikabbli.

    32

    Il-Gvern Belġjan jargumenta, madankollu, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni iżda biss fid-dawl tad-Direttiva 2006/112, peress li din għamlet armonizzazzjoni kompleta fil-qasam. Fil-fatt, l-Artikolu 248a ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jimponu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, li l-fatturi maħruġa f’kuntest transkonfinali jkunu redatti b’lingwa differenti minn dik tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tas-servizzi jew tal-merkanzija. Billi tipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jitolbu, f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ beni jew ta’ servizzi magħmula fit-territorju tagħhom, traduzzjoni tal-fatturi fil-lingwa uffiċjali tagħhom, din id-dispożizzjoni timplika għalhekk li, bħala regola ġenerali, il-fatturi jsiru bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita l-impriża li toħroġ il-fattura.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu, madankollu, jitfakkar li r-reġim tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT jikseb biss armonizzazzjoni gradwali u parzjali tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, VDP Dental Laboratory et, C‑144/13, C‑154/13 u C‑160/13, EU:C:2015:116, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Għalhekk, la l-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112, li jirrigwarda l-kontenut tal-fatturi, u lanqas l-Artikolu 248a ta’ din id-direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri tad-destinazzjoni jimponu, f’ċerti każijiet, it-traduzzjoni, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tagħhom, ta’ fattura relatata ma’ provvista ta’ natura transkonfinali, ma jirregolaw, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jissuġġettaw lill-impriżi stabbiliti fit-territorju tagħhom għall-obbligu li jirrediġu kull fattura bil-lingwa uffiċjali tagħhom jew f’dik tal-imsemmi territorju.

    35

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda magħmula għandha tiġi rriformulata fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 35 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħall-Komunità ta’ Vlaanderen tar-Renju tal-Belġju, li timponi fuq kull impriża li jkollha s-sede tal-operat tagħha fit-territorju ta’ din l-entità, l-obbligu li tirrediġi l-informazzjoni kollha msemmija fil-fatturi relatati ma’ tranżazzjonijiet transkonfinali bil-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federali biss, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-fatturi, liema nullità għandha titqajjem ex officio mill-qorti.

    Fuq l-eżistenza ta ’ restrizzjoni li taqa ’ taħt l-Artikolu 35 TFUE

    36

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura nazzjonali applikabbli għall-operaturi kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali li fil-fatt taffettwa l-esportazzjoni tal-prodotti mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni iktar mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru, taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 35 TFUE (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, C‑205/07, EU:C:2008:730, punti 40 sa 43).

    37

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kull restrizzjoni, anki ta’ importanza minima, għal waħda mil-libertajiet fundamentali prevista mit-Trattat FUE hija pprojbita minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatturi, inklużi dawk relatati ma’ tranżazzjonijiet transkonfinali, maħruġa minn impriżi li għandhom is-sede tal-operat tagħhom fir-reġjun tal-lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju, għandhom bilfors jiġu redatti, taħt piena ta’ nullità tal-fatturi mqajma ex officio mill-qorti, bil-lingwa Olandiża, peress li hija din il-lingwa biss li hija awtentika.

    39

    Skont il-Gvern Belġjan, tali leġiżlazzjoni ma tistax titqies bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, peress li huma l-fatturi biss li huma suġġetti għall-imsemmija leġiżlazzjoni u huma intiżi biss li jikkonfermaw il-kreditu li jirriżulta minn kuntratt konkluż mill-partijiet ikkonċernati. Issa, tali leġiżlazzjoni, b’differenza minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239), ma taffettwax il-libertà tal-partijiet li jiktbu tali kuntratt bil-lingwa tal-għażla tagħhom u, għalhekk, hija ma tippreġudikax l-iskambju tal-kunsens bejniethom. Għalhekk ma jistax jitqies li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    40

    Madankollu, billi ċċaħħad lill-operaturi ekonomiċi mill-possibbiltà li jagħżlu b’mod liberu lingwa li l-partijiet kollha jafu għar-redazzjoni tal-fatturi tagħhom u billi timponilhom għal dan il-għan lingwa li ma tikkorrispondix neċessarjament ma’ dik li huma qablu li jużaw fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ta’ natura li żżid ir-riskju ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-fatturi, peress li d-destinatarji tagħhom jistgħu jiġu mħeġġa sabiex jipprevalixxu ruħhom mill-inkapaċità tagħhom, reali jew allegata, li jifhmu l-kontenut sabiex jopponu għall-ħlas tagħhom.

