EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0679

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2016.
Ultra-Brag AG vs Hauptzollamt Lörrach.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Ħolqien ta’ dejn doganali wara l-importazzjoni irregolari ta’ merkanzija – Kunċett ta’ debitur – Impjegat ta’ persuna ġuridika li minnha toriġina l-introduzzjoni irregolari – Determinazzjoni ta’ manuvra frawdolenti jew ta’ negliġenza manifesta.
Kawża C-679/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:807

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2016 ( 1 )

Kawża C‑679/15

Ultra-Brag AG

vs

Hauptzollamt Lörrach

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi, Baden-Württemberg, il-Ġermanja)]

“Kodiċi Doganali Komunitarju — Artikolu 202(3) — Artikolu 212a — Dejn doganali inkors mill-introduzzjoni kontra l-liġi ta’ prodotti — Kunċett ta’ debitur — Impjegat ta’ persuna ġuridika responsabbli mill-introduzzjoni kontra l-liġi tal-prodotti — Attribuzzjoni ta’ aġir u għarfien ta’ impjegat fuq il-persuna li timpjega”

1. 

Sa liema grad hija responsabbli persuna li timpjega fir-rigward ta’ dejn doganali inkors minn wieħed mill-impjegati tagħha minħabba ksur tal-obbligi doganali fl-eżerċizzju tal-kompiti fdati lilu? Din hija l-kwistjoni li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi, Baden-Württemberg, il-Ġermanja) iddur fuq il-kostruzzjoni xierqa tat-terminu “debitur” kif iddefinit fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, ( 2 ) u iktar preċiż fuq il-parametri li fuqhom persuna ġuridika tinżamm responsabbli għall-aġir tal-impjegati tagħha. Fl-istess sens, il-qorti tar-rinviju titlob gwida wkoll dwar jekk “traskuraġni ovvja” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali tinkludix it-traskuraġni possibbli ta’ impjegat.

I – Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 38(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titwassal mill-persuna li ddaħħalha fil-Komunità mingħajr dewmien, mir-rotta speċifikata mill-awtoritajiet doganali u skont l-istruzzjonijiet tagħhom, jekk ikun hemm:

(a)

fl-uffiċċju doganali nominat mill-awtoritajiet doganali jew f’xi post ieħor nominat jew approvat minn dawk l-awtoritajiet; jew,

[…]”

4.

L-Artikolu 40 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Il-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha tkun preżentata lid-dwana mill-persuna li ġabitha f’dak it-territorju jew, jekk xieraq, mill-persuna li tassumi r-responsabbiltà għat-trasport tal-merkanzija wara li tkun hekk daħlet, ħlief merkanzija trasportata b’mezzi ta’ trasport li jkunu biss fi transitu fl-ilmijiet territorjali jew fl-ispazju ta’ l-arja tat-territorju doganali tal-Komunità mingħajr waqfien f’dan it-territorju. Il-persuna li tippreżenta l-merkanzija għandha tagħmel riferiment għad-dikjarazzjoni fil-qosor jew għad-dikjarazzjoni doganali li kienet ġiet preżentata qabel fir-rigward tal-merkanzija.”

5.

Skont l-Artikolu 185(1) tal-Kodiċi Doganali:

“Merkanziji tal-Komunità li, wara li jkunu ġew esportati mit-territorju doganali tal-Komunità, jiġiebu lura f’dak it-territorju u jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera fi żmien tliet snin għandhom, fuq it-talba tal-persuna interessata, jingħataw eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni.

[…]”

6.

L-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

(a)

l-introduzzjoni kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, jew

[…]

Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, introduzzjoni kontra l-liġi tfisser kull introduzzjoni li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 38 sa 41 […]

3.   Id-debituri għandhom ikunu:

il-persuna li tkun introduċiet dawk l-merkanziji kontra l-liġi,

kull persuna li tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanziji u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi, u

kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li dawn kienu ġew introdotti kontra l-liġi.”

7.

L-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Fejn il-liġijiet tad-dwana jipprovdu għal trattament favorevoli ta’ tariffa fuq l-oġġetti għar-raġuni tan-natura jew l-użu aħħari jew għal solliev jew eżenzjoni totali jew parzjali tad-dazji ta’ importazzjoni jew esportazzjoni skont l-Artikoli 21, 82, 145 jew 184 sa 187, dan it-trattament favorevoli ta’ tariffa, solliev jew eżenzjoni għandu wkoll japplika għall-każi fejn dejn mad-dwana jintefaq skont l-Artikoli 202 sa 205, 210 jew 211, bil-kondizzjoni li l-imġiba tal-persuna interessata ma tinvolvi la negozju frawdulenti u lanqas negliġenza fid-dieher u li tipproduċi xiehda li l-kondizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni ta’ trattament favorevoli kienu sodisfatti.”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

8.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Ultra-Brag AG, hija impriża ta’ loġistika stabbilita fl-Isvizzera, li, fost affarijiet oħra toffri servizzi ta’ trasport f’ilmijiet interni Ewropej.

9.

