EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0444

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016.
Associazione Italia Nostra Onlus vs Comune di Venezia et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Veneto.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Artikolu 3(3) – Pjanijiet u programmi obbligatorjament suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali unikament meta l-Istati Membri jistabbilixxu li huma jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent – Validità fir-rigward tat-Trattat FUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kunċett ta’ użu ta’ ‘żoni żgħar fil-livell lokali’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel riferiment għas-superfiċji taż-żoni kkonċernati.
Kawża C-444/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:665

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑444/15

Associazione Italia Nostra Onlus

vs

Comune di Venezia et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (tribunal amministrattiv reġjonali tal-Veneto, l-Italja)]

“Ambjent — Effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali skont l-Artikolu 191 TFUE u l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Neċessità ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-Direttiva 2001/42/KE f’każ li evalwazzjoni tal-effetti tkun meħtieġa skont id-Direttiva 92/43/KEE — Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘żoni żgħar fil-livell lokali’”

I – Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija intiża sabiex tippreċiża ulterjorment il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ESA”, ESA għal evalwazzjoni strateġika ambjentali). Barra minn hekk, qiegħda tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, wara perijodu twil ta’ żmien, terġa’ tesprimi ruħha dwar il-livell ta’ protezzjoni għolja intiża mill-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

2.

Il-kawża prinċipali tikkonċerna proġett tal-bini fil-laguna ta’ Venezja. Huwa minnu li, b’mod indisputabbli, għal dan kienet twettqet evalwazzjoni tal-effetti skont id-Direttiva habitats ( 3 ), madankollu, fil-kuntest ta’ eżami preliminari, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva ESA, billi hija biss ikkonċernata żona żgħira fil-livell lokali u billi ma huwiex mistenni li l-proġett ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. F’każ bħal dan, id-Direttiva SAS tipprevedi li ma għandhiex għalfejn issir evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent.

3.

Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju l-ewwel nett tistaqsi jekk din l-eżenzjoni mill-obbligu li titwettaq evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent hijiex konformi mal-livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali mitlub mid-dritt tal-Unjoni, u dan iqajjem domandi interessanti partikolarment dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-għan tal-politika tal-Unjoni.

4.

Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob interpretazzjoni tar-rekwiżiti taħt liema, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ESA, ċerti pjanijiet u programmi jistgħu jiġu eżentati minn evalwazzjoni strateġika kompleta tal-effetti fuq l-ambjent għalkemm dawn il-pjanijiet u programmi jeħtieġu evalwazzjoni skont id-Direttiva habitats. Hawnhekk hija kkonċernata, qabelxejn, il-mistoqsija dwar x’jinftiehem b’“żona żgħira fil-livell lokali”.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-dritt primarju

5.

L-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 4 ) (iktar ’il quddiem “TFUE”) jistabbilixxi l-prinċipji tal-politika ambjentali tal-Unjoni:

“Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta' livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta’ l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.”

6.

It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ( 5 ) (iktar ’il quddiem “TUE”) tinkludi għan simili fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent:

“[L-Unjoni] għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ mpjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent.”

7.

Anki l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jistabbilixxi, b’ħarsa lejn il-politika ambjentali:

“Livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politika ta’ l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.”

2. Id-Direttiva habitats

8.

L-Artikolu 6(3) tad-direttiva “habitats” jipprevedi evalwazzjoni tal-effett ta’ ċerti pjanijiet u proġetti fuq żoni protetti Ewropej:

“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

3. Id-Direttiva ESA

9.

Il‑premessa 10 tad-Direttiva ESA tagħmel riferiment għar-relazzjoni tagħha mad-direttiva habitats:

“Il-pjanijiet u l-programmi kollha […] li jeħtieġu stima bis-saħħa tad-Direttiva [‘habitats’] […] [jistgħu] ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, u għandhom bħala regola jsiru suġġetti għall-stima sistematika ambjentali. Meta dawn jistabilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali jew ikunu modifiki minuri għall-pjanijiet jew programmi msemmija hawn fuq, dawn għandhom ikunu stmati biss meta l-Istati Membri jistabilixxu li dawn x'aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent.”

10.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva ESA għandha tiżgura li (ċerti) pjanijiet u programmi li x’akarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali waqt l-ippjanar tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom. Din tistabbilixxi regoli minimi li jirrigwardaw ir-redazzjoni tar-rapport fuq l-effetti ambjentali, l-implementazzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni ambjentali kif ukoll il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar id-deċiżjoni adottata wara l-evalwazzjoni.

11.

Fuq il-bażi tal-premessa 10 tagħha, l-Artikolu 3 tad-Direttiva ESA jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni strateġika ambjentali:

“1.

L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x'aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.

Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)

[…]

(b)

li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva [‘habitats’].

3.

Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali […] [i]kunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4.

[…]

5.

L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

6.

[…]”.

12.

L-Anness II jistabbilixxi l-kriterji għad-determinazzjoni tar-rilevanza mistennija tal-effetti ambjentali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva ESA.

B – Id-dritt nazzjonali

13.

