This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0434
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 11 May 2017.#Asociación Profesional Elite Taxi v Uber Systems Spain, SL.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado Mercantil de Barcelona.#Reference for a preliminary ruling — Article 56 TFEU — Article 58(1) TFEU — Services in the field of transport — Directive 2006/123/EC — Services in the internal market — Directive 2000/31/EC — Directive 98/34/EC — Information society services — Intermediation service to connect, by means of a smartphone application and for remuneration, non-professional drivers using their own vehicle with persons who wish to make urban journeys — Requirement for authorisation.#Case C-434/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2017.
Asociación Profesional Elite Taxi vs Uber Systems Spain SL.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado Mercantil n° 3 de Barcelona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 58(1) TFUE – Servizzi fil-qasam tat-trasport – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2000/31/KE – Direttiva 98/34/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Servizz ta’ intermedjazzjoni li jippermetti, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt bi ħlas ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġi urbani – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni.
Kawża C-434/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2017.
Asociación Profesional Elite Taxi vs Uber Systems Spain SL.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado Mercantil n° 3 de Barcelona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 58(1) TFUE – Servizzi fil-qasam tat-trasport – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2000/31/KE – Direttiva 98/34/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Servizz ta’ intermedjazzjoni li jippermetti, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt bi ħlas ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġi urbani – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni.
Kawża C-434/15.
Court reports – general ; Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:364
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2017 ( 1 )
Kawża C-434/15
Asociación Profesional Elite Taxi
vs
Uber Systems Spain, SL
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fis-suq intern – Trasport ta’ passiġġieri – Użu ta’ mezzi informatiċi u ta’ applikazzjoni għal smartphones – Kompetizzjoni żleali – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni”
Introduzzjoni
1. |
Minkejja li l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda huwa b’mod ġenerali l-oriġini ta’ kontroversji, Uber donnu huwa każ apparti. Il-mod ta’ funzjonament tiegħu wassal għal kritika u mistoqsijiet, iżda wkoll għal tamiet u aspettattivi ġodda. Fir-rigward tas-suġġetti legali biss, il-mod ta’ funzjonament ta’ Uber ta lok għal mistoqsijiet dwar, b’mod partikolari, id-dritt tal-kompetizzjoni, tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-dritt tax‑xogħol. Fuq pjan ekonomiku u soċjali, tnissel ukoll it-terminu “uberizzazzjoni”. Għalhekk din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġabet magħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, problema ferm ippolitiċizzata u msemmija ħafna fil-midja. |
2. |
L-għan ta’ din il-kawża huwa madankollu ferm iktar limitat. L‑interpretazzjoni li hija mitluba minnha għandha tippermetti biss li tpoġġi lil Uber fuq il-pjan tad-dritt tal-Unjoni, sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk, u f’liema grad, il-funzjonament tagħha jaqa’ f’dan id‑dritt. Għalhekk din tirrigwarda prinċiparjament dwar jekk leġiżlazzjoni eventwali tal-kundizzjonijiet tal-funzjonament ta’ Uber hijiex suġġetta għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, fl-ewwel lok tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew inkella taqax fil-kompetenza kondiviża bejn l‑Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport lokali, li għadha ma ġietx eżerċitata fuq livell tal-Unjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3. |
L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE ( 2 ) jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:
|
4. |
L-Artikolu 2(a) u (h) tad-Direttiva 2000/31/KE ( 3 ) jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:
[…]
|
5. |
L-Artikolu 3(1), (2) u (4) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi: “1. Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit‑territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat. 2. L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor. […] 4. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:
[…]” |
6. |
Skont l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE ( 4 ): “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet: […]
[…]” |
7. |
L-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva tipprovdi: “Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […]” |
Id-dritt Spanjol
8. |
Teżisti ċerta konfużjoni għal dak li jirrigwarda d-deskrizzjoni, mill-qorti tar-rinviju, mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Spanjol, tal-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli. Ser niddeskrivi hawn taħt l-estratti essenzjali, kif jirriżultaw kemm mid-deċiżjoni tar‑rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub differenti ppreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
9. |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta’ transport fuq livell nazzjonali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 99(1) tal-Ley 16/1987 de Ordenación de los Transportes Terrestres (Liġi nru 16/1987 dwar l‑organizzazzjoni tat-trasport fuq l-art), tat-30 ta’ Lulju 1987, hija meħtieġa awtorizzazzjoni ta’ transport pubbliku tal-passiġġieri sabiex jitwettaq kemm transport ta’ din in-natura kif ukoll attività ta’ intermedjarju fil-konklużjoni ta’ tali kuntratti. Madankollu, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tindika li l-Ley 9/2013 por la que se modifica la Ley 16/1987 y la Ley 21/2003, de 7 de julio, de Seguridad Aérea (Liġi Nru 9/2013 li temenda l-Liġi Nru 16/1987 u l-Liġi Nru 21/2003 tas-7 ta’ Lulju 2003 dwar is-sigurtà fl-ajru) tal-4 ta’ Lulju 2013, irrevokat l‑obbligu ta’ liċenzja speċifika sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ intermedjarju ta’ trasport ta’ passiġġieri. Madankollu ma huwiex ċert jekk din ir-riforma daħlitx fis-seħħ fir-reġjuni kollha ta’ Spanja. |
10. |
Fuq il-pjani reġjonali u lokali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija magħmula, fir-rigward tas-servizzi ta’ taxis, minn diversi leġiżlazzjonijiet adottati mill-komunità awtonoma ta’ Cataluña kif ukoll miż-żona metropolitana ta’ Barcelona, fosthom ir-Reglamento Metropolitano del Taxi (regolament dwar is-servizzi ta’ taxi taż-żona metropolitana ta’ Barcelona), tat-22 ta’ Lulju 2004, adottat mill-Consell Metropolitá de l’Entitat Metropolitana de Transport de Barcelona (kunsill li jmexxi l‑korp amministrattiv taż-żona metropolitana ta’ Barcelona), tat-22 ta’ Lulju 2004, li jimponi għall-pjattaformi bħal dik amministrata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, għall-eżerċizzju tal-attività tagħhom, li jkollhom liċenzji u awtorizzazzjonijiet amministrattivi neċessarji. |
11. |
Fl-aħħar nett, il-Ley 3/1991 de Competencia Desleal (Liġi 3/1991 dwar il-kompetizzjoni żleali), tal-10 ta’ Jannar 1991, tipprovdi fl‑Artikolu 4 tagħha, ir-rekwiżiti ta’ aġir professjonali konformi mar‑regoli ta’ bona fide, fl-Artikolu 5 tagħha, il-prattiki qarrieqa, u fl‑Artikolu 15 tagħha, il-ksur tar-regoli dwar l-attività kompetittiva li tagħti vantaġġ kompetittiv fis-suq. |
Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
L-applikazzjoni Uber
12. |
Uber hija l-isem ta’ pjattaforma ( 5 ) elettronika żviluppata minn Uber Technologies Inc., kumpannija li għandha s-sede tagħha f’San Francisco (l-Istati Uniti). Fl-Unjoni Ewropea, il-pjattaforma Uber hija amministrata minn Uber BV, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, sussidjarja tal‑kumpannija Uber Technologies. |
13. |
