Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0584

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016.
    Glencore Céréales France vs Établissement national des produits de l'agriculture et de la mer (FranceAgriMer).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal administratif de Melun.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 3 — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Artikolu 11 — Irkupru ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni mogħtija indebitament — Regolament (KEE) Nru 3002/92 — Artikolu 5a — Garanzija rilaxxata indebitament — Interessi dovuti — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu — Interruzzjoni tal-perijodu — Limitu massimu — Terminu itwal — Applikabbiltà.
    Kawża C-584/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:655

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

    Kawża C‑584/15

    Glencore Céréales France

    vs

    Etablissement national des produits de l’agriculture et de la mer (FranceAgriMer)

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif de Melun (qorti kontenzjuża-amministrattiva ta’ Melun, Franza)]

    “Irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament — Interessi akkumulati — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tal-perijodu — Interruzzjoni tal-perijodu — Limitu massimu”

    1. 

    Il-preskrizzjoni hija waħda mill-kunċetti legali klassiċi li baqa’ intatt matul iż-żmien. Żgur li għalhekk, Karl Friedrich von Savigny qal, diġà fl-1841, li din tirrappreżenta “waħda mill-istituzzjonijiet legali l-iktar importanti u benefiċjarji” ( 2 ). Fid-dawl taċ-ċirkustanzi f’din il-kawża, jista’ jingħad ukoll li dan huwa wkoll wieħed mill-iktar kunċetti li jippreżenta diffikultajiet fl-applikazzjoni tiegħu.

    2. 

    Il-kumpannija Glencore Céréales France (iktar ’il quddiem, “Glencore”) kienet obbligata tirritorna lill-organu Franċiż kompetenti fil-qasam għajnuniet għall-esportazzjoni li kienet irċeviet indebitament. Meta dak il-korp, iktar tard, talab il-ħlas tal-interessi korrispondenti fuq l-ammont suġġett għal rifużjoni, Glencore invokat il-preskrizzjoni, wara li sostniet, b’mod partikolari, li l-ammont tal-interessi ma kienx inkluż fit-talba tad-dejn prinċipali.

    3. 

    Peress li l-għajnuniet għall-esportazzjoni kienu joriġinaw minn fondi Ewropej, il-kawża taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li huma s-suġġett tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 ( 3 ), li huwa l-leġiżlazzjoni orizzontali għall-ġlieda kontra l-frodi. It-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti li tiġi kkwalifikata, issa b’rabta mal-kreditu relatat mal-interessi, il-ġurisprudenza sostanzjali li diġà teżisti fuq aspetti oħra ta’ dan it-test legali.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    1. Regolament Nru 2988/95

    4.

    Ir-raba u l-ħames premessi jipprovdu dan li ġej:

    “Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall‑oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità;

    Billi mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament”.

    5.

    Id-disa’ premessa tipprovdi:

    “Billi l-miżuri u l-penali tal-Komunità stabbiliti skond l-għanijiet tal-politika agrikola komuni jifformaw parti integrali mis-sistemi tal-għajnuna; billi dawn isegwu l-għanijiet tagħhom […]; [li]għandha tiġi żgurata mill-effett immedjat tar-regoli tal-Komunità […]”.

    6.

    Skont l-Artikolu 1, taħt it-titolu “Il-prinċipji ġenerali”:

    “1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ […] miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni].

    2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-[Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-[Unjoni], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

    7.

    Skont l-Artikolu 3:

    “1.   Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. […]

    F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. […]

    It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

    Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

    2.   Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena [s-sanzjoni] amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. […]

    Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali.

    3.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.”

    8.

    Skont l-Artikolu 4:

    “1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

    permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

    […]

    2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

    […]”

    2. Leġiżlazzjoni settorjali

    a) Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli

    9.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas‑27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli ( 4 ) ġie mħassar permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal‑15 ta’ April 1999 ( 5 ), iżda jirriżulta applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali fil-verżjoni tiegħu kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 495/97 ( 6 ).

    10.

    L-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 jgħid hekk:

    “[…] meta jsir ħlas indebitu ta’ rifużjoni, il-benefiċjarju għandu jirrimborsa l-ammonti rċevuti indebitament – inkluża kull penali applikabbli bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 – flimkien mal-interessi ikkalkolati skont iż-żmien li jkun għadda bejn il-ħlas u r-rimbors. […] Madankollu:

    […]

    b)

    meta l-garanzija tkun ġiet rilaxxata, il-benefiċċjarju jista’ jħallas dik il-parti tal-garanzija li kienet tkun ġiet issekwestrata, flimkien mal-interessi ikkalkolati mid-data tar-rilaxx tad-data li tippreċedi dik tal-pagament [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    […]”

    b) Verifika tal-prodotti f’sistema ta’ intervent

    11.

    Għalkemm ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3002/92, tas‑16 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-verifika tal-użu u/jew destinazzjoni ta’ prodotti minn intervent ( 7 ), ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1130/2009, tal-24 ta’ Novembru 2009 ( 8 ), bl-istess isem, jibqa’ japplika ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali fil-verżjoni emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 770/96, tas‑26 ta’ April 1996 ( 9 ).

    12.

    Skont l-Artikolu 5a, paragrafu 1 tar-Regolament Nru 3002/92:

    “1.   Fejn, wara r-rilaxx tal-garanzija kollha jew in parti msemmija fl-Artikolu 5, ikun stabbilit li l-prodotti kollha jew in parti ma laħqux l-użu preskritt u/jew id-destinazzjoni tagħhom l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru […] għandha titlob […] li l-operatur interessat iħallas ammont ugwali għall-ammont tal-garanzija li kien jintilef kieku n-nuqqas ikun ittieħed in konsiderazzjoni qabel ir-rilaxx tal-garanzija. Dan l-ammont għandu jiżdied permezz ta’ interessi kkalkulati mid-data tar-rilaxx sal-jum ta’ qabel id-data tal-pagament.

    Ir-riċeviment mill-awtorità kompetenti ta’ l-ammont imsemmi fis-subparagrafu preċedenti għandu jikkostitwixxi l-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mhux dovut li jkun ingħata.”

    B – Id-dritt ċivili Franċiż

    13.

    Il-Liġi Nru 2008-561, tas- 17 ta’ Ġunju 2008 ( 10 ), stabbilixxiet sistema ġdida ta’ preskrizzjoni tal-liġi komuni inkorporata fl-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili, skont liema:

    “L-azzjonijiet personali u dawk reali fuq il-proprjetà mobbli jiskadu ħames snin wara l-jum li fih id-detentur ta’ dritt ikun sar konxju jew kellu jsir konxju dwar il-fatti li kienu jipprovdu l-bażi legali għall-eżerċizzju tagħhom”.

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

    14.

    Fis-26 ta’ Mejju 1999, il-kumpannija Glencore kisbet ċertifikat ta’ awtorizzazzjoni biex tesporta 3300 tunnellata ta’ xgħir tal-birra bl-ingrossa, bl-għoti ta’ rifużjonijiet Komunitarji.

    15.

    Fuq il-bażi ta’ verifika mwettqa mill-awtoritajiet doganali, li wriet irregolaritajiet fit-tagħbija taċ-ċereali fil-bastimenti maħsuba għall-esportazzjoni tagħhom, l-Uffiċċju nazzjonali interprofessjonali għaċ-ċereali ( 11 ) ħareġ ordni għall-ġbir ta’ ammont ta’ EUR 93933.85, kontra Glencore, li ġiet innotifikata fil‑25 ta’ Frar 2004 ( 12 ).

    16.

    Bejn Mejju u Settembru tas-sena 2000, Glencore, iffirmat dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni għal 43 630.13-il tunnellata ta’ qamħ komuni ta’ intervent.

    17.

    L-awtorità doganali sabet irregolaritajiet fil-konservazzjoni taċ-ċereali qabel l-esportazzjoni tagħhom, u bħala riżultat ta’ dan l-Uffiċċju nazzjonali interprofessjonali taċ-ċereali ħareġ, fit-30 ta’ Novembru 2005, tliet ordnijiet ta’ ġbir għall-ammont ta’ EUR 113685.40, EUR 22285.60 u EUR 934598.28, rispettivament. L-ordnijiet ġew innotifikati lil Glencore permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Jannar 2006.

