EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0406

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2016.
Petya Milkova vs Izpalnitelen direktor na Agentsiata za privatizatsia i sledprivatizatsionen kontrol.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilità – Artikoli 5 u 27 – Id-Direttiva 2000/78/KE. – Artikolu 7 – Protezzjoni msaħħa f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà – Assenza ta’ tali protezzjoni għal uffiċjali b’diżabbiltà – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Kawża C-406/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:824

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ppreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2016 ( 1 )

Kawża C‑406/15

Petya Milkova

vs

Izpalnitelen direktor Agentsiata za privatizatsia i sledprivatizatsionen kontrol

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema, Bulgarija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Ugwaljanza fit‑trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti protezzjoni speċjali lil impjegati b’diżabbiltà f’każ ta’ tkeċċija — Nuqqas ta’ tali regoli favur uffiċjali b’diżabbiltà — Ammissibbiltà — Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 4 u 7 — Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà — Artikolu 5(2) — Estensjoni tar-regoli nazzjonali ta’ protezzjoni favur uffiċjali b’diżabbiltà”

I – Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema, Bulgarija) tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 2 ), u b’mod partikolari tal-Artikoli 4 u 7 tagħha kif ukoll l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (iktar ‘il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà”) ( 3 ).

2.

Din it-talba saret wara rikors ippreżentat minn Petya Milkova kontra deċiżjoni li wasslet għall-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha, li kien ibbażat fuq it-tneħħija tal-kariga li l-persuna kkonċernata, li kellha diżabbiltà, kienet tokkupa bħala uffiċjal. Hija tikkritika lill‑amministrazzjoni li impjegata li ma applikatx favur tagħha l‑leġiżlazzjoni Bulgara li tagħti protezzjoni speċjali lil ċerti kategoriji ta’ persuni morda f’każ ta’ tkeċċija, iżda biss meta jkunu impjegati.

3.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan it-tip hijiex kompatibbli mad‑dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà u tad-Direttiva 2000/78. Fil-każ li dan ma jkunx hekk, hija tistaqsi jekk l-obbligu tal-osservanza ta’ dawn iż-żewġ strumenti, li għandu Stat Membru, jimponix li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju ta’ regoli nazzjonali li jipproteġu esklużivament lill-impjegati b’diżabbiltà ( 4 ) għandu jiġi estiż għal uffiċjali li għandhom l-istess tip ta’ diżabbiltà.

4.

Qabel xejn, nindika li fl-opinjoni tiegħi, tali sitwazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78 u li għalhekk ma hemmx lok li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tagħha f’din il-kawża, u lanqas fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà. Madankollu, b’mod sussidjarju, se nagħmel xi osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt internazzjonali

5.

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà ġiet approvata għan‑nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2010/48/KE ( 5 ) u ġiet irratifikata fl-2012 mir-Repubblika tal‑Bulgarija ( 6 ).

6.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-imsemmija konvenzjoni, “[l]-għan [tagħha] huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom”. It-tieni sentenza ta’ dan l-istess artikolu tiddefinixxi l-persuni b’diżabbiltà bħala “dawk li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

7.

L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà, intitolat “Obbligi Ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu li “[l]‑Istati Partijiet jintrabtu li jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad‑drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha għall‑persuni b’diżabbiltà kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ ebda tip fuq il-bażi ta’ diżabbiltà […]”.

8.

Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-Konvenzjoni, intitolat “Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni”:

“1.   L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi.

2.   L-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi.

[…]”

9.

L-Artikolu 27 tal-imsemmija Konvenzjoni, intitolat, “Xogħol u impjieg”, jipprevedi dan li ġej:

“1.   “L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jaħdmu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; dan jinkludi d-dritt għall‑opportunità għal qligħ ta’ għixien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax-xogħol li hu miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex, inter alia:

a)

jipprojbixxu diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà fir‑rigward tal-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw kull forma ta’ impjieg, inklużi kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ingaġġ, u impjieg, it-tkomplija ta’ impjieg, l-avvanz fil-karriera u kondizzjonijiet tax-xogħol siguri u tajba għas-saħħa”.

[…]”

B – Id-dritt tal-Unjoni

10.

Skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2000/78, “[f]ir‑Rakkomandazzjoni tagħha 86/379/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-impjieg ta’ persuni b’dizabilità fil-Komunità [ ( 7 )], il-Kunsill stabilixxa qafas ta’ gwida li jistabbilixxi eżempji ta’ azzjoni pożittiva biex tippromwovi l-impjieg u t-taħriġ ta’ persuni b’diżabilità, u fir‑Reżoluzzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar opportunitajiet ta’ mpjieg ugwali għall-persuni b’diżabilitajiet[ ( 8 )], iddikjarat l-importanza li tingħata attenzjoni speċifika fost affarijiet oħra lir-reklutaġġ, lid‑detenzjoni, lit-taħriġ u t-tagħlim kontinwu għar-rigward ta’ persuni b’diżabilità”.

11.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-imsemmija direttiva “[l]-iskop [tagħha] huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x‑xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

12.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1”. Il-paragrafu 2 tiegħu jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “diskriminazzjoni diretta” u ta’ “diskriminazzjoni indiretta” fis-sens tad-direttiva.

13.

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu jipprevedi li “[f]il-limiti tal‑kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda […] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

14.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Il-ħtiġiet tax‑xogħol” u fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li “[m]inkejja l‑Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl‑Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l‑għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

15.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi”, jipprevedi kif ġej:

“1.   Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’ għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

2.   Fir-rigward ta’ persuni b’disabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw disposizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas‑saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkrejaw jew iżommu disposizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol.”

C – Id-dritt Bulgaru

1. Il-kodeks na truda (Kodiċi tax-Xogħol)

16.

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 328(1) tal-kodeks na truda (Kodiċi tax-Xogħol) ( 9 ), “[p]ersuna li timpjega tista’ ttemm kuntratt ta’ xogħol permezz ta’ pre-avviż bil-miktub indirizzat lill-ħaddiem fit-termini previsti fl-Artikolu 326(2) […] f’każ ta’ […] tneħħija ta’ karigi”.

17.

Il-punt 3 tal-Artikolu 333(1) tiegħu, intitolat “Protezzjoni f’każ ta’ tkeċċija”, jipprevedi li “[f]il-każijiet imsemmija fil-punti 2, 3, 5 u 11 ta[l-Artikolu] 328(1) […] persuna li timpjega ma tistax tipproċedi għal tkeċċija ħlief wara li tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-ispettorat tax-xogħol każ b’każ:

[…]

3.   [fir-rigward ta’] ħaddiem li jsofri minn marda msemmija f’deċiżjoni meħuda mill-Ministeru tas-Saħħa”.

2. In-naredba n 5/1987 (Deċiżjoni Nru 5/1987)

18.

Skont l-Artikolu 1 tan-naredba n 5/1987 za bolestite, pri koito rabotnitsite, boleduvashti ot tyah, imat osobena zakrila saglasno chl. 333, al. 1, ot kodeksa na trud, izdadena ot Ministerstvoto na narodnoto zdrave i Tsentralniyat savet na balgarskite profesionalni sayrééduzi (Deċiżjoni Nru 5/1987 dwar il-mard li jippermetti lill-persuni li qed ibatu minnu jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali skont l‑Artikolu 333(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, adottata mill-Ministeru tas‑Saħħa Pubblika u mill-Kumitat ċentrali tas-sindakati Bulgari) ( 10 )

“F’każ ta’ likwidazzjoni parzjali, ta’ tneħħija ta’ karigi jew ta’ waqfien mix-xogħol għal perijodu ta’ iktar minn 30 jum, l-impriża ma tistax tkeċċi lill-ħaddiema li jbatu minn waħda mill-mardiet segwenti ħlief jekk ma tiġix awtorizzata li tagħmel dan minn qabel mid-Diviżjoni territorjali applikabbli tal-ispezzjonar tax-xogħol”, u dawn il-mardiet huma il-“mard iskemiku tal-qalb”, it-“tuberkulożi attiva”, il-“marda tal‑kanċer”, il-“mard professjonali ”, il-“mard mentali” u d-“dijabete”.

3. Iz-zakon za administratsiata (Att dwar l-amministrazzjoni)

19.

L-Artikolu 12 taz-zakon za administratsiata (Att dwar l‑amministrazzjoni) ( 11 ) jipprevedi dan li ġej:

“(1)   L-azzjoni amministrattiva hija fdata f’idejn uffiċċjali u impjegati.

(2)   Il-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ u r-regolamenti tal-uffiċċjali huma rregolati bil-liġi.

(3)   Il-kuntratti ta’ xogħol ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan l-amministrazzjoni huma konklużi skont il-Kodiċi tax-Xogħol.”

4. Iz-zakon za darzhavnia sluzhitel (Att dwar is-Servizz Ċivili)

20.

Skont l-Artikolu 1 taz-zakon za darzhavnia sluzhitel (Att dwar is‑Servizz Ċivili) ( 12 ), dan l-att jirregola “il-kontenut u l-waqfien tar‑relazzjoni ta’ xogħol bejn l-Istat u l-uffiċjal, fl-eżerċizzju u fl‑okkażjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji previsti minn liġi speċjali”.

21.

Il-punt 2 tal-Artikolu 106(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi li “[l]‑Awtorità tal-Ħatra tista’ twaqqaf ex officio r-relazzjoni ta’ xogħol, permezz ta’ pre-avviż ta’ xahar, […] f’każ ta’ tneħħija ta’ karigi”.

5. Iz-zakon za zashtita ot diskriminatsia (Att dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet)

22.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, iz-zakon za zashtita ot diskriminatsia (Att dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet) ( 13 ) jikkostitwixxi l-att leġiżlattiv li jirregola l-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tagħhom billi jittrasponi d-direttivi Komunitarji fil-qasam ta’ ugwaljanza fit‑trattament.

23.

Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija liġi “[h]ija pprojbita kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta ibbażata fuq […] id-diżabbiltà […] jew kwalunkwe karatteristika oħra personali prevista mil-liġi jew minn konvenzjoni internazzjonali li tagħha r-Repubblika tal-Bulgarija hija parti”.

24.

