Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0377

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fis-7 ta’ Diċembru 2016.
    Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener Co. Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Appell – Dumping – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 924/2012 – Importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2(10) u (11) – Esklużjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping – Paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq.
    Kawżi magħquda C-376/15 P u C-377/15 P.

    Court reports – general ; Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:928

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ppreżentati fis-7 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑376/15 P u C‑377/15 P

    Changshu City Standard Parts Factory,

    Ningbo Jinding Fastener Co. Ltd

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Appell — Dumping — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 2(7)(a) kif ukoll il-paragrafi 10 u 11 — Ftehim antidumping — Artikolu 2.4 u 2.4.2 — Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 924/2012 — Importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir‑Repubblika Popolari taċ-Ċina — Prodott ikkonċernat — Esklużjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping — Paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq — Rifjut li jsiru ċerti aġġustamenti — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    1. 

    Meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jiddeterminaw l‑eżistenza ta’ marġni ta’ dumping, b’mod partikolari f’każ ta’ importazzjonijiet ġejjin minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, jistgħu jeskludu mill-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal‑esportazzjoni tranżazzjonijiet fuq l-esportazzjoni relatati ma ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat? X’inhi l-portata tar-rekwiżit li jsiru aġġustamenti fil-kuntest tal-obbligu li jsir paragun xieraq bejn il-valur normali u l-prezz fuq l-esportazzjoni, meta l-valur normali kien iddeterminat abbażi tal-metodu tal-pajjiż analogu?

    2. 

    Dawn huma essenzjalment il-kwistjonijiet prinċipali mqajma f’dawn il-kawżi magħquda, li jirrigwardaw żewġ appelli ppreżentati konġuntament minn żewġ kumpanniji Ċiniżi, jiġifieri Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener Co. Ltd. Permezz tal-appelli tagħhom, dawn iż‑żewġ kumpanniji jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ April 2015, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir‑rikors tagħhom intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012, tal-4 ta’ Ottubru 2012 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament ikkontestat”).

    3. 

    F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tipprovdi kjarifiki importanti rigward il-portata tal-obbligi li għandhom il‑Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“istituzzjonijiet”) meta jiddeterminaw l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping, b’mod partikolari f’każijiet ta’ importazzjonijiet ġejjin minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tad-WTO

    4.

    L-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (iktar ’il quddiem il-“ftehim antidumping”) ( 4 ) huwa intitolat “Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping”.

    “2.4.   Isir paragun imparzjali bejn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni u l‑valur normali. Dan il-paragun iseħħ fl-istess livell ta’ kummerċ, normalment fil-livell ex-fabbrika, u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul kemm jista jkun fl-istess żmien. Jitqies b’mod sostanzjali f’kull każ, fuq il-mertu a bażi ta’ differenzi li jaffetwaw il-komparibbilità tal-prezzijiet, li jinkludi wkoll id-differenzi fit-termini u l-kondizzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ, taxxa, livelli ta kummerċ, kwantitajiet, karatteristiċi fisiċi, u kwalunkwe differenzi oħra li jidhru li jaffetwaw il-komparabbilità tal-prezzijiet. […] L-awtoritajiet għandhom jindikaw lill-partijiet in kwistjoni x’tip ta’ informazzjoni hi meħtieġa biex jassiguraw paragun imparzjali u ma jimponux oneru tal-prova ta’ natura mhux raġonevoli fuq il-partijiet”. […]

    2.4.2   Soġġett għad-disposizzjonijiet li jirregolaw paragun ġust fil‑paragrafu 4, l-eżistenza ta’ marġini ta’ d-damping waqt il-fażi ta’ l‑investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq bażi tal‑paragun bejn il-medja stabbilita tal-valur normali u l-medja stabbilita tal-prezzijiet ta’ transazzjonijiet ta’ esportazzjoni komparabbli jew permezz ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezzijet ta’ l‑esportazzjoni fuq bażi ta’ żewġ transazzjonijiet bejn xulxin […]”.

    B – Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 ( 5 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Tistabilixxi dumping”, jipprovdi:

    “[…]

    Ċ. Paragun

    10

    Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l‑valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula, kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il‑prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. […]

    D. Il-marġni ta’ dumping

    11.

    Soġġetti għad-disposizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun xieraq, l-eżistenza ta’ marġini ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ medja peżata tal-prezzijiet tat-transizzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni lill-[Unjoni], jew b’paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali ta’ l‑esportazzjoni lill-[Unjoni] fuq bażi ta’ transizzjoni ma transizzjoni. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta’ medja peżata jista’ jiġi mqabbel ma prezzijiet tat-transizzjonijiet individwali kollha ta’ l‑esportazzjoni lill-[Unjoni], jekk hemm mudell ta’ prezzijiet ta’ l‑esportazzjoni li ma jaqbilx b’mod sinifikanti fost xerrejja differenti, reġjuni jew perjodi ta’ żmien differenti, u jekk il-metodi speċifikati fl‑ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma kienux jirriflettu il-grad sħiħ ta’ dumping ipprattikat. […]”

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawżi u r-Regolament ikkontestat

    6.

    Il-fatti li wasslu għall-kawżi huma spjegati fid-dettall fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, permezz tar-Regolament Nru 91/2009 ( 6 ), il‑Kunsill impona dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina.

    7.

    Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (DSB) tad-WTO adotta r-Rapport tal‑Bord tal-Appell kif ukoll ir-Rapport tal-grupp speċjali bir-rapport tal‑Bord tal-Appell fil-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina” ( 7 ). F’dawn ir-rapporti, kien ikkonstatat li l-Unjoni kienet kisret ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tad-WTO.

    8.

    Sabiex jiġi ddeterminat il-mod kif kellu jiġi emendat ir‑Regolament Nru 91/2009 sabiex jiġi konformi mar‑rakkomandazzjonijiet tad-DSB, il-Kummissjoni bdiet eżami mill‑ġdid tal-miżuri antidumping imposti minn dan ir-regolament ( 8 ).

    9.

    Wara dan l-eżami mill-ġdid, imwettaq abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1515/2001 ( 9 ), fl-4 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament ikkontestat.

    10.

    Fir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill, qabelxejn irrileva li r‑rapporti tad-DSB ma kinux influwenzaw il-konstatazzjonijiet esposti fir‑Regolament Nru 91/2009 dwar il-prodott ikkonċernat u dwar il-prodott simili ( 10 ).

    11.

    Sussegwentement, il-Kunsill fakkar li, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar‑Regolament bażiku, il-valur normali għal produtturi-esportaturi, bħall-appellanti, li ma jibbenefikawx minn status ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, għandu jiġi stabbilit abbażi tal-prezzijiet jew tal-valur maħdum f’pajjiż analogu. F’dan il-każ, l-Indja kienet ikkunsidrata bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa. Għalhekk il-valur normali kien iddeterminat abbażi tal‑prezzijiet tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fis-suq intern minn produttur Indjan li kkoopera fl-investigazzjoni ( 11 ).

    12.

    Il-Kunsill sussegwentement ċaħad talbiet għal aġġustament ifformulati, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari mill‑appellanti, fir-rigward ta’ differenzi dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni, kif ukoll tal-effiċjenza u tal-produttività ( 12 ). F’dan ir-rigward, il-Kunsill indika li l-partijiet ma kinux ipproduċew prova li d-differenzi fl-ispiża tirrifletti differenzi fil-prezz. Il-Kunsill fakkar li, fl-investigazzjonijiet li jirrigwardaw pajjiżi li ma joperawx fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas‑suq, bħaċ-Ċina, pajjiż terz b’ekonomija tas-suq jintuża sabiex jiġi evitat li l-prezzijiet u l-ispejjeż li ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaħdmu fuq is-suq jittieħdu inkunsiderazzjoni. Peress li ebda produttur-esportatur Ċiniż ma bbenefika mill-istatus ta’ kumpannija li topera fil‑kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq fl-investigazzjoni inizjali, l‑istruttura tal-ispiża tagħhom ma setgħetx titqies bħala li tirrifletti l-valuri tas‑suq li jistgħu jintużaw bħala bażi għal aġġustamenti, b’mod partikolari dwar l-aċċess għall-materji primi. Barra minn hekk, il‑produttur Indjan kien f’kompetizzjoni ma’ numru ta’ produtturi oħra fis-suq intern Indjan, b’tali mod li l-prezzijiet tiegħu kienu jirriflettu bis-sħiħ is-sitwazzjoni fis-suq intern. Għalhekk, il-Kunsill ċaħad it-talbiet għal aġġustament.

    13.

    Sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping, skont l‑Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet għażlu li jagħmlu paragun bejn il-valur normali medju kkalkolat u l-medju kkalkolat tal-prezzijiet tat‑tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni (iktar ’il quddiem l‑“ewwel metodu simetriku”) ( 13 ).

    14.

    Madankollu, fl-istadju tal-paragun, irriżulta li l-produttur Indjan ma pproduċiex u ma kienx ibigħ it-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat li kienu esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi ( 14 ).

    15.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet wettqu l-paragun bejn il‑prezzijiet tal-esportazzjoni u l-valur normali unikament fir-rigward tat-tipi tal-prodott ikkonċernat li kienu esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi, li tip korrispondenti għalihom kien prodott u mibjugħ mill‑produttur Indjan. It-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati mat‑tipi tal-prodott ikkonċernat li ma kienx hemm bejgħ domestiku korrispondenti għalihom mill‑produttur Indjan ġew esklużi mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ( 15 ). Madankollu, l-ammont tad-dumping hekk stabbilit ġie sussegwentement iġġeneralizzat għat-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat ( 16 ).

    16.

    L-istituzzjonijiet ikkunsidraw dan il-metodu bħala dak l-iktar affidabbli sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ dumping, peress li “tentattiv biex jitqabblu t-tipi l-oħra kollha esportati mat-tipi li jixbhu mill-qrib tal‑produttur Indjan kien iwassal għal konklużjonijiet mhux preċiżi” ( 17 ). Huma kkunsidraw ukoll li t-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni użati għall-kalkolu tad-dumping kienu jirrappreżentaw it-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi ( 18 ).

    17.

    Bħala konklużjoni, ir-Regolament ikkontestat naqqas id-dazju antidumping, stabbilit bir-Regolament Nru 91/2009, għal 38.3 % għal Changshu City Standard Parts Factory u żamm id-dazju stabbilit għal Ningbro Jinding Fastener għal 64.3 % ( 19 ).

    18.

