This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0454
Opinion of Advocate General Bobek delivered on 8 September 2016.#Jürgen Webb-Sämann v Christopher Seagon.#Request for a preliminary ruling from the Hessisches Landesarbeitsgericht.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Directive 2008/94/EC — Article 8 — Protection of employees in the event of the insolvency of their employer — Provisions related to social security — Scope — Measures necessary to protect immediate or prospective entitlements of employees under supplementary pension schemes — Obligation to provide for a right to have outstanding pension contributions excluded from the scope of insolvency proceedings — Absence.#Case C-454/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:653
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 ( 1 )
Kawża C‑454/15
Jürgen Webb-Sämann
vs
Christopher Seagon (li qed jaġixxi bħala amministratur tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ Baumarkt Praktiker DIY GmbH)
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessisches Landesarbeitsgericht (il-qorti għolja tax-xogħol, Hessen, il-Ġermanja)]
“Politika soċjali — Direttiva 2008/94 — Protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali — Kamp ta’ applikazzjoni — Obbligu fuq l-Istat Membru biex jiżgura li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tad-drittijiet immedjati jew prospettivi ta’ impjegati taħt skemi komplementari ta’ pensjoni”
I – Introduzzjoni
1. |
J. Webb-Sämann (ir-rikorrent) kien impjegat fuq bażi part-time minn Baumarkt Praktiker DIY GmbH u l-preċedessuri tagħha fid-dritt (iktar ’il quddiem “id-debitur ġenerali”). Ċerti ammonti ta’ flus kienu jinżammu mis-salarju tar-rikorrent mill-persuna li kienet timpjegah u kienu jiġu kkonvertiti f’kontribuzzjonijiet tal-pensjoni. F’Ottubru 2013, bdew proċeduri ta’ insolvenza kontra d-debitur ġenerali. Kien ċar li għall-perijodu bejn Jannar u Settembru 2013, id-debitur ġenerali ma kienx ħallas il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tar-rikorrent lill-fond ta’ pensjoni rilevanti. |
2. |
Il-kwisjtoni li tqum f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija jekk, meta persuna li timpjega ssir insolventi, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE ( 2 ) jeħtieġx li flus imnaqqsin mill-persuna li timpjega mis-salarju tal-impjegat sabiex jiġu ddepożitati f’fond komplementari ta’ pensjoni imma li fil-fatt ma jkunux tħallsu mill-persuna li timpjega f’kont separat, għandhom jiġu sseparati u esklużi mill-proċeduri ta’ insolvenza. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-UE
1. Direttiva 2008/94
3. |
Il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/94 tiddikajara li “[j]eħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat fil-Komunità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati”. |
4. |
L-Artikolu 1 jispjega l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva u jindika li tapplika għal “pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza […]”. |
5. |
L-Artikoli 3 sa 5 tad-direttiva qegħdin fil-Kapitolu II intitolat: “Disposizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet ta’ garanzija”. L-Artikolu 3 tad-direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu istituzzjonijiet ta’ garanzija sabiex iħallsu “pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg […]”. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikun indipendenti mill-kapital operattiv tal-persuna li timpjega u inaċċessibbli fi proċedura ta’ insolvenza taħt l-Artikolu 5(a) tad-direttiva. |
6. |
L-Artikolu 4 jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija dwar il-krediti pendenti tal-impjegati. L-Istat Membru jista’ jagħmel hekk billi jispeċifika t-tul tal-perijodu ta’ żmien li għalih għandhom jiġu ssodisfatti l-krediti pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Imbagħad l-Artikolu 4 jkompli jispjega l-limiti minimi li taħthom ma għandhomx jaqgħu l-limitazzjonijiet fuq ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija. |
7. |
L-Artikoli 6 sa 8 jikkostitwixxu l-Kapitolu III tad-direttiva li fiha d-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali. L-Artikolu 6 jagħti lill-Istati Membri l-għażla li “jistipulaw li [l-artikoli dwar l-obbligi tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija] ma japplikawx għall-kontribuzzjonijiet dovuti taħt skemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali jew taħt xi skemi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jidħlux fl-iskemi statutorji nazzjonali tas-sigurtà soċjali.” |
8. |
L-Artikoli 8 jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li jkunu diġa’ telqu mill-impriża jew negozju ta’ min iħaddem fid-data tal-bidu tal-insolvenza tiegħu fir-rigward tad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi pensjonistiċi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jkunux parti mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali”. |
2. Direttiva 2003/41/KE
9. |
Il-premessa 9 tad-Direttiva 2003/41 ( 3 ) tiddikjara li “l-Istati Membri għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom tal-pensjoni […]”. Il-premessa 18 tirrikonoxxi li fil-“każ ta’ falliment ta’ l-impriża li tisponsorja, membru jiffaċċa r-riskju li jitlef kemm l-impjieg tiegħu/tagħha u d-drittijiet akkwistati tal-pensjoni tiegħu/tagħha. Dan jagħmel meħtieġ li jiġi assigurat li jkun hemm separazzjoni ċara bejn l-impriża u l-istituzzjoni u li standardsminimi ta’ prudenza jiġu preskritti biex jipproteġu l-membri”. |
10. |
L-Artikolu 8 jeħtieġ li kull “Stat Membru għandu jassigura li jkun hemm separazzjoni legali bejn impriża li tisponsorja u istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali sabiex l-attiv ta’ l-istituzzjoni jiġu salvagwardati fl-interessi tal-membri u l-benefiċjarji fil-każ ta’ falliment ta’ l-impriża li tisponsorja”. |
B – Id-dritt Ġermaniż
11. |
Il-paragrafu 47 tal-Insolvenzordnung (regolament dwar l-insolvenza Ġermaniż ( 4 )) jippermetti li l-proprjetà tiġi eskluża mill-proċeduri ta’ insolvenza meta persuna turi dritt reali jew personali għal dik il-proprjetà u jistabbilixxi li dik il-proprjetà ma għandhiex tkun parti mill-proċeduri ta’ insolvenza. |
12. |
Skont it-tweġiba bil-miktub li pprovda l-Gvern Ġermaniż f’din il-kawża, l-Artikolu 165(1) tas-Sozialgesetzbuch, Drittes Buch (kodiċi tas-sigurtà soċjali, Ktieb III ( 5 )) jistabbilixxi li impjegati ta’ kumpanniji insolventi għandhom dritt għal kumpens jekk kienu impjegati fit-territorju nazzjonali u jekk, meta nbdew il-proċeduri ta’ insolvenza, xorta kellhom drittijiet għal remunerazzjoni matul it-tliet xhur ta’ impjieg ta’ qabel. |