L-Artikolu 21 ta’ din l-istess liġi jipprevedi li “[i]l-persuna li timpjega għandha tapplika l-istess kriterji meta timplementa d-dritt tagħha li tirrexindi b’mod unilaterali l-kuntratt ta’ xogħol skont il‑punti 2 sa 5, 10 u 11 tal-Artikolu 328(1) u l-Artikolu 329 tal‑Kodiċi tax-Xogħol, jew meta twaqqaf relazzjoni ta’ xogħol skont il-punti 2, 3 u 5 tal-Artikolu 106(1) tal-Att dwar is-Servizz Pubbliku, indipendentement mill-karatteristiċi personali msemmija fl‑Artikolu 4(1)”.

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

P. Milkova għandha problemi mentali li jirriżultaw f’perċentwali ta’ invalidità ta’ 50 %.

26.

B’effett mill-10 ta’ Ottubru 2012, hija kella kariga ta’ uffiċjal fi ħdan l-amministrazzjoni Bulgara, jiġifieri l-Agentsia za privatizatsia i sledprivatizatsionen kontrol (aġenzija ta’ privatizzazzjoni u ta’ kontroll post-privatizzazzjoni, iktar ’il quddiem l-“aġenzija”).

27.

Peress li n-numru ta’ karigi eżistenti fl-aġenzija naqas minn 105 għal 65, intbagħtet ittra ta’ pre-avviz lil P. Milkova, sabiex tinformaha li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha kienet ser tieqaf wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar, minħabba t-tneħħija tal-kariga li hija kellha. Permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-aġenzija bbażata fuq il-punt 2 tal-Artikolu 106(1) tal-Att dwar is-Servizz Pubbliku, il-waqfien tar‑relazzjoni ta’ xogħol sar effettiv fl-1 ta’ Marzu 2014.

28.

P. Milkova ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l‑Administrativen sad Sofia‑grad (Tribunal amministrattiv ta’ Sofia, Bulgarija), billi allegat li l-punt 3 tal-Artikolu 333(1) tal-Kodiċi tax‑Xogħol Bulgaru kien applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha, b’tali mod li l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-ispettorat tax-xogħol kellha tintalab qabel ma setgħet titwaqqaf ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha. Bħala risposta, id-Direttur Eżekuttiv tal-aġenzija sostna li tali awtorizzazzjoni ma kinitx meħtieġa u li d-deċiżjoni kkontestata kienet għalhekk legali.

29.

Din il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors minħabba l-fatt li, minkejja li P. Milkova kellha diżabbiltà, hija ma setgħetx tibbenefika mill-protezzjoni speċjali prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 333(1) tal‑Kodiċi tax-Xogħol, peress li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli għall-waqfien ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ uffiċjal.

30.

P. Milkova ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is‑sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Peress li kkunsidrat li kienet meħtieġa interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni fil-kawża prinċipali, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2015, il-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni [tan-NU dwar id-diżabbiltà] [jippermetti] leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-Istati Membri jistabbilixxu protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, mingħajr madankollu tkopri lill-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà?

2)

L-Artikolu 4 u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva [2000/78] jippermettu li tiġi adottata regola nazzjonali li tagħti protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, mingħajr madankollu tkopri lill-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà?

3)

L-Artikolu 7 tal-imsemmija Direttiva 2000/78 jippermetti li tiġi stabbilita protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, mingħajr madankollu tkopri lill-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tielet domandi: fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, huwa neċessarju sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet internazzjonali u Komunitarji, li l-protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali, tkun applikata wkoll għall-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà?”

31.

Il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ posta elettronika datata 27 ta’ Mejju 2016, il-persuni msemmija fl‑Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew mistiedna jirrispondu bil-miktub għal mistoqsijiet li saru minn din tal-aħħar. P. Milkova, il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet supplimentari bħala tweġibiet għal dawn il‑mistoqsijiet. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

1. Dwar il-kontenut u l-portata tar-regoli tad-dritt Bulgaru rilevanti

32.

Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tenfażizza l-fatt li s-sistema ta’ dritt Bulgaru tiżgura, bħala regola, il‑protezzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u teskludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà ( 14 ), iżda li, fil-prattika, l-uniċi mekkaniżmi li jiffunzjonaw b’mod konkret huma applikabbli biss għal ċirku ristrett ta’ persuni b’diżabbiltà, u dawn mhux kollha bl-istess mod.

33.

Mill-Artikolu 12(1) sa (3) tal-Att dwar l-amministrazzjoni jirriżulta li l-funzjonijiet amministrattivi, bħal dawk eżerċitati mill‑entità pubblika li fiha P. Milkova kienet taħdem qabel il-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħħa, jistgħu jingħataw kemm lil persuni li għandhom l-istatus ta’ uffiċjali, kif ukoll lil membri tal-persunal bil‑kuntratt li jitqiesu bħala impjegati suġġetti għall-Kodiċi tax-Xogħol.

34.

Huwa stabbilit ukoll illi l-problemi mentali li minnhom issofri P. Milkova huma parti mil-lista ta’ mard elenkat fl-Artikolu 1 tad‑Deċiżjoni Nru 5/1987 dwar il-mard li jippermetti lill-persuni li qed ibatu minnu jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali skont l‑Artikolu 333(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol. Hija kellha għalhekk tibbenefika minn din il-protezzjoni jekk kienet ħadmet għall-aġenzija bħala impjegata, u mhux bħala uffiċjal.

35.

Skont dan l-Artikolu 333, moqri flimkien mal-punt 2 tal‑Artikolu 328(1) tal-istess Kodiċi, sabiex tkun tista’ tkeċċi impjegat li għandu ċertu tip ta’ diżabbiltà minħabba tneħħija tal-kariga tiegħu, il‑persuna li timpjega għandha titlob l-awtorizzazzjoni minn qabel tal‑ispettorat tax-xogħol, li huwa inkarigat sabiex jevalwa l-eventwali riperkussjonijet tat-tkeċċija fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata u li jipprojbixxi t-tkeċċija jekk ikun meħtieġ ( 15 ).

36.

Il-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema) tispjega li l-Att dwar is-Servizz Ċivili ma jipprovdix dispożizzjoni analoga favur uffiċjali b’diżabbiltà u li l-ġurisprudenza nazzjonali lanqas tippermetti lil P. Milkova tibbenefika minn tali protezzjoni ex ante. Skont din il-ġurisprudenza stabbilita, peress li l-imsemmija liġi ma tirreferix b’mod espliċitu għall-Artikolu 333(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, il-miżuri ta’ protezzjoni li huma previsti f’dan tal-aħħar ma jistgħux jiġu applikati favur uffiċjal, lanqas b’analoġija.

37.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-protezzjoni addizzjonali mogħtija minn dan il-Kodiċi, mill-1987, lill-persuni kollha li għandhom ċertu tip ta’ diżabbiltà ġiet irtirata fil-konfront tal-uffiċjali bl-adozzjoni tal-Att dwar is-Servizz Ċivili, matul is-sena 1999, mingħajr ma l-awtur tal‑proposta tal-liġi kkonċernata ma wera motivi espressi. Madankollu, din il-protezzjoni nżammet favur l-impjegati kollha, inkluż dawk li jeżerċitaw l-attività taghhom fil-qafas ta’ missjoni ta’ awtorità pubblika, u dan l-istat tad-dritt baqa’ wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-Unjoni li seħħet fl-1 ta’ Jannar 2007.

38.

B’hekk, il-kriterju tad-differenza ta’ trattament ikkontestat, li qed isir bejn persuni bl-istess diżabbiltà, huwa marbut mal-istatus ta’ uffiċjal jew ta’ impjegat, peress li dawk li għandhom kuntratt ta’ xogħol jistgħu jibbenefikaw mill-miżura ta’ protezzjoni inkwistjoni, indipendentement mill-fatt li huma impjegati minn entità privata jew minn entità pubblika. Nenfażizza li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni jwasslu għal konfużjoni f’dan ir-rigward, inkwantu jindikaw li d-differenza għandha ssir skont jekk l-imsemmija persuni jaħdmux fis-settur privat jew inkella fis-settur pubbliku ( 16 ).

39.

Il-qorti tar-rinviju żżid li l-Att dwar il-protezzjoni kontra d‑diskriminazzjonijiet, adottat sabiex jiġu trasposti d-direttivi Komunitarji li jirregolaw dan il-qasam ( 17 ), fih argument li jsostni t‑trattament differenzjat, skont jekk il-persuna li timpjega hijiex entità privata jew entità pubblika, f’każ ta’ waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol ibbażat fuq tneħħija tal-kariga okkupata minn persuna b’diżabbiltà. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Artikolu 21 tal-imsemmi att japplika distinzjoni bejn dawn iż-żewġ ipoteżi, minkejja r-rekwiżit komuni li l‑persuna li timpjega tapplika kriterji identici meta tuża d-dritt tagħha li twaqqaf b’mod unilaterali l-kuntratt ta’ xogħol jew ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ tali persuna.

40.

Din il-qorti tidher tinjora sa fejn id-dispożizzjonijiet tal‑Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u d‑Direttiva 2000/78, li, fl-opinjoni tagħha, stabbilixxew kundizzjonijiet komuni fir-rigward tal-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha b’diżabbiltà, jawtorizzaw iż-żamma ta’ dan l-istat tad-dritt Bulgaru, li minnu jirriżulta trattament differenzjat bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema vulnerabbli li madankollu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ waqfien mix-xogħol analoga.

2. Fuq l-għan u l-ordni ta’ trattament tad-domandi preliminari

41.

Minkejja li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑ewwel lok dwar il-possibbli effett f’dan il-każ tal-Artikolu 5(2) tal‑Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà, jidhirli li huwa xieraq, kif taħseb il-Kummissjoni, li din il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata wara li tiġi eżaminata l-problematika doppja dwar l-applikabbiltà u l‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78, li tikkostitwixxi d-diffikultà komuni tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari.

42.

Fil-fatt, l-ewwel domanda għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni eventwali tad‑Direttiva 2000/78 fid-dawl tal-imsemmija konvenzjoni, suġġett li huwa biss rilevanti jekk din id-direttiva hija effettivament applikabbli, li fl-opinjoni tiegħi ma huwiex il-każ, u dan għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’l isfel.