Fil-25 ta’ Mejju 2010, Ultra‑Brag esportat żewġ transformers, kull wieħed jinkludi żewġ rollers, ’il barra mit-territorju doganali tal-UE lejn l-Isvizzera permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni fuq il-bastiment bl-isem MS Aargau.

10.

Fl-istess ġurnata, Ultra‑Brag ġiet informata li wieħed mill-bastimenti l-oħra tagħha li kien ippjanat jieħu abbord turbina ta’ 301 tunnellata fil-11.00 tal-ġurnata ta’ wara fi Strasbourg (Franza), iddestinat lejn Antwerpen (il-Belġju), kien qed jesperjenza diffikultajiet tekniċi u għalhekk ma kienx disponibbli għal dak it-trasport. L, bħala espert fit-trasport ta’ merkanzija tqila, u ingaġġat mir-rikorrenti bħala “maniġer tal-kont prinċipali”, kien responsabbli għaż-żewġ operazzjonijiet. Waqt li L kien qed ifittex bastiment sostitut, ikkunsidra wkoll li jsalpa lil MS Aargau, li minnu kienx wieħed mit-transformers u ż-żewġ rollers kienu għadhom ma tħattewx, lejn Strasbourg u li jirċievi t-turbina abbord hemm. Li kieku L għażel din it-tip ta’ azzjoni, kemm it-turbina kif ukoll it-transformer kien ikollhom jiġu ttrasportati lura lejn l-Isvizzera, fejn kienu jinħattu t-transformer u r-rollers tiegħu. Minn hemm ’il quddiem, MS Aargau kien ikollha ġġorr it-turbina lejn Antwerpen.

11.

L ikkuntattja lill-awtoritajiet kompetenti Svizzeri sabiex jistaqsi dwar it-trattament doganali ta’ dan it-trasport interim. L-awtoritajiet Svizzeri stqarrew li esportazzjoni temporanja fit-territorju doganali tal-Unjoni ma kienet tikkawża ebda diffikultajiet mill-perspettiva tagħhom madankollu l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kompetenti (f’dan il-każ iż-Zollamt Weil am Rhein‑Schusterinsel, l-uffiċċju doganali ta’ Weil am Rhein‑Schusterinsel) għandhom jiġu informati bl-operazzjoni ta’ trasport ippjanata. ( 3 ) Mandankollu, fi triqtu għal hemm, il-karozza ta’ L ġarrbet ħsara u b’konsegwenza l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi kompetenti qatt ma ġew informati.

12.

It-tfittxija li għamel L għal bastiment sostitut ma kinitx suċċess u fl-istess lejla, wara l-għeluq tal-Uffiċċju Doganali ta’ Weil am Rhein‑Schusterinsel, sabiex jilħaq slot għat-tagħbija fi Strasbourg, L ta ordni lill-kaptan ta’ MS Aargau, li huwa wkoll impjegat ta’ Ultra‑Brag, sabiex isalpa lejn Strasbourg u jiġbor it-turbina, bit-transformer u r-rollers abbord. It-transformer u r-rollers ma ġewx ippreżentati lill-awtoritajiet doganali mal-qsim tal-fruntiera bejn l-Isvizzera u l-Ġermanja.

13.

Fil-ġurnata ta’ wara, is-26 ta’ Mejju 2010, L ikkuntattja lill-awtoritajiet doganali kompetenti Ġermaniżi u informahom bl-importazzjoni mill-ġdid tat-transformer u r-rollers tiegħu.

14.

Fis-27 ta’ Mejju 2010, MS Aargau irritorna fil-port fuq ir-Rhine ta’ Basel (l-Isvizzera) sabiex iħott it-transformer u ż-żewġ rollers. F’dan il-punt, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi identifikaw din il-merkanzija abbord il-bastiment waqt spezzjoni.

15.

Permezz ta’ avviż ta’ dazju fuq l-importazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 2010, il-konvenut fil-kawża prinċipali Hauptzollamt Lörrach (uffiċċju doganali prinċipali ta’ Lörrach, il-Ġermanja) evalwa lil Ultra‑Brag bħala responsabbli unika għall-ħlas ta’ EUR 122470.07 f’dazji fir-rigward tat-transformer u ż-żewġ rollers tiegħu.

16.

Wara oġġezzjoni mingħajr suċċess għal dik l-evalwazzjoni, Ultra‑Brag nediet proċeduri legali quddiem il-qorti tar-rinviju u sostniet li d-dazju evalwat kien kontra l-liġi billi l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mogħtija fl-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali kienu ġew sodisfatti. Ultra‑Brag sostniet li ma kinitx ħatja ta’ traskuraġni ovvja meta fdat impjegat tagħha L bit-trasport tal-merkanzija kkonċernata. L lanqas ma seta’ jiġi akkużat bi traskuraġni ovvja.

17.

