Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0569

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 2017.
    X vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Applikazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(b)(i) – Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar – Persuna impjegata fi Stat Membru u li teżerċita attività mħallsa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor matul leave mingħajr ħlas ta’ tliet xhur.
    Kawża C-569/15.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:181

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

    Kawża C‑569/15

    X

    vs

    Staatssecretaris van Financiën

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Sigurtà soċjali – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Artikoli 13(2)(a) u 14(2)(b)(i) – Persuna impjegata normalment fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri – Impjegat fuq leave mingħajr ħlas ta’ tliet xhur li jwettaq attività bħala impjegat fi Stat Membru ieħor”

    Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn proċeduri pendenti quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) bejn X u s-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) rigward il-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali għall-2009.

    2.

    Il-qorti tar-rinviju titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt li jinsabu fl-Artikoli 13(2)(a) u 14(2)(b)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 2 ). B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk impjegat li jwettaq attività ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ tliet xhur matul leave mingħajr ħlas tiegħu għandux jitqies bħala persuna impjegata normalment fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri għall-iskop tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

    Il-kuntest ġuridiku

    3.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 fih id-definizzjonijiet li ġejjin ta’ “persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha”:

    “(a)

    persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

    kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;”

    4.

    L-Artikolu 13 ta’ dak ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14c u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

    2.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 14 sa 17:

    (a)

    ħaddiem impjegat fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri għandu jkun soġġett għal-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat saħansitra jekk ikun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew l-uffiċċju reġistrat jew tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegawh jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;”

    5.

    L-Artikolu 14(2)(b)(i) ta’ dak ir-regolament jipprovdi:

    “2.   Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

    […]

    (b)

    Persuna għajr dik li hemm referenza għaliha f(a) tkun suġġetta:

    (i)

    għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti;

    Il-fatti fil-kawża prinċipali

    6.

    X hija ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi li tgħix u taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    7.

    Hija ftiehmet mal-persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi biex bejn l-1 ta’ Diċembru 2008 u t-28 ta’ Frar 2009 hija tieħu leave mingħajr ħlas, taħt arranġament speċjali. Kien hemm qbil li l-kuntratt tax-xogħol tagħha kien se jibqa’ fis-seħħ u li hija kienet se tkompli taqdi d-doveri regolari tagħha fl-1 ta’ Marzu 2009.

    8.

    Matul il-perijodu tal-leave mingħajr ħlas tagħha X qagħdet l-Awstrija u kienet impjegata bħala għalliema tal-iskijjar minn persuna li timpjega stabbilita fl-Awstrija. Matul dawk ix-xhur, hija ma wettqet ebda xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    9.

    It-tilwima bejn X u s-Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-istima tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni soċjali imposti għas-sena 2009. B’mod partikolari, it-tilwima tiffoka fuq jekk f’Jannar u Frar tal-2009 X kinitx assigurata fuq bażi obbligatorja taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi u għalhekk kinitx obbligata li tħallas kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni nazzjonali.

    10.

    Il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (qorti tal-appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi), fl-appell kontra s-sentenza tar-Rechtbank Gelderland (qorti distrettwali, Gelderland) iddeċidiet li r-relazzjoni ta’ impjieg bejn X u l-persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi kompliet matul il‑perijodu tal-leave mingħajr ħlas u li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet tapplika wkoll matul ix-xahrejn inkwistjoni.

    11.

    X ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    12.

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-appell fuq punt ta’ liġi jqajjem il-kwistjoni rigward liema dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 tindika l-leġiżlazzjoni applikabbli f’Jannar u Frar 2009. Skont dik il-qorti, tista’ tkun jew ir-regola ġenerali ta’ kunflitt li tinsab fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dak ir-regolament jew ir-regola speċjali li tinsab fl-Artikolu 14(2)(b)(i) tiegħu, li tirreferi għal persuni normalment impjegati fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar. Peress li matul ix-xhur inkwistjoni X kienet effettivament impjegata esklużivament fl-Awstrija, jista’ jiġi argumentat li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka biss kienet tapplika għaliha. Iżda jista’ jiġi argumentat ukoll, kif fil-fatt iddeċidiet li tagħmel il-qorti tal-ewwel istanza, li hija kienet normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Awstrija. Dan jindika li tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

    13.