43.

Fl-aħħar nett, ninnota li r-raba’ domanda preliminari, li hija introdotta b’formula kundizzjonali, għandha funzjoni sussidjarja meta mqabbla mad-domandi preċendenti u li, fl-opinjoni tiegħi, ma jkunx meħtieġ li tingħata risposta għaliha fid-dawl tar-risposti li għandhom jingħataw għal dawn tal-aħħar.

B – Fuq l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/78 (it-tieni u t-tielet domandi)

1. Fuq l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 f’din il-kawża

44.

It-tieni u t-tielet domandi preliminari jirrigwardaw it-tnejn li huma l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78, u b’mod iktar preċiż l-Artikoli 4 u 7 tagħha, jippermettux lil Stat Membru li jadotta leġiżlazzjoni, bħall-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni, li tagħti lill-impjegati li jsofru minn ċertu mard protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija, mingħajr madankollu ma tkopri lill-uffiċjali li jista’ jkollhom l-istess tipi ta’ diżabbiltà.

45.

Għalhekk dawn id-domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien, billi jiġi eżaminat, qabel xejn, jekk id-Direttiva 2000/78 tistax tapplika f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

46.

Huwa veru li, kif jirrileva l-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, din id-direttiva tapplika, “fil-limiti tal‑kompetenzi konferiti lill-[Unjoni]”, “għall-persuni kollha, kemm fis‑settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi f’dak li jirrigwarda […] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, [li minnhom jagħmlu parti is-]sensji u paga”. Għalhekk, is-sistema li għaliha ġiet suġġetta P. Milkova mill-entità pubblika li kienet timpjegaha, meta twaqqaf l-impjieg statali tagħha, tista’ tkun koperta bil‑kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva b’dan il-mod. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-mard mentali li minnu ssofri l-persuna kkonċernata bla dubju jaqa’ fil-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78, kif ġie ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ).

47.

Madankollu, bħall-Kummissjoni, jiena tal-opinjoni li d‑Direttiva 2000/78 ma hijiex applikabbli għal kawża li għandha l‑karatteristiċi tas-sitwazzjoni ta’ P. Milkova, peress li l-kriterju li fuqu ġie bbażat it-trattament differenzjat li dwaru tilmenta l-persuna kkonċernata ma huwiex kopert bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

48.

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ġiet miċħuda mill‑benefiċċju tal-leġiżlazzjoni Bulgara li tipproteġi b’mod speċjali lill‑impjegati li għandhom mard bħall-problemi mentali, f’każ ta’ waqfien tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom, mhux minħabba d-diżabbiltà li hija kellha, iżda sempliċement minħabba l-fatt li hija kienet uffiċjal u mhux ħaddiem impjegat kif mitlub minn din il-leġiżlazzjoni ( 19 ).

49.

Il-qorti tar-rinviju tammetti li, f’dan il-każ, id-differenza ta’ trattament ikkontestat ma hijiex ibbażata fuq il-“karatteristika personali” li tirrapreżenta d-diżabbiltà ( 20 ), iżda tistrieħ fuq il-fatt li ż-żewġ gruppi ta’ persuni b’diżabbiltà li hawnhekk qegħdin kontra xulxin – impjegati b’diżabbiltà, minn naħa waħda, u uffiċjali b’diżabbiltà, min-naħa l‑oħra – jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f’kuntest legali distinti – tal-ewwel, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol, l-oħrajn, bis-saħħa ta’ status ta’ uffiċjal.

50.

Madankollu, din il-qorti tikkunsidra li huwa possibbli li leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali bħal dawk applikabbli għall‑kawża prinċipali jkunu inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal‑Unjoni li jiżgura ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol favur il-persuni kollha b’diżabbiltà. Din hija r-raġuni preċiża li għaliha hija titlob interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/78.

51.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78 li din tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura lil kulħadd ugwaljanza fit-trattament fil‑qasam tal-impjieg u tax-xogħol, billi toffri protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti fl‑Artikolu 1 tagħha ( 21 ), fosthom id-diżabbiltà. B’hekk l-Artikolu 2 tal‑imsemmija direttiva jipprevedi espressament li d-diskriminazzjoni allegata għandha tkun “għall-[…] raġuni msemmija fl-Artikolu 1” sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument.

52.

Issa, fost il-motivi ta’ diskriminazzjoni speċifikatament immirati mid-Direttiva 2000/78, ma hemmx in-natura partikolari tar-relazzjoni ta’ xogħol, kriterju li abbażi tiegħu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbażat it-trattament differenzjat li wassal sabiex hija tiġi eskluża mill‑protezzjoni prevista fl-Artikolu 333(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol Bulgaru favur il-persuni impjegati b’diżabbiltà u li l-ġurisprudenza nazzjonali tiċħad l-estensjoni tagħha għall-uffiċjali.

53.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 13 KE (li sar l-Artikolu 19 TFUE) li minnu tirriżulta d-Direttiva 2000/78 ( 22 ), il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar ma għandux jiġi estiż b’analoġija, inkluż permezz ta’ riferiment għall-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni ( 23 ), lil hinn mid-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il‑motivi li huma elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha ( 24 ).

54.

B’hekk, kriterju ta’ differenza ġdid bħal, b’dan il-każ, it-tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol li jorbot persuna b’diżabbiltà ma jistax jiżdied mal-motivi limitativi li abbażi tagħhom din id-direttiva tipprjobixxi kwalunkwe diskriminazzjoni. Minn dan jirriżulta li l-eventwali differenza ta’ trattament bejn il-persunal uffiċjali ta’ entità pubblika persunal irregolat minn regolamenti dwar il-persunal u l-membri tal‑persunal bil-kuntratt tas-settur pubbliku jew tas-settur privat, bħal dik li dwarha għamlet ir-rikors P. Milkova skont id-deċiżjoni tar‑rinviju, ma taqax taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilita fid‑Direttiva 2000/78. F’dan is-sens, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva d‑differenzi ta’ trattament magħmula skont il-kategorija soċjoprofessjonali li fiha jaqgħu l-persuni kkonċernati ( 25 ).

55.

Nippreċiża li, fl-opinjoni tiegħi, is-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata hija persuna b’diżabbiltà ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jagħmel applikabbli d-Direttiva 2000/78 f’din il-kawża. F’dan ir‑rigward, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-prinċipju ta’ trattament ugwali stabbilit fl-imsemmija direttiva f[…]il-qasam [tal‑impjieg u tax-xogħol] japplika mhux għal kategorija ta’ persuni partikolari[, bħal persuni b’diżabbiltà,] iżda abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ [dan l-istrument] ( 26 ).

56.

Anki jekk ġie aċċettat li l-portata tad-Direttiva 2000/78 ma għandhiex, fir-rigward tal-imsemmija motivi, tiġi interpretata b’mod restrittiv, fl-opinjoni tiegħi xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet tagħha jirregolaw biss it-theddid għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif stabbiliti f’din id-direttiva, li huwa verament fondat, anki jekk b’mod indirett ( 27 ), fuq wieħed mill-fatturi ta’ diskriminazzjoni possibbli li dan l-att jelenka f’lista eżawrjenti. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali peress li, kif il-qorti tar‑rinviju stess ikkonstatat, P. Milkova ġiet ittrattata b’mod differenti mhux minħabba d-diżabbiltà tagħha, l-uniku wieħed minn dawn il‑motivi elenkati li jista’ japplika f’dan il-każ, iżda minħabba l-istatus tagħha ta’ uffiċjal.

57.

Inżid li x-xogħol leġiżlattiv li sar fl-2008 sabiex jiġi emendat l‑kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78 ma jikkontestax din l-analiżi ( 28 ). Fil-fatt, kien maħsub li tiġi estiża “barra mis-suq tax-xogħol” ( 29 ) l-implementazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament irrispettivament mir-reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, iżda mhux li titkabbar il-lista ta’ raġunijiet ta’ diskriminazzjoni li huma elenkati f’din id-direttiva b’mod limitat, filwaqt li jiġi osservat li l-proċess kien l-istess fir-rigward ta’ żewġ direttivi oħra relatati man-nondiskriminazzjoni li fih anki dan l-abbozz ta’ emendi kien jaqa’ ( 30 ).

58.

Bħala konklużjoni, peress li d-differenza tat-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn l-impjegati b’diżabbiltà u l‑uffiċjali b’diżabbiltà hija bbażata fuq in-natura tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jorbtu lil dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema vulnerabbli mal-persuna li timpjegahom u peress li dan il-kriterju ta’ distinzjoni ma jinsabx fil-lista eżawrjenti ta’ motivi ta’ diskriminazzjoni msemmija fl‑Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, dan l-istrument, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik li wasslet għall-kawża li minnha hija adita l-qorti tar-rinviju.

59.

F’tali ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 li huma msemmija fit-tieni u fit-tielet domandi preliminari. L-osservazzjonijeit segwenti għalhekk se jsiru biss f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tipproċedi għall-interpretazzjoni mitluba.

2. Fuq l-eventwali impatt tal-Karta f’din il-kawża

60.

Il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Karta fil-qosor fil-motivi tad‑deċiżjoni tagħha, iżda mingħajr ma tispjega b’xi mod sa fejn dan l‑istrument tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkollu rwol fir-rigward tal-fatti tal‑kawża prinċipali. Hija ma tippreżenta l-ebda argument dwar l-impatt li jista’ jkollha f’dan il-każ xi dispożizzjoni jew oħra minn dan l-att, li barra minn hekk ma huwiex is-suġġett tad-domandi magħmula. Lanqas l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja ma jirreferu għalih ( 31 ).

61.

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta japplikaw biss fis-sitwazzjonijiet irregolati mid‑dritt tal-Unjoni u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-informazzjoni kollha li tippermettilha tikkonkludi li s-sitwazzjoni kkontestata taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Karta ( 32 ). Peress li l-qorti tar-rinviju ma stabbilixxietx li r-regoli nazzjonali li jistgħu jirregolaw il-mertu tal-kawża prinċipali ( 33 ) kellhom l-għan li jimplementaw direttament u speċifikatament dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 51 tal-Karta ( 34 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-opinjoni tiegħi, għandha tikkunsidra li ma hemmx lok li teżamina l-konformità tal-imsemmija regoli mad-drittijiet fundamentali stabbiliti minn dan l-aħħar att ( 35 ).