Fid-dawl tad-dubji dwar jekk impjegat jistax jitqies bħala debitur ta’ dejn doganali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 202(3), l-ewwel jew it-tieni inċiż, u jekk “traskuraġni ovvja” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali tinkludix it-traskuraġni possibbli ta’ impjegat, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi, Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika ssir debitriċi tad-dejn doganali bħala persuna li wettqet l-introduzzjoni, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-[Kodiċi Doganali], meta wieħed mill-impjegati tagħha – li ma huwiex ir-rappreżentant legali tagħha – li aġixxa fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, ikkaġuna l-introduzzjoni kontra l-liġi?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li:

(a)

persuna ġuridika tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi (anki) meta wieħed mill-impjegati tagħha – li ma huwiex ir-rappreżentant legali tagħha – li aġixxa fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu kien involut f’din l-introduzzjoni kontra l-liġi u

(b)

fil-każ ta’ persuni ġuridiċi li jkunu pparteċipaw fl-introduzzjoni kontra l-liġi, l-element suġġettiv li jikkundizzjona l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni – ‘li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf’ – għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-persuna fiżika responsabbli mill-operazzjoni inkwistjoni fl-entità li tikkostitwixxi l-persuna ġuridika, anki jekk ma hijiex ir-rappreżentant legali ta’ din il-persuna ġuridika?

(3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

L-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir tal-persuna li pparteċipat fl-introduzzjoni kontra l-liġi jinvolvix ingann jew traskuraġni manifesta, hemm lok, fil-każ ta’ persuna ġuridika, li ssir referenza biss għall-persuna ġuridika jew għall-korpi tagħha jew għandu jiġi attribwit fir-rigward tagħha, l-aġir ta’ persuna fiżika impjegata magħha u li kienet responsabbli mill-operazzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha?’’

18.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Kummissjoni. Abbażi tal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma sar l-ebda smigħ.

III – Analiżi

A – Osservazzjonijiet introduttivi dwar l-eżiġibbiltà tad-dejn doganali

19.

F’ċirkustanzi normali, dejn doganali fuq l-importazzjoni huwa eżiġibbli wara l-“ħelsien mid-dwana” jew, skont it-termini fl-Artikolu 201(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, meta merkanzija suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni hija rilaxxata għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa. Skont l-Artikolu 201(2) u (3) tal-Kodiċi Doganali, l-eżiġibbiltà tad-dejn huwa marbut mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni u d-debitur huwa meqjus li jkun id-dikjarant ( 4 ) u, fil-każ ta’ rappreżentazzjoni indiretta, ( 5 ) il-persuna li f’isimha ssir dikjarazzjoni doganali.

20.

Meta r-regoli li jirregolaw il-proċeduri doganali ma jiġux osservati, l-eżiġibbiltà ta’ dejn doganali jkun minflok marbut mal-ksur tal-obbligi doganali u hija rregolata bl-Artikoli 202 sa 205 tal-Kodiċi Doganali. Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, transformer u żewġ rollers ġew introdotti fit-territorju doganali tal-Unjoni iżda qatt ma twasslu jew ġew ippreżentati lill-awtoritajiet doganali kompetenti, f’dan il-każ l-Uffiċċju Doganali ta’ Weil am Rhein‑Schusterinsel, kif meħtieġ mill-Artikoli 38 u 40 tal-Kodiċi Doganali. B’riżultat ta’ dan, dejn doganali fuq l-importazzjoni ġie impost minħabba “introduzzjoni kontra l-liġi” ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni skont l-Artikolu 202(1)(a) tal-Kodiċi Doganali.

21.

Meta merkanzija li hija suġġetta għad-dazju tiġi introdotta kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Unjoni, l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jidentifikaw tliet kategoriji potenzjali ta’ debituri responsabbli għad-dejn doganali, ( 6 ) li huma (i) il-persuna li tkun introduċiet dik il-merkanzija b’mod li jmur kontra l-liġi; (ii) kull persuna li tkun ipparteċipat fl-introduzzjoni tal-merkanzija b’mod li jmur kontra l-liġi u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li tali introduzzjoni kienet kontra l-liġi; (iii) kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanzija kkonċernata u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanzija li din kienet ġiet introdotta kontra l-liġi.

22.

It-tliet inċiżi tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jistgħu, sa ċertu punt, jitqiesu li jistabbilixxu ordni ta’ gradazzjoni tal-involviment tal-persuna kkunsidrata bħala debitur abbażi tal-parteċipazzjoni tagħha fl-introduzzjoni kontra l-liġi ta’ merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni. Filwaqt li l-ewwel inċiż jirreferi għall-persuna li tkun introduċiet il-merkanzija kontra l-liġi, jiġifieri, il-persuna li normalment kellha tirrilaxxa l-merkanzija mid-dwana u twettaq l-obbligi tad-dikjarant, it-tieni u t-tielet inċiż jirreferu għal persuni li, għalkemm mhux responsabbli mit-twettiq tar-rilaxx doganali skont il-Kodiċi Doganali, huma xorta waħda involuti, jew qabel jew immedjatament wara l-introduzzjoni kontra l-liġi. ( 7 ) Filwaqt li r-responsabbiltà għad-debituri taħt l-ewwel inċiż hija stretta, fit-tieni u t-tielet inċiż jidher element suġġettiv, inkwantu huma biss persuni li kienu konxji jew raġonevolment kellhom ikunu konxji li dik l-introduzzjoni kienet kontra l-liġi li jsiru debituri.

