This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0529
Opinion of Advocate General Bobek delivered on 10 January 2017.#Proceedings brought by Gert Folk.#Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgerichtshof.#Reference for a preliminary ruling — Environmental liability — Directive 2004/35/EC — Article 17 — Temporal scope of application — Operation of a hydroelectric power plant put into operation before the period for transposing that directive had expired — Article 2(1)(b) — Concept of ‘environmental damage’ — National law excluding all damage covered by an authorisation — Article 12(1) — Access to justice in environmental matters — Locus standi — Directive 2000/60/EC — Article 4(7) — Direct effect.#Case C-529/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati l-10 ta’ Jannar 2017.
Kawża mressqa minn Gert Folk.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà ambjentali – Direttiva 2004/35/KE – Artikolu 17 – Applikabbiltà ratione temporis – Operazzjoni ta’ impjant idroelettriku li beda jopera qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Punt 1(b) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘danni ambjentali’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull dannu kopert minn awtorizzazzjoni – Artikolu 12(1) – Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tad-dritt ambjentali – Locus standi – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 4(7) – Effett dirett.
Kawża C-529/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati l-10 ta’ Jannar 2017.
Kawża mressqa minn Gert Folk.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà ambjentali – Direttiva 2004/35/KE – Artikolu 17 – Applikabbiltà ratione temporis – Operazzjoni ta’ impjant idroelettriku li beda jopera qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Punt 1(b) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘danni ambjentali’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull dannu kopert minn awtorizzazzjoni – Artikolu 12(1) – Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tad-dritt ambjentali – Locus standi – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 4(7) – Effett dirett.
Kawża C-529/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fl-10 ta’ Jannar 2017 ( 1 )
Kawża C-529/15
Gert Folk
vs
Unabhängiger Verwaltungssenat für die Steiermark
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija)]
“Direttiva 2004/35/KE — Responsabbiltà ambjentali — Operazzjoni ta’ impjant idroelettriku — Permess u operazzjoni qabel il-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Definizzjoni ta’ dannu ambjentali lill-ilma — Dritt nazzjonali li jeskludi d-dannu kopert b’permess — Esklużjoni ta’ effetti negattivi meta jkun japplika l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE — Aċċess għall-ġustizzja f’materji ambjentali — Locus standi għal proċeduri ta’ reviżjoni — Persuni milquta jew x’aktarx li jkunu milquta”
I – Introduzzjoni
1. |
Fl-1998, ingħata permess għal impjant idroelettriku fix-xmara Mürz fl-Awstrija. Dan l-impjant ilu jopera mis-sena 2002. G. Folk (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) għandu permess għas-sajd għal fuq iż-żewġ naħat tax-xmara ’l isfel mill-impjant. Skont ir-rikorrent, l-operazzjoni tal-impjant tikkawża varjazzjonijiet għal żmien qasir fil-livell tal-ilma li huma sinjifikattivi u repetuti. Għaldaqstant, xi partijiet li huma taħt l-ilma jinxfu pjuttost malajr. Dan iwassal sabiex il-bokok tal-ħruġ tal-ilma jinfirdu mill-kurrent tax-xmara, u dan irendi impossibbli li l-ħut ta’ daqs żgħir u ta’ età żgħira isegwi l-kurrent ’l isfel. Il-ħut imut. |
2. |
Ir-rikorrent ressaq ilment mal-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, ir-rikors tiegħu ġie miċħud peress li l-operazzjoni tal-impjant kienet koperta minn permess. Il-qorti tar-rinviju – il-Verwaltungsgerichtshof tal-Awstrija (qorti amministrattiva, l-Awstrija) għamlet numru ta’ domandi li jirrigwardaw tliet kwistjonijiet. L-ewwel waħda tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2004/35/KE (id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, iktar ’il quddiem id-“DRA”) ( 2 ). It-tieni waħda hija dwar jekk id-definizzjoni ta’ dannu ambjentali fid-dritt Awstrijak hijiex konformi mad-DRA, peress li fir-rigward tal-ilma hija teskludi kull dannu li huwa “kopert b’permess”. Il-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll dwar ir-rwol tal-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE (id-Direttiva qafas dwar l-ilma, iktar ’il quddiem id-“DQI”) ( 3 ) fid-definizzjoni tad-“danni lill-ilma” taħt id-DRA. It-tielet waħda hija dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi lil persuni b’permess għas-sajd milli jressqu proċedura ta’ reviżjoni hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja tal-persuni privati taħt id-DRA. |
II – Il-qafas ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali
3. |
L-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA (fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali) jispeċifika li “danni ambjentali” tfisser “[d]anni lil l-ilma, li huma kull dannu li jolqot b’mod negattivi u sinifikattiv l-istatus ekoloġiku, kimiku u/jew kwantitattiv u/jew il-potenzal ekoloġiku, kif mfisser fid-Direttiva 2000/60/KE, ta’ l-ilma ikkonċernati, bl-eċċezjoni ta’ l-effetti negattivi meta l-Artikolu 4(7) ta’ dik id-Direttiva jgħodd”. Skont l-Artikolu 2(5) tal-istess direttiva, “‘ilma’: jfisser kull ilma msemmija fid-Direttiva 2000/60/KE”. |
4. |
L-Artikolu 12(1) tad-DRA, bit-titolu “Talba għal l-azzjoni”, jipprovdi kif ġej: “Persuna fiżika jew ġuridika:
għandhom ikunu intitolati li jagħtu lil l-awtorità kompetenti kull osservazzjoni li għandha x’taqsam ma każijiet ta’ danni ambjentali jew il-periklu iminenti ta’ danni li huma jafu bihom u ukoll ikunu intitolati li jitolbu lil l-awtorità kompetenti tieħu passi skont din id-Direttiva. Dak li jikkostitwixxi ‘interess suffiċjenti’ u ‘tfixkil ta’ dritt’ għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri. […]” |
5. |
L-Artikolu 13 tad-DRA, li jikkonċerna l-“Proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi li: “1. Il-persuni imsemmija fl-Artikolu 12(1) għandhom ikollhom aċċess għal qorti jew entità pubblika indipendenti u imparzjali oħra li għandha l-kompetenza tagħmel reviżjoni tal-legalità fil-proċedura u fis-sustanza tad-deċiżjoni, azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tal-awtorità kompetenti skont din id-Direttiva. 2. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni tal-liġI nazzjonali li tirregola l-aċċess għall-ġustizzja u dawk li jitolbu li l-proċeduri amministrattivi għandhom ikunu użati qabel ma jkun hemm rikors għall-proċeduri ġudizzjarji”. |
6. |
L-Artikolu 17 tad-DRA, bit-titolu, “Applikazzjoni temporali”, jipprovdi li din id-direttiva ma għandhiex tapplika għal: “danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħ qabel id-data msemmija fl-Artikolu 19(1), danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident, seħħ wara d-data msemmija fl-Artikolu 19(1) meta tkun ir-riżultat ta’ attività speċifika li seħħet u spiċċat qabel l-imsemmija data, danni, jekk iktar minn 30 sena għaddew mill-emmissjoni, każ jew inċident, li jirriżultaw fid-danni, li ġraw”. |
2. Id-Direttiva qafas dwar l-ilma
7. |
L-Artikolu 4(7) tad-DQI jipprovdi li l-Istati Membri ma jkunux qed jiksru din id-direttiva meta:
u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa
|
B – Id-dritt Awstrijak
8. |