62.

Fuq kollox, eventwali interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni – f’dan il-każ, tal-Artikoli tad-Direttiva 2000/78 imsemmija fit-tieni u fit-tielet domandi preliminari – fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet tal-Karta – u b’mod iktar speċjali tal-Artikoli 20, 21, 26 jew 30 tagħha ( 36 ) – hija possibbli biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hawnhekk jiddependu mill-kamp ta’ appliazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, id‑dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma għandhomx, waħidhom, ikunu l-bażi tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi rrikonoxxuta sitwazzjoni ġuridika li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ).

63.

Nirrileva li d-deċiżjoni tar-rinviju tenfażizza prinċipju li jipprojbixxi kull tip ta’ diskriminazzjoni eżerċitata kontra persuni b’diżabbiltà. F’dan ir-rigward, infakkar li meta l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita minn domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal‑prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat bid‑Direttiva 2000/78 ( 38 ), din il-kwistjoni ġiet eżaminata esklużivament fir-rigward ta’ din id‑direttiva ( 39 ), b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kawżi bejn individwu u awtorità nazzjonali, kif inhu l-każ f’dan il-każ. Loġikament l-istess approċċ għandu jiġi adottat fir-rigward ta’ prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba d-diżabbiltà, stabbilit ukoll fl‑Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78.

64.

Peress li din tal-aħħar ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn id-differenza inkwistjoni hija bbażata fuq kriterju ieħor minbarra dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha, kif diġà spjegat hawn fuq ( 40 ), nikkunsidra li d-dispożizzjonijit tal-imsemmija direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għal interpretazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal‑Karta fil-kuntest ta’ din il-kawża.

65.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra, prinċiparjament, li ma hemmx lok li jiġu interpretati l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2000/78 f’din il-kawża, lanqas fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Madankollu ser nippreżenta xi osservazzjonijiet b’mod sussidjarju f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix dan ir-raġunament.

3. Fuq l-interpretazzjoni sussidjarja tad-dispożizzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2000/78

66.

Preliminarjament, nirrileva li, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il‑Gvern Bulgaru ddedika argumenti twal dwar l-Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78 ( 41 ), sabiex isostni li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċpali hija ammissibbli fir-rigward ta’ din id‑dispożizzjoni ( 42 ). Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ma talbitx l‑interpretazzjoni tagħha b’mod speċifiku ( 43 ), u lanqas fid-domandi preliminari ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, u ma tat ebda prova dwar dan is‑suġġett, lanqas b’mod impliċitu ( 44 ), nikkunsidra li ma huwiex neċessarju li nagħti pożizzjoni, sempliċement b’mod sussidjarju, dwar dan il-punt. Sempliċement ninnota li, kif jammetti l-Gvern Bulgaru, l‑imsemmi Artikolu 5(2) ġie interpretat b’mod ristrett fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi deroga għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ( 45 ).

67.

Fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, li huwa espressament imsemmi fit-tieni domanda preliminari, nosserva li l-qorti tar-rinviju ma tat l-ebda spjegazzjoni dwar l-utilità, sabiex tiddeċiedi l‑kawża li minnha kienet adita, li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta din id‑dispożizzjoni ( 46 ). Kien biss il-Gvern Bulgaru li ppreżenta osservazzjonijiet fir-rigward tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li fihom ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod ristrett peress li tippermetti deroga għall‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 47 ) u jiddikjara li dan il-paragrafu jawtorizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali hawn ikkonċernata ( 48 ).

68.

Minn naħa tiegħi, fir-rigward tal-fatti tal-kawża prinċipali, ma tantx nara kif l-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2000/78 tista’ sseħħ f’dan il-każ, u għalhekk l‑interpretazzjoni utili tiegħu għall-mertu. Fil-fatt, dan l-artikolu jippermetti li differenza fit-trattament tista’ ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni “meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il‑karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax‑xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat” ( 49 ). Issa l‑leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament inkwantu tipproteġi b’mod speċjali lill-impjegati, u mhux lill-uffiċjali, iżda hija għandha l-karatteristika li tapplika wkoll għall-impjegati li jaħdmu fis-settur pubbliku, li jistgħu għalhekk jeżerċitaw l-istess attivitajiet professjonali bħal uffiċjali. B’hekk, il-fattur tad-differenza inkwistjoni ma huwiex relatat ma’ “karatteristika” li hija “relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl‑Artikolu 1 [tad-Direttiva 2000/78]” u li tikkostitwixxi “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol”, skont il‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4 li ġew iddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 50 ).

69.

Fi kwalunkwe każ, jidhirli li l-kontenut ta’ dan l-Artikolu 4, kif interpretat fis-sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

70.

Fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78, li huwa s‑suġġett tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li “huwa diffiċli li jkun magħruf sa fejn id-dispożizzjonijiet adottati mir‑Repubblika tal-Bulgarija, li jirrapreżentaw miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi għal persuni b’diżabbiltà, iżda biss ta’ dawk li huma impjegati f’servizz pubbliku, ekwivalenti għal azzjoni pożittiva fis-sens [tal‑imsemmi] Artikolu 7”.

71.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 7 jipprevedi li “il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1”, u dan, sabiex “tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika” ( 51 ). Il-paragrafu 2 ta’ dan l‑istess Artikolu 7 isaħħah din il-possibbiltà li jittieħdu miżuri ta’ azzjoni pożittivi b’mod speċjali favur persuni b’diżabbiltà ( 52 ), meta tali miżuri għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol jew il-promozzjoni tal-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol ( 53 ).

72.

Dawn id-dispożizzjonijiet, li jippreżervaw is-sovranità tal-Istati Membri ( 54 ), jirrikonoxxu lil dawn tal-aħħar il-fakultà, u mhux l-obbligu, li jaġixxu sabiex jikkoreġu b’mod pożittiv l-inugwaljanzi li jeżistu fir‑realtà. Fil-fatt, kif dan ġie rrilevat fil-kuntest tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2000/78 ( 55 ), “l-ugwaljanza fit-trattament fiha nnifisha tista’ ma tkunx biżżejjed jekk ma twassalx għal ugwaljanza fir-realtà” ( 56 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “tista’ tfisser ukoll li jiġu rrikonoxxuti drittijiet speċjali għal gruppi ta’ persuni partikolari” ( 57 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

73.

Bħall-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, nikkunsidra li, jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78, u b’mod partikolari tal-paragrafu 2 kif isostni dan il-gvern ( 58 ), xejn ma jindika f’dawn id-dispożizzjonijiet li Stat Membru ma jistax jillimita għal grupp speċifiku ta’ persuni, f’dan il-każ dawk li huma impjegati, il-benefiċċju tal-miżuri li huwa adotta bil-għan li jipproteġi s-saħħa tagħhom ( 59 ).

74.

Konsegwentement, nikkusidra, b’mod sussidjarju, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tipproċedi għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 2000/78, dawn għandhom ikunu fis-sens li ma jipprekludux tali leġiżlazzjoni.

C – Fuq l-effett limitat tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà (l-ewwel domanda)

1. Fuq il-kliem tal-ewwel domanda preliminari

75.

Qabel xejn, l-ewwel domanda preliminari, li tirrigwarda l-punt dwar jekk “l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni [tan-NU dwar id‑diżabbiltà] jippermetti[x] leġiżlazzjoni [nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali],” tidher li tikkonsisti f’talba li saret bil‑għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li la taqa’ fid-dritt primarju u lanqas fid-dritt sekondarju tal-Unjoni. Issa, tali interpretazzjoni ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja skont l-Artikolu 267(1) TFUE.

76.

Madankollu, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija ġġustifikata minħabba l-ħtieġa li l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2000/78 ssir skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 60 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija Konvenzjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha ( 61 ), tirrikjedi “protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi fil-konfront ta’ persuni b’diżabbiltà, u mhux biss abbażi ta’ ċerti karatteristiċi personali, li jistgħu jiġu protetti, kif previsti mid-dritt sekondarju tal-Unjoni” ( 62 ).

77.

L-ewwel domanda għandha għalhekk tiġi mifhuma bħala li tfittex li tistabbilixxi, essenzjalment, jekk interpretazzjoni tad‑Direttiva 2000/78 fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni tippermettix li jiġi kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni jipprekludu leġiżlazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu toħloq differenza ta’ trattament bejn impjegat u uffiċjal li għandu l-istess tip ta’ diżabbiltà, minkejja li l-kriterju użat f’din il-leġiżlazzjoni ma huwiex id-diżabbiltà, iżda d-differenza tan-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lil dawn iż‑żewġ kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà mal-persuna li timpjegahom, u dan minkejja li dan l-aħħar kriterju ma jidhirx fil-lista ta’ motivi ta’ diskriminazzjoni pprojbiti li hija indirizzata b’mod limitat fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

78.

F’dan il-punt nippreċiża li dan il-bżonn ta’ riformulazzjoni ( 63 ) japplika wkoll għal parti tar-raba’ domanda preliminari, inkwantu din tal-aħħar issemmi “sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet internazzjonali”, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tidher li qed tirreferi – anki jekk ma spjegatx fit-talba tagħha f’dan ir-rigward – b’mod iktar partikolari l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà u l‑impatt li għandu l-obbligu li tkun konformi ma’ dan it-test fir-rigward tal-motivi li għandhom jiġu implementati sabiex tiġi rimedjata l‑eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipal ( 64 ).

2. Fuq il-portata limitata tal-effetti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni

79.

Fir-risposta tiegħu bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Bulgaru sostna li mill-Artikolu 5(2) u (4), moqri flimkien mal-Artikolu 27(1)(g) u (h) ( 65 ), kif ukoll mal‑Artikolu 4(1)(d) u (e) ( 66 ) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà, jirriżulta li din tal-aħħar tagħmel differenza bejn l-obbligi fuq l-Istati fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà fis-settur pubbliku u l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-istess kategorija ta’ persuni fis-settur privat, u li għalhekk jista’ jsir użu minn tali kriterju ta’ distinzjoni fir-regoli ta’ dritt nazzjonali ( 67 ). Skont dan il‑gvern, minħabba l-partikolaritajiet tar-relazzjoni ta’ xogħol tal‑uffiċjali ( 68 ), il-leġiżlazzjoni Bulgara ma toħloqx lakuna ġuridika li teħtieġ l-applikazzjoni b’analoġija ta’ din il-miżura ta’ protezzjoni favur dawn tal-aħħar fil-każ previst fil-punt 2 tal-Artikolu 106(1) tal-Att dwar is-Servizz Pubbliku.

