EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0596

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fil-25 ta’ April 2017.
Bionorica SE u Diapharm GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Saħħa pubblika – Protezzjoni tal-konsumaturi – Regolament (KE) Nru 1924/2006 – Indikazzjonijiet tas-saħħa li jikkonċernaw l-ikel – Artikolu 13(3) – Lista ta’ indikazzjonijiet tas-saħħa awtorizzati li jikkonċernaw l-ikel – Sustanzi botaniċi – Indikazzjonijiet tas-saħħa sospiżi – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Artikolu 265 TFUE – Teħid ta’ azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Interess ġuridiku – Locus standi.
Kawżi magħquda C-596/15 P u C-597/15 P.

Court reports – general ; Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:297

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-25 ta’ April 2017 ( 1 )

Kawżi magħquda C-596/15 P u C-597/15 P

Bionorica SE (C-596/15 P)

Diapharm GmbH & Co. KG (C-597/15 P)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Saħħa pubblika – Indikazzjonijiet dwar is-saħħa fuq sustanzi botaniċi – Nuqqas tal-Kummissjoni li tagħti struzzjonijiet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex tagħmel evalwazzjonijiet ta’ indikazzjonijiet tas-saħħa fuq sustanzi botaniċi”

I. Introduzzjoni

1.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ( 2 ) (iktar ’il quddiem “ir-Regolament”), il-Kummissjoni Ewropea kellha tikkonsulta lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (iktar ’il qudiem l-“EFSA”) u tadotta, qabel il-31 ta’ Jannar 2010, lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzata għall-użu fuq l-ikel. Madankollu, f’Settembru 2010 hija ssospendiet l-evalwazzjonijiet mill-EFSA ta’ indikazzjonijiet relatati ma’ ikel ibbażat fuq pjanti (iktar ’il quddiem il-“botaniċi”). Dik is-sospensjoni baqgħet fis-seħħ sal-lum.

2.

Bionorica SE (iktar ’il quddiem “Bionorica”) u Diapharm GmbH (iktar ’il quddiem “Diapharm”) (flimkien iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qed jappellaw minn digrieti tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑619/14 u T‑620/14 (iktar ’il quddiem id-“digrieti kkontestati”) ( 3 ). Id-digrieti kkontestati ċaħdu bħala inammissibbli l-azzjonijiet li l-appellanti għamlu kontra l-Kummissjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni. In-nuqqas allegat tal-Kummissjoni kkonsista f’li ma tatx struzzjonijiet lill-EFSA biex tevalwa l-indikazzjonijiet tas-saħħa għall-użu fuq il-botaniċi, bil-ħsieb li tiġi adottata lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jistgħu jintużaw fuq ikel bħal dak (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ indikazzjonijiet ta’ botaniċi”).

3.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorsi kienu inammissibbli għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet temmet kwalunkwe nuqqas li tittieħed azzjoni billi rrispondiet għall-istedina tal-Appellanti biex taġixxi, biex b’hekk “iddefinixxiet il-pożizzjoni tagħha”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li la Bionorica u lanqas Diapharm ma kellhom interess biex iressqu l-azzjonijiet. Finalment, hija ddeċidiet li Diapharm ma kellhiex ukoll interess dirett biex tressaq azzjoni bħal dik.

4.

L-appelli ineżami jqajmu numru ta’ kwistjonijiet importanti u kumplessi fir-rigward tal-ammissibbiltà. Biex nibdew, jeħtieġu li din il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra fid-dettall it-tifsira ta’ “interess ġuridiku” u, b’mod partikolari, li jiġi ċċarat kif dan il-kunċett għandu jinżamm distint mill-kunċetti ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” u ta’ “interess dirett”. L-appelli jeħtieġu wkoll l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “interess dirett” fil-kuntest ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni u għalhekk għas-sitwazzjoni futura tal-appellanti kieku l-att mitlub kellu jiġi adottat. Fl-aħħar nett, l-appelli jqajmu l-kwistjoni tal-paralleliżmu kontinwat, wara Lisbona, bejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament u nuqqas li tittieħed azzjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.  Ir-Regolament Nru 1924/2006

5.

L-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, jiddefinixxi l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa bħala “kull stqarrija li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa”.

6.

Skont l-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’listi ta’ indikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jakkumpanjawhom. Wara li kkonsultat l-EFSA, il-Kummissjoni kellha tadotta, skont il-proċedura tal-komitoloġija applikabbli, lista ta’ indikazzjonijiet permessi u kundizzjonijiet relatati sal-31 ta’ Jannar 2010. Il-listi jistgħu jiġu mmodifikati wara dik id-data insegwitu għall-proċeduri stabbiliti fid-dispożizzjonijiet sussegwenti tar-Regolament.

7.

L-użu ta’ indikazzjonijiet li ma jkunux awtorizzati skont ir-Regolament huwa pprojbit skont l-Artikolu 10.

8.

L-Artikolu 17(5) jipprovdi li indikazzjonijiet tas-saħħa “inklużi fil-listi previsti fl-Artikoli 13 u 14 jistgħu jintużaw, f’konfomità mal-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom, minn kull operatur ta’ negozju ta’ l-ikel […]”.

9.

L-Artikolu 28(5) u (6) jipprovdi għal reġim tranżitorju sakemm tiġi adottata l-lista finali tal-indikazzjonijiet:

“5.   Indikazzjonijiet dwar is-saħħa kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(a) jistgħu jsiru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa l-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3), taħt ir-responsabbiltà tan-negozju bil-kondizzjoni li dawn ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament u ma’ disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti applikabbli għalihom, u bla ħsara għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja kif imsemmi fl-Artikolu 24.

6.   Indikazzjonijiet dwar is-saħħa minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1)(a) u fl-Artikolu 14(1)(a), li ntużaw b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu soġġetti għal dan li ġej:

(a)

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ġew issoġġettati għal evalwazzjoni u awtorizzazzjoni fi Stat Membru għandhom jiġu awtorizzati kif ġej:

(i)

l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tal-31 ta’ Jannar 2008, dawk l-indikazzjonijiet flimkien ma’ rapport li jevalwa d-data xjentifika bħala sostenn għall-indikazzjoni;

(ii)

wara li tikkonsulta lill-Awtorità, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), tadotta deċiżjoni dwar l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati b’dan il-mod u mfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi tissupplimentah.

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux awtorizzati taħt din il-proċedura jistgħu jibqgħu jintużaw sa sitt xhur wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni;

(b)

indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma ġewx issoġġettati għal evalwazzjoni u awtorizzazzjoni fi Stat Membru: tali indikazzjonijiet jistgħu jibqgħu jintużaw bil-kondizzjoni li ssir applikazzjoni skond dan ir-Regolament sa tad-19 ta’ Jannar 2008, indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux awtorizzati taħt din il-proċedura jistgħu jibqgħu jintużaw għal sitt xhur wara li tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 17(3)”.

III. Il-fatti u l-proċedura

10.

Skont il-fatti kif ippreżentati fid-digrieti kkontestati, Bionorica hija kumpannija li tipproduċi u tbigħ prodotti farmaċewtiċi u supplimenti tal-ikel fl-Ewropa. Din tinkludi ċerti indikazzjonijiet tas-saħħa fl-ittikkettar u r-reklamar tagħha tal-prodotti. Diapharm tipprovdi firxa ta’ servizzi internazzjonali inkluż l-għoti ta’ pariri fir-rigward tal-użu ta’ indikazzjonijiet tas-saħħa fuq l-ikel, u b’mod partikolari dwar is-supplimenti tal-ikel ( 4 ).

11.

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta lista ta’ indikazzjonijiet tas-saħħa awtorizzati li jistgħu jintużaw fuq l-ikel sal-31 ta’ Jannar 2010. Sabiex isir dan, il-Kummissjoni l-ewwel kellha tiġbor indikazzjonijiet proposti mill-Istati u tagħti struzzjonijiet lill-EFSA biex tevalwahom. Il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-EFSA biex twettaq l-evalwazzjonijiet meħtieġa. Madankollu, il-Kummissjoni sussegwentement issospendiet xogħlijiet fuq indikazzjonijiet relatati mal-botaniċi f’Settembru 2010, imma mbagħad adottat lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati fir-rigward ta’ ikel ieħor skont ir-Regolament (UE) Nru 432/2012 ( 5 ).

12.

Fit-22 ta’ April 2014, Bionorica u Diapharm kitbu lill-Kummissjoni u stednuha tagħti struzzjonijiet lill-EFSA biex tagħmel immedjatament evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet tas-saħħa li kienu ġew sospiżi, bil-ħsieb li tiġi adottata l-lista prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament. Fid-19 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni wieġbet lill-appellanti fit-termini li ġejjin (iktar ’il quddiem l-“ittra”).

“Kif tafu, il-Kummissjoni bdiet riflessjoni tal-indikazzjonijiet tas-saħħa fuq l-hekk imsejħa “botaniċi” wara li tqajjem tħassib minn numru ta’ Stati Membri u partijiet interessati rigward it-trattament iddifferenzjat ta’ prodotti li fihom sustanzi bħal dawn taħt il-leġiżlazzjoni dwar indikazzjonijiet fuq is-saħħa u dik fuq il-Prodotti Mediċinali Tradizzjonali Veġetali.

Fil-pendenza tal-eżitu ta’ din ir-riflessjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea għas-Siġurtà tal-Ikel (EFSA) li ttemm l-evalwazzjoni xjentifika tagħha tal-indikazzjonijiet tas-saħħa fuq il-botaniċi. Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza ta’ din il-kwistjoni kumplessa kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-operaturi tan-negozju. Madankollu, biex tidentifika l-aħjar kors ta’ azzjoni meħtieġa, il-Kummissjoni għandha titħalla ż-żmien u l-kuntest neċessarju għal dak l-iskop.”

IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti kkontestati

13.

Fid-19 ta’ Awwissu 2014, Bionorica u Diapharm ippreżentaw rikorsi kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali għal nuqqas li tittieħed azzjoni (T‑619/14 u T‑620/14 rispettivament).

14.

Fl-20 ta’ Novembru 2014 il-Kummissjoni qajmet oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikorsi, li l-appellanti wieġbu għaliha fid-19 ta’ Diċembru 2014.

15.

B’digrieti ddatati s-16 ta’ Settembru 2015, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi bħala inammissibbli.

16.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ittra kienet tikkostitwixxi definizzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li ġabet fit-tmiem kwalunkwe nuqqas li tittieħed azzjoni.

17.

Bħala punt sekondarju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-ebda appellant ma kellu interess ġuridiku. F’dak ir-rigward għamlet erba’ punti.

18.

L-ewwel nett, sakemm il-Kummissjoni tkun adottat lista ta’ indikazzjonijiet skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament, japplika r-reġim tranżitorju previst fl-Artikolu 28(5) u (6). Dan ifisser li l-indikazzjonijiet jistgħu jintużaw sakemm jiġu osservati r-Regolament u l-liġi nazzjonali applikabbli ( 6 ). Bħala riżultat, kieku l-lista kellha tiġi adottata, l-iktar li l-appellanti jistgħu jittamaw huwa d-dritt kontinwat li jintużaw l-indikazzjonijiet rilevanti. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tista’ effettivament tkun agħar kieku l-lista ġiet adottata, billi l-indikazzjonijiet jistgħu ma jkunux awtorizzati ( 7 ).

19.

It-tieni nett, nuqqas ta’ adozzjoni tal-lista bl-ebda mod ma joħloq kundizzjonijiet mhux ugwali ta’ kompetizzjoni. Ir-reġim tranżitorju jippermetti l-użu kontinwat tal-indikazzjonijiet. Kwalunkwe inugwaljanza li tirriżulta minn nuqqas ta’ adozzjoni tal-lista taffettwa negattivament biss l-interessi ta’ dawk l-operaturi li l-indikazzjonijiet tagħhom kienu diġà ġew evalwati u miċħuda. Għaldaqstant, l-appellanti ma jistgħux jgħidu li għandhom xi interess fl-adozzjoni tal-lista. Barra minn hekk, Diapharm ma tipproduċix attwalment prodotti tal-ikel koperti mill-indikazzjonijiet rilevanti ( 8 ).

20.