    Fit-12 ta’ Frar 2016, id-DSB adotta r-rapport tal-Bord tal-Appell kif ukoll ir-rapport tal-grupp speċjali kif immodifikat bir-rapport tal-Bord tal‑Appell fil-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri anti-dumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina – Riferiment taċ-Ċina għall-Artikolu 21.5 tal-Memorandum tal-ftehim dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim” ( 20 ). F’dawn ir-rapporti, kien ikkonstatat li, permezz tar-Regolament ikkontestat, l-Unjoni tkompli tikser ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tad-WTO. Dawn ir-rapporti jikkontestaw, b’mod partikolari, il-partijiet tar-Regolament ikkontestat dwar it-talbiet għal aġġustament ifformulati minn uħud mill-partijiet ikkonċernati, kif ukoll l-esklużjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw tipi tal-prodott ikkonċernat esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ebda tip korrispondenti għalihom ma kien prodott u mibjugħ minn dan il-produttur Indjan.

    19.

    Fis-26 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2016/278 ( 21 ). F’dan ir-regolament, adottat skont ir-Regolament 2015/476 ( 22 ), il-Kummissjoni, wara r‑rapporti tad-DSB iċċitati fil-punt preċedenti, iddeċidiet li tħassar id‑dazji antidumping stabbiliti bir-Regolament Nru 91/2009 u emendati permezz tar-Regolament ikkontestat.

    III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    20.

    B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2012, kull wieħed mir-rikorrenti ppreżenta rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ikkontestat. Insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti invokaw żewġ motivi.

    21.

    L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 2(7)(a), (8), (9) u (11) kif ukoll tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti kkritikaw lill-istituzzjonijiet li eskludew, għall-finijiet tal-kalkolu tal‑marġni ta’ dumping, it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw tipi tal-prodott ikkonċernat esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li għalihom ebda tip korrispondenti ma kien prodott jew mibjugħ mill-produttur Indjan inkwistjoni.

    22.

    It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10) tar‑Regolament bażiku u tal-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE. Dan jirrigwarda ċ-ċaħda tat‑talbiet għal aġġustament li r-rikorrenti kienu ressqu.

    23.

    Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ motivi tar-rikorrenti u r-rikorsi fl-intier tagħhom.

    IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

    24.

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tilqa’ t-talbiet imressqa minnhom fil-kuntest tar-rikors li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali u tannulla r-Regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċerna lilhom, u

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnhom fil‑kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja u tikkundanna lill-intervenjenti għall‑ispejjeż tagħhom.

    25.

    Il-Kunsill jitlob li l-appelli jiġu miċħuda u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati mal-appelli u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    26.

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli bħala inammissibbli. Sussidjarjament, hija titlob li tiċħad l-appelli bħala infondati u li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    27.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2015, il-Kawżi C‑376/15 P u C‑377/15 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas‑sentenza.

    V – Analiżi

    28.

    Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti jqajmu żewġ aggravji. Qabel ma jiġu analizzati dawn l-aggravji, għandhom madankollu jiġu indirizzati żewġ kwistjonijiet ta’ natura preliminari: l-eventwali eżistenza ta’ lis alibi pendens u l-invokabbiltà, f’dan il-każ, tal-ftehim antidumping u tad-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tad-DSB.

    A – Fuq l-eċċezzjoni ta ’ lis alibi pendens

    29.

    Il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens. Hija targumenta li l-appelli fiż-żewġ kawżi magħquda preżenti huma identiċi. Fil-fatt, teżisti identiċità tal-partijiet, tal-atti kkontestati, tas‑sentenza appellata, kif ukoll tal-aggravji u tal-argumenti mressqa mill-partijiet fl-appelli tagħhom.

    30.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors ippreżentat sussegwentment għal ieħor, bejn l-istess partijiet, ibbażat fuq l-istess motivi u li huwa intiż għall-annullament tal-istess att ġuridiku, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba raġuni ta’ lis alibi pendens ( 23 ).

    31.

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appelli ppreżentati konġuntament miż-żewġ appellanti fiż-żewġ kawżi preżenti huma eżattament bejn l-istess partijiet. Barra minn hekk, l-għan tagħhom huwa identiku, billi ż-żewġ appelli huma intiżi għall-annullament tas‑sentenza appellata. Fl-aħħar nett, iż-żewġ appelli huma identiċi u jqajmu eżattament l-istess aggravji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ġie ppreżentat sussegwentement, l-appell dwar il-Kawża C‑377/15 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba l-eżistenza ta’ lis alibi pendens.

    B – Fuq l-invokabbiltà tal-ftehim antidumping u tad-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tad-DSB

    32.

    Fl-argumenti tagħhom il-partijiet jibbażaw fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim antidumping u fuq diversi deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tad-DSB. Fis-sentenza appellata, sabiex tiġi evalwata l-legalità tar-Regolament ikkontestat, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, minn naħa, għall-Artikoli 2.4 u 2.4.2 tal-ftehim antidumping kif ukoll, min-naħa l-oħra, sabiex tiskarta r‑rilevanza tiegħu, għal rapport tal-Bord tal-Appell tad-WTO ( 24 ). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fi Frar 2016, wara li ngħatat is-sentenza appellata, id-DSB adotta żewġ rapporti li l-konklużjonijiet tagħhom irrigwardaw direttament ir-Regolament ikkontestat. Dawn ir-rapporti kienu s-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    33.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk u sa fejn il-ftehim antidumping u d-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tad-DSB li għalihom il-partijiet għamlu riferiment sinjifikattiv jistgħux jiġu invokati f’din il-kawża.

    34.

    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-ftehim antidumping, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-Ftehimiet WTO, bħala prinċipju, ma jinsabux fost in-normi li fir-rigward tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni. Madankollu, f’żewġ sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, eċċezzjonalment, li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha, skont il-każ, tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni u tal-atti adottati għall‑applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Ftehimiet WTO ( 25 ). Dan huwa l‑każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari fil‑kuntest ta’ dawn il-ftehimiet (eċċezzjoni msejħa “Nakajima”) ( 26 ) u fil‑każ fejn l-att tal-Unjoni inkwistjoni jagħmel espressament riferiment għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-imsemmija ftehimiet (eċċezzjoni msejħa “Fediol”) ( 27 ).

    35.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex, f’każ partikolari, is-sistema antidumping tad-WTO tista’ tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal‑konformità tagħhom mar-regoli tal-Ftehimiet WTO, għandu jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-leġiżlatur wera r-rieda li jimplementa, fid-dritt tal-Unjoni, obbligu partikolari li jirriżulta mill-kuntest tal‑Ftehimiet WTO. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li jkun jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni li din hija intiża sabiex timplementa fid-dritt tal-Unjoni obbligu partikolari li jirriżulta mill-Ftehimiet WTO ( 28 ).

    36.

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li, permezz tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi l-obbligi partikolari inklużi fl-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping ( 29 ).Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil‑punt 34 tas-sentenza appellata, li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    37.

    Fir-rigward tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, jirriżulta b’mod ċar miċ-ċirkustanza li din id-dispożizzjoni tuża, fl-ewwel sentenza tagħha, eżattament l-istess termini bħal dawk użati fl-Artikolu 2.4 tal‑ftehim antidumping li, tal-inqas għal dak li jirrigwarda l-obbligu li jsir “paragun xieraq” bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali previst fl-ewwel sentenza tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, permezz tal-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament bażiku, jeżegwixxi l‑obbligi partikolari inklużi fil-ftehim antidumping ( 30 ). Isegwi li, anki fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni, billi tagħti lill‑kunċett ta’ “paragun xieraq” is-sens li dan għandu fid-dritt tad‑WTO ( 31 ).

    38.

    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tad-DSB, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑possibbiltà, għal operatur ekonomiku, li jinvoka quddiem il-qorti tal-Unjoni li att tagħha huwa inkompatibbli ma’ deċiżjoni tad-DSB ma tistax tkun ammessa. B’hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-inqas minbarra l-każijiet fejn, wara dawn id-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet, l-Unjoni xtaqet tassumi obbligu partikolari, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tad-WTO ma tistax, bħal fil-każ tar-regoli sostantivi inklużi fil-Ftehimiet WTO, tiġi invokata quddiem il-qorti tal-Unjoni għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk att tagħha huwiex inkompatibbli ma’ din ir-rakkomandazzjoni jew ma’ din id-deċiżjoni ( 32 ).

    39.

    Madankollu, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni dwar it-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’konformità mal‑imsemmija ftehimiet. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rreferiet għar-rapporti ta’ grupp speċjali jew tal-Bord tal-Appell tad-WTO insostenn tal‑interpretazzjoni tagħha ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet WTO ( 33 ).

    40.

    F’dan il-każ, fir-rigward tar-rapporti tat-28 ta’ Lulju 2011 – imsemmija fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet – adottati mid-DSB fil‑każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina”, mill-qari tar‑Regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet adottaw dan ir-regolament ( 34 )“sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet ta’ [dawn] ir-rapporti għal dak li jirrigwarda r-Regolament [Nru 91/2009]” u bil-għan li “jikkoreġu l-aspetti tar-Regolament [Nru 91/2009] li ġew iddikjarati inkoerenti mid-DSB f’[dawn] ir-rapport[i]” ( 35 ).

    41.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tar-riferimenti espliċiti għall‑imsemmija rapporti u tal-volontà manifesta li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fir-Regolament ikkontestat, il-konklużjonijiet li jinsabu f’dawn ir-rapporti, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ partikolari, billi ppromulgaw l-imsemmi regolament, l-istituzzjonijiet xtaqu jeżegwixxu, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-konklużjonijiet li jinsabu fl-imsemmija rapporti. Isegwi li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa, sa fejn dan jirriżulta neċessarju, il-legalità tar‑Regolament ikkontestat fir-rigward ta’ dawn ir-rapporti.