80.

Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u fin-nuqqas ta’ regoli oħra adottati mill-Unjoni li huma applikabbli, ikun l-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri r-Repubblika tal-Bulgarija, li jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà, li jistgħu jkunu invokati kontra tiegħu bħala parti kontraenti ta’ din tal-aħħar.

81.

Dwar dan is-suġġett, infakkar, bħall-Gvern Bulgaru u l‑Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet b’mod ripetut li peress li l-Unjoni Ewropea approvat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 69 ), u dan sa mid-dħul fis‑seħħ tal-imsemmija konvenzjoni ( 70 ).

82.

Kuntrarjament għal dak li P. Milkova tindika, fir-risposta bil‑miktub tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal‑Ġustizzja ( 71 ), minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligi imposti bl-imsemmija konvenzjoni jkopru l-parti kontraenti u li peress li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma suġġetti, fl-eżekuzzjoni tagħhom u fl-effetti tagħhom, għall-intervent ta’ atti oħra rilevanti tal‑partijiet kontraenti ( 72 ), ma jikkostitwixxux, mill-perspettiva tal‑kontenut tagħhom, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, u minn dan jirriżulta li ma għandhomx effett dirett fid-dritt tal-Unjoni ( 73 ).

83.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-appendiċi mal‑Anness II tad-Deċiżjoni 2010/48 isemmi espressament id‑Direttiva 2000/78 fost l-“atti tal-Unjoni li jirreferu għal materji regolati mill-Konvenzjoni [tal-UN dwar id-diżabbiltà]”, fil-qasam, b’mod iktar partikolari “tal-għajxien indipendenti u l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol u l-impjiegi”. Kif jindika l-Gvern Bulgaru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja minnu ddeduċiet li l-imsemmija konvenzjoni tista’ tiġi invokata sabiex tiġi interpretata d‑Direttiva 2000/78, li għandha tkun suġġetta, sa fejn possibbli, għal interpretazzjoni konformi ma’ din il-konvenzjoni, minħabba s‑supremazija tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it‑testi ta’ dritt sekondarju ( 74 ).

84.

B’hekk, wara r-ratifika mill-Unjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja adattat id-definizzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tad-Direttiva 2000/78, billi rriproduċiet it-terminoloġija użata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal‑imsemmija konvenzjoni ( 75 ), u hija ddefinixxiet il-kunċett ta’ “arranġamenti raġonevoli” fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ( 76 ), billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kliem tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess konvenzjoni ( 77 ).

85.

Madankollu, nikkunsidra li, f’din il-kawża, ma hemmx lok li tiġi interpretata d-Direttiva 2000/78 fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà, peress li, fl-opinjoni tiegħi l-kawża prinċipali, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u dan għar-raġunijiet hawn fuq esposti ( 78 ). L-osservazzjonijiet segwenti ser isiru għalhekk sempliċement b’mod sussisdjarju, għas-saħħa tal-kompletezza.

3. Fuq l-interpretazzjoni sussidjarja tad-Direttiva 2000/78 fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà

86.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, sabiex tistabbilixxi jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78 jistax jiġi kkonċepit b’mod estensiv fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 5(2) tal‑Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà ( 79 ).

87.

Fir-risposta bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat li l-imsemmi Artikolu 5(2) huwa intenzjonat sabiex jispjega, fir-rigward tad‑diżabbiltà, il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni li jissemmew fil-paragrafu (1) tal-istess artikolu. Hija ddikjarat li din id‑dispożizzjoni ma tagħtix protezzjoni iktar estiża minn dik diġà offerta bl-Artikoli 2 u 5 tad-Direttiva 2000/78 ( 80 ). Barra minn hekk, hija sostniet li l-prinċipju ta’ “protezzjoni legali [ta’ persuni b’diżabbiltà] li hija ugwali u effettiva kontra d‑diskriminazzjoni fuq kull bażi” iddikjarat fl‑imsemmi paragrafu 2 ikun applikabbli biss meta d-diskriminazzjoni hija bbażata fuq id-diżabbiltà, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ skont il‑Kummissjoni.

88.

Fl-opinjoni tiegħi, nirrileva li kemm mill-Artikolu 2 ( 81 ) u mill‑Artikolu 4 ( 82 ) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà jirriżulta li din tipprojbixxi speċifikatament id-diskriminazzjonijiet ta’ kull xorta li huma bbażati fuq id-diżabbiltà ( 83 ). L-istess japplika, b’mod partikolari, ( 84 ), għall-Artikolu 27 ta’ din il-Konvenzjoni, li l‑paragrafu 1(a) tiegħu jipprojbixxi “diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw kull forma ta’ impjieg”, u b’mod partikolari fir-rigward tat-“tkomplija ta’ impjieg”, li jinkludi eventwali protezzjoni f’każ ta’ waqfien ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Issa, id-differenza fit-trattat użat mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt Bulgaru inkwisjtoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq in-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol, u mhux fuq id-diżabbiltà li għandha P. Milkova.

89.

Fuq kollox, nikkunsidra li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà hija intiża sabiex tiżgura trattament ugwali mhux bejn il-kategoriji kollha ta’ persuni b’diżabbiltà, iżda bejn il-persuni li għandhom diżabbiltà u dawk li ma għandhomx l-istess inkapaċità. Fil-fatt, minn bosta dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni jirriżulta li din hija intiża sabiex tiffavorixxi l-ugwaljanza ta’ persuni b’diżabbiltà “ma’ oħrajn” ( 85 ). Dan il-punt ta’ paragun estern ( 86 ) deher fl‑Artikolu 1(2) tagħha, li jiddefinixxi l-għan tal-imsemmija konvenzjoni, u b’mod partikolari dak li għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ “persuni b’diżabbiltà”, billi ssemmi b’mod espress “ugwali ma’ ħaddieħor” ( 87 ). Hemm varjant fl-Artikolu 7 tagħha li jsemmi “ugwali ma’ tfal oħrajn” ( 88 ). Bl-istess mod, l-Artikolu 2 tagħha jagħti definizzjoni tad‑“[d]iskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà” billi jirreferi għal użu tad-drittijiet u libertajiet msemmija li għandhom jitgawdew mill-persuni b’diżabbiltà “fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor” ( 89 ). Din l-aħħar espressjoni hija riprodotta f’sensiela twila ta’ artikoli tal-imsemmija konvenzjoni li tirrigwarda d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà li din għandha bil-għan li tippromwovi u tipproteġi kif ukoll tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tagħhom ( 90 ), u b’mod iktar speċifiku f’dan il-każ, fl-Artikolu 27 tagħha relatat max-xogħol u l-impjieg ( 91 ).

90.

Formula analoga ġiet użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha dwar il-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva 2000/78 li kienu s‑suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tal‑Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà, bħall-kunċett ta’ “diżabbiltà” jew dak ta’ “arranġamenti raġonevoli”. Dwar dan is‑suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament għamlet riferiment għal “xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ [persuna b’diżabbiltà] fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l‑oħra” ( 92 ), u mhux l-ugwaljanza bejn diversi kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà. Jidhirli li kien fl-istess perspettiva li l-Unjoni rratifikat l‑imsemmija konvenzjoni ( 93 ).

91.

Jiena nikkunsidra għalhekk li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà ma humiex intenzjonati sabiex jinkludu sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 li hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhiex twassal sabiex tikkontesta n-natura eżawrjenti tal-motivi ta’ diskriminazzjoni li huma stipulati fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva ( 94 ), b’mod li magħhom jiżdied il-motiv relatat man-natura differenti tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jorbot liż-żewġ kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà.

92.

Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din il-kawża, li huwa neċessarju li tinterpreta d-Direttiva 2000/78 skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà, il-kunsiderazzjonijiet magħmula hawn fuq jimplikaw, fl-opinjoni tiegħi, li l-kunċett ta’ “diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà” fis-sens ta’ din id-direttiva huwa ddefinit bħala li jirreferi għall-każ fejn persuni li għandhom diżabbiltà jkunu suġġetti għal trattament inqas favorevoli jew jsofru żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ “oħrajn”, jiġifieri persuni li ma għandhomx din il‑karatteristika iżda li jinsabu fir-rigward tal-kumplament f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dawk tal-ewwel. Bl-istess mod, dejjem għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, “il-prinċipju tal-ugwaljanza fit‑trattament” għandu jkun ikkonċepit, fir-rigward tal-persuni li għandhom diżabbiltà, bħala li jiżgura l-ugwaljanza ta’ dan il-grupp ta’ persuni meta mqabbla mal-persuni li ma għandhomx tali inkapaċità permanenti.

93.

Finalment, ninnota, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-każ inkwistjoni, li minn l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni li torbot lill-Istati kontraenti ma jirriżulta obbligu li persuna b’diżabbiltà għandha tinżamm kemm jista’ jkun fil-post tax-xogħol tagħha meta dan ikun tneħħa, b’tali mod li P. Milkova setgħet tibbenefika mit-trattament iktar favorevoli li hija talbet.

94.

Anki jekk l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà jsemmi sitwazzjonijiet mhux koperti mid‑Direttiva 2000/78, kif jidher li tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, fl‑opinjoni tiegħi dan ma jagħmilx differenza, peress li d‑dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma humiex direttament applikabbli fid-dritt tal-Unjoni ( 95 ) u li għalhekk ma humiex intiżi sabiex ikollhom effett fir-rigward tal-imsemmija direttiva ħlief permezz ta’ interpretazzjoni konformi tad-dispożizzjonijiet tagħha, li jiddefinixxu huma stess il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

95.

