Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0331

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-6 ta’ April 2017.
    Ir-Repubblika Franċiża vs Carl Schlyter.
    Appell – Dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni – Direttiva 98/34/KE – Artikoli 8 u 9 – Opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni Ewropea dwar abbozz ta’ regolament tekniku – Rifjut ta’ aċċess.
    Kawża C-331/15 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:280

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fis-6 ta’ April 2017 ( 1 )

    Kawża C-331/15 P

    Ir-Repubblika Franċiża

    vs

    Carl Schlyter

    “Appell – Aċċess għad-dokumenti – Opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni Ewropea dwar abbozz ta’ digriet dwar id-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat ta’ nanopartiċelli, innotifikat mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess – Protezzjoni tal-għanijiet ta’ attività ta’ investigazzjoni”

    Introduzzjoni

    1.

    Bl-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ April 2015, Schlyter vs Il-Kummissjoni (T‑402/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:209,), li permezz tagħha hija laqgħet ir-rikors ta’ C. Schlyter intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Ġunju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    2.

    Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet, fuq il-bażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 2 ), li tagħti lil C. Schlyter matul il-perijodu ta’ “statu quo” jew ta’ sospensjoni ( 3 ), l-aċċess għall-opinjoni ddettaljata ( 4 ) tal-Kummissjoni dwar abbozz ta’ digriet dwar il-kontenut u l-kundizzjonijiet ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat ta’ nanopartiċelli (2011/673/F), li kienet innotifikata lilha mill-awtoritajiet Franċiżi, b’applikazzjoni tad-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 ( 5 ). Din il-pożizzjoni kienet ibbażata fuq analoġija bejn, minn naħa, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 u, min-naħa l-oħra, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, prevista fl-Artikolu 258 TFUE u l-proċedura fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, prevista fl-Artikolu 108 TFUE ( 6 ).

    3.

    Dan l-appell jirrigwarda l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ ispezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu u iktar preċiżament jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk opinjoni dddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 taqax jew le f’attività ta’ investigazzjoni fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.

    4.

    Għaldaqstant ser ikun meħtieġ li jiġu eżaminati l-karatteristiċi tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 sabiex jiġi vverifikat jekk hija tikkostitwixxix jew le attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    5.

    Barra minn hekk, jekk l-opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 tifforma parti minn attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, l-iżvelar ta’ dan id-dokument huwiex detrimentali għall-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 1998/34

    6.

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jipprovdi kif ġej:

    “1.   Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ digriet […]. Għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

    […]

    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha. […]

    Rigward l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi […], il-kummenti jew l-opinjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni jew ta’ l-Istati Membri interessati jistgħu ikollhom x’jaqsmu biss ma’ l-aspett li jista’ jostakola l-kummerċ u mhux l-aspett fiskali jew finanzjarju tal-miżura.

    2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz tar-regolament tekniku; dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista’ jkun possibbli fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test definittiv tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    4.   L-informazzjoni fornuta skont dan l-Artikolu ma għandhiex tkun kunfidenzjali għajr fuq it-talba espressa tal-Istat Membru li jinnotifika. Kull talba bħal din għandha tiġi appoġgġjata b’raġunijiet. […]

    […]”

    7.

    L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprovdi dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jippostponu l-adozzjoni ta’ regolament tekniku abbozzat għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunika li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1).

    2.   L-Istati Membri għandhom jippostponu:

    […],

    mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3, 4 u 5, għal sitt xhur l-adozzjoni ta’ kull regolament tekniku ieħor abbozzat (għajr l-abbozzi tar-regoli dwar servizzi),

    mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni ddettaljata, fi żmien tliet xhur minn din id-data, b’effett li l-miżura prevista tista’ toħloq xkiel għall-moviment ħieles ta’ l-oġġetti ġewwa s-suq intern;

    […]

    L-Istat Membru interessat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi sabiex jadotta dawn l-opinjonijiet dettaljati. Il-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni.

    […]

    3.   Bl-esklużjoni ta’ l-abbozzi tar-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ servizzi, l-Istati Membri għandhom jippostponu l-adozzjoni ta’ regolament tekniku abbozzat għal tnax-il xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 8(1) jekk, fi żmien tliet xhur minn din id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew li tadotta direttiva, regolament jew deċiżjoni dwar il-materja b’mod konformi ma’ l-Artikolu [288 TFUE].”

    Ir-Regolament Nru 1049/2001

    8.

    Ir-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 15 TFUE.

    9.

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Benefiċjarji u skop”, jaqra kif ġej:

    “1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

    2.   L-istituzzjonijiet jistgħu, soġġetti għall-istess prinċipji, kondizzjonijiet u limiti, jagħtu aċċess għad-dokumenti lil kull persuna naturali jew legali li m’hijiex residenti jew li m’għandhiex l-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru.

    3.   Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

    […]”

    10.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawk fosthom li huma rilevanti għal dan il-każ jinsabu fl-Artikolu 4(2) li jipprovdi:

    “L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

    l-interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-propjetà intellettwali,

    il-proċeduri fil-qorti u parir legali,

    l-għan tal-ispezzjonijiet jew l-investigazzjonijiet.

    sakemm ma’ jkunx hemm interess pubbliku prevalenti biex id-dokument jiġi żvelat.”

    11.

    L-Artikolu 4(6) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi kif ġej:

    “Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati”.

    12.

    L-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi kif ġej:

    “L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. […].”

    Il-fatti

    13.

    Fid-29 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Franċiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, abbozz ta’ digriet dwar il-kontenut u r-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat nanopartiċelli, adottat b’applikazzjoni tal-Artikoli R. 523-12 u R. 523-13 tal-Kodiċi tal-ambjent (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ digriet”).

    14.

    Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34, il-perijodu ta’ statu quo ta’ tliet xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva beda jiddekorri fit-30 ta’ Diċembru 2011. F’Marzu 2012, matul dan il-perijodu ta’ statu quo jew ta’ sospensjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet u, sussegwentement, irċeviet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Franċiżi dwar l-abbozz ta’ digriet.

    15.

    Fit-30 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni ddettaljata, li kellha l-effett, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, li ttawwal bi tliet xhur supplementari l-perijodu ta’ “statu quo” inizjali previst fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 98/34 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni dddettaljata”. Fit-2 ta’ April 2012, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ukoll, skont l-Artikolu 8(2) ta’ dik id-direttiva, ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-abbozz ta’ digriet. L-awtoritajiet Franċiżi kienu rrispondew għall-osservazzjonijiet tar-Renju Unit fis-6 ta’ Ġunju 2012.

    16.

    B’ittra tas-16 ta’ April 2012, jiġifieri matul il-perijodu ta’ “statu quo” jew ta’ sospensjoni, C. Schlyter ressaq talba għal aċċess għall-opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni.

    17.

    B’ittra tas-7 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal aċċess tas-16 ta’ April 2012 billi invokat l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u billi kkunsidrat li aċċess parzjali ma kienx possibbli għar-raġuni li d-dokument kollu kien jaqa’ taħt l-eċċezzjoni invokata. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument.

    18.

    Fid-29 ta’ Mejju 2012, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, C. Schlyter ressaq quddiem il-Kummissjoni talba konfermattiva intiża sabiex din tirrevedi l-pożizzjoni tagħha.

    19.

    Fis-27 ta’ Ġunju 2012, bid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba konfermattiva ta’ C. Schlyter, deċiżjoni mmotivata kif ġej.

    20.

    Fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni”, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iżvelar tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni kien ser jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    21.

    Fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Aċċess parzjali”, il-Kummissjoni qieset li dan kien japplika għad-dokument kollu li għalih saret l-applikazzjoni għal aċċess, u din il-kunsiderazzjoni kienet teskludi kull żvelar parzjali b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    22.

    Fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Interess pubbliku superjuri għall-iżvelar”, il-Kummissjoni kkunsidrat li lanqas ma kien jeżisti interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiġġustifika li d-dokument jiġi madankollu żvelat.

    23.

    Il-perijodu ta’ “statu quo” fir-rigward tal-abbozz ta’ digriet intemm fit-2 ta’ Lulju 2012. Ir-Repubblika Franċiża rrispondiet għall-opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni fis-16 ta’ Lulju 2012. Fis-26 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi jissottomettulha l-abbozz ta’ digriet emendat, ħaġa li dawn tal-aħħar għamlu dakinhar stess.

    24.

    Fis-6 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Franċiża adottat id-digriet dwar il-kontenut u l-kundizzjonijiet ta’ preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tas-sustanzi fl-istat nanopartiċelli, b’applikazzjoni tal-Artikoli R. 523-12 u R. 523-13 tal-Kodiċi tal-ambjent (JORF tal-10 ta’ Awwissu 2012, p. 13166). Dan id-digriet ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Awwissu 2012.

    25.

    Fil-25 ta’ Ottubru 2012, wara li temmet l-eżami tad-digriet u ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni bagħtet kopja tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni lil C. Schlyter.

    Is-sentenza appellata

    26.

    Fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, C. Schlyter ( 7 ) invoka tliet motivi.

    27.

    L-ewwel motiv ta’ C. Schlyter kien ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali ( 8 ).

    28.

    L-ewwel motiv kien jirrigwarda fl-ewwel lok “il-kwistjoni jekk l-opinjoni ddettaljata inkwistjoni, mogħtija fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, taqax taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika. Fit-tieni lok, il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl tan-natura tal-imsemmija opinjoni ddettaljata, il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha, matul il-perijodu ta’ “statu quo”, fuq preżunzjoni ġenerali, b’applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, li l-iżvelar tal-imsemmija opinjoni jippreġudika tali għanijiet.” ( 9 )

    29.

    It-tieni motiv kien ibbazat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll tan-nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-interess pubbliku superjuri rikjest fl-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 ( 10 ).

    30.

    It-tielet motiv kien ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 11 ).

    31.

    Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kunċett ta’ “investigazzjoni” jinkludi kemm l-intier tar-riċerki li jsiru minn awtorità kompetenti sabiex tistabbilixxi ksur kif ukoll il-proċedura li permezz tagħha amministrazzjoni tiġbor l-informazzjoni u tivverifika ċerti fatti qabel ma tieħu deċiżjoni ( 12 ). Skont il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, il-Kummissjoni tista’ tagħti opinjoni ddettaljata li fiha tqis li abbozz ta’ regolament tekniku jippreżenta aspetti li jistgħu eventwalment joħloq ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew għall-moviment liberu tal-kapital tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern ( 13 ). Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, l-opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dik il-proċedura ma tiffurmax parti minn proċedura li permezz tagħha l-amministrazzjoni tiġbor l-informazzjoni u tivverifika ċerti fatti qabel ma tieħu deċiżjoni ( 14 ).

    32.

    Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, ma kellhiex tkun il-Kummissjoni li tiġbor l-informazzjoni qabel ma tagħti opinjoni ddettaljata. Skont il-Qorti Ġenerali, l-Istati Membri kellhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-abbozzi tagħhom fil-qasam tar-regolamenti tekniċi ( 15 ).

    33.

    Fit-tieni lok, skont il-Qorti Ġenerali, jekk fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Istat Membru li jinnotifika, il-Kummissjoni tivverifika ċerti fatti, hija ma għandhiex tieħu deċiżjoni, imma, jekk ikun il-każ, tagħti opinjoni ta’ natura mhux vinkolanti u intermedja. Fil-fatt, l-għoti ta’ opinjoni ddettaljata huwa biss ir-riżultat tal-analiżi tal-abbozz ta’ regolament tekniku, imwettqa mill-Kummissjoni, li sussegwentement għaliha din tal-aħħar tqis li l-abbozz ta’ regolament tekniku għandu aspetti li jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern. Barra minn hekk, din l-opinjoni ddettaljata ma tirriflettix neċessarjament pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, peress li, wara li tingħata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi li jieħu fuq tali opinjoni u l-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq din ir-reazzjoni ( 16 ).

    34.

    Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 lanqas ma tikkostitwixxi r-riżultat ta’ tiftix imwettaq minn awtorità kompetenti sabiex jiġi stabbilit ksur ( 17 ). Skont il-Qorti Ġenerali, min-natura tiegħu, abbozz ta’ regolament tekniku huwa test preparatorju, li jista’ jiġi żviluppat u emendat. Sakemm l-imsemmi regolament tekniku ma jiġix adottat, huwa ma jistax jikser ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tas-servizzi jew il-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern ( 18 ). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Istat Membru destinatarju ta’ din l-opinjoni ma jistax jitqies ħati ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, għaliex fil-mument tal-għoti tal-opinjoni ddettaljata abbażi tad-Direttiva 98/34, ir-regolament tekniku nazzjonali kien jeżisti biss fl-istat ta’ abbozz ( 19 ).

    35.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li d-Direttiva 98/34 tipprevedi li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri l-oħra jistgħu jagħtu opinjoni ddettaljata fuq l-abbozz ta’ regolament tekniku tal-Istat Membru li jinnotifika, jikkonferma li l-għoti ta’ opinjoni ddettaljata mill-Kummissjoni ma jifformax parti minn attività ta’ riċerka li hija għandha twettaq sabiex tistabbilixxi ksur għaliex l-Istati Membri jistgħu biss jiddenunzjaw ksur tar-regoli tal-Unjoni minn Stat Membru ieħor, imma ma jistgħux jadottaw opinjoni motivata li biha l-Kummissjoni tifformalizza l-eżistenza ta’ ksur. Skont il-Qorti Ġenerali, l-opinjoni ddettaljata, kemm jekk tiġi adottata mill-Kummissjoni kif ukoll minn Stat Membru, hija biss forma ta’ denunzja ta’ kunflitt potenzjali bejn l-abbozz ta’ regolament tekniku u d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-moviment liberu tas-servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern ( 20 ).

    36.

    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tifformax parti minn investigazzjoni, peress li ma tikkostitwixxix deċiżjoni li tikkonstata ksur billi hija tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni inizjali, provviżorja u konsultattiva tal-Kummissjoni abbażi tal-analiżi ta’ abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat, li għalhekk tħalli kull possibbiltà lill-Istat Membru li jinnotifika li jemenda l-imsemmi abbozz qabel ma jadottah ( 21 ).

    37.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija eżempju klassiku ta’ kontroll ex post, li jikkonsisti fl-istħarriġ tal-miżuri nazzjonali, ladarba dawn ikunu ġew adottati mill-Istati Membri, u li huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid l-osservanza tal-ordinament ġuridiku. Fil-fehma tagħha, għalkemm huwa veru li l-fażi prekontenzjuża prevista mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tipprevedi wkoll fażi ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, madankollu l-għan huwa li jintlaħaq ftehim bonarju fir-rigward ta’ tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u, fin-nuqqas, li jiġi previst it-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-inkompatibbiltajiet ta’ miżura nazzjonali li tkun daħlet fis-seħħ u li tipproduċi effetti legali fis-suq intern ( 22 ).

    38.

    F’dan ir-rigward, l-opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tikkostitwixxix intimazzjoni peress li ma teżisti formalment ebda tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat f’dan l-istadju tal-imsemmija proċedura ( 23 ).

