EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0536

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fid-9 ta’ Novembru 2016.
Tele2 (Netherlands) BV et vs Autoriteit Consument en Markt (ACM).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/22/KE – Artikolu 25(2) – Servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorji – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 12 – Direttorji tal-abbonati – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali li tikkonċerna l-abbonati għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u servizzi ta’ direttorju – Kunsens tal-abbonat – Distinzjoni skont l-Istat Membru li fih is-servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorju jiġu pprovduti – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
Kawża C-536/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:845

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-9 ta’ Novembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑536/15

Tele2 (Netherlands) BV,

Ziggo BV,

Vodafone Libertel BV

vs

Autoriteit Consument en Markt (ACM)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil‑qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/22/KE — Artikolu 25(2) — Servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon u ta’ direttorji — Direttiva 2002/58/KE — Artikolu 12 — Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali tal-abbonati sabiex tiġi ppubblikata f’direttorju tat-telefon jew sabiex tintuża minn servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon — Forma u modalitajiet tal-kunsens tal-abbonat — Distinzjoni skont l-Istat Membru li fih is-servizz ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon huwa mogħti — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

I – Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) tistieden għal darb’oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l‑impriżi li jagħtu numri ta’ telefon lill-abbonati għandhom jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon id-data personali tal-abbonati tagħhom.

2.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu 25(2) tad‑Direttiva 2002/22/KE ( 2 ) jipprekludix lill‑imsemmija impriżi milli jagħmlu, meta jiġbru l-kunsens tal-abbonati għall‑finijiet tal‑pubblikazzjoni tad-data tagħhom f’direttorju annwali tat-telefon jew tal-użu tagħhom minn servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon, distinzjoni skont l-Istat Membru li fih is-servizz tad-direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon huwa mogħti.

3.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joriġina mit-talba għal tqegħid għad-dispożizzjoni magħmula mill-impriża Belġjana European Directory Assistance (iktar ’il quddiem “EDA”), li toffri servizzi ta’ direttorji u ta’ tagħrif dwar it‑telefon aċċessibbli fit-territorju Belġjan, lil Tele2 (Netherlands) BV (iktar ’il quddiem “Tele2”), Ziggo BV (iktar ’il quddiem “Ziggo”) u Vodafone Libertel BV (iktar ’il quddiem “Vodafone”), tliet impriżi li jagħtu numri tat-telefon fil-Pajjiżi l-Baxxi. Peress li dawn tal-aħħar irrifjutaw li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-EDA d-data relatata mal-abbonati tagħhom, din ressqet talba għal riżoluzzjoni ta’ tilwima quddiem l‑Autoriteit Consument en Markt [Awtorità tal-konsumaturi u tas-swieq (ACM)], bħala awtorità regolamentarja nazzjonali.

4.

L-ACM, wara li kkonsultat mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), talbet b’mod partikolari lil Tele2, Ziggo u Vodafone sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-EDA d‑data bażika relatata mal-abbonati tagħhom (isem, indirizz, kodiċi postali, post ta’ residenza, numru ta’ telefon) skont termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati mal-ispejjeż u mhux diskriminatorji sa fejn EDA timpenja ruħha li tuża din id-data għall‑finijiet tat-tqegħid fis-suq ta’ servizz standard ta’ tagħrif dwar it‑telefon.

5.

L-ACM iddeċidiet ukoll li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma jippermettix, kuntrarjament għall-opinjoni mogħtija mill-Awtorità tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-protezzjoni tad-data personali, li ssir distinzjoni skont jekk it-talba sabiex l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni saritx minn fornitur mill-Pajjiżi l-Baxxi jew minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor u għalhekk ċaħdet l-idea li kien meħtieġ li jintalab il-kunsens speċifiku tal-abbonati mill-Pajjiżi l-Baxxi meta d-data tiġi inkluża f’direttorji tat-telefon standard barranin.

6.

Tele2, Ziggo u Vodafone għalhekk ressqu rikors kontra d‑deċiżjonijiet tal-ACM quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil‑qasam ekonomiku).

7.