Din il-pjattaforma tippermetti, permezz ta’ smartphone li jkun fih l-applikazzjoni Uber, li jiġi ordnat servizz ta’ transport urban fl-ibliet li taqdi. L-applikazzjoni tirrikonoxxi l-post fejn jinsab l-utent u ssib ix‑xufiera disponibbli li jinsabu fil-qrib. Meta x-xufier jaċċetta l-vjaġġ, l‑applikazzjoni tinforma lill-utent, billi turih il-profil tax-xufier kif ukoll stima tal-prezz tal-vjaġġ lejn id-destinazzjoni indikata mill-utent. Ladarba jsir il-vjaġġ, il-prezz tiegħu jittieħed awtomatikament mill-karta bankarja li l-utent huwa obbligat jindika meta jirreġistra għall‑applikazzjoni. L-applikazzjoni tinkludi wkoll funzjoni ta’ evalwazzjoni: kemm il-passiġġieri jistgħu jevalwaw ix-xufiera kif ukoll ix-xufiera jistgħu jevalwaw il-passiġġieri. Marki medji taħt ċertu livell jistgħu jwasslu għat-tkeċċija mill-pjattaforma. |
14. |
Is-servizzi ta’ transport proposti mill-pjattaforma Uber jinqasmu f’kategoriji differenti skont il-kwalità tax-xufiera u t-tip ta’ vettura. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-kawża prinċipali tirrigwarda s-servizz imsejjaħ UberPop, li fil-kuntest tiegħu hemm xufiera individwali mhux professjonisti li jiżguraw trasport ta’ passiġġieri permezz tal-vetturi proprji tagħhom. |
15. |
It-tariffa hija stabbilita mill-operatur tal-pjattaforma abbażi tad‑distanza u t-tul tal-vjaġġ. Hija tvarja skont kemm ikun hemm domanda f’mument partikolari, b’tali mod li l-prezz ta’ vjaġġ jista’, f’perijodi ta’ traffiku qawwi, jaqbeż diversi drabi t-tariffa bażika. Il-prezz tal-vjaġġ huwa kkalkolat mill-applikazzjoni u jittieħed awtomatikament mill-operatur tal-pjattaforma, li jżomm parti minnu bħala kummissjoni, li normalment tkun bejn 20 u 25 %, u jgħaddi l-kumplament lix-xufier. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali
16. |
Asociación Profesional Elite Taxi (iktar ’il quddiem “Elite Taxi”) hija organizzazzjoni professjonali ta’ xufiera ta’ taxis fil-belt ta’ Barcelona (Spanja). Fid-29 ta’ Ottubru 2014, Elite Taxi ppreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no3 de Barcelona (qorti tal‑kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja) li permezz tiegħu hija talbet, b’mod partikolari, sabiex tikkundanna lil Uber Systems Spain, SL (iktar ’il quddiem “Uber Spain”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Spanjol, tiddeċiedi li l‑attivitajiet tagħha, li jiksru l-leġiżlazzjoni fis-seħħ u jirriżultaw li huma prattiċi qarrieqa, jikkostitwixxu atti ta’ kompetizzjoni żleali, u tobbligaha twaqqaf l-aġir inġust tagħha li jikkonsisti f’assistenza lil kumpanniji oħra tal-grupp billi tipprovdi servizzi ta’ prenotazzjoni fuq talba permezz ta’ apparat mobbli u l-internet bil-kundizzjoni li dan ikun direttament jew indirettament marbut mal-użu tal-pjattaforma diġitali Uber fi Spanja, u tipprojbixxiha milli teżerċita din l-attività fil-futur. Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, la Uber Spain, la l-proprjetarji u lanqas ix-xufiera tal-vetturi kkonċernati ma għandhom liċenzji u approvazzjonijiet previsti mir-regolament dwar is-servizzi ta’ taxi għaż-żona metropolitana ta’ Barcelona. |
17. |
Uber Spain tikkontesta li hija qed twettaq kwalunkwe ksur tal‑leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasport. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, hija l‑kumpannija rregolata taħt id-dritt Olandiż Uber BV li topera l-applikazzjoni Uber fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi Spanja, u għalhekk l-ilmenti tar‑rikorrenti kellhom ikunu indirizzati lilha. Uber Spain twettaq biss kompiti ta’ reklamar għan-nom ta’ Uber BV. Uber Spain sostniet dawn id-dikjarazzjonijiet fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża. |
18. |
Fir-rigward ta’ ċirkustanza fattwali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar liema miż-żewġ kumpanniji msemmija iktar 'il fuq għandha tkun id-destinatarja ta’ ordni eventwali. Madankollu, jiena ser nassumi li l-applikazzjoni Uber hija operata fl‑Unjoni mill-kumpannija Uber BV ( 6 ). Hija fuq din il-premessa, li għandha konsegwenzi fuq il-pjan tad-dritt tal-Unjoni, li ser tkun ibbażata l-analiżi tiegħi. F’dawn il-konklużjonijiet jiena ser nuża t-terminu “Uber” sabiex nirreferi għall-pjattaforma elettronika ta’ prenotazzjoni kif ukoll għall-operatur tagħha. |
19. |
Irrid nispjega wkoll, fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima tal-kawża prinċipali, li hawnhekk ma hijiex kwistjoni li jiġi mblokkat jew li b’xi mod ieħor jitwaqqaf l-użu tal-applikazzjoni Uber fuq l-ismartphones. Ma ntalbet ebda ordni u lanqas ebda miżura oħra f’dan is-sens. Il-kawża prinċipali tirrigwarda biss il-possibbiltà, li Uber, tipprovdi, bl-għajnuna ta’ din l‑applikazzjoni, is-servizz UberPop fil-belt ta’ Barcelona. |
Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. |
Peress li s-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il‑Juzgado Mercantil no 3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
21. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2015. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Grieg, l-Irlanda, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) ippreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub. L-istess persuni kkonċernati, barra l-Gvern Grieg, u l-Gvern Estonjan, kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fid-29 ta’ Novembru 2016. |
Analiżi
22. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel erba’ domandi preliminari, l-ewwel tnejn jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-attività ta’ Uber fid-dawl tad‑Direttivi 2000/31 u 2006/123 kif ukoll tat-Trattat FUE, filwaqt li t‑tnejn l-oħra jirrigwardaw il-konsegwenzi li, jekk ikun il-każ, għandhom jinġibdu minn din il-klassifikazzjoni. |
Fuq il-klassifikazzjoni tal-attività ta’ Uber
23. |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-attività ta’ Uber taqax taħt id‑Direttivi 2006/123 u 2000/31 kif ukoll taħt id-dispożizzjonijiet tat‑Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
24. |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi analizzat, fl-ewwel lok, jekk din l-attività fid-dawl ta’ sistema organizzata mid-Direttiva 2000/31 u tad-definizzjoni ta’ “servizz tas-Soċjeta ta’ l‑Informatika” li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, definizzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31. |
25. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-attività tikkostitwixxix servizz fil-qasam tat-trasport jew fil-qasam ta’ transport fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE u tal-Artikolu 2(2)(d) tad‑Direttiva 2006/123. Fil-fatt, il-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport jitwettaq fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport ( 7 ) u dawn is-servizzi huma, għal din ir-raġuni, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 skont id-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija. |
L’attività ta’ Uber fid-dawl tad-Direttiva 2000/31
26. |
Sabiex jiġi evalwat jekk l-attività ta’ Uber taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, għandu jsir riferiment għad‑definizzjoni ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni mogħtija fl‑Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva. Din id-definizzjoni tirreferi għall‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34. |
27. |
Skont din l-aħħar dispożizzjoni, servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni huwa servizz mogħti għal remunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ destinatarju. Il-kriterji ta’ natura remuneratorja tas-servizz u tal-provvista fuq talba individwali ma jidhirx li joħolqu problema. Mill-banda l-oħra, huwa mod ieħor għal dak li jirrigwarda l-provvista mill-bogħod b’mezzi elettroniċi. |
28. |
Kif esponejt fil-qosor fil-parti ddedikata liċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali, Uber tippermetti, essenzjalment, li jinstab, bl‑għajnuna ta’ applikazzjoni għall-ismartphone, xufier u li tpoġġih f’kuntatt mal-passiġġier potenzjali, sabiex titwettaq provvista ta’ trasport urban fuq talba. Għalhekk ninsabu fil-preżenza ta’ servizz imħallat, peress li parti minn dan is-servizz jitwettaq b’mezz elettroniku u l-parti l‑oħra, mid-definizzzjoni tiegħu, le. Għandu jiġi ddeterminat jekk tali servizz jaqax fid‑Direttiva 2000/31.