    18.

    Wara li kkontestat mingħajr suċċess fil-qrati l-ordnijiet ta’ ġbir li kienu jeħtieġu l-ħlas lura tal-għajnuniet Komunitarji mħallsa indebitament, Glencore ħallset l-ammonti mitluba fis-6 ta’ April 2010 (dawk relatati mal-esportazzjoni tax-xgħir) u fis-27 ta’ Settembru 2010 (dawk relatati mal-esportazzjonijiet tal-qamħ).

    19.

    Fis-16 ta’ April 2013, FranceAgriMer ( 13 ) talbet lil Glencore tħallasha l-ammont ta’ EUR 289569.05 bħala interessi akkumulati fuq l-għajnuna rċevuta indebitament ( 14 ). Din id-deċiżjoni kienet akkumpanjata minn ordni ġdida ta’ ġbir, għal dak l-ammont, tat-12 ta’ April 2013, innotifikata permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ April 2013.

    20.

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, Glencore talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet tas-16 ta’ April 2013 u tal-ordni ta’ ġbir tat-12 ta’ April 2013 fejn sostniet, f’dak li jirrigwarda d-dritt tal-Unjoni, il-preskrizzjoni tal-interessi skont l-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    III – Id-domandi magħmula

    21.

    Minħabba l-ħtieġa li jiġi interpretat l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, it-Tribunal administratif de Melun (qorti amministrattiva ta’ Melun, Franza) iddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Mill-kliem tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2012, dwar il-Kawża C‑564/10, […] Pfeifer & Langen […], jista’ jiġi dedott li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 li jistabbilixxi s-sistema ta’ preskrizzjoni fid-dritt Komunitarju huwa applikabbli għal miżuri intiżi għall-ħlas tal-interessi dovuti skont l-Artikolu 52 tar-Regolament […] Nru 800/1999 u skont l-Artikolu 5a tar-Regolament […] Nru 770/96?

    2)

    Il-kreditu relatat mal-interessi għandu jitqies bħala li jirriżulta minn natura tiegħu minn irregolarità ‘kontinwa jew ripetuta’, li tintemm fil-jum tal-ħlas tal-ammont prinċipali, u għaldaqstant jiddifferixxi sa din id-data l-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni fir-rigward tiegħu?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 2, il-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni għandu jiġi stabbilit fil-jum tat-twettiq tal-irregolarità li tat lok għall-kreditu prinċipali, jew dan jista’ jiġi stabbilit biss fil-jum tal-ħlas tal-għajnuna jew tar-rilaxx tal-garanzija li jikkorrispondi għall-bidu tad-dekorrenza tal-kalkolu ta’ dawn l-interessi?

    4)

    Għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jitqies li kull att li jinterrompi l-preskrizzjoni fir-rigward tal-kreditu prinċipali jinterrompi wkoll il-preskrizzjoni għaddejja fir-rigward tal-interessi, anki jekk ma jsir ebda riferiment għalihom fl-atti li jinterrompu l-preskrizzjoni li jikkonċernaw il-kreditu prinċipali?

    5)

    Il-preskrizzjoni hija akkwistata permezz tal-iskadenza tat-terminu massimu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jekk, f’dan it-terminu, l-organu li jħallas jitlob ir-rimbors tal-għajnuna mħallsa indebitament, mingħajr ma jitlob fl-istess ħin il-ħlas tal-interessi?

    6)

    It-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, introdott fid-dritt nazzjonali fl-Artikolu 2224 tal-kodiċi ċivili permezz tal-Liġi Nru 2008-561, tas-17 ta’ Ġunju 2008, seta’ jissostitwixxi, għall-preskrizzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx akkwistati fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 4 snin previst mir-Regolament Nru 2988/95 b’applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament?”

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    22.

    Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Novembru 2015.

    23.

    Glencore, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu preskritt mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ssottomettew l-argumenti tagħhom fis-seduta li saret fid-9 ta’ Ġunju 2016.

    V – Evalwazzjoni

    A – Osservazzjonijiet preliminari

    24.

    Jidher xieraq li ssir preċiżazzjoni inizjali biex tgħinna nifhmu l-abbozzar (mhux xieraq wisq) tad-dispożizzjoni ewlenija ta’ din il-kawża, jiġifieri l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95. L-użu tat-termini “perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri” ( 15 ) fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jista’ jwassal għal żball. Għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jidher, dan ma jikkonċernax terminu ta’ preskrizzjoni tal-“proċeduri” bħala tali ( 16 ), iżda t-terminu li fih għandu jiġi eżerċitat id-dritt (f’dan il-każ, tal-Awtorità) sabiex jiġi rkuprat dak li ngħata indebitament lill-kumpannija benefiċjarja tal-fondi Ewropej.

    25.

    Il-preskrizzjoni estintiva, nerġa’ nirrepeti, hija mod ta’ estinzjoni tad-drittijiet (jew, jekk ikun mixtieq, tal-azzjonijiet, li jinvolvu biss it-trasferiment proċedurali tad-drittijiet) bħala riżultat tan-nuqqas ta’ attività tal-proprjetarju tagħhom għal ċertu perijodu ta’ żmien. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jimponi fuq l-Awtorità perijodu massimu ta’ erba’ snin (suxxettibbli għal interruzzjonijiet), minn meta titwettaq l-irregolarità, sabiex jiġu rkuprati l-ammonti rċevuti indebitament mill-operatur. Huwa preċiżament id-dritt li tintalab din l-integrazzjoni mill-ġdid dak li huwa estint, nirrepeti, jekk jgħaddu erba’ snin mingħajr ma jiġi eżerċitat.

    26.

    It-tieni osservazzjoni hija wkoll adattata. Jekk l-awtorità kompetenti tuża dawn l-erba’ snin sabiex taġixxi kontra l-irregolarità li allegatament twettqet, l-intervent tagħha jista’: a) jinterrompi t-terminu permezz ta’ kwalsiasi att ta’ investigazzjoni tal-każ li jillimita, bi preċiżjoni suffiċjenti, l-operazzjonijiet li jkun hemm suspetti ta’ irregolarità ( 17 ) fir-rigward tagħhom b’limitu massimu ta’ tmien snin sabiex tittieħed deċiżjoni ( 18 ); jew b) jiffoka fuq riżoluzzjoni jew deċiżjoni li tipprevedi miżura amministrattiva tal-Artikolu 4 jew waħda mill-penali previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95.

    27.

    It-tielet u l-aħħar osservazzjoni preliminari tiegħi tikkonċerna fatt li ġie diskuss waqt is-seduta u li, għalkemm ma huwiex dedott mid-digriet tar-rinviju, jista’ jkun rilevanti fl-eżitu ta’ din il-kawża: il-Gvern Franċiż ikkonferma b’mod inekwivoku li l-prattika tal-awtoritajiet tiegħu sas-sena 2010 kienet li ma jinġabrux interessi fil-każijiet ta’ rkupru tal-għajnuniet Komunitarji f’dan ir-rigward ( 19 ).

    B – Fuq l-ewwel domanda preliminari

    1. Osservazzjonijiet tal-partijiet

    28.

    It-tliet partijiet li ssottomettew allegazzjonijiet jipproponu b’mod unanimu risposta affermattiva għall-ewwel domanda preliminari.

    29.

    Glencore u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw li, fis-sentenza Pfeifer & Langen ( 20 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat, b’mod impliċitu iżda neċessarju ( 21 ), li meta jakkumulaw interessi taħt żewġ regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 22 ), it-terminu ta’ preskrizzjoni indikat fir-Regolament Nru 2988/95 japplika għall-ħlas tal-interessi tal-kreditu prinċipali.

    30.

    Skont il-Kummissjoni, mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li r-rekwiżit tal-interessi huwa wieħed mill-miżuri amministrattivi intiżi sabiex jinbdew proċeduri għal irregolarità. Il-ħlas tagħhom huwa pprovdut espressament fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni u jaffettwa l-interessi finanzjarji ta’ din.