It-tielet nett, ma kien hemm l-ebda inċertezza legali (li l-appellanti sostnew li kien fisser li kellhom interess) li tirriżulta min-nuqqas ta’ adozzjoni tal-lista, għaliex kien ċar liema regoli kienu japplikaw matul ir-reġim tranżitorju. Barra minn hekk, bħal fir-Regolament 432/2012, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi dispożizzjonijiet tranżitorji ulterjuri anki fil-lista finali li tadotta ( 9 ).

21.

Ir-raba’ nett, la Bionorica u lanqas Diapharm ma kienu ppruvaw li n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni kkawżalhom xi dannu finanzjarju, jew kif l-adozzjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet botaniċi ttemm tali ħsara ( 10 ).

22.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minbarra li ma għandhiex interess ġuridiku, Diapharm ma kellhiex interess dirett, billi la tipproduċi u lanqas tbigħ prodotti tal-ikel fis-suq Ewropew ( 11 ).

V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Bl-appelli tagħhom, l-Appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tħassar id-digrieti tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑619/14 u T‑620/14 u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha.

24.

Bionorica tqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet iddefinixxiet il-pożizzjoni tagħha. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li hija ma kellhiex interess ġuridiku. Diapharm tqajjem ukoll dawn iż-żewġ aggravji u t-tielet wieħed: li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li hija ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ interess dirett ( 12 ).

25.

Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. Hija ssostni li fil-fatt iddefinixxiet il-pożizzjoni tagħha u li, fi kwalunkwe każ, l-ebda Appellanti ma għandha interess ġuridiku. Il-Kummissjoni teċċepixxi wkoll li Diapharm ma għandhiex interess dirett. Finalment, il-Kummissjoni tiċħad kull analoġija bejn l-azzjonijiet għal annullament u nuqqas li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ nuqqasijiet li tadotta “att regolatorju” li “ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263(4) tat-TFUE.

26.

L-appellanti u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub u ppreżentaw l-argumenti tagħhom fis-seduta li saret fid-19 ta’ Jannar 2017.

VI. Evalwazzjoni

A. Introduzzjoni

27.

Fiż-żewġ każijiet appellati, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-azzjonijiet kienu inammissibbli minħabba l-fatt (a) li l-Kummissjoni ddefinixxiet il-pożizzjoni tagħha, u (b) li la Bionorica u lanqas Diapharm ma kellhom interess ġuridiku sabiex jaġixxu. Fir-rigward ta’ Diapharm, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li r-rikors kien inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess dirett.

28.

Għar-raġunijiet li nistabbilixxi iktar ’l isfel, jiena nikkunsidra li fuq l-ewwel żewġ punti – definizzjoni tal-pożizzjoni u l-interess ġuridiku – iż-żewġ digrieti tal-Qorti Ġenerali huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

29.

Dan għandu, fil-fehma tiegħi, jirriżulta fit-tħassir tad-digriet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Bionorica. Jiena nipproponi wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Bionorica b’mod ġenerali, u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel li l-azzjoni hija ammissibbli, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu.

30.

Għalkemm id-digriet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Diapharm huwa wkoll ivvizzjat minn żbalji ta’ liġi kif identifikat fl-ewwel żewġ aggravji ta’ Diapharm, ir-rikors ta’ Diapharm għandu fl-aħħar mill-aħħar jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, għalkemm għal raġunijiet differenti, mingħajr il-bżonn li jiġi kkunsidrat it-tielet aggravju dwar in-nuqqas ta’ interess dirett.

B. L-ewwel aggravju tal-appell: il-ksur tal-Artikolu 265 TFUE

31.

Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-ittra kienet tikkostitwixxi definizzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

32.

Jiena naqbel.

33.

Kif jidher mill-punt 12 iktar ’il fuq, l-ewwel paragrafu tal-ittra tal-Kummissjoni jiddeskrivi sempliċement l-istatus quo. L-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tindika li l-Kummissjoni talbet lill-EFSA biex tissospendi x-xogħol tagħha sakemm ikun hemm l-eżitu tar-riflessjonijiet tal-Kummissjoni. It-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni hija kkumplikata. Fit-tielet sentenza l-Kummissjoni sempliċement tiddikjara li teħtieġ iż-żmien u l-kuntest sabiex tiddeċiedi x’għandha tagħmel.

34.

Meħuda flimkien, it-tifsira tat-tieni paragrafu hija li l-eżami ta’ din il-kwistjoni kumplessa għadu għaddej u li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li taġixxi immedjatament. Fi kliem ieħor, tpoġġi lill-appellanti fi stennija. Ċertament, il-Kummissjoni ma tgħidx “Jiena nirrifjuta li naġixxi.”

35.

Il-ġurisprudenza tagħmilha ċara li meta operatur jintalab jieħu paċenzja jew jistenna sakemm l-istituzzjoni taħdem fuq il-kwistjoni, dan ma jikkostitwixxix definizzjoni ta’ pożizzjoni ( 13 ). L-ittra taqa’ għalkollox f’dak it-tip ta’ risposta biex dak li jkun jistenna. Għalhekk ma hijiex definizzjoni tal-pożizzjoni tagħha.

36.

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest partikolari, kien ċar li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet li tirrifjuta t-talba tal-appellanti sabiex taġixxi.

37.

Jiena ma naqbilx. L-aħjar li jista’ jingħad hu li l-ittra hija ambigwa. Ambigwitajiet dwar l-eżistenza ta’ definizzjoni ta’ pożizzjoni li tirriżulta minn abbozzar tal-Kummissjoni għandhom ikunu riżolti favur rikorrent. Wieħed ma jistax jippretendi li rikorrenti tipprova taqta’ kontestwalment il-kontenut tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u effettivament tinterpretaha għad-detriment tagħha stess. Ċertament, iċ-ċarezza tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija min-natura stess tal-funzjoni tagħha improbabbli li qatt tilħaq l-ideal Bibliku ta’ “Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’ jew ‘Le, le’” ( 14 ). Imma l-Kummissjoni għandha ċertament tkun iktar diretta u inekwivokabbli fil-korrispondenza tagħha, jekk tabilħaqq dak li xtaqet tikkomunika kienet pożizzjoni istituzzjonali “ċara”.

38.

Fid-dawl ta’ dan kollu, nikkunsidra li l-ewwel aggravju tal-appellanti huwa fondat.

C. It-tieni aggravju: l-interess ġuridiku

39.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li dawn ma kellhomx interess suffiċjenti biex jiftħu l-kawża (interess ġuridiku). F’dak ir-rigward huma jikkontestaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali dwar (a) il-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni ta’ indikazzjonijiet awtorizzati ma’ dawk suġġetti għar-reġim tranżitorju; (b) in-nuqqas ta’ kwalunkwe żvantaġġ kompetittiv; u (ċ) il-konstatazzjoni li ma kienx hemm inċertezza legali ( 15 ).

40.

Barra minn hekk, Bionorica ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ fatt meta sostniet li din kienet produttriċi ta’ supplimenti tal-ikel. Bionorica targumenta li dak l-iżball ikkontribwixxa għan-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tirrikonoxxi li Bionorica kellha interess ġuridiku ( 16 ).

41.

Jiena l-ewwel ser nindirizza l-ineżattezza fattwali allegata minn Bionorica (1); imbagħad ser nikkunsidra b’mod ġenerali l-ġurisprudenza dwar l-interess ġuridiku u l-kundizzjonijiet sostantivi (2); u finalment napplika dan għall-appelli ineżami (3).

1) L-allegat żball fattwali

42.

Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni biex tikkonstata l-fatti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser teżerċita biss l-istħarriġ tagħha sal-punt li tkun apparenti ineżattezza sostantiva fil-konstatazzjonijiet tagħha mid-dokumenti ppreżentati lilha jew dik l-evidenza tkun ġiet żnaturata ( 17 ).

43.

Fid-digriet tagħha fil-Kawża T-619/14, il-Qorti Ġenerali tgħid li Bionorica hija impriża li tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti farmaċewtiċi u supplimenti tal-ikel fis-suq Ewropew, u hija “produttur tal-ikel” ( 18 ). Iżda, huwa ċar mill-proċess tal-Qorti Ġenerali li Bionorica hija impriża li tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti farmaċewtiċi, mhux supplimenti tal-ikel jew ikel b’mod iktar ġenerali. Dak ġie kkonfermat wkoll minn Bionorica fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tagħha quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja.

44.

Għalhekk, f’dak ir-rigward hemm b’mod ċar ineżattezza sostantiva fid-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑619/14.

45.

Madankollu, jekk dan iġibx fid-dubju l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-interess ġuridiku hija kwistjoni oħra. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, probabbilment kien ikun iktar faċli għal Bionorica biex tistabbilixxi locus standi f’dan il-każ kieku Bionorica kienet effettivament attiva fis-suq għas-supplimenti tal-ikel.

46.

Qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-interess ġuridiku f’dan il-każ speċifiku, ser infakkar fil-qosor il-karatteristiċi ewlenin tal-ġurisprudenza dwar is-suġġett.

2) Interess ġuridiku

47.

L-interess ġuridiku hija kundizzjoni essenzjali biex tinbeda kwalunkwe azzjoni diretta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ). L-għan ġenerali tal-kundizzjoni huwa li jiġi żgurat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiġix adita b’azzjonijiet li jitolbu pariri legali dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 20 ). L-adozzjoni (jew l-annullament) ta’ att għandhom jipprovdu vantaġġ għal jew ikunu ta’ benefiċċju għar-rikorrent ( 21 ). Dak il-“vantaġġ” jew “benefiċċju”, għandhom ikunu wkoll personali. Fi kliem ieħor, rikorrent ma jistax iressaq talba fl-interessi ta’ terza parti jew fl-interess ġenerali (jiġifieri, l-actio popularis) ( 22 ).

48.

“Interess” għalhekk jeħtieġ li ser ikun hemm xi benefiċċju għar-rikorrent f’każ li azzjoni tagħhom ikollha suċċess. Jekk l-eżitu ta’ każ fil-fatt ikun żejjed jew negattiv għar-rikorrent, ma jkun hemm l-ebda interess ġuridiku ( 23 ).

49.

Jista’ dan il-benefiċċju personali jkun fattwali jew għandu jkun legali (f’termini ta’ riperkussjonijiet pożittivi fuq id-drittijiet u l-obbligi legali tar-rikorrent) sabiex jiġi ppruvat hemmx interess ġuridiku? Fil-fehma tiegħi, jista’ jkun wieħed, jew l-ieħor, jew it-tnejn. Fi kwalunkwe każ, wieħed mit-tnejn huwa, b’mod ċar, biżżejjed. Pereżempju, titjib fil-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti li jirriżulta minn annullament jista’ jagħti lok għal interess ġuridiku.

50.

Meta wieħed iħares lejn il-ġurisprudenza mgħoddija, ikun, madankollu, utli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma dan b’mod espliċitu. Dan għaliex hemm numru ta’ sentenzi li, prima facie, fil-fatt jidhru li jeħtieġu riperkussjonijiet fuq il-pożizzjoni legali tar-rikorrenti sabiex jintwera li hemm interess ġuridiku ( 24 ). Xi digrieti anki jidhru li jippreżentaw il-kunċett ta’ benefiċċju u ta’ konsegwenzi legali bħala modi alternattivi li jiġi espress l-istess rekwiżit ( 25 ).

51.

Madankollu, eżami iktar mill-qrib ta’ dawn is-sentenzi ġeneralment juri li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement qed tippreżenta l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” u “interess ġuridiku” flimkien f’sentenza waħda jew paragrafu wieħed ( 26 ). Naturalment, l-att għandu jkollu effetti legali vinkolanti sabiex ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament jew nuqqas li tittieħed azzjoni ( 27 ). L-eżitu tal-każ, bħala riżultat, għandu jkun kapaċi li jwassal għal ramifikazzjonijiet legali fis-sens tal-att jitneħħa minn jew jiddaħħal fl-ordinament ġuridiku tal-UE. Iżda dan ma huwiex l-istess bħal interess ġuridiku ( 28 ).

52.

Dik il-konklużjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-ġurisprudenza, li taċċetta bħala ammissibbli l-azzjonijiet minn rikorrenti fejn huwa ċar li, jekk l-azzjoni tiġi deċiża favur ir-rikorrent, il-pożizzjoni legali tagħhom ma tkunx affettwata. Eżempji ovvji jinkludu l-fatt li azzjonijiet għal annullament minn kompetituri kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jawtorizzaw l-għaqdiet huma ammissibbli ( 29 ).