|
29. |
Id-Direttiva 2000/31 hija intiża sabiex tiżgura l-effikaċja tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Dawn is-servizzi huma ddefiniti fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, b’riferiment għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, tali servizz, fost affarijiet oħra, “jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi” ( 8 ). |
30. |
Ovvjament, ċerti provvisti jinkludu elementi li ma humiex mibgħuta b’mezzi elettroniċi, għaliex ma jistgħux ikunu virtwalizzati. Il‑bejgħ online ta’ oġġetti materjali huwa eżempju tajjeb ta’ dan, għaliex, skont il-premessa 18 tad-Direttiva 2000/31, jaqa’ neċessarjament taħt servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Mill-bqija d-Direttiva 2000/31 tippreċiża li l-qasam ikkoordinat, jiġifieri r-regoli ta’ dritt kollha li japplikaw għal servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u li abbażi tagħhom l-Istati Membri ma jistgħux, fil-prinċipju, jirrestrinġu l-attività tal‑fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma jkoprix ir-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezz elettroniku ( 9 ). L-Istati Membri huma għalhekk liberi, fil-limiti eventwalment stabbiliti minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, li jirrestrinġu l-libertà tal‑fornituri b’regoli li jirrigwardaw servizzi pprovduti mhux b’dan il‑mezz ( 10 ). |
31. |
Madankollu, sabiex id-Direttiva 2000/31 tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, il‑liberalizzazzjoni limitata għall-element elettroniku biss għandu jkollha effett reali fuq il-possibbiltà li tiġi eżerċitata l-attività. Din hija r-raġuni li għaliha l-leġiżlatur ikkonċentra fuq is-servizzi li huma, fil-prinċipju, għalkollox trasmessi b’mezz elettroniku, b’dan illi l-eventwali provvisti pprovduti b’mezzi oħra jkunu biss element aċċessorju ta’ tali servizzi. Fil-fatt ikun inutli li tilliberalizza biss parti sekondarja ta’ provvista kumplessa jekk din il-provvista ma tistax titwettaq b’mod liberu minħabba leġiżlazzjoni li hija barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31. Tali liberalizzazzjoni mhux biss donnha ma tilħaqx l-għan tagħha, iżda jkollha wkoll konsegwenzi ħżiena, billi ġġib inċertezza legali u billi twassal għal telf ta’ fiduċja fil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
32. |
Għal din ir-raġuni, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni li ddaħħal fil-kamp ta’ dan il-kunċett attivitajiet online li ma għandhomx valur ekonomiku awtonomu ma tkunx effikaċja fir-rigward tat-twettiq tal-għan li trid tilħaq id‑Direttiva 2000/31. |
33. |
Fil-każ ta’ servizzi mħallta, jiġifieri servizzi li fihom komponenti elettroniċi u mhux elettroniċi, servizz jista’ jitqies bħala trasmess għalkollox b’mezz elettroniku, fl-ewwel lok, meta l-provvista li ma tkunx ipprovduta b’mezz elettroniku tkun ekonomikament indipendenti mis‑servizz li huwa pprovdut b’dan il-mezz. |
34. |
Dan il-każ huwa preżenti b’mod partikolari, fis-sitwazzjoni ta’ fornitur intermedjarju li jiffaċilita r-relazzjonijiet kummerċjali bejn utent u fornitur ta’ servizzi (jew bejjiegħ) indipendenti. Il-pjattaformi ta’ xiri ta’ biljetti tal-ajru jew ta’ prenotazzjoni ta’ lukandi huma eżempju. F’tali każ, il-provvista tal-intermedjarju għandha valur reali miżjud kemm għall‑utent kif ukoll għall-imprenditur ikkonċernat, iżda hija tibqa’ ekonomikament awtonoma, u l-imprenditur iwettaq l-attività tiegħu b’mod indipendenti. |
35. |
Għall-kuntrarju, meta l-fornitur ta’ servizz ipprovdut b’mezz elettroniku jkun ukoll il-fornitur ta’ servizz li ma huwiex ipprovdut b’dan il-mezz jew meta jeżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet tal‑provvista ta’ dan l-aħħar servizz, b’tali mod li t-tnejn jifformaw ħaġa indissoċjabbli, fil-fehma tiegħi għandu jiġi ddeterminat l-element prinċipali tal-provvista inkwistjoni, jiġifieri dak li jagħtiha s-sens ekonomiku tagħha. Il-klassifikazzjoni ta’ servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni timplika li l-element prinċipali tiegħu huwa dak li jitwettaq b’mezz elettroniku. |
36. |
Pereżempju, dan huwa l-każ tal-bejgħ ta’ oġġetti online. Fil-bejgħ online, l-elementi essenzjali tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-preżentazzjoni tal-offerta u l-aċċettazzjoni tagħha mix-xerrej, il-konklużjoni tal-kuntratt, u ħafna drabi l-ħlas, isiru b’mezzi elettroniċi u jaqgħu fil-kunċett ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Dan huwa dak li kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ker-Optika ( 11 ). Il-kunsinna tal-oġġett mixtri hija biss l-eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali, b’tali mod li l‑leġiżlazzjoni dwar din il-kunsinna ma għandhiex, fil-prinċipju, taffettwa l-provvista tas-servizz prinċipali. |
37. |
Madankollu, ma naħsibx li d-Direttiva 2000/31 għandha tkun interpretata fis-sens li kull attività online marbuta ma’ tranżazzjonijiet kummerċjali, kemm jekk biss aċċessorja, sekondarja jew preparatorja, u li ma hijiex ekonomikament indipendenti tikkostitwixxi fiha nnifisha servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. |
38. |
Nipproponi li issa tiġi analizzata l-attività ta’ Uber fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti.
|
39. |
Ir-riżultat ta’ din l-analiżi jiddependi ħafna fuq il-punt dwar jekk l-attività ta’ Uber għandhiex titqies bħala waħda kkostitwita, minn naħa, mill-provvista li tinħoloq relazzjoni bejn passiġġieri u xufiera bl‑għajnuna tal-pjattaforma elettronika u min-naħa l-oħra, mill-provvista ta’ trasport proprju, jew jekk dawn iż-żewġ provvisti għandhomx ikunu kkunsidrati bħala żewġ servizzi distinti. Ser nibda minn din il-problema. |
40. |
Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ attività fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti, għandhom isiru ċerti ipoteżi fattwali. Peress li l-elementi fattwali pprovduti mill-qorti tar-rinviju ma humiex kompluti u li s-servizz inkwistjoni kien sospiż fi Spanja b’applikazzjoni ta’ ordnijiet ġudizzjarji, l-analiżi tiegħi ser tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli fir-rigward tal-metodi ta’ funzjonament ta’ Uber f’pajjiżi oħra ( 12 ). Dawn il-metodi ta’ funzjonament huma simili ħafna. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq l‑evalwazzjonijiet fattwali definittivi. |
41. |
X’inhi Uber? Hija impriża ta’ transport, tat-taxis b’mod iktar sempliċi? Jew hija biss pjattaforma elettronika li ssib, tirriżerva u tħallas servizz ta’ trasport ipprovdut minn ħaddieħor? |
42. |
Huwa komuni li Uber tkun ikklassifikata bħala impriża (jew pjattaforma) tal-ekonomija msejħa “kollaborattiva”. Jidhirli li huwa inutli li hawnhekk isir dibattitu dwar it-tifsira eżatta ta’ dan it-terminu ( 13 ). Dak li huwa rilevanti fir-rigward ta’ Uber huwa li żgur ma tistax titqies bħala pjattaforma ta’ carpooling ( 14 ). Fil-fatt, ix-xufiera fil‑kuntest ta’ din il-pjattaforma jipprovdu lill-passiġġieri servizz ta’ trasport lejn destinazzjoni magħżula mill-passiġġier u, fil-fatt, huma remunerati b’ammont li jeċċedi ferm is-sempliċi rimbors tal-ispejjeż sostnuti. Għalhekk dan huwa servizz ta’ trasport klassiku. Ikunx jitqies li jappartjeni għal “ekonomija kollaborattiva” ma għandu ebda effett għall‑finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu fir-rigward tad-dritt fis-seħħ. |
43. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Uber tillimita ruħha biss għar-rabta bejn l-offerta (ta’ transport urban) u d-domanda. Madankollu jiena naħseb li din hija viżjoni ridotta tar-rwol tagħha. Fil-fatt, Uber tagħmel ferm iktar milli torbot l-offerta mad-domanda: hija stess toħloq din l-offerta. Hija tirregola wkoll il-karatteristiċi essenzjali tagħha u torganizza l-funzjonament tagħha. |