Id-DRA ġiet implementata fuq livell federali fl-Awstrija mill-Bundes-Umwelthaftungsgesetz (Liġi Federali dwar ir-responsabbiltà ambjentali, iktar ’il quddiem il-“B‑UHG”) ( 4 ). Skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG, “danni ambjentali” jinkludu “kull dannu sinjifikattiv lill-ilma, jiġifieri, kull dannu li jolqot b’mod negattiv u sinjifikattiv l-istatus ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku, kif imfisser fil-Wasserrechtsgesetz 1959 [(il-Liġi dwar materji li jirrigwardaw l-ilma, iktar ’il quddiem il-‘WRG’ ( 5 ))], tal-ilmijiet ikkonċernati […] u li ma huwiex kopert b’permess mogħti taħt il-[WRG] […]”. |
9. |
Skont l-Artikolu 11 tal-B‑UHG: “(1) Persuni fiżiċi jew ġuridiċi li d-drittijiet tagħhom jistgħu jinkisru b’dannu ambjentali li jkun seħħ jistgħu, permezz ta’ lment bil-miktub, jitolbu lill-awtoritajiet amministrattivi tad-distrett li huma responsabbli għaż-żona fejn seħħ l-allegat dannu ambjentali sabiex jieħdu azzjoni skont l-Artikoli 6 u 7(2). […]. (2) Għall-iskopijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(1), drittijiet jinkludu […]
|
III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
10. |
Il-kumpannija Wasserkraftanlagen Mürzzuschlag GmbH topera impjant idroelettriku fuq ix-xmara Mürz b’kejl superfiċjali ta’ 1455 m. Ir-rikorrent għandu permess għas-sajd fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Mürz ’l isfel mill-impjant għal tul ta’ madwar 12-il km. |
11. |
L-impjant kien ingħatalu permess sabiex jopera permezz ta’ deċiżjoni tal-Landeshauptmann von Steiermark (il-Gvernatur tal-Land ta’ Styria) fl-1998. L-impjant ilu jopera mis-sena 2002. |
12. |
Fid-29 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrent ressaq ilment ambjentali quddiem il-Bezirkshauptmannschaft Mürzzuschlag (l-amministrazzjoni tad-distrett ta’ Mürzzuschlag) skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tal-B‑UHG. Huwa sostna li l-impjant idroelettriku ikkaġuna dannu ambjentali sinjifikattiv, li fixkel ir-riproduzzjoni naturali tal-ħut. Il-varjazzjonijiet sinjifikattivi għal żmien qasir fil-livell tal-ilma jwasslu sabiex il-partijiet ta’ taħt l-ilma jinxfu malajr, li mbagħad iwassal sabiex il-bokok tal-ħruġ tal-ilma jinfirdu mill-kurrent tax-xmara. Dan jagħmilha impossibbli għall-ħut ta’ daqs żgħir u ta’ età żgħira sabiex isegwi l-kurrent ’l isfel. Dan iwassal repetutament sabiex il-ħut imut għal tulijiet twal tax-xmara. Ir-rikorrent allega li din huwa attribwibbli għall-assenza ta’ kanal li jipprovdi mogħdija li tevita l-impjant u għall-mod ta’ operazzjoni tal-impjant. |
13. |
L-amministrazzjoni tad-distrett ta’ Mürzzuschlag u, sussegwentement, l-Unabhängiger Verwaltungssenat für die Steiermark (it-tribunal amministrattiv indipendenti tal-Land ta’ Styria, iktar il-quddiem l-“UVS”), ċaħdu l-ilment tar-rikorrent. Id-deċiżjoni tal-UVS ddatata 15 ta’ Mejju 2012 kienet ibbażata essenzjalment fuq il-fatt li l-Gvernatur tal-Land ta’ Styria kien ta permess għall-operazzjoni tal-impjant idroelettriku. Din id-deċiżjoni imponiet ukoll il-volumi tal-ġibjun. Għaldaqstant, l-allegat dannu kien kopert b’permess mogħti skont il-WRG. Għal din ir-raġuni ma kien hemm ebda dannu ambjentali, skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG. |
14. |
Ir-rikorrent ikkontesta d-deċiżjoni tal-UVS quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jallega li l-B‑UHG hija inkompatibbli mad-DRA: mhux kull permess mogħti taħt il-WRG għandu jeskludi dannu ambjentali. |
15. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin sabiex tingħata deċiżjoni preliminari:
|
16. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrent, mill-Gvern Awstrijak u mill-Kummissjoni. Ir-rikorrent u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fid-19 ta’ Ottubru 2016. |
IV – Evalwazzjoni
17. |
Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. L-ewwel, ser neżamina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-DRA (A). It-tieni, ser nanalizza ż-żewġ domandi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ “dannu ambjentali”. B’mod partikolari, ser neżamina jekk l-esklużjoni pprovduta fid-dritt Awstrijak li tirrigwarda d-dannu “kopert b’permess” hijiex konformi mad-definizzjoni tad-dannu lill-ilma taħt l-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA (B). Imbagħad ser nittratta l-kwistjoni dwar l-esklużjoni li tinsab f’din id-definizzjoni tal-“effetti negattivi meta l-Artikolu 4(7) ta[d-DQI] jgħodd” (Ċ). Finalment, ser niddiskuti l-kwistjoni tal-locus standi tad-detenturi tal-permessi tas-sajd (Artikoli 12 u 13 tad-DRA) (D). |
A – L-ewwel domanda – il-kamp ta ’ applikazzjoni ratione temporis tad-DRA
18. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-DRA tapplikax għal dannu li jkun seħħ wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, iżda li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ impjant idroelettriku awtorizzat u li beda jopera qabel dik id-data. |
19. |
L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-DRA fid-dritt nazzjonali sat-30 ta’ April 2007 [Artikolu 19(1) tad-DRA]. Hemm tliet preċiżazzjonijiet temporali, jew inkella esklużjonijiet għal dan, li ddaħħlu mill-Artikolu 17 tad-DRA. L-ewwel inċiż tal-Artikolu 17 tad-DRA, li huwa rilevanti għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, jipprovdi li d-direttiva ma tapplikax għal “danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħ qabel id-data msemmija fl-Artikolu 19(1)”. |
20. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-impjant ingħata permess fl-1998 u opera sa mis-sena 2002. Dawn iż-żewġ dati t-tnejn li huma jiġu qabel it-30 ta’ April 2007. Madankollu, qiegħed jiġi allegat li d-dannu seħħ wara dik id-data. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk japplikax l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17 tad-DRA (traspost permezz tal-Artikolu 18 tal-B‑UHG). Hija għandha dubju dwar x’jikkostitwixxi “każ” jew “inċident” fil-kuntest tad-dannu li ġie kkaġunat mill-operazzjoni tal-impjant idroelettriku. Skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-“każ” jew l-“inċident” jirreferu għall-bidu tal-operazzjoni tal-impjant idroelettriku, id-DRA ma tkunx applikabbli. |
21. |
Ir-rikorrent isostni li l-“każ” jew “inċident” li jikkaġuna d-dannu ma huwiex meta beda jopera l-impjant. Hija l-okkorrenza repetuta tal-każ (it-twaqqif tat-turbina) li sseħħ diversi drabi fis-sena, u li kompliet isseħħ wara t-30 ta’ April 2007. Il-Gvern Awstrijak isostni li l-element determinanti sabiex jiġi interpretat l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17 tad-DRA huwa jekk id-dannu kienx ikkawżat qabel jew wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni. Konsegwentement, id-DRA tapplika għal kull dannu li għadu jiġi prodott wara t-30 ta’ April 2007, li huwa kkawżat bl-operazzjoni tal-impjant, li kien awtorizzat u installat qabel din id-data. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmi Artikolu 17 jagħmilha ċara li l-“każ” li jwassal għad-dannu “jirriżulta” mill-“attività” iżda, għaliha, il-każ ma jfissirx l-attività. |
22. |
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju u l-partijiet li ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja jipproponu diversi mumenti rilevanti: (i) id-data tal-permess; (ii) il-bidu tal-operazzjoni tal-impjant; u (iii) il-każijiet individwali (repetittivi) – senjatament it-twaqqif tat-turbina li jikkawża varjazzjonijiet fil-livell tal-ilma. Il-qorti tar-rinviju tixtieq taċċerta liema minn dawn it-tliet mumenti huwa l-“każ” jew l-“inċident” li għalihom jirreferi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17 tad-DRA. |
23. |
Kif naraha jien, ftit hemm dubju li l-“każ” jew “inċident” rilevanti huma relatati mat-tielet kategorija: it-tibdil fiżiku attwali fil-livell tal-ilma tax-xmara, li jidher li huwa r-raġuni immedjata u neċessarja għall-allegat dannu. |
24. |