    39.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, sussidjarjament, li anki fl-ipoteżi li l-opinjoni ddettaljata taqa’ taħt investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tipproteġi l-investigazzjonijiet bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet ( 24 ). F’dan ir-rigward, l-iżvelar, matul il-perijodu ta’ “statu quo”, ta’ opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma jwassalx neċessarjament sabiex jipperikola l-għan ta’ din il-proċedura. Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-Kummissjoni tiżvela l-opinjoni ddettaljata tagħha li skontha aspetti tal-abbozz ta’ regolament tekniku jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern ma jipperikolax l-għan li jikkonsisti f’li jkun hemm regolament tekniku nazzjonali li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, skont il-Qorti Ġenerali, tali żvelar jiġi pperċepit mill-Istat Membru kkonċernat bħala inċentiv addizzjonali sabiex jiżgura li r-regolament tekniku tiegħu jkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw tali libertajiet fundamentali ( 25 ).

    40.

    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din ċaħdet l-aċċess għall-opinjoni ddettaljata litiġjuża fuq il-bażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 26 ) u ddeċidiet li ma kienx iktar meħtieġ li tippronunzja ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk, kont meħud tan-natura tal-opinjoni ddettaljata inkwistjoni, il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha, matul il-perijodu ta’ “statu quo”, fuq preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar ta’ dik l-opinjoni kien jipperikola l-għanijiet ta’ attività ta’ investigazzjoni ( 27 ). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li lanqas ma kien meħtieġ li tippronunzja ruħha fuq it-tieni u t-tielet motivi invokati minn C. Schlyter ( 28 ).

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    41.

    B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 2015, ir-Repubblika Ċeka ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

    42.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn C. Schlyter, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni. Dawn kollha kemm huma, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, ippreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2017.

    Fuq l-appell

    43.

    Ir-Repubblika Franċiża tressaq aggravju wieħed insostenn tal-appell tagħha. Permezz ta’ dan l-uniku aggravju, hija tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    44.

    Dan l-aggravju uniku huwa maqsum f’żewġ partijiet.

    45.

    L-ewwel nett, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tikkostitwixxix attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    46.

    It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, sussidjarjament, li anki jekk l-opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni tifforma parti minn attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-iżvelar ta’ dan id-dokument ma kienx sejjer neċessarjament jipperikola l-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

    Analiżi

    Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku u l-eżistenza ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni”

    Osservazzjonijiet tal-partijiet

    – Ir-Repubblika Franċiża

    47.

    Ir-Repubblika Franċiża tqis, fl-ewwel lok, li d-definizzjoni li tagħti s-sentenza appellata tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” ma hija bbażata fuq l-ebda definizzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1049/2001, mid-Direttiva 98/34 jew mill-ġurisprudenza. Hija tirrileva li sal-lum il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx definizzjoni ġenerali tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont ir-Repubblika Franċiża, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486) tixhed ir-rieda tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tinkwadrax il-klassifikazzjoni ta’ “għanijiet” tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’kundizzjonijiet formali. Għalhekk, din is-sentenza topponi n-natura restrittiva żżejjed tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” stabbilita mill-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata.

    48.

    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra, fit-tieni lok, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” fis-sentenza appellata ma hijiex koerenti mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816). Skont ir-Repubblika Franċiża, għalkemm f’din l-aħħar sentenza il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kien hemm qbil bejn il-partijiet li l-proċedura EU Pilot kient tifforma parti minn attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija xorta waħda eżaminat dik il-proċedura sabiex tiddetermina jekk hija kinitx verament tissodisfa dik il-klassifikazzjoni.

    49.

    Ir-Repubblika Franċiża tinnota li fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li proċedura “setgħet taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni”, peress li l-Kummissjoni tillimita ruħha għal talbiet għal informazzjoni mingħand l-Istat Membru kkonċernat, imbagħad twettaq evalwazzjoni tar-risposti miksuba, qabel ma tagħti l-konklużjonijiet tagħha stess, anki provviżorjament. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet fis-sentenza appellata, fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816), il-Qorti Ġenerali ma kinitx irrikjediet li l-proċedura inkwistjoni għandha tkun intiża sabiex tistabbilixxi ksur jew sabiex twassal għal teħid ta’ deċiżjoni definittiva sabiex tiġi kklassifikata bħala investigazzjoni.

    50.

    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-għanijiet u l-iżvolġiment tal-proċedura EU Pilot jippreżentaw anoloġiji importanti ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 98/34. Hija tippreċiża li l-proċedura EU Pilot, li kienet implementata fuq bażi volontarja bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, hija intiża sabiex tivverifika jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex osservat u applikat korrettament fi ħdan l-Istati membri, qabel l-eventwali ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni.

    51.

    Skont ir-Repubblika Franċiża, l-istess bħall-proċedura EU Pilot, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tikkostitwixxi proċedura ta’ djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru. Hija tinnota li matul din l-aħħar proċedura, il-Kummissjoni titlob informazzjoni u dokumentazzjoni mingħand l-Istat Membru, imbagħad tevalwahom sabiex, jekk ikun il-każ, tippreżenta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-konformità tal-abbozz ta’ regolament tekniku mad-dritt tal-Unjoni permezz tal-opinjoni ddettaljata prevista fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34. Ir-Repubblika Franċiża tinnota wkoll li jirriżulta mil-linji gwida dwar il-proċedura EU Pilot, li kienu ġew stabbiliti mill-Kummissjoni għall-attenzjoni tal-Istati Membri f’Novembru 2014, li din il-proċedura ma tistax tiġi implementata fir-rigward ta’ test adottat wara li tkun ingħalqet il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

    52.

    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra, fit-tielet lok, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tadotta d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” li tinsab fis-sentenza appellata, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 f’kull każ tissodisfa din id-definizzjoni b’kont meħud tal-għanijiet tagħha u tal-iżvolġiment tagħha.

    53.

    Ir-Repubblika Franċiża tqis li, billi llimitat ir-rwol tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 biss għar-riċevuta passiva tan-notifika mingħand l-Istat Membru, il-Qorti Ġenerali kisret l-għan, l-iżvolġiment u l-bilanċ tagħha.

    54.

    Skont ir-Repubblika Franċiża, id-djalogu previst fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 jippermetti li jippreċiża, li jibdel u li jirfina l-pożizzjonijiet kif ukoll li jirregola bonarjament it-tilwim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni. Hija tikkunsidra li din il-proċedura għandha l-għan li tiżgura l-implementazzjoni tal-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi nazzjonali f’konformità mar-regoli li jirregolaw is-suq intern, anki jekk hija ma tistax twassal għall-istabbiliment ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, għaliex ir-regolament tekniku nazzjonali kkonċernat ma jkunx daħal fis-seħħ meta jsir il-kontroll. Skont ir-Repubblika Franċiża, waqt din il-proċedura, il-Kummissjoni hija inkarigata minn kontroll preventiv bl-għan li tipproteġi l-moviment liberu tal-merkanzija u f’dan il-kuntest ta’ sikwit ser tkun imsejħa sabiex tiġbor il-fatti, tivverifika l-informazzjoni u tagħmel mistoqsijiet iddettaljati li jittrattaw l-abbozz ta’ regolament tekniku nazzjonali, b’mod li tkun tista’ tgħaqqad l-elementi mill-perspettiva tal-istabbiliment ta’ eventwali ksur.

    55.