53.

Il-ġurisprudenza tikkonferma wkoll li l-interess għandu jkun reali u attwali ( 30 ). Għalhekk interess ipotetiku huwa insuffiċjenti ( 31 ). L-interess għandu jeżisti fl-istadju tal-preżentata tar-rikors u għandu jippersisti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali ( 32 ). Jekk l-interess ta’ rikorrent jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, hija xorta trid tistabbilixxi li l-preġudizzju għal dik is-sitwazzjoni diġà huwa ċert ( 33 ).

54.

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, dawn il-preċedenti ma jimplikawx li sabiex jiġi stabbilit interess, il-ġrajjiet futuri rilevanti kollha għandhom ikunu ċerti. B’mod partikolari, huwa possibbli li azzjoni li tkun ta’ suċċess għar-rikorrent tkun ta’ benefiċċju għar-rikorrent l-iktar billi toħloq possibbiltà jew opportunità. L-eżistenza ta’ possibbiltà hija ċerta, imma l-eżitu ma huwiex. B’dawra ta’ rota tar-roulette hemm possibbiltà żgħira ta’ rebħ kbir, imma l-ebda garanzija.

55.

Eżempji ovvji hawn jistgħu jinstabu fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Rikorrenti li tikkontesta l-għoti ta’ kuntratt lil kompetitur ma għandha l-ebda garanzija li, jekk ikollha suċċess, hija tingħata l-kuntratt. Madankollu, ta’ spiss hija jkollha possibbiltà li tagħmel dan u għalhekk ikollha interess fl-annullament tal-għoti. F’dawk il-każijiet li fejn, għal xi raġuni, hi ma jkollha l-ebda possibbiltà, allura tabilħaqq jista’ ma jkun hemm l-ebda interess ( 34 ).

56.

Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Flaherty ( 35 ) u Gordon ( 36 ) jipprovdu iktar eżempji ta’ dan it-tip ta’ interess “benefiċċju tal-possibbiltà” jew “il-bieb jinżamm miftuħ”. Fis-sentenza Flaherty l-appellanti kienu talbu l-possibbiltà li tiżdied il-kapaċità tal-flotta tas-sajd tagħhom. Il-Kummissjoni kienet argumentat li grupp wieħed ta’ appellanti ma kellux interess ġuridiku, peress li ma kinux għadhom bnew il-bastimenti, b’kuntrast mat-tieni grupp li kienu bnewhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żewġ gruppi kellhom interess, anki jekk l-interess tat-tieni grupp kien iktar urġenti ( 37 ). Fil-kawża Gordon vs Il-Kummissjoni l-appellant ikkontesta r-rapport tiegħu tal-iżvilupp tal-karriera. Għalkemm huwa kien irtira minħabba invalidità permanenti, l-impjieg mill-ġdid kien għadu possibbli u għalhekk kellu interess li jikkontesta r-rapport ( 38 ).

57.

Fil-qosor, jeżisti interess ġuridiku meta l-adozzjoni tal-att ikkontestat iġġib benefiċċju legali jew fattwali lir-rikorrent, li jkun personali għaliha. B’mod ġenerali, dak il-benefiċċju għandu jkun reali u attwali, jew tal-inqas għandu jkun hemm probabbiltà jew opportunità li jinkiseb tali benefiċċju. B’kuntrast, l-esklużjoni ta’ interess ġuridiku għaliex il-benefiċċju huwa “fattwali” biss jew għaliex sempliċement hemm “posibbiltà ta’ benefiċċju” kuntrarjament għaċ-ċertezza assoluta, irrispettivament minn ġrajjiet futuri, sempliċement ma tirriflettix il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja.

3) Applikazzjoni għal dan il-każ

58.

Bl-applikazzjoni tal-kunċett imsemmi iktar ’il fuq ta’ “interess ġuridiku” kif stabbilit fil-ġurisprudenza, ser nispjega hawn taħt għaliex nikkunsidra li Bionorica attwalment għandha interess ġuridiku. F’dak ir-rigward id-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑619/14 huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Madankollu, l-operatur upstream Diapharm, ma għandhiex interess ġuridiku, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-620/14 għandu jiġi kkonfermat.

59.

Hemm diversi aspetti għal din il-mistoqsija li jistħoqqilhom diskussjoni dettaljata. Paragun ġenerali bejn ir-reġim tranżitorju previst fl-Artikolu 28 tar-Regolament u r-reġim permanenti (jiġifieri l-adozzjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet ta’ botaniċi) huwa essenzjali għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Jiena għalhekk ser nibda billi nikkunsidra liema “vantaġġ” jew “benefiċċju” jista’ ġeneralment jirriżulta meta wieħed jimxi minn reġim tranżitorju għal reġim “permanenti”, jiġifieri, l-adozzjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet ta’ botaniċi (i). Imbagħad ser nikkunsidra l-kwistjoni taċ-ċertezza legali bħala bażi għall-interess ġuridiku (ii). Fl-aħħar nett, ser nikkunsidra s-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ Bionorica (iii) u ta’ Diapharm (iv).

i) Benefiċċju tar-reġim permanenti fuq ir-reġim tranżitorju

60.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 39 tad-digrieti kkontestati li l-appellanti ma setgħu jiksbu l-ebda benefiċċju mill-adozzjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet ta’ botaniċi. Il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet hekk għaliex, sakemm isseħħ l-adozzjoni ta’ lista, tapplika s-sistema tranżitorja. Is-sitwazzjoni għal indikazzjoni partikolari taħt ir-reġim tranżitorju hija fil-prattika tajba daqs kemm kienet tkun kieku l-indikazzjoni kellha tiġi awtorizzata. Fil-fatt, fil-każ li l-indikazzjoni ma tkunx awtorizzata, is-sitwazzjoni taħt ir-reġim tranżitorju tkun iktar vantaġġuża.

61.

Jiena ma naqbilx.

62.

Mil-lat legali, ir-reġim tranżitorju u l-awtorizzazzjoni ma humiex ekwivalenti. Kif ġie rrilevat mill-Appellanti, is-sitwazzjoni taħt ir-reġim tranżitorju hija oġġettivament inqas favorevoli minn awtorizzazzjoni, bl-iktar ħaġa ovvja hija għaliex l-użu kontinwat ta’ indikazzjonijiet taħt ir-reġim tranżitorju huwa suġġett għal kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali ( 39 ), u b’hekk suġġett għal 28 reġimi potenzjalment iddifferenzjati. Dan ma huwiex hekk għal indikazzjonijiet awtorizzati speċifikament mir-regoli tal-UE ( 40 ). F’dan is-sens, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ikun hemm benefiċċju ċar minn awtorizzazzjoni meta mqabbla mar-reġim tranżitorju ( 41 ).

63.

Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li r-reġim tranżitorju jista’ forsi jkun aħjar milli rifjut ta’ indikazzjoni. Madankollu, ma nqisx li l-possibbiltà ta’ rifjut hija fiha nnifisha biżżejjed sabiex iċċaħħad lill-Appellanti mill-interess ġuridiku tagħhom.

64.

Fl-ewwel lok, nirreferi f’dan ir-rigward għall-eżempju tal-akkwist pubbliku ċċitat aktar ’il fuq. F’każijiet bħal dawn, ir-rikorrenti jitolbu mhux garanzija ta’ benefiċċju, iżda biss possibbiltà tiegħu. Tali benefiċċju potenzjali ċertament jeżisti wkoll f’dan il-każ ( 42 ).

65.

It-tieni nett, u forsi iktar importanti minn hekk, il-każ preżenti huwa xi ftit differenti. Fl-akkwist pubbliku, l-eżiti possibbli huma apparentement jew pożittivi (deċiżjoni annullata, imbagħad ir-rikorrent jispiċċa jirbaħ il-kuntratt) jew newtrali (deċiżjoni annullata, ir-rikorrent jerġa’ jitlef il-kuntratt). F’dan il-każ, l-eżiti possibbli huma apparentement jew pożittivi (adozzjoni ta’ lista, awtorizzazzjoni tal-indikazzjoni) jew negattivi (adozzjoni ta’ lista, rifjut tal-indikazzjoni). Madankollu, fiż-żewġ każijiet hija l-possibbiltà ċara ta’ benefiċċju li tikkostitwixxi l-interess.

66.

It-tielet nett, nikkunsidra wkoll li l-fehma r-“rifjut huwa negattiv” hija simplifikazzjoni eċċessiva. Rifjut ta’ indikazzjoni jista’ jkollu wkoll benefiċċji ċari. Pereżempju, kif eċċepixxiet Bionorica, jista’ jissarraf f’żieda f’ċertezza legali ikbar għall-operatur: setgħet ma kinitx awtorizzata dikjarazzjoni tas-saħħa partikolari, imma dak ifisser ukoll li dik l-operatriċi tista’ tadatta l-istrateġija tan-negozju tagħha għall-futur. Jew, forsi ftit aktar ċinikament, rifjut jista’ jagħmel il-ħajja iktar diffiċli għall-kompetituri li jixtiequ jużaw dawk l-indikazzjonijiet. F’dawn il-każijiet kollha, ikun hemm benefiċċju fattwali li jkun personali għall-operatur.

67.

B’mod iktar fundamentali, nara ċerti problemi serji fl-approċċ tal-Qorti Ġenerali jekk jittieħed għall-konklużjoni loġika sħiħa tiegħu. Fl-applikazzjoni tal-approċċ, il-possibbiltà li indikazzjoni tiġi miċħuda, u b’hekk ir-rikorrent potenzjalment jitpoġġa f’pożizzjoni agħar milli taħt ir-reġim tranżitorju, hija biżżejjed biex ixxejjen l-interess tar-rikorrent. Jidhirli li, jekk jitħaddan approċċ bħal dan, rikorrent ikollu interess biss li jagħmel azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni jekk l-agħar eżitu possibbli ta’ dik l-azzjoni jkun aħjar mill-istatus quo.

68.

Jiena nsib dik il-proposta dubjuża fuq diversi livelli. Hemm żewġ implikazzjonijiet prattiċi li b’mod partikolari jqanqlu tħassib.

69.

L-ewwel nett, mhux biss Bionorica, iżda l-ebda operatur fil-prattika qatt jista’ jistabbilixxi li wara l-adozzjoni tal-lista finali, ikun dejjem f’pożizzjoni aħjar. Għalhekk, b’dan ir-raġunament meħud għall-konklużjoni loġika tiegħu, l-ebda operatur ma jista’ qatt jagħmel azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

70.

It-tieni nett, approċċ bħal dak, f’ħafna każijiet jippermetti lill-Kummissjoni li timblokka l-adozzjoni ta’ atti finali indefinittivament, meta jkun hemm xi diskrezzjoni dwar l-eżitu ( 43 ). Kif ġie rrilevat mill-appellanti fl-azzjoni oriġinali tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, dan jaffettwa ħażin lir-rikorrenti f’każ ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni għaliex ma tkun tista’ tressaq l-ebda forma ta’ azzjoni ( 44 ).

71.

Nikkunsidraha wkoll li hija interpretazzjoni eċċessivament ristretta tal-kunċett ta’ interess ġuridiku, li fuq kollox huwa għodda biex jitnaqqew azzjonijiet frivoli jew xejn ġenwini jew dawk meħuda fl-interess ġenerali. Fl-aktar livell bażiku, li dak li jkun jkollu interess jfisser li jkollu sehem. Ifisser li jkollu żiemel tiegħu fit-tiġrija, b’xi ħaġa x’jista’ jirbaħ jew jitlef skont l-eżitu tal-każ. Huwa ċar għaliex il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-azzjoni tkun tista’ tibbenefika lill-attur. Jekk l-eżitu jista’ jkun biss ta’ ħsara, ma hemm l-ebda interess.

72.

Madankollu, ir-rekwiżit ta’ benefiċċju ma għandux jiddawwar ta’ taħt fuq fis-sens li tinħoloq kundizzjoni li jkun meħtieġ benefiċċju fuq il-bażi ta’ kull eżitu konċepibbli. Approċċ bħal dan jista’ jservi biss biex ixxejjen l-azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni taħt l-Artikolu 265 TFUE.

73.