    42.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rapporti tad-DSB adottati fit‑12 ta’ Frar 2016 abbażi tal-Artikolu 21(5) tal-Memorandum tal‑ftehim dwar ir-regoli u proċeduri li jirregolaw ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim, imsemmija fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li dawn huma sussegwenti għall-adozzjoni kemm tar‑Regolament ikkontestat kif ukoll tas-sentenza appellata ( 36 ). Barra minn hekk, kif irrilevajt fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il‑Kummissjoni, abbażi tar-Regolament 2015/476, adottat ir‑Regolament 2016/278 li fih hija kkunsidrat xieraq, wara konstatazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija rapporti, li tħassar il-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament ikkontestat ( 37 ). Issa, mill-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/278 jirriżulta li t-tħassir ta’ dawn il-miżuri beda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u ma jistax iservi bħala bażi għar-rimbors tad-dazji miġbura qabel dik id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta li, billi eskludiet ir-rimbors tad-dazji mħallsa skont ir‑Regolament ikkontestat, l-Unjoni ma xtaqitx teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO ( 38 ). Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, il-legalità tar-Regolament ikkontestat u, wisq inqas, dik tas-sentenza appellata, ma jistgħux jiġu evalwati fir-rigward tal-imsemmija rapporti tad-DSB.

    43.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rapporti l-oħra tad-DSB invokati mill-partijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-istituzzjonijiet ma xtaqux jassumu obbligu partikolari għal dak li jirrigwarda r-Regolament ikkontestat wara dawn ir-rapporti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal‑ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn ir-rapporti jistgħu l-iktar jikkostitwixxu elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tuża sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-ftehim antidumping inkwistjoni.

    C – Fuq l-ewwel aggravju, dwar l-esklużjoni mill-kalkolu tal-marġni ta ’ dumping ta ’ ċerti tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni li jikkonċernaw il-prodott ikkonċernat

    44.

    L-ewwel aggravju jirrigwarda r-raġunament li jinsab fil-punti 29 sa 90 tas-sentenza appellata. Dan huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10) u (11) tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-Artikoli 2.4 u 2.4.2 tal‑ftehim antidumping. F’dan l-aggravju, l-appellanti jilmentaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma kkritikatx lill-istituzzjonijiet talli ddeterminaw il-marġni ta’ dumping billi eskludew mill-paragun mal-valur normali ċerti tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni, jiġifieri dawk li jirrigwardaw it-tipi tal-prodott ikkonċernat li ma kellhomx prodott korrispondenti mingħand il-produttur Indjan.

    1. Is-sentenza appellata

    45.

    Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l‑Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, moqri fid-dawl tal‑Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping, jeħtieġ li, meta l‑istituzzjonijiet jiddeterminaw il-marġni ta’ dumping, huma jipparagunaw mal-valur normali unikament it-tranżazzjonijiet li huma paragunabbli miegħu. Skont ir-riferiment magħmul fl-imsemmija regoli għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-paragun xieraq, l-istituzzjonijiet huma obbligati “sa fejn possibbli” li jirrendu t-tranżazzjonijiet paragunabbli billi jagħmlu aġġustamenti. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jeħtiġux li l-paragun ikun “l-iktar xieraq” possibbli, iżda biss li jkun “xieraq” ( 39 ).

    46.

    F’dan il-każ, skont il-Qorti Ġenerali, it-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat setgħu jiġu assimilati mal-prodott “simili” u setgħu għalhekk jitqiesu bħala paragunabbli. Madankollu, dan ma kienx biss il-każ għall‑prezzijiet ta’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-prezzijiet tal-prodotti esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma kinux prodotti mill-produttur Indjan. L-assenza ta’ prezz ta’ bejgħ fl-Indja għal dawn it-tipi tal-prodott ikkonċernat, minkejja li huma simili, kienet għalhekk ipprekludiet it-twettiq tal-paragun għal dawn it-tipi għall-finijiet tal‑kalkolu tal-marġni ta’ dumping ( 40 ).

    47.

    Il-Qorti Ġenerali sussegwentement eżaminat il-metodi differenti, previsti mir-Regolament bażiku, li eventwalment kienu ppermettew lill-istituzzjonijiet jiksbu l-valur normali għat-tipi tal-prodott ikkonċernat li ma kellhomx prodott korrispondenti mingħand il-produttur Indjan. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, anki jekk kellhom jitqiesu bħala li setgħu jitwettqu, dawn il-metodi ma kinux jiżguraw paragun iktar xieraq minn dak imwettaq mill-istituzzjonijiet ( 41 ). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l‑argumenti mressqa mill-appellanti fir-rigward tan-natura rappreżentattiva tal-marġni ta’ dumping ikkalkolati fir-rigward tat-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat esportati ( 42 ). Wara din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill ma kienx wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskluda mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping it‑tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati mat-tipi tal-prodott ikkonċernat li għalihom il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-produttur fil-pajjiż analogu ma kinux disponibbli.

    2. Sunt qasir tal-argumenti tal-partijiet

    48.

    Fl-ewwel lok l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku u tal‑Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bħala li jeħtieġu li l-bejgħ tal-esportazzjoni kollu tal-prodott ikkonċernat, kif iddefinit waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni, għandu jkun inkluż fil-paragun għall-finijiet tal‑kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Fil-fatt, dan il-marġni għandu jirrigwarda l-prodott kollu fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, l-istatus ta’ pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq ma jippermettix li ssir deroga mir-regoli li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping.

    49.

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali amalgamat l-obbligi li jirrigwardaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ma’ dawk li jirrigwardaw il-paragun xieraq. L-ewwel nett, billi eżaminat jekk is-soluzzjonijiet differenti li jippermettu paragun tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni kollha humiex “xierqa” jew le, il-Qorti Ġenerali naqset l-obbligi li jirrigwardaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping għal dawk li jirrigwardaw il-paragun xieraq. It-tieni nett, il-konformità tal-kalkolu tal‑marġni ta’ dumping fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku ma għandhiex tiġi evalwata abbażi tal-kunċett ta’ “prezz paragunabbli” ( 43 ), iżda fuq dak ta’ “tranżazzjonijiet paragunabbli”. L-appellanti jikkontestaw ukoll l-espressjoni “sa fejn possibbli” użata mill‑Qorti Ġenerali ( 44 ).

    50.

    Fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata. Fil-fehma tagħhom, għandu jiġi stabbilit mhux li approċċ huwa iktar xieraq mill-ieħor, iżda li l-approċċ użat huwa konformi mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku u mal‑Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping. Huma l-istituzzjonijiet, u mhux il-partijiet ikkonċernati, li għandhom jiżguraw l-osservanza ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet. Il-kunċett ta’ “rappreżentattività” ma huwiex rilevanti, peress li ma jissemmix la fir-Regolament bażiku u lanqas fil‑ftehim antidumping. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti wrew in-natura mhux rappreżentattiva, għal dak li jirrigwarda tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni użati mill-istituzzjonijiet.

    51.

    L-istituzzjonijiet jikkontestaw l-aggravji tal-appellanti. Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli, peress li l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti u ma jidentifikawx żball ta’ liġi, u huwa wkoll ineffettiv. Sussegwentement, skont il‑Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping proposta mill‑appellanti tikkostitwixxi distorsjoni tal-ispirtu u tal-kontenut tal‑Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping, li huwa “miżjud” bil‑prinċipju tal-“paragun xieraq”, prinċipju li jipprevali. Il-Kunsill jikkunsidra li l-formulazzjoni tar-Regolament bażiku u dik tal-ftehim antidumping jindikaw b’mod ċar li r-rekwiżit ta’ paragun xieraq għandu jipprevali fuq l-obbligu li jiġi kkalkolat il-marġni ta’ dumping abbażi tat‑tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni kollha. Skont l-istituzzjonijiet, il-ġurisprudenza u r-rapporti tal-Bord tal-Appell tad‑DSB invokati mill-appellanti ma humiex rilevanti għaliex dawn jikkonċernaw il-kwistjoni tat-tnaqqis sa żero li hija ferm differenti minn dik inkwistjoni fil-kawżi preżenti. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping magħmula mill-Bord tal‑Appell tad-DSB turi li t-terminu “paragunabbli” għandu importanza kbira sabiex jiġi żgurat “paragun xieraq”. Barra minn hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ rappreżentattività huwa rilevanti.

    3. Evalwazzjoni

    52.

    Dan l-aggravju jikkonċerna l-portata tal-obbligi li għandhom l‑istituzzjonijiet meta jiddeterminaw l-eżistenza tal-marġni ta’ dumping skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

    53.

    L-ilmenti mressqa mill-appellanti jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija fis-sentenza appellata – imfakkra fil‑punti 45 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet – li abbażi tagħha l-Qorti Ġenerali ġġustifikat, f’dan il-każ, l-esklużjoni tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati ma’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

    54.

    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ewwel aggravju la huwa inammissibbli fl-intier tiegħu, u lanqas ineffettiv.

    55.

    Fil-fatt, minn naħa, hekk kif fl-opinjoni tiegħi jirriżulta b’mod evidenti mis-sunt tal-argumenti tal-appellanti ( 45 ), dawn jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi żbalji ta’ liġi li jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata allegata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku u tal-ftehim antidumping li jirregolaw il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u l-paragun xieraq. Dawn huma kwistjonijiet ta’ liġi ammissibbli fil-kuntest tal-appell.

    56.

    Min-naħa l-oħra, l-aggravju lanqas ma huwa ineffettiv. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tilqa’ dan l-aggravju, kellha tiddeċiedi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolament bażiku u tal-ftehim antidumping mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi li jwassal għall-annullament tagħha.

    57.

    Fir-rigward tal-analiżi tal-mertu tal-ilmenti differenti mressqa mill-appellanti, għandu qabelxejn jitfakkar li, kif ġustament irrilevat il‑Qorti Ġenerali, hija ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod iktar partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw ( 46 ).

    58.

    B’mod iktar preċiż, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l‑applikazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku u, b’mod iktar partikolari, l-għażla bejn metodi differenti ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping, jippreżumu l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi ( 47 ).

    59.

    Issa, minkejja li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali fl‑implementazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, din is‑setgħa għandha madankollu tiġi eżerċitata b’mod kompatibbli mal‑qafas regolamentari stabbilit mill-istess regolament. Minn dan il‑qafas regolamentari jirriżultaw żewġ rekwiżiti partikolari li jidhirli li huma rilevanti f’dan il-kuntest.

    60.

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-qafas regolamentari antidumping jirrigwarda dumping ta’ prodott. Id-definizzjoni nnifisha ta’ dumping li tinsab fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku tirreferi għal “dumping ta’ prodott” ( 48 ).

    61.