    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ma taqbilx mad-dikjarazzjoni, li tidher fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha tadotta biss opinjoni mhux vinkolanti u intermedja. Għall-kuntrarju, hija tqis li l-għoti ta’ opinjoni ddettaljata jikkostitwixxi deċiżjoni li tittieħed mill-Kummissjoni fid-dawl tal-eżami li hija tkun wettqet tal-abbozz ta’ regolament tekniku nazzjonali u tal-ostakoli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri li dak ir-regolament ikun jista’ joħloq. Hija żżid li, meta testendi l-perijodu ta’ statu quo inizjali, din l-opinjoni tkun torbot lill-Istat Membru.

    56.

    Ir-Repubblika Franċiża żżid li, fi tmiem il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar jekk ikunx opportun li tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    – C. Schlyter

    57.

    C. Schlyter jikkunsidra li t-tliet argumenti avvanzati mir-Repubblika Franċiża għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u/jew infondati.

    58.

    Huwa jikkunsidra, l-ewwel nett, li għandha tkun il-Qorti Ġenerali li tippreċiża u tiżviluppa t-termini ġuridiċi kontenzjużi, it-tieni nett, li l-Qorti Ġenerali ma tbegħditx mill-pożizzjoni preċedenti tagħha, billi l-proċedura EU Pilot ma hijiex paragunabbli ma’ dik prevista mid-Direttiva 98/34, u dan jippermetti trattament differenti u t-tielet nett li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tikkostitwixxix investigazzjoni minħabba l-assenza ta’ mandat li jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiġbor, b’mod attiv, l-informazzjoni.

    59.

    C. Schlyter iqis, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ppreċiżat il-kunċett ta’ “investigazzjoni” fis-sentenza appellata għaliex nuqqas ta’ qbil fuq dan il-kunċett kien fil-qalba tal-kwistjoni. Huwa jinnota li l-Qorti Ġenerali “eżaminat il-kunċett ta’ “investigazzjoni” kif kien applikat fis-sentenzi preċedenti dwar il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat sabiex tiddetermina l-elementi karatteristiċi tal-kuncett ta’ “investigazzjoni” abbażi ta’ dik il-ġurisprudenza, u, parallelment, dan ippermettielha li tiddistingwi dawn is-sentenzi preċedenti minn din il-kawża (fi kliem ieħor, is-sentenzi dwar proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat jirrigwardaw investigazzjonijiet, filwaqt li din il-kawża, li tikkonċerna proċedura taħt id-Direttiva 98/34, ma tirrigwardax investigazzjoni)” ( 29 ).

    60.

    C. Schlyter jikkunsidra, fit-tieni lok, li l-osservazzjoni tar-Repubblika Franċiża li l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” fis-sentenza appellata ma hijiex koerenti mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-proċedura EU Pilot tikkostitwixxi investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija inammissibbli. Għal C. Schlyter, din l-osservazzjoni hija bbażata fuq aggravju ġdid li seta’ jitqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, għalkemm is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs il-Kummissjoni (T-306/12, EU:T:2014:816), kienet ingħatat wara s-sentenza appellata, billi l-partijiet f’dik il-kawża ma kinux ikkontestaw l-eżistenza ta’ investigazzjoni u l-proċedura EU Pilot kienet diġà ġiet utilizzata billi hija kienet applikabbli wara s-sena 2008. Għaldaqstant, dan il-paragun u l-argument imqajjem mir-Repubblika Franċiża kien imisshom tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali.

    61.

    Barra minn hekk, C. Schlyter jikkunsidra li din l-osservazzjoni tar-Repubblika Franċiża hija ineffettiva anki jekk teżisti din l-inkonsistenza bejn is-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816) u s-sentenza appellata, li mhux il-każ, u dan ma jistax jikkostitwixxi aggravju suffiċjenti. C. Schlyter isostni li, f’kull każ, dan l-argument huwa wkoll infondat għaliex, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Franċiża, il-proċedura EU Pilot [li kienet ikklassifikata bħala “attività ta’ investigazzjoni” mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816)] ma hijiex paragunabbli mal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, li, minħabba l-karatteristiċi differenti tagħha, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “attività ta’ investigazzjoni”. Għaldaqstant ma hemm l-ebda inkoerenza bejn is-sentenzi differenti tal-Qorti Ġenerali.

    62.

    C. Schlyter jenfasizza li, kuntrarjament għall-każ fil-proċedura EU Pilot, il-Kummissjoni ma tiġborx attivament informazzjoni fil-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, imma tirċievi notifika minn Stat Membru li għandha normalment diġà tkun tinkludi l-informazzjoni kollha u d-dokumenti kollha li l-Kummissjoni jkollha bżonn sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tar-regolament tekniku nnotifikat mad-dritt tal-Unjoni. Huwa jżid li l-Kummissjoni tista’ ulterjorment tressaq mistoqsijiet lill-Istat Membru kkonċernat, imma li hija ma għandhiex il-poter li tiġbor informazzjoni mingħand iċ-ċittadini u l-impriżi. Kull djalogu mal-Istat Membru qabel l-adozzjoni ta’ opinjoni ddettaljata normalment ikun ferm limitat.

    63.

    C. Schlyter jikkunsidra li, kuntrarjament għall-proċedura EU Pilot li hija bbażata fuq il-prinċipju li jeżisti ksur preżunt, il-probabbiltà ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara l-proċedura prevista mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 hija limitata. L-ewwel nett, skont C. Schlyter, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 hija newtrali u awtomatika u tirriżulta mir-redazzjoni ta’ abbozz ta’ miżura nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, mingħajr ma tassumi li hemm suspett ta’ ksur. It-tieni nett, C. Schlyter jikkunsidra li opinjoni ddettaljata ma għandhiex twassal għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, billi ma jeżistix il-ksur u ma huwiex ċert li se jimmaterjalizza ruħu l-perikolu ta’ ksur.

    64.

    Fit-tielet lok, C. Schlyter jikkunsidra li r-Repubblika Franċiża ma għandhiex raġun issostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ir-rwol tal-Kummissjoni biss għar-riċevuta passiva tal-informazzjoni ( 30 ). Din il-limitazzjoni u dan ir-rwol passiv jidhru fid-direttiva nnifisha, li għalhekk tenfasizza r-rwol tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru. Skont C. Schlyter, id-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża li, sabiex tevalwa jekk abbozz ta’ regolament tekniku huwiex jew le kompatibbli mar-regoli tas-suq intern, il-Kummissjoni “ta’ sikwit hija msejjħa sabiex tiġbor il-fatti” ( 31 ), ma għandhom l-ebda bażi. Huwa jikkunsidra li dawn huma kontestazzjoni ta’ konstatazzjoni fattwali li ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ appell. Għaldaqstant, dan l-argument huwa inammissibbli. Barra minn hekk, skont C. Schlyter, dan l-argument tar-Repubblika Franċiża huwa żbaljat għaliex l-ebda talba ulterjuri ta’ kjarifika sostanzjali mill-Kummissjoni ma hija rikjesta mid-direttiva u ma jistax jipprovdi ħarsa ġenerali preċiża tan-natura tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34. Huwa jinnota li, kuntrarjament għall-każ fil-proċedura EU Pilot, il-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tikkomunika mat-terzi sabiex tiġbor informazzjoni supplementari. C. Schlyter iżid li l-opinjoni ddettaljata ma tikkostitwixxix deċiżjoni vinkolanti.

    65.

    Huwa jinnota li xejn fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486) ma jissuġġerixxi li l-kunċett ta’ “investigazzjoni” ma jistax jiġi definit b’mod “limitattiv”. Barra minn hekk, skont C. Schlyter, ma jirriżultax minn din is-sentenza li kull miżura marbuta mal-funzjoni tal-Kummissjoni bħala protettriċi tat-trattati tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni.

    – Il-Kummissjoni

    66.