B – L-ewwel domanda magħmula

23.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar meta persuna ġuridika ssir responsabbli għad-dejn doganali taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri, bħala l-persuna li introduċiet il-merkanzija b’mod li jmur kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din ir-responsabbiltà tirriżultax meta wieħed mill-impjegati tal-kumpannija, li ma jkunx ir-rappreżentant statutorju tagħha, ( 8 ) ikun ikkawża l-introduzzjoni kontra l-liġi waqt li aġixxa fil-qafas tar-responsabbiltà tiegħu. Fil-punti li ġejjin, għandi nispjega għalfejn din id-domanda, bħala prinċipju, għandha titwieġeb fl-affirmattiv.

24.

Preliminarjament, ninnota li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jirreferi għal “persuna” li introduċiet il-merkanzija, mingħajr ma jispeċifika jekk din tfissirx persuna naturali jew ġuridika. Madankollu, mill-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li l-kelma “persuna” tinkludi kemm persuni ġuridiċi kif ukoll naturali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li persuna li timpjega tista’ ssir debitur ta’ dejn doganali taħt l-ewwel inċiż (waħedha jew in solidum mal-impjegat tagħha) jekk din il-persuna li timpjega tista’ titqies bħala “li bl-azzjonijiet tiegħu kien responsabbli għall-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija”, ( 9 ) jew, imqiegħda b’mod differenti, bħala “kien hu stess li introduċa l-merkanzija kontra l-liġi”. ( 10 ) Minn dan nikkonkludi li Ultra‑Brag, bħala persuna ġuridika, tista’ bħala prinċipju ssir debitur skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. ( 11 )

25.

Madankollu l-kwistjoni tibqa’: taħt liema ċirkustanzi tirriżulta din ir-responsabbiltà?

26.

Il-qorti tar-rinviju tagħti x’jifhem li persuna ġuridika tista’ ssir debitur doganali abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali jew jekk iġġorr il-merkanzija hija stess (permezz ta’ rappreżentanti statutorji tagħha) jew jekk l-introduzzjoni kontra l-liġi “hija konsegwenza diretta tal-azzjonijiet ta’ min iħaddem”. Billi, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, Ultra‑Brag ma tistax titqies li ġarret il-merkanzija hija stess, ( 12 ) ir-responsabbiltà tagħha skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali tiddependi minn jekk huwiex suffiċjenti li l-introduzzjoni kontra l-liġi tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni kinitx konsegwenza diretta ta’ aġir ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, f’dan il-każ L, li kien responsabbli mill-operazzjoni ta’ trasport u li ta struzzjonijiet lill-kaptan tal-bastiment sabiex isalpa lejn Strasbourg, jew jekk huwiex biss l-aġir tar-rappreżentanti statutorji tagħha li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà.

27.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li sabiex persuna li timpjega – persuna ġuridika – issir responsabbli skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, huwa suffiċjenti li l-impjegat li f’termini prattiċi jkun introduċa merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni – f’dan il-każ il-kaptan tal-bastiment – ikun għamel hekk fil-qafas tal-inkarigi fdati lilu u/jew fil-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu u billi juża mezz ta’ trasport proprjetà tal-persuna li timpjega.

28.

Fil-punti li ġejjin, ser nagħti l-opinjoni tiegħi dwar din il-kwistjoni.

29.

Qabel kollox, huwa neċessarju li nfakkar id-distinzjoni bejn il-kategoriji differenti tad-debituri doganali identifikati fl-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali (ara l-punti 21 u 22 iktar ’il fuq). Skont l-ewwel inċiż, id-debitur huwa l-persuna li jintroduċi l-merkanzija kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Unjoni, jiġifieri, il-persuna li f’termini prattiċi introduċiet il-merkanzija u li kellha tippreżentaha lill-awtoritajiet doganali kompetenti. ( 13 ) Huwa paċifiku li din il-persuna fil-kawża prinċipali hija l-kaptan tal-bastiment. B’hekk, id-domanda rilevanti hija jekk l-aġir tiegħu għandux jiġi attribwit lil Ultra‑Brag.

30.

Neskludi l-possibbiltà li huwa biss l-aġir ta’ rappreżentanti statutorji li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita responsabbiltà taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. Kif tirrileva l-Kummissjoni, interpretazzjoni bħal din tmur kontra l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni, b’mod partikolari li tagħti definizzjoni wiesgħa tal-persuni li kapaċi jkunu debituri doganali. ( 14 ) Barra minn hekk, jista’ jirriżulta f’kull kumpannija li teċċedi ċertu daqs li tevita responsabbiltà taħt dan l-ewwel inċiż, peress li ma tantx huwa probabbli li kumpanniji kbar ikollhom rappreżentanti statutorji – normalment diretturi jew membri oħra mill-korpi ta’ ġestjoni – li jidderiġu l-bastimenti tagħhom jew isuqu l-vetturi tagħhom. Fl-aħħar nett, interpretazzjoni bħal din ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddikjara b’mod ċar li persuna li timpjega tista’ tkun debitur, jew waħedha jew in solidum mal-impjegat tagħha, taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. ( 15 )

31.