Din tistaqsi, b’mod partikolari, dwar jekk l-Artikolu 25(2) tad‑Direttiva “Servizz Universali” u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fl-imsemmija dispożizzjoni, jippermettix li ssir distinzjoni, fit-talba għal kunsens, bejn it-talbiet sabiex l‑informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni magħmula mill-fornituri mill-Pajjiżi l-Baxxi u dawk magħmula mill-fornituri stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra tal‑Unjoni.

8.

Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku) għalhekk iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva [Servizz Universali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘talbiet’ jinkludi wkoll it-talba magħmula minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li titlob informazzjoni għall-finijiet ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji tat-telefon disponibbli għall-pubbliku offruti f’dan l-Istat Membru u/jew fi Stati Membri oħra?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jippermetti lill-fornitur li jipprovdi l-użu ta’ numri tat-telefon, marbut bil-leġiżlazzjoni interna li jitlob il-kunsens tal-abbonat sabiex ikun inkluż f’direttorji tat-telefon standard u f’servizzi standard ta’ tagħrif dwar it-telefon, li jagħmel, fit-talba għal kunsens, distinzjoni abbażi tal-Istat Membru li fih l-impriża, li titlob informazzjoni skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva [Servizz Universali], toffri d‑direttorju tat-telefon u s-servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon?”

9.

F’dawn il-Konklużjonijiet, ser nillimita l-analiżi tiegħi għat-tieni domanda. Fil-fatt, hija biss toffri diffikultà ġuridika li tirrikjedi eżami fil-fond, filwaqt li l-punti ta’ risposta għall-ewwel domanda jistgħu jinstabu fil-kliem tal-Artikoli 5 u 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”.

10.

Fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, għalhekk ser niżviluppa r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE ( 3 ), li bilfors għandu jissemma, jipprekludu, fil-prinċipju, li impriża li saritilha talba sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni data personali tal-abbonati tagħha tagħmel, meta hija tiġbor il-kunsens ta’ dawn tal-aħħar, distinzjoni skont l-Istat Membru li fih is-servizzi ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon huma offruti.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva “Servizz Universali”

11.

Il-premessa 11 tad-Direttiva “Servizz Universali” tistabbilixxi:

“(11)

Is-servizzi ta’ informazzjoni tad-direttorju u ta’ konsultazzjoni tad-direttorju jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-aċċess għal servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament u jiffurmaw parti mill-obbligu ta’ servizz universali. L-utenti u l-konsumaturi jixtiequ direttorji komprensivi u servizz ta’ konsultazzjoni tad‑direttorju li jkopru l-abbonati kollha elenkati tat-telefon u n‑numri tagħhom […]. Id‑Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar l‑ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis‑settur tat-telekomunikazzjonijiet […] tassigura d-dritt ta’ l‑abbonati għall-privatezza fir-rigward ta’ l-inklużjoni ta’ l‑informazzjoni personali tagħhom f’direttorju pubbliku.”

12.

L-Artikolu 25 tad-Direttiva “Servizz Universali” intitolat “Servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju tat-telefon”, jipprovdi dan li ġej:

“[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jassigiraw li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha li jagħmlu disponibbli għall-iskopijiet tal-forniment ta’ konsultazzjoni tad-direttorji pubblikament disponibbli u direttorji, l‑informazzjoni kollha relevanti f’format miftiehem fuq termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati ma’ l-ispejjeż u mhux diskriminatorji.

[…]

4.   L-Istati Membri m’għandhomx iżommu xi restrizzjonijiet regolatorji li jipprevjenu lill-utenti finali fi Stat Membru wieħed milli jaċċessaw direttament is-servizz ta’ konsultazzjoni tad-direttorju fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ sejħiet bil-vuċi jew SMS, u għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw tali aċċess f’konformità mal-Artikolu 28.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw suġġett għar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien tad-data personali u l‑privatezza u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tad-[Direttiva dwar “il‑privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”].”

2. Id-Direttiva dwar “il‑privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”

13.