Fl-aħħar nett, ftit hemm ġurisprudenza dwar nuqqas li tittieħed azzjoni u ferm inqas fuq in-nuqqas li jiġu adottati atti preparatorji ( 45 ). Sa fejn naf jien, ma hemm l-ebda sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tanalizza l-kunċett ta’ interess ġuridiku fil-kuntest ta’ tali azzjonijiet bħal dawn. Wieħed jista’ leġittimament jistaqsi jekk l-“interess ġuridiku” jirrigwardax il-miżura finali regolatorja (f’dan il-każ, il-lista tal-indikazzjonijiet ta’ botaniċi) jew l-istadji preparatorji (f’dan il-każ, l-istruzzjoni lill-EFSA biex tevalwa l-indikazzjonijiet) ( 46 ).

74.

Ir-raġunament adottat f’din it-taqsima jħares lejn interess fl-adozzjoni tal-miżura finali. Huwa rrikonoxxut li, f’dan il-każ, il-lista finali tista’ tkun ta’ benefiċċju (awtorizzazzjoni), jew tista’ ma tkunx (rifjut) ( 47 ).

75.

Madankollu, azzjonijiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni maħsuba għall-adozzjoni ta’ atti preparatorji, meta l-att finali jista’ jkun pożittiv jew negattiv, hemm ovvjament il-ħtieġa li jkun hemm att preparatorju sabiex qatt ikun hemm xi possibbiltà li jiġi adottat att ta’ benefiċċju finali. F’dak is-sens, l-“interess ġuridiku” immedjat, f’każijiet bħal dawn huwa li jimxi ’l quddiem il-proċess regolatorju. Alternattiva, u fil-fehma tiegħi mod leġittimu wkoll għalhekk tkun li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni tal-interess ġuridiku fil-kuntest ta’ azzjonijiet għal nuqqas li jiġi adottat att preparatorju. Dan ikun jaqbel sew mar-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ftit kawżi dwar nuqqas li tittieħed azzjoni bħal kawża Pioneer Hi-Bred, fejn l-eżitu tal-proċess deċiżjonali kien inċert iżda l-Qorti Ġenerali xorta kkonkludiet li kien hemm locus standi biex issir azzjoni għal nuqqas li jiġi adottat att preparatorju, u b’hekk l-affarijiet jimxu ’l quddiem ( 48 ).

ii) Iċ-ċertezza legali

76.

L-appellanti ssottomettew ripetutament lill-Qorti Ġenerali u lil din il-Qorti tal-Ġustizzja li ċertezza legali ikbar tirriżulta mill-adozzjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet ta’ botaniċi. F’dak ir-rigward, huma rriferew, pereżempju, għall-proliferazzjoni ta’ approċċi nazzjonali differenti u l-litigazzjoni sommarja fil-qrati nazzjonali b’eżiti inċerti li hija bażikament immirata lejn l-imminar tal-użu mill-operaturi tal-indikazzjonijiet.

77.

Fil-fehma tiegħi, l-appelli ġenerali għall-effetti ta’ benefiċċju taċ-ċertezza legali ma jistgħux fihom innifishom jikkostitwixxu bażi valida għall-interess ġuridiku. Kif spjegat iktar ’il fuq fil-punt 47, l-interess ġuridiku għandu jkun personali. Dan, fil-prinċipju jeskludi li l-interess ġuridiku jkun ibbażat fuq tħassib ġenerali għall-istat tad-dritt, tilwim ipotetiku, entużjażmu akkademiku jew kurżità sempliċi.

78.

Madankollu, hemm differenza ovvja bejn dan it-tħassib ġenerali u sitwazzjonijiet fejn l-applikazzjoni indefinita fit-tul, ta’ reġim tranżitorju toħloq inċertezza legali li jinċidi fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-parti stess u tal-istrateġiji kummerċjali u ta’ investiment tagħha stess. Każijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu sempliċement injorati bħala eżempju ta’ “actio popolaris”. Huma jistgħu jinvolvu interess personali. Jekk dawn l-interessi jammontawx għal interess ġuridiku fl-appelli ineżami ser jiġi indirizzat fit-taqsimiet li ġejjin minnufih fir-rigward kull wieħed mir-rikorrenti.

iii) Kawża C‑596/15 P Bionorica

79.

Bionorica tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti farmaċewtiċi fl-UE. Kif spjegat iktar ’il fuq fil-punt 43, kuntrarjament għal dak li ntqal fid-digriet ikkontestat, Bionorica bħalissa ma hijiex attiva fis-suq għal supplimenti tal-ikel fl-UE. Fi ħdan kostellazzjoni bħal din, l-interess ta’ Bionorica mbagħad ikun id-dħul potenzjali tagħha fis-suq għal supplimenti tal-ikel ibbażati fuq pjanti, li jkollhom indikazzjonijiet tas-saħħa.

80.

Madankollu, Bionorica hija attiva wkoll fis-suq relatat tal-farmaċewtiċi bbażati fuq pjanti, li hija tallega li huma f’relazzjoni kompetittiva ma’ supplimenti tal-ikel. B’mod partikolari, Bionorica elenkat fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali għadd ta’ prodotti farmaċewtiċi li hi tikkummerċjalizza li fihom sustanzi attivi (a) li huma użati wkoll fis-supplimenti tal-ikel, u (b) li huma l-istess bħal sustanzi attivi li fir-rigward tagħhom intalbet l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet tas-saħħa skont ir-Regolament.

81.

Bionorica essenzjalment issostni li, ikun xi jkun l-eżitu tal-proċess regolatorju – kemm jekk l-awtorizzazzjoni jew ir-rifjut tal-indikazzjonijiet – Bionorica tista’ tibbenefika.

82.

Fil-każ ta’ awtorizzazzjoni, Bionorica ssostni li hija tkun tista’ tidħol fis-suq tas-supplimenti tal-ikel li jkun fihom is-sustanzi rilevanti u li jkollhom indikazzjonijiet awtorizzati relatati. Meta tagħmel dan, tkun qed tikkummerċjalizza prodotti li jikkompetu direttament mat-tip ta’ prodotti farmaċewtiċi li tbigħ bħalissa, imma mingħajr ħafna mill-ispejjeż relatati f’termini ta’, pereżempju, l-ittestjar kliniku u l-farmakoviġilanza. Jekk, min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet jiġu miċħuda, tal-inqas ikollha ċ-ċertezza legali f’dak ir-rigward. Tkun tista’ tadatta skont il-każ. Barra minn hekk, hemm ukoll l-implikazzjoni ċara ħafna fis-sottomissjonijiet ta’ Bionorica li, fil-każ li l-indikazzjonijet jiġu miċħuda, hija tibbenefika mill-fatt li l-kompetituri attwali tagħha li jbigħu supplimenti tal-ikel ma jkunux jistgħu jibqgħu jużaw dawk l-indikazzjonijiet biex jippromwovu l-prodotti tagħhom.

83.

Fid-deċiżjoni tagħha li Bionorica ma għandhiex interess ġuridiku, il-Qorti Ġenerali tiffoka fuq il-propożizzjoni ġenerali li bħala kwistjoni ta’ prinċipju r-reġim tranżitorju huwa għall-inqas permissiv daqs kemm għandu lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati. Riżultat ta’ dan, ma jista’ jinstilet l-ebda benefiċċju, minn Bionorica jew xi ħadd ieħor ( 49 ), mill-adozzjoni ta’ lista ta’ indikazzjonijiet ta’ botaniċi.

84.

Nikkunsidra dak l-aspett tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali bħala difettuż. Dwar l-impatt fuq il-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali tinnota li kwalunkwe żvantaġġ jiġġarrab mill-operaturi li t-talba tagħhom għal awtorizzazzjoni ta’ indikazzjonijiet tkun ġiet miċħuda, u ma setgħetx tintuża. B’kuntrast operaturi li talbiet tagħhom ġew sospiżi u li għadhom jistgħu jintużaw taħt ir-reġim tranżitorju ma jsofru minn ebda żvantaġġ. Madankollu, għal darba oħra din il-motivazzjoni tiddependi fuq paragun żbaljat tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tar-reġimi tranżitorji u permanenti.

85.

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, nikkunsidra li l-kunċett ta’ interess ġuridiku għandu jinftiehem li jinkludi sitwazzjonijiet fejn rikorrent personalment jista’ jikseb benefiċċju fil-fatt jew fid-dritt mill-annullament jew l-adozzjoni tal-att rilevanti.

86.

Fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għall-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, Bionorica pprovdiet biżżejjed elementi biex jiġi stabbilit tali benefiċċju personali u l-interess ġuridiku.

87.

L-ewwel nett, Bionorica ssostni li l-prodotti farmaċewtiċi tagħha jikkompetu ma’ supplimenti tal-ikel, li wħud minnhom fihom l-istess sustanzi bħala prodotti tagħha stess, u li l-evalwazzjonijiet tal-indikazzjonijiet fir-rigward ta’ dawk is-sustanzi ġew sospiżi. Dik ir-relazzjoni kompetittiva ma ġietx ikkontestata ( 50 ).

88.

It-tieni nett, Bionorica tallega li minħabba l-preżenza tagħha fis-suq għall-prodotti farmaċewtiċi li jkun fihom dawk is-sustanzi, hija lesta li tidħol fis-suq għas-supplimenti tal-ikel fil-każ li jiġu awtorizzati indikazzjonijiet rilevanti. Dak id-dħul potenzjal ma ġiex ikkontestat ( 51 ).

89.

It-tielet nett, Bionorica stabbilixxiet li r-reġim tranżitorju huwa inqas ċert mir-reġim permanenti, u sostniet li din l-inċertezza relattiva tinibixxi d-dħul tagħha stess fis-suq. Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ ċertezza legali jimpinġi fuq id-deċiżjonijiet kompetittivi u ta’ investiment tagħha stess.

90.

Meħuda flimkien, jiena nikkunsidra li dawn il-fatturi – u partikolarment fil-preżenza ta’ Bionorica fis-swieq relatati għal prodotti li jużaw sustanzi identiċi – jistabbilixxu li Bionorica tista’ tieħu benefiċċju personali u għalhekk għandha interess ġuridiku f’dan il-każ. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda dubju mitfugħ fuq dik il-konklużjoni mill-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-fatt li Bionorica ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ dannu finanzjarju. Għalkemm jekk jiġi stabbilit dan id-dannu dan jgħin biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ interess, hu ċar li ma hemm l-ebda obbligu li jsir dan ( 52 ).

91.

Il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li Bionorica ma kellhiex interess ġuridiku. It-tieni aggravju tal-appell ta’ Bionorica huwa fondat.

iv) Kawża C‑597/15 P Diapharm

92.

L-attivitajiet ta’ Diapharm jinkludu l-għoti ta’ pariri lill-kumpanniji dwar indikazzjonijiet tas-saħħa, inkluż fir-rigward tal-prodotti tal-ikel, u b’mod partikolari s-supplimenti tal-ikel. Hija nnifisha ma hijiex attiva fis-suq tal-prodotti tal-ikel jew swieq relatati. Pjuttost hija preżenti upstream.

93.

Diapharm issostni, essenzjalment li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tadotta l-lista tal-indikazzjonijiet ta’ botaniċi jaffettwaha negattivament dan billi tonqos id-domanda għas-servizzi tagħha, li jirriżulta f’telf sinjifikattiv ta’ dħul. F’dak ir-rigward, hija ssostni li tnaqqis taċ-ċertezza legali fir-rigward tal-użu ta’ indikazzjonijiet tas-saħħa, jagħmel inqas attraenti lis-suq tal-prodotti mediċinali bbażati fuq pjanti. Dan għaliex id-dħul f’dak is-suq huwa għali u l-kumpanniji jistgħu jidħlu fis-suq għal supplimenti tal-ikel, u jibbenefikaw mis-sistema tranżitorja, biex jintużaw indikazzjonijiet bi spiża inqas, u b’hekk jiġu evitati l-ispejjeż assoċjati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali.

94.

Diapharm targumenta wkoll quddiem il-Qorti Ġenerali li hija kienet strettament assoċjata mal-proċess immexxi minn assoċjazzjoni tal-industrija li wasslet għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi ta’ lista ta’ indikazzjonijiet tas-saħħa għall-awtorizzazzjoni, li wara ġiet mgħoddija lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament. F’dak ir-rigward, Diapharm inkludiet fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali lista ta’ sustanzi li fir-rigward tagħhom, hija tiddikjara, li pproponiet indikazzjonijiet tas-saħħa lill-assoċjazzjoni tal-industrija, li mbagħad kienu mgħoddija lill-Kummissjoni permezz tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

95.