Bl-istess mod, ma huwiex deċiżiv li tiġi ddeterminata r-responsabbiltà ta’ Ultra‑Brag fir-rigward ta’ jekk l-istruzzjonijiet lill-kaptan, li kkawżaw l-introduzzjoni kontra l-liġi tat-transformer u ż-żewġ rollers tiegħu fit-territorju doganali tal-Unjoni, ingħatawx minn rappreżentant statutorju ta’ Ultra‑Brag. Fl-opinjoni tiegħi huwa suffiċjenti li l-impjegat, L, kien kompetenti li jagħti struzzjoni bħal din u li l-kaptan tal-bastiment kellu jsegwiha. F’dan ir-rigward id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li L kien maniġer fid-dipartiment tal-esportazzjoni tal-kumpannija responsabbli għall-operazzjoni ta’ trasport inkwistjoni u li l-kaptan dejjem irċieva direzzjonijiet speċifiċi dwar x’għandu jagħmel fir-rigward ta’ operazzjoni ta’ trasport imminenti, jew mill-aġent doganali jew minn xi ħadd fid-dipartiment ta’ L. B’hekk, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-fatti, ma hemm xejn fl-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja li tindika li L kien qed jaġixxi lil hinn mill-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu meta ta l-ordni lill-kaptan ta’ MS Aargau sabiex iwettaq l-operazzjoni ta’ trasport speċifika jew, saħansitra, li l-kaptan żbalja li segwa l-ordni ta’ L.

32.

Sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet biss f’termini negattivi r-responsabbiltà tal-persuna li timpjega skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din ir-responsabbiltà ma tistax tkun awtomatika, inkella dan ikun iċaħħad lit-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 202(3) mill-iskop tagħhom. ( 16 ) Hija sostniet ukoll li l-fatt li “l-impjegat jaġixxi waqt li jkun qed jeżegwixxi l-inkarigi li tkun fdatlu l-persuna li timpjegah” ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita din ir-responsabbiltà. ( 17 )

33.

F’dan il-każ speċifiku, il-kaptan ta’ MS Aargau, impjegat ta’ Ultra‑Brag, ittrasporta t-transformer u ż-żewġ rollers tiegħu għan-nom ta’ Ultra‑Brag fuq il-bastiment operat minn Ultra‑Brag u fuq istruzzjonijiet minn impjegat ieħor ta’ Ultra‑Brag responsabbli għal dik il-merkanzija. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa suffiċjenti sabiex persuna li timpjega, bħal Ultra‑Brag, tinżamm responsabbli għad-dejn doganali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali.

34.

Issa ser nispjega kif il-konklużjoni tiegħi hija konsistenti mad-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-punt 32 iktar ’il fuq.

35.

Primarjament, mingħajr ħtieġa ta’ spjegazzjoni ulterjuri, għandu jeżisti limitu madwar r-responsabbiltà ta’ min iħaddem għall-azzjonijiet tal-impjegati tiegħu. Il-limitu preċiż għal dik ir-responsabbiltà ma huwiex punt li neċessarjament irid jiġi stabbilit f’dan il-każ. Biżżejjed jingħad li jekk impjegat jaġixxi lil hinn mill-qafas tal-kompiti fdati lilu billi, pereżempju, ma jsegwix ordnijiet jew istruzzjonijiet, huwa konċepibbli li l-persuna li timpjega tista’ taħrab mir-responsabbiltà taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, madankollu jidher li l-kaptan tal-bastiment effettivament segwa l-istruzzjonijiet mogħtija mill-impjegat fdat bl-operazzjoni ta’ trasport inkwistjoni.

36.

Barra minn hekk, f’każijiet fejn impjegat huwa involut f’kuntrabandu ta’ merkanzija, normalment persuna li timpjega ma ssirx debitur abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali, sakemm ma jkunx jista’ jiġi stabbilit li l-kuntrabandu tal-merkanzija sar għan-nom tal-persuna li timpjega. ( 18 )

37.

Fl-aħħarnett, il-fatt li Ultra‑Brag tinżamm responsabbli għad-dejn doganali fil-kawża prinċipali abbażi tal-elementi mogħtija f’punt 33 iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi ma jwasslux sabiex il-persuna li timpjega titqies awtomatikament bħala debitur skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għal kull sitwazzjoni li fiha l-impjegat jaġixxi fl-eżekuzzjoni tal-affarijiet tal-persuna li timpjega. Kif issostni l-Kummissjoni, li kieku l-kaptan ta’ MS Aargau ittrasporta apparat jew merkanzija oħra tiegħu fuq l-istess vjaġġ, flimkien mat-transformers u r-rollers, huwa xorta kien jitqies li aġixxa fl-eżekuzzjoni tal-affarijiet ta’ Ultra‑Brag, iżda Ultra‑Brag taħrab ir-responsabbiltà taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għal kull dejn doganali sostnut fuq merkanzija addizzjonali bħal din, peress li l-kaptan, fir-rigward ta’ dik il-merkanzija, ikun aġixxa lil hinn mill-qafas tal-kompiti fdati lilu u, b’hekk, mhux għan-nom ta’ Ultra‑Brag.