    31.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi armonizzazzjoni minima sabiex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jiġux suġġetti għal perijodi ta’ preskrizzjoni iqsar minn dawk stabbiliti fih.

    2. Evalwazzjoni

    32.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk is-sentenza Pfeifer & Langen I ( 23 ) tistax tiġi interpretata a contrario sensu. Jekk iva, hija titlob li tingħata risposta għad-domandi l-oħra, peress li fil-kawża l-interessi jakkumulaw fuq il-bażi ta’ regoli settorjali tad-dritt tal-Unjoni.

    33.

    Fis-sentenza Pfeifer & Langen I, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet, fil-fatt, li r-Regolament Nru 2988/95 ma kienx applikabbli peress li, f’dak il-każ, l-interessi ma kinux akkumulaw skont regola tad-dritt tal-Unjoni, iżda skont regoli oħra tad-dritt nazzjonali. Huwa loġiku u prudenti, għalhekk, li l-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk, l-applikabbiltà tar-Regolament imsemmi għandhiex tiġi mifhuma a contrario sensu tal-imsemmija sentenza.

    34.

    Jiena naqbel mal-partijiet ta’ din il-proċedura li d-deduzzjoni proposta mill-qorti tar-rinviju hija korretta.

    35.

    Din il-konklużjoni, minn naħa waħda, hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2988/95 (l-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament jista’ jiżdied, jekk ikun applikabbli, bl-interessi) u, min-naħa l-oħra, fis-sentenza Pfeifer & Langen I, meta tirreferi għall-eżistenza possibbli ta’ leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni li tipprovdi għall-irkupru ta’ interessi ( 24 ). Fuq dawn tal-aħħar japplikaw ir-regoli tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-regolament. Barra minn hekk, minn perspettiva sistematika, dik l-istess sentenza ċċarat ( 25 ) li s-sistema ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 3 ma hijiex intiża li tirregola l-interessi akkumulati abbażi tad-dritt nazzjonali u mhux abbażi ta’ leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni.

    36.

    Għalhekk, l-istess sentenza Pfeifer & Langen I tinkorpora elementi fir-ratio decidendi tagħha li juru l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: jekk teżisti leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni skont liema għandhom jiġu imposti l-interessi (miżjuda mar-rimbors tal-ammonti rċevuti indebitament mill-operaturi mill-baġit tal-Unjoni), jirriżultaw applikabbli, fil-prinċipju, ir-regoli dwar il-preskrizzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95.

    37.

    Fl-applikazzjoni ta’ din il-premessa fil-kawża prinċipali, u peress li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u l-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92 jipprovdu għall-irkupru ta’ interessi (fl-ambitu tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli u tal-kontroll tal-użu jew id-destinazzjoni tal-prodotti minn intervent, rispettivament), mingħajr ma ebda wieħed minnhom jadotta regoli speċifiċi dwar il-preskrizzjoni, dan l-irkupru jibqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni ġenerali, jew trasversali, li huwa l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95.

    38.

    Konsegwentement, nissuġġerixxi li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 japplika għall-irkupru ta’ interessi akkumulati permezz tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u l-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92.

    C – Fuq it-tieni sal-ħames domanda preliminari

    1. Interpretazzjoni tad-domandi

    39.

    Permezz tat-tieni sal-ħames domanda preliminari tagħha, li jistgħu jingħataw risposta waħda għalihom kollha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, kif għandha tiġi applikata l-preskrizzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għall-irkupru tal-interessi fuq l-ammonti rċevuti indebitament, fil-kuntest tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u tal-intervent tal-prodotti agrikoli.

    40.

    Id-domandi jipprovdu, fil-parti l-kbira, argumenti tal-partijiet quddiem il-qorti tar-rinviju u jiffokaw fuq id-dies a quo għall-kalkolu ( 26 ) u l-effett li, fir-rigward tat-termini ta’ preskrizzjoni (kemm dak ġenerali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), tar-Regolament Nru 2988/95, kif ukoll dak straordinarju tar-raba’ subparagrafu tiegħu), seta’ jkollu l-fatt li t-talbiet għal rimbors ma inkludewx l-interessi ( 27 ).

    2. Osservazzjonijiet tal-partijiet

    41.

    Fir-rigward tad-dies a quo, Glencore temmen li, peress li l-kreditu relatat mal-interessi huwa aċċessorju għal dak tas-somma prinċipali, l-irkupru tal-interessi ma jsirx bħala riżultat ta’ irregolarità kontinwa jew ripetuta, skont it-tifsira tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar dan il-kunċett ( 28 ). Hija temmen, ukoll, li l-punt tat-tluq tal-preskrizzjoni jibda mill-jum li fih tkun saret l-irregolarità jew, alternattivament, il-jum li fih bdew jiddekorru l-interessi, iżda fl-ebda każ fid-data li ġew stabbiliti fiha, u lanqas f’dik li fiha jiġi rkuprat id-dejn ( 29 ).

    42.

    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ riferiment għall-interessi fit-talbiet għal rimbors, Glencore targumenta li l-att li fih intalab ir-rimbors tad-dejn prinċipali huwa nieqes mill-preċiżjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza ( 30 ) u jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jiġi dedott li dan jinkludi l-interessi, peress li ma kinux imsemmija. Fi kwalunkwe każ, fil-kawża prinċipali d-djun relatati mal-irkupru ta’ interessi diġà ġew preskritti minħabba li għaddew erba’ snin mit-talbiet għar-rimbors tad-djun prinċipali.

    43.

    F’dak li jirrigwarda t-terminu ta’ preskrizzjoni straordinarju ta’ tmien snin, Glencore tiżgura li s-sentenza Sodiaal International ( 31 ) irrisolviet il-kwistjoni billi kkonfermat li d-data ta’ skadenza indikata fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, tapplika wkoll għal miżura, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, mill-mument li fih kienet ġiet prevista minn regola settorjali tal-Unjoni. In-nuqqas ta’ aċċenn għall-interessi fit-talbiet għall-ammonti rċevuti indebitament wassal għad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni straordinarju meta FranceAgriMer talbithom tard wisq.

    44.

    Il-Gvern Franċiż isostni li, minħabba n-natura anċillari tal-interessi fir-rigward tal-prinċipal u peress li l-kawża ta’ dawn hija n-nuqqas ta’ ħlas tad-dejn prinċipali, il-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ dejn ta’ interessi jibda jiddekorri meta jitħallas id-dejn prinċipali. Barra minn hekk, peress li jipproduċi effetti b’mod kontinwu matul il-perijodu tan-nuqqas ta’ ħlas tad-dejn prinċipali, il-kreditu relatat mal-interessi jikkostitwixxi “irregolarità ripetuta” fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95.

    45.

    Huwa jargumenta li d-data tal-bidu tal-preskrizzjoni tal-kreditu relatat mal-interessi ma hijiex dik għad-dejn prinċipali, peress li f’dak iż-żmien ma jkunux għadhom akkumulaw interessi. Huwa jirrifjuta wkoll, fir-rigward tan-natura inseparabbli taż-żewġ djun, li jista’ jsir riferiment għas-sentenza Pfeifer & Langen II, li l-punt 51 tagħha rrefera biss għan-natura anċillari tad-dejn ta’ interessi fil-każ, separat minn dak ta’ hawnhekk, li dak prinċipali kien ġie preskritt.

    46.

    F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li ma tisseparax il-kreditu relatat mal-interessi mill-irregolarità li kkawżat id-dejn prinċipali, il-Gvern Franċiż jipproponi li l-ewwel wieħed jiġi kkunsidrat bħala forma ta’ deċiżjoni amministrattiva sanzjonatorja li ssostni d-dejn prinċipali. Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95, li jistabbilixxi t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni sanzjonatorja mill-jum li fih saret finali, u peress li Glencore ressqet, l-ewwel, quddiem il-qrati ż-żewġ deċiżjonijiet tal-każ u ħallsithom wara, il-perijodu ta’ preskrizzjoni tal-interessi jibda jiddekorri minn meta sar dak il-ħlas.

    47.