    41

    Min-naħa l-oħra, id-destinatarju ta’ fattura redatta b’lingwa differenti mill-Olandiż jista’, fid-dawl tan-nullità assoluta li tolqot tali fattura, ikun imħeġġeġ jikkontesta l-validità tagħha għal din ir-raġuni biss, u dan minkejja li din il-fattura tkun inkitbet b’lingwa li huwa jifhem. Tali nullità tista’, barra minn hekk, toħloq inkonvenjenzi sinjifikanti għal min joħroġ il-fattura, fosthom, b’mod partikolari, it-telf ta’ interessi moratorji, peress li mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja, l-imsemmija interessi jibdew jiddekorru biss, bħala prinċipju, mill-ħruġ ta’ fattura oħra miktuba bil-lingwa Olandiża.

    42

    Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk tirrigwarda l-verżjoni lingwistika li għandha tiġi redatta fiha l-informazzjoni msemmija fil-fattura u mhux il-kontenut tar-relazzjoni kuntrattwali relatata magħha, tikkawża, minħabba l-inċertezza legali li hija toħloq, effetti restrittivi fuq il-kummerċ li huma ta’ natura li jiskoraġixxu l-konklużjoni jew it-tkomplija ta’ relazzjonijiet kuntrattwali ma’ impriża stabbilita fir-reġjun tal-lingwa Olandiża fir-Renju tal-Belġju.

    43

    Issa, minkejja li huwa minnu li tali leġiżlazzjoni, peress li din tapplika mingħajr distinzjoni għal kull fattura maħruġa minn impriża li għandha s-sede tal-operat tagħha f’dan ir-reġjun, tista’ taffettwa kemm il-kummerċ intern għall-Istat Membru inkwistjoni u kif ukoll il-kummerċ transkonfinali, xorta jibqa’ l-fatt li din tista’ tippreġudika dan tal-aħħar, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li huwa inqas probabbli li xerrej stabbilit fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju jkun jista’ jifhem il-lingwa Olandiża minn xerrej stabbilit f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, fejn din il-lingwa tikkostitwixxi waħda mil-lingwi uffiċjali.

    44

    Fid-dawl tal-argumenti tal-Gvern Belġjan dwar il-portata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi speċifikat li n-natura restrittiva ta’ tali leġiżlazzjoni ma hija ppreġudikata bl-ebda mod jekk kellu jirriżulta, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li hija biss l-informazzjoni obbligatorja elenkata fl-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112 li għandha tiġi redatta bil-lingwa Olandiża, peress li, f’tali każ, hija maħluqa l-istess inċertezza legali bħal dik ikkonstatata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

    45

    Barra minn hekk, l-effetti restrittivi kkawżati mill-imsemmija leġiżlazzjoni ma jistgħux jitqiesu li huma kawżali jew indiretti wisq sabiex ikunu jistgħu jitqiesu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1990, Krantz (C‑69/88, EU:C:1990:97, punti 1011), u tat‑13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, EU:C:1993:838, punti 10 sa 12), li ma jikkostitwixxux restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 35 TFUE.

    46

    Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punti 40 sa 43 ta’ din is-sentenza, tali leġiżlazzjoni jista’ jkollha effett, anki minuri, fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali, u dan iktar u iktar peress li, bħalma ġie indikat matul is-seduta, ma huwiex rari li dawn ir-relazzjonijiet jimmaterjalizzaw bis-sempliċi ħruġ ta’ fattura. Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-effett ma jiddependix minn avveniment fil-futur jew ipotetiku iżda mill-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 51).