    Il-Kummissjoni tqis li d-definizzjoni ta’ “investigazzjoni” fil-punt 53 tas-sentenza appellata hija indebitament restrittiva u tikkostitwixxi ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija tinnota li din id-definizzjoni tintroduċi serje ta’ rekwiżiti formali li ma jistgħux jiġu dedotti mis-sempliċi frażi “attività ta’ investigazzjoni” u li ma hemm xejn fil-frażi “attività ta’ investigazzjoni” li jista’ jillimita dan il-kunċett għal proċeduri intiżi sabiex jistabbilixxu “ksur” jew sabiex jadottaw “deċiżjoni”. Il-Kummissjoni tenfasizza li, kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali fuq is-suġġett tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, din il-proċedura hija totalità formali ta’ stadji u ta’ djalogi mal-Istati Membri u mhux sempliċi proċedura mhux vinkolanti. Skont il-Kummissjoni, b’konformità mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li jissospendi b’sitt xhur l-adozzjoni tal-abbozz ta’ regolament tekniku jekk tingħata opinjoni ddettaljata u li jirrapporta lill-Kummissjoni fuq kif ser isegwi l-opinjoni ddettaljata. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, l-opinjoni ddettaljata timponi obbligu vinkolanti. Il-Kummissjoni tqis li opinjoni ddettaljata ma tistax titqies bħala opinjoni intermedja ta’ din l-istituzzjoni. Bis-saħħa tad-Direttiva 98/34, din tikkostitwixxi miżura uffiċjali li l-Kummissjoni tista’ tieħu fir-rigward ta’ abbozz ta’ regolament tekniku. Għaldaqstant, l-opinjoni ddettaljata hija l-pożizzjoni legali adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

    67.

    Il-fatt li l-Kummissjoni ma tiġborx informazzjoni b’mod attiv, imma li hija tirċeviha mingħand l-Istati Membri huwa kjarament irrilevanti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali tagħti importanza żejda lill-fatt li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tikkostitwixxi kontroll ex ante tar-regolamenti tekniċi ppjanati u mhux kontroll ex post ta’ dawn ir-regolamenti. Skont il-Kummissjoni, in-natura preventiva tal-proċedura taħt id-Direttiva 98/34 ma tfissirx li din ma hijiex attività ta’ investigazzjoni.

    68.

    Il-Kummissjoni żżid li d-djalogu u l-ġbir ta’ informazzjoni min-naħa tagħha b’applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34, “huwa ċertament ta’ natura informali, imma effettivament iseħħ u huwa, fil-verità, identiku għad-djalogu li jseħħ bejn Stat Membru u l-Kummissjoni matul il-proċedura ‘EU-Pilot’ jew il-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura ta’ ksur, li ġiet ikklassifikata bħala investigazzjoni” ( 32 ).

    – Ir-Repubblika Ċeka:

    69.

    Ir-Repubblika Ċeka ssostni l-argumenti invokati mir-Repubblika Franċiża fl-appell tagħha kif ukoll dawk invokati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha. Hija tikkunsidra li l-esklużjoni tal-applikabbiltà tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għal proċedura (pendenti jew anki “korrenti”) taħt id-Direttiva 98/34 tneħħi kull effett utli tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri taħt l-Artikolu 258 TFUE ( 33 ).

    – Ir-Repubblika tal-Finlandja,

    70.

    Ir-Repubblika tal-Finlandja hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija ssostni li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u l-każijiet enumerati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, b’deroga għal dik ir-regola ġenerali, għandhom jiġu interpretati b’mod ristrettiv.

    71.

    Hija tikkontesta l-pożizzjoni tar-Repubblika Franċiża li kull attività marbuta mal-ħarsien tal-libertajiet fundamentali u mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tikkonċerna investigazzjoni fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. Hekk ukoll, l-iżvelar ta’ dokumenti fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 f’ebda każ ma sejjer itellef lill-Kummissjoni milli teżerċita l-missjoni fdata lilha, jiġifieri li taġixxi bħala gwardjana tat-trattati li ma hijiex marbuta bid-definizzjoni ta’ “attività ta’ investigazzjoni” b’mod konformi mar-Regolament Nru 1049/2001 ( 34 ).

    72.

    Ir-Repubblika tal-Finlandja tfakkar li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni maħsub sabiex jinfluwenza b’mod preventiv il-proċedura leġiżlattiva nazzjonali ( 35 ) u li billi l-miżura finalment adottata mill-Istat Membru tista’ titbiegħed b’mod notevoli mill-abbozz inizjali, sabiex tevalwa l-ħtieġa tal-eventwali introduzzjoni ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni għandha takkwista informazzjoni ġdida fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 36 ). Għaldaqstant, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tirrigwardax sitwazzjoni li, fiha nnifisha, tista’ tagħti lok għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 37 ). Hija tinnota li l-proċeduri li jaqgħu taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxu kontroll sussegwenti li l-għan tagħhom huwa li tiġi investigata l-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jkunx ġie osservat u applikat korrettament mill-Istati Membri.

    73.

    Skont ir-Repubblika tal-Finlandja, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 hija wkoll differenti mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u mill-proċedura EU Pilot għaliex huwa l-Istat Membru li huwa obbligat jinnotifika lill-Kummissjoni l-elementi msemmija fid-Direttiva 98/34, filwaqt li, f’dawn iż-żewġ proċeduri l-oħra, l-iskambju ta’ informazzjoni jitwettaq fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

    74.

    F’dak li jikkonċerna d-definizzjoni ta’ investigazzjoni mogħtija fil-punt 53 tas-sentenza appellata, hija tqis li din ma hijiex kuntrarja għal dak li jirriżulta mill-punti 61 u 62 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486).

    – Ir-Renju tal-Isvezja

    75.

    Ir-Renju tal-Isvezja jikkunsidra li s-sentenza appellata hija fondata u l-osservazzjonijiet ifformulati mir-Repubblika Franċiża kontra tagħha huma bbażati fuq interpretazzjoni skorretta tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    76.

    Skont ir-Renju tal-Isvezja, il-prinċipju tal-iktar trasparenza possibbli previst mill-Artikolu 1 TUE sal-Artikolu 15 TFUE u mill-Artikolu 42 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea tinsab ukoll fid-Direttiva 98/34. Filwaqt li jinvoka l-punt 37 tas-sentenza appellata u l-kontroll preventiv li jissemma fid-Direttiva 98/34, huwa jsostni li l-għan tagħha huwa li jiżgura li ma jkunx hemm ħtieġa li tinfetaħ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    77.

    Ir-Renju tal-Isvezja jfakkar li, fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-istudji inkwistjoni kienu jiffurmaw parti mill-istrumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-obbligu impost fuqha taħt l-Artikolu 17(1) TUE, li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiskopri eventwali ksur mill-Istati Membri tal-obbligu tagħhom li jittrasponu d-direttivi kkonċernati. Huwa jinnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn l-istudji kienu jaqgħu, għaldaqstant, fil-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    78.

    Skont ir-Renju tal-Isvezja, opinjoni ddettaljata mogħtija fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tixbahx lil studju bħal dak eżaminat fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), minħabba d-differenza bejn il-kontenut tagħhom u l-għanijiet tagħhom. Huwa jżid li, billi dik is-sentenza ma tinkludix definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ “investigazzjoni”, ma hijiex direttament rilevanti f’dan il-każ.

    79.

    Fir-rigward tal-allegata analoġija bejn il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 u l-proċedura EU Pilot, ir-Renju tal-Isvezja jikkunsidra li jeżisti ċertu xebh bejniethom imma dan ix-xebh ma jistax ifisser li dawn iż-żewġ proċeduri għandhom natura ta’ investigazzjoni, imma li huma t-tnejn huma differenti mill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

    80.