    Fid-dawl ta’ dan il-kriterju tal-aħħar, il-Gvern Franċiż jemmen li n-nuqqas ta’ riferiment għad-dejn ta’ interessi fit-talba tad-dejn prinċipali huwa irrilevanti, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dejn ta’ interessi f’din il-kawża kien għadu ma skadiex.

    48.

    Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jinvolvi l-preskrizzjoni tal-proċeduri mwettqa sabiex tiġi rrimedjata l-irregolarità, iżda, minkejja n-natura anċillari tal-kreditu relatat mal-interessi, dan tal-aħħar jibqa’ jkun suġġett ta’ azzjoni separata minn dik prinċipali. Hija żżid li, peress li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 jeħtieġ il-kalkolu tal-interessi għall-perijodu bejn il-ħlas tal-vantaġġ riċevut indebitament u r-rimbors tiegħu, il-kreditu relatat mal-interessi jista’ jkun meħtieġ biss effettivament mill-mument li fih l-awtorità kompetenti tkun irċeviet il-ħlas lura tal-ammont prinċipali dovut mill-operatur.

    49.

    Il-Kummissjoni taqbel mal-argument tal-Gvern Franċiż dwar in-natura kontinwa tal-kreditu relatat mal-interessi. U, fir-rigward tal-perijodu ta’ preskrizzjoni massimu tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, hija tindika li, fil-kawża preżenti, ma kienx skada, peress li beda jiddekorri mill-ħlas tad-dejn prinċipali ( 32 ).

    50.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-preżenza ta’ irregolarità kontinwa tal-kreditu relatat mal-interessi, il-Kummissjoni tenfasizza n-natura anċillari ta’ dan meta mqabbla ma’ dik tas-somma prinċipali, li jiġġustifika li l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni, minħabba l-proċeduri intiżi għall-irkupru tas-somma prinċipali, tipprovoka wkoll l-interruzzjoni ta’ dik relattiva għall-irkupru tal-interessi.

    3. Evalwazzjoni

    a) Fuq l-interessi u l-preskrizzjoni tagħhom skont ir-Regolament Nru 2988/95

    51.

    Fil-kuntest tar-Regolament Nru 2988/95, l-irkupru ta’ interessi ma jikkostitwixxix penali ( 33 ) u għandu għan doppju: minn naħa waħda, jipprovdi kumpens lill-Awtorità li ma setgħetx tagħmel użu mill-flus dovuti, li huma ekwivalenti għall-valur aġġornat tal-ammont irċevut indebitament mill-operatur; min-naħa l-oħra, telimina kull vantaġġ li dan l-operatur seta’ kiseb bħala l-benefiċjarju ta’ għajnuniet imħallsa żejda, li kien seħħ kieku dan il-ħlas żejjed ma kienx suġġett għall-interessi ( 34 ).

    52.

    Fir-rigward tal-istatus legali tal-kreditu relatat mal-interessi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza Pfeifer & Langen I, in-natura anċillari tiegħu fir-rigward tal-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament (is-somma prinċipali) ( 35 ). Ma għandniex ninsew, barra minn hekk, it-tieni fattur distintiv, jiġifieri, l-oriġini legali tiegħu meta l-irkupru tal-interessi kien previst f’leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni (għall-kuntrarju tal-azzjoni tal-interessi proprji tal-liġi komuni). Kif diġà għidt, f’dan il-każ, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u l-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92 espressament jipprovdu għat-talba tal-interessi.

    53.

    Dan l-obbligu, anċillari u ta’ oriġini legali, għandu, min-naħa tiegħu, korollarju doppju: a) jobbliga lill-Awtorità nazzjonali titlob l-interessi, għalkemm għall-kalkolu eżatt tagħhom hemm bżonn li jiġi mistenni r-rimbors tal-ammont miksub indebitament (biżżejjed li dan l-ammont jiġi mmultiplikat bir-rata korrispondenti u l-ħin li jkun għadda bejn il-pagament u r-rimbors); u b) jipprovdi ċertezza legali lill-operatur li jkun wettaq l-irregolarità, li jaf bil-quddiem l-obbligu mhux skużabbli tiegħu li jħallashom.

    54.

    Minħabba l-iskop tal-irkupru tal-interessi u n-natura legali tagħha, il-preskrizzjoni tal-azzjoni sabiex dawn jintalbu timxi b’mod parallel ma’ dik tal-azzjoni prinċipali li teżisti, jiġifieri, ir-rimbors tal-ammont irċevut indebitament mill-kontraventur.

    55.

    Madankollu, in-nota anċillari għandha limitu taħt is-sistema ta’ preskrizzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 li għandha tissemma issa, mingħajr preġudizzju għall-iżvilupp tagħha fil-kuntest tar-risposta għall-ħames domanda preliminari. Jekk, bħal ma ġara f’dan il-każ, l-Awtorità teżerċita biss, l-ewwel, l-azzjoni ta’ ħlas lura tas-somma prinċipali, il-kreditu relatat mal-interessi jista’ jiġi sseparat u jikseb ċerta awtonomija, għall-finijiet tal-preskrizzjoni tiegħu ( 36 ). Id-deċiżjonijiet jew miżuri adottati sabiex jinkiseb ir-rimbors tal-kreditu prinċipali huma suġġetti għall-perijodu pprovdut fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95 ( 37 ) (jew tal-liġi nazzjonali rilevanti), filwaqt li, fin-nuqqas ta’ talba speċifika għalihom, l-azzjoni tal-irkupru tal-interessi tibqa’ tkun suġġetta għall-preskrizzjoni straordinarja tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1), tal-istess regolament.

    56.

    L-applikazzjoni ta’ dan il-limitu ta’ żmien straordinarju għall-azzjoni ta’ rkupru ta’ interessi hija ġġustifikata minħabba li perijodu ta’ żmien ta’ dan it-tip huwa assolut, jiġifieri, japplika indipendentement mill-azzjonijiet li jkunu wasslu biex jibdew, inklużi dawk li jkunu interrompew il-preskrizzjoni. Jekk, wara tmien snin minn meta beda l-kreditu relatat mal-interessi, dawn l-azzjonijiet ma jkunux wasslu għal xi miżura jew penali ( 38 ), skont ir-regola jiġi kkunsidrat li tkun seħħet, eo ipso, il-preskrizzjoni tal-azzjoni sabiex jintalbu ( 39 ).

    b) Fuq id-dies a quo: Irregolarità kontinwa jew ta’ darba?

    57.

    Id-domanda tal-qorti tar-rinviju (il-kreditu relatat mal-interessi jirriżulta minn irregolarità kontinwa jew ripetuta?) tidher loġika f’dan l-istadju tal-analiżi, peress li, jekk tingħata risposta affermattiva, ikun japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1), tar-Regolament Nru 2988/95, li jalloka d-dies a quo għall-kalkolu tal-preskrizzjoni fil-mument li fih tkun intemmet l-irregolarità. Jekk tiġi aċċettata din it-teorija, l-azzjoni għat-talba tal-interessi ma tkunx ġiet preskritta f’din il-kawża.

    58.

    Madankollu, ma naħsibx, li n-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi jista’ jikkwalifika bħala irregolarità kontinwa jew ripetuta. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, irregolarità “kontinwa jew ripetuta”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandha tinftiehem bħala dik imwettqa minn operatur li jikseb vantaġġi ekonomiċi minn numru ta’ operazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 40 ).

    59.

    Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, hemm diversi raġunijiet favur risposta negattiva għad-domanda. L-ewwel, il-kreditu relatat mal-interessi ma jirriżultax direttament mill-ksur ta’ regola legali tal-Unjoni. L-irregolaritajiet li jirreferi għalihom it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huma sostantivi, jiġifieri, jirrappreżentaw ksur ieħor (kontinwu jew ripetut matul iż-żmien) tas-sistema materjali li tirregola l-għajnuniet. Permezz tat-twettiq ta’ dan il-ksur sostantiv, li permezz tiegħu l-operatur kontraventur irnexxielu jikseb indebitament vantaġġ ekonomiku, jinħoloq id-dmir ta’ rimbors tas-somma prinċipali u l-interessi, iżda n-nuqqas ta’ ħlas ta’ dawn tal-aħħar, fih innifsu, ma jikkostitwixxix ksur jew irregolarità ġdida.