44. |
Uber tippermetti lill-persuni li jixtiequ jibdew l-attività ta’ transport urban ta’ passiġġieri li jingħaqdu fl-applikazzjoni tagħha u jwettqu din l-attività skont il-kundizzjonijiet imposti minn Uber u li torbot ix-xufiera permezz ta’ kuntratt ta’ użu tal-applikazzjoni. Dawn il‑kundizzjonijiet huma multipli u jirrigwardaw kemm l-aċċess għall‑attività kif ukoll il-prosegwiment tagħha u anki l-aġir tax-xufiera waqt it-twettiq tal-provvisti. |
45. |
Għalhekk, sabiex wieħed ikun jista’ jaċċedi għall-applikazzjoni Uber bħala xufier, huwa indispensabbli li jkollu vettura ( 15 ). Il-vetturi aċċettati sabiex jagħmlu vjaġġi għan-nom ta’ Uber għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet, li jidher, ivarjaw skont il-pajjiżi u l-bliet, iżda huma, b’mod ġenerali, vetturi ta’ turiżmu b’erba’ jew ħames bibien suġġetti, tal‑inqas, għal limitu ta’ età. Il-vetturi għandhom jissodisfaw ir-regoli fir-rigward tal-kontroll tekniku u ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja ( 16 ). |
46. |
Naturalment ix-xufiera għandu jkollhom liċenzja tas-sewqan (b’esperjenza speċifikata) u ċertifikat tal-kondotta nadif. F’ċerti pajjiżi hija rikjesta wkoll dikjarazzjoni dwar ir--reati tat-traffiku. |
47. |
Minkejja li l-ħin tax-xogħol fil-kuntest tal-pjattaforma Uber ma huwiex irregolat, b’tali mod li x-xufiera jistgħu jeżerċitaw din l-attività b’mod kumplimentarju, jiġri li l-maġġoranza tal-vjaġġi jsiru minn xufiera li din hija l-unika attività tagħhom jew l-attività professjonali prinċipali tagħhom. Jekk iwettqu numru kbir ta’ vjaġġi huma jiġu wkoll ikkumpensati finanzjarjament minn Uber. Uber tindika wkoll lix-xufiera l-postijiet u l-perijodi li fihom jistgħu joperaw fuq numru ta’ traġitti importanti u/jew b’tariffi vantaġġużi. B’hekk, mingħajr ma teżerċita infurzar formali fuq ix-xufiera, Uber hija kapaċi tadatta l-offerta tagħha għall-varjazzjoni tad-domanda. |
48. |
L-applikazzjoni Uber tinkludi funzjonalità ta’ evalwazzjoni: il‑passiġġieri jistgħu jevalwaw lix-xufiera u bil-maqlub. Medja ta’ punti inqas minn ċertu livell jista’ jwassal għat-tkeċċija mill-pjattaforma, b’mod partikolari tax-xufiera. Għalhekk Uber teżerċita kontroll, minkejja li indirett, fuq il-kwalità tal-provvisti tax-xufiera. |
49. |
Fl-aħħar nett, hija Uber li tiddetermina l-prezz tas-servizz ipprovdut. Dan il-prezz huwa kkalkolat skont id-distanza u t-tul tal-vjaġġ, kif irreġistrati mill-applikazzjoni permezz tal-ġeolokalizzazzjoni. Insegwitu algoritmu jistabbilixxi l-prezz skont l-intensità tad-domanda, billi jimmultiplika l-prezz bażiku b’fattur xieraq kif id-domanda tiżdied minħabba, pereżempju, avveniment jew sempliċement tibdil tal‑kundizzjoniji tat-temp, bħal maltempata. |
50. |
Minkejja li waqt is-seduta r-rappreżentanti ta’ Uber iddikjaraw li x-xufiera huma fil-prinċipju, liberi li jitolbu ammont inqas minn dak indikat mill-applikazzjoni, din ma jidhirlix li hija għażla realment possibbli għax-xufiera. Fil-fatt, għalkemm tali għażla hija fit-teorija mogħtija lilhom, Uber tiġbor madankollu, bħala kummissjoni, l-ammont li jirriżulta mill-kalkolu tal-prezz tal-vjaġġ li jkun sar bl-applikazzjoni. Kull tnaqqis possibbli tal-prezz imħallas mill-passiġġier isir għad-detriment tax-xufier, u għalhekk il-probabbiltà li juża din l-għażla hija żgħira ( 17 ). Għalhekk jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkontestat li l-prezz tal-vjaġġ huwa ddeterminat minn Uber. |
51. |
B’hekk, Uber teżerċita kontroll fuq l-aspetti rilevanti kollha ta’ servizz ta’ transport urban: fuq il-prezz, b’mod evidenti, iżda wkoll fuq il-kundizzjonijiet minimi ta’ sigurtà permezz ta’ rekwiżiti minn qabel fir-rigward tax-xufiera u l-vetturi, fuq l-aċċessibbiltà tal-offerta ta’ trasport billi tinkoraġġixxi lix-xufiera joperaw fil-mumenti u fil-postijiet ta’ domanda qawwija, fuq l-aġir tax-xufiera permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni u fl-aħħar nett, fuq il-possibbiltà ta’ tneħħija mill‑pjattaforma. L-aspetti l-oħra huma fl-opinjoni tiegħi, sekondarji mill-perspettiva ta’ utent medju ta’ servizz ta’ trasport urban u ma jaffettwawx l-għażliet ekonomiċi tiegħu. Uber tikkontrolla għalhekk il‑fatturi ekonomikament rilevanti ta’ servizz ta’ trasport offrut fil-kuntest tal-pjattaforma tagħha. |
52. |
Minkejja li dan il-kontroll ma huwiex eżerċitat permezz ta’ subordinazzjoni ġerarkika ta’ fattura klassika, madankollu ma għandux jitħalla jsir abbuż mill-apparenza. Kontroll indirett bħal dak eżerċitat minn Uber, ibbażat fuq inċentiv finanzjarju u evalwazzjoni diċentralizzata mill-passiġġieri, flimkien mal-effett tal-iskala ( 18 ), jippermetti ġestjoni effikaċi wkoll, jekk mhux iktar, minn dak ibbażat fuq ordnijiet formali mogħtija minn persuna li tħaddem lill‑impjegati tagħha u l-kontroll dirett tal-implementazzjoni tagħhom. |
53. |
Dan iwassalni sabiex nikkonstata li l-attività ta’ Uber tikkonsisti biss fi provvista ta’ transport abbord ta’ vettura misjuba u ordnata permezz tal-applikazzjoni għal smartphone u li dan is-servizz jingħata, mill-perspettiva ekonomika ( 19 ), minn Uber f’isimha. Dan is-servizz huwa wkoll ippreżentat lil u rċevut mill-utenti b’dan il-mod. Billi jiddeċiedu li jirrikorru għas-servizzi ta’ Uber, dawn l-utenti jfittxu servizz ta’ trasport li għandu ċertu funzjonalitajiet u ċerta kwalità. Dawn il-funzjonalitajiet u din il-kwalità ta’ trasport huma żgurati minn Uber. |
54. |
Din il-konstatazzjoni ma tfissirx madankollu li x-xufiera ta’ Uber għandhom ikunu neċessarjament jitqiesu bħala l-impjegati tagħha. Din il-kumpannija tista’ twettaq b’mod tajjeb il-provvisti tagħha billi tirrikorri għall-imprendituri indipendenti, li jaġixxu għan-nom tagħhom fil-kwalità ta’ sottokuntratturi. Il-polemika rigward l-istatus tax-xufiera vis-à-vis Uber, li waslet diġà għal deċiżjonijiet ġudizzjarji f’ċerti Stati Membri ( 20 ), hija barranija għall-kwistjoni ta’ liġi li għandna f’din il‑kawża. |
55. |
L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-proprjetà tal-vetturi. Il‑fatt li Uber ma hijiex il-proprjetarja ta’ dawn il-vetturi hija fil-fehma tiegħi irrilevanti, għaliex imprenditur jista’ xorta jiżgura provvisti ta’ servizz ta’ transport permezz ta’ vetturi li jappartjenu lil terzi, iktar u iktar jekk, għall-finijiet ta’ dan is-servizz, huwa rrikorra għand dawn it-terzi, minkejja n-natura tar-rabta legali li torbot dawn iż-żewġ partijiet. |
56. |
Għall-kuntrarju, il-konstatazzjoni li għadni kif għamilt teskludi fil‑fehma tiegħi, li Uber titqies bħala sempliċi intermedjarju bejn ix-xufiera u l-passiġġieri. Ix-xufiera li joperaw fil-kuntest tal‑pjattaforma Uber ma jeżerċitawx attività tagħhom proprja li teżisti indipendentement minn din il-pjattoforma. Għall-kuntrarju, din l-attività tista’ teżisti biss grazzi għall-pjattaforma ( 21 ), li mingħajrha ma jkollha ebda sens. |
57. |
Għal din ir-raġuni, fl-opinjoni tiegħi huwa żbaljat li Uber titqabbel ma’ pjattaformi ta’ intermedjarji tat-tip li jippermettu li ssir prenotazzjoni ta’ lukanda jew xiri ta’ biljetti tal-ajru. |
58. |
Huwa evidenti, li jeżistu similaritajiet, pereżempju minħabba mekkaniżmi ta’ prenotazzjoni jew xiri direttament fuq il-pjattaforma, faċilitajiet ta’ ħlas jew anki sistemi ta’ evalwazzjoni. Dawn huma servizzi offruti mill-pjattaforma lill-utenti tagħha. |
59. |