Il-premessi 38 u 39 tad-Direttiva dwar “il‑privatezza u l‑komunikazzjoni elettronika” jipprovdu dan li ġej:

“(38)

Id-direttorji ta’ abbonati ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma distribwiti b’mod wiesa’ u pubbliku. Id-dritt ta’ privatezza ta’ persuni naturali u l-interess leġittimu ta’ persuni legali jitolbu li l-abbonati jistgħu jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom jiġux ippubblikati f’direttorju u jekk iva, liema. Providituri ta’ direttorji pubbliċi għandhom jinfurmaw lill‑abbonati li ser jiġu inklużi f’tali direttorji dwar l-iskop tad‑direttorju u dwar kull użu partikolari li jista jsir minn verżjonijiet elettroniċi ta’ direttorji pubbliċi, partikolarment permezz ta’ funzjonijiet ta’ tfittxija inkorporati fis-software, bħal funzjonijiet ta’ tfittxija b’lura li jippermettu lil utenti tad‑direttorji li jiskopru l-isem u l-indirizz ta’ l-abbonat fuq il‑bażi ta’ numru tat-telefon biss.

(39)

L-obbligu li abbonat jiġi infurmat dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorji pubbliċi li fihom għandhom jiġu inklużi d-data personali tagħhom għandu jiġi impost fuq il-persuna li qed tiġbor id-data għal din l-inklużjoni. Fejn id-data jistgħu jiġu trasmessi lil terza persuna jew aktar, l-abbonat għandu jiġi infurmat dwar din il‑possibbilità u dwar ir-riċevent jew il-kategoriji ta’ riċeventi possibbli. Kull trasmissjoni għandha tkun soġġetta għall‑kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura. Jekk il-persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġew trasmessi d-data, jixtieq juża d-data għal skop addizzjonali, għandu jinkiseb il-kunsens imġedded ta’ l-abbonat jew mill-parti inizjali li tiġbor id-data jew mit-terza persuna li lilha tkun ġiet trasmessa id-data”.

14.

Barra minn hekk, l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Direttorji ta’ l-abbonati”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati huma infurmati, mingħajr ħlas u qabel ma jiġu inklużi f’direttorji, dwar l‑iskop(ijiet) ta’ direttorju stampat jew elettroniku ta’ l-abbonati disponibbli għall-pubbliku jew li jista’ jiġi akkwistat minn servizz ta’ talbiet tad-direttorju, li fihom id-data personali tagħhom jistgħu jiġu inklużi u dwar possibilitajiet ta’ użu ulterjuri bbażati fuq funzjonijiet ta’ tfittxija inkorporati fil-verżjonijiet elettroniċi tad-direttorju.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbonati jingħataw l‑opportunità li jiddeterminaw jekk id-data personali tagħhom humiex inklużi f’direttorju pubbliku, u jekk iva, sa fejn tali data huma rilevanti għall-iskopijiet tad-direttorju kif determinat mill-provditur tad‑direttorju, u li jivverifikaw, jikkoreġu jew jirtiraw din id-data. Għandu jkun mingħajr ħlas li wieħed ma jkunx inkluż f’direttorju ta’ l‑abbonati, kif ukoll, li tkun ivverifikata, ikkoreġuta jew irtirata d-data personali minnu.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li għal kull skop ta’ direttorju pubbliku minbarra t-tfittxija ta’ dettalji tal-kuntatt ta’ persuni fuq il-bażi ta’ isimhom u, fejn meħtieġ, minimu ta’ identifikaturi oħrajn, jista’ jintalab kunsens ulterjuri ta’ l-abbonati.

[…]”

B – Il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi

15.

Skont l-Artikolu 1.1(e) tal-Besluit universele dienstverlening en eindgebruikersbelangen (digriet dwar is-servizz universali u l-interessi tal-utenti finali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali ( 4 ):

“[S]ervizz standard ta’ tagħrif dwar it-telefon huwa servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon aċċessibbli għall-pubbliku li ma jippermettix li jsir tiftix ta’ numri tat-telefon ħlief jekk data dwar l-isem titqabbel ma’ data dwar l-indirizz, in-numru tad-dar, il-kodiċi postali jew il-post ta’ residenza tal-abbonat.”

16.