    Bħala konsegwenza, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk il-Pajjiżi l-Baxxi jistgħux jitqiesu bħala Stat Membru li fih X kienet impjegata normalment matul il-leave mingħajr ħlas tagħha, flimkien mal-impjieg tagħha fl-Awstrija. Skont id-dritt nazzjonali, hija kienet impjegata mill-persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perijodu rilevanti, għalkemm kienet fuq leave mingħajr ħlas u effettivament ma wettqet ebda xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi. Iżda tqum il-kwistjoni dwar jekk X għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li kienet impjegata “normalment” f’żewġ Stati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Kwistjoni oħra hija jekk il-post tal-impjieg għandux jiġi eżaminat tul perijodu itwal, pereżempju, għal kull sena kalendarja. Il-qorti tar-rinviju tosserva li medda ta’ żmien iqsar tirriżulta fi stima mill-ġdid frekwenti tas-sitwazzjoni ta’ assigurazzjoni u, potenzjalment, bidliet frekwenti tal-leġiżlazzjoni applikabbli, bil-piż amministrattiv assoċjat għall-persuna kkonċernata.

    Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14.

    Huwa fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq li l-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    It-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ħaddiem li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi li normalment jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’dan il-pajjiż li jieħu leave mingħajr ħlas ta’ tliet xhur għandu jitqies li jkun għadu, matul dan il-perijodu, jeżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi (ukoll) (i) jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jinżamm fis-seħħ matul dan il-perijodu u (ii) jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Werkloosheidswet (liġi dwar il-qgħad) Olandiża, dan il‑perijodu jitqies li huwa perijodu li matulu huma eżerċitati attivitajiet bħala persuna impjegata?

    (2)

    (a)

    Liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli konformement mar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 meta dan il-ħaddiem jeżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru ieħor matul il-leave mingħajr ħlas tiegħu?

    (2)

    (b)

    Il-fatt li l-ħaddiem ikkonċernat ikun eżerċita, matul perijodu ta’ madwar minn ġimgħa sa ġimagħtejn, attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru l-ieħor f’żewġ okkażjonijiet fis-sena sussegwenti u sussegwentement f’okkażjoni waħda matul kull waħda mit-tliet snin sussegwenti meta ma kienx b’leave mingħajr ħlas fil-Pajjiżi l-Baxxi jaffettwa r-risposta li għandha tingħata għad-domanda preċedenti?”

    15.

    Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata it-30 ta’ Ottubru 2015, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2015. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Gvern Ċek kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Kemm il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali matul is-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016.

    Analiżi

    16.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, jekk l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li tgħix u li hija impjegata fi Stat Membru wieħed (il-Pajjiżi l-Baxxi) li tieħu leave mingħajr ħlas għal tliet xhur sabiex twettaq attività ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor (l-Awstrija) hijiex ikkunsidrata bħala impjegata normalment f’żewġ Stati Membri matul dak il-perijodu.

    17.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tiddetermina liema leġiżlazzjoni hija applikabbli għal tali persuna skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71.

    18.

    Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ domandi huma marbutin flimkien. Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda kellha tkun fl-affermattiv u X titqies bħala impjegata normalment f’żewġ Stati Membri, hija tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tgħix fit-territorju tiegħu, il-Pajjiżi l-Baxxi, skont ir-regola ta’ kunflitt li tinsab fl-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71. Jekk, għall-kuntrarju, X kellha titqies li ma kinitx impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-leave mingħajr ħlas tagħha, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tkun applikabbli matul ix-xhur inkwistjoni.

    19.

    Il-kwistjoni tiddependi fuq jekk is-sitwazzjoni ta’ X fir-rigward tal-persuna li timpjegaha stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, matul il-perijodu ta’ leave mingħajr ħlas tagħha, tikkwalifikax bħala perijodu ta’ impjieg (normali) għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71.