Ir-Repubblika Taljana ttrasponiet id-Direttiva SAS fl-ordinament ġuridiku tagħha permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 (Decreto legislativo no152) tat‑3 ta’ April 2006. Id-dispożizzjoni nazzjonali tirrifletti t-test ta’ din id-direttiva, partikolarment, lanqas din ma fiha definizzjoni tal-kunċett “żoni żgħar fil-livell lokali”. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza nazzjonali fasslet limiti f’dan ir-rigward, abbażi tas-superfiċji tal-proġett; fil-fatt, f’każ ta’ proġetti għall-iżvilupp ta’ żoni urbani, din, fil-prinċipju, tikkostitwixxi superfiċji ta’ 40 ettaru, iżda f’każ ta’ proġetti fi ħdan żoni urbani eżistenti dan il-limitu huwa superfiċji ta’ għaxar ettari.

III – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

14.

Il-kawża prinċipali tittratta proġett tal-bini fil-laguna ta’ Venezja, fuq il-ponta tan-Nofsinhar imsejħa “Ca’ Roman” tal-gżira Pellestrina li tinsab hemmhekk. Is-“Società Ca’ Roman Srl” qiegħda tippjana biex, fuq superfiċji ta’ madwar tliet ettari, tibni total ta’ 42 binja residenzjali. Fil-viċinanzi immedjati wieħed isib żoni li huma parti min-netwerk ekoloġiku Ewropew “Natura 2000”, li huma protetti billi huma mmarkati bħala żona ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi fis-sens tad-direttiva għasafar jew bħala żona ta’ importanza Komunitarja għall-protezzjoni tal-habitat naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa fis-sens tad-direttiva habitats.

15.

Evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-pjan imwettqa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali trasposti fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-direttiva habitats kellha riżultat pożittiv, iżda fl-istess waqt imponiet diversi obbligi għall-protezzjoni taż-żoni protetti Ewropej milqutin.

16.

Il-korp amministrattiv kompetenti, barra minn hekk eżamina jekk għandhiex titwettaq proċedura ta’ evalwazzjoni ambjentali strateġika skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jissodisfaw id-Direttiva ESA. Dan wassal għar-riżultat li din ma kinitx meħtieġa. Huwa minnu li l-proġett tal-bini jikkonċerna żoni protetti speċjali u żoni ta’ importanza Komunitarja u għaldaqstant għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti skont id-direttiva habitats. Iżda, skont il-prinċipji tal-ġurisprudenza Taljana, dan il-proġett huwa sempliċement mifrux fuq “żoni żgħar fil-livell lokali”. Il-proġetti f’dawn iż-żoni ma jirrikjedux evalwazzjoni strateġika ambjentali, jekk il-pjanijiet ma jkollhomx effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Mill-argumenti tal-qorti tar-rinviju jista’ jiġi dderivat li l-korpi kompetenti kkunsidraw li l-pjanijiet ma kinux ta’ din in-natura.

17.

L-organizzazzjoni għall-ħarsien tal-ambjent Associazione Italia Nosta Onlus (iktar ’il quddiem “Italia Nostra”) ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto (qorti amministrattiva reġjonali tal-Veneto) kontra dan l-aġir. Konsegwentement, din għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE:

1)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/42/KE, fil-parti li tirreferi wkoll għad-dispożizzjoni li tinsab fil-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu, huwa validu, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ambjent li tinsab fit-TFUE kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn dan jeżenta minn stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent sistematika l-pjanijiet u l-programmi li fir-rigward tagħhom tqies li kellhom neċessarjament jiġu suġġetti għal stima tal-effetti, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 92/43/KEE?

2)

Il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42/KE, moqrija flimkien mal-premessa 10 tal-istess direttiva, li tgħid li “l-pjani u l-programmi kollha li ġew stabbiliti li jeħtieġu stima bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ ambjent naturali u ta’ flora u fawna selvaġġa, li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, u għandhom bħala regola jsiru suġġetti għall-stima sistematika ambjentali” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “żoni żgħar fil-livell lokali” li jinsab fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA, tagħmel riferiment għal kriterji purament kwantitattivi?

3)

Il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42/KE, moqrija flimkien mal-għaxar premessa tal-istess direttiva, li tgħid li “l-pjani u l-programmi kollha li ġew stabbiliti li jeħtieġu stima bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ ambjent naturali u ta’ flora u fawna selvaġġa, li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, u għandhom bħala regola jsiru suġġetti għall-stima sistematika ambjentali” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta minn stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent awtomatika u obbligatorja l-proġetti kollha ta’ żvilupp ta’ żoni urbani, ġodda jew li qed jiġu estiżi, fejn is-superfiċi kkonċernata ma tkunx ta’ iktar minn 40 ettaru jew il-proġetti ta’ riabilitazzjoni jew ta’ żvilupp ta’ żoni urbani, fi ħdan iż-żoni urbani eżistenti, fejn is-superfiċji kkonċernata ma tkunx ta’ iktar minn 10 ettari, anki jekk, minħabba l-possibbiltà ta’ effetti fuq is-siti, diġà tqies li dawn kellhom neċessarjament jiġu suġġetti għal stima tal-effetti, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 92/43/KEE?

18.

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Comune di Venezia, ir-Repubblika Taljana, is-Società Ca’ Roman Srl u l-Italia Nostra kollha ressqu osservazzjonijiet bil-miktub dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Ma saritx talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali u l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll iddeċidiet li din ma ssirx.