38.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi, Baden‑Württemberg) kif ġej: l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika ssir debitur doganali skont dan l-inċiż jekk wieħed mill-impjegati tagħha, li ma jkunx rappreżentant statutorju, ikun introduċa merkanzija b’mod li jmur kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Unjoni, waqt li jkun qed jaġixxi fil-qafas tal-kompiti fdati lilu u/jew fil-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu.

39.

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li nirrispondi t-tieni domanda, li tirriżulta biss jekk Ultra‑Brag ma tkunx tista’ tinżamm responsabbli għad-dejn doganali taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nagħti l-opinjoni tiegħi dwar il-kwistjonijiet li jirriżultaw minn din it-tieni domanda.

C – It-tieni domanda magħmula

40.

It-tieni domanda ddur fuq l-interpretazzjoni tat-terminu “debitur” taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. Trattament bħala “debitur” taħt dik id-dispożizzjoni huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni, li hija oġġettiva, tirrigwarda parteċipazzjoni fl-introduzzjoni kontra l-liġi. It-tieni hija suġġettiva u tirrikjedi li l-persuni li pparteċipaw għamlu dan b’ċertu grad ta’ għarfien tal-introduzzjoni kontra l-liġi. ( 19 ) Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tipprova taċċerta jekk il-“parteċipazzjoni” ta’ impjegat fl-introduzzjoni ta’ merkanzija b’mod li jmur kontra l-liġi tistax tiġi attribwita lejn il-persuna li timpjega u jekk il-kundizzjoni suġġettiva inkluża fit-tieni inċiż tistax tiġi determinata b’riferiment għal dak l-impjegat.

41.

L-element oġġettiv ta’ “parteċipazzjoni” fit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Huwa suffiċjenti li persuna tkun ipparteċipat, anki indirettament, fl-att kontra l-liġi. ( 20 ) Persuna li timpjega tista’, pereżempju, issir debitur tad-dejn doganali jekk l-introduzzjoni kontra l-liġi tkun saret bl-użu ta’ riżorsi jew persunal tiegħu. ( 21 ) Fir-rigward tal-attribuzzjoni tal-“parteċipazzjoni” ta’ impjegat lejn il-persuna li timpjega, l-istess linja ta’ raġunament għandha tapplika fir-rigward tal-ewwel domanda. B’hekk, jekk l-impjegat jaġixxi fi ħdan il-qafas tal-kompiti fdati lilu u/jew fi ħdan il-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu, l-aġir ta’ impjegat għandu jiġi attribwit lill-persuna li timpjega.

42.

Fir-rigward tal-element suġġettiv, b’mod speċifiku li l-“parteċipant” kien konxju jew raġonevolment kellu jkun konxju li dik l-introduzzjoni ta’ merkanzija kienet kontra l-liġi, għandi ninnota s-segwenti.

43.

L-ewwelnett, li tillimita l-attribuzzjoni tal-għarfien fuq rappreżentanti statutorji ta’ kumpannija, fl-opinjoni tiegħi, kif mogħtija fir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, tqiegħed limitu mhux mixtieq fuq in-numru ta’ debituri possibbli (ara l-punt 30 iktar ’il fuq). Kumpanniji ta’ ċertu daqs jispiċċaw jaħarbu mir-responsabbiltà billi jiddelegaw ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ proċeduri ta’ spedizzjoni u dwana fuq l-impjegati tagħhom. Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, huwa biss rarament li r-rappreżentanti statutorji ta’ kumpannija ikbar ikunu informati dwar ġarr speċifiku.

44.

F’dan il-każ speċifiku, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li L kien responsabbli mill-operazzjoni ta’ trasport (ara l-punt 31 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, huwa l-għarfien tiegħu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ jekk ġietx sodisfatta l-kundizzjoni suġġettiva.

45.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju isegwi li L kien il-persuna li tat struzzjonijiet lill-kaptan sabiex isalpa l-bastiment, meta kien jaf li, kieku kellha tiġi segwita din l-istruzzjoni, it-transformer u r-rollers jispiċċaw jiddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma’ jkunu ġew ippreżentati lill-awtoritajiet doganali kompetenti Ġermaniżi. Jidher ukoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li L kien ingħata struzzjonijiet mill-awtoritajiet doganali Svizzeri sabiex jinforma lill-awtoritajiet doganali kompetenti Ġermaniżi dwar l-operazzjoni ta’ trasport ippjanata. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex suffiċjenti sabiex it-tieni kundizzjoni tiġi sodisfatta milħuqa fil-kawża quddiemha. Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-frażi “raġonevolment kellha tkun taf” tirrigwarda l-aġir ta’ kummerċjant raġonevolment prudenti u diliġenti, ( 22 ) jiġifieri, pereżempju, li persuna li timpjega ma setgħetx taħrab mir-responsabbiltà sempliċiment għaliex l-impjegat inkarigat ma kellux għarfien legali suffiċjenti fir-rigward tal-proċeduri doganali li kellhom jiġu segwiti.

46.