Madankollu, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tax-xufiera ta’ Uber, kemm il-lukandi kif ukoll il-kumpanniji tal-ajru huma impriżi li l‑funzjonament tagħhom huwa totalment indipendenti minn kull pjattaforma intermedjarja u li għalihom tali pjattaformi jikkostitwixxu biss mezz fost oħrajn sabiex jikkummerċjalizzaw is-servizzi tagħhom. Huma wkoll huma, u mhux il-pjattaforma ta’ prenotazzjoni, li tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ provvista tas-servizzi tagħhom, l-ewwel nett il-prezz ( 22 ). Dawn l-impriżi jiffunzjonaw ukoll skont il‑leġiżlazzjonijiet partikolari għas-settur tal-attività tagħhom, b’tali mod li l-pjattaformi ta’ prenotazzjoni ma jeżerċitawx kontroll minn qabel fuq l-aċċess għall-attività kif tagħmel Uber fir-rigward tax-xufiera tagħha. |
60. |
Fl-aħħar nett, l-utenti għandhom, fuq tali pjattaforma ta’ prenotazzjoni, għażla vera bejn diversi fornituri li l-offerti tagħhom huma differenti fuq diversi fatturi importanti mill-perspettiva tagħhom, bħall‑istandards tat-titjir u tal-akkomodazzjoni, il-ħinijiet tal-ajruplani, fejn tinsab il-lukanda, eċċ. Għall-kuntrarju, skont Uber, dawn il-fatturi huma standardizzati u ddeterminati mill-pjattaforma, b’tali mod li bħala regola ġenerali, il-passiġġier jaċċetta l-provvista tax-xufier l-iktar disponibbli malajr. |
61. |
Għalhekk Uber ma hijiex sempliċi intermedjarju bejn ix-xufiera lesti li jagħtu b’mod okkażjonali servizz ta’ transport u passiġġieri li qed ifittxu tali servizz. Għall-kuntrarju, Uber hija realment torganizza u topera servizzi ta’ trasport urban fl-ibliet li fihom hija preżenti. Minkejja li huwa minnu, kif tiddikjara Uber fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża, li l-kunċett tagħha huwa innovattiv, din l-innovazzjoni taqa’ madankollu fil-qasam tat-trasport urban. |
62. |
Għandi nirrileva wkoll li l-fatt li Uber titqies bħala pjattaforma li tgħaqqad fornituri ta’ servizzi indipendenti jista’ jwassal sabiex iqajjem mistoqsijiet mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 23 ). Madankollu ma jiniex ser nargumenta iktar dwar dan il-punt, għaliex imur lil hinn mill-kuntest ta’ din il-kawża. |
63. |
Fis-sistema ta’ funzjonament ta’ Uber, it-tqegħid f’kuntatt ta’ passiġġier potenzjali ma’ xufier ma għandux għalhekk valur ekonomiku proprju, għaliex, kif diġà esponejt iktar 'il fuq, ix-xufiera li jaħdmu għal Uber ma għandhomx, fi kwalunkwe każ meta jsuqu fil-kuntest tas‑servizzi ta’ Uber, attività ekonomika indipendenti. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan is-servizz, minn naħa, ix-xufiera ta’ Uber jistgħu jsibu passiġġiera biss permezz tal-applikazzjoni Uber, u min-naħa l-oħra, din l‑applikazzjoni tippermetti li jinstabu biss xufiera li joperaw fil-kuntest ta’ din il-pjattaforma. Għalhekk wieħed huwa inseparabbli mill-ieħor, u t-tnejn jifformaw parti minn servizz wieħed. Lanqas ma naħseb li l‑provvista ta’ trasport fil-veru sens tal-kelma tista’ titqies bħala sekondarja. |
64. |
Huwa minnu li n-natura innovattiva tal-pjattaforma Uber hija bbażata fil-parti l-kbira fuq l-użu ta’ teknoloġija ġdida, bħal ġeolokalizzazzjoni u l-ismartphones, għall-organizzazzjoni tat-trasport urban. Iżda din l-innovazzjoni ma hijiex limitata għal dan: hija tirrigwarda wkoll l-organizzazzjoni ta’ transport innifsu, li mingħajru Uber tkun sempliċi applikazzjoni ta’ prenotazzjoni ta’ taxis. B’hekk, fil‑kuntest ta’ dan is-servizz, hija mingħajr dubju l-provvista ta’ trasport li hija l-provvista prinċipali u li tagħtih is-sens ekonomiku tiegħu. L‑utenti jfittxu x-xufiera għal skop wieħed, dak li jkunu ttrasportati minn punt għall-ieħor. Il-fażi ta’ tqiegħid f’kuntatt għandha għalhekk natura preparatorja biss sabiex tippermetti t-twettiq tal-provvista prinċipali bl‑aħjar mod. |
65. |
Għalhekk il-provvista li tqiegħed f’kuntatt il-passiġġier max‑xufier la hija awtonoma u lanqas prinċipali meta mqabbla mal‑provvista ta’ transport. Minħabba dan ma tistax tkun ikklassifikata bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”. Tali klassifikazzjoni ma tippermettix li jintlaħqu l-għanijiet ta’ liberalizzazzjoni li huwa l-bażi tad‑Direttiva 2001/31, għaliex anki jekk l-attività ta’ tqegħid f’kuntatt hija lliberalizzata, l-Istati Membri huma liberi li jirrendu impossibbli l‑prosegwiment tagħha billi jirregolaw l-attività ta’ trasport. L-uniku riżultat ta’ tali liberalizzazzjoni jkun għalhekk li l-Istat Membru li fih il‑fornitur huwa stabbilit jista’ jibbenefika minn dan l-istabbiliment (grazzi għall-investituri, għall-ħolqien tax-xogħol u għad-dħul fiskali), filwaqt li jipprekludi l-provvista ta’ servizz fit-territorju tiegħu skont il-leġiżlazzjoni relatata mal-provvisti mhux koperti mid-Direttiva 2000/31 ( 24 ). Tali sitwazzjoni tostakola kull loġika tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni kif inhi organizzata minn din id-direttiva, li hija bbażata fuq is-sorveljanza tal-legalità tal-funzjonament tal-fornitur mill‑Istat Membru tal-istabbiliment tiegħu u r-rikonoxximent ta’ din is‑sorveljanza mill-Istati Membri l-oħra ( 25 ). |
66. |
Tali sitwazzjoni, li fiha l-funzjonament tal-pjattaforma ma huwiex formalment ipprojbit, iżda, minħabba l-mudell stess tas-servizz UberPop, ibbażat fuq xufiera mhux professjonisti, l-attività ta’ transport ma tistax tkun eżerċitata f’osservanza tal-liġi, twassal għall-effett ħażin ieħor. Fil‑fatt jirriżulta li Uber tuża mezzi differenti mxandra mill-istampa, pereżempju n-nuqqas ta’ konnessjoni temporanju tal-applikazzjoni f’ċerti żoni, sabiex tipprekludi l-kontrolli tax-xufiera tagħha mill-awtoritajiet. Hija tagħti wkoll għajnuna legali u finanzjarja lix-xufiera ssanzjonati talli pprovdew provvisti ta’ trasport mingħajr ma kellhom l-awtorizzazzjoni meħtieġa. Ix-xufiera stess jużaw diversi mezzi sabiex jevitaw il‑kontrolli ( 26 ). B’hekk, din il-liberalizzazzjoni inkompleta, anki sempliċement apparenti, li fiha element ta’ attività kumplessa huwa lliberalizzat, filwaqt li ieħor jibqa’ rregolat, toħloq inċertezza legali, li twassal għal inċertezza u tinkoraġġixxi l-ksur tal-liġi. |
L-attività ta’ Uber fir-rigward tad-Direttiva 2006/123
67. |
Ma jkunx ta’ sorpriża li l-attività ta’ Uber, kif iddefinita fil-punti preċedenti, jiġifieri bħala provvista unika li tinkludi kemm it-tfittxija ta’ xufier disponibbli u l-prenotazzjoni tal-vjaġġ kif ukoll il-provvista ta’ trasport stricto sensu, tista’ titqies bħala servizz fil-qasam tat‑trasport fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123. |
68. |
Għalkemm il-formulazzjoni biss ta’ din id-dispożizzjoni, li teskludi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, is-“servizzi fil‑qasam tat-trasport”, ma tidhirx li hija suffiċjenti sabiex issir tali konstatazzjoni, il-premessa 21 ta’ din id-direttiva ma tħalli ebda dubju billi tindika li l-imsemmija servizzi jinkludu t-“transport urban [u] it‑taxis”. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jsir dibattitu dwar jekk il-provvisti ta’ Uber jikkostitwixxux forma ta’ servizz ta’ taxi: peress li hawnhekk jissemmew il-metodi ta’ trasport urban kollha u Uber hija ċertament wieħed minnhom. |
69. |
L-attività ta’ Uber għandha tkun ikklassifikata wkoll bħala li taqa’ fl-eċċezzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl‑Artikolu 58(1) TFUE u hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni li tinsab fl‑Artikoli 90 et seq TFUE. L-Artikolu 91(1)(b) TFUE jsemmi espressament il-“kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru” bħala materja li għandha tkun irregolata fil-kuntest tal-politika komuni ta’ trasport. Issa jekk jiġi aċċettat, kif insostni, li Uber teżerċita provvisti ta’ trasport urban, għandha titqies jekk mhux bħala trasportatur fis-sens proprju, tal-inqas bħala organizzatur ta’ servizzi ta’ trasport. |
70. |