13. |
Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 165(2), jekk l-impjegat ikkonverta parti mis-salarju tiegħu jew tagħha f’kontribuzzjonijiet għal pensjoni, dik il-konverżjoni titqies li ma seħħitx għall-kalkolu tal-kumpens għal impjegati ta’ kumpanniji insolventi sa fejn il-persuna li timpjega ma tkunx ħallset dawk il-kontribuzzjonijiet lill-fond ta’ pensjoni rilevanti jew lill-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni. |
14. |
Fit-tweġiba bil-miktub tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż jinvoka wkoll l-Artikolu 7 tal-Betriebsrentengesetz (liġi dwar it-titjib tal-pensjonijiet tal-irtir okkupazzjonali ( 6 )). L-Artikolu 7 jipproteġi d-drittijiet kweżiti għall-benefiċċji taħt skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali tal-impjegati billi jingħataw dritt li jitolbu mill-Pensions-Sicherung-Verein (assoċjazzjoni għall-garanzjija tal-pensjoni) somma li tikkorrispondi għall-ammont li l-persuna li timpjega kieku kienet tħallas lill-fond ta’ pensjoni jew tal-assigurazzjoni tagħhom kieku l-proċeduri ta’ insolvenza ma kinux inbdew. |
III – Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domanda preliminari
15. |
Ir-rikorrent kien ilu impjegat mit-18 ta’ Novembru 1996 fuq bażi part-time mid-debitur ġenerali. |
16. |
Kif jidher mill-proċess quddiem il-qorti, bis-saħħa ta’ ftehim kollettiv, l-impjegati tad-debitur ġenerali ġew offruti erba’ opzjonijiet fir-rigward ta’ tnaqqis mis-salarju tagħhom għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni: (i) konverżjoni ta’ allowance għall-ikel f’kontribuzzjoni għall-iskema komplementari ta’ pensjoni li tammonta għal EUR 275 fis-sena; (ii) ħlas wieħed annwali ta’ EUR 300 (EUR 160.08 għall-ħaddiema part-time); (iii) konverżjoni ta’ pagi sa EUR 50 fix-xahar u (iv) konverżjoni ta’ ħlas għall-btajjel ta’ EUR 500 fis-sena. |
17. |
L-impjegati setgħu jagħmlu għażla waħda jew iżjed minn dawn. L-ammonti korrispondenti mbagħad jinżammu mis-salarji tal-impjegati u jiġu kkonvertiti f’kontribuzzjonijiet tal-pensjoni sabiex jiġu ttrasferiti f’fond ta’ pensjoni. |
18. |
Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent jidher li huwa għażel l-erba’ opzjonijiet kollha. |
19. |
Fl-1 ta’ Ottubru 2013, inbdew proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi tad-debitur ġenerali. C. Seagon (il-konvenut) inħatar amministratur. |
20. |
Ir-rikorrent isostni quddiem il-qorti tar-rinviju li għall-perijodu bejn Jannar sa Ġunju 2013 ( 7 ), il-flus imnaqqsin mis-salarju tiegħu u kkonvertiti f’kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, li ammontaw għal EUR 1017.56, kellhom jitħallsu mid-debitur ġenerali fil-kont tal-fond ta’ pensjoni okkupazzjonali tiegħu ma’ Hamburger Pensionskasse (iktar ’il quddiem “il-Fond ta’ Pensjoni ta’ Hamburg”) ( 8 ). |
21. |
Ir-rikorrent jissottometti li peress li d-debitur ġenerali ma ttrasferixxiex il-flus lill-fond ta’ pensjoni, huwa intitolat li jkollu dawk l-ammonti esklużi mill-portata tal-proċeduri ta’ insolvenza bis-saħħa tal-paragrafu 47 tar-Regolament dwar l-Insolvenza Ġermaniż. Huwa jsosnti li dawk l-ammonti jinżammu fuq bażi fiduċjarja (fuq il-bażi ta’ ftehim fiduċjarju) għalih. |
22. |
Fil-każ li dawk l-ammonti ma jiġux esklużi mill-portata tal-proċeduri ta’ insolvenza, ir-rikorrent isostni li dan jammonta għall-ksur tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94. |
23. |
L-amministratur isostni li ma kien hemm l-ebda ftehim fiduċjarju bejn ir-rikorrent u d-debitur ġenerali. Barra minn hekk, billi l-ammonti kkontestati qatt ma ħarġu mill-assi tal-persuna li timpjega, l-amministratur jippretendi li ma jistgħux jiġu esklużi mill-proċeduri ta’ insolvenza skont l-Artikolu 47 tar-Regolament dwar l-Insolvenza Ġermaniż. |
24. |
L-Arbeitsgericht (il-qorti tax-xogħol) ċaħdet it-talba tar-rikorrent. Hija ddeċidiet li peress li r-rikorrent ma kienx ressaq talba għal ħlas lilu nnifsu iżda biss talba għall-ħlas lil fond ta’ pensjoni, huwa ma kellux kawża. Hija ddeċidiet ukoll li r-rikorrent ma kienx ipprova li kellu ftehim fiduċjarju mad-debitur ġenerali. U anki kieku dan seta’ jiġi ppruvat, id-dritt għall-esklużjoni xorta ma kienx jirnexxi peress li l-flejjes li jridu jiġu esklużi ma kinux identifikabbli minn flejjes oħrajn fil-proċeduri ta’ insolvenza. |
25. |
Ir-rikorrent appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li kien hemm ftehim fiduċjarju mad-debitur ġenerali fir-rigward tal-ammonti mnaqqsin mis-salarju tiegħu għall-ħlas lill-fond ta’ pensjoni. |
26. |
Fid-dawl tal-argumenti mressqin mir-rikorrent, il-Hessisches Landesarbeitsgericht (qorti għolja tax-xogħol, Hessen) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet it-talba għal deċiżjoni preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Interpretazzjoni nazzjonali li tipprevedi li djun salarjali dovuti, li ġew fdati lill-persuna li timpjega sabiex jinżammu għandu bil-għan li jitħallsu f’data stabbilita fi fond ta’ rtirar, iżda li ma tħallsux minn dan tal-aħħar f’kont separat sabiex b’hekk tali djun huma esklużi mid-dritt ta’ separazzjoni mill-massa tal-falliment previst fl-Artikolu 47 tar-regolament dwar l-insolvenza (Insolvenzordnung), tikser id-dispożizzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE jew id-dritt tal-Unjoni?” |
27. |
Ir-rikorrent, il-konvenut u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lill-Gvern Ġermaniż mistoqsija li kellha titwieġeb bil-miktub qabel is-seduta. Ir-rikorrent, il-konvenut, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż kollha ressqu argumenti orali fis-seduta li saret fl-4 ta’ Lulju 2016. |
IV – Kunsiderazzjonijiet
28. |
Il-kwistjonijiet imqajmin fid-domanda preliminari mill-qorti nazzjonali se jiġu ttrattati fi tliet partijiet f’dawn il-konklużjonijiet. |
29. |
L-ewwel nett, b’reazzjoni għall-osservazzjonijiet li ppreżentaw il-partijiet, se nibda billi niddiskuti liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE huma rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula. Jiena nikkonkludi, bi qbil mal-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huwa tassew l-iktar dispożizzjoni rilevanti fil-każ ineżami. |
30. |
It-tieni nett, se nipproponi li nagħti risposta lid-domanda preċiża li għamlet il-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 ma jeħtieġx li l-flejjes imnaqqsin minn persuna li timpjega, li issa tkun insolventi, mis-salarju ta’ impjegat sabiex jiġu ddepożitati ġewwa fond komplementari ta’ pensjoni ( 9 ) imma li fil-fatt ma jkunux tħallsux mill-persuna li timpjega f’kont separat jew f’fond ta’ pensjoni, għandhom jiġu esklużi mill-proċeduri ta’ insolvenza. |
31. |