    Għalhekk ma huwiex inċidentalment li, fil-kuntest tal‑investigazzjonijiet tagħhom fil-qasam ta’ antidumping, wieħed mill‑ewwel passi mwettqa mill-istituzzjonijiet huwa li jiġi ddefinit il-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni. Din id-definizzjoni hija intiża sabiex tiddetermina l-lista ta’ prodotti li l-importazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni huma s-suġġett tal-investigazzjoni antidumping u li, jekk ikun il-każ, wara din, ikunu s-suġġett tal-impożizzjoni tad-dazji antidumping ( 49 ). Huwa wkoll abbażi ta’ din id-definizzjoni li sussegwentement ġie identifikat il-“prodott simili”, skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    62.

    Madankollu, ladarba l-istituzzjonijiet ikunu ddefinixxew il-prodott ikkonċernat, huma għandhom l-obbligu li jitrattaw dan il-prodott b’mod koerenti matul l-investigazzjoni kollha, b’konformità ma’ din id-definizzjoni ( 50 ).

    63.

    B’mod partikolari jirriżulta li meta l-istituzzjonijiet jiddeterminaw l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping, huma għandhom jistabbilixxuha fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, kif iddefinit fil-kuntest tal-investigazzjoni, u b’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ dan il‑prodott fit-totalità tiegħu ( 51 ). Qabelxejn, ma jistgħux jiddefinixxu l‑prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni b’ċertu mod u, sussegwentement, jikkalkolaw il-marġni ta’ dumping b’mod li ma huwiex kompletament koerenti ma’ dik id-definizzjoni.

    64.

    Dan ma jfissirx li huwa pprojbit lill-istituzzjonijiet, fil-każ fejn iqisu xieraq għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, li jaqsmu l-prodott ikkonċernat f’tipi jew f’mudelli u li jwettqu paraguni multipli. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ trattament koerenti tal-prodott matul l-investigazzjoni jimplika li huwa neċessarju li r-riżultati ta’ dawn il-paraguni kollha jiġu sussegwentement meħuda inkunsiderazzjoni u li l-marġni ta’ dumping jiġi stabbilit għall-prodott ikkunsidrat fit-totalità tiegħu ( 52 ).

    65.

    Fit-tieni lok, mit-termini stess tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku jirriżulta li d-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping hija suġġetta għar-rekwiżit li dawn il-marġni jirriflettu l-grad sħiħ ta’ dumping ipprattikat ( 53 ).

    66.

    B’hekk, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, huma l-istituzzjonijiet li għandhom japplikaw il-metodi ta’ kalkolu tal‑marġni ta’ dumping b’mod li jiġi żgurat li dawn il-marġni, hekk kif iddeterminati, jirriflettu l-grad sħiħ tad-dumping ipprattikat ( 54 ).

    67.

    Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku bħal dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li tippermetti lill-istituzzjonijiet jeskludu mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati ma’ ċerti tipi tal‑prodott ikkonċernat kif iddefinit fil-kuntest tal-investigazzjoni, filwaqt li madankollu tippermettilhom japplikaw il-marġni ta’ dumping hekk ikkalkolat għat-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat, tista’, fl‑opinjoni tiegħi, tikser iż-żewġ rekwiżiti msemmija fil-punti 62 u 63 kif ukoll 65 u 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    68.

    Fil-fatt, minn naħa, għalkemm ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat ma humiex ikkunsidrati fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, dawn il-marġni jiġu kkalkolati biss fir-rigward ta’ parti mill-prodott ikkonċernat u mhux fir-rigward ta’ dan il-prodott fit-totalità tiegħu, kif iddefinit fil-kuntest tal‑investigazzjoni.

    69.

    Min-naħa l-oħra, billi jeskludu mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping it‑tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni li jirrigwardaw ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jieħdu inkunsiderazzjoni u lanqas ikejlu l-effett li dawn it-tranżazzjonijiet għandhom fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping globali. Isegwi li, b’dan il-mod, dawn il-marġni jistgħu ma jirriflettux il-grad sħiħ tad-dumping ipprattikat.

    70.

    Il-konklużjoni li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jeskludu mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati ma’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat hija barra minn hekk ikkonfermata, l-ewwel nett, fil‑formulazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, it-tieni nett, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u t-tielet nett, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping magħmula fil-livell tad-WTO.

    71.

    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar‑Regolament bażiku tipprovdi b’mod espliċitu li, fil-kuntest tal‑ewwel metodu simetriku, l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping hija stabbilita abbażi ta’ paragun ta’ valur normali medju kkalkolat mal-medja kkalkolata tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet kollha lejn l‑Unjoni. Tali formulazzjoni tħalli ftit spazju għall-possibbiltà li jiġu esklużi mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati ma’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat.

    72.

    It-tieni nett, fis-sentenza Ikea Wholesale ( 55 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat lill-Kunsill talli “ma kkalkolax il-marġni ta’ dumping globali billi bbaża ruħu fuq paraguni li jirriflettu kompletament il‑prezzijiet kollha ta’ l-esportazzjoni paragunabbli” ( 56 ).

    73.

    It-tielet nett, il-Bord tal-Appell tad-DSB, fl-interpretazzjoni tal‑Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping, iddikjara b’mod espliċitu li l‑eżistenza ta’ marġni ta’ dumping relatat mal-prodott ikkonċernat għandha tiġi stabbilita “abbażi ta’ paragun bejn il-valur normali medju kkalkolat u l-medja kkalkolata tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet tal‑esportazzjoni paragunabbli kollha – jiġifieri t-tranżazzjonijiet kollha li jirrigwardaw il-mudelli jew tipi tal-prodott previst mill‑investigazzjoni” ( 57 ).

    74.

    Dawn ir-riferimenti kemm għall-formulazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku kif ukoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja u għad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tad-DSB, f’każijiet li kienu jirrigwardaw il-legalità tal-metodu msejjaħ “tat-tnaqqis għal żero” ( 58 ) jeħtieġu preċiżjoni doppja.

    75.

    L-ewwel preċiżjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni magħmula mill‑Qorti Ġenerali tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, il‑Qorti Ġenerali interpretat din id-dispożizzjoni fid-dawl tal‑Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping u fir-rigward tal-obbligu li jsir “paragun xieraq” previst fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u fl‑Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping.

    76.

    Skont il-Qorti Ġenerali, minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta essenzjalment li l-istituzzjonijiet għandhom jipparagunaw mal-valur normali mhux il-prezz tat-tranżazzjonijiet tal‑esportazzjoni kollha relatati mal-prodott ikkonċernat, iżda biss “it-tranżazzjonijiet li huma paragunabbli miegħu” ( 59 ) kollha. F’dan il‑każ, it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati mat-tipi tal-prodott ikkonċernat li għalihom, mingħand il-produttur Indjan, ma kienx jeżisti prodott korrispondenti u għalhekk prezz (ta’ bejgħ) paragunabbli ma kinux, skont il-Qorti Ġenerali, tranżazzjonijiet paragunabbli. Fl-assenza ta’ metodu li kien jiżgura paragun iktar xieraq minn dak magħmul mill-istituzzjonijiet, kien ikun għalhekk leġittimu li dawn it-tranżazzjonijiet jiġu esklużi mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

    77.

    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għall‑finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping – li fid-dawl tiegħu l-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 2(11) tar‑Regolament bażiku – għandhom jiġu kkunsidrati bħala “tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni paragunabbli” t-tranżazzjonijiet kollha li jirrigwardaw kull wieħed mit-tipi tal-prodott ikkonċernat ( 60 ). Fil-fatt, għalkemm it‑tipi kollha tal-prodott ikkonċernat, kif iddefinit matul l‑investigazzjoni, jistgħu jiġu asismilati mal-prodott simili, għalhekk ir-rekwiżit ta’ trattament koerenti tal-prodott ikkonċernat (u tal-prodott simili), imsemmi fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jimponi li t-tipi kollha jkunu neċessarjament ikkunsidrati bħala paragunabbli u li, għalhekk, it-tranżazzjonijiet kollha li jikkonċernawhom huma paragunabbli, u dan minkejja l-assenza ta’ informazzjoni fir-rigward tal‑prezzijiet ta’ wħud minn dawn it-tranżazzjonijiet.

    78.

    Fil-każ fejn l-istituzzjonijiet ma jkollhomx informazzjoni li tikkonċerna l-prezzijiet (kemm jekk fil-pajjiż esportatur jew, jekk ikun il-każ, fil-pajjiż analogu) fir-rigward ta’ ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat, huma jkollhom żewġ għażliet: jew inaqsu l-portata tad-definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat, billi jiġu esklużi mill-investigazzjoni t-tipi ta’ prodott li għalihom ma hemmx prezz paragunabbli ( 61 ); jew li jfasslu l-valur normali għal dawn it-tipi tal-prodott ikkonċernat, b’mod li jkunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll it‑tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni li jikkonċernawhom fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping.

    79.

    It-tieni nett, huwa minnu li, skont ir-riferiment għall‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku li jinsab fl-Artikolu 2(11) tal-istess regolament ( 62 ), l-obbligu li jsir paragun xieraq ikopri wkoll id‑determinazzjoni tal-eżistenza tal-marġni ta’ dumping. Madankollu, minn naħa, dan bl-ebda mod ma jimplika li dan l-obbligu jista’ jiġi interpretat fis-sens li jillimita l-portata tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat jew l-obbligu li jiġu kkunsidrati, fid-determinazzjoni tal‑marġni ta’ dumping, l-esportazzjonijiet kollha ta’ dan il-prodott lejn l-Unjoni ( 63 ). Min-naħa l-oħra, xejn fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ma jippermetti li tiġi dedottta l-eżistenza tal-kunċett ta’ “paragun iktar xieraq” li fuqu l-Qorti Ġenerali tibbaża l-parti l-kbira tar-raġunament tagħha. ( 64 ).

    80.

    It-tieni preċiżjoni tirrigwarda l-esklużjoni espliċita min-naħa tal‑Qorti Ġenerali tar-rilevanza f’dan il-każ tal-każijiet li jirrigwardaw il-metodu ta’ tnaqqis għal żero ( 65 ).

    81.

    B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rilevanza tal‑kawża Ikea Wholesale, li fiha l-istituzzjonijiet kienu applikaw tali metodu, billi kkunsidrat li “f’dan il-każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-marġni ta’ dumping ma kienx ikkalkolat abbażi ta’ rappreżentazzjoni sinjifikattiva tat-tipi tal-prodott ikkonċernat, u b’hekk ma jirriflettix il-prezzijiet tal-esportazzjoni paragunabbli kollha” ( 66 ). Imbagħad il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, bid-differenza tal-każijiet ta’ użu tal-metodu tat-tnaqqis għal żero – li fihom, waqt il-paragun għall‑finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, il-kategorija kollha tat-tipi tal-prodott ikkonċernat li għalihom kien ġie kkonstatat marġni ta’ dumping negattiv kienet ġiet injorata –, f’dan il-każ, ma kienx possibbli li jiġi kkunsidrat li l-approċċ tal-istituzzjonijiet kellu l-effett li jwessa’ r-riżultat tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping ( 67 ).

