Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0652

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2016.
    Furkan Tekdemir vs Kreis Bergstraße.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżola ta’ standstill – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork fis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru – Eventwali eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjonijiet ġodda – Ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji – Obbligu impost fuq iċ-ċittadini ta’ Stat terz ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza – Proporzjonalità.
    Kawża C-652/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:960

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PAOLO MENGOZZI

    ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )

    Kawża C‑652/15

    FurkanTekdemir

    vs

    Kreis Bergstraße

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (qorti amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru — Klawżola ta’ standstill — Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 — Restrizzjoni ġdida — Obbligu għall-minuri ta’ inqas minn 16-il sena li jiksbu permess ta’ residenza — Wild imwieled fil-Ġermanja minn ġenitur ħaddiem Tork — Obbligu li jmur it-Turkija biex jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza — Eventwali eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjonijiet ġodda — Ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji — Proporzjonalità”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Nedim Tekdemir, missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Furkan Tekdemir, huwa ċittadin Tork. Huwa daħal il-Ġermanja fl-2005. Hemmhekk huwa ilu jeżerċita attività bħala persuna impjegata tal-inqas mill-2009. Għall-ewwel huwa kiseb permess ta’ residenza għal żmien limitat minħabba raġunijiet umanitarji li ġġedded sal-2013, qabel ma ngħata permess ta’ residenza validu sas-6 ta’ Ottubru 2016. Dan il-permess ta’ residenza ngħata minħabba l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż skont il-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/372/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 ( 2 ) (iktar ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija”) u d-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”) adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-imsemmi ftehim. Jidher li huwa paċifiku li l-missier għandu l-mezzi biex jiżgura l-għajxien tal-familja tiegħu fil-Ġermanja.

    2.

    Derya Tekdemir, omm ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Torka wkoll, daħlet il-Ġermanja f’Novembru 2013 koperta b’viża turistika Schengen. Matul dak l-istess xahar, hija ppreżentat applikazzjoni għall-ażil mal-awtoritajiet Ġermaniżi. Hija għandha permess ta’ residenza biex tapplika għall-ażil. Il-proċedura dwar dik l-applikazzjoni kienet għadha pendenti fil-mument li l-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Darmstadt (qorti amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), għamlet dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    3.

    Il-ġenituri tar-rikorrent fil-kawża prinċipali żżewġu f’Settembru 2015.

    4.

    Furkan Tekdemir, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, twieled fis-16 ta’ Ġunju 2014 fil-Ġermanja. Huwa ċittadin Tork u għandu passaport Tork. Fl-10 ta’ Lulju 2014, huwa talab mingħand il-Kreis Bergstraße (dipartiment tal-barranin, il-Ġermanja), li jingħata permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 33 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (Aufenthaltsgesetz) (liġi dwar ir-residenza, l-impjieg u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali), tat-30 ta’ Lulju 2004 ( 3 ), fil-verżjoni tagħha li kienet ippubblikata fil-25 ta’ Frar 2008 ( 4 ) (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), li ġiet emendata l-aħħar bl-Artikolu 3 tal-Asylverfahrensbeschleunigungsgesetz (liġi dwar it-tħaffif tal-proċedura ta’ ażil), tat-23 ta’ Ottubru 2015 ( 5 ). Din id-dispożizzjoni tipprovdi li “permess ta’ residenza jista’ jingħata ex officio lil wild li jitwieled fit-territorju federali meta wieħed mill-ġenituri jkollu permess ta’ residenza, permess ta’ stabbiliment jew permess ta’ residenza permanenti UE. Jekk, fid-data tat-twelid, iż-żewġ ġenituri jew il-ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva jkollhom permess ta’ residenza, permess ta’ stabbiliment jew permess ta’ residenza permanenti UE, jingħata permess ta’ residenza ex officio lill-wild li jkun twieled fit-territorju federali. Ir-residenza ta’ wild imwieled fit-territorju federali li missieru jew ommu, fid-data tat-twelid tal-wild, jkollhom viża jew għandhom id-dritt li jirrisjedu filwaqt li jkunu eżentati mill-viża għandha titqies permessa sal-iskadenza tal-viża jew tar-residenza regolari eżentata mill-viża”.