    60.

    It-tieni, għalkemm huwa mixtieq li n-nuqqas ta’ ħlas tal-kapital u tal-interessi jinvolvi l-ksur ta’ obbligu legali, il-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-kontreventur ma jirriżultawx minn “sett ta’ operazzjonijiet simili”, u għalhekk il-kreditu relatat mal-interessi ma huwiex ir-riżultat ta’ diversi operazzjonijiet. Iż-żieda ta’ kuljum tiegħu maż-żmien tul in-nuqqas ta’ ħlas jirriżulta, kif diġà indikajt, min-natura kumpensatorja tiegħu tat-telf tal-valur nominali tal-ammont irċevut mill-kontraventur, li jeħtieġ aġġustamenti ta’ kuljum. Dak il-proċess ta’ kalkolu, fl-evoluzzjoni, ma jfissirx li l-operatur jikser l-istess regola tad-dritt tal-Unjoni kuljum, billi jwettaq kuljum azzjoni simili għal dik ta’ qabel.

    61.

    Għalhekk, ladarba titwarrab it-teorija tal-irregolarità kontinwa jew ripetuta, minn liema mument jibda jiddekorri t-terminu għall-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-Awtorità mmirata biex titlob l-interessi? Fir-rigward ta’ irregolaritajiet ta’ darba (bħal dawk f’dan il-każ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-twettiq tagħha jwassal għall-bidu tal-kalkolu ta’ jekk seħħitx azzjoni jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li jikser id-dritt tal-Unjoni u dannu, attwali jew potenzjali, għall-baġit tal-Unjoni ( 41 ). Bħala korollarju, din l-istess ġurisprudenza tikkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta jkunu seħħew kemm il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-dannu għall-baġit tal-Unjoni ( 42 ).

    62.

    Għall-Qorti tal-Ġustizzja, id-dies a quo ma għandux għalfejn jikkoinċidi mad-data li fiha l-Kummissjoni (jew, f’dan il-każ, l-awtorità nazzjonali kompetenti) skopriet l-iżball ( 43 ), iżda mal-ġurnata li fiha twettqet l-irregolarità.

    63.

    Mill-fatti tal-kawża ma jirriżultax b’mod ċar jekk il-ħlas tar-rifużjoni għall-esportazzjoni tax-xgħir u l-għajnuna għall-esportazzjoni tal-qamħ sarx qabel jew wara t-twettiq tal-ksur. Id-dies a quo għall-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-kreditu relatat mal-interessi jkun jew id-data tat-twettiq tal-ksur (jekk dan isir wara dik tal-ħlas tar-rifużjoni jew tal-għajnuna) jew inkella dik tal-ħlas (jekk dan isir wara l-ksur materjali), għaliex f’wieħed minn dawn il-mumenti biss twettqet l-irregolarità ( 44 ).

    64.

    Fil-fehma tiegħi, ir-rilaxx tal-garanzija (imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda tagħha) ma huwiex rilevanti biex jiġi stabbilit il-bidu tal-perijodu sabiex jintalbu l-interessi. Kif iddikjarat fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament 3665/87, “il-benefiċjarju għandu jirrimborsa l-ammonti rċevuti indebitament […] flimkien mal-interessi ikkalkolati skont iż-żmien li jkun għadda bejn il-ħlas u r-rimbors”. Ċertament li din id-dispożizzjoni, fl-inċiż b) tagħha tipprovdi regola ta’ kalkolu speċjali, iżda permezz tagħha ma jiġix introdott dies a quo ġdid: dan huwa biss sempliċi kriterju sabiex l-interessi jiġu kkonkretizzati fl-ipoteżi tal-kostituzzjoni ta’ garanziji ( 45 ).

    65.

    Fil-qosor, meta titwettaq kull waħda mill-irregolaritajiet jibdew jiddekorru t-terminu ta’ żmien għat-talba tad-dejn prinċipali u dak tal-preskrizzjoni tal-azzjoni sabiex jintalbu l-interessi, mingħajr ma, f’dan il-każ, tinstab irregolarità kontinwa jew ripetuta, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1), tar-Regolament Nru 2988/95.

    c) Fuq in-nuqqas ta’ talba għall-interessi

    66.

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf x’effett għandu fuq il-perijodu ta’ preskrizzjoni n-nuqqas ta’ aċċenn għall-interessi fit-talba għall-kreditu prinċipali. Ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari jsemmu, minn din il-perspettiva, kemm it-terminu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) (“terminu ġenerali” ta’ erba’ snin, jew iktar, jekk ikun stabbilit bil-liġi nazzjonali) tar-Regolament Nru 2988/95, kif ukoll ir-raba’ subparagrafu tiegħu (“terminu straordinarju” ta’ tmien snin).

    67.

    It-terminu ġenerali huwa intiż sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi ( 46 ), sabiex ikunu kapaċi jiddeterminaw liema mit-tranżazzjonijiet tagħhom saru finali u liema minnhom għadhom jistgħu jkunu suġġetti għal xi azzjoni kontra tagħhom ( 47 ). Ma nara ebda oġġezzjoni sabiex din il-ġurisprudenza tapplika għall-perijodu straordinarju, peress li tintroduċi massimu assolut li jirriżulta f’ċertezza legali ikbar.

    68.

    L-azzjoni sabiex jintalbu l-interessi fuq dejn, li tirriżulta mill-kisba ta’ għajnuna indebita mill-baġit tal-Unjoni, hija suġġetta, bħala prinċipju, għat-terminu ġenerali u s-sistema legali li tirregolah. Għalhekk, il-preskrizzjoni hija suxxettibbli għall-interruzzjonijiet potenzjali msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li l-effett tagħhom huwa li jibda jiddekorri perijodu ġdid ta’ erba’ snin wara kull interruzzjoni.

    69.

    F’din il-kawża, skont il-fatti msemmija fid-digriet tar-rinviju, fl-2001 (fir-rigward tax-xgħir) u l-2003 (fir-rigward tal-qamħ komuni), l-awtoritajiet doganali Franċiżi wettqu spezzjonijiet rispettivi. Jekk dawn l-ispezzjonijiet ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji (ikunu preċeduti min-notifiki xierqa, ikunu preċiżi biżżejjed sabiex jirregolaw l-irregolaritajiet rispettivi u ma jkollhomx natura sempliċement ġenerali) ( 48 ), li huwa kompitu tal-qorti tar-rinviju, dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala “proċeduri” skont it-tifsira tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. U, peress li t-tnejn li huma saru fil-perijodu ta’ preskrizzjoni ġenerali, interrompewh kemm fir-rigward tal-ħlas lura tad-dejn kif ukoll fir-rigward tal-ħlas tal-interessi, minħabba n-natura anċillari tagħhom fir-rigward tas-somma prinċipali.

    70.

    Fuq il-bażi tal-ħruġ tal-ordnijiet ta’ rkupru tal-2004 (għax-xgħir) u l-2005 (għall-qamħ komuni), seħħet interruzzjoni ġdida tal-perijodu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Jista’ jiġi argumentat jekk, minħabba n-natura ta’ dawk l-ordnijiet ta’ rkupru, ġietx interrotta biss il-preskrizzjoni tat-talba tal-krediti prinċipali, peress li dawn l-ordnijiet ma semmewx l-interessi. Iżda, fi kwalunkwe każ, dan id-dibattitu huwa irrilevanti, peress li qatt ma ttieħdet deċiżjoni dwar l-interessi fil-perijodu ta’ tmien snin (li bdew jiddekorru mit-twettiq tal-irregolarità), li kien il-limitu assolut impost mir-raba’ paragrafu tal-istess artikolu u paragrafu, kif diġà enfasizzajt fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    71.