    20.

    Il-pożizzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet ikkonċernati huma differenti fuq dan il-punt.

    21.

    Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jipproponu, għalkemm b’motivazzjoni kemxejn differenti, li X baqgħet impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perijodu tal-leave mingħajr ħlas tagħha. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsemmi l-fatt li l-kuntratt tax-xogħol tagħha ġie miżmum matul dak il-perijodu u li hija baqgħet assigurata bħala ħaddiema abbażi tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tippermetti trattament bħal dan għal massimu ta’ 78 ġimgħa ta’ leave mingħajr ħlas.

    22.

    Il-Kummissjoni tosserva li sempliċi sospensjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal perijodu ta’ żmien limitat ma tistax iċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-istatus tagħha bħala “persuna impjegata”. Il-fattur deċiżiv huwa li, minkejja dik is-sospensjoni, il-persuna tibqa’ koperta kontra r-riskji taħt skema tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ( 3 ).

    23.

    Il-Gvern Ċek għandu opinjoni opposta u jargumenta li perijodu ta’ leave mingħajr ħlas li matulu l-persuna kkonċernata ma twettaq ebda attività għall-persuna li timpjegaha stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u ma tirċievi ebda ħlas ma jistax jitqies bħala perijodu ta’ attività ta’ impjieg għall-finijiet tal-għażla tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Il-Gvern Ċek josserva wkoll li l-klassifikazzjoni ta’ dak il-perijodu skont id-dritt nazzjonali, bħala perijodu ta’ impjieg, ma għandhiex tinfluwenza dik il-konklużjoni.

    24.

    Nosserva li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li l-Artikoli 13 u 14 jiffurmaw parti minnu, jikkostitwixxu sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-iskop tagħhom huwa dak li jiġi żgurat li l-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni jkunu suġġetti għal sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn tkun applikabbli iktar minn sistema leġiżlattiva waħda, u biex jiġu evitati l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dik is-sitwazzjoni ( 4 ).

    25.

    Dan il-każ jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni taqax taħt ir-regola ġenerali ta’ kunflitt li tinsab fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 (lex loci laboris) jew taħt ir-regola speċjali tal-Artikolu 14(2)(b)(i) (lex domicilii) li hija applikabbli għal persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar.

    26.

    F’dak ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk X kinitx normalment impjegata kemm fl-Awstrija kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar.

    27.

    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-attività tagħha fl-Awstrija, ma nara ebda raġuni sostantiva li tista’ tipprekludi lil dik l-attività milli tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk kinitx normalment impjegata f’żewġ Stati Membri. B’mod partikolari, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, impjieg li jdum tliet xhur konsekuttivi bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala attività purament marġinali, li kieku jkollha tiġi injorata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Mill-fatti ta’ din il-kawża jidher li matul it-tliet xhur tal-leave mingħajr ħlas tagħha, X effettivament wettqet attività ekonomika esklużivament fl-Awstrija. Naturalment din l-attività ma tistax tiġi injorata matul l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt tar-Regolament Nru 1408/71.

    28.

    It-tieni nett, il-kwistjoni hija inqas ċara meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi jekk X żammitx attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-leave mingħajr ħlas tagħha, filwaqt li fir-realtà hija ma wettqet ebda attività f’dan l-Istat Membru matul dak il-perijodu.

    29.

    Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 1 tar-Regolament, li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu, jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “persuna impjegata” u “persuna li taħdem għal rasha”, fl-ewwel lok, billi jirreferi għal “kull persuna li għandha polza ta’ l-assigurazzjoni, bil-fors jew b’għażla fuq bażi kontinwa, għall-waħda jew iktar mill-kontinġenzi koperti mill-friegħi ta’ skema tas-sigurtà soċjali [rilevanti]”.

    30.

    Persuna jkollha status ta’ “persuna impjegata” skont it-tifsira tar-regolament sakemm dik il-persuna tkun koperta, anki fir-rigward ta’ riskju wieħed biss, b’mod obbligatorju jew volontarju, minn skema tas-sigurtà soċjali ġenerali jew speċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) ta’ dak ir-regolament, u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg ( 5 ).