    5.

    Fis-27 ta’ Lulju 2015, id-dipartiment tal-barranin ċaħad din it-talba billi argumenta li, f’sitwazzjoni fejn wieħed biss mill-ġenituri jkollu permess ta’ residenza, l-Artikolu 33 tal-AufenthG jagħti lill-awtorità kompetenti setgħa diskrezzjonali illimitata biex tagħti jew tirrifjuta permess ta’ residenza. Fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-amministrazzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ir-relazzjoni bejn il-ġenitur u l-wild mingħajr madankollu ma tirriżulta neċessarjament f’deċiżjoni favorevoli għall-applikant. Min-naħa l-oħra, għad-dipartiment tal-barranin, ikun permissibbli li jeżiġi mir-rikorrent fil-kawża prinċipali li huwa jimxi skont il-proċedura tal-viża anki jekk din twassal inevitabbilment sabiex l-applikant u ommu jkunu, tal-inqas provviżorjament, isseparati mill-missier.

    6.

    Fis-17 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-qorti amministrattiva ta’ Darmstadt) li fil-kuntest tiegħu huwa jargumenta li, minħabba l-pożizzjoni legali partikolari ta’ missieru fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1) ( 6 ) u tal-Artikolu 13 ( 7 ) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu jingħatalu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Fil-fatt, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fl-1980 jirriżulta li l-barranin ta’ età ta’ inqas minn 16-il sena kienu eżentati mill-obbligu li jkollhom permess ta’ residenza. L-istat tad-dritt preċedenti kien għaldaqstant iktar favorevoli għar-rikorrent fil-kawża prinċipali mill-Artikolu 33 tal-AufenthG li, għaldaqstant, imur kontra l-klawżola ta’ standstill li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Id-dipartiment tal-barranin jibqa’, min-naħa tiegħu, tal-fehma li ma jkunx irraġonevoli li missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun mistenni jkompli bil-komunità tal-familja tiegħu ma’ ibnu u ma’ martu fit-Turkija, u dan peress li ma huwiex irrikonoxxut bħala applikant għall-ażil jew refuġjat u li huwa għandu n-nazzjonalità Torka.

    7.

    Il-qorti tar-rinviju, min-naħa tagħha, tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klawżola ta’ standstill u, b’mod partikolari, il-fatt li l-imsemmija klawżola tapplika inkluż għal-leġiżlazzjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet tal-membri tal-familja tal-ħaddiema Torok dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja inkwantu leġiżlazzjoni li tirrendi diffiċli jew impossibbli ir-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tinfluwenza b’mod negattiv id-deċiżjoni ta’ ċittadin Tork li jeżerċita attività ekonomika b’mod stabbli fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ( 8 ). L-imsemmija qorti tenfasizza, barra minn hekk, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitqies li qiegħed fit-territorju Ġermaniż b’mod regolari u li missieru, ukoll f’sitwazzjoni regolari, jagħmel parti mis-suq regolari tax-xogħol fil-Ġermanja. Barra minn hekk, id-dritt Ġermaniż jagħti, bħala prinċipju, protezzjoni partikolari lill-unità tal-familja kif ukoll lir-relazzjoni bejn il-ġenturi u l-ulied. Madankollu, l-obbligu impost fuq il-barranin ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Issa tali restrizzjoni ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-imsemmi artikolu sa fejn tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tkun tali li twassal biex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tilħqu.

    8.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti a quo tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, fejn l-obbligu impost fuq il-barranin ta’ inqas minn 16-il sena li jkollhom permess ta’ residenza ddaħħal, skont l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex ikun hemm ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji. Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar ir-“rekwiżiti kwalitattivi” li tali raġuni imperattiva għandha tissodisfa u tfakkar b’mod partikolari f’dan ir-rigward li r-rikorrent fil-kawża prinċipali twieled il-Ġermanja u għadu joqgħod hemmhekk f’sitwazzjoni regolari mal-ġenituri tiegħu, li wieħed minnhom huwa ħaddiem Tork li għandu drittijiet irrikonoxxuti skont il-Ftehm ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija u d-Deċiżjoni Nru 1/80.

    9.