    82.

    F’dan il-każ, ma nemminx li huwa possibbli li tiġi eskluża b’mod assolut ir-rilevanza tal-ġurisprudenza u tad-deċiżjonijiet tad‑DSB dwar l-applikazzjoni tal-metodu tat-tnaqqis għal żero, kif għamlet il‑Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-imsemmija każijiet u din il‑kawża għandhom elementi ta’ xebh qawwijin sa fejn dawn kollha ttrattaw in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad‑determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, ta’ parti mit‑tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati mal-prodott ikkonċernat kif iddefinit matul l-investigazzjoni. Fil-kuntest tal-kawżi dwar il‑metodu tat-tnaqqis għal żero, dawn huma tranżazzjonijiet li għalihom il-paragun tal-prezz tagħhom mal-valur normali kien ta lok għal marġni negattiv. F’dan il-każ, dawn huma tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-tipi ta’ prodott li għalihom l-istituzzjonijiet ma kellhomx informazzjoni li kienet tikkonċerna l-prezzijiet ta’ bejgħ. Id-differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ każijiet tinsab ġustament fiċ-ċirkustanza li, f’tal-ewwel, l-effett tat‑tranżazzjonijiet inkwistjoni fuq id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping kien ġie distort, filwaqt li, f’dan il-każ, l-effett ta’ dawn it‑tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni fuq l-imsemmija determinazzjoni kien sempliċement, minħabba l-esklużjoni tagħhom, ġie injorat.

    83.

    Madankollu, jiena ma narax għal liema raġuni tali differenza għandu jkollha l-konsegwenza li l-prinċipji espressi f’dawn id‑deċiżjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping – u, b’mod speċifiku, ir-rekwiżit li f’din id-determinazzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni l-esportazzjonijiet kollha relatati mal-prodott ikkonċernat – għandhom jiġu injorati u ma jkunux għalhekk applikabbli f’dan il-każ.

    84.

    Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq ir‑rappreżentattività tal-marġni ta’ dumping, kif ikkalkolati, fid-dawl tat‑tipi kollha tal-prodott ikkonċernat ( 68 ), għandu jiġi rrilevat li, anki jekk dawn il-marġni kienu rappreżentattivi tal-ħames tipi ta’ prodott l-iktar mibjugħa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 81 tas-sentenza appellata, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li l-istituzzjonijiet, billi eskludew ċerti tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni mill-kalkolu tal‑imsemmija marġni, naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-prodott ikkonċernat fit-totalità tiegħu u milli jikkalkolaw l-imsemmija marġni billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni ta’ dan il-prodott, skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku ( 69 ).

    85.

    Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li, f’dan il-każ, 38 % u 43 % mill-bejgħ taż-żewġ appellanti rispettivament ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, b’tali mod li, minn naħa, ir-rappreżentattività ta’ dawn il-marġni sa fejn tirrigwardahom tista’ titqies dubjuża u, min-naħa l-oħra, huwa possibbli li jiġi mistoqsi jekk ir-rekwiżit, imsemmi fil-punti 65 u 66 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, li l-marġni ta’ dumping jirrifletti l-grad sħiħ tad-dumping ipprattikat, kien tal-inqas, sa fejn jirrigwarda l‑appellanti, osservat ( 70 ).

    86.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-osservazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil‑punt 89 tas-sentenza appellata, li l-użu tal-metodu tal-pajjiż analogu jista’ jagħti lok għal diffikultajiet addizzjonali, nosserva li xejn fl‑Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, u lanqas fl-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni ( 71 ), ma jiġġustifika li tiġi interpretata fis-sens li tillimita l-obbligu, previst fl-Artikolu 2(11) tal-istess regolament, li fid‑determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping jiġu kkunsidrati l‑esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat, kif iddefinit matul l-investigazzjoni.

    87.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha u għar‑raġunijiet esposti, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskluda mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni li jirrigwardaw ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat u li, għalhekk, ir-Regolament ikkontestat ma jiksirx la l-Artikolu 2(11) tar‑Regolament bażiku u lanqas l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju.

    D – Fuq it-tieni aggravju, dwar ir-rifjut li jsiru ċerti aġġustamenti

    88.

    It-tieni aggravju, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, jirrigwarda r‑raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 96 sa 126 tas-sentenza appellata. Dan huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tal-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tal-Artikolu 296 TFUE.

    1. Fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping, fir-rigward taċ-ċaħda tat-talbiet għal aġġustamenti

    89.

    L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma kkonkludietx li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping sa fejn dawn ċaħdu t‑talbiet tagħhom għal aġġustamenti fir-rigward, minn naħa, tad‑differenzi eżistenti bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom u dawk tal-produttur Indjan ( 72 ), u min-naħa l-oħra, differenzi ta’ effiċjenza ta’ konsum u ta’ produttività ( 73 ).

    a) Is-sentenza appellata

    90.

    L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal aġġustamenti fir-rigward tad-differenzi allegati bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni, l‑appellanti, quddiem il-Qorti Ġenerali sostnew li wrew, permezz ta’ analiżi tal-informazzjoni li tirrigwarda l-produttur Indjan, li dan stabbilixxa b’mod sistematiku l-prezzijiet tiegħu b’mod li jiżguralu li jirkupra kompletament l-ispejjeż tiegħu u li, għalhekk id-differenzi kollha tal-ispiża kienu riflessi mid-differenzi fil-prezz. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument, billi rrilevat li l-Indja kienet ikkunsidrata bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq – għażla li ma kinitx ikkontestata mill-appellanti – u li l-istituzzjonijiet setgħu validament jikkunsidraw li peress li jinsab f’kompetizzjoni ma’ diversi produtturi oħra fis-suq intern fl-Indja, il-produttur Indjan ma setax jistabbilixxi liberament il-prezzijiet tiegħu, iżda kellu bilfors iżommhom fil-livell tal-prezzijiet tas-suq Indjan ( 74 ). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li f’dan il-każ, l-appellanti ma wrewx li d-differenzi allegati affettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet ( 75 ).

    91.

    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda r-rifjut tat-talbiet għal aġġustamenti fir-rigward tad-differenzi relatati mal-effiċjenza ta’ konsum u ta’ produttività, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti ma wrewx kif dawn id-differenzi affettwaw il-paragunabbiltà bejn il‑valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, skont il‑Qorti Ġenerali, minn naħa, meta l-istituzzjonijiet jużaw il-metodu tal‑pajjiż analogu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha relatata ma’ dak il-pajjiż, u mhux biss il-prezzijiet u l-ispejjeż, u, min-naħa l-oħra l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ma jistax jintuża sabiex iċaħħad l-effett tal-Artikolu 2(7)(a) tal-istess regolament ( 76 ). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li l-appellanti ma pproduċewx prova tan‑natura żbaljata tat-talba tal-Kunsill li, b’mod ġenerali, il‑proċessi ta’ produzzjoni eżistenti fiċ-Ċina kienu ġew iddikjarati bħala paragunabbli għal dawk tal-produtturi Indjani u li d-differenzi allegati kienu rriżultaw żgħar ħafna. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, peress li l‑appellanti ma jibbenefikawx mill-istatus ta’ kumpannija li topera f’ekonomija tas-suq, l-informazzjoni li tirrigwardahom ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali ( 77 ).

    b) Sunt qasir tal-argumenti tal-partijiet

    92.

    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jargumentaw li ma huwiex ċar kif, quddiem il-provi li huma kienu pproduċew, l-istituzzjonijiet setgħu validament japplikaw il-prinċipju li l-produttur Indjan ma setax jirrifletti l-ispejjeż ogħla li jirriżultaw mill‑fatt li huwa importa materja prima u kien daħal fi proċess ta’ produzzjoni addizzjonali għall-unika raġuni li kien f’kompetizzjoni ma’ numru ta’ produtturi oħra. Barra minn hekk, huma pprovdew lill-Qorti Ġenerali dikjarazzjonijiet li jikkonfermaw l-impatt dirett tal-ispejjeż fuq il-prezzijiet anki fis-suq tal-Unjoni, li wkoll huwa kkaratterizzat mill‑eżistenza tal-kompetizzjoni.

    93.

    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku ma jirriżultax li r-rekwiżit ta’ paragun xieraq jew id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping għandhom ikunu bbażati fuq l-informazzjoni kollha relatata mal-pajjiż analogu. Ma teżisti ebda deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(10) tar‑Regolament bażiku għall-każ tal-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq. Ikun żbaljat li jingħad li l-metodu tal-pajjiż analogu huwa nieqes mill-effett jekk kien aċċettat li jsiru aġġustamenti. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti marbuta mad-differenzi ta’ effiċjenza u ta’ produttività ma huwiex kuntrarju għall-għan tal‑metodu tal-pajjiż analogu, għaliex il-konsum imnaqqas ta’ materja prima u ta’ elettriku u l-effiċjenza tal-ħaddiema ma għandhom ebda rabta la mal‑prezzijiet u mal-ispejjeż ta’ dawn l-elementi, u lanqas mal-forzi tas‑suq.

    94.

    L-istituzzjonijiet jikkontestaw l-argument tal-appellanti.

    c) Evalwazzjoni

    95.

    Iż-żewġ partijiet iqajmu l-kwistjoni tar-relazzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-valur normali fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament, li, fil-kuntest tal-obbligu li jsir paragun xieraq bejn il-valur normali u l‑prezz tal-esportazzjoni, tipprovdi r-rekwiżit, meta dan ikun neċessarju, li jsiru aġġustamenti.

    96.

    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, fil-każijiet fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti ma jkunux jistgħu jiġu pparagunati, f’kull każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-forma ta’ aġġustamenti, differenzi kkonstatati fil-fatturi li jkunu ġew mitluba u jiġi pprovat li dawn jaffettwaw il-prezzijiet u, b’hekk, il‑paragunabbiltà tagħhom.