IV – Analiżi legali

19.

Qabelxejn, għandha tkun diskussa fil-qosor l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, iktar ’il quddiem, il-Parti A) qabel ma tkun tista’ tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B). Fl-aħħar nett, ser nistħarreġ id-domandi dwar l-interpretazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C).

A – Ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

20.

Il-Comune di Venezia u s-Società Ca’ Roman iqisu r-rinviju għal għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli. Dawn huma tal-fehma li r-risposta għad-domandi magħmula ma hijiex deċiżiva għat-tilwima billi ż-żona milquta mill-proġett tinsab barra mis-siti protetti skont id-Direttiva habitats u li, konsegwentement, ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni b’mod konformi mal-Artikoli 6 jew 7 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-Artikolu 3(2)(b) u (3) tad-Direttiva ESA mill-bidu nett ma huwiex applikabbli għat-tilwima.

21.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 7 ).

22.

Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Partikolarment, minkejja li hija kkonċernata biss żona li tinsab barra mis-sit protett, il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti skont id-direttiva habitats, kif imtennija mill-qorti tar-rinviju, ma hijiex esaġerata għall-proġett preżenti, billi anki proġetti li ma jinsabux f’siti protetti xorta jistgħu jaffettwaw lil dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, billi l-interpretazzjoni tad-dritt primarju u tad-Direttiva ESA tinsab f’relazzjoni mas-suġġett tal-kawża prinċipali, il-problema ma hijiex ta’ natura ipotetika u l-qorti tar-rinviju pprovdiet l-elementi neċessarji kollha sabiex tingħata risposta effettiva għad-domandi li tressqu. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

B – Fuq l-ewwel domanda

23.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tixtieq tkun taf jekk huwiex konformi mal-livell għoli tal-ħarsien tal-ambjent intiż fid-dritt primarju Ewropew u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-pjanijiet kollha li jagħtu lok għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva habitats ma humiex per se obbligatorjament suġġetti għal evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent obbligatorja skont id-Direttiva ESA.

1. Il-kontroll tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent previst mid-dritt tal-Unjoni

24.

L-Artikolu 191(2) TFUE jobbliga lil-leġiżlatur tal-Unjoni biex, waqt it-tħejjija tal-politika ambjentali, jimmira għal livell għoli ta’ protezzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi differenti fir-reġjuni individwali tal-Unjoni. Dan l-għan huwa stipulat ukoll fl-Artikolu 37 tal-Karta u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) TUE.

25.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jiġu interpretati u eżaminati indipendentement minn xulxin. Għall-kuntrarju, fihom huwa espress il-prinċipju uniformi ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali ( 8 ), li għandu jiġi attribwit importanza speċjali minħabba l-istabbiliment multipli tiegħu fid-dritt tal-Unjoni.

2. Il-kontroll tal-livell ta’ protezzjoni ambjentali mitlub mid-dritt tal-Unjoni

26.

Huwa fis-sentenzi Safety Hi-Tech ( 9 ) u Bettati ( 10 ), li kienu jikkonċernaw il-projbizzjoni fl-użu ta’ sustanzi perikolużi għas-saff tal-ożonu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kriterju li skont dan kellha tiġi eżaminata l-konformità ta’ att legiżlattiv tal-Unjoni fil-livell ta’ protezzjoni tal-ambjent meħtieġ mill-Artikolu 191(2) TFUE.

27.

F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 191 TFUE jipprevedi sensiela ta’ għanijiet, prinċipji u kriterji li l-leġiżlatur Komunitarju għandu josserva fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-politika ambjentali. Billi dan iwassal biex għanijiet u prinċipji partikolari jiġu kkontrobilanċjati, u peress li l-applikazzjoni tal-kriterji hija kumplessa, l-istħarriġ ġudizzjarju neċessarjament irid ikun ristrett għad-domanda dwar jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux manifestament evalwati b’mod żbaljat ( 11 ).

28.

Rigward l-għan tal-politika ambjentali tal-Unjoni ddefinita fl-Artikolu 191(2) TFUE, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja korrettament iddeterminat li l-osservazzjoni ta’ tali livell għoli ta’ protezzjoni mhux bilfors tirrikjedi l-ogħla livell ta’ protezzjoni possibbli mil-lat tekniku ( 12 ). Dan diġà jista’ jiġi dderivat mit-test tad-dispożizzjoni (sempliċement livell ta’ protezzjoni “għoli”), iżda anki mill-fatt li l-Artikolu 193 TFUE jagħti s-setgħa lill-Istati Membri biex iżommu jew jadottaw miżuri protettivi iktar b’saħħithom.

29.

Kien mingħajr dubju fil-preżunzjoni li livell jista’ jkun biss “għoli” meta mqabbel ma’ ieħor, b’rabta mal-preservazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjonali ambjentali, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-passat, ħadet inkunsiderazzjoni wkoll kemm l-atti tal-Unjoni kienu jmorru lil hinn mill-obbligi internazzjonali tagħha tal-liġi ambjentali ( 13 ).

30.