    Billi sabet ruħha f’diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Verwaltungsgericht Darmstadt (qorti amministrattiva ta’ Darmstadt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2015, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li hija ta’ natura li tirrifjuta lil ċittadin Tork, imwieled fit-territorju Federali, l-eżenzjoni mill-obbligu li jkollu permess ta’ residenza li jista’ jitlob bis-saħħa tal-klawżola ta’ standstill tal-Artikolu 13 tad-[Deċiżjoni Nru 1/80]?

    2)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi pożittivament għal din id-domanda, liema huma r-rekwiżiti kwalitattivi li għandhom jintalbu fir-rigward ta’ ‘raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali’ fid-dawl tal-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji?”

    10.

    F’din il-kawża ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż u mil-Gvern Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    11.

    Waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2016, saru sottomissjonijiet orali mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni.

    II – Analiżi ġuridika

    12.

    Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li restrizzjoni ġdida “hija pprojbita ħlief sa fejn taqa’ taħt limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 [tad-Deċiżjoni Nru 1/80] jew sa fejn tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju” ( 9 ). L-analiżi li ssegwi ser tikkonsisti għaldaqstant f’verifika minn qabel tal-eżistenza ta’ din ir-raġuni imperattiva qabel ma tiġi żgurata n-natura proporzjonata tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    A – Fuq l-eżistenza ta ’ raġuni imperattiva ta ’ interess ġenerali

    13.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klawżola ta’ standstill stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 “[t]ipprojbixx[i] b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork ta’ libertà ekonomika fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni [...] fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru” ( 10 ). Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Artikolu 33 tal-AufenthG jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, inkwantu jirrendi iktar stretti l-kundizzjonijiet ta’ residenza tal-ulied minuri mwielda fil-Ġermanja minn ġenituri ċittadini ta’ Stati terzi.

    14.

    Huwa paċifiku wkoll li missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ħaddiem li jagħmel parti mis-suq regolari tax-xogħol bil-fatt li huwa jeżerċita, fil-Ġermanja, attività bħala persuna impjegata. Hija biss għas-sitwazzjoni tal-ħaddiem Tork residenti fl-Istat Membru kkonċernat li wieħed għandu jirreferi biex jiġi evalwat jekk għandhiex tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħalma hija l-Artikolu 33 tal-AufenthG, jekk jirriżulta li din hija tali li taffettwa l-libertà tiegħu li jeżerċita attività bħala persuna impjegata f’dak l-Istat Membru ( 11 ). Issa, is-sitwazzjoni ta’ missier ir-rikorrent fil-kawża prinċipali tinsab ċertament affettwata, peress li l-Artikolu 33 tal-AufenthG jirrendi r-residenza regolari tal-wild tiegħu mwieled fil-Ġermanja iktar diffiċli biex tinkiseb u għaldaqstant jirrendi l-kontinwazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja iktar inċerta. Għaldaqstant, l-Artikolu 33 tal-AufenthG, li jirrendi iktar stretti l-kundizzjonijiet ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż tal-ulied minuri, imwielda fil-Ġermanja u li jirrisjedu hemmhekk, ta’ ċittadini Torok residenti f’dak l-istess Stat Membru bħala ħaddiema, meta mqabbla ma’ dawk li kienu japplikaw mad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa tali li jaffettwa l-eżerċizzju, fil-Ġermanja, tal-libertajiet ekonomiċi ta’ dawn il-ħaddiema ( 12 ) u jaqa’ għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

    15.

    Kif enfasizzajt fl-analiżi tiegħi, restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tista’ tkun iġġustifikata kemm mill-motivi msemmija fl-Artikolu 14 tal-imsemmija deċiżjoni, kif ukoll minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 13 ). Din hija llum ġurisprudenza stabbilita ( 14 ). Għalkemm l-Artikolu 33 tal-AufenthG ma jistax jaqa’ taħt dak l-Artikolu 14, il-Gvern Ġermaniż isostni – kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja – li l-obbligu ġdid, impost fuq l-ulied minuri mwielda fit-territorju Ġermaniż ta’ ġenituri ħaddiema Torok stabbiliti fil-Ġermanja, li jkollhom permess ta’ residenza huwa ġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji.

    16.