It-tielet nett, sabiex tingħata risposta sħiħa u utli lill-qorti nazzjonali, jiena se nżid xi ftit suġġerimenti fil-konklużjoni dwar x’eżitu huma meħtieġa li jaslu għalih l-Istati Membri taħt l-Artikolu 8. Se nagħmel ukoll xi osservazzjonijiet prattiċi dwar l-importanza tal-mezzi użati mill-Istati Membri li attwalment ikunu kapaċi jaslu għal dak l-eżitu. |
A – Identifikazzjoni tal-liġi(jiet) u dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE
1. Il-liġi sekondarja rilevanti tal-UE
32. |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent jagħmel riferiment għad-Direttiva 2003/41. B’mod partikolari, huwa jiffoka fuq ir-rekwiżit fl-Artikolu 8 ta’ dik id-direttiva fejn l-Istat Membru għandu jiżgura li hemm separazzjoni legali bejn persuna li timpjega ( 10 ) u fond ta’ pensjoni biex l-assi tal-fond ta’ pensjoni jiġu protetti fil-każ ta’ falliment jew insolvenza tal-persuna li timpjega. |
33. |
Filwaqt li s-separazzjoni ta’ persuna li timpjega minn fond ta’ pensjoni tipproteġi xi ftit id-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati, dik waħedha ma hijiex biżżejjed biex tindirizza l-kwisjtoni li tqajjem il-kawża tal-lum ( 11 ). L-eżistenza ta’ separazzjoni legali bejn il-fond ta’ pensjoni u l-persuna li timpjega ma ssolvix il-problema li tinħoloq meta l-persuna li timpjega fil-fatt ma tħallasx il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-impjegati lill-fond ta’ pensjoni, dment li r-rekwiżit ta’ separazzjoni legali bejn il-persuna li timpjega u l-fond ta’ pensjoni ma jiġix interpretat b’mod pjuttost estrem b’tali mod li jkun jammonta għal rekwiżit ta’ separazzjoni immedjata u awtomatika tal-assi tagħhom. Dik l-interpretazzjoni iktar estrema ma tirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/41. Għalhekk, fil-fehma tiegħi s-separazzjoni bejn il-persuna li timpjega u l-fond ta’ pensjoni għandha sinjifikat biss jekk il-flus ikunu attwalment ġewwa l-fond ta’ pensjoni. |
34. |
Dan huwa enfasizzat mill-fatti kif ippreżentati f’din il-kawża. Jidher li fil-fatt kien hemm konformità mar-rekwiżit ta’ separazzjoni legali bejn id-debitur ġenerali (il-persuna li timpjega) u l-Fond ta’ Pensjoni ta’ Hamburg għall-finijiet tal-protezzjoni tal-assi tiegħu. Il-flejjes attwalment ġewwa l-Fond ta’ Pensjoni ta’ Hamburg huma ħielsa mill-proċeduri ta’ insolvenza kontra l-persuna li timpjega ( 12 ). Madankollu, tibqa’ l-kwistjoni dwar x’jiġri mill-flus li għadhom għand il-persuna li timpjega imma li kellhom jitħallsu lill-fond ta’ pensjoni. |
35. |
Għalhekk, l-istess kif iddikjarat il-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li d-Direttiva 2003/41 hija ta’ rilevanza minima biex issolvi l-problema prattika li tinqala fil-każ ineżami. L-analiżi xierqa tal-problema għandha ssir taħt id-Direttiva 2008/94. |
2. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/94
36. |
Wieħed mill-argumenti li tressaq il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha huwa li d-dispożizzjoni rilevanti għall-każ ineżami huwa l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 u mhux l-Artikolu 8. Għalkemm il-Kummissjoni ma baqgħetx issostni dak l-argument waqt is-seduta, argument simili tressaq ukoll mill-konvenut u mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta. Għalhekk nikkunsidra li huwa meħtieġ li niddelinja l-konfini bejn l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8 tad-direttiva inġenerali, biex imbagħad, fuq dik il-bażi, niddetermina taħt liema minn dawk id-dispożizzjonijiet jaqa’ l-każ tal-lum. |
a) Il-konfini bejn l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94
37. |
Jiena tal-fehma li l-Artikolu 3 u 8 jikkoinċidu f’ċertu grad. Iż-żewġ artikoli jipprovdu forom komplementari ta’ protezzjoni. Jistgħu japplikaw b’mod parallel, kif issuġġeriet il-Kummissjoni waqt is-seduta. |
38. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/94 jistabbilixxi li Stat Membru jista’ jistipula li l-obbligi ta’ istituzzjonijiet ta’ garanzija ma għandhomx jestendu għal kontribuzzjonijiet dovuti taħt fondi ta’ pensjoni statutorji jew komplementari. Dan jindika li, sakemm ma jiġux esklużi mill-Istat Membru, fil-prinċipju, il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’applikazzjoni tal-Artikolu 3. |
39. |
L-Artikolu 8 jikkonċerna l-interessi tal-impjegati fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija taħt l-iskemi komplementari ta’ pensjoni. Loġikament, il-kontribuzzjonijiet għal pensjoni fl-aħħar mill-aħħar jiffinanzjaw il-benefiċċji ta’ pensjoni fil-futur tal-impjegat. Għalhekk hemm rabta naturali bejn l-Artikoli 3 u 8. |
40. |
Madankollu, wara li jingħad dak, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8 jidhru li għandhom miri u għanijiet kemxejn differenti. Bħala tali, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tagħhom ma humiex interkambjabbli għal kollox. Wara kollox, dan jispjega għaliex ma ntużax artikolu wieħed fid-direttiva, imma pjuttost żewġ dispożizzjonijiet separati u għaliex l-Artikoli 3 u 8 jidhru f’kapitoli differenti tad-direttiva. Id-differenzi bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma dawn li ġejjin: |
41. |
L-ewwel nett, l-Artikolu 3 għandu l-għan li jiggarantixxi, permezz ta’ istituzzjoni ta’ garanzija indipendenti, il-ħlas ta’ krediti pendenti tal-impjegati naxxenti mir-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħhom. Kreditu bħal dan jista’ jkun għall-kontribuzzjonijiet ta’ pensjonijiet, miksuba bħala parti mis-salarju tal-impjegat li kellu jitħallas mill-persuna li timpjega lill-fond ta’ pensjoni. Dan huwa evidenti minn kliem l-Artikolu 6 kif spjegat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jindika li, bħala prinċipju, l-Artikolu 3 ma jkoprix kontribuzzjonijiet tal-pensjoni. Madankollu, l-Artikolu 3 jagħmel riferiment għal “pretenzjonijiet pendenti” inġenerali. Għalhekk, jinkludi diversi talbiet oħrajn għal ħlas li jirriżultaw minn kuntratti tal-impjieg bħal ħlas ta’ kumpens għat-terminazzjoni tal-impjieg (meta d-dritt nazzjonali jipprovdi għaliha) u pagi, mhux biss kontribuzzjonijiet tal-pensjoni. |
42. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8 għandu kamp ta’ applikazzjoni materjali idjaq. Kuntrarjament għall-Artikolu 3, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 8 huwa limitat għall-fondi komplementari ta’ pensjoni b’kuntrast ma’ krediti pendenti inġenerali. |
43. |
It-tieni nett, l-Artikolu 3 essenzjalment jiggarantixxi li l-impjegati jirċievu dak li jkunu qalgħu diġà. Dan huwa evidenti mill-użu tal-kliem “pretenzjonijiet pendenti” li jindika li l-krediti li jagħmel riferiment għalihom irriżultaw fil-passat filwaqt li r-relazzjoni tal-impjieg kienet għadha għaddejja u kienu għadhom iridu jitħallsu. |