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda preliminari li saritilha mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi, Baden‑ Württemberg) kif ġej: It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika ssir debitur doganali taħt dan l-inċiż meta wieħed mill-impjegati tagħha, li ma jkunx rappreżentant statutorju, ikun ipparteċipa f’introduzzjoni ta’ merkanzija b’mod li jmur kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Unjoni, waqt li aġixxa fil-qafas tal-kompiti fdati lilu u/jew fil-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu, kemm-il darba l-persuna li timpjega kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-introduzzjoni kienet kontra l-liġi, liema att għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għall-impjegat li lilu tkun ġiet fdata din il-kwistjoni.

D – It-tielet domanda magħmula

47.

It-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tqum biss fl-eventwalità li l-ewwel jew it-tieni domanda titwieġeb, kif nipproponi, fl-affirmattiv. Il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali, li, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jippermetti eżenzjoni mid-dazju sostnut, inter alia, abbażi tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali. Filwaqt li l-qorti tar-rinviju tqis li r-rekwiżiti għal eżenzjoni mid-dazju doganali fir-rigward ta’ merkanzija miġjuba lura lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, kif ipprovdut fl-Artikolu 185(1) tal-Kodiċi Doganali (li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali) jiġu sodisfatti f’dan il-każ, ma huwiex ċert jekk it-tieni kundizzjoni, b’mod speċifiku, li l-“l-imġiba tal-persuna interessata ma tinvolvi la negozju frawdulenti u lanqas negliġenza fid-dieher” għandux jiġi evalwat biss fir-rigward tal-aġir tar-rappreżentanti statutorji tad-debitur, jew jekk għandux jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-aġir tal-impjegati tiegħu.

48.

L-ewwel nett, kif tirrileva l-Kummissjoni, it-terminu “persuna interessata” (bil-Ġermaniż “Beteiligten”) ma għandux jiġi konfuż ma’ “persuni li pparteċipaw” kif imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali. Filwaqt li t-terminu Ġermaniż użat fl-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali jista’ jagħti lok għal tali konfużjoni, ħafna verżjonijiet lingwistiċi oħra jirreferu minflok għal espressjoni li hija eqreb lejn il-frażi Ġermaniża “betroffene Person”, bħal “the person concerned” fl-Ingliż, “l’intéressé” bil-Franċiż, “el interesado” bl-Ispanjol, “l’interessato” bit-Taljan u “den berörda parten” bl-Isvediż.

49.

Peress li l-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali jippermetti eżenzjonijiet mid-dazji doganali, il-kundizzjonijiet għal dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati strettament. ( 23 ) Għaldaqstant it-terminu “persuna interessata” għandha tinftiehem b’mod wiesa’ u ma jkoprix biss l-aġir tal-persuni li huma direttament involuti fl-introduzzjoni tal-merkanzija inkwistjoni b’mod li jmur kontra l-liġi, iżda wkoll kull persuna li tista’ titqies li tinsab wara din l-introduzzjoni kontra l-liġi, madankollu kemm-il darba li l-aġir inkwistjoni jista’ jiġi attribwit lid-debitur. ( 24 )

50.

F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li Ultra‑Brag tista’ hija stess titqies li aġixxiet b’mod negliġenti minħabba falliment organizzattiv, jiġifieri, billi ma aġixxietx b’mod diliġenti fid-delegar tal-kompiti jew fis-superviżjoni tal-impjegati tagħha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’din il-kawża, teżistix tali traskuraġni.

51.

Madankollu, lura għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari jekk l-aġir tal-impjegati ta’ Ultra‑Brag jistax jiġi attribwit lil Ultra‑Brag għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ traskuraġni ovvja, ( 25 ) il-prinċipji għad-determinazzjoni dwar jekk l-aġir u/jew l-għarfien ta’ impjegat jistax jiġi attribwit lejn il-persuna li timpjegah, kif iddiskutejt fir-rigward tal-ewwel u t-tieni domanda, huma validi hawn ukoll. Għaldaqstant, kemm-il darba L aġixxa fil-qafas tal-kompiti fdati lilu u/jew fil-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu, l-aġir tiegħu irid jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-preżenza ta’ traskuraġni ovvja. ( 26 )

52.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-aġir ta’ L jinvolvix traskuraġni ovvja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom ta lok għad-dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali ta’, u d-diliġenza applikata mill-kummerċjant. ( 27 )

53.

Fid-dawl tal-argumenti msemmija iktar ’il fuq, inqis li r-risposta għat-tielet domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun kif ġej: L-Artikolu 212a tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt jekk l-aġir ta’ “persuna interessata” (ġuridika) jinvolvix aġir frawdolenti jew traskuraġni, għandu jiġi ddeterminat mhux biss fir-rigward tal-kumpannija nnifisha jew tar-rappreżentanti statutorji tagħha iżda wkoll fir-rigward ta’ kull impjegat li jaġixxi fil-kuntest tal-kompiti fdati lilu u/jew fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu.

IV – Konklużjoni

54.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula minn Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi Baden-Württemberg, il-Ġermanja) jkunu kif ġej:

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika ssir debitur doganali skont dan l-inċiż jekk wieħed mill-impjegati tagħha, li ma jkunx rappreżentant statutorju, ikun introduċa merkanzija b’mod li jmur kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Unjoni, waqt li jkun qed jaġixxi fil-qafas tal-inkarigi fdati lilu u/jew fil-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu.