Tali livell ta’ protezzjoni li jmur lil hinn mill-obbligi internazzjonali tal-Unjoni jista’ jiġi kkonstatat anki fil-każ preżenti. Fil-fatt, il-Protokoll ta’ Kiev dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ( 14 ) għall-Konvenzjoni ta’ Espoo dwar evalwazzjoni tal-impatt ambjentali fil-kuntest transkonfinali ( 15 ), ma jinkludi l-ebda regoli speċifiċi għal proġetti li jeħtieġu eżami speċjali minħabba raġunijiet tal-protezzjoni tan-natura.

31.

Iżda tali paragun estern huwa kriterju adattat sa ċertu punt biss. Dan l-approċċ ikollu, konsegwentement, jinvolvi għażla iktar komprensiva ta’ gruppi kontemporanji jew jirrispondi d-domanda dwar jekk, min-naħa tagħhom, dawn l-obbligi internazzjonali jistabbilixxux livell għoli, medju jew baxx ta’ ħarsien tal-ambjent.

32.

Iżda qabelxejn, l-għan tal-Artikolu 191(2) TFUE ma jinbitx fis-sempliċi eċċess ta’ punti ta’ riferiment esterni. Għall-kuntrarju, dan jitlob attività kostanti ta’ protezzjoni ambjentali miżjuda u mtejba, anki jekk madwar id-dinja ma tkun teżisti l-ebda protezzjoni ogħla. Fil-fatt, livell ta’ protezzjoni ma jibqax għoli meta mingħajr diffikultajiet ta’ xejn jista’ jintlaħaq ieħor iktar għoli – li xorta waħda ma jistax jiġi mfixkel mar-rekwiżit li jintlaħaq l-ogħla livell ta’ protezzjoni teknoloġikament possibbli fiċ-ċirkustanzi kollha.

33.

Għalhekk, fit-tfassil tad-dritt ambjentali, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa marbut bil-prinċipju li jtejjeb il-protezzjoni ambjentali, mill-inqas fejn dan jista’ jsir bi sforz aċċettabbli, mingħajr ma jiġu preklużi l-ebda interessi ġġustifikati.

34.

Moqri mal-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punt 27 tal-konklużjonijiet preżenti, partikolarment id-diversità tal-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, ġustifikament, isegwi waqt it-tfassil tal-ħarsien ambjentali, għalhekk jidher li l-prinċipju tal-livell għoli ta’ protezzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 191(2) TFUE huwa manifestament miksur meta ma jeżisti ebda interess leġittimu li jipprekludi livell ogħla ta’ protezzjoni; f’dan ir-rigward, “jipprekludu”, skont il-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità mogħti bid-dritt tal-Unjoni, jinkorpora l-każ fejn l-importanza ta’ tali interessi ma hijiex f’relazzjoni mat-titjib possibbli tal-livell ta’ protezzjoni.

35.

Iktar ’il quddiem, ser neżamina jekk il-livell ta’ protezzjoni previst mid-Direttiva ESA u, partikolarment, l-ambitu stabbilit bl-Artikolu 3(1), jissodisfawx dan ir-rekwiżit (ara iktar taħt 2.), qabel ma nindirizza l-kwistjoni jekk huwiex aċċettabbli li pjanijiet u programmi, li jirrikjedu evalwazzjoni skont id-direttiva habitats, eċċezzjonalment, ma jiġux suġġetti għal evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent taħt iċ-ċirkustanzi previsti fid-Direttiva ESA (ara iktar taħt 3).

3. Fuq il-livell ta’ protezzjoni tad-Direttiva ESA b’mod ġenerali

36.

B’ħarsa lejn id-Direttiva ESA, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li din ma tipproteġix l-ambjent permezz ta’ regoli sostantivi relatati ma’ pjanijiet jew programmi, iżda permezz ta’ rekwiżiti relatati mal-proċeduri tal-Istati Membri għat-tfittxija, determinazzjoni u evalwazzjoni tal-effetti ambjentali ( 16 ).

37.

L-Artikolu 191(2) TFUE jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri li jikkonċernaw biss aspetti partikolari ddefiniti tal-ambjent, sa fejn dawn il-miżuri jikkontribwixxu għall-konservazzjoni u għall-ħarsien tal-ambjent kif ukoll għat-titjib tal-kwalità tiegħu ( 17 ). Ma’ tali aspett partikolari tal-ambjent għandhom jgħoddu wkoll regolamenti li sempliċement jistabbilixxu rekwiżiti proċedurali, biex isir kontribut għall-ħarsien tal-ambjent permezz tal-kontroll pubbliku.

38.

Ir-rekwiżiti proċedurali ċertament jistgħu jsaħħu l-protezzjoni ambjentali biss sakemm il-pjanijiet u l-programmi, fuq kollox, ikollhom effetti fuq l-ambjent. F’dan is-sens, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ESA jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, għalhekk, il-livell ta’ protezzjoni: skont dan għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent dawk il-pjanijiet u l-programmi (biss) li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.

39.

B’ħarsa lejn il-prinċipju ta’ livell għoli ta’ protezzjoni lanqas ma jidher li huwa pprojbit li jiġi meħtieġ li l-effetti li pjan jew programm jista’ jkollu fuq l-ambjent ikollu ċerta importanza. F’dan ir-rigward huwa leġittimu li titnaqqas l-evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent ta’ pjanijiet u programmi li jista’ kollhom biss effetti negliġibbli fuq l-ambjent. Dan l-interess leġittimu lanqas ma huwa manifestament sproporzjonat meta pparagunat mat-titjib minimu tal-protezzjoni tal-ambjent li jkollha evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent ta’ pjanijiet u programmi li x’aktarx ma humiex ser ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

4. L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA speċifikament

40.