44. |
Iżda, l-Artikolu 8 jiffoka fuq mument differenti fiż-żmien. Dan jimponi obbligu fuq l-Istati Membri biex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati fir-rigward ta’ “drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija” taħt skemi supplimentari ta’ pensjoni. L-użu tal-kliem “immedjatament” u “prospettivament” jindika li l-Artikolu 8 jikkonċerna drittijiet li jirriżultaw fil-preżent jew se jirriżultaw fil-futur ( 13 ). |
45. |
It-tielet nett, l-għanijiet tal-Artikolu 3 u 8 għandhom jintlaħqu b’modi differenti. Filwaqt li l-Artikolu 3 għandu jitwettaq billi jsiru ħlasijiet lill-impjegati, l-Artikolu 8 jippermetti lill-Istati Membri li jieħdu “l-miżuri meħtieġa” mingħajr ma jiġi stipulat x’inhuma dawk il-miżuri. Dan jista’ jsir f’diversi modi, mhux sempliċiment billi jsiru ħlasijiet lill-impjegati ( 14 ). |
46. |
Ir-raba’, u fl-aħħar nett, l-interessi li qed jiġu protetti mill-Artikolu 3 u mill-Artikolu 8 huma differenti. Wieħed jista’ jgħid li l-Artikolu 3 jaħseb għax-“xokk” għal żmien qasir li l-impjegat jaffaċċja fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Hemm aċċenn għal dan fl-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva 80/987 fejn il-Kumitat jagħmel riferiment għall-fatt li matul il-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-persuna li timpjegahom “il-ħaddiema għandhom bżonn urġenti tal-pagi tagħhom sabiex ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum u dawk tal-familiji tagħhom” ( 15 ). Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Kokott irrikonoxxiet ukoll fil-kawża Robins li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ pagi skont l-Artikolu 3 x’aktarx ikun għal “żmien relattivament qasir” u li l-impjegati “jistgħu jirreaġixxu f’dawn il-kwistjonijiet relattivament malajr” ( 16 ). |
47. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8 huwa intiż li jipproteġi fit-tul id-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati. Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE jikkonferma din id-distinzjoni bejn l-Artikolu 3 u 8 billi jiddikjara li l-Artikolu 8 “ma għadux kwistjoni li tiġi ggarantita l-paga imma d-drittijiet għall-benefiċċji tax-xjuħija” ( 17 ). Kif qalet l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Robins “tnaqqis fid-drittijiet tal-pensjoni jkollu effett fuq il-perijodu sħiħ li fuqu tinħadem il-pensjoni” ( 18 ) u impjegat x’aktarx ma jkunx f’pożizzjoni li jkun jista’ jagħmel wisq biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ( 19 ). Huwa għalhekk li sempliċiment jingħataw lura l-“kontribuzzjonijiet” tal-pensjoni, kif previst fl-Artikolu 6 u 3 tad-Direttiva, ma huwiex biżżejjed biex ikun hemm konformità mal-protezzjoni tal-Artikolu 8 tad-“drittijiet” billi dak ma jissalvagwardax “ir-responsabbiltà li jitħallsu l-benefiċċji kurrenti jew futuri” fit-tul ( 20 ). |
b) Id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-każ preżenti
48. |
Minkejja li hemm ċerti differenzi bejn l-Artikoli 3 u 8 fil-kamp ta’ applikazzjoni, id-disinn u l-enfasi tagħhom kif urejt fit-taqsima ta’ qabel din, jiena ċertament nirrikonoxxi li każ jista’ jaqa’ taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet fl-istess ħin. Dik hija preċiżament is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “pretenzjonijiet pendenti” fis-sens tal-Artikolu 3, imma li fl-aħħar mill-aħħar jiffinanzjaw drittijiet immedjati u prospettivi għall-benefiċċji tax-xjuħija taħt l-iskemi komplementari tal-pensjoni fis-sens tal-Artikolu 8. |
49. |
Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-kawża preżenti tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 3 kif ukoll tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94. Billi, mid-dehra, il-Ġermanja ma għażlitx, skont l-Artikolu 6 tad-direttiva, li teskludi l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija tagħha stabbiliti skont l-Artikolu 3, ir-rikorrent għandu dritt li jitħallsulu l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni pendenti għall-perijodu ta’ żmien stipulat taħt il-liġi Ġermaniża li timplementa l-Artikoli 3 sa 5 ( 21 ). Skont il-liġi Ġermaniża msemmija fit-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż għall-mistoqsija li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, dak il-perijodu huwa ta’ tliet xhur. |
50. |
Barra minn hekk, billi l-każ preżenti jirrigwarda fond supplimentari ta’ pensjoni li kien issottoiffinanzjat peress li l-persuna li timpjega ma ħallsitx lill-fond il-kontribuzzjonijiet tar-rikorrent, l-interess tar-rikorrent fir-rigward tad-drittijiet futuri tiegħu għal pensjoni tiegħu se jiġi affettwat u għalhekk il-każ ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża Hogan ( 22 ), diġà kkonfermat li s-sottofinanzjament ta’ fond ta’ pensjoni jaqa’ taħt l-Artikolu 8 tad-direttiva. |
51. |
Nifhem li r-rikorrent f’din il-kawża diġà rċieva ħlas, inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tiegħu, għat-tliet xhur ta’ qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ insolvenza kontra d-debitur ġenerali, skont il-liġi Ġermaniża li timplementa l-Artikoli 3 sa 5 tad-direttiva ( 23 ). Madankollu, id-debitur ġenerali f’din il-kawża ma ħallasx il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tar-rikorrent lill-fond ta’ pensjoni tiegħu għal perijodu ta’ disa’ xhur. Għalhekk, il-kwistjoni hija jekk il-protezzjoni tal-Artikolu 8 ta’ drittijiet immedjati u prospettivi tal-pensjoni taffettwax jew għandhiex rilevanza għas-sitt xhur li jifdal tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mhux imħallsa tar-rikorrent. Dik hija l-kwistjoni li se tiġi ttrattata fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
B – Risposta għad-domanda preċiża li għamlet il-qorti tar-rinviju
52. |
Id-domanda tal-qorti nazzjonali hija jekk, meta persuna li timpjega ssir insolventi, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jirrikjedix li l-flejjes imnaqqsa mill-persuna li timpjega minn salarju tal-impjegat sabiex jiġu ddepożitati f’fond supplimentari ta’ pensjoni imma li fil-fatt ma jkunux tħallsu mill-persuna li timpjega f’kont separat, għandhom jiġu esklużi mill-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi tal-persuna li timpjega. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija dwar jekk l-Artikolu 8 għandux portata tali li jeħtieġ il-modifika jew it-twarrib tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti tal-insolvenza nazzjonali li ma fihom l-ebda regola speċifika li tirregola dik is-sitwazzjoni partikolari. |
53. |