    Ir-Renju tal-Isvezja jikkunsidra li r-Repubblika Franċiża ma għandhiex raġun issostni li jeżisti xebh qawwi bejn il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 u l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huwa jqis li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata hija fondata u li din il-konklużjoni hija kkorroborata mis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486).

    81.

    Ir-Renju tal-Isvezja jsostni wkoll li r-Repubblika Franċiża tikkunsidra skorrettament li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “investigazzjoni” mogħtija fis-sentenza appellata, din ser tkun applikabbli għall-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34. Huwa jfakkar, minn naħa, li d-Direttiva 98/34 ma tipprevedix obbligi fuq l-Istati Membri li jipprovdu, fuq it-talba tal-Kummissjoni, informazzjoni supplementari u li lanqas ma tipprevedi bażi li tagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tirrikjedi din l-informazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball meta kkonstatat li ma għandhiex tkun il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, li tiġbor l-informazzjoni qabel ma tagħti opinjoni ddettaljata. Min-naħa l-oħra, skont ir-Renju tal-Isvezja, billi huwa ċar li l-Istat Membru kkonċernat għandu, wara li jkun irċieva l-opinjoni ddettaljata, jinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li huwa fi ħsiebu jadotta wara dik l-opinjoni u li l-Kummissjoni għandha tieħu pożizzjoni fuq dawn il-miżuri, huwa impossibbli għall-Kummissjoni li, b’dik l-opinjoni, tadotta pożizzjoni finali fuq il-kwistjoni jekk seħħx ksur tad-dritt tal-Unjoni.

    Fuq l-ammissibbiltà

    82.

    F’dak li jikkonċerna l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn C. Schlyter ( 38 ), għandu jiġi nnotat li mill-punt 52 tas-sentenza appellata jirriżulta li r-Repubblika Franċiża argumentat quddiem il-Qorti Ġenerali li “l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 għandha tiġi kklassifikata bħala investigazzjoni” u li “l-għoti ta’ opinjoni ddettaljata fil-kuntest ta’ dik il-proċedura mill-Kummissjoni hija ekwivalenti għal attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001”.

    83.

    Issa, l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża li, fil-kuntest ta’ dan l-appell, jirrigwardaw l-inkonsistenza bejn is-sentenza appellata u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816) ( 39 ) huma intiżi sabiex juru li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tikklassifika l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 bħala “attività ta’ investigazzjoni” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    84.

    Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816), li ngħatat wara s-sentenza appellata, mogħtija fis-16 ta’ April 2015, sabiex issaħħaħ u tikkompleta l-argument tagħha li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni legali tagħha tal-opinjoni ddettaljata prevista fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34 billi qieset li din ma tikkostitwixxix attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    85.

    Isegwi li r-Repubblika Franċiża ma nvokatx aggravju ġdid. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

    86.

    Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn C. Schlyter ( 40 ), jirriżulta mill-punt 56 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, ma [kienx] il-kompitu tal-Kummissjoni li tiġbor informazzjoni qabel l-għoti ta’ opinjoni ddettaljata”. Fl-opinjoni tiegħi, din l-ispjegazzjoni tirrigwarda strettament il-kliem tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 u għaldaqstant, fuq dan is-suġġett, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

    87.

    Madankollu, ir-Repubblika Franċiża targumenta li l-Kummissjoni, inkarigata minn kontroll preventiv sabiex tipproteġi l-moviment liberu tal-merkanzija, hija sikwit imsejħa sabiex “tiġbor il-fatti” ( 41 ). Madankollu, fil-punt 31 tar-replika tagħha, ir-Repubblika Franċiża tfakkar “li l-aggravju tagħha ma jirrigwardax l-iżvolġiment tal-proċedura tad-Direttiva 98/34 li wasslet għad-deċiżjoni li C. Schlyter kkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali imma li dan l-aggravju jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-proċedura tad-Direttiva 98/34 bħala attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001”. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, din hija kwistjoni ta’ liġi.

    88.

    Bil-kuntrarju, C. Schylter jinnota li “la d-direttiva lanqas il-prassi ( 42 ), kif murija bin-notifika li saret mir-Repubblika Franċiża tal-miżura tagħha, ma juru r-rwol attiv li tal-Kummissjoni”.

    89.

    Huwa ċar li dan in-nuqqas ta’ qbil dwar il-prassi konkreta tal-Kummissjoni ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza appellata bbażata fuq it-test innifsu tad-Direttiva 98/34.

    Fuq il-mertu

    Rimarki preliminari

    90.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijet tal-Unjoni wiesa’ kemm jista’ jkun ( 43 ).

    91.

    Madankollu, dan id-dritt huwa suġġett għal ċerti limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. B’mod partikolari u f’konformità mal-premessa 11 ( 44 ) tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi, fl-Artikolu 4 tiegħu, li l-istituzzjonijiet għandhom jiċħdu l-aċċess għal dokument f’każ li l-iżvelar tiegħu jista’ jkun detrimentali għal wieħed mill-interessi protetti b’dan l-artikolu. Hekk, meta istituzzjoni tiddeċiedi li tiċħad l-aċċess għal dokument li jintalab l-iżvelar tiegħu, hija obbligata, fil-prinċipju, li tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jipperikola l-interess protett bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tinvoka dik l-istituzzjoni. Barra minn hekk, meta huma jidderogaw għall-prinċipju tal-iktar aċċess wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawk l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati ristrettivament ( 45 ).

    92.

    Ninnota li għalkemm it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li l-istituzzjonijiet għandhom jiċħdu l-aċċess għal dokument jekk l-iżvelar tiegħu ser jipperikola l-protezzjoni b’mod partikolari ta’ investigazzjoni, il-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni ma huwiex definit mir-Regolament Nru 1049/2001.

    93.

    Minkejja din l-assenza ta’ definizzjoni, il-kunċett “attivitajiet ta’ investigazzjoni” ma wasslitx għal kontestazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    94.

    Fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 43) dwar il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE, u tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 115) dwar il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-konċentrazzjonijiet bejn impriżi ( 46 ), kien hemm qbil bejn il-partijiet li d-dokumenti msemmija fl-applikazzjonijiet ta’ aċċess għad-dokumenti kienu effettivament jammontaw għal investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 47 ).

    95.

    Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 21 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑562/14 P, EU:C:2016:885) ( 48 ) u mill-punt 45 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816) fuq il-proċedura EU Pilot li la r-rikorrenti, u lanqas l-Istati Membri intervenjenti insostenn tagħhom ma kkontestaw li d-dokumenti kontenzjużi dwar il-proċedura EU Pilot kienu jammontaw għal attività ta’ investigazzjoni fis-sens tal-eċċezzjoni prevista ft-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    96.

    Il-proċedura EU Pilot kienet implementata mill-Kummissjoni fl-avviż tagħha “Lejn Ewropa ta’ riżultati – applikazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni]” ( 49 ). Dik il-proċedura, li timplika kooperazzjoni volontarja bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, tippreċedi eventwali introduzzjoni formali ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u intiża fl-istess nifs sabiex tivverifika l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni u sabiex issolvi fi stadju bikri l-kwistjonijiet li tqajjem dik l-applikazzjoni. Il-proċedura EU Pilot tissostitwixxi l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni li tibgħat ittri amministrattivi lill-Istati Membri fuq dan is-suġġett ( 50 ).

    97.

    Il-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” kien eżaminat speċifikament mill-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), madankollu mingħajr ma dan l-eżami wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni”.

    98.