L-Artikolu 3.1 tal-Bude, li jittrasponi l-Artikolu 25(2) tad‑Direttiva “Servizz Universali”, jipprovdi dan li ġej:

“Fornitur li jassenja numri tat-telefon għandu jissodisfa t-talbiet raġonevoli kollha li jagħmel disponibbli, għall-iskopijiet tal-provvista ta’ direttorji tat-telefon disponibbli għall-pubbliku u ta’ servizzi ta’ tagħrif fuq l-abbonati disponibbli għall-pubbliku, informazzjoni rilevanti, f’format miftiehem u skont termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati mal-ispejjeż u mhux diskriminatorji.”

17.

Skont l-Artikolu 3.2 tal-Bude:

“1.   Fornitur tas-servizz telefoniku disponibbli għall-pubbliku li, qabel jew fil-mument ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ma’ utent, jitolbu ismu u l-indirizz tiegħu (triq u numru, kodiċi postali u lokalità), għandu jitolbu wkoll jekk jagħtix il-kunsens tiegħu sabiex din it-tip ta’ data personali u n‑numri tat-telefon li jkun assenja jidhru f’kull direttorju tat-telefon standard u f’kull bażi ta’ abbonati użat għall-finijiet ta’ servizz standard ta’ tagħrif fuq l-abbonati. Il-kunsens imsemmi fil-frażi preċedenti jintalab separatament għal kull tip ta’ data personali.

2.   L-imsemmi kunsens jikkostitwixxi informazzjoni rilevanti fis‑sens tal-Artikolu 3.1.

3.   Fornitur tas-servizz telefoniku disponibbli għall-pubbliku li jitlob ukoll kunsens għall-inklużjoni f’direttorju tat-telefon ieħor minbarra d-direttorju tat-telefon standard jew f’bażi ta’ abbonati mhux esklużivament użat għall-finijiet tas-servizz standard ta’ tagħrif dwar l‑abbonati għandu jiżgura li l-mod li bih il-kunsens imsemmi fil‑paragrafu 1 huwa mitlub u fil-forma li fih jintalab ikunu tal-inqas ekwivalenti għall-mod li bih il-kunsens inizjali msemmi f’dan il‑paragrafu huwa mitlub u fil-forma li fih jintalab.”

III – Analiżi

18.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 25(2) tad‑Direttiva “Servizz Universali”, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li għalih jagħmel riferiment, jipprekludix li impriża adita minn talba sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni data personali tal-abbonati tagħha, tagħmel, waqt li tiġbor il-kunsens ta’ dawn tal-aħħar, distinzjoni skont l-Istat Membru li fih huwa mogħti s-servizz ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon.

19.

Fi kliem ieħor, meta t-talba ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(2) tad‑Direttiva Servizz Universali ssir minn operatur ta’ tagħrif u/jew ta’ direttorji tat-telefon li joffri s-servizzi tiegħu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru li fih jirrisjedi l-abbonat, huwa possibbli li wieħed jissuġġetta din it-talba għall-għoti ta’ kunsens speċifiku tal-abbonat?

20.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu evalwati mhux biss it-termini tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” iżda wkoll dawk tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar “il‑privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”.

21.

Fil-fatt, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tirreferix għal din l-aħħar dispożizzjoni fil-kuntest tad-domanda preliminari tagħha, huwa indispensabbli li tissemma mhux biss għaliex għandha tingħatalha risposta utli, iżda wkoll għaliex, skont l-Artikolu 25(5) tad-Direttiva “Servizz Universali”, il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu japplika “suġġett għar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien tad-data personali u l-privatezza u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tad‑Direttiva [dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”]”.

22.

L-ewwel nett, infakkar li, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lil abbonati jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, għall-iskopijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħrif u ta’ direttorji tat-telefon, skont kundizzjonijiet li għandhom ikunu ġusti, oġġettivi, orjentati mal-ispejjeż u mhux diskriminatorji.

23.

Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jagħmilx distinzjoni skont jekk it-talba sabiex informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni titressaqx minn operatur stabbilit fit-territorju nazzjonali jew fi Stat Membru ieħor, peress li l-impriżi li jassenjaw numri tat-telefon huma obbligati jissodisfaw “it-talbiet raġonevoli kollha li jagħmlu disponibbli” ( 5 ).

24.