Filwaqt li dan l-interess leġittimu huwa stabbilit, għandu jiġi vverifikat, mingħajr sforz kbir, jekk il-livell ta’ protezzjoni mitlub skont l-Artikolu 191(2) TFUE huwiex qed jiġi prekluż mill-fatt li pjanijiet u programmi, suġġetti għal evalwazzjoni b’mod konformi mad-direttiva habitats, ma jiġux suġġetti għal evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent f’każ tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA, jiġifieri meta dawn jistabbilixxu biss l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u meta dawn x’aktarx ma jkollhomx effetti ambjentali sinifikattivi.

41.

Hawnhekk, l-ewwel nett, irid jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA jsostni, mingħajr bidla, il-livell ta’ protezzjoni stabbilit mill-Artikolu 3(1). Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, anki l-pjanijiet u l-programmi li huma suġġetti għal evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats, iżda li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali, jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent jekk l-Istati Membri jiddeterminaw li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.

42.

Partikolarment iż-żieda msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA li “l-Istati Membri [għandhom] jistabbilixxu” li dawn il-pjanijiet u l-programmi għandhom dawn l-effetti, f’dan ir-rigward ma tista’ tiġi attribwita l-ebda importanza speċjali billi ttenni biss iċ-ċirkustanza li tinsab fin-natura tad-Direttiva, li, f’każ konkret, din hija implementata mill-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, is-setgħa diskrezzjonali preżunta tal-Istati Membri hija limitata b’tali mod li huma obbligati li l-pjanijiet li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, partikolarment minħabba l-karatteristiċi tagħhom, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tagħhom u taż-żoni li jistgħu jintlaqtu ( 18 ). Sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex mistennijin effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, dawn l-Istati Membri jridu josservaw il-kriterji tal-Anness II skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva ESA ( 19 ).

43.

Hawnhekk tinsab id-differenza għall-ġurisprudenza ċċitata fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tilmenta traspożizzjoni ta’ regolamenti simili tad-Direttiva SEA ( 20 ), sa fejn kienet ibbażata esklużivament fuq valuri limiti jew fuq is-sitwazzjoni ta’ proġetti urbanistiċi barra minn żoni mibnijin ( 21 ). Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dawn il-kawżi fil-fatt ma kinitx tipprevedi li jiġi vverifikat jekk il-proġetti mhux koperti xorta waħda setgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

44.

Minbarra dan, il-Kunsill ġustifikament jenfasizza li lanqas din id-dispożizzjoni ma titfa’ xi dubji fuq il-livell ta’ protezzjoni previst mid-direttiva habitats. L-obbligi skont l-Artikolu 6(3) u (4) tad-direttiva habitats ma humiex affettwati mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA.

45.

Billi, għalhekk, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA ma jkomplix inaqqas il-livell ta’ protezzjoni stabbilit mill-Artikolu 3(1), fid-dawl tal-konklużjoni taħt 2 ma teżisti ebda raġuni biex tiġi ddubitata l-preservazzjoni tal-livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali mitluba mill-Artikolu 191(2) TFUE.

46.

Barra minn hekk, Italia Nostra, essenzjalment, qiegħda targumenta li ma jikkorrispondix mal-livell ta’ protezzjoni mitlub li, permezz tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA, pjanijiet u programmi li diġà jirrikjedu evalwazzjoni tal-effetti skont id-Direttiva habitats jistgħu jkunu meħlusin minn evalwazzjoni strateġika tal-effetti fuq l-ambjent.

47.

Huwa minnu li, mal-ewwel ħarsa, dan jidher kontradittorju, billi r-riskju ta’ effetti sinjifikattivi fuq żona protetta Ewropea, li jikkundizzjona l-obbligu għall-eżekuzzjoni ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tad-direttiva habitats, bħala regola jikkorrispondi mar-riskju ta’ effetti sinjifikattivi fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA ( 22 ).

48.

Għaldaqstant, kien loġiku li fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva ESA tiġi stabbilita preżunzjoni inkonfutabbli li pjanijiet u programmi li huma obbligatorjament suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats jeħtieġu wkoll evalwazzjoni tal-effetti ambjentali skont id-Direttiva ESA.

49.

Madankollu bl-istess mod huma konċepibbli każijiet li fihom jistgħu jiġu eliminati, b’mod ħafif għall-aħħar, dubji raġonevoli eżistenti dwar in-nuqqas ta’ effett ta’ miżura permezz ta’ evalwazzjoni ristretta skont l-Artikolu 6(3) tad-direttiva habitats, hekk li wara din l-evalwazzjoni speċifika ma jkun jifdal l-ebda dubju li jista’ jirrikjedi evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-direttiva ESA. F’dan il-każ huwa ġġustifikat li tkun irrinunzjata evalwazzjoni komprensiva tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva ESA. Għaliex, anki b’din ir-restrizzjoni huwa żgurat li pjanijiet u programmi, li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni, kif meħtieġ skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ESA. Għalhekk, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 39 tal-konklużjonijiet preżenti, anki l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA jsostni l-livell ta’ protezzjoni mitlub mill-Artikolu 191(2) TFUE.