    Fil-punti 61 sa 65 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat li l-istudji ( 51 ) li kienu twettqu fuq it-talba u għan-nom tal-Kummissjoni, wara li skada l-perijodu ta’ traspożizzjoni tat-totalità tad-direttivi tal-Unjoni li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ambjent, bl-għan speċifiku li jiġi vverifikat l-istat tal-proċess ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi differenti f’ċertu numru ta’ Stati Membri, kienu jidħlu fil-kuntest ta’ attività ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn l-istudji jiffurmaw parti mill-istrumenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-obbligu li hija għandha, skont l-Artikolu 17(1) TUE li tissorvelja, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiskopri eventwali nuqqas ta’ twettiq minn Stati Membri tal-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni tad-direttivi kkonċernati u sabiex tiddeċiedi, skont il-każ, li tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri li huma jikkunsidraw li kisru d-dritt tal-Unjoni ( 52 ).

    99.

    Jekk huwa ċar li l-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” previst fir-Regolament Nru 1049/2001 ikopri l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 53 ) u investigazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-ftuħ ta’ dik il-proċedura ( 54 ), dak il-kunċett ma kienx limitat u jinkludi wkoll, proċeduri oħra previsti mid-dritt tal-Unjoni intiżi għall-ġbir u l-verifika sistematika u formali ta’ informazzjoni meħtieġa għall-adozzjoni minn istituzzjoni tal-Unjoni ta’ deċiżjoni finali b’effetti legali vinkolanti ( 55 ). F’dan ir-rigward, jien nikkunsidra, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni ( 56 ), li l-Qorti Ġenerali ma llimitatx il-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” għal żewġ eżempji (jiġifieri l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u l-investigazzjonijiet li jistgħu jwasslu għaliha) billi ddeċidiet fil-punt 53 tas-sentenza appellata li “l-kunċett ta’ investigazzjoni jkopri kemm it-tiftix kollu mwettaq minn awtorità kompetenti sabiex jiġi stabbilit ksur kif ukoll il-proċedura li permezz tagħha amministrazzjoni tiġbor informazzjoni u tivverifika ċerti fatti qabel ma tieħu deċiżjoni”. Dawn l-indikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma sempliċement eżempji u ma jeskludux każijiet oħra ( 57 ).

    100.

    Għaldaqstant, l-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” fir-Regolament Nru 1049/2001 tirrikjedi analiżi preċiż u ddettaljat tal-opinjoni ddettaljata mogħtija b’applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34 fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva fid-dawl b’mod partikolari taż-żewġ eżempji li jissemmew fil-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    101.

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, billi hemm qbil li l-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” jifforma parti minn eċċezzjoni għar-regola ġenerali li d-dokumenti kollha għandhom ikunu aċċessibbli, din għandha tiġi interpretata u applikata b’mod ristrettiv.

    Fuq id-Direttiva 98/34

    102.

    Id-Direttiva 98/34 hija diviża fi tliet partijiet. L-ewwel nett, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34 huma ddedikati għan-normalizzazzjoni ( 58 ). It-tieni nett, id-Direttiva 98/34 hija ntiża sabiex iżżid it-trasparenza u tiżgura ambjent favorevoli tal-kompetittività tal-impriżi ( 59 ). It-tielet nett, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 huma intiżi, permezz ta’ kontroll preventiv ( 60 ), sabiex jipproteġu b’mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija ( 61 ), li huwa wieħed mill-pedamenti ( 62 ) tal-Unjoni.

    103.

    Hemm qbil li, f’din il-kawża, l-opinjoni ddettaljata, ibbażata fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, kienet ingħatat mill-Kummissjoni wara n-notifika li kienet saret lilha mir-Repubblika Franċiża ta’ abbozz ta’ regolament tekniku, u dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) ta’ dan id-direttiva. Konsegwentement, l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell tirrigwarda n-natura legali tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 u b’mod partikolari fuq in-natura legali tal-opinjoni ddettaljata. Għaldaqstant hija t-tielet parti tad-Direttiva 98/34 li hija involuta f’dan il-każ, billi l-partijiet li jirrigwardaw in-normalizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi fit-titjib tal-kompetittività huma irrilevanti għal dan l-appell.

    – L-Artikoli 8 u 9 u 15 tad-Direttiva 98/34

    104.

    L-għan tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 huwa li jantiċipaw u jipprevjenu l-adozzjoni ta’ regolamenti tekniċi ( 63 ) li jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontroll preventiv imsemmi fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 huwa utli billi r-regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, billi dawn l-ostakoli jistgħu jiġu permessi biss jekk ikunu meħtieġa sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti imperattivi mfittxija bi skop ta’ interess ġenerali ( 64 ).

    105.

    Konsegwentement, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 jipprevedi proċedura ta’ informazzjoni li bis-saħħa tagħha l-Istati Membri huma, bħala regola, obbligati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva ( 65 ).

    106.

    F’dan ir-rigward, b’konformità mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, sabiex jippermetti kontroll preventiv, huwa obbligu tagħhom li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, l-abbozzi ta’ dispożizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom speċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jingħataw saħħa vinkolanti ( 66 ). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom sa fejn possibbli jieħdu kont tal-osservazzjonijiet possibbli tal-Kummissjoni u dawk tal-Istati Membri l-oħra waqt il-preparazzjoni ulterjuri tar-regolament tekniku ( 67 ).

    107.

    Fil-fatt, fit-termini tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34, l-adozzjoni ta’ abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat taħt l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandha tkun posposta għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi n-notifika tal-abbozz ta’ regolament tekniku. Dan l-artikolu jipprevedi b’mod partikolari li dan il-perijodu għandu jiġi estiż għal sitt xhur ( 68 ) jekk ( 69 )il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor jagħtu opinjoni ddettaljata fis-sens li l-miżura proposta tippreżenta aspetti li jistgħu possibbilment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija, għall-moviment liberu tas-servizzi jew għall-moviment liberu tal-kapital tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern ( 70 ).

    108.

    Skont l-aħħar parti tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li jipproponi sabiex jadotta opinjoni ddettaljata u l-Kummissjoni għandha tikkummenta fuq dik ir-reazzjoni.

    109.

    Isegwi li l-għan tad-Direttiva 98/34 ma huwiex sempliċement li jinforma lill-Kummissjoni, imma preċiżament, li jelimina jew jirrestrinġi l-ostakoli għall-kummerċ li jista’ joħloq ir-regolament tekniku abbozzat, li jinforma lill-Istati Membri bir-regolamenti tekniċi proposti minn Stat, li jagħti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra ż-żmien meħtieġ sabiex jirreaġixxu u jipproponu emenda li jippermettu li jitnaqqsu, li jiġu eliminati jew li jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw mill-miżura proposta u li jħallu lill-Kummissjoni ż-żmien meħtieġ sabiex possibbilment tipproponi direttiva ta’ armonizzazzjoni ( 71 ).

    – L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 u l-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Artikolu 258 TFUE

    110.

    L-azzjoni preventiva jew ex ante prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 ma jidhirlix li tixbah lill-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE; lill-proċedura EU Pilot jew lill-proċedura inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), li huma intiżi sabiex jinkixfu u jiġu solvuti possibbli nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi mill-Istati Membri u kjarament jiffurmaw parti mill-kontroll ex post tal-applikazzjoni u tal-ossservanza tad-dritt tal-Unjoni, tliet proċeduri li kienu ġew ikklassifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala “attivitajiet ta’ investigazzjoni” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    111.