    47

    Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 35 TFUE.

    Fuq l-eżistenza ta ’ ġustifikazzjoni

    48

    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti tista’ tiġi ammessa biss kemm-il darba din tkun tfittex għan ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi r-realizzazzjoni tiegħu u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 70).

    49

    F’dan il-każ, il-Gvern Belġjan jargumenta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, minn naħa, li tistimula l-użu tal-lingwa uffiċjali tar-reġjun lingwistiku inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li tiżgura l-effettività tal-istħarriġ mis-servizzi kompetenti fil-qasam tal-VAT.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan ta’ promozzjoni u stimulu tal-użu ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ natura li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni għall-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 1989, Groener, C‑379/87, EU:C:1989:599, punt 19; tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 85; kif ukoll tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punti 25 sa 27).

    51

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħtieġa li tinżamm l-effikaċja tal-kontrolli fiskali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali rrikonoxxuti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, 120/78, EU:C:1979:42, punt 8, kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C‑250/95, EU:C:1997:239, punt 31).

    52

    Għandu jitqies li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tikseb dawn iż-żewġ għanijiet, peress li, minn naħa, tippermetti li jinżamm l-użu normali tal-lingwa Olandiża għar-redazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali, bħall-fatturi, u peress li, min-naħa l-oħra, tista’ tiffaċilita l-istħarriġ ta’ tali dokumenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    53

    Madankollu, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tkun proporzjonata mal-imsemmija għanijiet.

    54

    Issa, f’dan il-każ, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 sa 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, mhux biss timponi l-użu tal-lingwa uffiċjali tiegħu għar-redazzjoni ta’ fatturi relatati ma’ tranżazzjonijiet transkonfinali, iżda li tippermetti, barra minn hekk, li tiġi stabbilita verżjoni awtentika ta’ tali fatturi wkoll b’lingwa magħrufa mill-partijiet ikkonċernati tippreġudika inqas il-libertà tal-moviment liberu tal-merkanzija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li hija xierqa sabiex tiggarantixxi l‑għanijiet imfittxija mill-imsemmija leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 32).

    55

    Għalhekk, fir-rigward tal-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-istħarriġ fiskali, il-Gvern Belġjan stess indika, matul is-seduta, li, skont ċirkulari amministrattiva tat‑23 ta’ Jannar 2013, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT ma jistax jiġi miċħud mill-amministrazzjoni fiskali għar-raġuni biss li l-informazzjoni legali ta’ fattura ġiet redatta b’lingwa li ma hijiex l-Olandiż, fatt li donnu jissuġġerixxi li l-użu ta’ tali lingwa oħra ma huwiex ta’ natura li jipprekludi li jintlaħaq dan l-għan.

    56

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jitqies li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punti 49 sa 51 ta’ din is-sentenza u għaldaqstant ma tistax titqies bħala proporzjonata.

    57

    Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 35 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħall-Komunità ta’ Vlaanderen tar-Renju tal-Belġju, li timponi fuq kull impriża li jkollha s-sede tal-operat tagħha fit-territorju ta’ din l-entità, l-obbligu li tirrediġi l-informazzjoni kollha msemmija fil-fatturi relatati ma’ tranżazzjonijiet transkonfinali bil-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federali biss, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-fatturi, liema nullità għandha titqajjem ex officio mill-qorti.

    Fuq l-ispejjeż

    58

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 35 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federali ta’ Stat Membru, bħall-Komunità ta’ Vlaanderen tar-Renju tal-Belġju, li timponi fuq kull impriża li jkollha s-sede tal-operat tagħha fit-territorju ta’ din l-entità, l-obbligu li tirrediġi l-informazzjoni kollha msemmija fil-fatturi relatati ma’ tranżazzjonijiet transkonfinali bil-lingwa uffiċjali tal-imsemmija entità biss, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-fatturi, liema nullità għandha titqajjem ex officio mill-qorti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top