50.

Min-naħa l-oħra ma għandux jiġi deċiż jekk effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent kienu korrettament esklużi, u skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, lanqas ma għandu jiġi deċiż mill-qorti nazzjonali billi, apparentement, ma tressqu l-ebda oġġezzjonijiet korrispondenti rigward dan il-pjan. Bl-istess mod, il-fatt li fuq il-proġett kienu imposti għadd ta’ restrizzjonijiet għall-protezzjoni taż-żoni protetti Ewropej ikkonċernati li kellhom piż fuq il-proġett madankollu jqajjem dubji dwar l-eliminazzjoni, abbażi tal-evalwazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(3) tad-direttiva habitats, tar-riskju ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA. Fl-istess direzzjoni jindikaw l-ispeċifikazzjonijiet għall-proġett, li kienu stabbiliti fil-kuntest tal-eżami preliminari intiż sabiex jivverifika n-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva ESA.

51.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-verifika tagħha ma indikat xejn li jista’ jitfa’ dubji dwar il-validità tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA.

C – Fuq it-tieni u t-tielet domanda

52.

It-tieni u t-tielet domandi jirreferu għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA, jiġifieri d-dispożizzjoni, li l-kompatibbiltà prinċipali tagħha mad-dritt primarju kellha tiġi mistħarrġa fl-ewwel domanda ( 23 ). Għandha tiġi ċċarata t-tifsira tal-formulazzjoni, skont liema, pjanijiet u programmi li, għalkemm jirrikjedu evalwazzjoni skont id-direttiva habitats, iżda sempliċement “jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali”, ma jeħtieġu obbligatorjament l-ebda evalwazzjoni strateġika ambjentali jekk l-Istati Membri jistabbilixxu li x’aktarx ma jkollhomx effetti ambjentali sinjifikativi.

53.

Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tixtieq issir taf jekk għall-evalwazzjoni ta’ jekk pjan jew programm jistabbilixxix l-użu ta’ tali żoni żgħar fuq livell lokali, għandux isir riferiment biss għas-superfiċji tal-proġett. F’każ li dan huwa minnu, bit-tielet domanda l-qorti tar-rinviju tfittex li tistħarreġ il-kompatibbiltà mad-direttiva tal-valuri limiti marbutin mas-superfiċji applikati b’mod konkret fl-Italja (40 jew għaxar ettari). Iż-żewġ domandi jistgħu jitwieġbu flimkien.

54.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li l-kwalifika ta’ pjan jew programm bħala miżura li tistabbilixxi l-użu ta’ żona żgħira fil-livell lokali, għandha żewġ kundizzjonijiet: minn naħa waħda l-użu ta’ żona żgħira u min-naħa l-oħra l-istabbiliment fil-livell lokali. F’dan li ġej, inizjalment ser nindirizza t-tieni karatteristika, dik tal-livell lokali.

1. Stabbiliment fuq livell lokali

55.

Il-karatteristika tal-livell lokali terġa’ tidher għall-ewwel darba f’post ieħor fid-Direttiva ESA, fil-fatt fl-Artikolu 2(a), l-ewwel inċiż, fid-definizzjoni jew fil-kwalifika tal-pjanijiet u programmi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Hemmhekk, it-termini ġodda lokali, l-istess bħal-livell reġjonali u nazzjonali, huma użati għad-deskrizzjoni ta’ awtoritajiet eventwalment kompetenti tal-ippjanar u l-approvazzjoni.

56.

Huwa minnu li fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA ma hemmx riferiment espliċitu li, anki hawnhekk, bil-livell lokali huwa mifhum livell amministrattiv. Madankollu, il-formulazzjoni li, mill-bqija, hija identika, kif ukoll l-istruttura taż-żewġ dispożizzjonijiet jissuġġerixxu li l-kunċett fl-Artikolu 3(3) huwa attribwit l-istess tifsira bħal dik fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-direttiva. Għalhekk, il-kwalifika ta’ pjan jew programm bħala miżura għall-użu ta’ żona fil-livell lokali tirrikjedi li taqa’ fil-kompetenza tal-awtorità lokali għall-ippjanar jew l-approvazzjoni, b’mod separat minn dik reġjonali u nazzjonali.

57.

Minn dan diġà tirriżulta r-risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri li regolament li, għad-definizzjoni ta’ pjanijiet u programmi, li “jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali”, jagħmel riferiment biss għas-superfiċji tal-pjan, ma huwiex f’konformità mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA. Billi l-miżura kkontestata fil-kawża prinċipali, skont it-talba għal deċiżjoni tar-rinviju, kienet ġiet adottata mill-belt ta’ Venezja, madankollu ma jistax jiġi eskluż li hija kkonċernata miżura fil-livell lokali.

2. L-użu ta’ żona żgħira

58.

Jekk tkun stabbilita l-kompetenza tal-awtorità lokali, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-pjan jistabbilixxix sempliċement l-użu ta’ żona żgħira.

59.