Għalhekk u mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi analizzata s‑sentenza Gurpo Itevelesa et ( 27 ), imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid‑deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għandu jiġi konkluż li l-attività ta’ Uber tikkostitwixxi servizz fil-qasam tat-trasport fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123. Għalhekk hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, din l-attività taqa’ fl‑eċċezzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tinsab fl‑Artikolu 58(1) TFUE u hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 90 et seq TFUE. |
Konklużjoni fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari
71. |
Sabiex niġbor fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal‑fehma li, fil-każ ta’ servizzi mħallta, magħmula minn element ipprovdut b’mezz elettroniku u minn element ieħor li ma huwiex ipprovdut b’dan il-mezz, l-ewwel element għandu jkun ekonomikament indipendenti, jew prinċipali, meta mqabbel mat-tieni, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.” L-attività ta’ Uber għandha tkun analizzata bħala ħaġa waħda li tinkludi kemm is‑servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ passiġġieri max-xufiera permezz tal‑applikazzjoni għal smartphones kif ukoll il-provvista ta’ trasport innifsu, li tikkostitwixxi, mill-perspettiva ekonomika, l-element prinċipali. Din l-attività ma tistax għalhekk tinqasam fi tnejn, sabiex parti minn dan is-servizz tkun ikklassifikata bħala servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni. Konsegwentement, tali servizz għandu jkun ikklassifikat bħala “servizz fil-qasam ta’ trasport”. |
72. |
Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun kif ġej:
|
73. |
Sintendi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fattwali tagħha, jekk l-attività inkwistjoni fil‑proċedura fil-kawża prinċipali tissodisfax il-kriterju ta’ kontroll stabbilit hawn fuq. Madankollu ninnota li diversi qrati fi Stati Membri differenti diġà ddeċidew f’dan is-sens ( 28 ). Dan jista’ jservi ta’ ispirazzjoni lill-qorti tar-rinviju, fl-ispirtu ta’ netwerk tal-ġustizzja. |
Rimarki finali
74. |
Fid-dawl tar-risposti li qed nipproponi li jingħataw għall-ewwel u tieni domandi, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari ma jibqgħalhomx skop. Fir‑rimarki finali tiegħi, irrid madankollu nanalizza l-effetti legali tal‑klassifikazzjoni eventwali tal-provvisti mwettqa minn Uber bħala servizz awtonomu, limitat għat-tqegħid f’kuntatt tal-passiġġieri max‑xufiera, li ma jkoprix il-provvista ta’ trasport fil-veru sens tal-kelma. Tali servizz għandu mingħajr dubju jkun kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal‑informazzjoni”. Madankollu, fil-fehma tiegħi ma huwiex neċessarju li jiġi deċiż jekk dan is-servizz jaqax fil-qasam tat-trasport. |
Is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni
75. |
Infakkar li skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni huwa servizz ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ destinatarju. Servizz li jikkonsisti fi tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ passiġġieri potenzjali ma’ xufiera jissodisfa ċertament dawn il-kriterji. |
76. |
Għal dak li jirrigwarda n-natura remuneratorja tal-provvista, fis‑sistema Uber, parti mill-prezz tal-vjaġġ imħallas mill-passiġġier tmur għall-operatur tal-pjattaforma. Il-provvista ta’ tqegħid f’kuntatt hija għalhekk remunerata mill-passiġġier, ladarba titwettaq il-provvista ta’ trasport. |
77. |
Dan is-servizz, analizzat b’mod separat mill-provvista ta’ transport, huwa pprovdut ukoll mill-bogħod, biż-żewġ partijiet, jiġifieri Uber u d-destinatarju tas-servizz, ma jkunux preżenti b’mod simultanju. Il-provvista ta’ tqegħid f’kuntatt jitwettaq permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones li topera permezz ta’ netwerk tal-internet, li jaqa’ mingħajr dubju fil-kunċett ta’ provvista b’mezz elettroniku. Barra minn hekk dan huwa l-uniku modalità ta’ riżervazzjoni ta’ vjaġġ fil-kuntest tal‑pjattaforma Uber. Fl-aħħar nett, is-servizz ma huwiex ipprovdut b’mod kontinwu, iżda fuq talba tad-destinatarju. |
78. |
Is-servizz Uber, kif iddefinit fil-punt 74 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jaqa’ għalhekk fid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/31. |
79. |
Peress li l-applikazzjoni Uber hija amministrata u pprovduta, kemm għax-xufiera kif ukoll għall-passiġġieri, fit-territorju tal-Unjoni mill-kumpannija Uber BV stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Stati Membri oħra, inkluż fi Spanja, din il-provvista hija mwettqa fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, irregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 3(2) u (4) tad‑Direttiva 2000/31. |
80. |
Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri ma jistgħux fil‑prinċipju jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li joriġinaw minn Stati Membri oħra, għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, billi jintroduċu rekwiżiti, kemm jekk intiżi speċifikament għas-servizzi tas‑soċjetà tal-informazzjoni jew li għandhom natura ġenerali. Il-qasam ikkoordinat ikopri b’mod partikolari, skont l-ewwel inċiż tal‑Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31, ir-rekwiżiti li jirrigwardaw “il‑bidu ta’ l-attività […] bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw […] awtorizzazzjoni […]”. Għall-kuntrarju, skont it-tielet inċiż tal-istess Artikolu 2(h)(ii), il-qasam ikkoordinat ma jkoprix “ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi”. |
81. |
Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit dwar il-bżonn ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ intermedjazzjoni fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasport urban fuq talba, jekk dan għadu fis-seħħ ( 29 ) u sa fejn dan japplika għas-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ipprovdut mill-pjattaforma Uber, jaqa’ fil-qasam ikkoordinat u huwa għalhekk kopert mill‑projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31. Għall-kuntrarju, ir-rekwiżiti kollha imposti fuq ix-xufiera, kemm dawk li jirrigwardaw il-bidu tal-attività ta’ trasport kif ukoll l-eżerċizzju ta’ din l‑attività, ma jaqgħux fil-qasam ikkoordinat u, konsegwentement, f’din il‑projbizzjoni, għaliex is-servizz ta’ trasport, min-natura tiegħu, ma huwiex ipprovdut b’mezz elettroniku. |
82. |
L-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31, jieħdu miżuri li jidderogaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jekk dawn il-miżuri jkunu neċessarji għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, tas-saħħa pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. |
83. |
Minkejja li r-raba’ domanda preliminari tirrigwarda preċiżament il-ġustifikazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju ma tippreżentax fit-talba tagħha r-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw li l‑attività ta’ intermedjarju fil-qasam tat-trasport tkun suġġetta għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni. Il-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet tiegħu, iresssaq raġunijiet bħall-ġestjoni tat-traffiku u tas‑sigurtà fit-toroq. Madankollu jidher li dawn pjuttost jirrigwardaw raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw ir-rekwiżiti imposti fuq ix-xufiera li jeżerċitaw provvisti ta’ trasport. |
84. |