Ir-risposta qasira tiegħi għal dik id-domanda preċiża hija “le”. Madankollu rrid nikkwalifika dik ir-risposta. Ir-raġuni prinċipali għar-risposta negattiva hija sempliċi: insibha diffiċli li ninterpreta strument ta’ armonizzazzjoni minima, bħad-Direttiva 2008/94, u b’mod partikolari, dispożizzjoni deliberatament wiesgħa ta’ dik id-direttiva bħall-Artikolu 8 (li tħalli diskrezzjoni kunsiderevoli lill-Istat Membru fir-rigward tal-mezzi kif tiġi implementata) b’mod li effettivament tkun meħtieġa l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni speċifika ħafna fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, bħal regola li teħtieġ l-esklużjoni ta’ kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mhux imħallsin mill-proċeduri ta’ insolvenza ta’ persuna li timpjega. |
1. Id-Direttiva 2008/94 hija strument ta’ armonizzazzjoni minima
54. |
Id-Direttiva 2008/94 ma tistax titqies li hija kura universali għall-effetti negattivi kollha tal-insolvenza ta’ persuna li timpjega fuq l-impjegati tagħha. Hija sempliċiment tiffissa standards minimi tal-UE, li taħthom ma tistax taqa’ l-protezzjoni tal-impjegati, imma li l-Istati Membri huma liberi li jipprovdu iktar minn hekk u jirregolawha kif jidhrilhom xieraq ( 24 ). |
55. |
Żewġ aspetti tad-direttiva jikkonfermaw dan. L-ewwel nett, il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/94 tagħmilha ċara li l-għan tagħha huwa “biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni” għall-impjegati fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Tkompli li għandha titqies il-“ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat fil-Komunità”. |
56. |
It-tieni nett, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/94 jistabbilixxi li ma taffettwax l-għażla tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għall-impjegati. Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2008/94 tipprovdi livell ta’ protezzjoni għall-impjegati fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom li ’l fuq minnu l-Istati Membri huma liberi li jibnu jew jestendu dik il-protezzjoni jekk jagħżlu hekk ( 25 ). Dan huwa appoġġat mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għad-Direttiva 80/987 u r-Rapport mill-Kummissjoni dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987. Iż-żewġ dokumenti, meta jiddiskutu (dak li issa hu) l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/94, jiddikjaraw li dak l-artikolu jindika l-fatt li d-direttiva toffri biss protezzjoni minima tal-impjegati ( 26 ). |
57. |
Il-fatt li d-direttiva hija waħda ta’ armonizzazzjoni minima jfisser li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva ma għandhiex issir b’mod preskrittiv wisq. L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/94 anzi teħtieġ li jkun hemm approċċ ibbilanċjat li jirrifletti l-protezzjonijiet minimi għall-impjegati li tixtieq li jkun hemm. B’dan il-punt fl-isfond, issa se ngħaddi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 nnifsu. |
2. Il-formulazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94
58. |
L-Artikolu 8 huwa redatt f’termini partikolarment vagi. Dan jimponi obbligu fuq l-Istati Membri biex jilħqu għan: sabiex jiżguraw li l-interessi tal-impjegati jkunu protetti fir-rigward ta’ drittijiet li jagħtuhom drittijiet immedjati jew prospettivi għall-benefiċċji tax-xjuħija. Madankollu, b’mod partikolari dik id-dispożizzjoni ma tippreskrivix il-mod kif dik il-protezzjoni għandha tiġi ggarantita. |
59. |
Din tidher li hija mossa intenzjonata min-naħa tal-leġiżlatur, kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju għad-Direttiva u l-predeċessur tagħha, id-Direttiva 80/987. Id-direttiva oriġinali, id-Direttiva 80/987, kienet waħda mit-tliet direttivi adottati bħala parti mill-Programm ta’ Azzjoni Soċjali tal-1974 sal-1976 immirat biex jindirizza l-konsegwenzi soċjali tar-ristrutturazzjoni tan-negozji li seħħet minħabba iktar kompetizzjoni meta tneħħew l-ostakoli għan-negozju. Iż-żewġ direttivi l-oħra kienu d-Direttiva 77/187/KEE dwar id-drittijiet tal-impjegati fuq it-trasferiment tal-impriżi ( 27 ) (issa d-Direttiva 2001/23/KE ( 28 )) u d-Direttiva 75/129/KEE dwar is-sensji kollettivi ( 29 ). |
60. |
Dawn it-tliet direttivi kollha jifformaw parti mill-istess pakkett leġiżlattiv. Għalhekk, il-konsultazzjoni tad-Direttivi 77/187 u 75/129 tipprovdi informazzjoni kontestwali utli meta wieħed jiġi biex jinterpreta d-Direttiva 80/987, u issa d-Direttiva 2008/94. |
61. |
Il-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva 80/987, li tiddiskuti (dak li issa huwa) l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, tagħmel riferiment speċifiku għad-Direttiva 77/187. Il-Kummissjoni tiddikjara li l-Artikolu 8 isegwi s-soluzzjoni għall-istess problema adottata diġà fid-Diretttiva 77/187 fuq it-trasferiment ta’ impriżi ( 30 ). Fil-fatt, il-kliem tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987 huwa kważi identiku mal-kliem tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 77/187 (issa l-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2001/23). |
62. |
Meta adottat id-Direttiva 77/187 il-Kummissjoni abbandunat it-tentattiv inizjali tagħha li tilleġiżla għat-trasferiment ta’ drittijiet supplementari tal-pensjoni b’mod armonizzat taħt l-Artikolu 3. Ir-raġuni ddikjarata għal dan kienet għaliex: “ir-rekwiżiti, il-forom u n-natura tal-obbligi [tal-pensjoni] huma tant differenti u l-modi kif inhuma organizzati huma tant varjati li ma huwiex possibbli li jiġu stabbiliti regoli Komunitarji speċifiċi fid-Direttiva. Lanqas ma huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva proposta tillimita lilha nnifisha biex teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-impjegati ma jitilfux drittijiet u tħalli lilhom jagħżlu l-mezzi” ( 31 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
63. |
Dan jindika li l-Kummissjoni ħalliet marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-mezzi kif jiġu protetti d-drittijiet tal-impjegati taħt l-iskemi komplementari tal-pensjoni skont id-Direttiva 77/187. Ġie segwit l-istess approċċ għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987 (issa l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94). |
64. |
Dik il-konklużjoni hija appoġġata wkoll bil-bidla fil-kliem tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987. Il-proposta tal-Kummissjoni inizjalment kienet tgħid li “L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji […]” ( 32 ). Dan il-kliem imbagħad ġie emendat mill-Kunsill biex jgħid fil-verżjoni finali tad-Direttiva 80/987 “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri neċessarji […]”. Jista’ jingħad li dan jagħti lill-Istati Membri firxa terġa’ usa’ ta’ għażliet biex tinkiseb il-protezzjoni tal-iskemi tal-pensjoni tal-impjegati ( 33 ). Pereżempju, bil-kliem tal-aħħar, ma jkollhomx għalfejn jadottaw il-miżuri huma nnifishom imma jistgħu jeħtieġu korp ieħor jew anki l-persuna li timpjega li jagħmlu hekk ( 34 ). |