Din il-konklużjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 17 tad-DRA, moqrija flimkien mal-premessa 30 tagħha, jimplikaw li d-Direttiva tapplika għal dannu kkawżat minn emissjoni, każ jew inċident li seħħew fit-30 ta’ April 2007 jew sussegwentement “meta dawn id-danni jirriżultaw kemm minn attivitajiet li seħħew wara din id-data, kif ukoll minn attivitajiet li seħħew qabel din id-data iżda li ma ntemmux qabel din id-data” ( 6 ). |
25. |
Għaldaqstant, kemm il-każijiet kontinwi kif ukoll dawk repetittivi li jikkawżaw dannu wara t-30 ta’ April 2007 huma koperti mid-DRA. Hija l-qorti nazzjonali li għandha taċċerta, wara li jkollha għarfien iddettaljat ta’ dan il-każ, x’tip ta’ każ huwa involut u jekk id-dannu inkwistjoni jaqax għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-DRA ( 7 ). Mill-informazzjoni li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-“każ” jew “inċident” rilevanti f’dan il-każ la huwa l-permess u lanqas il-bidu tal-operazzjoni tal-impjant, iżda l-istanzi individwali li bihom l-operazzjoni tal-impjant twassal għal varjazzjonijiet fil-livell tal-ilma. |
26. |
Il-fatt li l-allegat dannu jirriżulta mill-operazzjoni ta’ impjant li kellu permess u li beda jopera qabel it-terminu stabbilit mid-DRA huwa irrilevanti. |
27. |
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 17 tad-DRA jeskludi biss każijiet jew inċidenti li seħħew qabel id-data tat-traspożizzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa ma jkoprix każijiet jew inċidenti ġodda li jirriżultaw minn attività li kienet bdiet qabel dik id-data iżda li jkomplu wara l-istess data. Għaldaqstant, jiena naqbel mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża ERG et: id-DRA għandha tapplika meta attività kontinwa li kienet diġà bdiet qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tirriżulta f’dannu ambjentali ġdid wara t-30 ta’ April 2007 ( 8 ). |
28. |
Il-qari sistematiku ta’ diversi artikoli tad-DRA jikkonferma wkoll li l-kunċett ta’ “inċident” jew “każ” ma jistgħux jitqabblu mal-kunċett ta’ “attività”. Il-kunċett ta’ “attività tax-xogħol” huwa ddefinit b’mod indipendenti fl-Artikolu 2(7) bħala “kull attività magħmula bħala parti minn attività ekonomika, kummerċ jew impriża, mingħajr ma jingħata każ jekk l-attività hijiex pubblika jew privata, tagħmel qligħ jew li ma tagħmilx qligħ”. L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-DRA b’riferiment għall-“attivitajiet tax-xogħol” imsemmija fl-Anness III, indipendentement mid-data meta bdew dawn l-attivitajiet. |
29. |
L-Artikolu 17 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-DRA bil-għan li jipproteġi ċ-ċertezza legali billi jipprekludi l-applikazzjoni retroattiva tad-Direttiva. Permezz tat-tieni inċiż tiegħu, huwa jeskludi d-dannu kkawżat minn emissjoni, każ jew inċident li jseħħ wara d-data tat-traspożizzjoni biss jekk l-attività li minnha dawn jirriżultaw tkun seħħet u spiċċat qabel l-imsemmija data. Kif tinnota l-Kummissjoni, jekk il-bidu tal-operazzjoni tal-impjant idroelettriku – jiġifieri, il-bidu tal-“attività” – kellu jitqies li jfisser il-“każ” jew l-“inċident”, it-tieni inċiż tal-Artikolu 17 tad-DRA jispiċċa mingħajr sens. |
30. |
B’riżultat tas-suespost, jiena tal-fehma li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta kif ġej: id-DRA tapplika għal dannu ambjentali lill-ilma kkawżat matul l-operazzjoni kontinwa ta’ installazzjoni minn każ jew inċident li jseħħ wara d-data speċifikata fl-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, anki jekk din l-installazzjoni kellha permess u bdiet topera qabel dik id-data. |
B – It-tielet domanda – id-definizzjoni ta ’ “dannu lill-ilma ” fid-DRA
31. |
L-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG jipprovdi li d-dannu ambjentali fir-rigward tal-ilma huwa magħmul minn kull dannu li għandu effett negattiv sinjifikattiv fuq l-istatus ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku, kif iddefinit fil-WRG u “li ma huwiex kopert b’permess mogħti taħt il-[WRG]”. |
32. |
Skont il-qorti tar-rinviju, din l-esklużjoni tfisser li, peress li l-impjant idroelettriku opera skont permess mogħti taħt il-WRG, id-dannu inkwistjoni ma jistax jikkostitwixxi dannu ambjentali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-esklużjoni tad-dannu kopert b’permess mogħti taħt id-dritt nazzjonali mid-definizzjoni ta’ dannu ambjentali lill-ilma hijiex konformi mal-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA. |
33. |
Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li tali esklużjoni awtomatika u mingħajr distinzjoni ma hijiex fil-fatt permissibbli. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll mill-ewwel li r-risposta mogħtija f’dawn il-konklużjonijiet tikkonċerna biss id-domanda speċifika magħmula mill-qorti nazzjonali. Hija ma tikkonċernax, u għaldaqstant bl-ebda mod ma tantiċipa, elementi oħra mid-definizzjoni tad-dannu ambjentali, bħalma hija l-kwistjoni ta’ meta u jekk l-effetti negattivi humiex “sinjifikattivi”. |
34. |
Il-Gvern Awstrijak jafferma li l-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG huwa konformi mal-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA. Huwa favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-DRA li ssir fid-dawl tal-DQI. Huwa jsostni li, skont il-WRG, permess jista’ jingħata biss jekk ikun iggarantit li l-proġett jirrispetta l-interess ġenerali, jiġifieri, jekk ikun żgurat li l-proġett ma jkollux effetti negattivi sinjifikattivi fuq il-kwalità tal-ilma jew fuq l-istat ekoloġiku tiegħu. Għal din ir-raġuni, skont il-Gvern Awstrijak, l-attività ma għandhiex twassal għal responsabbiltà sa fejn hija tkun ġiet awtorizzata. |
35. |
Il-Kummissjoni u r-rikorrent għandhom fehma differenti. Huma sostnew li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG ma hijiex konformi mal-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA. Dan tal-aħħar ma jipprevedi ebda esklużjoni li tirrigwarda d-dannu kopert b’permess. |
36. |
Jien naqbel mar-rikorrent u mal-Kummissjoni. Il-pożizzjoni tal-Gvern Awstrijak ma tistax tintlaqa’. |
37. |
L-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA ma jipprovdix għall-esklużjoni ġenerali tad-dannu kopert b’permess mill-kunċett ta’ “dannu ambjentali”. Din id-dispożizzjoni tippermetti biss esklużjoni tal-effetti negattivi mid-definizzjoni ta’ dannu lill-ilma fejn ikun japplika l-Artikolu 4(7) tad-DQI. |
38. |
L-esklużjoni ġenerali tad-dannu kopert b’permess stabbilita fl-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG ma tistax tkun inkorporata taħt l-esklużjoni li tirrigwarda l-effetti negattivi koperti mill-Artikolu 4(7) tad-DQI. Il-portata tal-esklużjoni pprovduta fid-dritt Awstrijak hija ħafna iktar wiesgħa, u kunċettwalment pjuttost differenti, mill-esklużjoni pprovduta fid-DQI. |
39. |
L-Artikolu 4(7) tad-DQI jistabbilixxi li l-Istati Membri ma jkunux qed jiksru din id-direttiva meta n-nuqqas tagħhom li jiksbu stat tajjeb tal-ilma ta’ taħt l-art, stat jew potenzjal ekoloġiku tajjeb jew li jipprevjenu deterjorazzjoni fl-istat ta’ korp ta’ l-ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt l-art ikun ir-riżultat ta’ modifikazzjonijiet ġodda għall-karatteristiċi fiżiċi tal-korp tal-ilma tal-wiċċ jew għal-livell tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art; jew meta n-nuqqas li jipprevjenu d-deterjorazzjoni minn stat għoli għal stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ ikun ir-riżultat ta’ attivitajiet ta’ żvilupp uman sostenibbli ġodda. |
40. |