    Il-premessa li l-azzjonijiet għandhom jiġu eżerċitati taħt piena ta’ preskrizzjoni hija perfettament valida għall-Awtorità pubblika, għalkemm id-drittijiet jew l-obbligi tagħhom għandhom bażi legali. L-awtoritajiet nazzjonali li, bħal fil-kawża prinċipali, ittraskuraw għal iktar minn tmien snin id-dmir tagħhom li jitolbu l-ħlas ta’ interessi, ma jistgħux imbagħad jitolbuhom sine die, kontra n-natura assoluta tal-perijodu straordinarju tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Dan ir-riżultat mhux biss jippreġudika ċ-ċertezza legali tal-operaturi, iżda jikser ukoll il-bilanċ, miksub mil-leġiżlatur fl-imsemmi regolament, bejn il-protezzjoni tal-finanzi tal-Unjoni u ċ-ċertezza legali li għandhom l-għan li jipproteġu.

    72.

    Huwa irrilevanti, f’din is-sitwazzjoni, li n-nuqqas ta’ talba tal-interess, kif irrikonoxxut mill-Gvern Franċiż waqt is-seduta, josserva ċerti linji gwida tal-politika nazzjonali, li baqgħu jeżistu sal-2010. Din il-figura tagħmel il-pożizzjoni proċedurali tiegħu saħansitra agħar, peress li dawn il-linji gwida jiksru l-obbligi, imposti mir-regolamenti settorjali, li tiġi rkuprata kemm is-somma prinċipali kif ukoll l-interessi akkumulati f’kull każ.

    73.

    L-Awtorità Franċiża ma setgħetx, għalhekk, wara li kkawżat din is-sitwazzjoni, tittrasferixxi r-responsabbiltà lill-operaturi ekonomiċi filwaqt li titlobhom, wara li jkun skada t-terminu straordinarju ta’ preskrizzjoni ta’ tmien snin (inklużi l-interruzzjonijiet li rreferejt għalihom iktar ’il fuq), li jħallsu interessi li hija stess kienet għażlet li ma titlobhomx mill-bidu.

    74.

    Il-ħtieġa ta’ attenzjoni professjonali fl-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi hija kompletament konformi, ukoll, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tenfasizza l-obbligu ġenerali ta’ diliġenza fil-verifika tar-regolarità tal-ħlasijiet li jsiru mill-baġit tal-Unjoni. Dan l-obbligu fil-fatt jirriżulta mill-obbligu usa’ tal-Artikolu 4(3) TUE, għall-Istati Membri, skont liema għandhom jiġu adottati l-miżuri “xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu”. Fost dawn tal-aħħar insibu dawk maħsuba sabiex jirrimedjaw l-irregolaritajiet ( 49 ), kif ukoll dawk li wasslu għall-ħlas tal-interessi, meta dan ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    75.

    Jekk wieħed jaċċetta li l-Istati Membri jistgħu jgawdu perijodu itwal minn dak stabbilit fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, sabiex jaġixxu rigward l-irkupru tal-interessi, dan jiffavorixxi, finalment, l-inerzja tal-awtoritajiet nazzjonali fit-talba ta’ dawk ikkawżati mill-irregolaritajiet, filwaqt li fl-istess ħin l-operaturi jiġu esposti għal perijodu estensiv u impreċiż ta’ inċertezza legali ( 50 ).

    76.

    Fil-qosor, jiena nemmen li, meta jiġu adottati l-miżuri ta’ implementazzjoniskont it-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, skont liema jintalab il-ħlas lura tad-dejn prinċipali, in-nuqqas ta’ aċċenn, f’dawn il-miżuri, tal-ħlas tal-interessi jikkawża li l-azzjoni ta’ rkupru ta’ dawn issir suġġetta għall-perijodu straordinarju ta’ preskrizzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament.

    D – Fuq is-sitt domanda preliminari

    1. Osservazzjonijiet tal-partijiet

    77.

    Għal Glencore, il-perijodu tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma għandux jiġi ssostitwit b’dak tal-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż, kif emendat bil-Liġi Nru 2008-561. Fil-fehma tagħha, ma hija issodisfatta ebda waħda mill-opzjonijiet aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri: a) li jeżisti terminu stabbilit fid-dritt nazzjonali għall-preskrizzjoni tar-rifużjoni ta’ għajnuniet Ewropej irċevuti indebitament (skont Glencore, dan l-artikolu tal-Kodiċi Ċivili Franċiż huwa regola ġenerali, mhux speċifika) ( 51 ); u b) il-preżenza ta’ prattika ġurisprudenzjali prevedibbli b’mod suffiċjenti, b’rabta mal-formulazzjoni ġdida ta’ dan l-artikolu ( 52 ).

    78.

    Glencore tallega, ukoll, li b’mod analogu, is-sottomissjoni tal-irregolaritajiet li seħħew fis-snin 1999 u 2000 għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin tal-Artikolu 2224 tal-Kodiċi ċivili Franċiż, introdott fl-2008, tkun kontra ċ-ċertezza legali.

    79.

    Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jaqblu li d-domanda għandha tingħata risposta affermattiva.

    80.

    Skont il-Gvern Franċiż, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa waħda, li, fil-mument li fih saru l-irregolaritajiet, l-Artikolu 2277 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż kien jipprovdi b’ terminu ta’ ħames snin għall-interessi kollha akkumulati fuq somom ta’ flus mislufa u, b’mod iktar ġenerali, fuq kull somma pagabbli tul is-snin, bħall-krediti relatati mal-interessi li huma s-suġġett ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, dan iqis li l-perijodu (ġdid) ta’ ħames snin tal-2008 jirrispetta d-dritt tal-Unjoni, u għalhekk l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jestendu t-termini tal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ( 53 ), u dan jirriżulta proporzjonat f’dan il-każ ( 54 ).

    81.

    Il-Kummissjoni targumenta li l-Istati Membri jistgħu japplikaw perijodi itwal li jkunu integrati fir-regoli tal-liġi komuni ( 55 ). Hija żżid li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-proroga tat-terminu ta’ preskrizzjoni u l-applikazzjoni immedjata tiegħu ma jiksrux id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jikkorrispondi għall-Artikolu 49 tal -Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 56 ). Hija tikkonkludi billi tiddikjara, fir-rigward taċ-ċertezza legali, li l-operaturi ekonomiċi ma jistax ikollhom aspettattiva leġittima li tinżamm, sitwazzjoni eżistenti, meta din tkun modifikabbli mid-deċiżjonijiet li jadottaw l-istituzzjonijiet fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom ( 57 ).

    2. Evalwazzjoni

    82.

    Permezz tas-sitt u l-aħħar domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk hemmx xi impediment fid-dritt tal-Unjoni għall-applikazzjoni fil-kawża prinċipali tal-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin tal-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż.

    83.

    Fid-dawl tar-risposta li ssuġġerejt għar-raba’ u l-ħames domanda, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin għandhom natura sempliċement sussidjarja, f’każ li fit-talba tal-interessi ma kienx hemm u ma dehritx miżura ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 2988/95.

    84.

    Skont l-Artikolu 3(3) tal-istess Regolament, is-sistema tat-tul tat-termini ta’ preskrizzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu takkwista natura supplimentari li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fis-sistemi legali tagħhom. Kif osservaw il-partijiet f’din il-proċedura, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jistabbilixxu perijodi ta’ preskrizzjoni itwal għall-irregolaritajiet li jikkawżaw ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, liema perijodi jistgħu jirriżultaw, ukoll, mil-liġi komuni u jseħħu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 ( 58 ), jew bħala riżultat ta’ żvilupp leġiżlattiv sussegwenti ( 59 ).

    85.

    Fir-rigward tal-liġi Franċiża, mill-osservazzjonijiet bil-miktub mibgħuta toħroġ ċerta kontradizzjoni bejn it-Tribunal administratif de Melun u l-Gvern Franċiż: dik tal-ewwel tikkontesta l-eżistenza, fil-mument meta seħħew il-fatti tal-kawża, ta’ regola fil-liġi tagħha li setgħet tissostitwixxi l-perijodu ta’ erba’ snin tar-Regolament Nru 2988/95, peress li dik komuni f’dak iż-żmien kienet ta’ tletin sena, liema perijodu ġie espressament miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala xieraq għal din is-sostituzzjoni ( 60 ); il-Gvern Franċiż isostni, għall-kuntrarju, li l-Artikolu 2277 tal-Kodiċi Ċivili, kien diġà jissuġġetta f’dak il-mument, għal terminu ta’ ħames snin, l-azzjonijiet kollha fuq l-interessi akkumulati fuq somom ta’ flus mislufa.