    97.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk parti titlob, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, aġġustamenti intiżi sabiex jirrendu paragunabbli l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fid-dawl tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, din il-parti għandha tipproduċi l-prova li t-talba tagħha hija ġġustifikata. B’hekk, meta produttur jitlob li jiġi applikat aġġustament, fil-prinċipju ’l isfel, tal‑valur normali, huwa dan l-operatur li għandu jindika u juri li l‑kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali aġġustament huma ssodisfatti ( 78 ).

    98.

    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar ukoll li, skont l‑Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, b’deroga għar-regoli stabbiliti fil-paragrafi (1) sa (6) tal-istess artikolu, il-valur normali huwa, fil-prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

    99.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprevjeni t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż eżistenti fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq sa fejn dawn il‑parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq ( 79 ).

    100.

    Għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li fir-Regolament bażiku xejn ma jindika li l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jipprevedi deroga ġġeneralizzata għar-rekwiżit li jsiru aġġustamenti għat-termini tal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament. Madankollu, fil-każ fejn talbiet għal aġġustament tal-valur normali jiġu ppreżentati skont din l-aħħar dispożizzjoni f’investigazzjoni li fiha l-valur normali huwa ddeterminat skont il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-importazzjonijiet minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, fl-opinjoni tiegħi, huwa neċessarju li l‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jiġi interpretat fid-dawl u fil‑kuntest tal-Artikolu 2(7)(a) tal-istess regolament.

    101.

    B’hekk, f’każ fejn, bħal hawnhekk, l-istituzzjonijiet jiddeterminaw il-valur normali b’applikazzjoni tal-metodu tal-pajjiż analogu, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolamen bażiku, huma għandhom, b’mod ġenerali, jieħdu inkunsiderazzjoni, taħt il-forma ta’ aġġustamenti, differenzi kkonstatati fil-fatturi mitluba u li fihom jidher li dawn jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk, il-paragunabbiltà tagħhom.

    102.

    Madankollu, ir-rekwiżit li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2(7)(a) tal-istess regolament jimplika li, f’tali każ, sabiex din l-aħħar dispożizzjoni ma tkunx nieqsa minn effett utili, ma jistax ikun meħtieġ mill-istituzzjonijiet li jagħmlu aġġustamenti fir-rigward ta’ fatturi li ma humiex direttament jew indirettament ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq.

    103.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li operatur li ma bbenefikax mill-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonjiet ta’ ekonomija tas-suq ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jibbaża ruħu fuq differenzi relatati ma’ fatturi marbuta mal-istruttura tal-ispejjeż tagħha jew tal-attività ta’ produzzjoni tagħha sabiex jitlob aġġustamenti tal-valur normali ( 80 ). Fil-fatt, huwa kważi ċert li kemm l-istruttura tal‑ispejjeż kif ukoll l-attività produttiva ta’ impriża li topera f’kundizzjonijiet li ma humiex dawk ta’ ekonomija tas-suq huma, ftit jew wisq direttament, influwenzati minn parametri li ma humiex ir‑riżultat normali ta’ forzi li jaġixxu fis-suq.

    104.

    F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, it-talbiet għal aġġustamenti fir-rigward tad-differenzi allegati bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa mill-appellanti huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkontestaw il‑konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-elementi differenti pprovduti mill-appellanti matul il-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-analiżi ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-produttur Indjan kif ukoll id-dikjarazzjonijiet differenti li jirrigwardaw is-suq tal-Unjoni. Essenzjalment, dan iwassal sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal‑provi magħmula mill-Qorti Ġenerali, li ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tal-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 81 ).

    105.

    Barra minn hekk, billi jagħmlu riferiment għall-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti fir-realtà ma kkontestawx ir‑raġuni fundamentali li kienet il-bażi taċ-ċaħda tal-ilment tagħhom mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri li, peress li l-produttur Indjan jaġixxi f’suq kompetittiv, il-libertà tiegħu li jistabbilixxi l-prezzijiet tal-prodotti tiegħu kienet limitata mis-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni ( 82 ) u li, b’hekk, ma kienx ikkonfermat li dan il‑produttur seta’ jgħaddi awtomatikament fuq il-prezzijiet tiegħu eventwali spejjeż ta’ produzzjoni li kienu ogħla.

    106.

    Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet magħmula fil‑punti 102 u 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’każ bħal dan, talbiet għal aġġustamenti, imressqa minn impriżi bħall-appellanti, li rrigwardaw differenzi allegati bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom u dawk tal-produttur tal-pajjiż analogu ma jistgħux jiġu aċċettati. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-appellanti ma kkontestawx il‑konklużjoni li tinsab fil-premessa 103 tar-Regolament ikkontestat, li tipprovdi li sa fejn huma ma kinux ibbenefikaw mill-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, “l-istruttura tal-ispiża tagħhom ma [setgħetx] titqies li tirrifletti l-valuri tas-suq li jistgħu jintużaw bħala bażi għal aġġustamenti”.

    107.

    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal aġġustamenti fir‑rigward tad-differenzi relatati mal-effiċjenza ta’ konsum u ta’ produttività, inqis li, anki jekk il-produttività u l‑effiċjenza ta’ konsum ma jikkostitwixxux spejjeż proprji, dawn jiddependu minn diversi fatturi involuti fl-attività produttiva li minnhom jista’ jiġi preżunt b’mod raġonevoli li dawn huma influwenzati, tal‑inqas indirettament, minn parametri li ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq.

    108.

    Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn il-valur normali huwa ddeterminat abbażi tal-metodu tal-pajjiż analogu, impriża li ma bbenefikatx mill‑istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ma tistax tibbaża ruħha fuq differenzi li jirrigwardaw il‑produttività u l-effiċjenza sabiex titlob aġġustamenti tal-valur normali.

    109.

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ċaħdet l-ilment tal-appellanti fir-rigward tar-rifjut tal-istituzzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, l-aġġustamenti inkwistjoni u li, għalhekk, l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

    2. Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju, dwar l-informazzjoni neċessarja sabiex jintalbu aġġustamenti u l-oneru tal-prova mhux raġonevoli

    110.

    Fit-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tal‑Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    111.

    Huma jirreferu għall-punt 112 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment tagħhom ibbażat fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet kisru l-obbligi tagħhom li jindikaw liema informazzjoni kienet neċessarja sabiex ikunu jistgħu jintalbu aġġustamenti u li ma jiġix impost fuqhom oneru tal-prova mhux raġonevoli.

    112.

    L-appellanti jsostnu li l-fatt, enfasizzat mill-Qorti Ġenerali, li huma setgħu jifhmu r-raġunijiet ta’ ċaħda tat-talbiet għal aġġustamenti tagħhom ma għandux effett fuq il-kwistjoni dwar jekk ġiex impost fuqhom oneru tal-prova mhux raġonevoli. Barra minn hekk, minn naħa, l‑istituzzjonijiet kellhom jikkunsidraw l‑informazzjoni kollha relatata mal-informazzjoni tal-produttur tal-pajjiżi analogu bħala kunfidenzjali u, min-naħa l-oħra, huma kellhom jeżiġu mill-appellanti li juru li l-produttur Indjan kien ħa inkunsiderazzjoni differenzi allegati fil-prezzijiet tiegħu. Issa, mingħajr aċċess għall-informazzjoni tal-produttur Indjan, huwa impossibbli li tali oneru tal-prova jiġi ssodisfatt.

    113.

    Din il-parti tqajjem il-problema ta’ konċiljament ta’ żewġ rekwiżiti li, f’ċerti ċirkustanzi, jistgħu jippreżentaw ruħhom bħala opposti. Minn naħa, hemm ir-rekwiżit tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni tal-impriżi li jaċċettaw li jikkooperaw mal-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-investigazzjonijiet antidumping. Tali rekwiżit jidher partikolarment importanti fil-każijiet ta’ applikazzjoni tal-metodu tal-pajjiż analogu li fihom l-istituzzjonijiet ġeneralment jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni pprovduta minn impriżi tal-pajjiż analogu li jipprovdu l-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-investigazzjoni. Fil-fatt, nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit jirriskja li jikkomprometti b’mod serju l-possibbiltà li jsiru dawn l‑investigazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, tali rekwiżit huwa kunfliġġenti mar-rekwiżit li lill-partijiet li jressqu talbiet għal aġġustamenti, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, ikunu jistgħu jkollhom l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jiġġustifikaw il-bażi tat‑talbiet tagħhom ( 83 ).

    114.

    F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li l-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping jippreċiża li l-“awtoritajiet għandhom jindikaw lill-partijiet in kwistjoni x’tip ta’ informazzjoni hi meħtieġa biex jassiguraw paragun imparzjali u ma jimponux oneru tal-prova ta’ natura mhux raġonevoli fuq il-partijiet”.

    115.

    Fir-rapport tiegħu tat-28 ta’ Lulju 2011 – imsemmi fil-punti 7, 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet – dwar il-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri anti-dumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina”, il-Bord tal-Appell tad-DSB ippreċiża li din id‑dispożizzjoni tistipula li l-awtoritajiet responsabbli mill‑investigazzjoni għandhom jindikaw lill-partijiet l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fit-talbiet għal aġġustamenti, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu fil-pożizzjoni li jressqu tali talbiet ( 84 ).

    116.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti fuq imsemmija previsti b’mod espliċitu fl-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping ma humiex espressament riprodotti fil-formulazzjoni tal‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Madankollu, inqis li dawn jirriżultaw minn interpretazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni mwettqa fid-dawl tal-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping u li, fi kwalunkwe każ, dawn huma marbuta mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 85 ).

    117.

    Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa l-każ f’investigazzjoni antidumping ordinarja, f’investigazzjoni li fiha l-valur normali huwa stabbilit abbażi tal-prezzijiet ta’ produttur ta’ pajjiż analogu, l-informazzjoni li tirrigwarda dan il-valur tinkiseb mingħand sors terz u tirrigwarda pajjiż differenti mill-pajjiż tal-produtturi-esportaturi suġġetti tal-investigazzjoni. Sa fejn ma għandhomx aċċess għal din l-informazzjoni, dawn il-produtturi-esportaturi diffiċilment jista’ jkollhom informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw liema aġġustamenti jistgħu jintalbu lill-istituzzjonijiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi eventwali li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet bejn il-prodotti esportati u l-prodotti mibjugħa fis-suq intern mill-produttur tal-pajjiż analogu.

    118.

    F’każ parallel, huma għalhekk l-istituzzjonijiet li għandhom jipprovdu lill-produtturi-esportaturi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni informazzjoni suffiċjenti b’mod li jippermettulhom li jkunu fil-pożizzjoni li jressqu talbiet għal aġġustamenti.