Sabiex tapplika din id-deroga, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-DQI, riprodotti iktar ’il fuq fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iridu jkunu sodisfatti ( 9 ). Huwa minnu li l-Istati Membri huma meħtieġa jirrifjutaw permess għal proġetti li jistgħu jirriżultaw f’deterjorazzjoni tal-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat sakemm ma jirriżultax li l-proġett huwa kopert b’deroga prevista fl-Artikolu 4(7) tad-DQI ( 10 ). Madankollu, is-sempliċi eżistenza ta’ permess ma tfissirx neċessarjament li l-kriterji kollha tal-Artikolu 4(7) tad-DQI ġew sodisfatti. Fil-fatt, xejn ma jiżgura li jkunu osservati dejjem u b’mod awtomatiku l-kriterji kollha elenkati fl-Artikolu 4(7) tad-DQI meta jingħata permess. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-permessi inkwistjoni jkunu ngħataw qabel id-DQI. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-esklużjoni ġenerali tad-dannu kopert b’permess ipprovduta fl-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG ma tistax taqa’ taħt l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA b’riferiment għall-Artikolu 4(7) tad-DQI. |
41. |
Il-Gvern Awstrijak iżid, madankollu, li l-esklużjoni msemmija iktar ’il fuq ma tammontax għal esklużjoni totali tar-responsabbiltà. L-ewwel nett, skont l-istorja leġiżlattiva tal-B‑UHG, id-dannu li jirriżulta minn funzjonament ħażin (inċidenti) ma jitqiesx li jkun kopert b’permess. It-tieni nett, l-Artikolu 21a tal-WRG jippermetti lill-awtoritajiet jintervjenu fl-interess pubbliku wara li jkun ingħata permess, sabiex jeżiġu rekwiżiti addizzjonali, modifiki, restrizzjonijiet temporanji u anki projbizzjonijiet. |
42. |
Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti ma jrendux l-“eċċezzjoni tal-permess” tal-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG konformi mal-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA. |
43. |
L-ewwel nett, anki jekk id-dannu li jirriżulta mill-inċidenti kkawżati minn malfunzjonament ħażin ma kellux jitqies bħala “kopert” b’permess, xejn ma jipprekludi dannu li jirriżulta mill-operazzjoni “normali” tal-installazzjoni. Tali operazzjoni normali jista’ jkollha konsegwenzi mhux imbassra jew mhux mistennija fil-mument tal-permess. |
44. |
It-tieni nett, il-fatt li skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-ilma, il-permessi jistgħu jkunu aġġustati jew jistgħu jittieħdu miżuri korrettivi oħra, ma jiżgurax li jiġu applikati u osservati l-mekkaniżmi u l-obbligi stabbiliti mid-DRA. L-eżistenza ta’ proċedura għall-modifika u għall-monitoraġġ ta’ permessi eżistenti taħt l-Artikolu 21a tal-WRG ma tbiddilx il-fatt li d-danni koperti b’permess, kemm jekk suġġetti għal din il-proċedura jew le, huma esklużi mill-kunċett ta’ dannu, u għaldaqstant mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-DRA. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Awstrijak ma indikax li d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq hija intiża li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(7) tad-DQI. |
45. |
Iktar minn hekk, li wieħed jippreżumi li l-eżistenza ta’ permess tikkonforma awtomatikament mal-istandards tad-DQI sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ effetti negattivi sinjifikattivi jrendi d-DRA pjuttost superfluwi. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-DRA huwa stabbilit bl-Artikolu 3 tagħha. Dan l-artikolu jipprovdi li d-Direttiva tapplika, fir-rigward ta’ dannu lill-ilma jew dannu lill-art, għall-attivitajiet tax-xogħol imsemmija fil-lista tal-Anness III, indipendentement minn tort jew negliġenza. Skont il-premessa 8 tad-DRA dawn l-attivitajiet tax-xogħol, identifikati b’riferiment għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, huma ta’ perikolu għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Min-natura tal-attivitajiet elenkati jirriżulta li ħafna minnhom, jekk mhux kollha, x’aktarx li jkunu suġġetti għal permess. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-attivitajiet koperti mill-punt 6 tal-Anness III tad-DRA, li jirreferi għas-“separazzjoni ta’ l-ilma u t-tiġbir ta’ l-ilma bla ħsara għal permess skond id-[DQI]”. |
46. |
Interpretazzjoni sistematika tikkonferma li r-rwol tal-permessi fil-qafas tad-DRA ma għandux ikun dak li jeskludu b’mod ġenerali d-dannu kopert minnhom mid-definizzjoni globali tad-dannu lill-ilma. Kif sostniet il-Kummissjoni, l-Artikolu 8(4)(a) tad-DRA jikkorrobora din il-konklużjoni. |
47. |
L-Artikolu 8(1) tad-DRA jistabbilixxi li, bħala prinċipju, l-operatur għandu jbati l-ispejjeż għall-azzjonijiet preventivi u rimedjali. Madankollu, l-Artikolu 8(4) tad-DRA jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu li operatur ma jbatix l-ispejjeż tal-azzjonijiet rimedjali meta l-operatur jista’ juri li ma kellux tort jew ma kienx negliġenti f’żewġ sitwazzjonijiet: (a) meta l-każ kien awtorizzat espressament; u (b) meta l-attività ma kinitx ikkunsidrata li x’aktarx tista’ tikkawża dannu skont l-istat tal-għarfien xjentifiku u tekniku fil-mument meta seħħet. |
48. |
Huwa minnu li l-Artikolu 8(4)(a) tad-DRA jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jintroduċu “difiża” għall-operaturi sabiex dawn ma jkollhomx ibatu l-ispejjeż tal-azzjoni preventiva u rimedjali. |
49. |
Madankollu, l-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG ma jistax jitqies bħala li jimplementa l-Artikolu 8(4)(a) tad-DRA. |
50. |
Fl-ewwel lok, kif tajjeb issuġġeriet il-Kummissjoni, ma hemm xejn fid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-Awstrija għażlet li tadotta din l-għażla fid-dritt nazzjonali. |
51. |
Fit-tieni lok, anki jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG jidher li għandu kamp ta’ applikazzjoni ħafna iktar wiesa’ minn sempliċi “difiża” f’idejn l-operaturi li tippermettilhom ma jbatux il-piż tal-ispiża rimedjali. Huwa jeskludi mill-kunċett ta’ dannu kull dannu lill-ilma kopert b’permess taħt il-WRG, u għaldaqstant jipprekludi l-obbligi tad-DRA dwar l-ispejjeż preventivi u rimedjali milli b’xi mod jiskattaw. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(4)(a) tad-DRA ma jeliminax l-obbligi li jikkonċernaw l-ispejjeż preventivi. Barra minn hekk, ir-regoli li jikkonċernaw l-azzjoni preventiva u l-azzjoni rimedjali pprovduti fl-Artikoli 5 u 6 tad-DRA jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħżlu li jieħdu azzjoni huma stess ( 11 ). |
52. |
Fit-tielet lok, hemm żewġ elementi speċifiċi tal-Artikolu 8(4)(a) tad-DRA li għandhom jiġu nnotati: (i) il-prova dwar in-nuqqas ta’ tort jew negliġenza; u (ii) il-fatt li emissjoni jew każ ikun ġie awtorizzat espressament u jkun kompletament konformi mal-kundizzjonijiet tal-permess mogħti. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(4)(a) tad-DRA teżiġi b’mod ċar li l-operatur għandu “juri” li dan huwa l-każ. Dan imbagħad jeħtieġ, b’mod ċar, analiżi individwali każ b’każ, li matulha jridu jiġu evalwati l-intenzjoni tal-operatur u l-fatt li l-“emissjoni jew każ” baqa’ fil-parametri tal-permess. L-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG, li jidher li japplika minkejja l-eżistenza ta’ tort jew negliġenza, jidher li jmur kontra dawn ir-rekwiżiti. |
53. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali u awtomatiku, dannu li għandu effett negattiv sinjifikattiv fuq l-istatus ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet ikkonċernati mill-kunċett ta’ dannu ambjentali, fejn id-dannu huwa kopert b’permess mogħti skont id-dritt nazzjonali. |
C – Ir-raba ’ domanda- ir-riferiment għall-Artikolu 4(7) tad-DQI
54. |
Fil-każ li l-“eċċezzjoni” pprovduta fl-Artikolu 4(1)(a) tal-B‑UHG kellha tiġi ddikjarata inkompatibbli mal-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA (kif ipproponejt fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(7) tad-DQI għandux jiġi applikat direttament. F’din id-domanda hemm implikata l-kwistjoni dwar jekk hijiex il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk humiex sodisfatti l-kriterji stabbiliti b’dik id-dispożizzjoni, sabiex jiġi stabbiliti jekk seħħx id-dannu ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA. |