65. |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll il-“marġni ta’ [diskrezzjoni] kbira” li l-Artikolu 8 jagħti lill-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-mezzi li bihom jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 8 ( 35 ). |
3. Konklużjoni provviżorja
66. |
Għaldaqstant, id-Direttiva 2008/94 hija strument ta’ armonizzazzjoni minima. L-Artikolu 8 ġie redatt b’mod partikolarment wiesa’ sabiex jagħti intenzjonalment “marġni ta’ [diskrezzjoni] kbira” lill-Istati Membri. Għal dawn ir-raġunijiet ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreskrivi mezzi partikolari li bihom l-Istati Membri jilħqu l-għan tal-Artikolu 8. |
67. |
Stat Membru jista’ ċertament jagħżel li jilħaq l-għan tal-Artikolu 8 bl-introduzzjoni ta’ regola ta’ delimitazzjoni li tissepara kontribuzzjonijiet tal-pensjoni minn proċeduri ta’ insolvenza kif issuġġerit mir-rikorrent fil-kawża ineżami. Imma Stat Membru ma huwiex obbligat li jagħmel hekk, iżda huwa għandu jwettaq l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 b’mod ieħor. |
68. |
Dan huwa appoġġat ukoll mir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 80/987 li jagħti l-eżempji li ġejjin tal-modi kif jista’ jintlaħaq l-għan tal-Artikolu 8: l-introduzzjoni tal-obbligu li jiġu stabbiliti fondi ta’ riżerva, is-superviżjoni tal-investimenti, is-superviżjoni attwarja, l-indipendenza tal-fond jiġri x’jiġri, l-assigurazzjoni eċċ ( 36 ). Dak jindika li l-Artikolu 8 jista’ jiġi ssodisfatt għal kollox bl-użu ta’ varjetà ta’ metodi differenti, imma l-ebda metodu wieħed ma huwa obbligatorju. |
69. |
Din ir-risposta lill-qorti tar-rinviju tagħmel ukoll sens prattiku. Id-Direttiva 2008/94 ma tipprovax tirregola u tarmonizza għal kollox id-dritt tal-pensjoni jew tal-insolvenza nazzjonali. Barra minn hekk, id-dritt tal-insolvenza u tal-pensjoni huwa kkumplikat u tekniku ħafna fil-livell nazzjonali. B’hekk l-Istati Membri jżommu l-kontroll fuq kif għandhom jiġu organizzati l-proċeduri ta’ insolvenza u kif isir il-konkors tal-kredituri ( 37 ). Jekk l-Artikolu 8 jiġi interpretat li jeħtieġ l-esklużjoni ta’ flus sabiex jiġu ggarantiti l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-impjegati dan x’aktarx jinterferixxi b’mod sinjifikattiv ma’ kif l-Istati Membri jipprijoritizzaw il-proċeduri ta’ insolvenza tal-kredituri ( 38 ). Ma hemm xejn x’jissuġġerixxi li l-Artikolu 8 jew id-Direttiva 2008/94 kienu ddisinjati biex ikollhom effetti daqstant mifruxa ( 39 ). |
70. |
Bħala tali nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda preċiża magħmula kif ġej: l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 ma jeħtieġx li krediti pendenti tas-salarju li kienu ddepożitati mal-persuna li timpjega sabiex jitħallsu lill-fond ta’ pensjoni sa data partikolari imma li ma tħallsux mill-persuna li timpjega ġewwa kont separat jiġu esklużi mill-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi ta’ dik il-persuna li timpjega. |
C – Post scriptum għall-Artikolu 8
71. |
Lil hinn mit-tweġiba pprovduta diġà għad-domanda speċifika u preċiża magħmula mill-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li din il-kawża timmerita diversi osservazzjonijiet tal-għeluq. Dawn l-osservazzjonijiet jirrigwardaw l-eżitu intiż taħt l-Artikolu 8 u l-effettività tal-metodi magħżula mill-Istati Membri biex iwettqu dak l-eżitu. |
1. L-eżitu meħtieġ mill-Artikolu 8
72. |
Fid-dawl tad-diskussjoni iktar ’il fuq tad-Direttiva 2008/94 bħala strument ta’ armonizzazzjoni minima, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 8 ma jeħtieġx li l-Istati Membri jipprovdu protezzjoni kompleta tad-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom ( 40 ). Fid-dawl tal-oriġini, il-kliem u l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ċar li mhux kollox huwa rkuprabbli taħt l-Artikolu 8. |
73. |
Madankollu jiena nemmen li taħt l-Artikolu 8 l-Istati Membri fil-fatt għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati fir-rigward tad-drittijiet immedjati u prospettivi tagħhom kemm jista’ jkun possibbli b’mod u f’ammont li huwa raġonevoli u proporzjonat. |
74. |
X’inhu raġonevoli u proporzjonat ma jistax, madankollu, jingħad b’mod astratt. Huma ta’ importanza kbira l-kuntest u l-fatti ta’ kawża. Dak li jista’ jiġi indikat f’dawn il-konklużjonijiet huma kriterji ġenerali u illustrattivi biex ssir l-evalwazzjoni ta’ x’inhu raġonevoli u proporzjonat. Evalwazzjoni bħal dik tista’ tinkludi kunsiderazzjonijet bħall-ammont li l-impjegat(i) ikun(u) kkontribwixxa(ew) diġà lill-fond ta’ pensjoni, l-ammont li bih se jitnaqqsu d-drittijiet tal-pensjoni tagħhom bħala riżultat tal-insolvenza, il-perijodu ta’ żmien li l-fond ta’ pensjoni kien sottoiffinanzjat, il-probabbiltà li impjegat jerġa’ jimpjega ruħu u jkun jista’ jagħmel kontribuzzjonijiet ulterjuri lil fond ta’ pensjonijiet. |
75. |
Fis-sentenza Hogan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Istat Membru kien responsabbli għall-protezzjoni ta’ mill-inqas 50 % tal-valur tal-benefiċċji akkumulati tax-xjuħija tal-impjegati ( 41 ). Forsi din iċ-ċifra ma għandhiex titqies bħala assolutament fissa għall-każijet futuri potenzjali kollha. Minflok, tista’ forsi tinftiehem bħala ċertu livell minimu li dak li jkun jasal għalih f’dak il-kuntest partikolari. |
76. |
L-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida u l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità u r-raġonevolezza fil-każ preżenti hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali. Mill-informazzjoni li ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tal-pensjoni neqsin mill-fond ta’ pensjoni tar-rikorrent ikopri perijodu ta’ disa’ xhur. Il-Gvern Ġermaniż sostna li kkumpensa għal kollox lir-rikorrent għal tlieta minn dawk ix-xhur. Skont is-sottomissjonijiet tar-rikorrent, id-drittijiet tiegħu għall-pensjoni kull xahar se jitnaqqsulu b’bejn EUR 5 u EUR 7 fix-xahar, minn assigurazzjoni pensjonabbli li tmur lura għal (presumibbilment tal-inqas) 1996, meta r-rikorrent beda jaħdem għad-debitur ġenerali. F’dak l-isfond, jidher li, għalkemm xorta għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifikah dan, is-sitwazzjoni tar-rikorrent hija ferm ogħla mil-limitu minimu li ffissat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hogan. |
2. L-effettività tal-metodi magħżula mill-Istati Membri
77. |
Filwaqt li għandhom grad għoli ta’ libertà, jidher li l-Istati Membri jużaw żewġ metodi prinċipali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tal-impjegati bis-saħħa tal-Artikolu 8 ( 42 ). |