Meta ddeċidiet li Diapharm ma kellhiex interess ġuridiku, il-Qorti Ġenerali tadotta raġunament kważi identiku għal dak użat fir-rigward ta’ Bionorica. Għall-istess raġunijiet kif stabbilit iktar ’il fuq fit-taqsima (i) jiena nqis li dak ir-raġunament huwa żbaljat.

96.

Madankollu, jiena naqbel mal-konklużjoni aħħarija tal-Qorti Ġenerali li Diapharm ma wrietx biżżejjed elementi biex jiġi stabbilit l-interess ġuridiku f’dan il-każ, imma għal raġuni differenti. L-interess ta’ Diapharm huwa sempliċement remot wisq, u għalhekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li jkun hemm benefiċċju personali għar-rikorrent.

97.

“L-interess ġuridiku” jeħtieġ benefiċċju personali. Huwa korrett li Diapharm kienet involuta mill-qrib fil-proċedura li wasslet għal-lista ta’ indikazzjonijiet proposti sottomessi lill-Kummissjoni. Dan huwa, fil-fehma tiegħi, element importanti, imma ma jistax iservi biex jistabbilixxi interess personali f’termini ta’ benefiċċju li jista’ jinkiseb minn Diapharm innifisha mill-adozzjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet ta’ botaniċi. Irrispettivament mill-grad ta’ involviment tagħha, Diapharm ipparteċipat indirettament biss fis-sottomissjoni tal-lista tal-indikazzjonijiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Din mhux ser tuża (jew tikkompeti ma’ operaturi bl-użu ta’ indikazzjonijiet rilevanti. L-argumenti ta’ Diapharm relatati ma’ iktar ċertezza legali, li bħala prinċipju jibbenefikaw l-iktar kumpanniji li huma attivi fis-swieq rilevanti jew li jikkompetu, huma wkoll dgħajfa wisq u indiretti biex jagħmlu differenza hawnhekk.

98.

Sabiex nasal għal dik il-konklużjoni, nieħu nota tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li Diapharm naqset milli tipprovdi evidenza suffiċjenti sabiex tistabbilixxi dannu finanzjarju li jirriżulta min-nuqqas tal-Kummissjoni li taġixxi ( 53 ). Dik il-konstatazzjoni ta’ fatt, li din il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax terġa’ tiftaħ, fil-fehma tiegħi hija rilevanti, minħabba li d-dannu finanzjarju f’termini ta’ telf ta’ dħul kien tant ċentrali għall-argumenti ta’ Diapharm. Nenfasizza li Diapharm ma kinitx meħtieġa tistabbilixxi d-dannu finanzjarju sabiex turi benefiċċju li fil-fatt jirriżulta mill-adozzjoni tal-att u għalhekk l-interess ġuridiku. Madankollu, f’dan il-każ kieku għamlet hekk dan seta’ għenha tasal għal-linja tar-rebħa fir-rigward tal-interess ġuridiku.

99.

Hawnhekk għandu jissemma element pjuttost prattiku minflok konklużjoni. Skont il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa r-rikorrent li għandu jistabbilixxi l-interess ġuridiku ( 54 ). F’dak ir-rigward, naħseb li huwa tajjeb li titfakkar il-ħtieġa li wieħed ikun prattiku u proporzjonat dwar l-ammont ta’ evidenza ta’ sostenn li r-rikorrent hu mistenni jippreżenta b’mod proattiv f’dak ir-rigward. Għalhekk, li wieħed jistenna, f’dan l-istadju tar-rikors, dimostrazzjoni eżawrjenti tal-impatt kummerċjali permezz, pereżempju ta’ rapporti ekonomiċi jew finanzjarji twal, huwa, fil-fehma tiegħi, la realistiku mill-perspettiva tar-rikorrent (b’mod partikolari f’termini ta’ spiża kif ukoll fil-limiti fuq in-numru ta’ paġni permess) u lanqas fl-interess tal-effiċjenza proċedurali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk ikun meħtieġ, madankollu, tista’ tiġi ppreżentata evidenza ulterjuri fl-istadju tar-risposta jew, jekk ikun tabilħaqq ċentrali għall-raġunament tal-Qorti Ġenerali, għandu jinstilet mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ miżuri ta’ istruzzjoni.

100.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, minkejja n-nuqqasijiet fil-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, nikkunsidra li hija ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li Diapharm ma kellhiex interess ġuridiku. It-tieni aggravju invokat minn Diapharm għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tiġi kkonfermata fir-rigward ta’ nuqqas ta’ interess ġuridiku.

101.

Għaldaqstant ma hemmx bżonn li tiġi kkunsidrata l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-azzjoni ta’ Diapharm hija inammissibbli wkoll għal nuqqas ta’ interess dirett.

D. Kundizzjonijiet oħra ta’ ammissibbiltà

102.

Peress li ż-żewġ motivi ta’ inammissibbiltà fid-digriet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Bionorica huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li tħassar id-digriet u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni finali. Bionorica mbagħad ikollha bżonn tistabbilixxi quddiem il-Qorti Ġenerali li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà u, jekk tirnexxi f’dan ir-rigward, imbagħad biss tista’ targumenta l-każ tagħha fil-mertu ( 55 ).

103.

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

104.

Fil-kawża ineżami, f’dan l-istadju tal-proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-azzjoni magħmula quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni ma ressqitx argumenti fuq il-mertu.

105.

Madankollu jiena nikkunsidra, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-materjal kollu meħtieġ quddiemha biex tkun tista’ tagħti deċiżjoni li tiċħad l-eċċezzjoni preliminari ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza. Fl-interess tal-effiċjenza u l-ekonomija tal-proċedura, u sabiex jiġi żgurat li Bionorica tirċievi risposta f’waqtha dwar il-kwistjoni jekk il-kawża tagħha hijiex ser tinstema’ fil-mertu, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tgħaddi minn dik it-triq.

1) Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ azzjonijiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

106.

Fl-aħħar mill-aħħar l-appell ta’ Bionorica jitlob l-adozzjoni ta’ regolment li fih lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati.

107.

Skont ġurisprudenza eżistenti, rikorrent jista’ jippreżenta rikors għal nuqqas li jiġi adottat att li jkun indirizzat lilhom jew jirrigwardahom direttament u individwalment ( 56 ).

108.

Bionorica ma targumentax li l-lista tal-indikazzjonijiet ta’ botaniċi tkun indirizzat lilha. Għaldaqstant għandha tistabbilixxi li tali regolament ikun jirrigwardaha direttament u individwalment.

109.

L-aħħar bażi alternattiva ta’ ammissibbiltà ma hijiex prevista b’mod espliċitu fit-test tal-Artikolu 265 TFUE. Minflok, tirriżulta minn paralleliżmu bbażat fuq il-ġurisprudenza mal-Artikolu 263 TFUE, li fil-fatt jippermetti rikorrenti mhux ipprivileġġati biex jikkontestaw l-atti li jirrigwardawhom direttament u individwalment. Meta tikkonferma dak il-paralleliżmu tal-kundizzjonijiet taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet fis-sentenza T. Port li “il-possibbiltà għall-individwi li jasserixxu d-drittijiet tagħhom ma għandhiex tiddependi fuq jekk l-istituzzjoni kkonċernata aġixxiet jew naqsitx milli taġixxi” ( 57 ).

110.

F’din il-kawża, il-kwistjoni li tqajmet hija jekk dak il-paralleliżmu huwiex affettwat mill-bidla fil-kliem tal-Artikolu 263 TFUE li daħħal it-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fatt, mit-Trattat ta’ Lisbona, il-paragrafu 4 tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li rikorrenti tista’ tippreżenta rikors għal annullament anki kontra kull “att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

111.

Dik il-modifika, meta kkombinata mal-linja ġurisprudenzjali fis-sentenza T. Port imsemmija iktar ’il fuq, tfisser ukoll li issa jistgħu jsiru azzjonijiet mir-rikorrenti għal nuqqas li jiġi adottat “att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”?

112.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għandha tkun “le”. Hija sostniet li l-għan tat-Trattat ta’ Lisbona kien li tingħalaq lakuna konkreta u speċifika fil-protezzjoni legali li tirriżulta taħt dak li kien ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 TKE. Madankollu, b’għarfien sħiħ tal-ġurisprudenza tal-paralleliżmu tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-modifika saret biss fir-rigward ta’ dak li kien ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 TKE (illum l-Artikolu 263(4) TFUE), filwaqt li t-test ta’ dak li kien Artikolu 232 TKE (illum l-Artikolu 265 TFUE) baqa’ ma nbidilx.

113.

Jiena ma naqbilx. Fl-opinjoni tiegħi, it-tweġiba għandha tkun “iva”, b’mod partikolari għat-tliet raġunijiet li ġejjin.

114.

L-ewwel nett, il-paralleliżmu ta’ qabel Lisbona bejn il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 263 u 265 TFUE jirriżulta minn tħassib għall-koerenza fis-sistema ta’ rimedji, mhux mill-kliem tal-Artikolu 265 TFUE. Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni dwar il-kliem mhux mibdul tal-Artikolu 265 TFUE ma huwiex xi wieħed l-iktar b’saħħtu, għaliex anki qabel Lisbona, l-argument prinċipali għall-paralelliżmu kien differenti. Fl-istess ħin, dan l-argument u t-tħassib prinċipali, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja li titbiegħed mit-test strett tal-Artikolu 265 TFUE, jibqgħu jeżistu bl-istess mod wara Lisbona.

115.

It-tieni nett, il-bidliet għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE magħmula mit-Trattat ta’ Lisbona kienu mmirati lejn it-twessigħ tal-aċċess għall-qrati tal-Unjoni għal ċerti tipi ta’ att ( 58 ), b’mod partikolari bħala risposta għall-ġurisprudenza Jégo-Quéré ( 59 ) u UPA ( 60 ). Il-limitazzjoni tal-aċċess skont l-Artikolu 265 TFUE issa, billi jiġi miċħud li hemm parallel bejn iż-żewġ azzjonijiet, fil-fehma tiegħi tmur b’mod ċar kontra l-għan u l-ispirtu ewlieni ta’ dawk l-emendi tat-Trattat.

116.

It-tielet nett, fundamentalment l-għan tal-azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa relattivament modest: biex tingħeleb l-isklerożi istituzzjonali. B’kuntrast mal-azzjoni għal annullament, dan ma jissuġġerixxix li x-xogħol kien sar ħażin, imma pjuttost, sempliċement, li x-xogħol ma sar xejn. L-għan tal-azzjoni għan-nuqqas li tittieħed azzjoni ma huwiex sabiex il-proċess jitmewwet, iżda pjuttost biex jitħaffef skont l-obbligi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni assumew fuqhom stess. Bħala tali, kieku l-argument tal-Kummissjoni kellu jiġi aċċettat, kien ikun pjuttost paradossali li jkollok kundizzjonijiet iktar ristretti tal-locus standi taħt l-Artikolu 265 TFUE milli taħt l-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, kieku qatt il-paralleliżmu bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet kellu jiġu abbandunat, għandu jiġri, fl-opinjoni tiegħi, eżattament l-oppost: li jkun hemm locus standi iktar permissiv għal azzjonijiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni milli għal azzjonijiet għal annullament.

117.

Għal dawk ir-raġunijiet, fil-fehma tiegħi, il-paralleliżmu stabbilit minn din il-Qorti tal-Ġustizzja bejn l-Artikoli 263 u 265 TFUE għandu jinżamm. Bħala tali, l-azzjonijiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni mir-rikorrenti mhux ipprivileġġati għandhom ikunu ammissibbli fi tliet sitwazzjonijiet, jiġifieri meta l-att finalment imfittex:

ikun indirizzat lir-rikorrenti; jew

jirrigwarda direttament u individwalment lir-rikorrent; jew

ikun att regolatorju li jirrigwarda direttament lir-rikorrent u li ma jirrikjedix miżuri ta’ implementazzjoni

2) Interess individwali u att regolatorju li ma jirrikjedix miżuri ta’ implementazzjoni

118.