    31.

    Fis-sentenza Dodl u Oberhollenzer ( 6 ), il-Qorti osservat li ma huwiex l-istatus tar-relazzjoni ta’ impjieg li jiddetermina jekk persuna tibqax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, iżda l-fatt li din tkun koperta kontra r-riskji taħt skema tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tiegħu. Is-sempliċi sospensjoni tal-obbligi prinċipali ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal perijodu ta’ żmien partikolari ma tistax iċċaħħad lill-impjegat mill-istatus tiegħu jew tagħha bħala “persuna impjegata” ( 7 ).

    32.

    Inqis li din il-ġurisprudenza – kif issuġġerit mill-Kummissjoni – hija rilevanti wkoll għal din is-sitwazzjoni.

    33.

    Ċertament, il-fatt li persuna hija koperta mill-iskema tas-sigurtà soċjali ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġi konkluż li din il-persuna normalment twettaq attività fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 14(2) teħtieġ ukoll l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg ( 8 ). Għalhekk, f’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk X żammitx l-attività tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-leave mingħajr ħlas tagħha, filwaqt li simultanjament eżerċitat attività separata fl-Awstrija, għandu jitqies, l-ewwel nett, jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħha baqgħetx fis-seħħ, pereżempju, jekk it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol tagħha kien biss sospiż b’mod temporanju u, t-tieni nett, jekk żammitx l-istatus tagħha bħala impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

    34.

    Fir-rigward tal-ewwel element, jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-relazzjoni ta’ impjieg bejn X u l-persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi kompliet matul il-perijodu ta’ leave mingħajr ħlas – kemm fil-fatt kif ukoll skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi – li huwa d-dritt applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni. Fir-rigward tat-tieni element, sa fejn X kienet tappartjeni għal fergħa tas-sistema tas-sigurtà soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perijodu rilevanti, hija żammet ukoll l-istatus tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala “persuna impjegata” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71, irrispettivament minn jekk effettivament wettqitx xi attività ekonomika matul dak il-perijodu ta’ żmien limitat. Minn dan isegwi li X għandha tiġi kkunsidrata bħala normalment impjegata f’żewġ Stati Membri għall-finijiet ta’ applikazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, minkejja s-sospensjoni temporanja tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħha f’wieħed minn dawk l-Istati Membri.

    35.

    Kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, id-dubji li jqumu f’dan il-każ joħorġu mill-fatt li X ingħatat leave speċjali, mingħajr ħlas, differenti mill-interruzzjonijiet tas-soltu ta’ attività ta’ impjieg, bħal ħin tax-xogħol limitat jew leave għal vaganza, fejn in-nuqqas ta’ ħidma temporanja ma jirriżultax direttament mill-kuntratt ta’ impjieg iżda minn ftehim speċjali li huwa previst fil-liġi tax-xogħol tal-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, inqis li, sakemm l-interruzzjoni tal-attività skont il-ftehim speċjali tibqa’ temporanja u l-persuna kkonċernata żżomm il-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, is-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ eżempji oħrajn iktar tipiċi tal-eżerċizzju ta’ żewġ attivitajiet simultanji f’żewġ Stati Membri, pereżempju, matul leave bi ħlas jew fi tmiem il-ġimgħa ( 9 ). Kieku X ħadet leave bi ħlas sabiex issegwi l-attività addizzjonali tagħha bħala għalliema tal-iskijjar fl-Awstrija matul il-perijodu inkwistjoni, dan kien ċertament jikkwalifika bħala impjieg f’żewġ Stati Membri. Nikkunsidra li l-istess konklużjoni għandha tintlaħaq f’din is-sitwazzjoni, fejn X kienet fuq leave mingħajr ħlas, peress li l-kuntratt tax-xogħol tagħha kien sospiż temporanjament biss u hija baqgħet koperta mill-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    36.

    Fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni proposta hija konsistenti mal-għan tar-regoli fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li huma intiżi sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, għaldaqstant, anki sabiex jinkoraġġixxu l-interpenetrazzjoni ekonomika filwaqt li jiġu evitati kumplikazzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari għall-ħaddiema u l-impriżi ( 10 ).

    37.

    F’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-regola ġenerali ta’ kunflitt, (lex loci laboris) timplika li s-sitwazzjoni ta’ X kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, ħlief għal xahar wieħed fl-2008 u xahrejn fl-2009, meta hi kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka. Fil-fehma tiegħi, dak l-eżitu ma jkunx konsistenti mal-għan tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71.

    38.

    Bidliet frekwenti tal-leġiżlazzjoni applikabbli jimplikaw piżijiet amministrattivi addizzjonali. Għalhekk, minkejja li f’dan il-każ X għażlet li tikkontesta l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi matul il-leave mingħajr ħlas tagħha, nemmen li, f’ħafna sitwazzjonijiet, ikun preferibbli għal ħaddiem migrant, b’kunsiderazzjoni tal-passi amministrattivi żejda involuti, li dan jibqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed. Din hija wkoll il-fehma ffavorita b’mod qawwi mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni.

    39.

    Finalment, bħala kunsiderazzjoni purament sussidjarja, nosserva li dik l-interpretazzjoni taqbel ukoll mad-definizzjoni ta’ persuna li “normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar” introdotta fir-Regolament Nru 883/2004, li, għalkemm ratione temporis mhux applikabbli għal dan il-każ, hija istruttiva sa fejn tipprova tikkonsolida l-prattika preeżistenti. B’mod partikolari, din id-definizzjoni tirreferi għal persuna “li simultanjament, jew b’alterazzjoni, għall-istess impriża jew persuna li tħaddem jew għal bosta impriżi jew persuni li jħaddmu, teżerċita attività waħda jew aktar separatament f’żewġ Stati Membri jew aktar” ( 11 ).

    40.

    Fid-dawl ta’ dawk ir-raġunijiet kollha, inqis li, peress li l-leave mingħajr ħlas implika biss sospensjoni temporanja tal-prestazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li X baqgħet koperta mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi, hija għandha titqies li żammet l-istatus tagħha bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Is-sitwazzjoni tagħha mill-1 ta’ Diċembru 2008 sat-28 ta’ Frar 2009 għalhekk tkun irregolata mill-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, li jindika l-applikazzjoni ta’ lex domicilii, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    41.

    Sabiex tingħata risposta għad-domanda 2(b) ifformulata mill-qorti tar-rinviju, nirrimarka li peress li X għandha, b’mod ċar, tiġi kkunsidrata bħala li kienet normalment impjegata fl-Awstrija matul il-perijodu inkwistjoni, huwa irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ jekk kinitx impjegata fl-Awstrija matul is-snin ta’ wara wkoll jew le.

    42.

    B’kuntrast mas-sitwazzjonijiet ikkunsidrati fil-ġurisprudenza ċċitata mill-qorti tar-rinviju ( 12 ), X kienet simultanjament impjegata f’żewġ Stati Membri minn żewġ persuni li jimpjegaw differenti. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jitqies il-limitu temporali ta’ 12‑il xahar fir-rigward tal-kollokament temporanju ta’ impjegati, u lanqas li jiġi analizzat jekk l-impjieg tagħha fl-Awstrija kienx “temporanju”.

    43.

    44.

    Nixtieq nintroduċi riżerva finali waħda.

    45.

    Ir-regoli ta’ kunflitt li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 ma humiex biss intiżi sabiex jippermettu l-prinċipju ta’ Stat uniku, iżda wkoll sabiex jiżguraw li l-ħaddiem migrant jibqa’ kopert kompletament minn sistema ta’ sigurtà soċjali waqt li jwettaq attività f’żewġ Stati Membri jew iktar.

    46.