    Sal-lum, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ standstill li tinsab fid-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, b’mod espliċitu, żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-għan li jiġu evitati d-dħul u r-residenza irregolari ( 15 ) kif ukoll l-għan li jikkonsisti fil-garanzija ta’ integrazzjoni b’suċċess taċ-ċittadini ta’ Stati terzi fl-Istat Membru kkonċernat ( 16 ). Hija ħalliet dubju fuq żewġ motivi oħra ta’ ġustifikazzjoni potenzjali bbażati fuq il-prevenzjoni taż-żwieġ sfurzat u l-promozzjoni tal-integrazzjoni ( 17 ). Diġà kelli l-okkażjoni li nikkummenta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex partikolarment eżiġenti meta tiġi biex tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u għalhekk tħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri ( 18 ).

    17.

    Jiena nibqa’ pjuttost tal-fehma li, f’dan l-istadju tar-raġunament u f’din il-fażi tat-test dwar l-eventwali ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel analiżi in abstracto tar-raġuni imperattiva invokata mill-Gvern Ġermaniż. Issa, ir-rieda ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji hija waħda mill-għanijiet tal-politika komuni tal-immigrazzjoni msemmija fl-Artikolu 79(1) TFUE u ma tidhirx, bħala tali, li tmur kontra l-għan imfittex mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija. Jidhirli li r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali invokata mill-Gvern Ġermaniż hija iktar u iktar ammissibbli peress li, kif inhu magħruf, l-Unjoni hija kkonfrontata, sa minn ċerti snin ’l hawn, bi kriżi migratorja mingħajr preċedent u peress li, fil-fehma tiegħi, ikun ħażin li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta lil Stat Membru l-possibbiltà li jinvoka – mingħajr ma din tkun, b’xi mod, suffiċjenti biex tiġġustifika l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali – it-tiftix ta’ għan li l-Unjoni stess qiegħda, b’urġenza kbira, tipprova tilħaq. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi approċċ iktar konkret, wieħed jista’ jistaqsi madankollu jekk il-kwistjoni tad-dritt ta’ residenza fil-Ġermanja ta’ wild imwieled fit-territorju Ġermaniż u li dejjem irrisjeda hemmhekk – li għalhekk qatt ma kien migrant, biex nitkellmu sewwa – tirrigwardax verament il-ġestjoni tal-flussi migratorji.

    18.

    Madankollu, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrikonoxxi l-ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jibqa’ madankollu li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 33 tal-AufenthG huwiex effettivament xieraq biex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq, peress li jiena nemmen li dan huwa s-sens tat-tieni domanda preliminari.

    B – Fuq in-natura proporzjonata tal-obbligu impost fuq l-ulied ta ’ inqas minn 16-il sena mwielda fil-Ġermanja li jkollhom permess ta ’ residenza

    1. Rimarka preliminari:

    19.

    Qabel ma nibda l-analiżi, nixtieq nagħmel rimarka preliminari dwar il-kjarifika tal-portata tat-tieni domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    20.

    Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-formulazzjoni xi ftit enigmatika ta’ din id-domanda tista’ faċilment tiġi ċċarata billi tiġi interpretata fis-sens li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tielet fażi tat-test li hija semmiet – u kkonfermat – fil-preżenza ta’ restrizzjonijiet ġodda sabiex tiddetermina jekk dawn jistgħux ikunu ġġustifikati. Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti a quo, nipproponi għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċentra issa fuq il-proporzjonalità tar-restrizzjoni ġdida eżaminata.

    2. Analiżi

    21.

    Anki jekk id-dritt Ġermaniż jissuġġetta lill-minuri ta’ inqas minn 16-il sena għal obbligu ġenerali li jkollhom permess ta’ residenza, is-sitwazzjoni li għandna quddiemna f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa l-każ partikolari, li huwa rregolat parzjalment mill-Artikolu 33 tal-AufenthG, tal-ulied imwielda fit-territorju Ġermaniż minn ġenituri ċittadini ta’ Stati terzi li tal-inqas wieħed minnhom jinsab f’sitwazzjoni regolari.

    22.