Huwa pjuttost ċar li Bionorica ma tkunx individwalment interessata mill-att li qed tintalab l-adozzjoni tiegħu, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Xejn ma jiddistingwiha minn kwalunkwe operatur ieħor li jista’ potenzjalment jiġi affettwat minn tali att ( 61 ). B’mod partikolari, ma hemm l-ebda allegazzjoni li Bionorica talbet speċifikament awtorizzazzjoni għal xi indikazzjoni li l-evalwazzjoni tagħha tkun ġiet sospiża ( 62 ).

119.

Jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt tikkonferma l-parallel ibbażat fuq il-ġurisprudenza tagħha mal-Artikolu 263 TFUE, l-adozzjoni tal-att imfittex tikkwalifika madankollu bħala “att regolatorju” li “ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni”?

120.

Fil-fehma tiegħi, iva. L-att inkwistjoni ma jkunx att leġiżlattiv imma att adottat mill-Kummissjoni wara proċedura ta’ komitoloġija ( 63 ). Bħala tali, ikun b’mod ċar “att regolatorju” fis-sens tal-ġurisprudenza eżistenti ( 64 ).

121.

Fir-rigward ta’ nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, jiena sempliċement ninnota li l-att li qed tintalab l-adozzjoni tiegħu jirriżulta fil-ħolqien ta’ dritt immedjat ta’ użu ta’ indikazzjonijiet awtorizzati fuq prodotti tal-ikel, bla ħsara għal kull kundizzjoni speċifikata marbuta mal-użu tagħhom, jew, fil-każ ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni, projbizzjoni awtomatika fuq l-użu tagħhom. L-ebda azzjoni min-naħa tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet ma hija meħtieġa għall-validazzjoni ta’ dawk id-drittijiet jew biex jiġu attivati l-projbizzjonijiet. Konklużjoni simili kienet fil-fatt diġà ntlaħqet mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li r-Regolament Nru 432/2012 ma kien jinvolvi l-ebda miżura ta’ implementazzjoni ( 65 ).

122.

Għalhekk, l-att li qed tintalab l-adozzjoni tiegħu jikkwalifika bħala att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. Il-kwistjoni li fadal hija għalhekk jekk tali att regolatorju jkunx ta’ interess dirett għal Bionorica.

3) Interess dirett

123.

Biex tkun ammissibbli azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni, ir-rikorrent għandu wkoll juri interess dirett. Skont il-formula ta’ spiss użati fil-ġurisprudenza ( 66 ), l-“interess dirett” ifisser li dak l-att irid jolqot direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma jħalli l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji tiegħu, li huma inkarigati bil-kompitu li jimplementawh, billi din l-implementazzjoni hija purament awtomatika u tirriżulta mir-regoli tal-Unjoni mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra ( 67 ).

124.

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dak it-test – awtomatiċità jew assenza ta’ diskrezzjoni – din il-kawża ma tqajjimx diffikultajiet partikolari. B’mod simili għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-Regolament Nru 432/2012 ( 68 ), nikkunsidra li huwa ċar li f’dan il-każ l-implementazzjoni tassew tkun awtomatika u ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-Istati Membri.

125.

Fir-rigward tal-ewwel parti – fuq li tkun affettwat direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent – Bionorica ssostni, essenzjalment li s-sitwazzjoni legali tagħha tkun affettwata b’mod dirett partikolarment għaliex l-att imfittex jew jagħtiha dan id-dritt legali li tuża ċerti indikazzjonijiet dwar supplimenti tal-ikel jew ma jħallihiex, u lill-kompetituri tagħha, milli jagħmlu hekk.

126.

Li l-kompetituri jiġu prevenuti milli jużaw indikazzjonijiet jista’ jammonta għal determinazzjoni diretta tas-sitwazzjoni legali ta’ dawk il-kompetituri imma mhux ta’ Bionorica.

127.

Il-bqija tat-talba hija aktar kumplessa. Jidhirli diffiċli li wieħed jargumenta li Bionorica, bħala riżultat tal-att imfittex, ma kinitx tikseb dritt għall-użu ta’ indikazzjonijiet awtorizzati ( 69 ) jew għall-inqas tiġi pprevenuta milli tuża oħrajn. Tali dritt legali jista’ jiġi eżerċitat direttament minn Bionorica. Projbizzjoni bħal din ikollha effett immedjat fir-rigward tagħha. Ikun hemm bidliet diretti fis-sitwazzjoni legali tagħha.

128.

Oġġezzjoni waħda li tista’ titqajjem b’risposta għal dak ir-raġunament hija li Bionorica bħalissa ma hijiex attiva fis-suq tal-prodotti tal-ikel, jew tal-inqas ma kinitx hekk fiż-żmien meta saret l-azzjoni.

129.

Ir-rekwiżit għall-preżenza attwali fis-suq ikkonċernat huwa msemmi fi preċedenti fir-rigward tal-interess dirett ( 70 ). Madankollu, dan ma huwiex sistematiku. L-interess dirett instab li jeżisti, pereżempju, fil-każ ta’ dħul potenzjali (tista’ tgħid teoretiku) ( 71 ) u l-preżenza f’suq upstream ( 72 ).

130.

Iżda b’mod iktar fundamentali, jiena nqis li kundizzjoni bħal din ma tirriżultax mill-kunċett ta’ interess dirett innifsu. Biex taqra tali rekwiżit fil-kunċett huwa tabilħaqq dubjuż għal mill-inqas żewġ raġunijiet: waħda prattika u l-oħra sistemika.

131.

L-ewwel nett, min-naħa prattika, assolutament ma huwiex ċar xi jfisser li bħalissa tkun fis-suq bħal fil-każ preżenti. Dan jimplika li l-użu attwali tal-indikazzjonijiet rilevanti dwar il-prodotti tal-ikel jitqiegħdu fis-suq fil-mument li ssir il-kawża għal nuqqas li tittieħed azzjoni (jew annullament)? Imma x’jiġri jekk dawk l-indikazzjonijiet ma jistgħux jintużaw fil-prattika bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali (kif huwa possibbli taħt ir-reġim tranżitorju)? Jew dan jimplika xi forma ta’ preżenza fis-suq għall-prodotti tal-ikel li jużaw l-ingredjenti jew is-sustanzi li dwarhom jirrelataw l-indikazzjonijiet, mingħajr ma jkun meħtieġ l-użu attwali tal-indikazzjonijiet? X’jiġri jekk ikun hemm bejgħ ta’ prodotti (bl-użu ta’ indikazzjonijiet), imma l-attività hija sporadika jew ma tkunx saret għal xi żmien? X’jiġri jekk dħul fis-suq huwa imminenti imma mhux attwali? X’jiġri jekk dħul fis-suq u l-użu tal-indikazzjonijiet jagħmel sens biss ladarba s-sitwazzjoni legali tkun iċċarata u l-indikazzjonijiet awtorizzati sabiex l-investimenti neċessarji jistgħu jkunu ġġustifikati (sostanzjalment wieħed mill-argumenti mressqa minn Bionorica)?

132.

B’mod iktar ġenerali, fil-każ ta’ rikorsi għal nuqqas li tittieħed azzjoni, kif jista’ dak li jkun jindirizza l-fatt li d-diskussjoni hija waħda kompletament ipotetika dwar id-determinazzjoni diretta ta’ sitwazzjoni legali li potenzjalment biss ser tidħol fis-seħħ bosta snin fil-futur, imma hija applikata għall-fatti kif inhuma issa?

133.

Il-kumplessitajiet madwar il-kunċett ta’ preżenza fis-suq (preżenza kontinwa? preżenza sporadika? preżenza minima? preżenza imminenti?) jistgħu jkunu rilevanti, pereżempju, għall-kwistjoni tal-interess ġuridiku. Tabilħaqq, huma fil-fehma tiegħi deċiżivi fir-rigward tal-attur upstream Diapharm. Madankollu, jidhirli li ma jistgħux ikunu kundizzjoni formali għall-interess dirett.

134.

It-tieni nett, naħseb li approċċ bħal dak ikun inerentement kontradittorju mil-lat sistemiku. Jew att jipproduċi drittijiet jew projbizzjonijiet legali li japplikaw direttament lil individwu, jew le. L-interess dirett kif ippreżentat fil-formula standard tal-ġurisprudenza jinneċessita eżami ta’ liema drittijiet jew projbizzjonijiet japplikaw għal individwu, mhux jekk hijiex teżerċitax attivament dawk id-drittijiet jew hijiex qiegħda tbati l-projbizzjonijiet f’mument speċifiku fiż-żmien. Għal darba oħra, is-sitwazzjoni fattwali speċifika tar-rikorrent fil-mument li jiġi ppreżentat ir-rikors jista’ jkunu rilevanti biex jiġi aċċertat l-interess ġuridiku tagħha ( 73 ), iżda ma hijiex konklużiva fil-kuntest tal-interess dirett.

135.

Barra minn hekk, ta’ min jenfasizza argument sistemiku ieħor hawnhekk. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-preżenza fis-suq hija kkunsidrata kompletament irrilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrent għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-interess individwali. F’dawk il-każijiet, ittenna li kulħadd jista’ fit-teorija jidħol fi kwalunkwe suq f’kull żmien. Tidher stramba għalija li eżattament l-istess fattur - preżenza attwali fis-suq ‐ li jitwarrab bħala irrilevanti fir-rigward ta’ element wieħed ta’ ammissibbiltà mbagħad f’daqqa waħda jsir deċiżiv fl-evalwazzjoni apparentement iktar oġġettiva tad-drittijiet u l-obbligi legali tar-rikorrent, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-interess dirett.

136.

Fil-qosor, ma nikkunsidrax li rekwiżit ta’ preżenza fis-suq jista’ jinqara fil-kunċett ta’ interess dirett.

137.

Jista’ jkun li r-rekwiżit tal-preżenza fis-suq xorta jirriżulta mir-Regolament innifsu?

138.

Bħala proposta ġenerali, regolament jista’ ovvjament jillimita l-persuni li lilhom dan jagħti drittijiet jew li fuqhom dan jimponi l-obbligi. Madankollu, il-każ odjern u inkonnessjoni ma’ dan ir-regolament partikolari, ma hemm l-ebda rekwiżit restrittiv ta’ preżenza fis-suq f’dan is-sens.

139.

Huma ġeneralment applikabbli projbizzjonijiet fuq l-użu ta’ indikazzjonijiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament. Dan ifisser li ma humiex limitati għal grupp partikolari. Kull entità li tbigħ oġġetti tal-ikel li jinkludu l-ingredjenti rilevanti jew li tkun tikkontempla li tagħmel dan, hija affettwata billi tkun legalment ipprojbita milli tuża indikazzjonijiet speċifiċi tas-saħħa. Il-preżenza attwali fis-suq ma hijiex rilevanti.

140.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet fl-Artikolu 17(5) tar-Regolament, dik id-dispożizzjoni tipprovdi li “indikazzjonijiet dwar vantaġġ għas-saħħa inklużi fil-listi previsti fl-Artikoli 13 u 14 jistgħu jintużaw […] minn kull operatur ta’ negozju ta’ l-ikel […]” ( 74 ). Dan ifisser li l-att imfittex mill-appellanti jikkonferixxi drittijiet legali għall-użu ta’ indikazzjonijiet biss fuq grupp ristrett ta’ persuni kif ikun iddefinit f’mument partikolari (“operaturi tan-negozju tal-ikel”)?

141.

Din tista’ tabilħaqq tkun interpretazzjoni waħda ta’ dik id-dispożizzjoni. Madankollu, ma nqishiex li hija l-interpretazzjoni korretta. Il-kliem “operaturi tan-negozju tal-ikel” huwa ddefinit bħala “persuni naturali jew legali responsabbli li jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa fin-negozju ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom”. ( 75 ) Iktar milli definizzjoni ċara, din hija deskrizzjoni ta’ grupp vast u eklettiku ħafna li jinkludi persuni li jvarjaw minn distributuri tal-pastard sa produtturi tax-xarbiet tal-enerġija sa produtturi tal-aċidi tal-amino għall-użu fl-ikel. Barra minn hekk, il-grupp huwa miftuħ u jinbidel b’mod kostanti fil-kompożizzjoni tiegħu. Għalhekk, kif spjegat fil-punti 134 u 135, il-lista ta’ indikazzjonijiet tas-saħħa tkun applikabbli immedjatament għal kull persuna li teżerċita tali attività sempliċement abbażi ta’ dak l-impenn. ( 76 )

142.