    F’dan ir-rigward, kif diġà enfasizzajt fl-okkażjoni ta’ kawża preċedenti ( 13 ), f’sitwazzjonijiet marġinali – bħal dan il-każ – għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-benefiċċji mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru rilevanti, sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma teskludix lill-persuna kkonċernata mill-protezzjoni mogħtija mill-fergħat fundamentali tas-sigurtà soċjali. Kieku l-livell ta’ protezzjoni disponibbli taħt dik il-leġiżlazzjoni kien manifestament inadegwat, din il-kunsiderazzjoni kien ikollha titqies fid-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. B’mod partikolari, jista’ jkun xieraq li tiġi sospiża temporanjament l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni stabbilita skont ir-regoli ta’ kunflitt u li tiġi applikata l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, li tipprovdi l-protezzjoni adegwata.

    47.

    Madankollu, dawk il-kunsiderazzjonijiet finali ma jidhrux li huma applikabbli għal dan il-każ, peress li l-Gvern Olandiż ikkonferma waqt is-seduta li X baqgħet koperta mill-fergħat rilevanti kollha tas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi matul il-leave mingħajr ħlas tagħha.

    48.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkunsidra li l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, persuna residenti u impjegata fi Stat Membru wieħed li tieħu leave mingħajr ħlas għal tliet xhur sabiex twettaq attività ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor għal persuna li timpjega oħra titqies bħala impjegata normalment f’żewġ Stati Membri matul dak il-perijodu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Tali persuna, skont dik id-dispożizzjoni, hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza.

    Konklużjoni

    49.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi):

    L-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, persuna residenti u impjegata fi Stat Membru wieħed li tieħu leave mingħajr ħlas għal tliet xhur sabiex twettaq attività ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor għal persuna li timpjega oħra titqies bħala impjegata normalment f’żewġ Stati Membri matul dak il-perijodu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Tali persuna tkun, skont dik id-dispożizzjoni, suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit, mill-1 ta’ Mejju 2010, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Madankollu, jibqa’ applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

    ( 3 ) B’referenza għas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, EU:C:2005:364, punti 31 u 34).

    ( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994, Van Poucke (C‑71/93, EU:C:1994:120, punt 22).

    ( 5 ) Sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 36), u tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 21).

    ( 6 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005 (C‑543/03, EU:C:2005:364).

    ( 7 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, EU:C:2005:364, punt 31). Ara wkoll il-punt 12 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, EU:C:2005:112).

    ( 8 ) Ara, fir-rigward ta’ espressjoni simili fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004, Fuchs M./Cornelissen R., EU social security law: a commentary on EU Regulations 883/2004 and 987/2009, Oxford Hart 2015, p. 177.

    ( 9 ) Ara, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet analogi li jinsabu fl-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament Nru 883/2004, Gwida prattika dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Unjoni Ewropea (UE), fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fl-Isvizzera (Il-Kummissjoni Ewropea, 2013), p. 24-25. Għandu jitfakkar li, skont id-dikjarazzjoni, il-gwida prattika tħejjiet mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali, magħmula minn rappreżentanti tal-Istati Membri, u hija maħsuba sabiex tipprovdi strument prattiku li jassisti d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli, iżda mhux neċessarjament tixhed il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni.

    ( 10 ) Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Manpower (35/70, EU:C:1970:120, punt 10), u tad-9 ta’ Novembru 2000, Plum (C‑404/98, EU:C:2000:607, punt 19). Ara wkoll, b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-qorti suprema Pollakka, Ślebzak, K., Koordynacja systemów zabezpieczenia społecznego, LEX Wolters Kluwer, Varsavja, 2012, p. 242.

    ( 11 ) Ara l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009 L 284, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 (ĠU L 149, p. 4) jipprovdi: “5. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, persuna li ‘normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar’ għandha tirreferi għal persuna li simultanjament, jew b’alterazzjoni, għall-istess impriża jew persuna li tħaddem jew għal bosta impriżi jew persuni li jħaddmu, teżerċita attività waħda jew aktar separatament f’żewġ Stati Membri jew aktar”.

    ( 12 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑115/11, EU:C:2012:606, punti 35-37).

    ( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fi Franzen et (C‑382/13, EU:C:2014:2190, punti 89-90).

    Top