78. |
L-ewwel metodu huwa essenzjalment it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni li jassumu l-obbligi tal-persuna li timpjega insolventi għar-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-impjegati tagħhom. It-tieni metodu jikkonsisti fl-infurzar ta’ separazzjoni legali stretta bejn l-assi tal-persuna li timpjega u l-assi tal-fond ta’ pensjoni u jiġi żgurat li l-assi miżmumin fil-fond ta’ pensjoni jkunu adegwati. |
79. |
Waqt is-seduta l-Gvern Ġermaniż qal li l-Ġermanja tuża ż-żewġ metodi, jiddependi fuq it-tip tal-fond ta’ pensjoni li jkun għażel l-impjegat. Fil-każ ineżami, il-fond ta’ pensjoni tar-rikorrent huwa “Pensionkasse”. Skont id-dritt Ġermaniż jidher li huwa protett bit-tieni metodu ( 43 ). |
80. |
Għar-raġuni spjegata iktar ’il fuq fil-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet, każ bħal dak tal-lum ma jidhirx li jaqa’ taħt ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8. Madankollu, id-dikjarazzjoni konklużiva li ġejja għandha ssir inġenerali fir-rigward tat-tieni metodu. |
81. |
Is-separazzjoni tal-assi tal-persuna li timpjega u l-fond ta’ pensjoni ma hijiex biżżejjed waħedha biex tilħaq l-għan tal-Artikolu 8. Dan diġà sar aċċenn għaliha iktar ’il fuq fir-rigward tad-Direttiva 2003/41 fejn indikajt li sempliċiment għaliex jinżammu separati l-assi tal-persuna li timpjega mill-fond ta’ pensjoni ma jsolvix il-problema ppreżentata fil-każ ineżami. L-Avukat Ġenerali Lenz, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja qal ukoll li, “il-protezzjoni li hija ristretta għall-invjolabbiltà tal-fondi […] u ma tkunx ikkonċernata bl-adegwatezza tal-ħlasijiet f’dawk il-fondi ovvjament ma hijiex suffiċjenti” ( 44 ). |
82. |
Sabiex ikun jista’ jaqdi sewwa l-obbligi tiegħu Stat Membru għandu jiżgura li l-assi miżmumin mill-fond ta’ pensjoni jkunu adegwati sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tiegħu u jiġi evitat sottofinanzjament ripetittiv f’ammonti inġestibbli ( 45 ). Dak jeħtieġ superviżjoni mill-qrib ta’ u l-provvista ta’ assigurazzjoni adegwata għall-fondi ta’ pensjoni. Tista’ ssir superviżjoni bħal dik b’diversi modi. L-impjegati jistgħu jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tagħhom lill-fond ta’ pensjoni fuq bażi regolari (ngħidu aħna mensili jew trimestrali). Alternattivament, l-Istat innifsu jista’ jipprovdi sorveljanza pubblika regolari tal-fondi ta’ pensjoni jew il-persuna li timpjega jew il-fond ta’ pensjoni jistgħu jkunu obbligati pożittivament li jirrapportaw il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni. |
83. |
Fi ftit kliem, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni kunsiderevoli fil-mod kif jixtiequ jimplementaw l-obbligu tagħhom taħt l-Artikolu 8. Iżda, ladarba jagħżlu triq, dak il-metodu għandu jiġi osservat u infurzat effettivament. L-infurzar tal-aħħar għandu jinkludi superviżjoni regolari li tipprevjeni każijiet ta’ sottofinanzjament serju u fit-tul. |
84. |
Bħala konklużjoni, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 ma jeħtieġx li krediti pendenti tas-salarju li kienu ddepożitati mal-persuna li timpjega sabiex jitħallsu lill-fond ta’ pensjoni sa data partikolari imma li ma tħallsux mill-persuna li timpjega ġewwa kont separat jiġu esklużi mill-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi ta’ dik il-persuna li timpjega. Madankollu, u fl-istess ħin, l-għan tal-Artikolu 8 għandu jintlaħaq b’mod adegwat u effettiv b’mezzi oħrajn. |
V – Konklużjoni
85. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li twieġeb id-domanda magħmula mill-Hessisches Landesarbeitsgericht (qorti għolja tax-xogħol, Hessen) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36).
( 3 ) Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350).
( 4 ) Regolament dwar l-Insolvenza, tal-5 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I p. 2866), immodifikat l-aħħar bl-Artikolu 16 tal-liġi tal-20 ta’ Novembru 2015 (BGBl. 2015 I p. 2010).
( 5 ) Ktieb III tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Artikolu 1 tal-liġi tal-24 ta’ Marzu 1997, BGBl. 1997 I p. 594, 595, immodifikat l-aħħar bl-Artikolu 3 tal-liġi tat-3 ta’ Marzu 2016 (BGBl. 2016 I p. 369).
( 6 ) Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Irtir Okkupazzjonali, tad-19 ta’ Diċembru 1974 (BGBl. 1974 I p. 3610), immodifikata l-aħħar bl-Artikolu 1 tal-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2015 (BGBl. 2015 I p. 2553).
( 7 ) Għalkemm din hija kwisjtoni ta’ fatt li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali, għaċ-ċarezza ngħid li nifhem li l-persuna li timpjega ma kinitx ħallset il-kontribuzzjonijiet għal 9 xhur (jiġifieri minn Jannar sa Settembru 2003). Madankollu, ir-rikorrenti qed jitlob biss għal 6 xhur ta’ kontribuzzjonijiet mhux imħallsin. Dan għaliex, skont it-tweġiba bil-miktub li ta l-Gvern Ġermaniż għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa rċieva 3 xhur kumpens (inklużi kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mhux imħallsa) għax-xhur ta’ Lulju sa Settembru 2013 bis-saħħa tal-Artikolu 165 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali. Dan kien ikkonfermat ukoll mill-konvenut waqt is-seduta.
( 8 ) Ammont finali bbażat fuq kalkoli prorata tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tar-rikorrent minn Jannar sa Ġunju 2013, kif indikat mill-qorti tar-rinviju.
( 9 ) F’dawn il-konklużjonijiet nuża l-kliem “fond ta’ pensjoni” u “skema ta’ pensjoni” b’mod interkambjabbli u ġenerali. Jien konxju li skont id-dritt Ġermaniż il-kelma “Pensionkasse” (jew “fond ta’ pensjoni” bl-Ingliż) għandha tifsira legali partikolari. Qed nuża dak il-kliem mhux biss biex nindirizza dak it-tip ta’ fond fid-dritt Ġermaniż imma kull tip ta’ skema supplimentari ta’ pensjoni, jekk ma jingħadx mod ieħor.
( 10 ) Il-kliem użat fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/41 huwa “impriżi li jisponsorjaw”. “[I]mpriża li tisponsorja” hija ddefinita fl-Artikolu 6(c) bħala li tinkludi “persuna waħda jew aktar naturali jew ġuridika, li taġixxi bħala persuna li tħaddem jew f’kapaċità li taħdem għal rasha jew kombinazzjoni ta’ dawn u li tħallas kontribuzzjonijiet lill-istituzzjoni għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali”. Jiena qed nuża l-kliem iqsar “persuna li timpjega” billi hija l-iktar espressjoni rilevanti direttament għall-każ ineżami fil-kuntest tad-Direttiva 2003/41.
( 11 ) Ara wkoll il-punt 81 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il quddiem.
( 12 ) Għal darba oħra, dan għandu, fl-aħħar mill-aħħar, jiġi kkonfermat mill-qorti nazzjonali.