Għaldaqstant, huwa għalkollox illoġiku l-isforz sabiex issir disntizjoni bejn, minn naħa, grupp “magħluq” li jikseb b’mod dirett drittijiet legali minn dik id-dispożizzjoni, u kull persuna oħra, min-naħa l-oħra. ( 77 ).

143.

Il-fatt li r-riferiment fl-Artikolu 17(5) għal “operaturi tan-negozju tal-ikel” ma huwiex intiż li jiddefinixxi grupp magħluq li jibbenefika minn ċerti drittijiet legali bl-esklużjoni ta’ persuna oħra, huwa muri mill-kuntrast ma’ każijiet li fihom ġie adottat tali approċċ. Għalhekk, pereżempju, fil-kawża T&L Sugars ( 78 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet rikors għall-annullament ta’ regolament fis-settur taz-zokkor li ta drittijiet lill-produtturi taz-zokkor - grupp ristrett u ddefinit b’mod ċar ħafna iddelimitat b’riferiment għal proċess ta’ awtorizzazzjoni ( 79 ) - fuq il-bażi li r-rikorrenti ma kinux membri ta’ dak il-grupp u s-sitwazzjoni legali tagħhom ma kinitx, għalhekk, affettwata mir-regolament ( 80 ).

144.

Bħala konklużjoni, inqis li l-att, li finalment qed tintalab l-adozzjoni tiegħu, jirrigwarda direttament lil Bionorica, jiġifieri l-lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati fir-rigward tal-botaniċi, fis-sens tas-sitwazzjoni legali tagħha hija affettwata direttament b’dak l-att.

4) Konklużjoni

145.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-rikors ta’ Bionorica għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa ammissibbli.

146.

Biex tasal għal dik il-konklużjoni ma hemm bżonn tal-ebda bidla fl-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet eżistenti ta’ ammissibbiltà. Madankollu, ikun hemm bżonn ta’ kjarifika konfermatorja tal-kundizzjonijiet eżistenti u l-artikolazzjoni bejniethom. B’mod partikolari, dan jeħtieġ l-affermazzjoni mill-ġdid tad-differenza bejn il-kunċetti ta’ interess ġuridiku u interess dirett li, forsi, setgħu saru kemxejn imċajpra f’ċerti każijiet ( 81 ).

147.

Skont il-ġurisprudenza eżistenti, l-interess ġuridiku jeħtieġ benefiċċju personali għar-rikorrent bħala riżultat tal-adozzjoni (jew l-annullament) tal-att rilevanti, jew għall-inqas possibbiltà jew opportunità ċari li jinkiseb tali benefiċċju ( 82 ). Dan il-benefiċċju jista’ jkun fattwali jew legali.

148.

L-interess dirett jeżisti meta att “jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma jħalli l-ebda diskrezzjoni lid-destinatarji ta’ dik il-miżura, li huma fdati bil-kompitu li jimplementawh, billi dik l-implementazzjoni hija purament awtomatika u tirriżulta mir-regoli tal-UE mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħrajn” ( 83 ).

149.

B’mod ċar hemm grad ta’ sovrapożizzjoni bejn il-kundizzjonijiet għall-interess ġuridiku u l-interess dirett. Madankollu, dawn għandhom kontenut differenti u għanijiet differenti u għandhom jiġu distinti minn xulxin. Dan ma huwiex sempliċi eżerċizzju intellettwali. Huwa ta’ rilevanza prattika ċara, b’mod partikolari għar-rikorrenti, li huma meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li juru l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet inkella r-rikors tagħhom jiġi miċħud.

150.

L-interess ġuridiku b’hekk jimmira lejn is-sitwazzjoni fattwali jew legali tar-rikorrent u l-impatt li jkollu l-eżitu tal-azzjoni fuq dik is-sitwazzjoni. Bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, huwa intiż biex jevita azzjonijiet fl-interess ġenerali u l-azzjonijiet li ma huma ta’ ebda għajnuna għar-rikorrent. Għalhekk il-ħtieġa għall-eżistenza ta’ benefiċċju personali. Sa ċertu punt jista’ jitqies bħala l-“ewwel għarbiel” ta’ azzjonijiet, forsi fi skala inqas f’termini tal-impatt personali milli l-kundizzjonijiet ewlenin tal-“interess dirett” u l-“interess individwali”.

151.

L-interess dirett, għall-kuntrarju, jiffoka primarjament fuq in-natura tal-att legali kkontestat u t-tip ta’ dritt jew obbligi legali li joħorġu minnu. Dan jieħu inkunsiderazzjoni d-diskrezzjoni tal-awtur tal-att u l-eżistenza ta’ kwalunkwe att li jintervjeni li jista’ jikser il-katina bejn l-att tal-Unjoni u r-rikorrent. Sa fejn l-interess dirett jeħtieġ determinazzjoni diretta tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, ( 84 ) il-kwistjoni hija jekk l-att joħloqx drittijiet jew obbligi legali li r-rikorrent jista’ joqgħod fuqhom jew li jistgħu jillimitaw l-azzjonijiet tiegħu jew tagħha. Ma huwiex konklużiv f’dak ir-rigward jekk skont il-fatti tal-każ ir-rikorrenti hijiex qiegħda teżerċita b’mod attiv dawk id-drittijiet fil-mument li tagħmel l-azzjoni.

VII. Konklużjonijiet

152.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)

fir-rigward tal-Kawża C‑596/15 P

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T‑619/14 u tilqa’ bħala ammissibbli l-azzjoni tal-appellanti għal nuqqas li tittieħed azzjoni f’dik il-kawża;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu;

tordna li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

(2)

fir-rigward tal-Kawża C‑597/15 P

tiċħad l-appell bħala infondat;

tordna lill-appellant f’dik il-kawża tħallas l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU 2006 L 404, p. 9).

( 3 ) Digriet tas-16 ta’ Settembru 2015, Bionorica vs Il-Kummissjoni (T‑619/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:723); digriet tas-16 ta’ Settembru 2015, Diapharm vs Il-Kummissjoni (T‑620/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:714).

( 4 ) Ara l-punt 1 tad-digrieti kkontestati.

( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Mejju 2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU 2012 L 136, p. 1).

( 6 ) Ara l-punti 34 sa 38 tad-digrieti kkontestati.

( 7 ) Ara l-punti 40 sa 45 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑619/14 u l-punt 40 sa 44 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑620/14.

( 8 ) Punti 46 sa 48 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑619/14 u l-punti 45 sa 47 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑620/14.

( 9 ) Punti 49 sa 53 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑619/14 u l-punti 48 sa 52 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑620/14.

( 10 ) Punt 54 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑619/14 u l-punt 53 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑620/14.

( 11 ) Punt 56 tad-digriet ikkontestat fil-Kawża T‑620/14.

( 12 ) L-appellanti ma jelenkawx l-aggravji b’dan il-mod. Qed nagħmel hekk għal preżentazzjoni faċli.

( 13 ) Sentenzi tat-22 ta’ Mejju 1985, Il-Parlament vs Il-Kunsill (13/83, EU:C:1985:220, punt 25); tal‑15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni (T‑95/96, EU:T:1998:206, punt 88) u tas-7 ta’ Marzu 2002, Intervet International vs Il-Kummissjoni (T‑212/99, EU:T:2002:63, punt 61).

( 14 ) Mattew 5:37. Verżjoni King James 2000.

( 15 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 18 sa 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Għalkemm ippreżentat b’mod separat mill-parti tal-interess ġuridiku, taħt l-intestatura “żbalji ta’ fatt”.

( 17 ) Sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 49) u tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑237/98 P, EU:C:2000:321, punti 3536);

( 18 ) Digriet ikkontestat fil-Kawża T-619/14 fil-punti 1 u 48.

( 19 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni (C‑682/13 P, mhix ppubblikata, EU:C:2015:356, punt 27); digriet tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni (206/89 R, EU:C:1989:333, punt 8). Il-ġurisprudenza ġeneralment tirrigwarda l-azzjonijiet għal annullament. Madankollu, fir-rigward tal-azzjonijiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni, ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1995, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni (T‑186/94, EU:T:1995:114, punt 25) u tas-7 ta’ Marzu 2002, Intervet International vs Il-Kummissjoni (T‑212/99, EU:T:2002:63, punt 53).

( 20 ) Van Raepenbusch, S., L’Intérêt à agir dans le contentieux communautaire, fi Mélanges en hommage à Georges Vandersanden, Brussell, Bruyant, 2008, f’p. 381.

( 21 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42); digriet tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑503/07 P, EU:C:2008:207, punt 48); sentenzi tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni (C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, EU:C:2008:230, punt 25); u tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni (C‑682/13 P, mhix ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 25).

( 22 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni (282/85, EU:C:1986:316, punt 18); digriet tal-25 ta’ Ġunju 2003, Pérez Escolar vs Il-Kummissjoni (T‑41/01, EU:T:2003:175, punt 3536) - ikkonfermata fl-appell fid-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2004, Pérez Escolar vs Il-Kummissjoni (C‑379/03 P, mhix ippubblikata, EU:C:2004:580). A contrario, ara s-sentenza tal-4 ta’ April 2001, Regione Autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni (T‑288/97, EU:T:2001:115, punt 49).

( 23 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, ATM vs Il-Kummissjoni, (T-178/94, EU:T:1997:210, punti 59 sa 62), fejn ġie deċiż li l-konferma jew l-annullament tad-deċiżjoni bl-ebda mod ma affettwaw l-interessi tar-rikorrent u għalhekk ma kienx hemm interess ġuridiku.

( 24 ) Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:256, punt 16) “huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk […] l-att ikkontestat jikkostitwixxi miżura li tipproduċi effetti legali ta’ tip li jaffettwaw l-interess tar-rikorrent billi b’mod ċar jibdlu l-pożizzjoni legali tiegħu”. Ara wkoll, pereżempju, id-digriet tat-3 ta’ Settembru 2014, Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse vs Il-Kummissjoni (T‑112/11, EU:T:2014:752, punt 22); u s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (Bord rettangolari b’intarsjar) (T‑129/00, EU:T:2001:231, punt 12); tas-7 ta’ Marzu 2002, Intervet International vs Il-Kummissjoni (T‑212/99, EU:T:2002:63, punt 43); u tat-3 ta’ April 2008, Kongra-Gel et vs Il-Kunsill (T‑253/04, mhix ippubblikata, EU:T:2008:88, paragrafi 82 to 85).

( 25 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2013, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni (T‑13/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:567, punt 31), ikkonfermat fl-appell, u s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni (C-682/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:356, paragrafu 25).

( 26 ) Dawk is-sentenzi jidhru li “jċapru [ir-rekwiżit tal-interess] bir-rekwiżit tal-att kontestabbli”, ara Lenaerts, K., Maselis, I., u Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, 2014, p. 356, nota ta’ qiegħ il-paġna 528.

( 27 ) Fil-każ ta’ azzjonijiet għal nuqqas li tittieħed azzjoni, huwa l-att fl-aħħar mill-aħħar mixtieq li għandu jkun kontestabbli fis-sens li jkollu effetti legali vinkolanti. Madankollu, l-għan speċifiku tal-azzjoni jista’ jkun in-nuqqas li jiġi adottat att preparatorju bħala pass intermedju. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni (T‑164/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:503).

( 28 ) B’mod simili, hemm sentenzi li jpoġġu ħdejn xulxin dikjarazzjonijiet fir-rigward tal-interess ġuridiku u l-interess dirett. Ara, pereżempju, id-digriet tat-3 ta’ Settembru 2014, Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse vs Il-Kummissjoni (T‑112/11, EU:T:2014:752, punt 24 sa 31). Madankollu, dawk jibqgħu żewġ kundizzjonijiet separati.

( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni (T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 41).

( 30 ) Digriet tal-5 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Provincia di Imperia (C‑183/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:136, punt 26).

( 31 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 1987, Stroghili vs Il-Qorti tal-Awdituri (204/85, EU:C:1987:21, punt 11).

( 32 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42) u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 57).

( 33 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni (T‑138/89, EU:T:1992:95, punt 33).

( 34 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-BĊE (C‑401/09 P, EU:C:2011:370, punt 49).