It-tieni inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika ssir debitur doganali skont dan l-inċiż meta wieħed mill-impjegati tagħha, li ma jkunx rappreżentant statutorju, ikun ipparteċipa f’introduzzjoni ta’ merkanzija b’mod li jmur kontra l-liġi fit-territorju doganali tal-Unjoni, waqt li jkun qed jaġixxi fil-qafas tal-kompiti fdati lilu u/jew fil-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu, kemm-il darba l-persuna li timpjega kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-introduzzjoni kienet kontra l-liġi, liema fatt għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għall-impjegat li lilu tkun ġiet fdata din il-kwistjoni.

L-Artikolu 212a tar-Regolament Nru 2913/92, għandu jiġi interpretat li jfisser li l-fatt jekk l-aġir ta’ “persuna interessata” (ġuridika) jinvolvix aġir frawdolenti jew traskuraġni, għandu jiġi ddeterminat mhux biss fir-rigward tal-kumpannija nnifisha jew tar-rappreżentanti statutorji tagħha iżda wkoll fir-rigward ta’ kull impjegat li jaġixxi fil-qafas tal-kompiti fdati lilu u/jew fil-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat u fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien materjali, jiġifieri Mejju 2010 (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Doganali”).

( 3 ) Kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, f’Basel hemm uffiċċju doganali trinazzjonali, stabbilit bl-iskop li jiffaċilita l-proċeduri għall-ħelsien mid-dwana għal trasporti ta’ passaġġi fuq l-ilma fuq ir-Rhine. Mandakollu, dak il-fatt ma jittrasferixxix l-eżerċizzju tas-setgħat sovrani ta’ awtorità nazzjonali doganali lejn l-awtorità ta’ Stat ieħor.

( 4 ) “Dikjarant” huwa mfisser fl-Artikolu 4(18) tal-Kodiċi Doganali bħala il-persuna li tkun qed tagħmel id-dikjarazzjoni doganali f’isimha proprju jew il-persuna li f’isimha tkun qed issir id-dikjarazzjoni doganali.

( 5 ) “Rappreżentazzjoni indiretta” hija mfissra fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi Doganali u tirreferi għal rappreżentant li jaġixxi taħt ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra.

( 6 ) Skont l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali, meta diversi debituri jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dejn doganali, huma reponsabbli in solidum għal dak id-dejn.

( 7 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:488, punt 36.

( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-organi tal-kumpannija, bil-Ġermaniż, “Organe”.

( 9 ) Sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punt 26, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Papismedov et, C‑195/03, EU:C:2005:131, punt 39.

( 10 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punt 29.

( 11 ) Ara wkoll, Gormley, L., EU Law of Free Movement of Goods and Customs Union, Oxford University Press, Oxford, 2009, p. 335 fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40.

( 12 ) Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-merkanzija ġiet mgħobbija fuq l-MS Aargau għan-nom ta’ Ultra‑Brag, iżda billi l-kaptan ta’ MS Aargau kien biss impjegat ta’ Ultra‑Brag (u mhux rappreżentant statutorju), il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li Ultra‑Brag ma tistax titqies li ġarret il-merkanzija hija stess.

( 13 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Viluckas u Jonusas, C‑238/02 u C‑246/02, EU:C:2004:126, punt 29, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:488, punt 36. Ara wkoll is-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punt 26, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Papismedov et, C‑195/03, EU:C:2005:131, punt 39.

( 14 ) Sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punt 25, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Papismedov et, C‑195/03, EU:C:2005:131, punt 38.

( 15 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulstrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punt 29.

( 16 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punt 40.

( 17 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punt 42.

( 18 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Viluckas u Jonusas, C‑238/02 u C‑246/02, EU:C:2004:126, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Papismedov et, C‑195/03, EU:C:2005:131.

( 19 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:752, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:752, punti 1617.

( 21 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punt 30.

( 22 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:752, punt 22.

( 23 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 52.

( 24 ) It-terminu “persuna interessata” jintuża f’partijiet oħra tal-Kodiċi Doganali, b’mod partikolari fl-Artikolu 239(1) fir-rigward tar-rimbors jew tat-tneħħija ta’ dazji fuq l-importazzjoni. Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuna interessata tqieset li tfisser “il-persuna jew persuni [li ħallset jew li għandha tħallas dawn id-dazji], jew ir-rapreżentanti tagħhom, u xi persuna oħra li kienet involuta fit-twettiq tal-formalitajiet doganali li jirrigwardjaw l-oġġetti kkonċernati jew li jkun ta l-istruzzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ dawn il-formalitajiet”. Ara l-Artikolu 899(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

( 25 ) Ninnota li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni tal-preżenza ta’ involviment frawdolenti fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

( 26 ) L-istess japplika għall-kaptan ta’ MS Aargau, għalkemm ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li jindika li aġixxa bi traskuraġni.

( 27 ) Sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 56, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, DSV Road, C‑187/14, EU:C:2015:421, punt 46.

Top