    Il-qorti tar-rinviju tinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li r-residenza tal-wild imwieled fil-Ġermanja minn ġenituri ċittadini ta’ Stati terzi titqies regolari għal sitt xhur. Lil hinn minn dan il-perijodu, dik ir-residenza għandha titqies regolari sakemm jiġi eżawrit id-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jkun f’sitwazzjoni ta’ residenza regolari. Il-Gvern Ġermaniż, min-naħa tiegħu, jieħu pożizzjoni differenti. Sabiex jiddeċiedu jekk, abbażi tal-Artikolu 33 tal-AufenthG, għandux jingħata ex officio permess ta’ residenza lill-wild minuri meta dan ikun jinsab, fil-fatt, fil-Ġermanja fejn ikun twieled, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu jeżiġu li l-wild jieħu l-passi neċessarji biex japplika għal viża mingħand il-pajjiż li tiegħu għandu n-nazzjonalità ( 19 ). Huwa fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni li l-effett tal-eventwali dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenitur resident fil-Ġermanja fuq id-dritt għar-residenza tal-applikant stess għandu jiġi evalwat. Il-Gvern Ġermaniż indika li ftit kellu dubju, prima facie, fuq l-eżitu favorevoli li l-awtoritajiet kellhom jagħtu lill-applikazzjoni li tiġi ppreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fit-Turkija, peress li, minħabba s-sitwazzjoni legali ta’ missieru fid-dawl tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija u tad-Deċiżjoni Nru 1/80, irid jingħatalu dritt ta’ residenza.

    23.

    Jekk wieħed iżomm mal-kliem tal-Artikolu 33 tal-AufenthG, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu jagħtu ex officio permess ta’ residenza lil wild imwieled fil-Ġermanja jekk wieħed mill-ġenituri tiegħu li jkun ċittadin ta’ Stat terz ikollu permess ta’ residenza. Ma hemmx dubju li din id-dispożizzjoni tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jiddeċiedu jekk, iva jew le, huma jużawx il-fakultà tagħhom li jagħtu ex officio permess ta’ residenza. In-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom dawn l-awtoritajiet “jaġixxu minn jeddhom” fuq każ partikolari jidher li huwa problematiku. L-istess jgħodd għall-fatt li l-għoti ta’ permess ta’ residenza lil wild imwieled fil-Ġermanja minn ġenitur residenti regolarment f’dak l-Istat huwa biss potenzjalità. Għaldaqstant, l-awtoritajiet jistgħu jagħtu permess ta’ residenza lil wild li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq – post tat-twelid, residenza regolari tal-ġenitur – kif huma jistgħu ma jagħtuhx, mingħajr ma hemm ebda kriterju espliċitu.

    24.

    Ċertament, l-Artikolu 33 tal-AufenthG, kif ifakkar id-dipartiment tal-barranin fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħti setgħa diskrezzjonali illimitata biex, minn naħa, tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ wild li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, tingħata deċiżjoni fuq id-dritt li jirrisjedi fil-Ġermanja meta huwa jkun għadu fit-territorju Ġermaniż. Din is-setgħa diskrezzjonali illimitata tista’, fit-teorija, tkun ħaġa tajba jekk din tkun tfisser li l-awtoritajiet jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni individwali inkwistjoni. Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi fil-fatt evalwazzjoni każ b’każ ( 20 ). Madankollu, din tkun iktar inkwetanti meta, kif inhu l-każ li għandna quddiemna, ebda informazzjoni ma tkun verament disponibbli fuq il-kundizzjonijiet li taħthom din is-setgħa diskrezzjonali għandha tkun eżerċitata. Il-Gvern Ġermaniż, mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx f’pożizzjoni li jiċċaraha dwar il-prinċipji li għandhom – xorta waħda – jiggwidaw l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun żgurata li s-setgħa diskrezzjonali tagħha ma tittrasformax ruħha, fil-prattika, f’setgħa arbitrarja. L-impressjoni globali li tingħata minn dak kollu msemmi iktar ’il fuq hija finalment dik ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna. Issa, tali setgħa tipprekludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni u jkunu rrispettati d-drittijiet tal-ħaddiema Torok fl-iktar mument opportun.

    25.