( 35 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni (C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, EU:C:2008:230).

( 36 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni (C‑198/07 P, EU:C:2008:761).

( 37 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni (C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, EU:C:2008:230, punt 32).

( 38 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummisjoni (C‑198/07 P, EU:C:2008:761, punti 41 sa 53).

( 39 ) Ara l-Artikoli 28(5) u (6) tar-Regolament.

( 40 ) Ara l-Artikolu 17(5) tar-Regolament.

( 41 ) Ser niġi lura għall-kwistjoni jekk dak il-benefiċċju jkunx personali għal kull Appellant iktar ’l isfel fil-punti 87 sa 90 u 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara iktar ’il fuq fil-punt 55.

( 43 ) Fid-digrieti tagħha, il-Qorti Ġenerali tindika li l-eżerċizzju ta’ dik id-diskrezzjoni fil-prattika fisser li l-indikazzjonijiet għandhom possibbiltà baxxa żgħira li jiġu awtorizzati. Ma jidhirlix li 10 %, 50 % jew 90 % possibbiltà ta’ suċċess hija rilevanti għad-determinazzjoni tal-interess ġuridiku. Dan ikun sempliċement żbaljat li l-kunċett ta’ interess ġuridiku jiġi jiddependi fuq l-istatistika ġenerali dwar għażliet storiċi mill-eżekuttiv f’każijiet differenti.

( 44 ) Ara f’dak is-sens is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni (T‑164/10, mhix ippubblikata, EU:T:2013:503, punt 35). Il-kwistjoni tal-interess ġuridiku ma kinitx ikkunsidrata fid-dettall. Madankollu, ta’ min isemmiha hawn għaliex il-Qorti Ġenerali aċċettat bħala ammissibbli azzjoni li kkontestat in-nuqqas tal-Kummissjoni li tindirizza lill-Kunsill proposta għall-awtorizzazzjoni ta’ OMĠ, anki għalkemm kien irrikonoxxut bis-sħiħ li l-proposta setgħet tiġi miċħuda mill-Kunsill, imma din setgħet tiġi aċċettata wkoll.

( 45 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1995, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni (T‑186/94, EU:T:1995:114, punt 25; tas-7 ta’ Marzu 2002, Intervet International vs Il-Kummissjoni (T‑212/99, EU:T:2002:63, punt 61) u tas-26 ta’ Settembru 2013, Pioneer Hi-Bred International vs Il-Kummissjoni (T‑164/10, mhix ippubblikata, EU:T:2013:503).

( 46 ) Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali f’Intervet u Pioneer Hi-Bred (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45) fil-prattika jikkunsidraw l-eżistenza ta’ interess ġuridiku mill-perspettiva ta’ interess fl-eżitu finali tal-proċess leġiżlattiv. Madankollu, il-kwistjoni ma ġietx diskussa b’mod speċifiku fis-sentenzi.

( 47 ) Kif imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 66, din hija taqsira. Jiena nqis konċezzjoni binarja ta’ awtorizzazzjoni tajba/rifjut ħażina għaliex hija simplifikazzjoni eċċessiva (potenzjalment li tista’ tiżgwida). Kif argumentaw l-appellanti, tista’ tgħid li r-rifjut forsi fil-fatt għandu benefiċċji f’termini ta’ ċertezza legali. Min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni mhux neċessarjament karta bjanka. Tista’, pereżempju, tiġi b’kundizzjonijiet li huma meqjusa bħala aktar onerużi minn operaturi milli dawk imposti mir-reġim tranżitorju.

( 48 ) Ara iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 44. L-eżistenza tal-interess lanqas biss ġiet iddubitata f’dak il-każ.

( 49 ) Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fuq dak il-punt huwa tassew bażikament mislut mis-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Appellant.

( 50 ) Dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni fis-sentenza Andechser [sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni (C‑682/13 P, mhix ippubblikata, EU:C:2015:356)]. F’dak il-każ, ir-rikorrenti sostniet li hija sofriet żvantaġġ kompetittiv għaliex il-prodotti tagħha (jogurts organiċi) ikkompetew ma’ jogurts mhux organiċi. Ir-regolament ikkontestat ippermetta l-użu permess ta’ sostitut taz-zokkor l-istevjol bħala addittiv fil-jogurts mhux organiċi, imma ma ppermettiex b’mod espliċitu l-istevjol biex jintuża bħala ingredjent fil-jogurts organiċi. Il-Qorti ddeċidiet li r-rikorrenti f’dik il-kawża ma kinitx stabbilixxiet interess ġuridiku għaliex ir-relazzjoni kompetittiva bejn il-prodotti organiċi u mhux organiċi kienet sempliċement allegata u mhux ippruvata.

( 51 ) Fil-fatt, kif diskuss iktar ’il fuq taħt l-ewwel aggravju, fil-punti 42 sa 46, il-Qorti Ġenerali anki tgħid (b’mod skorrett) li dan diġà seħħ.

( 52 ) Għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni li qed tiġi indirizzata hawnhekk hija waħda proċedurali dwar l-interess ġuridiku, mhux waħda sostantiva dwar id-danni.

( 53 ) Digriet ikkontestat fil-Kawża T‑620/14, fil-punt 53.

( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni (C‑682/13 P, mhix ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 27).

( 55 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punti 4748).

( 56 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 1996, T. Port (C‑68/95, EU:C:1996:452, punt 59); digriet tal-1 ta’ Ottubru 2004, Pérez Escolar vs Il-Kummissjoni (C‑379/03 P, mhux ippubblikat, EU:C:2004:580, punt 15).

( 57 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 1996, (C‑68/95, EU:C:1996:452, punt 59).

( 58 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 57); Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón għall-kawża T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2014:2283, punti 1920).

( 59 ) Sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210) li tannulla s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2002, Jégo-Quéré vs Il-Kummissjoni (T‑177/01, EU:T:2002:112).

( 60 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462).

( 61 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, f’p. 107).

( 62 ) Ikkuntrasta s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni (T‑17/12, EU:T:2014:234, punt 61).

( 63 ) Ara l-Artikoli 13(3) u 24(2) tar-Regolament.

( 64 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625). Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-Regolament 432/2012 kien att regolatorju fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni (T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 37).

( 65 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni (T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 50).

( 66 ) Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Glencore Grain vs Il-Kummissjoni, (C‑404/96 P, EU:C:1998:196, punt 41); tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47); u tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 43). Ara wkoll is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, (C‑386/96 P, EU:C:1998:193, paragrafu 43); u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni, (C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 45). Ninnota li l-kawża Dreyfus tikkostitwixxi l-ewwel użu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ġurisprudenza li tagħmel riferiment għal atti li jaffettwaw b’mod dirett is-“sitwazzjoni legali” tar-rikorrent. Għalkemm il-paragrafu 43 ta’ dak il-każ jagħmel riferiment għal numru ta’ preċedenti li jsostnu dik il-konklużjoni speċifika, anke jekk l-ebda minn dawn il-preċedenti ma jistabbilixxi tali impatt dirett fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent bħala kundizzjoni għas-sitwazzjoni li fiha r-rikorrent ikun ikkonċernat direttament (barra minn hekk, fil-kawża Dreyfus l-att ikkontestat finalment instab mill-Qorti tal-Ġustizzja li jaffettwa b’mod dirett is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, u b’hekk ġiet imdawra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’dak ir-rigward).

( 67 ) Madankollu jiena nikkondividi d-dubji diġà espressi xi mkien ieħor dwar jekk din il-formula hijiex attwalment kapaċi tirrifletti b’mod sħiħ l-irqaqat numerużi ta’ “interess dirett” kif applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja [ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:21, punt 71)]. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel parti tat-test, l-interess dirett ta’ spiss jitqies li jeżisti meta l-effetti tal-atti rilevanti fuq ir-rikorrent ma jkunux legali, imma sempliċement fattwali, pereżempju għaliex huma direttament affettwati fil-kapaċità tagħhom bħala parteċipanti fis-suq f’kompetizzjoni ma’ parteċipanti oħra fis-suq. Il-ġurisprudenza dwar azzjonijiet kontra l-għajnuna mill-Istat u deċiżjonijiet dwar l-għaqdiet huma eżempji ovvji ta’ dan il-fenomenu. Dwar l-għajnuna mill-Istat ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, (C‑169/84, l-EU:C:1990:301, punt 9), li fiha l-ammissibbiltà ġiet assunta awtomatikament. Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punti 31, u 35 sa 38). Għal eżempju iktar reċenti, ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il-Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485, punt 44). Fir-rigward tal-kontroll tal-għaqdiet ara s-sentenzi tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, (T‑114/02, EU:T:2003:100, punt 89), u tat-30 ta’ Settembru 2003, ARD vs Il-Kummissjoni (T‑158/00, EU:T:2003:246, punt 60).

( 68 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni (T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 50).

( 69 ) Madankollu ara l-punti 137 sa 139 iktar ’l isfel.

( 70 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni (T‑296/12, EU:T:2015:375, punti 4041).

( 71 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni (T‑17/12, EU:T:2014:234). F’dak il-każ, ir-rikorrent kien professur universitarju li kien għamel talba għall-awtorizzazzjoni ta’ indikazzjoni li tfaħħar il-virtujiet tal-ilma. Ir-rikors tiegħu għal annullament tar-rifjut tal-Kummissjoni fil-forma tar-Regolament 1170/2011 (Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1170/2011, tas-16 ta’ Novembru 2011, li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti stqarrijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa u li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard (ĠU 2011 L 299, p. 1) ġie ddikjarat ammissibbli mill-Qorti Ġenerali.

( 72 ) Fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il-Kummissjoni (T‑262/10, EU:T:2011:623), ir-rikorrenti kkontestat projbizzjoni fuq l-użu tat-triklosan fil-materjali tal-ippakkjar tal-ikel. Ir-rikorrenti kienet manifattur, bejjiegħ u negozjant ta’ addittivi, u applikat għall-inklużjoni tat-triklosan fil-lista ta’ addittivi awtorizzati mid-Direttiva 90/128/KEE (Direttiva tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 1990 dwar il-materjali tal-plastik u artikoli intiżi li jkunu f’kuntatt mal-ikel (ĠU 1990 L 75, p.19). Kien ċar li kienet ser tiġi affettwata kummerċjalment bil-projbizzjoni (ara l-punt 28 tas-sentenza Microban). Madankollu, ma kinitx attwalment preżenti fis-suq downstream għall-ippakkjar tal-ikel.

( 73 ) Ara d-diskussjoni iktar ’il fuq fir-rigward tal-interess ġuridiku (taqsima C).

( 74 ) Enfasi miżjuda.

( 75 ) Ara l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463)

( 76 ) Jirriżultaw kwistjonijiet oħra fir-rigward ta’ attivitajiet sporadiċi u temporanji fl-industrija tal-ikel kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 131 iktar ’il fuq.

( 77 ) Ċertament, jekk jingħad mod ieħor ikun qiegħed jiġi ammess li l-appellanti fil-kawża odjerna setgħu potenzjalment “iffabbrikaw” il-fatt li huma kkonċernati direttament billi b’mod temporanju eżerċitaw xi attività marġinali u kompletament mhux relatata fl-industrija tal-ikel sabiex tikseb l-istatus ta’ “operatur tan-negozju tal-ikel”. La tkun kredibbli u lanqas koerenti l-attribuzzjoni ta’ tali konsegwenzi legali lill-preżenza f’parti remota tal-industrija tal-ikel filwaqt li fl-istess ħin il-preżenza fi swieq li jkunu relatati mill-qrib tiġi ddikjarata irrilevanti.

( 78 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, (C‑456/13 P, EU:C:2015:284).

( 79 ) Fis-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 34) ġie deċiż li r-rikorsi setgħu jsiru biss minn “[…] impriżi li jipproduċu z-zokkor tal-pitravi jew tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1234/2007 u li ngħatatilhom allokazzjoni ta’ kwota ta’ produzzjoni għal din is-sena tas-suq”.

( 80 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 37).

( 81 ) Iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 26.

( 82 ) Ara iktar ’il fuq fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 83 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni (C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43). Ara l-ġurisprudenza l-oħra ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66. Ara wkoll iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 71. Il-kwistjoni ta’ interess dirett “fattwali”, madankollu, ma għandhiex għalfejn tiġi indirizzata hawnhekk.

( 84 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 67.

Top