Bħala konklużjoni, nikkunsidra, prinċiparjament, li ma hemmx lok li tiġi interpretata d-Direttiva 2000/78 fid-dawl tal-Konvenzjoni tan‑NU dwar id-diżabbiltà u, b’mod sussidjarju, li jekk il-Qorti tal‑Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi, ikun jaqbel li tipproċedi għal din l-interpretazzjoni billi tikkunsidra li l-imsemmija konvenzjoni għandha bħala għan li tiżgura trattament ugwali mhux bejn il-kategoriji differenti ta’ persuni b’diżabbiltà, iżda bejn dawn tal-aħħar u l-persuni li ma għandhomx diżabbiltà.

D – Fuq l-eventwali estensjoni tal-kamp ta ’ applikazzjoni ratione personae tar-regoli nazzjonali li jipproteġu lill-impjegati b’diżabbiltà (ir-raba ’ domanda)

96.

Ir-raba’ domanda preliminari saret b’mod sussidjarju, peress li ssemmi l-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti “risposta negattiva għall‑ewwel u għat-tielet domandi”.

97.

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-obbligu ta’ osservanza tal-imsemmija regoli tad-dritt internazzjonali bħal dawk tad-dritt tal-Unjoni – li jobbligaw lill‑awtoritajiet tar-Repubblika tal-Bulgarija – jirrikjedu li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jipproteġu lill-impjegati b’diżabbiltà, kemm jekk ikunu impjegati fis-settur privat jew fis-settur pubbliku, f’każ ta’ tkeċċija ( 96 ) jiġi estiż b’tali mod li dawn ir-regoli ta’ protezzjoni jibbenefikaw ukoll lill-uffiċjali li għandhom l-istess tip ta’ diżabbiltà, sabiex ikunu konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil‑qasam tax-xogħol u tal-impjieg. P Milkova iddikjarat ruħha f’dan is‑sens ( 97 ).

98.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda hija marbuta mal-fatt li l-leġiżlazzjoni Bulgara kkonċernata hija applikata b’mod strett mill-qrati nazzjonali ( 98 ) u li dan l-approċċ rigoruż jista’ jirriżulta bħala mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati b’mod partikolari fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id‑diżabbiltà ( 99 ), li jitolbu protezzjoni ġusta u effettiva mil-liġi kontra d-diskriminazzjonijiet fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna b’diżabbiltà.

99.

Bħall-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, nikkunsidra li, fid-dawl tar-risposti limitativi li nirrakkomanda li għandhom jingħataw għad‑domandi preliminari preċedenti u fid-dawl tan-natura kundizzjonali tar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din tal-aħħar u għalhekk li jsiru xi argumenti speċifiċi dwarha.

100.

B’mod iktar sussidjarju u għall-finijiet kollha utili, fir-rigward tar-rwol li għandhom il-qrati nazzjonali sabiex jiżguraw l-osservanza sħiħa minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal‑Unjoni, problematika li jidhirli li fuqha hija bbażata r-raba’ domanda preliminari, nirreferi sempliċement għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja relatata ma’ dan is-suġġett, u b’mod iktar partikolari għas-sentenzi mogħtija dwar diskriminazzjonijiet stabbiliti b’regoli nazzjonali fil-qasam tad-dritt tax-xogħol ( 100 ).

V – Konklużjoni

101.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema, Bulgarija) bil-mod segwenti:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli għal sitwazzjoni li fiha d-differenza ta’ trattament introdotta bil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, bejn impjegati u uffiċjali li għandhom l-istess tip ta’ diżabbiltà, hija fondata mhux fuq il-kriterju tad-diżabbiltà iżda tan-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot liż-żewġ kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà rispettivament mal-persuna li timpjegahom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 3 ) Konvenzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-13 ta’ Diċembru 2006 u li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Mejju 2008.

( 4 ) Nippreċiża li l-leġiżlazzjoni Bulgara kkonċernata ssemmi numru ta’ “mardiet” li jagħtu dritt għal din il-protezzjoni u mhux strettament id-“diżabbiltà”, iżda li l‑problematika mqajma f’din il-kawża hija ttrattata mill-qorti tar-rinviju iktar speċifikatament mill-perspettiva ta’ dan l-aħħar kunċett, għaliex hija adita minn kawża li għandha bħala suġġett persuna b’diżabbiltà.

( 5 ) Deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU 2010, L 23, p. 35). Minnha jirriżulta li l-Unjoni għandha djalogu perijodiku mal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti li huwa inkarigat minn dan il-qasam (ara Il-Kummissjoni, “Rapport tal-2015 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE”, COM [2016] 265 finali, p. 8, nota ta’ qiegħ il-paġna 30).

( 6 ) Liġi adottata fis-26 ta’ Jannar 2012 u ppubblikata fid-DV Nru 12 tal-10 ta’ Frar 2012.

( 7 ) ĠU 1986, L 225, p. 43.

( 8 ) ĠU 1999, C 186, p. 3.

( 9 ) Ippubblikat fid-DV Nru 26 tal-1 ta’ April 1986 u fid-DV Nru 27 tal-4 ta’ April 1986, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1987.

( 10 ) Deċiżjoni adottota fl-20 ta’ Frar 1987, ippubblikata fid-DV Nru 33 tat-28 ta’ April 1987.

( 11 ) Ippubblikat fid-DV Nru 130 tal-5 ta’ Novembru 1998, li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Diċembru 1998.

( 12 ) Ippubblikat fid-DV Nru 67 tas-27 ta’ Lulju 1999, li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu 1999.

( 13 ) Ippubblikat fid-DV Nru 86 tat-30 ta’ Settembru 2003, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004.

( 14 ) Skont l-Artikoli 6 u 48 tal-Kostituzzjoni Bulgara u l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il‑protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet.

( 15 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Bulgaru jżid li l-ispettorat tax‑xogħol għandu l-interess li jkun terz indipendenti mill-partijiet tal-kuntratt ta’ xogħol u li jevalwa l-opportunità li jawtorizza jew le t-tkeċċija billi jikkunsidra mhux biss l-impatt fuq l-istat ta’ saħħa tal-ħaddiem, iżda wkoll fatturi oħra, bħall‑preżenza ta’ impjieg ieħor xieraq fi ħdan l-istess persuna li timpjega.

( 16 ) Din l-ineżattezza ġiet irrilevata wkoll minn P. Milkova fir-risposta bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 17 ) Ninnota li l-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi ma fihiex lista eżawrjenti tal-motivi ta’ diskriminazzjoni pprojbiti, peress li tissemma “kwalunkwe karatteristika oħra personali prevista mil-liġi jew minn konvenzjoni internazzjonali li tagħha r‑Repubblika tal-Bulgarija hija parti”.

( 18 ) Jiġifieri “limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi għal perijodu twil ta’ natura fiżika, mentali jew psikika, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra”. Ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs l-Italja (C‑312/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:446, punt 56), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara l-punti 35 sa 38 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 20 ) L-espressjoni “karatteristika personali” hija użata fl-Artikoli 4 u 21 tal-Att dwar il‑protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet. It-terminu “karatteristika” huwa użat fil-premessa 23 u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, b’mod partikolari fir-rigward tad-diżabbiltà.

( 21 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 35); tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 50); tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punt 18), u tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) L-Artikolu 13 KE (li sar l-Artikolu 19 TFUE), li jikkostitwixxi l-bażi legali tal‑imsemmija direttiva, ta kompetenza lill-Komunità sabiex tieħu “azzjoni xierqa sabiex [t]iġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l‑oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-disabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali”, u din il-lista hija eżawrjenti. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 3846), u tas‑7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C‑310/10, EU:C:2011:467, punt 35).

( 23 ) Jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 32).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 46); tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 36), u tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punti 2829).

( 25 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et (C‑310/10, EU:C:2011:467, punti 31 sa 36), u tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punti 25 sa 31), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d‑Direttiva 2000/78 ma tinkludix id-diskriminazzjonijiet soċjoprofressjonali, bħar‑regolamenti tal-irtirar, jew dwar il-post tax-xogħol tal-persuni kkonċernati. Ara, b’analoġija, id-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Rivas Montes (C‑178/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:150, punti 4344), li minnu jirriżulta li differenzi fit‑trattament bejn il-persunal irregolat minn regolamenti dwar il-persunal u l‑membri tal-persunal bil-kuntratt ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-ftehim qafas ETUC, UNICE u CEEP dwar kuntratti għal terminu fiss, li jinsab bħala anness mad-Direttiva 199/70/KE li tikkonċerna l-imsemmi ftehim qafas (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

( 26 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 38 et seq.), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mid-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/78 ma jirriżultax li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li din hija intiża li tiżgura huwa limitat għall-persuni li huma stess għandhom diżabbiltà fis-sens ta’ din id-direttiva.

( 27 ) Fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 43 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tkeċċija ta’ impjegat li ma għandux diżabbiltà xorta tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad‑Direttiva 2000/78, meta jiġi pprovat li t-trattatment sfavorevoli li tiegħu l‑impjegat huwa vittma, meta mqabbel ma’ persuni oħra li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal tiegħu, huwa bbażat fuq id-diżabbiltà tal-wild tiegħu, li lilu l‑persuna kkonċernata tagħti l-parti l-kbira tal-kura li huwa għandu bżonn.

( 28 ) Ara l-proposta ta’ Direttiva tal-Kunsill, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l‑implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali [COM(2008) 426 finali, p. 2 u 7]. Nippreċiża li din il-proposta kienet is‑suġġett ta’ diskussjonijiet ġodda fi ħdan il-Kunsill matul ix-xahar ta’ Ġunju 2016.

( 29 ) Jiġifieri f’oqsma minbarra dawk fl-isfera professjonali li huma l-protezzjoni soċjali, il-vantaġġi soċjali, l-edukazzjoni, l-aċċess għal u provvista ta’ oġġetti u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluż akkomodazzjoni [ara l-premessa 9 u l‑Artikolu 3 tal-proposta ta’ direttiva, COM(2008) 426 finali, p. 14 u 19].

( 30 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l‑prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l‑prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 153M p. 294), jipprojbixxu wkoll id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-motivi li jsemmi b’mod speċifiku fit-titolu tagħhom.