    119.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l‑evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar liema informazzjoni partikolari għandha tinqasam, b’mod konkret, mal-imsemmija produtturi-esportaturi tiddependi minn analiżi li trid issir każ b’każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, huma l‑istituzzjonijiet li għandhom jipprovdu din l-informazzjoni b’mod li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni tal‑impriżi li jkunu aċċettaw li jikkooperaw fl-investigazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari, skont il-każ, produtturi tal-pajjiż analogu.

    120.

    Issa, f’dan il-każ, jidher li l-informazzjoni kollha li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-valur normali abbażi ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-produttur Indjan inżammet kunfidenzjali fir-rigward tal‑produtturi-esportaturi suġġetti għall-investigazzjoni ( 86 ). F’sitwazzjoni parallela, hekk kif isostnu l-appellanti, li “jintwera li d-differenzi allegati affettwaw il‑paragunabbiltà tal-prezzijiet” ( 87 ) jidher effettivament bħala kompitu diffiċli li jitwettaq, jekk mhux impossibbli.

    121.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li t-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’.

    122.

    Madankollu, nirrileva minn issa li, anki jekk il-Qorti tal‑Ġustizzja, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kellha tirrileva li, f’dan il-każ, billi ma kkonstatax li l-istituzzjonijiet kisru l-obbligu tagħhom li jindikaw liema informazzjoni kienet neċessarja u li ma imponewx fuq il-produtturi-esportaturi suġġetti għall-investigazzjoni oneru tal-prova mhux raġonevoli, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-Artikolu 2(10) tar‑Regolament bażiku, dan ma jistax ikollu konsegwenzi fuq ir-rifjut, fir-Regolament ikkontestat, tat-talbiet għal aġġustamenti magħmula mill-appellanti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jiena għamilt fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel u tat-tieni parti ta’ dan l‑aggravju, fi kwalunkwe każ, l-aġġustamenti mitluba, minħabba l-konnessjoni tagħhom mal-istruttura tal-ispejjeż u tal-attività produttiva, ma setgħux jintalbu mill-impriżi, bħall-appellanti, li ma bbenefikawx mill-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ( 88 ).

    3. Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq il-ksur tal‑Artikolu 296 TFUE

    123.

    Fir-raba’ parti tat-tieni aggravju, l-appellanti argumentaw li, fil‑punti 120 sa 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonludiet li, fir-Regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet osservaw l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqhom. Fl-evalwazzjoni tagħha tal-grad ta’ preċiżjoni meħtieġ għall-motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih ir‑Regolament ikkontestat jagħmel parti minnu, jiġifieri l-użu tal-metodu tal-pajjiż analogu u l-assenza ta’ aċċess għall-informazzjoni li tikkonċerna l-produttur Indjan. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-korrispondenza bejn l-appellanti u l-istituzzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva, korrispondenza li matulha tal-ewwel talbu lil tat-tieni jipprovdulhom spjegazzjonijiet iktar iddettaljati. F’dan il-kuntest, l‑istituzzjonijiet kienu obbligati jippreċiżaw, b’mod suffiċjentement iddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom l-argumenti u l-provi ppreżentati mill‑appellanti ma ssodisfawx l-oneru tal-prova impost fuqhom.

    124.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal‑istituzzjoni li hija l-awtriċi tiegħu, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d‑destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att issodisfatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata ( 89 ).

    125.

    F’dan il-każ, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-iskambji matul il‑proċedura amministrattiva, dan l-argument huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali, li, kif irrilevajt fil-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex ammissibbli fil-proċedura ta’ appell ( 90 ).

    126.

    Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-użu tal-metodu tal-pajjiż analogu, għandu jiġi rrilevat li l-analiżi tal-premessi 41 u 103 tar-Regolament ikkontestat, riprodotti fil-punt 99 tas-sentenza appellata, turi mingħajr ekwivoku possibbli li l-Kunsill tassew ħa inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza fl‑espożizzjoni tal-motivi li għalihom ikkunsidra li kellu jiċħad it‑talbiet għal aġġustamenti mressqa mill-appellanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma kkundannatx il-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat għal tali raġuni. Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ aċċess għall-informazzjoni li tikkonċerna l-produttur Indjan, dan l-element ma għandu ebda effett fuq id-dmir ta’ motivazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet u fi kwalunkwe każ, eventwali motivazzjoni ikbar ma tistax tikkumpensa n-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni neċessarja sabiex jintalbu l‑aġġustamenti.

    127.

    Fl-opinjoni tiegħi, isegwi li r-raba’ parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll.

    128.

    Fl-opinjoni tiegħi, bħala konklużjoni, mill-punti 87 u 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li hemm lok li jintlaqa’ l-appell ippreżentat mill-appellanti fil-Kawża C‑376/15 P u li s-sentenza appellata tiġi annullata.

    VI – Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    129.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Jiena nikkunsidra li dan huwa il-każ hawnhekk.

    130.

    Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 52 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, billi eskluda, fir-Regolament ikkontestat, mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping it-tipi ta’ prodotti prodotti u esportati mill-appellanti li għalihom il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-produttur fil-pajjiż analogu ma kinux disponibbli, il-Kunsill wettaq ksur tal-Artikolu 2(11) tar‑Regolament bażiku u tal-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping.

    131.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li hemm lok li r-Regolament ikkontestat jiġi annullat sa fejn jirrigwarda l-appellanti.

    VII – Fuq l-ispejjeż

    132.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-evalwazzjonijiet tiegħi, il‑Kunsill ser ikun il-parti li jitlef fil-Kawża C‑376/15 P. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, peress li l-appellanti talbu li jiġi kkundannat għall‑ispejjeż, b’applikazzjoni tal-Artikolu 138(1) u tal-Artikolu 184(1), (2) u (4) tar‑Regoli tal-Proċedura, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑376/15 P u tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ din il‑kawża.

    133.

    Min-naħa l-oħra, peress li l-appell fil-Kawża C‑377/15 P għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, l-appellanti għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż marbuta ma’ din il-kawża.

    VIII – Konklużjoni

    134.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    L-appell fil-Kawża C‑377/15 P huwa miċħud bħala inammissibbli.

    2)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ April 2015, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill (T‑558/12 u T‑559/12, EU:T:2015:237), hija annullata.

    3)

    Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012, tal-4 ta’ Ottubru 2012, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2009, huwa annullat sa fejn jirrigwarda lil Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener Co. Ltd.

    4)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn Changshu City Standard Parts Factory u minn Ningbo Jinding Fastener Co. Ltd. fil-Kawża C‑376/15 P kif ukoll dawk ta’ quddiem il‑Qorti Ġenerali.

    5)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess marbuta mal-Kawża C‑376/15 P.

    6)

    Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener Co. Ltd. għandhom ibatu l-ispejjeż marbuta mal‑Kawża C‑376/15 P.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.

    ( 2 ) T‑558/12 u T‑559/12, EU:T:2015:237.

    ( 3 ) Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2009 (ĠU 2012, L 275, p. 1).

    ( 4 ) Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il‑konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil‑kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill approva l-Ftehim li jistabbilixxi l‑Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marakexx fil-15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fejn fosthom hemm il-ftehim antidumping.

    ( 5 ) Regolament tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal‑Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51), kif emendat permezz tar-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 344, p. 1).

    ( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir‑Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1).

    ( 7 ) Rapport tal-Bord tal-Appell, AB-2011-2, WT/DS397/AB/R, tal-15 ta’ Lulju 2011.

    ( 8 ) Avviż tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Marzu 2012 dwar il-miżuri antidumping li qegħdin fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, wara r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet adottati mill-Korp tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għas-Soluzzjoni tat-Tilwim fit-28 ta’ Lulju 2011 fil-KE – Tilwima dwar il-qfieli (DS397) (ĠU 2012, C 66, p. 29).

    ( 9 ) Regolament tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2001, fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq antidumping u antisussidji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 38, p. 50). Dan ir-regolament kien issostitwiet u mħassar permezz tar-Regolament (UE) Nru 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2015, fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq antidumping u antisussidji (ĠU 2015, L 83, p. 6).

    ( 10 ) Ara l-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat, li tagħmel riferiment għall‑premessi 40 sa 57 tar-Regolament Nru 91/2009.

    ( 11 ) Premessi 29 u 31 tar-Regolament ikkontestat u l-punt 41 tas-sentenza appellata.

    ( 12 ) Premessi 41 u 103 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 13 ) Premessa 105 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 14 ) Ara l-punt 42 tas-sentenza appellata.

    ( 15 ) Premessi 82, 102 u 109 tar-Regolament ikkontestat kif ukoll il-punti 43, 44 u 60 tas-sentenza appellata.

    ( 16 ) Ara l-punt 60 tas-sentenza appellata.

    ( 17 ) Premessa 109 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 18 ) Premessa 109 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 19 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat. Sussegwentement dawn id-dazji antidumping inżammu mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/519, tas-26 ta’ Marzu 2015, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 82, p. 78).

    ( 20 ) Rapport tal-Bord tal-Appell, AB-2015-7, WT/DS397/AB/RW, tat-18 ta’ Jannar 2016.

    ( 21 ) Regolament li jħassar id‑dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal‑ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall‑importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill‑Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24).

    ( 22 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il‑Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372, punt 58 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ara, rispettivament, il-punti 33 sa 40 u 86 sa 90 tas-sentenza appellata.

    ( 25 ) Sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punti 82 sa 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Din l-eċċezzjoni ħadet isimha mis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186).

    ( 27 ) Din l-eċċezzjoni ħadet isimha mis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254).

    ( 28 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 44 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill (C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 56) fir-rigward tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2331/96, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 76) li t-test tiegħu jikkorrispondi ma’ dak tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

    ( 30 ) Ara f’dan is-sens, ukoll is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, EU:T:2008:258, punt 73).

    ( 31 ) Ara f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża Portmeirion Group (C‑232/14, EU:C:2015:583, punt 73). Ara, ukoll, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group (C‑232/14, EU:C:2016:180, punti 40 et seq).

    ( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV (C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 96). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-fatt, ir‑rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tad-DSB li jikkonstataw in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tad-WTO ma jistgħux fil-prinċipju, u tkun xi tkun il-portata ġuridika marbuta magħhom, ikunu fundamentalment distinti mir-regoli sostantivi li jistabbilixxu l-obbligi assunti minn membru fil-kuntest tad-WTO.