Barra minn hekk, il-leġiżlatur joqgħod attent li jippreċiża b’mod espress li l-kundizzjonijiet li fihom dawn it-talbiet għandhom jiġu ssodisfatti għandhom ikunu “ġusti” u “mhux diskriminatorji”, li neċessarjament ifisser li ma jista’ jkun hemm l-ebda differenza ta’ trattament skont jekk it-talba hijiex magħmula minn operatur nazzjonali jew operatur barrani, sakemm, tabilħaqq, ma jkunx ovvju li ma hijiex iġġustifikata kif suppost.

25.

It-tieni nett, għandu jkun hemm riferiment għat-termini tal‑Artikolu 12 tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, li jsemmi espressament il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li fihom id-data personali tal-abbonati, miġbura mill-impriża li tassenja n‑numri tat-telefon, jistgħu jiġu kkomunikati għall-finijiet tal‑pubblikazzjoni ta’ direttorju pubbliku.

26.

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom ( 6 ), u din l-interpretazzjoni tippermetti, fl-opinjoni tiegħi, sabiex tingħata r-risposta li għandha tingħata, f’dan il-każ, lill-qorti tar-rinviju.

27.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet interrogata dwar sa fejn Deutsche Telekom, inkarigata mis-servizz universali fil-Ġermanja, kienet obbligata, sabiex jitħejja direttorju pubbliku, li tittrażmetti d-data relatata mal-abbonati ta’ impriżi terzi lil żewġ kumpanniji kompetituri fis-suq Ġermaniż tas-servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon, GoYellow GmbH u Telix AG. F’dan il-każ, l-awtorità regolatorja obbligat lil Deutsche Telekom sabiex tittrażmetti tali informazzjoni, inkluż id-data li għaliha l-abbonat jew il-fornitur tagħha aċċetta biss il-pubblikazzjoni minn Deutsche Telekom.

28.

Waħda mid-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienet dik dwar jekk tali trażmissjoni kellhiex tkun suġġetta mill-ġdid għal kunsens tal-abbonat.

29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet b’mod negattiv għal din id‑domanda, billi ddeċidiet li l-impriża li tassenja numri tat-telefon ma hijiex obbligata tiġbor kunsens mill-ġdid jew speċifiku tal-abbonat meta d-data ta’ dan tal-aħħar tiġi trażmessa lil fornitur ta’ direttorju telefoniku kompetitur, għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni ta’ direttorju simili. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ibbażat l-analiżi tagħha fuq il-fatt li l-kunsens tal-abbonat jikkonċerna l-għan tal-pubblikazzjoni tad-data personali u mhux l-identità tal-fornitur.

30.

Huwa interessanti li dan ir-raġunament jintuża wkoll għall‑finijiet tal-analiżi tiegħi.

31.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-konklużjoni tagħha fuq it-termini u l-għan tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar “il‑privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” ( 7 ). Wara interpretazzjoni kuntestwali u sistematika ta’ din id-dispożizzjoni, hija ddeċidiet li l‑kunsens tal-abbonati ma jirrigwardax l-identità ta’ fornitur ta’ direttorju b’mod partikolari, iżda l-għan tal-pubblikazzjoni tad-data f’direttorju pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ċaħdet l‑interpretazzjoni li l-abbonat għandu “dritt selettiv li jiddeċiedi” favur ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ tagħrif u/jew ta’ direttorji tat-telefon.

32.

Fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet dan li ġej:

“65.