B’ħarsa lejn it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-istandard għad-daqs taż-żona jista’ jkun biss is-superfiċji taż-żona kkonċernata direttament mill-pjan, irrispettivament mill-effetti ambjentali tal-proġett. Dan tistabbilixxih diġà t-tifsira naturali ta’ “żona”. Waqt osservazzjoni sistematika, wieħed jinnota wkoll li l-Artikolu 3(3) jagħmel riferiment biss għal dik iż-żona li l-użu tagħha huwa stabbilit mill-pjan, hekk li ntgħażlet formulazzjoni iktar stretta milli f’partijiet oħrajn tad-direttiva, li jkopru ż-żoni kollha (x’aktarx) milqutin mill-proġett jew mill-effetti tiegħu ( 24 ). Dan ukoll ikompli jikkonferma l-idea li s-superfiċji taż-żona kkonċernata direttament mill-pjan huwa l-uniku kriterju rilevanti.

60.

Anki kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi, minn tal-inqas, ma humiex jimpedixxu l-osservazzjoni proposta hawnhekk, esklużivament ibbażata fuq is-superfiċji. Id-dispożizzjoni konkreta, skont liema pjanijiet u programmi għall-istabbiliment tal-użu ta’ żoni żgħar huma suġġetti għal evalwazzjoni strateġika ambjentali, bla ħsara biss għal eżami preliminari dwar jekk humiex possibbli effetti ambjentali sinjifikattivi eventwali, partikolarment ma sservix qabelxejn għall-garanzija ta’ livell tal-protezzjoni ambjentali għoli kemm jista’ jkun. Kieku dan kien l-uniku skop ta’ din id-dispożizzjoni, ma kinitx tkun meħtieġa d-deroga għar-regolament fl-Artikolu 3(2)(b) permezz tal-Artikolu 3(3). Il-pjanijiet u l-programmi kollha, li għandhom jiġu eżaminati skont l-Artikolu 6(3) tad-direttiva habitats, kien ikollhom jiġu suġġetti, addizzjonalment, għal evalwazzjoni strateġika addizzjonali u possibbilment kien ikun iggarantit livell ta’ protezzjoni ftit inqas għoli.

61.

Li ssir eċċezzjoni favur eżami preliminari, għan-natura awtomatika ta’ evalwazzjoni strateġika ambjentali wara evalwazzjoni tal-effetti mwettqa skont id-direttiva habitats, min-naħa l-oħra għandha bħala għan li jiġu evitati spejjeż inutli u li titħaffef il-proċedura. Li tintuża s-superfiċji inkwantu kriterju li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-pjanijiet li huma obbligatorjament suġġetti għal evalwazzjoni u dawk li fir-rigward tagħhom l-ewwel isir eżami preliminari, huwa adatt sabiex jintlaħaq dan l-għan: anki jekk, mingħajr dubju, jeżistu pjanijiet u programmi li, għalkemm żgħar mil-lat spazjali, għandhom effetti ambjentali sinjifikattivi ( 25 ) [u li għalihom, konsegwentement, għandha wkoll titwettaq evalwazzjoni strateġika skont l-Artikolu 3(3)], minn naħa waħda jista’ jiġi allegat sistematikament li, fi kwalunkwe każ, xogħlijiet ta’ daqs ikbar ċertament għandhom effetti ambjentali iktar sinjifikattivi minn pjanijiet paragunabbli ta’ daqs iżgħar u li, għaldaqstant, eżami preliminari għal xogħlijiet kbar ħafna drabi ma jkunx neċessarju. Billi, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tas-superfiċji ma ġġib magħha l-ebda spejjeż addizzjonali sostanzjali, għandhom jiġu limitati l-ispejjeż b’mod effettiv, mingħajr ma jiġi ostakolat it-twettiq tal-għan aħħari tad-direttivali jikkonsisti fil-ħolqien ta’ proċedura ta’ verifika bikrija għal atti legali li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi ( 26 ).

62.

Għaldaqstant, titqajjem il-mistoqsija sussegwenti dwar sa liema superfiċji għandhom iż-żoni jitqiesu bħala “żgħar”.

63.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jistabbilixxi valur limitu konkret. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment ta’ tali valuri limiti. Il-marġni tagħhom jitnaqqas biss bil-limitu superjuri ta’ dik li tkun għadha tista’ spontanjament tissejjaħ żona “żgħira”.

64.

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li żona tista’ tkun ikklassifikata bħala żgħira biss meta mqabbla ma’ daqs ta’ riferiment.

65.

Fil-fehma tiegħi, bħala daqs ta’ riferiment, fil-prinċipju, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni tliet żoni: it-territorju sħiħ tal-Unjoni, li jippermetti li tkun tista’ tiġi stabbilita superfiċji konkreta “żgħira”, valida għall-Istati Membri kollha; is-superfiċji ta’ kull wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll, finalment, is-superfiċji li taqa’ fil-kompetenza tal-livell amministrattiv lokali kkusidrat.

66.