    86.

    Peress li din hija kwistjoni ta’ liġi nazzjonali, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huwa dak tal-qorti tar-rinviju, li ssib regola fis-sistema legali tagħha li jista’ jissostitwixxi b’mod adegwat iż-żmien ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95. Wieħed jista’ anki jistaqsi jekk hemmx taħt id-dritt Franċiż regola fid-dritt amministrattiv li tirregola t-termini ta’ preskrizzjoni tad-djun li l-individwi, inklużi l-operaturi ekonomiċi, jikkuntrattaw mal-Awtorità pubblika. Inkella, u fil-limiti tal-konsistenza proċedurali, il-qorti tar-rinviju għandha tinvestiga wkoll l-argument tal-Gvern Franċiż ippreżentat f’dan il-każ.

    87.

    Fi kwalunkwe każ, sa fejn iż-żewġ artikoli tal-Kodiċi Ċivili Franċiż (jiġifieri, dak li kien l-Artikolu 2277, fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew l-avvenimenti, u l-Artikolu l-ġdid 2224, li jissostitwixxi t-terminu komuni ta’ tletin sena) jipprovdu terminu ta’ ħames snin, nemmen li t-tnejn li huma jissodisfaw ir-rekwiżit tal-proporzjonalità. Is-sempliċi żieda ta’ sena, fir-rigward tat-terminu stipulat fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2988/95, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu kontra l-irregolaritajiet li jippreġudikaw il-finanzi tal-Unjoni (għal liema skop hemm it-tendenza tal-irkupru ta’ benefiċċji mħallsa żejda u l-irkupru tal-interessi li jakkumulaw), u lanqas ma ssaħħaħ l-inerzja ta’ dawn l-awtoritajiet fil-ġlieda kontra tali irregolaritajiet ( 61 ).

    88.

    F’dak li jikkonċerna ċ-ċertezza legali, ma naħsibx li jista’ jintlaqa’ l-argument li, jekk titneħħa l-prekrizzjoni ta’ tletin sena, l-applikazzjoni tat-terminu ġdid ta’ ħames snin tal-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż tikser dak il-prinċipju legali (it-teorija ta’ Glencore). Il-miżuri meħuda kontra l-irregolaritajiet misjuba, fir-rigward tal-għajnuniet għall-esportazzjoni tax-xgħir u l-qamħ komuni, seħħew fis-snin 2004 u 2005 ( 62 ), rispettivament, u interrompew fi kwalunkwe każ il-preskrizzjoni ta’ tletin sena li dak iż-żmien kienet fis-seħħ. Ladarba ntlaħaq ftehim dwarhom, il-miżuri ma baqgħux jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1, iżda fl-ambitu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95.

    89.

    Fil-fatt, huwa minn dakinhar li għandu jibda l-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet għall-irkupru tal-interessi (f’termini ta’ atti ta’ implementazzjoni tal-miżuri għall-irkupru tas-somma prinċipali), b’kunsiderazzjoni tal-fatturi kollha adattati sabiex dan jiġi interrott, bħall-kontestazzjoni amministrattiva u l-ħlas tas-somma prinċipali. F’dan ir-rigward, f’din il-kawża jirriżulta ( 63 ) li l-miżuri ġew appellati quddiem il-qorti amministrattiva Franċiża, li min-naħa tiegħu, interrompa l-perijodu ta’ preskrizzjoni għall-implementazzjoni tal-miżuri sal-2010, liema data fiha sar il-ħlas. F’dik is-sena diġà kienet applikabbli r-regola l-ġdida ta’ preskrizzjoni komuni tal-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż.

    90.

    Għaldaqstant, inqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-implementazzjoni tal-perijodi tal-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż għall-preskrizzjoni li tkun għadha ma skadietx fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 2008-561.

    VI – Konklużjoni

    91.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal administratif de Melun (Franza) kif ġej:

    “1)

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea japplika, għall-irkupru tal-interessi dovuti taħt il-miżuri adottati skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ restituzzjonijiet fuq l-esportazzjoni fuq prodotti agrikoli, u l-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3002/92, tas-16 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-verifika tal-użu u/jew destinazzjoni ta’ prodotti minn intervent.

    2)

    F’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, l-azzjoni sabiex jintalab il-ħlas tal-interessi għal kull wieħed miż-żewġ djun prinċipali:

    ma tirriżultax mill-irregolarità kontinwa jew ripetuta, skont it-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95; u

    tintemm permezz tal-preskrizzjoni, wara li jiskadi l-perijodu ta’ tmien snin previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, liema perijodu jibda jiddekorri mill-jum li fih titwettaq l-irregolarità li tiddetermina l-obbligu ta’ ħlas tad-dejn prinċipali.

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-perijodi ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 2224 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż għall-preskrizzjoni li ma tkunx għadha skadiet fil-jum tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 2008-561.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) “Die Klagverjährung gehört unter die wichtigsten und wohlthätigsten Rechtsinstitute”, f’System des heutigen römischen Rechts, vol. 5, Berlin, 1841, p. 272.

    ( 3 ) Regolament tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

    ( 4 ) ĠU L 351, p. 1.

    ( 5 ) B’isem pratikament identiku (ĠU 1999, L 102, p. 11).

    ( 6 ) Regolament tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Marzu 1997, li jemenda r-Regolament Nru 3665/87 u r-Regolament (KEE) Nru 3719/88 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni ta’ applikazzjoni għas-sistema ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni, ta’ esportazzjoni u ta’ stabbiliment minn qabel għall-prodotti agrikoli [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1997, L 77, p. 12).

    ( 7 ) ĠU 1992, L 301, p. 17.

    ( 8 ) ĠU 2009, L 305, p. 5.

    ( 9 ) ĠU 1996, L 104, p. 13.

    ( 10 ) Loi portant réforme de la prescription en matière civile (JORF Nru 141 tat-18 ta’ Ġunju 2008, p. 9856) (Liġi dwar ir-riforma tal-preskrizzjoni ċivili).

    ( 11 ) L-Uffiċċju Nazzjonali interprofessjonali taċ-ċereali, li ġie integrat minn FranceAgriMer, kien l-entità pubblika responsabbli għall-promozzjoni tal-koordinazzjoni bejn is-setturi tal-agrikoltura u dak forestali, għall-garanzija tal-għarfien u l-organizzazzjoni tas-swieq, kif ukoll tal-ġestjoni tal-għajnuniet pubbliċi nazzjonali u tal-Unjoni.

    ( 12 ) Dan l-ammont kien jinqasam f’EUR 60026.91 għall-ħlas lura tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, EUR 30013.46 ta’ penali li jikkorrispondu għal 50 % tar-rifużjoni u EUR 3893.48 bħala penalità bir-rata ta’ 15 %.

    ( 13 ) “Établissement national des produits de l’agriculture et de la mer”, aventi kawża tal-Uffiċċju nazzjonali interprofessjonali taċ-ċereali (ara n-nota 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 14 ) Minn dawn, EUR 263503.05 kienu jikkorrispondu għall-interessi fuq l-għajnuniet għall-qamħ u EUR 26066 għal dawk tax-xgħir.

    ( 15 ) Dan it-terminu tal-aħħar, barra minn hekk, jirriżulta ambigwu fi kwalunkwe waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi kkonsultati (“poursuites”, fil-verżjoni Franċiża; “proceedings”, f’dik Ingliża; “Verfolgung”, f’dik Ġermaniża; “azioni giudiziarie”, f’dik Taljana; “vervolging”, f’dik Olandiża; “procedimento”, f’dik Portugiża; u “vidta åtgärder”, f’dik Svediża) u possibbilment huwa preferibbli li jiġi sostitwit b’wieħed iktar konfomi mal-kuntest amministrattiv li jaqa’ taħtu r-Regolament.

    ( 16 ) Il-proċedimenti (jew proċeduri) ma humiex suġġetti għal termini ta’ preskrizzjoni, iżda għal termini ta’ skadenza.