[…] [M]eta abbonat ikun ġie informat mill-impriża li tassenjalu numru tat-telefon bil-possibbiltà li d-data personali li tikkonċernah tista’ tiġi trażmessa lil impriża terza, [bħal] Deutsche Telekom, sabiex hija tiġi ppubblikata f’direttorju pubbliku, u […] huwa kkonsenta għall‑pubblikazzjoni tal-imsemmija data f’tali direttorju, f’dan il-każ ta’ din il-kumpannija, it-trażmissjoni ta’ din l-istess data lil impriża oħra intiża sabiex tippubblika direttorju pubbliku stampat jew elettroniku, jew li tagħmel tali direttorji disponibbli għal konsultazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju, ma għandhiex tiġi suġġett mill-ġdid għal kunsens mill-abbonat, sakemm huwa ggarantit li d-data kkonċernata ma tiġix użata għal skopijiet oħrajn ħlief dawk li għalihom hija nġabret għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha. Fil-fatt, il-kunsens, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-‘privatezza u l‑komunikazzjoni elettronika’, ta’ abbonat debitament informat meta ssir il-pubblikazzjoni f’direttorju pubbliku ta’ data personali li tikkonċernah jirrilata mal-għan ta’ din il-pubblikazzjoni u għaldaqstant jestendi għal kull proċessar sussugwenti tal-imsemmija data mill‑impriżi terzi ta’ servizzi ta’ konsultazzjoni tad-direttorju aċċessibbli għall-pubbliku u ta’ direttorji, sa fejn tali proċessar ikollu dan l-istess għan […]. ( 8 )

66.

Barra minn hekk, ladarba abbonat ikkonsenta għat-trażmissjoni ta’ data personali li tikkonċernah lil impriża speċifika bil-għan tal‑pubblikazzjoni tagħha f’direttorju pubbliku ta’ din l-impriża, it‑trażmissjoni ta’ din l-istess data lil impriża oħra intiża li tippubblika direttorju pubbliku mingħajr ma kunsens ġdid ikun ingħata mingħand dan l-abbonat ma tistax tikkawża preġudizzju għall-istess sustanza tad‑dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, kif irrikonoxxut mill‑Artikolu 8 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea].”

33.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għat-termini ċari ferm tal-premessa 39 tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” ( 9 ).

34.

Infakkar li, f’din il-premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika dan li ġej:

“L-obbligu li abbonat jiġi infurmat dwar l-iskop(ijiet) ta’ direttorji pubbliċi li fihom għandhom jiġu inklużi d-data personali tagħhom għandu jiġi impost fuq il-persuna li qed tiġbor id-data għal din l‑inklużjoni. Fejn id-data jistgħu jiġu trasmessi lil terza persuna jew aktar, l-abbonat għandu jiġi infurmat dwar din il-possibbilità u dwar ir‑riċevent jew il-kategoriji ta’ riċeventi possibbli. Kull trasmissjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura. Jekk il‑persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġew trasmessi d-data, jixtieq juża d-data għal skop addizzjonali, għandu jinkiseb il-kunsens imġedded ta’ l-abbonat jew mill-parti inizjali li tiġbor id-data jew mit-terza persuna li lilha tkun ġiet trasmessa id‑data” ( 10 ).

35.

Fil-punt 63 tas-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279), il-Qorti tal-Ġustizzja dakinhar iddeċidiet li t-trażmissjoni ta’ data personali lil terzi hija permessa jekk “tkun soġġetta għall-kondizzjoni li d-data ma tistax tintuża għal skopijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura”.

36.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat l-eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, imsemmija speċifikament fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”.

37.

Skont din id-dispożizzjoni, “[l]-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li għal kull skop ta’ direttorju pubbliku minbarra t-tfittxija ta’ dettalji tal‑kuntatt ta’ persuni fuq il-bażi ta’ isimhom u, fejn meħtieġ, minimu ta’ identifikaturi oħrajn, jista’ jintalab kunsens ulterjuri ta’ l-abbonati”.

38.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunsens mill-ġdid tal‑abbonat għandu għalhekk jinkiseb “[j]ekk il-persuna li tiġbor id-data mill-abbonat jew kwalunkwe terza persuna li lilha ġew trasmessi d-data, jixtieq juża d-data għal skop addizzjonali” ( 11 ).

39.

Minkejja li l-imsemmija sentenza Deutsche Telekom kienet tikkonċerna sitwazzjoni purament nazzjonali, nikkunsidra li s-soluzzjoni użata mill‑Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza għandha tkun trasposta b’analoġija għal sitwazzjoni transkonfinali bħal dik inkwistjoni.

40.

Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda raġuni partikolari li tiġġustifika differenza ta’ trattament skont jekk l-operatur huwiex stabbilit fit-territorju nazzjonali jew fi Stat Membru ieħor, mill-mument li fih dan l-operatur jiġbor id-data personali tal-abbonati għal finijiet preċiżament identiċi għal dawk li għalihom ġiet miġbura għall-ewwel pubblikazzjoni. Fil-fatt, ikun x’ikun il-lok ta’ stabbiliment tiegħu fl‑Unjoni, dan jagħti s-servizz tiegħu ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon f’qafas regolatorju fil-parti l-kbira armonizzat li jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam ta’ protezzjoni ta’ data personali tal-abbonati, kif dan jirriżulta b’mod partikolari u b’mod ċar ħafna mill-Artikolu 25(5) tad-Direttiva “Servizz Universali” u mill-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”.

41.

Fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tad‑data personali tal-abbonati, tali differenza ta’ trattament twassal sabiex toħloq diskriminazzjoni diretta bejn operaturi li jeżerċitaw fl‑istess settur ta’ attività, ibbażata fuq in-nazzjonalità. Dan ikun jikkostitwixxi ksur gravi tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 12 ) u ostakolu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 13 ) żgurati bl‑Artikolu 56 TFUE ( 14 ).

42.

Barra minn hekk, dan jinvolvi li jiġi żgurat it-twettiq sħiħ tal‑għanijiet imsemmija fil-kuntest tad-Direttiva “Servizz Universali”. Fl-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jaħbix l-ambizzjoni tiegħu li jasal sabiex jiżgura servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon li ma għadux biss nazzjonali iżda verament transkonfinali, u dan sabiex jiżgura, skont l-Artikolu 28(1)(b) tal-imsemmija direttiva, l‑aċċess ta’ kull utent finali għan-numri kollha mogħtija fl-Unjoni.

43.

Fil-fatt, jekk l-Artikolu 25(2) ta’ din id-direttiva għandu jippermetti lill-operaturi ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-telefon li jkollhom aċċess għad-data personali tal-abbonati barranin, l‑Artikolu 25(4) tal-imsemmija direttiva, għandu, minn naħa tiegħu, jippermetti lill-utenti finali li jaċċedu għas-servizzi ta’ tagħrif dwar it‑telefon ta’ Stat Membru ieħor. Kull waħda minn dawn id‑dispożizzjonijiet jiffurmaw ħaġa waħda li tippermetti li jkun żgurat aċċess effettiv tal-utenti finali kollha għan-numri kollha fl-Unjoni.

44.

Fid-dawl ta’ dawn il-punti, jiena konvint, minn naħa waħda, li differenza ta’ trattament tat-talba, jekk din tkun magħmula minn operatur stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih jirrisjedi l‑abbonat, ma hijiex kompatibbli mat-termini tal-Artikolu 25(2) tad‑Direttiva “Servizz Universali” u tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar “il‑privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” meta dan jiġbor id‑data personali tal-abbonati għal finijiet preċiżament identiċi għal dawk li għalihom hija ġiet miġbura minħabba l-ewwel pubblikazzjoni tagħha.

45.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, impriża bħal Tele2, adita minn talba sabiex informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni, ma tistax għalhekk teżiġi li jkun hemm kunsens distint u speċifiku tal-abbonat, u lanqas li tifformula, kif tissuġġerixxi Vodafone, dan il-kunsens skont l-Istati Membri differenti tal-Unjoni.

46.

Għall-kuntrarju, fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ abbonament, din l-impriża għandha tiżgura, b’konformità mad‑dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar “il‑privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”, moqri flimkien mal‑premessi 38 u 39 tal-imsemmija direttiva, li l-abbonat jirċievi informazzjoni ċara u preċiża fir-rigward tal-għan u tal-aspetti differenti tat-trattament tad-data personali tiegħu u, b’mod partikolari, tal‑possibbiltà li dawn tal-aħħar ikunu mqiegħda għad-dispożizzjoni għal fornitur ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon li jagħti s-servizzi tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak li fih jirrisjedi.

47.

Minn naħa l-oħra, huwa ċar li fir-rigward b’mod partikolari tal‑interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-imsemmija dispożizzjonijiet fis-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279), li differenza ta’ trattament tat-talba, skont jekk hijiex magħmula minn operatur nazzjonali jew minn operatur barrani, tista’ tiġi ġġustifikata biss fl-ipoteżi fejn id-data kkonċernata tkun intiża li tintuża għal finijiet oħra, b’mod partikolari meta dan l-operatur jipproponi s-servizz ta’ riċerka bil-maqlub tal-identità li tibda min-numru tat-telefon.