55. |
Ir-risposta konċiża tiegħi għaż-żewġ domandi speċifiċi magħmula mill-qorti nazzjonali hija “le”. |
56. |
Fl-ewwel lok, naqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 4(7) tad-DQI ma japplikax direttament. Apparti l-evalwazzjoni pjuttost elużiva ta’ dak li huwa ċar u preċiż, din id-dispożizzjoni ċertament ma hijiex inkundizzjonata. L-applikazzjoni tagħha hija suġġetta għal numru ta’ passi ulterjuri ta’ implementazzjoni, serje ta’ verifiki kwalitattivi, li fihom l-Istati Membri x’aktarx li jgawdu diskrezzjoni kunsiderevoli. Ir-riferiment għall-Artikolu 4(7) tad-DQI li jinsab fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA ma jbiddel xejn fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni. |
57. |
In-nuqqas ta’ effett dirett tal-Artikolu 4(7) tad-DQI, kemm waħdu jew kif integrat bir-riferiment fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA, jantiċipa r-risposta fin-negattiv lit-tieni parti tar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tiegħi, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tagħmel evalwazzjoni indipendenti tal-kriterji taħt l-Artikolu 4(7) tad-DQI, anki jekk hemm riferiment għalih fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA ( 12 ). |
58. |
Id-DRA topera mill-qrib ma’ strumenti ambjentali oħra tal-Unjoni. Il-premessa 5 tagħha tesprimi l-għan li tiġi żgurata l-koerenza u l-funzjonament sistematiku tajjeb tad-DRA fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti oħra, u tindika l-bżonn li jintużaw kriterji komuni fid-definizzjoni tal-kunċetti li joħorġu minn strumenti oħra tad-dritt ambjentali tal-Unjoni. L-għan tal-koerenza huwa rifless fl-Artikolu 2(5) tad-DRA, li fih l-“ilma” jfisser “kull ilma msemmija fid-[DQI]”. Id-definizzjoni ta’ danni lill-ilma tkompli tirrifletti dan billi tirreferi għad-definizzjonijiet speċifiċi tad-DQI, pereżempju, l-“istatus kwantitattiv” u “status ekoloġiku”. Id-definizzjoni ta’ “danni lill-ilma” fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA teskludi wkoll “l-effetti negattivi meta l-Artikolu 4(7) ta[d-DQI] jgħodd”. L-istorja leġiżlattiva turi li l-għan tar-riferiment għal din l-eċċezzjoni fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA huwa preċiżament sabiex jittieħed kont tad-derogi speċifiċi permessi mid-DQI ( 13 ). Fejn jiġi eskluż ksur tad-DQI minn Stat Membru minħabba li jkunu ġew sodisfatti l-kriterji stretti tal-Artikolu 4(7), l-Artikolu 2(1)(b) tad-DQI jistabbilixxi li lanqas ma għandhom jiskattaw il-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà ambjentali tad-DRA. |
59. |
Id-deroga stabbilita fl-Artikolu 4(7) tad-DQI tapplika għal modifiki jew alterazzjonijiet ġodda jew attivitajiet ta’ żvilupp sostenibbli ġodda, jekk ikunu sodisfatti numru ta’ kriterji u kundizzjonijiet ( 14 ). L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tista’ tiġi żgurata biss permezz tal-evalwazzjoni ta’ parametri differenti u pjuttost tekniċi stabbiliti mid-DQI ( 15 ). Dan jinkludi, inter alia, l-eżistenza ta’ pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, li jistabbilixxi b’mod speċifiku r-raġunijiet għall-modifiki jew alterazzjonijiet ( 16 ). |
60. |
Minn aspett istituzzjonali, l-Artikolu 3(2) tad-DQI jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-arranġamenti amministrattivi xierqa għall-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva f’kull distrett tal-baċin tax-xmara, inkluż l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ( 17 ). Id-DQI ma tistabbilixxix l-awtoritajiet speċifiċi responsabbli sabiex jiżguraw l-osservanza tal-kriterji tal-Artikolu 4(7). Għaldaqstant, huwa l-qafas legali nazzjonali ta’ implementazzjoni li għandu jiddefinixxi l-proċeduri speċifiċi u l-awtoritajiet kompetenti mogħnija bir-rwol li jiżguraw li jkunu osservati l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 4(7) tad-DQI. |
61. |
Ma hemm xejn fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li l-Awstrija naqset milli timplementa l-Artikolu 4(7) tad-DQI fid-dritt nazzjonali jew li hija naqset milli timplementah b’mod korrett ( 18 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza stabbilita teżiġi li meta tkun ġiet implementata direttiva, l-effett tagħha għandu jolqot lill-individwi primarjament permezz ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati mill-Istat Membru korrispondenti ( 19 ). |
62. |
Il-possibbiltà li tintuża l-esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA hija bbażata fuq il-fatt li jkun japplika l-Artikolu 4(7) tad-DQI. Madankollu, din l-applikazzjoni ssir skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta’ implementazzjoni u skont il-proċeduri stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 4(7) tad-DQI. Id-definizzjoni tal-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA, b’riferiment għall-Artikolu 4(7) tad-DQI, ma tistax għaldaqstant tinftiehem bħala li tobbliga lill-qrati nazzjonali jinjoraw l-arranġamenti proċedurali u istituzzjonali nazzjonali eżistenti stabbiliti sabiex ikunu osservati l-obbligi stabbiliti mid-DQI. Dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà li d-deċiżjonijiet adottati minn dawn l-awtoritajiet ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. |
63. |
Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda tkun kif ġej: l-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “dannu ambjentali”, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tapplika l-kriterji tal-Artikolu 4(7) tad-DQI direttament fl-assenza ta’ evalwazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti taħt id-DQI. |
D – It-tieni domanda – detenturi ta ’ permessi għas-sajd u locus standi
64. |
It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju hija: l-Artikoli 12 u 13 tad-DRA jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-persuni li għandhom permessi għas-sajd jibdew proċedura ta’ reviżjoni (il-“proċedura ta’ reviżjoni taħt l-Artikolu 13”) fir-rigward ta’ dannu ambjentali kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva? |
65. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 11(1) tal-B‑UHG jipprovdi li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li d-drittijiet tagħhom jistgħu jinkisru b’dannu ambjentali jistgħu jippreżentaw ilment ambjentali. L-Artikolu 11(2) tal-B‑UHG jispeċifika d-drittijiet li jistgħu jiġu invokati: fir-rigward tal-ilma, il-punt 2 ta’ din id-dispożizzjoni jinkludi “drittijiet eżistenti fis-sens tal-Artikolu 12(2) tal-[WRG]”. Madankollu, l-Artikolu 12(2) tal-WRG ma jsemmix id-drittijiet ta’ persuni li għandhom permessi għas-sajd. Il-qorti tar-rinviju tispjega li interpretazzjoni litterali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tipprekludi lid-detenturi ta’ permessi għas-sajd milli jippreżentaw ilment ambjentali fir-rigward tad-dannu relatat mal-permessi għas-sajd tagħhom. |
66. |
Il-Gvern Awstrijak isostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huma konformi mal-Artikoli 12 u 13 tad-DRA. Il-fatt li d-detenturi ta’ permessi għas-sajd ma jissemmewx espliċitament fl-Artikolu 12(2) tal-WRG, li għalih jirreferi l-Artikolu 11(1) tal-B‑UHG, huwa kopert b’marġini ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri taħt l-imsemmija direttiva. |
67. |
Ir-rikorrent u l-Kummissjoni huma ta’ fehma opposta. L-Artikoli 12 u 13 tad-DRA jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li teskludi lid-detenturi ta’ permessi għas-sajd milli jressqu proċedura ta’ reviżjoni taħt l-Artikolu 13. Din il-kategorija ta’ detenturi ta’ drittijiet hija koperta mill-Artikolu 12(1)(a) peress li huma “milquta jew x’aktarx ikunu milquta mid-danni ambjentali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni targumenta, alternattivament, li d-detenturi ta’ permessi għas-sajd huma koperti mill-Artikolu 12(1)(ċ) tad-DRA. |