    Barra minn hekk, insib diffikultà kbira biex nara r-relazzjoni bejn l-għan imfittex ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji u l-konsegwenzi li joħorġu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 33 tal-AufenthG. Fil-fatt, il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ għoti “ex officio” ta’ permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 33 tal-AufenthG qiegħda fil-fatt li l-wild imwieled fil-Ġermanja, li sa dakinhar kien jirrisjedi b’mod regolari hemmhekk ma’ tal-inqas wieħed miż-żewġ ġenituri tiegħu li kien ukoll f’sitwazzjoni regolari, ikun kostrett jabbanduna t-territorju Ġermaniż u lill-familja tiegħu biex imur fi Stat terz li tiegħu għandu n-nazzjonalità, iżda li fih jista’ jkun li qatt ma għex u jippreżenta, f’dak l-Istat terz, applikazzjoni għal viża. Ir-raġunijiet li għalihom tali ċaqliq huwa mitlub ma nistax nifhimhom u dan peress li, kif juri sew il-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-elementi neċessarji kollha biex l-amministrazzjoni tiddeċiedi fuq is-sitwazzjoni tiegħu huma diġà għad-dispożizzjoni tagħha.

    26.

    Għaldaqstant, peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ridux – għal raġunijiet li jibqgħu mhux ċari f’moħħi – jagħtu “ex officio” permess ta’ residenza lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huma jobbligawh jiċċaqlaq lejn it-Turkija minkejja li huwa twieled u dejjem irrisjeda fil-Ġermanja. Fid-dawl tal-età tenera ħafna tiegħu, huwa eskluż li huwa jiċċaqlaq waħdu ( 21 ). Peress li ommu applikat għall-ażil fil-Ġermanja, hemm probabbiltà kbira – tal-inqas sabiex iżżomm il-possibbiltajiet li l-applikazzjoni tagħha tintlaqa’ – li hija ma tkunx tista’ takkumpanjah. Anki kieku kellha takkumpanjah, żewġha, li għandu l-kwalità ta’ ħaddiem Tork, jiċċaħħad, fi kwalunkwe każ, mill-preżenza tagħha u minn dik ta’ ibnu. Tibqa’ l-possibbiltà li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jiġi akkumpanjat fit-Turkija minn missieru. Id-dipartiment tal-barranin indika, fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma kienx “irraġonevoli” li din tkun ikkontemplata u li missier il-wild ikun mistenni “ikompli l-komunità tal-familja tiegħu ma’ ibnu fit-Turkija”. Madankollu, li l-wild jiġi obbligat jitlaq mit-territorju, barra mill-konsegwenzi evidenti fuq il-ħajja tal-familja tiegħu, jista’ wkoll jiġi interpretat bħala tentattiv ta’ dissważjoni lill-membri kollha tal-familja tiegħu, inkluż lil dak li għandu l-kwalità ta’ ħaddiem Tork, milli jistabbilixxu u jkomplu jirrisjedu fil-Ġermanja.

    27.

    Huwa possibbli, għaldaqstant, li jiġu injorati iktar id-drittijiet li l-ħaddiema Torok jisiltu mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija? Id-deskrizzjoni tal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni l-ġdida għall-familja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali hija biżżejjed biex turi n-natura għalkollox sproporzjonata tagħha. L-inkonvenjenti kbar ikkaġunati lill-ħaddiem Tork, li jingħata l-għażla li jew ikompli l-attività tiegħu bħala persuna impjegata u jara lill-ħajja tal-familja tiegħu mfixkla sew jew li jirrinunzja għall-imsemmija attività mingħajr garanzija li jerġa’ jintegra ruħu professjonalment mar-ritorn (eventwali) tiegħu ma jistgħu fl-ebda każ ikunu ġġustifikati mill-għan leġittimu tal-ġestjoni iktar effikaċi tal-flussi migratorji. Bir-raġun wieħed jistaqsi kif l-obbligu impost fuq l-ulied imwielda fil-Ġermanja, minn ġenituri ċittadini ta’ Stati terzi li qegħdin f’sitwazzjoni regolari, li jitilqu mill-Ġermanja biex jippreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza jirriżulta li huwa iktar effikaċi f’termini tal-imsemmija ġestjoni ta’ dawn il-flussi. Min-naħa tiegħi, jiena ma nsibx spjegazzjoni. Agħar minn hekk, jiena nistaqsi jekk tali ġestjoni teżiġix preċiżament il-kontra, jiġifieri li ma jinħolqux artifiċjalment u inutilment kundizzjonijiet għaċ-ċaqliq fi Stat terz għall-ulied – li għandi nfakkar – huma mwielda fil-Ġermanja u li jirrisjedu hemmhekk b’mod regolari mal-familja tagħhom. Dan l-aħħar element itendi għaldaqstant li juri n-nuqqas ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    28.

    Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li ddaħħlet wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li l-applikazzjoni tagħha twassal għar-riżultat li l-wild imwieled fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minn ġenitur li għandu l-kwalità ta’ ħaddiem Tork ikun obbligat li jmur fl-Istat terz li tiegħu għandu n-nazzjonalità biex hemmhekk jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza, bil-konsegwenza li l-imsemmi ħaddiem ikollu jagħżel bejn li jibqa’ fil-Ġermanja u jkompli l-attività ekonomika tiegħu filwaqt li jkun isseparat minn ibnu jew inkella jakkumpanja lill-wild u jirrinunzja għal din l-attività għal żmien indeterminat, tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida pprojbita mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

    III – Konklużjoni

    29.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (qorti amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja):

    L-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-flussi migratorji jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru biex jiġġustifika restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem dan tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963.

    Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li ddaħħlet wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li l-applikazzjoni tagħha twassal għar-riżultat li l-wild imwieled fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minn ġenitur li għandu l-kwalità ta’ ħaddiem Tork ikun obbligat li jmur fl-Istat terz li tiegħu għandu n-nazzjonalità biex hemmhekk jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza, bil-konsegwenza li l-imsemmi ħaddiem ikollu jagħżel bejn li jibqa’ fil-Ġermanja u jkompli l-attività ekonomika tiegħu filwaqt li jkun isseparat minn ibnu jew inkella jakkumpanja lill-wild u jirrinunzja għal din l-attività għal żmien indeterminat, tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida pprojbita mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10.

    ( 3 ) Adottata bħala l-Artikolu 1 taz-Zuwanderungsgesetz (liġi dwar l-immigrazzjoni), BGBl I, p. 1950.

    ( 4 ) BGBl 2008 I, p. 162.

    ( 5 ) BGBl I, p. 1722.

    ( 6 ) L-ewwel u t-tieni inċiżi tal-imsemmi Artikolu 6(1) huma fformulati kif ġej:

    “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li jagħmel parti mis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru:

    - għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ xogħol regolari, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess persuna li timpjega, jekk din ikollha xogħol x’toffri;

    - għandu d-dritt, f’dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg regolari u suġġett għall-prijorità li tingħata lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ xogħol fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega ta’ għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali, irreġistrata mas-servizzi ta’ xogħol ta’ dak l-Istat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    ( 7 ) Skontu, “[l]-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom li jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom f’sitwazzjoni regolari f’dak li jikkonċerna r-residenza u l-impjieg” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 8 ) Il-qorti tar-rinviju hawnhekk tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224), tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572) kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin (C‑242/06, EU:C:2009:554).

    ( 9 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 10 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 11 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 37).

    ( 12 ) B’analoġija, ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 50).

    ( 13 ) Infakkar li l-motivi msemmija f’dak l-artikolu huma l-ordni pubbliku, is-sigurtà u s-saħħa pubblika.

    ( 14 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 51).

    ( 15 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 41).

    ( 16 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 56).

    ( 17 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38).

    ( 18 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Genc (C‑561/14, EU:C:2016:28, punti 3334).

    ( 19 ) Fid-dawl tal-kors tal-ħajja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ikun żbaljat li wieħed jitkellem fuq it-Turkija bħala l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, u dan peress li huwa twieled il-Ġermanja u ilu jirrisjedi hemmhekk b’mod kontinwu sa minn twelidu.

    ( 20 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38).

    ( 21 ) Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika għal kull minuri ta’ inqas minn 16-il sena li l-parti l-kbira tagħhom ma humiex f’pożizzjoni li jiċċaqalqu waħidhom, a fortiori, li jieħdu passi ta’ natura amministrattiva.

    Top