Billi l-kriterju tal-użu ta’ żoni żgħar qiegħed jintalab addizzjonalment għar-rekwiżit ta’ stabbiliment fil-livell lokali, u li għalhekk għandu jillimita lil dan b’mod ulterjuri, għandu jitqies bħala daqs ta’ referenza t-territorju li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtorità lokali korrispondenti. Fil-fatt, meta mqiegħda fil-kuntest ta’ Stat Membru sħiħ jew saħansitra tal-Unjoni sħiħa, żona li normalment hija ikbar mill-qasam ta’ kompetenza tal-livell amministrattiv lokali tidher ħafna iżgħar. Dak li jidher żgħir fuq skala ta’ Stat Membru jew anki fuq skala tal-Unjoni bħala regola ġenerali ikun ikbar mit-territorju li fuqu awtorità amministrattiva teżerċita ġurisdizzjoni fuq livell lokali.

67.

Huwa minnu li dak li huwa meqjus bħala żgħir jiddependi mit-tqassim tal-kompetenzi u mit-tfassil tal-livelli lokali u (b’mod separat minn dawn) dawk reġjonali fl-Istati Membri. Madankollu, din hija inevitabbilment il-konsegwenza neċessarja, jekk ma hijiex saħansitra mixtieqa, tan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jew speċifikazzjoni fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ESA u tar-riferiment għal-livell lokali.

68.

F’dan il-kuntest jidher li bħala punt ta’ riferiment, superfiċji sa 5 % tal-ġurisdizzjoni territorjali tal-livell amministrattiv lokali tidher li hija valur indikattiv ta’ dik li għadha tista’ tiġi kklassifikata spontanjament bħala “żona żgħira”. Madankollu, bħala regola ġenerali, dan il-valur indikattiv ma jistax jintlaħaq f’kollettivitajiet territorjali lokali partikolarment wiesa’.

V – Konklużjoni

69.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

1)

Fl-eżami tal-ewwel domanda ma rriżulta xejn li jista’ jitfa’ dubji dwar il-validità tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.

2)

L-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/42 tirrikjedi, minbarra l-użu ta’ żona żgħira, li l-pjan jew il-programm jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ awtorità lokali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni li tibbaża ruħha unikament fuq is-superfiċji taż-żona kkonċernata mill-pjan sabiex jiġi stabbilit jekk pjan jew programm jiddeterminax l-użu ta’ żona żgħira fil-livell lokali.

3)

Pjan jew programm ma jiddeterminax iktar l-użu ta’ żona żgħira skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/42 meta ż-żona kkonċernata taqbeż il-valur indikattiv ta’ 5 % tas-superfiċji territorjali tal-livell amministrattiv lokali kkunsidrat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

( 4 ) ĠU 2012, C 326, p. 47.

( 5 ) ĠU 2008, C115, p. 13.

( 6 ) ĠU 2012, C326, p. 391.

( 7 ) Sentenza tas-7 ta’ April 2016, KA Finanz (C‑483/14, EU:C:2016:205, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara fuq l-Artikolu 37 tal-Karta wkoll l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU 2007, C 303, p. 27.

( 9 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998 (C‑284/95, EU:C:1998:352).

( 10 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998 (C‑341/95, EU:C:1998:353).

( 11 ) Ara sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 36 et seq) sentenza Bettati (C‑341/95, EU:C:1998:353, punt 34 et seq) kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑86/03, EU:C:2005:769, punt 88).

( 12 ) Ara sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 49) u sentenza Bettati (C‑341/95, EU:C:1998:353, punt 47).

( 13 ) Ara sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 48) u sentenza Bettati (C‑341/95, EU:C:1998:353, punt 46).

( 14 ) ĠU 2008, L 308, p. 35, aċċettat permezz tad-Deċiżjoni 2008/871/KE tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2008 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo tal-UN/ECE tal-1991 dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (ĠU 2008, L 308, p. 33).

( 15 ) ĠU 1992, C 104, p. 7; skont il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza – f’isem il-Komunità Ewropea – l-ewwel u t-tieni emenda tal-Konvenzjoni tal-UN/ECE ta’ Espoo dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (COM[2007] 470 finali) il-Komunità awtorizzat dawn il-konvenzjonijiet fis-27 ta’ Ġunju 1997 permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li ma kinitx ippubblikata, li mid-dehra hija tal-15 ta’ Ottubru 1996 (ara l-proposta għall-ewwel Deċiżjoni tal-Kunsill fil-ĠU 1992, C 104, p. 5).

( 16 ) Ara f’dan is-sens il‑premessa 9 tad-Direttiva SSA kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 46).

( 17 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C‑341/95, EU:C:1998:353, punt 43).

( 18 ) Sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 46) kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punti 4647). Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, L (C‑463/11, EU:C:2013:247, punt 38).

( 19 ) Ara sentenza tat-18 ta’ April 2013, L (C‑463/11, EU:C:2013:247, punti 31333941).

( 20 ) Issa saret id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2011, L 26, p. 1), emendata permezz tad-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1).

( 21 ) Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jsemmi s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punti 64 sa 67), u tas‑16 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑332/04, EU:C:2006:180, punti 77 sa 81).

( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:491, punt 78) u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk dwar id-Direttiva SEA kif ukoll il-premessa 10 tad-Direttiva SSA.

( 23 ) Ara, iktar ’il fuq, Taqsima B.

( 24 ) Ara Artikolu 3(2)(b), Anness I(ċ) u (d) kif ukoll Anness II Nru 2 tad-Direttiva SSA.

( 25 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, EU:C:2013:431, punti 66 et seq), fuq id-Direttiva SSA.

( 26 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles (C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30).

Top