68. |
Jiena naqbel mar-rikorrent u mal-Kummissjoni. Jiena tal-fehma li l-Artikolu 12(1) fih tliet kategoriji indipendenti ta’ individwi li għandu jingħatalhom locus standi taħt id-dritt nazzjonali (1). Fil-fehma tiegħi, id-detenturi ta’ permessi għas-sajd huma “milquta jew x’aktarx ikunu milquta” fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-DRA (2). Alternattivament, id-detenturi ta’ permessi għas-sajd jistgħu jitqiesu bħala li huma koperti mill-Artikolu 12(1)(ċ) tad-DRA, dment li jallegaw tfixkil ta’ dritt (3). |
1. Ir-relazzjoni bejn il-kategoriji individwali tal-Artikolu 12(1) tad-DRA
69. |
L-Artikolu 13(1) tad-DRA jipprovdi għall-aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni b’riferiment għall-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 13(2) jipprovdi li din id-direttiva hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja. L-Artikolu 12 tad-DRA jelenka l-kategoriji ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom dritt jippreżentaw osservazzjonijiet li jirrigwardaw dannu ambjentali. Dawn it-tliet kategoriji huma persuni: (a) milquta jew x’aktarx ikunu milquta mid-danni ambjentali; jew (b) li għandhom interess biżżejjed fid-deċiżjonijiet dwar l-ambjent li għandhom x’jaqsmu ma’ danni; jew, inkella, (ċ) li jallegaw it-tfixkil ta’ dritt, meta l-liġi proċedurali amministrattiva tal-Istati Membru titlob dan bħala kundizzjoni preliminari. |
70. |
X’inhi r-relazzjoni loġika bejn dawn it-tliet kategoriji? B’mod partikolari, Stat Membru huwa obbligat jagħti locus standi taħt id-dritt nazzjonali lit-tliet kategoriji kollha, jew jista’ jagħżel waħda minnhom biss? |
71. |
Il-Kummissjoni u r-rikorrent argumentaw li l-persuni f’dawn it-tliet kategoriji kollha jibbenefikaw mid-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13 tad-DRA. L-użu ta’ “jew” u “inkella” fl-Artikolu 12(1) ma jagħtix lill-Istati Membri l-għażla li jeskludu xi wħud minn dawn il-kategoriji. |
72. |
Jiena naqbel. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-DRA telenka tliet kategoriji ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, kkunsidrati b’mod alternattiv u b’mod awtonomu, għandhom locus standi. Huwa jistabbilixxi tliet toroq indipendenti għall-proċeduri msemmija fl-Artikoli 12 u 13 tad-DRA ( 20 ). |
73. |
Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 12(1) tad-DRA huwa differenti minn dispożizzjonijiet oħra li jirrigwardaw id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja li jinsabu f’direttivi ambjentali oħra tal-Unjoni ( 21 ). Filwaqt li ġiet immudellata fuq il-Konvenzjoni ta’ Århus ( 22 ), il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet teżiġi b’mod ġenerali li l-Istati Membri jipprovdu aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni speċifiċi, skont is-sistemi legali nazzjonali tagħhom, lill-membri tal-pubbliku kkonċernati (iddefiniti b’mod ġenerali bħala persuni milquta jew x’aktarx li jkunu milquta) jekk: (i) ikollhom interess suffiċjenti; jew (ii) jallegaw tfixkil ta’ dritt. |
74. |
Dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li fihom għażliet alternattivi li jirrigwardaw l-ammissibbiltà ta’ azzjoni. L-Istati Membri huma mbagħad intitolati jagħżlu minn dawn l-għażliet meta jimplementaw id-direttivi tal-Unjoni rispettivi ( 23 ). |
75. |
Min-naħa l-oħra, u b’formulazzjoni differenti, l-Artikolu 12(1) tad-DRA jistabbilixxi t-tliet kategoriji ta’ persuni: (a), (b) u (ċ). Il-persuni f’dawn il-kategoriji “għandhom ikunu intitolati” li jippreżentaw osservazzjonijiet u li jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu passi. Għaldaqstant, l-Artikolu 12(1) tad-DRA ma jagħtix possibbiltajiet ta’ implementazzjoni differenti lill-Istati Membri. Minflok, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tliet alternattivi f’termini ta’ sitwazzjonijiet individwali, li kollha kemm huma għandhom ikunu implementati mid-dritt nazzjonali. Jekk tkun teżisti s-sitwazzjoni fattwali, il-persuni fi kwalunkwe waħda minn dawn it-tliet kategoriji għandu jkollhom locus standi fuq livell nazzjonali, indipendentement minn xulxin. |
76. |
Għaldaqstant, b’kuntrast mal-formulazzjoni tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq, il-kategorija prevista fl-Artikolu 12(1)(a) ma tirrappreżentax “chapeau” komuni għaż-żewġ alternattivi l-oħra. Hija tikkostitwixxi kategorija għaliha ta’ individwi li huma intitolati jitolbu li jittieħdu passi u li għandhom aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni. |
77. |
Fi ftit kliem, il-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-DRA hija alternattiva fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha, iżda kumulattiva fir-rigward tal-implementazzjoni tagħha. |
78. |
Finalment, il-fatt li l-kategoriji ta’ persuni intitolati taħt l-Artikolu 12(1)(b) u (ċ) tad-DRA jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jikkoinċidu ma’ dawk taħt l-Artikolu 12(1)(a) ma jbiddilx din il-konklużjoni. Mill-aspett ta’ firxa, huwa minnu li l-Artikolu 12(1)(a) x’aktarx li jikkostitwixxi l-iktar kategorija wiesgħa. Madankollu, sakemm kull waħda mit-tliet kategoriji tista’ tingħata tifsira u portata indipendenti, huma jistgħu jirrappreżentaw tliet settijiet distinti loġikament. Ir-rekwiżit ċertament li ma huwiex li huma għandhom ikunu ssiġillati ermetikament minn xulxin. |
2. L-Artikolu 12(1)(a) tad-DRA
79. |
Fl-assenza ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali, il-kunċett ta’ persuni “milquta jew x’aktarx li jkunu milquta” għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fuq livell tal-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex ( 24 ). F’dan ir-rigward, kif innutat ġustament il-Kummissjoni, it-tifsira komuni tal-kliem f’dan il-kunċett twassal għall-konklużjoni li “milquta” hija ddefinita b’riferiment għal sitwazzjoni fattwali, u dan b’kuntrast mas-sitwazzjonijiet fl-Artikolu 12(1)(b) u (ċ). Taħt il-punt (b) jew (ċ), il-locus standi jirriżulta minn sitwazzjoni legali (tfixkil ta’ dritt) jew interess biżżejjed fit-teħid tad-deċiżjoni. L-applikazzjoni tal-punt (a) tiddependi fuq l-eżistenza ta’ tħassib fattwali fir-rigward ta’ sitwazzjoni speċifika ta’ persuna fiżika jew ġuridika ( 25 ). |
80. |
Il-Gvern Awstrijak isostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huma koperti bil-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 12(1) tad-DRA. |
81. |
Jiena ma naqbilx. Huwa minnu li t-tieni inċiż tal-Artikolu 12(1) tad-DRA jipprovdi li “[d]ak li jikkostitwixxi ‘interess suffiċjenti’ u ‘tfixkil ta’ dritt’ għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri”. Madankollu, kif tajjeb sostna r-rikorrent, għalkemm taħt l-Artikolu 12(1)(b) u (ċ) l-Istati Membri jibqgħalhom marġini ta’ diskrezzjoni usa’, dan ma huwiex il-każ taħt l-Artikolu 12(1)(a), li ma huwiex suġġett għal xi kwalifika simili. |
82. |
L-Artikolu 13(2) tad-DRA, li skontu din id-direttiva għandha tkun bla ħsara għal kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tirregola l-aċċess għall-ġustizzja, ma jibdilx din il-konklużjoni. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja ma jistgħux iċaħħdu l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni lil dawk il-persuni li jkunu ngħataw locus standi taħt il-kriterji stabbiliti b’mod awtonomu fl-Artikolu 12(1), li għalih jirreferi l-Artikolu 13(1). Dan huwa fid-dawl tal-bżonn li titħares l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva relatati mar-rimedji legali. |
83. |