( 31 ) Il-Gvern Bulgaru jillimita ruħu sabiex jiċċita l-Artikolu 26 tal-Karta, relatat mal‑“[i]integrazzjoni tal-persuni diżabbli”, fit-taqsima tal-osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu intitolata “kuntest ġuridiku”, filwaqt li t-taqsima ekwivalenti tad‑deċiżjoni tar-rinviju fiha ċitazzjoni tal-Artikoli 21 u 30 tal-Karta, li jirrigwardaw rispettivament in-“[n]on‑diskriminazzjoni” u l-“[p]rotezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta”.

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Hadj Ahmed (C‑45/12, EU:C:2013:390, punti 56 u57).

( 33 ) Jiġifieri il-punt 3 tal-Artikolu 333(1), moqri flimkien mal-punt 2 tal‑Artikolu 328(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, kif ukoll il-punt 2 tal‑Artikolu 106(1) tal-Att dwar is-Servizz Ċivili, - kif interpretati mill‑ġurisprudenza Bulgara.

( 34 ) L-imsemmi Artikolu 51, li jiddefenixxi il-“[k]amp ta’ applikazzjoni” tal-Karta, fil‑paragrafu 1 tiegħi jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar “huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju […] għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l‑Unjoni” u fil-paragrafu 2 tiegħu li l-Karta “ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni”. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, f’dan ir-rigward, li “[s]abiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt l‑implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk hija għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija ssegwix għanijiet differenti minn dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija tista’ taffettwa indirettament lil din tal-aħħar, kif ukoll, jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwah” (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 25).

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punti 40 sa 43); tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punti 20 sa 33), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et. (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punti 32 sa 37).

( 36 ) Skont it-termini rispettivi tal-imsemmi Artikolu 20, “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”, tal-imsemmi Artikolu 21(1), “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq […] id-diżabbiltà […] għandha tkun projbita”, tal-imsemmi Artikolu 26, “[l]‑Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità”, u tal‑imsemmi Artikolu 30, “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 40), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et. (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u d-digriet tat-23 ta’ Frar 2016, Garzón Ramos u Ramos Martín (C‑380/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:112, punt 25).

( 38 ) Fis-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 2324), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “peress li d-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix hija stess il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, iżda tikkonkretizza dan il-prinċipju biss fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol, il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva ma taqbiżx dik mogħtija minn dan il-prinċipju. Il‑leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried, permezz tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, jiddefinixxi qafas iktar speċifiku, intiż li jiffaċilita l-implementazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, b’mod partikolari jiddetermina diversi possibbiltajiet ta’ deroga mill-imsemmi prinċipju billi jqiegħed lil dawn f’qafas permezz ta’ definizzjoni iktar ċara tal-qasam ta’ applikazzjoni tagħhom”. Hija żiedet li “sabiex [l-imsemmi] prinċipju japplika f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, jeħtieġ ukoll li din is-sitwazzjoni taqa’ fil-kamp tal-projbizzjoni tad‑diskriminazzjonijiet li d-Direttiva 2000/78 tippreskrivi” (enfażi miżjud minni).

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punti 2324); tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 25); tal-21 ta’ Jannar 2015, Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punti 1617), u tat-2 ta’ Ġunju 2016, C (C‑122/15, EU:C:2016:391, punti 1828 sa 30).

( 40 ) Ara l-punti 51 et seq. ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 41 ) Skont l-imsemmi paragrafu 5, id-Direttiva 2000/78 “m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

( 42 ) Dan il-gvern isostni, b’mod partikolari, li “l-istabbiltà, stabbilita fl-Att dwar is‑Servizz Pubbliku, tal-post tax-xogħol irregolat minn regolamenti tal-persunal tiżgura l-implementazzjoni effettiva u prevedibbli tal-funzjonijiet ta’ awtorità pubblika fl-interess tas-soċjetà kif ukoll għaż-żamma tal-ordni pubbliku”.

( 43 ) Huwa veru li, kif jindika dan il-gvern, it-tieni domanda preliminari tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk “l-Artikolu 4 u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad‑Direttiva [2000/78] jippermettu” tali regola nazzjonali, iżda jiena nikkunsidra li din l-espressjoni tirrigwarda prinċiparjament l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4, flimkiem ma’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva.

( 44 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeduċi mill-provi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l‑elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal‑kawża (b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Doc Generici, C‑452/14, EU:C:2015:644, punt 34 u tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 43), iżda dawn l-elementi jidhirli li huma neqsin f’dan il-każ fir-rigward tal-eventwali interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 2(5).

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Issa, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet bażiċi għar-raġunijiet tal‑għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li talbet l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l‑leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 115, u tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punti 1920).

( 47 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Dan il-gvern jibbaża l-argument tiegħu f’dan ir-rigward fuq “il-protezzjoni eżistenti tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, stabbillita fl-Att dwar is-Servizz Pubbliku” u fuq “il-ħtieġa li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa li jippermettu lill‑amministrazzjoni pubblika twettaq b’mod effettiv u prevedibbli l-funzjonijiet tagħha fl-interess tas-soċjetà”.

( 49 ) Enfażi miżjud minni. Bl-istess mod il-premessa 17 tad-Direttiva 2000/78 tistabblixxi li din “ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż-żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet”.

( 50 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Ara wkoll il-premessa 26 tad-Direttiva 2000/78.

( 52 ) Fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punti 4042), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dawn huma “ dispożizzjonijiet li jirrigwardaw miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva favur il-persuna b’diżabbiltà nfisha”.

( 53 ) Mill-Artikolu 2(2)(ii) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li tali miżuri meħuda favur persuni b’diżabbiltà ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni indiretta.

( 54 ) Jidhirli li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78 ipoġġi barra mill-isfera ta’ intervent ta’ din tal-aħħar il-miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittivi, fir-rigward ta’ liema l‑premessa 27 tagħha tfakkar li “il-Kunsill stabbilixxa qafas ta’ gwida li jistabbilixxi eżempji ta’ azzjoni pożittiva biex tippromwovi l-impjieg u t-taħriġ ta’ persuni b’diżabilità, u fir-Reżoluzzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar opportunitajiet ta’ mpjieg ugwali għall-persuni b’diżabilitajiet, iddikjarat l-importanza li tingħata attenzjoni speċifika fost affarijiet oħra lir-reklutaġġ, lid-detenzjoni, lit-taħriġ u t-tagħlim kontinwu għar-rigward ta’ persuni b’diżabilità [fir‑Rakkomandazzjoni [tiegħu] 86/379 […] il-Kunsill stabbilixxa qafas ta’ gwida li jistabbilixxi eżempji ta’ azzjoni pożittiva biex tippromwovi l-impjieg u t-taħriġ ta’ persuni b’diżabilità […]”.

( 55 ) Ara l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-Artikolu 6 (li sar l-Artikolu 7) tal‑proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva [COM(1999) 565 finali], li jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-azzjonijiet pożittivi favur in-nisa (dwar dan is-suġġett, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1997, Marschall, C‑409/95, EU:C:1997:533, punt 28 u l‑ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Marzu 2000, Badeck et, C‑158/97, EU:C:2000:163, punt 23).

( 56 ) Fil-proposta tagħha għall-emenda tad-Direttiva [COM(2008) 426 finali, p. 10], il‑Kummissjoni tfakkar li huwa spiss li “ugwaljanza formali ma twassalx għal ugwaljanza fil-prattika” u hija tenfażizza li dispożizzjonijiet ekwivalenti, li jirrigwardaw l-“azzjoni pożittiva” jinsabu fid-direttivi kollha li huma bbażati fuq l‑Artikolu 13 KE (li sar l-Artikolu 19 TFUE) li huma relatati man‑nondiskriminazzjoni.

( 57 ) Ġie wkoll irrilevat li “l-azzjonijiet pożittivi jippermettu li tintlaħaq mhux ugwaljanza formali “ikkunsidrata bħala ugwaljanza fit-trattament bejn individwi li jappartjenu għal gruppi differenti”, iżda ugwaljanza sostanzjali, ikkunsidrata bħala ugwaljanza bejn il-gruppi, ugwaljanza kollettiva” (ara taħt il-koordinazzjoni ta’ Martin, D., Morsa, M., Gosseries, P., u Buelens, J., Droit du travail européen: questions spéciales, Larcier, Bruxelles, 2015, p. 539).

( 58 ) F’dan ir-rigward, madankollu nfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Buglaru kkonċernati għandhom l-għan li jipproteġu lill-ħaddiema milquta minn waħda mill‑mardiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, u mhux speċifikatament lil persuni b’diżabbiltà bħala tali (ara l-punti 17 u 18 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-Konklużjonijiet).

( 59 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 60 ) Dwar dan is-suġġett, il-qorti tar-rinviju tirreferi espressament għas-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159).

( 61 ) Skont l-imsemmi paragrafu 2, “[l]-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà[, iżda wkoll] jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi” (enfażi miżjud minni).

( 62 ) Enfażi miżjud minni.

( 63 ) Jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha din il‑fakultà li tifformula d-domandi magħmula, sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni li minnha hija adita (b’mod partikolari, is‑sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Hewlett‑Packard Europe, C‑361/11, EU:C:2013:18, punt 35).

( 64 ) Ara wkoll il-punti 96 et seq.ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 65 ) L-imsemmija punti (g) u (h) jipprevedu li l-partijiet ta’ din il-konvenzjoni għandhom jieħdu miżuri xierqa, b’mod partikolari, sabiex “[i]ħaddmu persuni b’diżabbiltà fis-settur pubbliku” u sabiex “[j]ippromwovu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat”.

( 66 ) L-imsemmija punti (d) u (e) jipprevedu li l-partijiet ta’ din il-konvenzjoni jobbligaw ruħhom, b’mod partikolari, sabiex “jiżguraw li l-awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi jaġixxu f’konformità [magħha]” u sabiex “[j]ieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jeqirdu d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà minn kwalunkwe persuna, organizzazzjoni jew intrapriża privata”.

( 67 ) F’dan ir-rigward, qabel xejn noġġezzjona li ma huwiex korrett li jiġi kkunsidrat li d-diskriminazzjoni invokata fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq distinzjoni bejn il‑persuni b’diżabbiltà impjegati fis-settur pubbliku u dawk li jaħdmu fis-settur privat (ara wkoll il-punt 38 ta’ dawn il-Konklużjonijiet).