Għal dak li jirrigwarda direttament il-provvisti ta’ intermedjarju, l-unika raġuni mressqa mill-Gvern Spanjol, li tista’ tapplika għal Uber hija dik dwar it-trasparenza fl-istabbiliment tal-prezz, li taqa’ fil‑protezzjoni tal-konsumaturi. Infakkar li, fis-sistema Uber, ma huwiex ix-xufier iżda l-pjattaforma li tistabbilixxi l-prezz tal-vjaġġ. Madankollu jidhirli li din it-trasparenza tista’ tkun żgurata b’mezzi inqas restrittivi mir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni għall-attività ta’ intermedjarju, bħal obbligu ta’ informazzjoni tal-passiġġier. Tali rekwiżit ma jissodisfax għalhekk il-kriterju ta’ proporzjonalità, previst b’mod espliċitu fl‑Artikolu 3(4)(a)(iii) tad-Direttiva 2000/31. |
85. |
Il-kumplessità tal-kawża prinċipali hija bbażata madankollu fuq il‑fatt li din il-proċedura għandha l-għan li tissanzjona lil Uber fir-rigward tal-allegati atti ta’ kompetizzjoni żleali lejn il-membri tar-rikorrenti ( 30 ). Dawn l-atti jirriżultaw mhux biss mill-fatt li Uber teżerċita l-attività ta’ intermedjarju iżda fil-konklużjoni tal-kuntratti ta’ trasport mingħajr l‑awtorizzazzjoni neċessarja, iżda wkoll mill-fatt li x-xufiera li jwettqu l‑provvisti ta’ trasport fil-kuntest tal-pjattaforma Uber ma jissodisfawx il‑kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Spanjola għal dawn it-tip ta’ provvisti. Issa, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex koperti la mid-Direttiva 2000/31 u lanqas mid-Direttiva 2006/123, għaliex jaqgħu mingħajr dubju fil-qasam tat-trasport. |
86. |
Għalhekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 200[0]/31 jipprekludu li Uber tkun issanzjonata minħabba kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill‑attività ta’ xufiera li jeżerċitaw il-provvisti ta’ transport fil-kuntest ta’ din il-pjattaforma? Kif esponejt hawn fuq ( 31 ), Uber ma hijiex, fl‑opinjoni tiegħi, sempliċi intermedjarju bejn il-passiġġieri u x-xufiera. Hija torganizza u tiġġestixxi sistema kompluta ta’ trasport urban fuq talba. Minħabba dan il-fatt hija responsabbli mhux biss mill-provvista ta’ tqegħid f’kuntatt tal-passiġġieri max-xufiera, iżda wkoll mill-attività ta’ dawn tal-aħħar. L-istess japplika anki jekk il-provvista ta’ tqegħid f’kuntatt għandha titqies bħala indipendenti meta mqabbla mal-provvista ta’ trasport proprja, għaliex dawn iż-żewġ provvisti huma fl-aħħar mill-aħħar eżerċitati minn Uber f’isimha. |
87. |
L-interpretazzjoni li tipprovdi li, sabiex tkun żgurata l-effikaċja tad-Direttiva 2000/31, l-attività ta’ Uber kollha kemm hi għandha tibbenefika mil‑liberalizzazzjoni prevista minn din id-direttiva, għandha fl-opinjoni tiegħi tkun eskluża. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tkun kontra d‑dispożizzjonijiet espressi tad-Direttiva 2000/31, li jipprovdu li l‑projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ( 32 ) tirrigwarda biss ir-rekwiżiti li jirrigwardaw is-servizzi pprovduti b’mezz elettroniku. Skont tali interpretazzjoni, kull attività ekonomika tista’ teoretikament taqa’ fid-Direttiva 2000/31, għaliex kull imprenditur huwa llum f’pożizzjoni li joffri provvisti b’mezz elettroniku, bħal informazzjoni dwar il-prodotti jew is-servizzi tiegħu, il-prenotazzjoni, l-iffissar ta’ appuntamenti jew il-ħlas. |
88. |
Id-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix għalhekk la r-rekwiżiti dwar l-attività ta’ trasport proprju stabbiliti mid-dritt nazzjonali, u lanqas li Uber tkun issanzjonata minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir‑rekwiżiti, inkluż b’ordni għat-terminazzjoni tas-servizz. Issa, l-attività ta’ Uber, tal-inqas għal dak li jirrigwarda s-servizz UberPop, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija organizzata b’tali mod li Uber ma tistax, fl-istat tagħha, tikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, hija tibbaża fuq xufiera mhux professjonisti li, ma għandhomx liċenzja ta’ trasport urban, u għalhekk skont id-definizzjoni, ma jissodisfawx l-imsemmija rekwiżiti. Il‑fatt li l-attività ta’ tqegħid f’kuntatt titqies bħala servizz tas‑soċjetà tal-informazzjoni ma jbiddel xejn minn din il-konstatazzjoni, għaliex il-provvisti ta’ xufiera ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31. Dan juri n-natura artifiċjali ta’ distinzjoni bejn servizz li huwa pprovdut b’mezz elettroniku u servizz li ma huwiex, fil‑każ fejn dawn iż-żewġ provvisti huma marbuta b’mod qawwi bejniethom u huma pprovduti mill-istess fornitur. |
89. |
Għall-kuntrarju, ma naħsibx li l-bżonn li tiġi żgurata l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ transport stricto sensu tista’ tiġġustifika l-istabbiliment, bħala miżura ta’ prevenzjoni, tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għas-servizzi ta’ intermedjarju b’mod ġenerali. Il-ġlieda kontra kull attività illegali f’dan il-qasam ma tistax tkun daqshekk ripressiva. |
90. |
Sabiex nikkonkludi din il-parti, jiena tal-opinjoni li jekk is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ passiġġieri potenzjali max-xufiera għandu jitqies bħala indipendenti mill-provvista ta’ trasport proprja, u għalhekk, bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, allura l‑Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ tali servizz, sakemm dan ir-rekwiżit ma jkunx iġġustifikat b’waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva u ma jkunx proprozjonat mal-għan li jrid jintlaħaq, li ma tantx jidhirli li huwa probabbli. Barra minn hekk dan ma jkollux effett legali reali, peress li dan is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ma għandu ebda sens ekonomiku mingħajr il-provvisti ta’ trasport, li għall-kuntrarju, jistgħu jkunu suġġetti mil-leġiżlatur nazzjonali għal diversi rekwiżiti. |
Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123
91. |
Fir-rigward tal-applikabbiltà tad-Direttiva 20006/123, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex neċessarju li tiġi analizzata l-kwistjoni dwar jekk servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ passiġġieri potenzjonali ma’ xufiera li joffru provvista ta’ trasport urban fuq talba jaqax fil-kunċett ta’ servizz fil‑qasam ta’ trasport fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva. |
92. |
Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxi supremazija ta’ dispożizzjonijiet ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-aċċess u l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz f’setturi speċifiċi fil-każ ta’ kunflitt tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma’ din id-direttiva. Anki jekk id-Direttiva 2000/31 ma tissemmiex fost l-atti elenkati f’din id‑dispożizzjoni, il-formulazzjoni “[d]awn jinkludu”, fl-opinjoni tiegħi tindika b’mod ċar li din hija elenku mhux eżawrjenti, li huwa limitat għal atti li l-inklużjoni tagħhom ma hijiex evidenti. Issa, id-Direttiva 2000/31 għandha f’tali punt in-natura ta’ lex specialis meta mqabbla mad-Direttiva 2006/123, li anki fl-assenza tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123, għandha tibbenefika minn supremazija skont il-prinċipju ta’ lex posterior generali non derogat legi priori speciali. |
93. |
Għalhekk, għalkemm l-attività ta’ tqegħid f’kuntatt għandha titqies bħala li taqa’ fid-Direttiva 2000/31, hija ma’ tidħolx fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123. |
Konklużjoni
94. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproproni lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado Mercantil no3 de Barcelona (qorti tal-kummerċ Nru 3 ta’ Barcelona, Spanja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 98/48/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 98/34”). Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), id-Direttiva 98/34 ġiet abrogata fis-7 ta’ Ottubru 2015, iżda madankollu tibqa’ applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 huwa essenzjalment ifformulat b’mod identiku.
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is‑servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).