Dan is-suġġeriment huwa kkorroborat bi tliet argumenti oħra. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 12(1)(a) huwa miktub b’termini ġenerali. Kif tikkonferma l-premessa 25, il-persuni milquta negattivament jew dawk li x’aktarx ikunu milquta negattivament għandhom ikunu intitolati li jitolbu lill-awtoritajiet jieħdu passi. L-istess persuni rilevanti kkonċernati għandu jkollhom aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet tal-awtorità kompetenti [Artikolu 13(1) u premessa 26 tad-DRA]. Waħda mill-kisbiet kbar tad-DRA hija fil-fatt il-possibbiltajiet wiesgħa li hija tagħti lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex jeżiġu azzjoni u jitolbu stħarriġ ġudizzjarju tan-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet ( 26 ). |
84. |
Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tad-DRA li jirregolaw l-aċċess għall-ġustizzja għandhom jinqraw flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mal-prinċipju ta’ effettività. Ir-regoli proċedurali li jirregolaw l-azzjonijiet sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-individwu taħt id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ( 27 ). |
85. |
Fit-tielet lok, l-Artikolu 13 tad-DRA għandu jinqara wkoll fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, li jipprovdi li parti kontraenti fil-Konvenzjoni: “għandha tiżgura li, meta jkunu ssodisfatti l-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm tali kriterji, il-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha dwar l-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 28 ) . |
86. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw, “sa fejn ikun possibbli, id-dritt proċedurali li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi eżerċitat rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju kemm skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll skont l-għan ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni […]” ( 29 ). Anki jekk din id-dispożizzjoni tippermetti marġini ta’ diskrezzjoni wiesgħa ( 30 ), il-Kumitat ta’ Osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Århus iddikjara li l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandu jkun il-preżunzjoni, mhux l-eċċezzjoni ( 31 ). Nikkunsidra li l-bżonn li r-regoli proċedurali jiġu interpretati skont l-għanijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus huwa meħtieġ ukoll fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li, bħall-Artikolu 13(1) flimkien mal-Artikolu 12(1) tad-DRA, jirregolaw il-locus standi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-proċeduri ta’ reviżjoni. |
87. |
F’dan l-isfond, id-detentur ta’ permessi għas-sajd jidher li prima facie, u suġġett għall-verifiki fattwali li jsiru mill-qorti nazzjonali f’kull każ partikolari, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ persuni milquta jew x’aktarx li jkunu milquta bid-dannu lill-ilma fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) tad-DRA. |
88. |
Peress li ma hemmx indikazzjoni dwar jekk it-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni saritx permezz ta’ dispożizzjoni nazzjonali oħra (li huwa obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika), jidher li t-traspożizzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-DRA permezz tal-Artikolu 11(1) tal-B‑UHG ma hijiex kompluta. Dan peress li huwa jagħti aċċess biss għal proċeduri ta’ reviżjoni lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li d-drittijiet tagħhom –iddefiniti mid-dritt nazzjonali – jistgħu jkunu miksura mid-dannu ambjentali, mingħajr ma jagħti aċċess lil persuni milquta jew x’aktarx li jkunu milquta mid-dannu ambjentali lill-ilma, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(a) – bħalma huma d-detenturi tal-permessi għas-sajd. |
89. |
Bħala konklużjoni, it-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata risposta, fil-fehma tiegħi, kif ġej: l-Artikolu 12(1)(a) u l-Artikolu 13 tad-DRA jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li ma tippermettix lid-detenturi ta’ permessi għas-sajd jibdew proċedura ta’ reviżjoni fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ dannu ambjentali kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(b) tad-DRA. |
3. Artikolu 12(1)(ċ) tad-DRA
90. |
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra, madankollu, jew li d-detenturi tal-permessi għas-sajd ma humiex koperti mill-Artikolu 12(1)(a) tad-DRA, jew li l-kategorija ta’ “persuni milquta jew x’aktarx li jkunu milquta” ma tikkostitwixxix kategorija għaliha, jiena tal-fehma li l-konklużjoni tkun l-istess anki taħt l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-DRA. Il-bqija ta’ din il-parti, għaldaqstant, tagħmel b’mod konċiż analiżi alternattiva taħt l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-DRA. |
91. |
L-Artikolu 12(1)(ċ) tad-DRA jirreferi għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi “li jallegaw it-tfixkil ta’ dritt, meta l-liġi tal-proċedura amministrattiva ta’ l-Istati Membri titlob dan bħala prekondizzjoni”. |
92. |
Huwa minnu li l-Artikolu 12(1) tad-DRA jħalli f’idejn l-Istati Membri r-responsabbiltà li jiddeterminaw x’jikkostitwixxi t-“tfixkil ta’ dritt”. Dan ir-riferiment għad-dritt nazzjonali jikkostitwixxi, bla ebda dubju ta’ xejn, ir-rikonoxximent tal-marġini ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-Istati Membri ( 32 ). |
93. |
Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dispożizzjonijiet li jirreferu għall-kunċett ta’ “tfixkil ta’ dritt”, li jirrifletti l-kunċett użat mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, din id-diskrezzjoni ma hijiex assoluta ( 33 ). Fil-fatt, l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jillimita d-diskrezzjoni tal-Istati Membri meta jiddeterminaw ir-regoli għall-azzjonijiet legali inkwantu din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tagħti “aċċess wiesa’ għall-ġustizzja” ( 34 ). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għall-ġustizzja ma għandhomx ikunu interpretati b’mod strett ( 35 ). |
94. |
Il-fatt li r-riferiment għall-għan li jingħata “aċċess wiesa’ għall-ġustizzja” ma ġiex riprodott verbatim fl-Artikolu 12(1) tad-DRA ma jwassalx, fil-fehma tiegħi, għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 84 sa 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet japplikaw ukoll fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(ċ) tad-DRA. |
95. |
Għaldaqstant, jiena naqbel mal-Kummissjoni: il-marġini ta’ diskrezzjoni mħolli lill-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 12(1)(ċ) ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti esklużjoni en bloc ta’ gruppi sħaħ ta’ detenturi ta’ drittijiet milli jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 12 u 13 tad-DRA. Ir-riferiment għad-dritt nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat fiex jikkostitwixxi t-“tfixkil ta’ dritt” jintitola lill-Istati Membri jintroduċu kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi sabiex jiddefinixxu dan il-kunċett ( 36 ). Iżda l-fatt li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet huwa ħafna differenti mill-introduzzjoni ta’ esklużjonijiet en bloc ta’ gruppi kbar ta’ persuni li d-drittijiet tagħhom b’mod partikolari x’aktarx li jkunu milquta ( 37 ). |
96. |
Ir-raġuname jidher li japplika għad-detenturi ta’ permessi għas-sajd fir-rigward ta’ dannu ambjentali lill-ilma. Dan japplika a fortiori f’dan il-każ, peress li waqt is-seduta r-rikorrent iċċara li huwa detentur ta’ permess għas-sajd esklużiv fiż-żona li għaliha jirreferi r-rikors tiegħu. |
V – Konklużjoni
97. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 8, p. 357), kif emendata bid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006 (ĠU 2006 L 102, p. 15) u bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009 L 140, p. 114).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 5, p. 275).