48.

F’din il-kawża, u abbażi tal-informazzjoni li tinsab fuq is-sit internet tal-EDA, din tidher li qed tipproponi tabilħaqq dan is-servizz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fejn id-data kkonċernata hija effettivament intiża sabiex tintuża għal finijiet oħra minbarra dawk li għalihom ġiet miġbura għall-ewwel pubblikazzjoni tagħha, Tele2 tista’, fl-opinjoni tiegħi, b’mod qawwi leġittimament titlob il-kunsens speċifiku tal-abbonati għal tali trattament tad-data tagħhom.

49.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nikkunsidra għalhekk li l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” u l‑Artikolu 12 tad-Direttiva dwar “il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li impriża adita minn talba sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni data personali tal-abbonati tagħha tagħmel, meta tiġbor il-kunsens ta’ dawn tal-aħħar, distinzjoni skont l-Istat Membru li fih is-servizz ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon jingħata, sa fejn, madankollu, din id-data hija intiża sabiex tintuża għal finijiet identiċi għal dawk li għalihom ġiet miġbura għall‑ewwel pubblikazzjoni tagħha.

50.

Din l-impriża għandha għalhekk tiżgura li, waqt l-iffirmar tal‑kuntratt ta’ abbonament, l-abbonat jirċievi informazzjoni ċara u preċiża fir-rigward tal-aspetti differenti tat-trattament tad-data tiegħu u, b’mod partikolari, li din titqiegħed għad-dispożizzjoni għall-finijiet tal‑pubblikazzjoni tagħha f’direttorju tat-telefon jew l-użu tagħha minn servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon fi Stat Membru differenti minn dak li fih jirrisjedi.

IV – Konklużjoni

51.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda magħmula mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), kif emendata bid‑Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Novembru 2009, u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/58/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l‑ipproċessar tad‑data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal‑komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l‑komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li impriża adita minn talba sabiex tqiegħed għad-dispożizzjoni data personali tal-abbonati tagħha tagħmel, meta tiġbor il-kunsens ta’ dawn tal-aħħar, distinzjoni skont l‑Istat Membru li fih is-servizz ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it‑telefon jingħata, sa fejn, madankollu, din id-data hija intiża sabiex tintuża għal finijiet identiċi għal dawk li għalihom ġiet miġbura għall‑ewwel pubblikazzjoni tagħha.

Din l-impriża għandha għalhekk tiżgura li, waqt l-iffirmar tal-kuntratt ta’ abbonament, l-abbonat jirċievi informazzjoni ċara u preċiża fir‑rigward tal-aspetti differenti tat-trattament tad-data tiegħu u, b’mod partikolari, li din titqiegħed għad-dispożizzjoni għall-finijiet tal‑pubblikazzjoni tagħha f’direttorju tat-telefon jew l-użu tagħha minn servizz ta’ tagħrif dwar it-telefon fi Stat Membru differenti minn dak li fih jirrisjedi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid‑Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l‑ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal‑komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11).

( 4 ) Staatsblad 2004, nru 203, iktar ’il quddiem il-“Bude”.

( 5 ) Korsiv miżjud minni.

( 6 ) C‑543/09, EU:C:2011:279.

( 7 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279, punti 6162).

( 8 ) Korsiv miżjud minni.

( 9 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 63).

( 10 ) Korsiv miżjud minni.

( 11 ) Sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 64).

( 12 ) Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jinsab fl-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati kull diskriminazzjoni minħabba n‑nazzjonalità hi pprojbita.

( 13 ) Kuntrarjament għal dak li ssostni Vodafone, l-offerta ta’ servizz ta’ direttorji u/jew ta’ tagħrif dwar it-telefon b’mod ċar jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiżguraw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

( 14 ) Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑Artikolu 56 TFUE jirrikjedi l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, X-Steuerberatungsgesellschaft, C‑342/14, EU:C:2015:827, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top