( 13 ) Dan huwa kkonfermat ukoll mir-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (id-Direttiva 80/987 kienet il-predeċessur tad-Direttiva 2008/94: ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217). It-test tal-Artikolu 8 baqa’ ma nbidilx taħt id-Direttiva 2008/94. Ir-Rapport qal fir-rigward tal-Artikolu 8 li l-għan essenzjali kien li “jiġu mħarsa talbiet fil-futur” COM (95) 164 finali, p. 48.
( 14 ) Ara l-punti 67 et seq ta’ din l-Opinjoni iktar ’l isfel.
( 15 ) Opinjoni dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fuq il-protezzjoni ta’ impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom (ĠU 1979 C 105, p. 14, punt 1.3).
( 16 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Robins et (C‑278/05, EU:C:2006:476, punt 61).
( 17 ) Rapport tal-Kummissjoni dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet tal-Istati Membri Dwar il-Protezzjoni tal-Impjegati fil-Każ tal-Insolvenza tal-Persuna li Timpjegahom, COM (95) 164 finali, p. 46.
( 18 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Robins et (C‑278/05, EU:C:2006:476, punt 65).
( 19 ) Fil-fatt, kif ġie ssuġġerit fil-letteratura akkademika, it-telf ta’ drittijiet tal-pensjoni okkupazzjonali jista’, għal ħafna impjegati, ikun l-iktar konsegwenza serja tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom: Watson, EU Social and Employment Law (OUP, 2014), fi 13.45.
( 20 ) Rapport mill-Kummissjoni dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet tal-Istati Membri Dwar il-Protezzjoni tal-Impjegati fil-Każ tal-Insolvenza tal-Persuna li Timpjegahom, COM (95) 164 finali, p. 52 li jiddiskuti l-liġijiet Griegi li kienu jipproteġu biss (tal-inqas fiż-żmien tar-rapport) ir-ritorn tal-kontribuzzjonijiet.
( 21 ) Artikolu 165 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb III kif identifikat mill-Gvern Ġermaniż fit-tweġiba bil-miktub tiegħu u fis-seduta.
( 22 ) Sentenza tal-25 ta’ April 2013, Hogan et (C-398/11, EU:C:2013:272, punti 37 sa 40). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Taljana (22/87, EU:C:1988:500, punt 49).
( 23 ) Jiġifieri għax-xhur ta’ Lulju sa Settembru 2013. Dak kien bis-saħħa tal-Artikolu 165 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb III, li l-Gvern Ġermaniż ikkonferma fis-seduta jimplementa l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94.
( 24 ) Ara s-sentenza, tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 40) fil-kuntest tad-Direttiva 80/987 li kienet il-predeċessur tad-Direttiva 2008/94. Ara wkoll is-sentenza, tal-11 ta’ Settembru 2003, Walcher (C‑201/01, EU:C:2003:450, punt 38); is-sentenza, tat-18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, EU:C:2001:551, punt 26); is-sentenza, tal-14 ta’ Lulju 1998, Regeling (C‑125/97, EU:C:1998:358, punt 20); is-sentenza, tal-10 ta’ Lulju 1997, Maso et (C‑373/95, EU:C:1997:353, punt 56); is-sentenza, tad-19 ta’ Novembru 1991, Andrea Francovich u Danila Bonifaci et vs Ir-Repubblika Taljana (Kawżi MagħqudaC‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 3); u s-sentenza, tat-2 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-22/87, EU:C:1989:45, punt 23).
( 25 ) Ara fost l-oħrajn: is-sentenza, tal-10 ta’ Lulju 2014, Julian Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punti 44 u 45); is-sentenza, tat-18 ta’ April 2013, Mustafa (C‑247/12, EU:C:2013:256, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara l-Proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-Approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta’ impjegati fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, COM (78) 141 finali, p. 7 u r-Rapport mill-Kummissjoni dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet tal-Istati Membri dwar il-Protezzjoni ta’ Impjegati fil-Każ tal-Insolvenza tal-Persuna li Timpjegahom, COM (95) 164 finali, p. 59.
( 27 ) Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet tan-negozji (ĠU 1977 L 61, p. 26).
( 28 ) Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001 (ĠU 2001 L 82, p. 16).
( 29 ) Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet kollettivi (ĠU 1975 L 48, p. 29).
( 30 ) Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fuq il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, COM (78) 141 finali, p. 7.
( 31 ) Proposta Emendata għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fuq is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati u l-vantaġġi fil-każ ta’ għaqdiet, teħid ta’ impriżi u amalgamazzjonijiet, COM (75) 429 finali, p. 8.
( 32 ) Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta’ impjegati fil-każ tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, COM (78) 141 finali, p. 7, Artikolu 7 of tal-abbozz inizjali.
( 33 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Taljana (22/87, EU:C:1988:500, punt 50).
( 34 ) Ara osservazzjoni simili fis-sentenza, tas-27 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 37).
( 35 ) Ara pereżempju is-sentenza, tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 36) u s-sentenza, tal-25 ta’ April 2013, Hogan et (C-398/11, EU:C:2013:272, punt 42).
( 36 ) Ara wkoll ir-Rapport mill-Kummissjoni dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet tal-Istati Membri Dwar il-Protezzjoni ta’ Impjegati fil-Każ tal-Insolvenza tal-Persuna li Timpjegahom, COM (95) 164 finali, p. 48.
( 37 ) Ara punt simili li għamilt fil-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ENEFI (C‑212/15, EU:C:2016:427, punt 28).
( 38 ) Pereżempju, f’ċerti Stati impjegati jiġu ttrattati bħala kredituri preferenzjali imma jiġu wara l-kredituri ggarantiti.
( 39 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2003/41.
( 40 ) Sentenza, tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 57) u s-sentenza tal-25 ta’ April 2013f’Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272, punti 43 u 51 et seq).
( 41 ) Sentenza tal-25 ta’ April 2013Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272, punti 43 u 51 et seq).
( 42 ) Ara b’mod ġenerali r-Rapport tal-Kummissjoni dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet tal-Istati Membri Dwar il-Protezzjoni tal-Impjegati fil-Każ tal-Insolvenza tal-Persuna li Timpjegahom, COM (95) 164 finali, p. 46 et seq u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 8 u dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987 dwar skemi komplementari ta’ pensjoni tal-kumpanniji jew interkumpanniji ’l barra mill-iskemi tas-sigurtà soċjali statutorji nazzjonali (SEC(2008) 475 finali).
( 43 ) Kif ikkonferma l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta li huwa b’żieda mal-kumpens taħt l-Artikolu 165 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, Ktieb III. Għal tipi oħrajn ta’ fondi ta’ pensjoni, jista’ japplika l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar it-Titjib tal-Pensjonijiet tal-Irtir Okkupazzjonali, li huwa l-ewwel metodu.
( 44 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il-Kummssjoni vs L-Italja (C‑22/87; EU:C:1988:500, punt 48).
( 45 ) Is-sottofinanzjament huwa permess fuq bażi temporanja skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/41 imma l-Kummissjoni qalet li jekk Stat Membru jippermetti sottofinanzjament temporanju ta’ skemi ta’ pensjoni għandu jadotta miżuri ulterjuri biex jissodisfa d-drittijiet immedjati u prospettivi tal-pensjoni tax-xjuħija ta’ impjegati jekk il-persuna li timpjegahom issir insolventi: id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 8 u dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987 dwar skemi komplementari ta’ pensjoni tal-kumpanniji jew interkumpanniji ’l barra mill-iskemi tas-sigurtà soċjali statutorji nazzjonali (SEC(2008) 475 finali).