( 4 ) 4 – BGBl. I, Nru 55/2009 tad-19 ta’ Ġunju 2009.
( 5 ) 5 – BGBl Nru 215/1959 tas-16 ta’ Ottubru 1959, kif emendata sussegwentement.
( 6 ) 6 – Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126 punti 40 u 41), u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 34); digriet tad-9 ta’ Marzu 2010, Buzzi Unicem et (C‑478/08 u C‑479/08, mhux ippubblikata, EU:C:2010:129, punt 32); u s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 44).
( 7 ) 7 – Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 43); u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 36).
( 8 ) 8 – C‑378/08, EU:C:2009:650, punti 67 u 68.
( 9 ) 9 – Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑346/14, EU:C:2016:322, punti 65 u 66), u tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 67).
( 10 ) 10 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland,C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50.
( 11 ) 11 – Ara l-Artikolu 5(3)(d) u (4) u l-Artikolu 6(2)(e) u (3) tad-DRA. Ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 88).
( 12 ) 12 – Hemm kwistjoni ta’ definizzjoni sottostanti li x’aktarx għandha tiġi rrikonoxxuta hawnhekk: l-integrazzjoni permezz tar-riferiment għal dispożizzjoni ta’ direttiva f’parti li tagħti d-definizzjonijiet f’direttiva differenti u l-kunsiderazzjoni potenzjali tagħha mill-qorti nazzjonali għandha fil-fatt tissejjaħ “effett dirett”? Jew inkella hija istanza ta’ interpretazzjoni ta’ kunċetti legali indeterminati f’direttiva b’riferiment għad-dispożizzjoni ta’ direttiva oħra? Tali diskussjoni akkademika tista’ tkun interessanti kemm trid, iżda hija għandha rilevanza limitata għad-domanda speċifika tal-qorti nazzjonali; ir-risposta utli għaliha, fil-fehma tiegħi, tidher li hija l-istess, indipendentement mill-kaxxa tassonomika li fiha eventwalment jitpoġġa dan il-fenomenu.
( 13 ) 13 – Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, COM (2002) 17 final, (ĠU 2002 C 151 E, p. 132).
( 14 ) 14 – Ara punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 15 ) 15 – Ara Common Implementation Strategy for the Water Framework Directive, -Guidance Document No. 20 on Eżenzjonijiet to the Environmental Directives, Technical Report 2009/027. Id-diffikultajiet tekniċi assoċjati mal-implementazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(7) tad-DQI rriżultaw fl-għoti ta’ mandat lil Grupp ta’ Ħidma Ad-hoc biex jabbozza Gwida fuq l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fil-qafas tal-programm ta’ xogħol 2016-2018 tal-Istrateġija ta’ Implementazzjoni Komuni għad-Direttiva qafas dwar l-ilma u għad-Direttiva tal-Għargħar.
( 16 ) 16 – Artikolu 4(7)(b) tad-DQI.
( 17 ) 17 – Skont l-Artikolu 3(8) tad-DQI, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’lista tal-awtoritajiet kompetenti u jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Anness I għal din id-direttiva.
( 18 ) 18 – Pjuttost għall-kuntrarju ta’ dan, il-Kummissjoni sostniet li din id-dispożizzjoni ġiet implementata fid-dritt nazzjonali, mingħajr ma kienet kontradetta fuq dan il-punt mill-partijiet. Jidher li d-dispożizzjoni ta’ implementazzjoni tinsab fl-Artikolu 104a(1) tal-WRG wara l-emenda tal-2003 tagħha (BGBl. 2003 I, Nru 82/2003 tad-29 ta’ Awwissu 2003. Wieħed jista’ jżid jgħid li s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 81) tat eżempju tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli taħt id-dritt Awstrijak. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4(1) u (7) tad-Direttiva 2000/60. Il-proċeduri għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fl-2007 oriġinaw minn deċiżjoni tal-Gvernatur tal-Land ta’ Styria li tat permess għall-bini ta’ impjant idroelettriku fix-xmara Schwarze Sulm. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li d-deċiżjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 u tista’ ġustament tqishom sodisfatti.
( 19 ) 19 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1982, Felicitas Rickmers-Linie (C‑270/81, EU:C:1982:281, punt 24).
( 20 ) 20 – Ara f’dan ir-rigward ukoll, B. J. Goldsmith u E. Lockhart-Mummery, “The ELD’s National Transposition”, f’L. Bergkamp u B. J. Goldsmith, The EU Environmental Liability Directive. A Commentary, Oxford University Press, 2013, p. 139-159 p. 157; A. Gouritin, EU Environmental Law, International Environmental Law, and Human Rights Law. The Case of Environmental Responsibility, Brill- Nijhoff, Leiden, Boston, 2016, p. 242; M. Eliantonio, “The Proceduralisation of EU environmental Legislation: International Pressures, Some Victories and Some Way to Go”, Review of European Administrative Law 2015 (1), Vol. 8, p. 99 sa 123.
( 21 ) 21 – Pereżempju, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU 2008 L 24, p. 8); imħassra bid-Direttiva 2010/75; l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU 2010 L 334, p. 17); l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1).
( 22 ) 22 – Ara l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”).
( 23 ) 23 – Sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 38); tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 38); u tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punti 33 u 35).
( 24 ) 24 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) 25 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li f’każ ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt ambjentali tal-Unjoni li huma biżżejjed preċiżi u inkundizzjonati, il-perunsi fiżiċi jew legali kkonċernati direttament minn ċerti riskji għandhom ikunu f’pożizzjoni li jressqu azzjoni quddiem il-qrati kompetenti. Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punti 39 u 42), u tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et (C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 100).
( 26 ) 26 – Ara, f’dan ir-rigward, G. Winter, J. H. Jans, R. Macrory u L. Krämer, “Weighing up the EC Environmental Liability Directive”, Journal of Environmental Law 20(2), 2008, p. 163-191, p. 171.
( 27 ) 27 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 49), u tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 33).
( 28 ) 28 – Il-Konvenzjoni ta’ Århus ma tissemmiex fid-direttiva. Madankollu, il-fatt li l-Artikoli 12 u 13 kienu intiżi li jinkitbu b’mod konformi mal-Konvenzjoni ta’ Århus huwa apparenti mid-diversi dokumenti li jirrigwardaw l-istorja leġiżlattiva (ara, pereżempju, Il-White Paper dwar ir-responsabbiltà ambjentali COM(2000)66 finali; Id-Dokumenti tal-Kunsill 14289/02 u 7606/03; Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali SEC(2003)1027 final; Rapport fuq il-proposta għal direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali – Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Affarijiet Legali u s-Suq Intern A5‑0145/2003). L-Artikolu 13 tad-DRA jitqies bħala li jimplementa l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus fil-Gwida għall-Implementazzjoni, p. 197.
( 29 ) 29 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C-240/09, EU:C:2011:125, punt 51).
( 30 ) 30 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe (C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5, punt 51).
( 31 ) 31 – The Aarhus Convention, An Implementation Guide, United Nations, it-Tieni Edizzjoni, 2014, p. 198, li jirreferi għall-komunikazzjoni ACCC/C/2005/11, (Belgium) (ECE/MP.PP/C.1/2006/4/Add.2, paragrafu 35). Għalkemm dan id-dokument ma għandux saħħa vinkolanti, huwa jista’ “[j]ittieħed inkunsiderazzjoni”. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 28).
( 32 ) 32 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 55); tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 50); u tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 38). Ara wkoll, f’das-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punti 32 u 33).
( 33 ) 33 – Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C-570/13, EU:C:2015:224, punt 39).
( 34 ) 34 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C-243/15, EU:C:2016:838, punt 58).
( 35 ) 35 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 40).
( 36 ) 36 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 50 et seq); u tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45), li jinterpretaw il-kunċett ta’ “ksur ta’ dritt” fl-Artikolu 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248) (illum l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punti 30 sa 35).
( 37 ) 37 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 42 et seq).