( 68 ) F’dawn l-osservazzjonijiet bil-miktub relatati mal-ewwel domanda preliminari, il‑Gvern Bulgaru ppreżenta argument li jipprovdi li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali ma tkun komparabbli ma’ dik tal-impjegati, sabiex minn dan jiġi dedott li għalhekk ma jkunx “neċessarju li jiġu eżaminati d-domandi preliminari l-oħra”. F’dan ir‑rigward, ninnota sempliċement li t-test tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal‑kategoriji ta’ persuni kkonċernati ikun rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk teżistix diskriminazzjoni diretta, f’din il-kawża, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad‑Direttiva 2000/78. Madankollu, dawn l-argumenti huma ineffettivi, u fl‑opinjoni tiegħi ma hemmx lok li jiġu analizzati, peress li nikkunsidra li din id‑direttiva lanqas għandha tiġi applikata fir-rigward ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

( 69 ) Għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet internazzjonali li l-Unjoni ma aderixxietx magħhom, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi adottat fis‑16 ta’ Diċembru 1996 mill-Assemblea Ġenerali tal-Nazzjonijiet Uniti (ara s‑sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kunsill tal-Ministri, C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 23).

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 30); tat-18 ta’ Marzu 2014, Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 73), u tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 68).

( 71 ) Skont P. Milkova, l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà – li jiżgura lil persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d‑diskriminazzjoni fuq kull bażi – huwa applikabbli, minħabba l-fatt li din id‑dispożizzjoni toħloq obbligi preċiżi, ċari u inkundizzjonati biżżejjed, u minnha jirriżulta li l-Att dwar is-Servizz Pubbliku Bulgaru għandu jiġi emendat.

( 72 ) B’hekk, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/48 fih dikjarazzjoni dwar il-portata tal-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet irregolati bil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà kif ukoll appendiċi li fih lista ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardw kwistjonijiet irregolati minn din il‑konvenzjoni.

( 73 ) Peress li dan il-ftehim internazzjonali jippreżenta n-natura ta’ programm għall‑partijiet kontraenti, minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li huwa impossibbli li jsir stħarriġ tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2000/78, fir‑rigward tal-Konvenzjoni tal-NU dwar id-diżabbiltà. Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2014, Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159, punti 85 sa 90), u tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 69).

( 74 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 29, 3132); tat-18 ta’ Marzu 2014, Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159, punti 72, 7475), u tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punti 6870).

( 75 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 36 sa 39); tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 53), u tas-26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et (C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 33), u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Daouidi (C‑395/15, EU:C:2016:371, punt 40 u d-duttrina ċċitata). Fir‑“Rapport tal-2014 dwar l-Applikazzjoni tal-[Karta]” (COM[2015] 191 finali, p. 14), il-Kummissjoni enfażizzat “[b]illi ma hemm l-ebda obbligu legali fil-Karta li tiġi allinjata l-interpretazzjoni tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, il-QtĠ-UE tirreferi għal strumenti għal interpretazzjoni ta’ drittijiet skont il-liġi tal-UE”, u b’mod partikolari għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-diżabbiltà.

( 76 ) Skont l-imsemmi Artikolu 5, il-persuna li timpjega għandha tieħu inkunsiderazzjoni miżuri xierqa, b’mod partikolari, sabiex jippermettu lil persuna b’diżabbiltà jkollha aċċess għal impjieg, teżerċitah u tavvanza fih, ħlief jekk dawn il-miżuri jimponu fuq il-persuna li timpjega obbligu sproporzjonat.

( 77 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 48 et seq.), u tal-4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑312/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:446, punt 58).

( 78 ) Ara l-punti 44 et seq. ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 79 ) Dwar dan is-suġġett, ara l-punti 76 u 77 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 80 ) L-imsemmija Artikoli 2 u 5 huma relatati rispettivament mal-“[k]unċett ta’ diskriminazzjoni” u mal-“[a]rranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà”.

( 81 ) Li jiddefinixxi biss “[d]iskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà” (enfażi miżjud minni).

( 82 ) Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1), “[l-]-Istati Partijiet jintrabtu li jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha għall-persuni b’diżabbiltà kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ ebda tip fuq il-bażi ta’ diżabbiltà” (enfażi miżjud minni). Il-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jikkonferma din il-perspettiva.

( 83 ) Anki jekk xi dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni jsemmu motivi oħra potenzjali ta’ diskriminazzjoni [ara, b’mod partikolari, il-premessi p) u s) kif ukoll l-Artikolu 8(1)(b)].

( 84 ) Ara wkoll, b’mod partikolari, il-premessa (h) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25 u l-Artikolu 28(1) u (2) tal-imsemmija konvenzjoni.

( 85 ) Ninnota li ċerti dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-konvenzjoni (ara l-Anness I tar‑Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat inkarigat mir-redazzjoni tal‑konvenzjoni inkwistjoni, ippubblikat fis-27 ta’ Jannar 2004, UN Doc. A/AC.265/2004/WG.1) kellhom il-kliem “b’mod ekwu”, li huma inqas espliċiti minn dawk li jinsabu fit-test finali. Dan kien il-każ tal-Artikoli 1 u 7(2) u tal‑Artikoli 18, 21 u 24 tal-imsemmi abbozz. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 9, 13 u 14 kienu jispeċifikaw “b’mod ekwu bħall-persuni l-oħra” (enfażi miżjud minni).

( 86 ) In-“natura relattiva” tad-dritt għall-ugwaljaza kif previst mill-imsemmija konvenzjoni ġiet enfażizzata minn Waddington, L., “Equal to the Task? Re‑Examining EU Equality Law in the Light of the United Nations Convention on the Rights of Persons with Disabilities”, European Yearbook of Disability Law, Volume 4,taħt id-direzzjoni ta’ Quinn, G., Waddington, L., u Flynn, E., Intersentia, Cambridge, 2013, p. 177.

( 87 ) Definizzjoni analoga ta’ dan il-kunċett tinsab fil-punt e) tal-preambolu tal‑imsemmija konvenzjoni.

( 88 ) Ara, ukoll, il-punt r) tal-preambolu tal-imsemmija konvenzjoni.

( 89 ) “Diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà” tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew effett li tfixkel jew ixxejjen l-għarfien, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha (enfażi miżjud minni).

( 90 ) Dawn huma l-Artikolu 9 dwar l-aċċessibbiltà; l-Artikolu 10 dwar id-dritt għall‑ħajja; l-Artikolu 12 dwar l-għarfien ugwali quddiem il-liġi; l-Artikolu 13 dwar l-aċċess għall-ġustizzja; l-Artikolu 14 dwar il-libertà u sigurtà tal-persuna; l‑Artikolu 15 dwar il-ħelsien mit-tortura u mit-trattament jew kastig krudili, inumani jew degradanti; l-Artikolu 17 dwar il-protezzjoni tal-integrità tal-persuna; l-Artikolu 18 dwar il-libertà tal-moviment u tan-nazzjonalità; l-Artikolu 19 dwar l‑għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità; l-Artikolu 21 dwar il-libertà tal‑espressjoni u l-opinjoni, u aċċess għall-informazzjoni; l-Artikolu 22 dwar ir‑rispett għall-privatezza; l-Artikolu 23 dwar ir-rispett għad-dar u l-familja; l‑Artikolu 24 dwar l-edukazzjoni; l-Artikolu 29 dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika, u l-Artikolu 30 dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, rikreazzjoni, ħin liberu u sport.

( 91 ) Il-kliem tal-imsemmi Artikolu 27(1) huwa parzjalment riprodott fil-punt 9 ta’ dawn il-Konklużjonijiet. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, “[l]-Istati Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà […] jkunu protetti, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, minn xogħol imġiegħel jew obbligatorju” (enfażi miżjud minni).

( 92 ) Enfażi miżjud minni. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 38, 41, 47 u 54); tal-4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑312/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:446, punti 56 u 59); tat-18 ta’ Marzu 2014, Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159, punti 76 u 80), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, FOA (C‑354/13, EU:C:2014:2463, punti 53, 5960).

( 93 ) B’hekk, fil-Komunikazzjoni lill-istampa tal-Kummissjoni relatata ma’ din ir‑ratifika (Avviż tal-5 ta’ Jannar 2011, IP/11/4), huwa indikat li l-Konvenzjoni tal-NU dwar id-diżabbiltà “torbot lill-partijiet sabiex jiżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod ekwu maċ-ċittadini l-oħra kollha” (enfażi miżjud minni).

( 94 ) Ara l-punti 51 et seq. ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 95 ) Ara l-punt 82 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 96 ) Jiġifieri r-regoli stabbiliti fil-punt 3 tal-Artikolu 333(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 328(1) tal-istess Kodiċi.

( 97 ) Fir-risposta bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. Milkova sostniet li peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni toħloq differenza ta’ trattament li jikkonċerna persuni b’diżabbiltà, anki jekk din id-differenza hija bbażata fuq in-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol u mhux fuq id-diżabbiltà, hemm lok li jiġi applikat il-punt 3 tal-Artikolu 333(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol anki għall-ħaddiema b’diżabbiltà li huma uffiċjali, b’analoġija ma’ dawk li huma impjegati, u, minħabba ż-żieda ta’ tali dispożizzjoni fil-liġi dwar is-servizz pubbliku, li din il-leġiżlazzjoni tiġi alinjata mad-dritt tal-Unjoni.

( 98 ) Ara l-punti 35 et seq. ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 99 ) Fir-rigward tal-bżonn li “jiġu osservati d-dispożizzjonijiet internazzjonali” minn Stat Membru msemmi fir-raba’ domanda preliminari, infakkar li l-Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi b’mod preliminari fuq tali punt ta’ dritt u li l-kliem tal-imsemmija domanda għandu jiġi riformulat f’dan ir-rigward (ara l-punti 75 et seq. ta’ dawn il-Konklużjonijiet).

( 100 ) Fuq id-dmir tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw regola tad-dritt nazzjonali b’mod li jippermetti li tiġi applikata skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, ara, b’mod partikolari, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Kawża Fenoll (C‑316/13, EU:C:2014:1753, punti 55 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata); il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża DI (C‑441/14, EU:C:2015:776, punti 42 et seq.), u s-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 28 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).

Top