( 5 ) Minkejja li hawnhekk ser nuża t-terminu “pjattaforma” sabiex nirreferi għas-sistema ta’ konnessjoni ta’ xufiera mal-passiġġieri u ta’ riżerva ta’ provvista ta’ transport, minn dan it-terminu ma tista’ tinġibed ebda konklużjoni fir-rigward tan-natura ta’ din il-pjattaforma. B’mod partikolari, dan it-terminu ma jfissirx li din hija sempliċi intermedjarja, għaliex Uber ma hijiex waħda, kif ser nesponi hawn taħt.
( 6 ) Ara, barra l-informazzjoni pprovduta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, Noto La Diega, G., “Uber law and awarness by design. An empirical study on online platforms and dehumanised negotiations”, European Journal of Consumer Law, Nru 2015/2, p. 383 sa 413, b’mod partikolari, p. 407.
( 7 ) Ara l-Artikolu 90 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) TFUE.
( 8 ) It-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34. Enfasi miżjud minni.
( 9 ) Artikolu 2(h) u Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31.
( 10 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Ker-Optika (C-108/09, EU:C:2010:725, punti 29 u 30).
( 11 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010 (C-108/09, EU:C:2010:725, punti 22 u 28).
( 12 ) Il-funzjonament ta’ Uber huwa s-suġġett ta’ dottrina diġà abbondanti. Ara b’mod partikolari, Noto La Diega, G., op.cit., Rogers, B., The Social Cost of Uber, The University of Chicago Law Review Dialogue, 82/2015, p. 85 sa 102, Gamet, L., UberPop (†), Droit social, 2015, p. 929; Prassl,J., Risak, M., Uber, Taskrabbit, and Co.: Platforms as Employers? Rethinking the Legal Analysis of Crowdwork, Comparative Labor Law & Policy Journal, vol. 37 (2016), p. 619 sa 651. Iċ‑ċirkustanzi fattwali li jirrigwardaw il-funzjonament ta’ Uber jirriżultaw ukoll minn deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali tal-Istati Membri, ara pereżempju, is-sentenza tal-London Employment Tribunal tat-28 ta’ Ottubru 2016, Aslam, Farrar and Others vs Uber (Kawża 2202551/2015), deċiżjoni tal-Audiencia Provincial de Madrid no 15/2017, tat-23 ta’ Jannar 2017, fil-kawża bejn Uber u l-Asociación Madrileña del Taxi, u digriet tat-Tribunale Ordinario di Milano, tat-2 ta’ Lulju 2015 (Kawżi 35445/2015 u 36491/2015).
( 13 ) Dwar il-kunċett tal-ekonomija kollaborattiva ara p.eż., Hatzopoulos, V., u Roma, S., “Caring for Sharing? The Collaborative Economy under EU Law”, Common Market Law Review, Nru 54, 2017, p. 81 sa 128, fil-p. 84 et seq. Il-Kummissjoni pproponiet definizzjoni fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Aġenda Ewropea għall‑ekonomija kollaborattiva” [COM(2016) 356 finali, p. 3]. Madankollu tant hija wiesgħa li wieħed jista’ jiddubita mill-utilità tagħha sabiex abbażi tagħha ssir distinzjoni ta’ tip ta’ attività ddifferenzjata biżżejjed li tiġġustifika li tingħata trattament legali speċifiku.
( 14 ) Il-carpooling jikkonsisti fil-qsim ta’ vjaġġ komuni, iddeterminat mix-xufier u mhux mill-passiġġier, intiż fuq kollox sabiex ix-xufier jirrimborsa parti mill-ispejjeż tal‑vjaġġ. Il-kuntatt bejn ix-xufiera u l-passiġġieri potenzjali jkun iffaċilitat grazzi għall-applikazzjonijiet onlajn, u hija għalhekk tip ta’ “hitchhiking 2.0”. Fi kwalunkwe każ, din ma hijiex attività lukrattiva.
( 15 ) Uber tiċħad li tqiegħed vetturi għad-dispożizzjoni tax-xufiera, iżda permezz tas‑servizz tagħha Ubermarketplace, hija għandha rwol ta’ intermedjarju bejn ix‑xufiera u impriżi ta’ leasing ta’ vetturi.
( 16 ) Madankollu ma huwiex ċar jekk dan ir-rekwiżit jirrigwardax dik li tapplika għall‑vetturi intiżi għat-trasport bi ħlas tal-passiġġieri jew inkella sempliċement formalitajiet applikabbli għall-vetturi għal użu privat.
( 17 ) Ara s-sentenza tal-London Employment Tribunal iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 12, punt 18.
( 18 ) In-numru għoli ta’ xufiera jippermetti li jintlaħaq riżultat mistenni mingħajr il-bżonn li jiġi eżerċitat kontroll dirett u individwali. Mill-banda l-oħra, in-numru għoli ta’ passiġġiera jiżgura kontroll effikaċi u relattivament oġġettiv tal-aġir tax-xufiera, waqt li jagħtu dan is-servizz lill-pjattaforma.
( 19 ) Hawnhekk ma jiniex ser nittratta l-klassifikazzjoni tar-relazzjoni li torbot lil Uber max-xufiera tagħha, għaliex dan l-aspett jaqa’ fid-dritt nazzjonali.
( 20 ) Ara pereżempju, is-sentenza tal-London Employment Tribunal, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
( 21 ) Jew ukoll pjattaforma simili, għaliex il-mudell li fuqu hija bbażata Uber, sa mill-ħolqien tagħha, ġie rreplikat, mingħajr ma laħaq l-istess fama.
( 22 ) Il-fatt li ċerti pjattaformi jikkonkludu mal-lukandi ftehim dwar tariffi pari, li permezz tagħhom il-lukandi jintrabtu li ma jagħtux prezzijiet iktar favorevoli minn dawk mogħtija fuq il-pjattaforma kkonċernata, ma jbiddel xejn. Fil-fatt dan ma jirrigwardax id-determinazzjoni tal-prezz tal-provvisti mill-pjattaforma, iżda huwa obbligu dwar it-trattament tariffarju ta’ msieħba kummerċjali differenti. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-klawżoli ta’ tariffi pari ġew ikkontestati mill-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni f’diversi Stati Membri, li wassal għall-istabbiliment tal-Grupp ta’ xogħol Ewropew fuq il-pjattaformi ta’ riżervazzjoni online, taħt l-awpiċi mill‑Kummissjoni.
( 23 ) Pereżempju, l-użu mill-parteċipanti tal-istess algoritmu sabiex jikkalkolaw il-prezz ma huwiex fih innifsu illegali, iżda jista’ jwassal għall-problemi għal dak li jirrigwarda l-hub-and-spoke conspiracy meta s-setgħa tal-pjattaforma tikber. Ara fir-rigward ta’ problemi eventwali mill-mudell Uber mill-perspettiva tad-dritt tal‑kompetizzjoni, Hatzopoulos, V., Roma, S., op. cit., p. 110 u 120, kif ukoll Ezrachi, A., Stucke, M.E., “Artificial Intelligence & Collusion: When Computers Inhibit Competition”, CCLP Working Paper 40, Oxford 2015, p. 14. Ara wkoll is‑sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (C-194/14 P, EU:C:2015:717), u tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et (C-74/14, EU:C:2016:42, punti 27 u 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il‑kawża (C-74/14, EU:C:2015:493).
( 24 ) Jiena ninnota li, skont l-informazzjoni disponibbli, is-servizz UberPop kien ipprojbit mill-Pajjiżi l-Baxxi, Stat Membru tal-istabbiliment tas-soċjetà Uber BV, bis‑sentenza tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven, tat-8 ta’ Diċembru 2014 (AWB 14/726, ECLI:NL:CBB:2014:450). Ara Hatzopoulos, V., u Roma,S., op.cit., p. 91.
( 25 ) Ara l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31.
( 26 ) B’mod partikolari s-softwer Greyball, li jippermetti li jiġu evitati l-kontrolli tal‑awtoritajiet. Ara “Uber Uses Tech to Deceive Authorities Worldwide”, The New York Times tal-4 ta’ Marzu 2017.
( 27 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015 (C-168/14, EU:C:2015:685).
( 28 ) Ara b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet nazzjonali ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara r-rimarki tiegħi f’dan ir-rigward fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Infakkar li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-funzjonament tal-applikazzjoni Uber fiha nnifisha, iżda l-provvista tas-servizz UberPop fil-belt ta’ Barcelona.
( 31 ) Ara b’mod partikolari, il-punt 43 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal‑Artikolu 2(h)(ii) ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni hija kkonfermata mill‑premessa 18 ta’ din l-istess direttiva.