    ( 17 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen (C‑52/14, iktar ’il quddiem “Pfeifer & Langen II”, EU:C:2015:381), punt 46.

    ( 18 ) Is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International (C‑383/14, EU:C:2015:541), estendiet, fil-punt 26 tagħha, l-applikazzjoni tal-perijodu ta’ skadenza tal-preskrizzjoni ta’ tmien snin tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) għall-miżuri amministrattivi fis-sens tal-Artikolu 4 tal-istess Regolament.

    ( 19 ) Fit-8 ta’ April 2010 FranceAgriMer bagħtet nota lill-operaturi kollha fis-settur, u infurmathom bil-bidla tal-politika tagħha dwar l-interessi.

    ( 20 ) Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, C‑564/10 (iktar ’il quddiem, “sentenza Pfeifer & Langen I”, EU:C:2012:190).

    ( 21 ) Jirreferu għall-punti 42 sa 47 u 50 tas-sentenza Pfeifer & Langen I.

    ( 22 ) L-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 3665/87 u l-Artikolu 5a tar-Regolament Nru 3002/92.

    ( 23 ) Skont din is-sentenza, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għall-irkupru tal-kreditu prinċipali, li jikkorrispondi għall-ħlas lura ta’ vantaġġ miksub indebitament mill-baġit tal-Unjoni, ma japplikax għall-interessi ġġenerati minn dan il-kreditu, meta ma jkunux akkumulaw permezz tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda skont obbligu maħluq biss mil-liġi nazzjonali.

    ( 24 ) Il-punt 42.

    ( 25 ) Fil-punt 50 tiegħu.

    ( 26 ) It-tieni u t-tielet domanda.

    ( 27 ) Ir-raba’ u l-ħames domanda.

    ( 28 ) Jirreferi għas-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2007, Vonk Dairy Products (C‑279/05, EU:C:2007:18), punt 41; u Pfeifer & Langen II, punt 52.

    ( 29 ) Isir riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Pfeifer & Langen II, punt 67, u dik tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export (C‑59/14, EU:C:2015:660), punt 27.

    ( 30 ) Isir riferiment għas-sentenza Pfeifer & Langen II, punt 40, u dik tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer (C‑278/02, EU:C:2004:388) punt 40.

    ( 31 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015 (C‑383/14, EU:C:2015:541).

    ( 32 ) Jiġifieri, is-6 ta’ April 2010, għall-għajnuniet irċevuti għall-esportazzjoni ta’ xgħir għall-birra, u s-27 ta’ Settembru 2010, għal dawk għall-esportazzjoni tal-qamħ.

    ( 33 ) Ara Killmann, B.-R. y Glaser, S., Verordnung (EG, EURATOM) Nr. 2988/95 über den schutz der finanziellen Interessen der Europäischen Gemeinschaften – Kommentar, NWN Neuer Wissenschaftlicher Verlag/Berliner Wissenschafts‑Verlag, Viena – Graz, 2011, p. 95.

    ( 34 ) F’din l-evalwazzjoni naqbel mal-Avukat Ġenerali Sharpston, fil-konklużjonijiet tal-kawża Pfeifer & Langen I (C‑564/10, EU:C:2012:38), il-punt 64.

    ( 35 ) Il-punt 48.

    ( 36 ) Il-kreditu relatat mal-interessi jgħaqqad karatteristiċi ta’ aċċessorjarità ma’ oħrajn ta’ awtonomija. Huwa aċċessorju sa fejn jippresupponi l-eżistenza ta’ dejn ta’ kapital, li jiġġenera interessi. Madankollu, ladarba jibda, jista’ jikseb dinamika separata li tippermettilu jkun is-suġġett ta’ ċerti azzjonijiet u tranżazzjonijiet legali, fil-marġni tad-dejn prinċipali (bħat-talba legali tiegħu, it-trasferiment tiegħu lil terzi, ir-rahan jew il-qbid tiegħu). Il-ħlas ta’ dan tal-aħħar ma jaffettwax l-interessi li jkunu akkumulaw, li jibqgħu jkunu dovuti, sakemm ma tkunx tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-kuntest il-maħfra impliċita tagħhom.

    ( 37 ) Is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International (C‑383/14, EU:C:2015:541), punt 33, estendiet, fil-kuntest litterali tagħha (li jirreferi għall-penali), l-applikazzjoni tal-perijodu massimu ta’ preskrizzjoni ta’ tmien snin tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar- Regolament Nru 2988/92 għall-miżuri tal-Artikolu 4 tiegħu.

    ( 38 ) Bl-eċċezzjoni li tkun ġiet sospiża permezz tal-ftuħ ta’ proċeduri kriminali, għall-istess fatti, kontra l-operatur, taħt it-termini tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li jirreferi għas-sistema tal-perijodu straordinarju.

    ( 39 ) Dan l-approċċ ma jmurx kontra, barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-kuntest tal-preskrizzjoni, iddikkjarat biss, għall-inqas s’issa, in-natura anċillari tal-kreditu relatat mal-interessi tas-somma prinċipali meta din tkun diġà ġiet preskritta. Ara s-sentenza Pfeifer & Langen I, paragrafu 51.

    ( 40 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Vonk Dairy Products (C‑279/05, EU:C:2007:18), punt 41.

    ( 41 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export (C‑59/14, EU:C:2015:660), punt 24.

    ( 42 ) Ibidem, il-punt 29 u l-parti operattiva tas-sentenza.

    ( 43 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2004, José Martí Peix vs Il‑Kummissjoni (C‑226/03 P; EU:C:2004:768), punti 25 u 26; u Pfeifer & Langen II, punt 67.

    ( 44 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export (C‑59/14, EU:C:2015:660), punt 26.

    ( 45 ) Fil-każ ta’ Glencore, wara li ġiet irrilaxxata l-garanzija, l-interessi għandhom jiġu kkalkulati mir-ritorn tagħha sal-jum qabel il-ħlas lura tal-ammont sħiħ tal-garanzija flimkien ma’ dawk l-interessi [l-Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament Nru 3665/87].

    ( 46 ) Sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer (C‑278/02, EU:C:2004:388), punt 40; u tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648), punt 68.

    ( 47 ) Sentenzi Pfeifer & Langen II, punti 24 u 64; u tat-3 ta’ Settembru 2015, Sodiaal International (C‑383/14, EU:C:2015:541), punt 30.

    ( 48 ) Sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer (C‑278/02, EU:C:2004:388), punt 40; u tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2009:648), punt 69.

    ( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia (C‑341/13, EU:2014:2230), punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 50 ) Ibidem.

    ( 51 ) Tiċċita s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading (C‑201/10 u C‑202/10, EU:2011:282), punti 46 u 53.

    ( 52 ) Ibidem, punti 29 u 33, kif ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia (C‑341/13, EU:2014:2230), punti 56 u 57.

    ( 53 ) Sentenzi tad-29 ta’ Lulju 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et (C‑278/07 sa C‑280/07, EU:2009:38), punt 42; tal-5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading (C‑201/10 u C‑202/10, EU:2011:282), punt 25; u tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia (C‑341/13, EU:2014:2230), punt 54.

    ( 54 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading (C‑201/10 u C‑202/10, EU:2011:282), punt 37.

    ( 55 ) Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et (C‑278/07 sa C‑280/07, EU:2009:38), punt 47.

    ( 56 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Tarico (C‑105/14, EU:2015:555), punt 57.

    ( 57 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1996, Lubella (C‑64/95, EU:1996:388), punt 31.

    ( 58 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia (C‑341/13; EU:2014:2230), punti 55 u 56, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 59 ) Ibidem, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 60 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Chambre de commerce y d’industrie de l’Indre (C‑465/10, EU:C:2011:867), punti 65 u 66, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 61 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia (C‑341/13, EU:2014:2230), punti 61 u 62.

    ( 62 ) Għalkemm fil-każ tal-qamħ komuni ġew irrappurtati l-miżuri ta’ Novembru 2005 f’Jannar 2006.

    ( 63 ) Fil-kummenti bil-miktub sottomessi minn Glencore, mingħajr ma ġew opposti mill-partijiet l-oħra.

    Top