    ( 33 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV (C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punti 4445 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir‑rigward, ara pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group (C‑232/14, EU:C:2016:180, punt 43).

    ( 34 ) Ir-Regolament ikkontestat kien ġie adottat abbażi tar-Regolament Nru 1515/2001 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 35 ) Ara b’mod partikolari l-preambolu u l-premessi 2, 3, 6, 7, 9, 10, 12, 22, 23, 110, 112, 117, 125, 127, 128, 130, 132, 135, 138 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV (C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 40).

    ( 37 ) Ara l-premessi 10 u 13 kif ukoll l-Artikolu 1 tar-Regolament 2016/278.

    ( 38 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 35).

    ( 39 ) Punti 37, 40 u 61 tas-sentenza appellata.

    ( 40 ) Punt 63 tas-sentenza appellata.

    ( 41 ) Punti 67 sa 84 tas-sentenza appellata.

    ( 42 ) Ara, b’mod speċifiku, il-punti 81 sa 83 tas-sentenza appellata.

    ( 43 ) L-appellanti jirreferu għall-punt 61 tas-sentenza appellata.

    ( 44 ) Ara l-punt 40 tas-sentenza appellata u l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 45 ) Ara l-punti 48 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal‑osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Ara, fost oħrajn, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kunsill u Il‑Kunsill vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 47 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 41).

    ( 48 ) Skont din id-dispożizzjoni, prodott huwa kkunsidrat bħala s-suġġett ta’ dumping meta l-prezz tal-esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni jkun inqas mill-prezz paragunabbli, użat matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, għall-prodott simili fil-pajjiż esportatur.

    ( 49 ) Ara f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali msemmija fil‑punt 46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Portmeirion Group (C‑232/14, EU:C:2015:583).

    ( 50 ) Ara f’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping, il-punt 53 tar-rapport tal-Bord tal-Appell tad-WTO tal-1 ta’ Marzu 2001 intitolat “Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l‑importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton mill-Indja” (DS141/AB/R).

    ( 51 ) Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2006:236, punti 159163). Barra minn hekk dan jirriżulta mit-termini stess tad-definizzjoni tal-marġni ta’ dumping, li, skont l‑Artikolu 2(12) tar-Regolament bażiku, huwa kkostitwit mill-ammont li permezz tiegħu l-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni. Issa, il-prezz tal‑esportazzjoni huwa ddefinit fl-Artikolu 2(8), bħala l-prezz imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, diversi rapporti tal-Bord tal-Appell tad-WTO jirreferu, fl‑interpretazzjoni tal-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping, għar-rekwiżit li jiġi kkunsidrat il-prodott ikkonċernat fit-totalità tiegħu. F’dan ir-rigward, ara, pereżempju, il-punti 51 u 53 tar-Rapport tal-Bord tal-Appell tad-WTO tal-1 ta’ Marzu 2001, intitolat “Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l‑importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton mill-Indja” (DS141/AB/R), kif ukoll il-punti 98 u 99 tar-Rapport tal-Bord tal-Appell tad-WTO tal-11 ta’ Awwissu 2004, intitolat “Stati Uniti – Determinazzjoni finali tal-eżistenza ta’ dumping fir-rigward ta’ travi mill-Kanada” (DS264/AB/R).

    ( 52 ) Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping, ara l-punti 80, 98 u 99 tar-Rapport tal-Bord tal-Appell tad-WTO tal-11 ta’ Awwissu 2004 intitolat “Stati Uniti – Determinazzjoni finali tal-eżistenza ta’ dumping fir-rigward ta’ travi mill-Kanada” (DS264/AB/R). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547), il-Qorti tal‑Ġustizzja ma qajmitx dubju dwar l-ammissibbiltà fid-dritt tal-Unjoni tal-użu tal-metodu ta’ paraguni multipli.

    ( 53 ) Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ż-żewġ metodi simetriċi previsti fiha għandhom jippermettu r-riflessjoni tal-grad sħiħ ta’ dumping ipprattikat u li huwa biss jekk dan ma jkunx il-każ (u jekk il-mudell ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni ma jaqbilx b’mod sinifikattiv fost ix-xerrejja, reġjuni jew perijodi differenti) li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw il-metodu asimetriku. F’dan ir‑rigward, ara s-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill (C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 49), kif ukoll il-punti 73 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill (C‑76/00 P, EU:C:2002:253).

    ( 54 ) Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2006:236, punt 154).

    ( 55 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007 (C‑351/04, EU:C:2007:547).

    ( 56 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 56). Korsiv miżjud minni.

    ( 57 ) Ara l-punti 55 u 58 tar-Rapport tal-Bord tal-Appell tad-WTO tal-1 ta’ Marzu 2001 intitolat “Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded mill-Indja” (DS141/AB/R). Korsiv miżjud minni.

    ( 58 ) B’applikazzjoni tal-metodu tat-tnaqqis għal żero, l-istituzzjonijiet, meta jiddeterminaw il-marġni ta’ dumping globali, inaqqsu għal żero l-marġni ta’ dumping negattivi, jiġifieri l-marġni stabbiliti fir-rigward ta’ mudelli tal-prodott ikkonċernat li għalihom il-prezz tal-esportazzjoni jkun ogħla mill-valur normali. Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547, punti 5354), kif ukoll il-punt 88 tas-sentenza appellata.

    ( 59 ) Ara l-punt 40 tas-sentenza appellata. Korsiv miżjud minni.

    ( 60 ) Ara ċ-ċitazzjonijiet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 61 ) Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawża Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2006:236, punti 168).

    ( 62 ) Bl-istess mod, l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping jirreferi għall-Artikolu 2.4 tal-istess ftehim.

    ( 63 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Bord tal-Appell tad-DSB iddikjara b’mod espliċitu li “paragun bejn prezz tal-esportazzjoni u valur normali li ma jiħux kunsiderazzjoni kif dovut tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni komparabbli kollha […] ma huwiex ‘paragun xieraq’ bejn prezz tal-esportazzjoni u valur normali, kif meħtieġ fil-paragrafu 2.4 u fis-subparagrafu 2.4.2.”. Ara l-punt 55 tar-Rapport tal‑1 ta’ Marzu 2001 intitolat “Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded mill-Indja” (DS141/AB/R).

    ( 64 ) Ara f’dan ir-rigward, il-punt 84 tas-sentenza appellata.

    ( 65 ) Ara l-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata.

    ( 66 ) Ara l-punt 85 tas-sentenza appellata.

    ( 67 ) Ara l-punt 88 tas-sentenza appellata.

    ( 68 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punti 81 sa 84 tas-sentenza appellata.

    ( 69 ) F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni, jiena ma naħsibx li huwa possibbli li jiġi dedott miċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 56 tas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, EU:C:2007:547), riprodott fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kienet użat it-termini “jirriflettu kompletament”, li hija xtaqet tikkonferma interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar‑Regolament bażiku li, għall-kuntrarju tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni nnifisha, tippermetti li jiġi stabbilit il-marġni ta’ dumping billi jiġu esklużi ċerti tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni li jirrigwardaw il-prodott ikkonċernat.

    ( 70 ) F’tali kuntest, il-Qorti Ġenerali ma tistax tikkumpensa d-determinazzjoni tal‑marġni ta’ dumping b’mod mhux konformi mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku billi tistenna mill-appellanti li jitolbu li “bit-teħid inkunsiderazzjoni tat-tipi kollha tal-prodotti, il-marġni ta’ dumping ikkalkolat kien ikun essenzjalment differenti minn dak stabbilit fir-Regolament ikkontestat” (ara l-punt 83 in fine tas‑sentenza appellata). Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni li tirrigwarda l-kostruzzjoni tal-valur normali kienet baqgħet kunfidenzjali, il-produzzjoni tal-prova ta’ tali ċirkustanza f’dan il-każ prattikament ma setgħetx isseħħ (ara l-punti 117 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet). Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu wkoll jiġi miċħud l-argument, ibbażat fuq dan il-punt tas-sentenza appellata, li jsostni n-natura ineffettiva tal-ewwel aggravju li l-Kummissjoni ressqet fis‑seduta.

    ( 71 ) Ara l-punti 99 u 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 72 ) L-appellanti jsemmu b’mod speċifiku l-ispejjeż għall-aċċess għall-materja prima u l‑ispejjeż marbuta mal-użu tal-proċess ta’ produzzjoni addizzjonali (l-awtoġenerazzjoni ta’ enerġija) mill-produttur Indjan.

    ( 73 ) L-appellanti rreferew għad-differenzi fil-konsum (fil-kwantità u mhux fil-valur) ta’ materji primi, fil-konsum (fil-kwantità u mhux fil-valur) ta’ elettriku u fil‑produttività mill-ħaddiem bejniethom stess u l-produttur Indjan.

    ( 74 ) Punti 103 sa 108 tas-sentenza appellata.

    ( 75 ) Punt 116 tas-sentenza appellata.

    ( 76 ) Punt 110 tas-sentenza appellata.

    ( 77 ) Punt 111 tas-sentenza appellata u l-punt 103 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 78 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 5861 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 79 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 80 ) Il-Qorti Ġenerali applikat essenzjalment dan il-prinċipju fil-punt 111 in fine tas‑sentenza appellata.

    ( 81 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 64 sa 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 82 ) Dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett tal-kompetizzjoni fuq id-determinazzjoni tal-prezzijiet fil-kuntest ta’ analiżi antidumping li tikkonċerna analiżi bbażata fuq il-metodu tal-pajjiż analogu, ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573, punti 57 sa 59).

    ( 83 ) Ara l-punti 96 u 97 kif ukoll il-ġurisprudenza msemmija fin‑nota ta’ qiegħ il-paġna 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 84 ) Punt 489 tar-Rapport tal-Bord tal-Appell, intitolat “KE – Elementi ta’ stabbiliment (Ċina)”.

    ( 85 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punt 77).

    ( 86 ) Ara l-punt 112 tas-sentenza appellata. Dan il-fatt ma kienx ikkontestat mill‑istituzzjonijiet.

    ( 87 ) Ara l-punt 116 tas-sentenza appellata.

    ( 88 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-appellanti ma argumentawx li, minħabba l-fatt li ma kellhomx aċċess għall-informazzjoni li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali abbażi ta’ informazzjoni tal-produttur Indjan, huma kienu preklużi milli jressqu talbiet dwar tipi oħra ta’ aġġustamenti.

    ( 89 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573, punti 7576 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 90 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top