    Jekk huwa veru li, l-istess bħall-proċeduri ta’ kontroll ex post, il-proċedura preventiva prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 għandha l-iskop li tiżgura li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, hija ma hijiex intiża sabiex tivverifika jew tistabbilixxi jekk Stat Membru jkunx naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu taħt it-trattati ( 72 ).

    112.

    Peress illi l-abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat li jkun is-suġġett ta’ opinjoni ddettaljata jkun għadu mhux adottat u li, konsegwentement, l-ebda regolament tekniku ġdid ikun għadu ma daħal fis-seħħ, f’dan l-istadju dan ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni u jkun is-suġġett tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija fl-Artikolu 258 TFUE ( 73 ) jew ta’ proċeduri oħra b’żieda ma’ din il-proċedura intiża sabiex tiskopri u ssolvi possibbli nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri bis-saħħa tat-trattati ( 74 ). Għaldaqstant jidhirli li l-osservazzjoni tar-Repubblika Franċiża li “l-proċedura tad-Direttiva 98/34 tippermetti lill-Kummissjoni li tiġbor l-informazzjoni u li tivverifika ċerti fatti fil-perspettiva tal-istabbiliment ta’ ksur, qabel ma tieħu deċiżjoni” hija skorretta u għandha tiġi miċħuda.

    113.

    Barra minn hekk, minn imkien ma jirriżulta mill-punt 62 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), li kull inizjattiva meħuda mill-Kummissjoni sabiex, b’konformità mal-Artikolu 17(1) TUE, tissorvelja l-applikazzjoni tat-trattati tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, l-attivitajiet ta’ investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni inkwistjoni f’dik is-sentenza kienu intiżi speċifikament sabiex jiskopru possibbli nuqqasijiet mill-Istati Membri ta’ twettiq tal-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni tad-direttivi kkonċernati u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni jekk ikun il-każ, sabiex tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri li hija tikkunsidra li jkunu qegħdin jiksru d-dritt tal-Unjoni ( 75 ).

    114.

    Barra minn hekk, għalkemm l-opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni kienet ingħatat wara notifika mir-Repubblika Franċiża ta’ abbozz ta’ regolament tekniku u li dan l-iskambju bejn il-Kummissjoni u Stat Membru jista’ jissuġġerixxi ġbir u verifika sistematika u formali ta’ informazzjoni, dik l-opinjoni ddettaljata ma tikkostitwixxix “teħid ta’ pożizzjoni inizjali, proviżorja u konsultattiva” ( 76 ) ta’ dik l-istituzzjoni fuq l-abbozz leġiżlattiv nazzjonali li tista’ tinbidel, b’mod partikolari fid-dawl tar-riżervi espressi f’dik l-opinjoni.

    115.

    Isegwi li l-opinjoni ddettaljata tal-Kummissjoni tikkostitwixxi biss deċiżjoni jew teħid ta’ pożizzjoni intermedja jew preliminari fuq abbozz ta’ regolament tekniku, li l-uniku effett legali vinkolanti tagħha huwa li tissospendi b’sitt xhur l-adozzjoni mill-Istat Membru tar-regolament tekniku ( 77 ) u dan anki jekk, b’konformità mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, “l-opinjonijiet dettaljati għandhom jiġu adottati mill-kulleġġ tal-kummissarji u konsegwentement jikkostitwixxu deċiżjonijiet tal-Kummissjoni l-istess bħala ittra ta’ intimazzjoni jew opinjoni motivata adottata fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu” ( 78 ).

    116.

    Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni li kull proċedura fejn hemm skambju ta’ informazzjoni jew djalogu bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tat-trattati tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni ser tkun estensjoni mhux xierqa ta’ dan il-kunċett li mhux ser tkun konformi la mal-għan tar-Regolament Nru 1049/2001 lanqas mal-Artikolu 42 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali li jippromwovu l-aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ( 79 ).

    117.

    Konsegwentement, bħar-Renju tal-Isvezja ( 80 ), jien nikkunsidra li għandha ssir distinzjoni netta bejn minn naħa, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE, il-proċedura EU Pilot u l-proċedura inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486) li huma intiżi sabiex jiġu skoperti u solvuti possibbli nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istati Membri u min-naħa l-oħra, il-proċedura preventiva msemmija fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34, li jeskludi lill-opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni mill-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” ( 81 ).

    118.

    Din il-konklużjoni xejn ma hija affettwata mill-fatt li, wara l-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 u b’mod partikolari wara l-għoti ta’ opinjoni ddettaljata b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) ta’ dik id-direttiva, ir-regolamenti tekniċi adottati iktar tard jistgħu eventwalment iwasslu għall-ftuħ mill-Kummissjoni ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    119.

    Lanqas ma jista’ jinsilet argument mil-linji gwida tal-Kummissjoni tax-xahar ta’ Novembru 2014 dwar il-proċedura EU Pilot sabiex jiġi sostnut li l-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 timplika investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    120.

    Għalkemm, skont dawn il-linji gwida tal-Kummissjoni, il-proċedura EU Pilot ma tistax tiġi implementata meta Stat Membru ma jkunx osserva l-obbligu tiegħu li jirreaġixxi għall-opinjoni ddettaljata mogħtija b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34 u/jew l-Istat Membru jkun adotta regolament tekniku mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni, li jista’ jissuġġerixxi li ż-żewġ proċeduri huma tal-istess natura, ma jidhirlix li dan huwa l-każ fil-verità.

    121.

    Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 1.15 intitolat “Segwitu tal-proċedura tan-notifika” tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li “[g]ħal kull każ ieħor fejn il-ksur potenzjali tad-dritt tas-suq intern tal-UE ma kienx ġie kompletament solvut fil-kuntest tal-proċedura “98/34”, il-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet supplementari li wasslu, f’ċerti każi, għal proċeduri EU Pilot jew għal proċeduri ta’ ksur (Artikolu 258 TFUE)” ( 82 ).

    122.

    Minn dan isegwi li, fid-dawl tad-dokumentazzjoni kontradittorja tal-Kummissjoni stess fuq l-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ proċeduri ma ġietx stabbilita l-allegata impossibbiltà sabiex il-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 tiġi segwita mill-proċedura EU Pilot.

    123.

    Għandu jiżdied, b’konformità mal-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Finlandja ( 83 ), li huwa l-Istat Membru li huwa obbligat li jinnotifika l-elementi msemmija fid-Direttiva 98/34 ( 84 ), filwaqt li, fil-każ tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tal-proċedura EU Pilot, l-iskambju ta’ informazzjoni jinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

    124.

    F’kull każ, jekk, kif tindika r-Repubblika tal-Finlandja, il-Kummissjoni jkollha informazzjoni suffiċjenti, wara l-proċedura preventiva msemmija fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34, fuq il-“kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel l-adozzjoni ta’ ittra ta’ intimazzjoni […], il-fażi EU Pilot tista’ titħalla barra minħabba li hija [superfluwa u inutili]” ( 85 ). Madankollu, din is-sitwazzjoni fattwali u aleatorja marbuta ma’ fajl jew kawża speċifika ma timplikax, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża u tal-Kummissjoni, li l-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 u l-proċedura EU Pilot isegwu għanijiet simili.

    125.

    Konsegwentement, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 ma tikkostitwixxix attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    126.

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-uniku aggravju għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku u l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34

    127.

    Bit-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha, ir-Repubblika Franċiża targumenta li, fil-punti 84 sa 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, sussidjarjament, li, anki fil-każ li l-opinjoni ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni tifforma parti minn attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-iżvelar ta’ dan id-dokument mhux sejjer neċessarjament jipperikola l-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

    128.

    Isegwi minn dan li t-tieni parti tal-aggravju uniku hija bbażata fuq il-premessa li l-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    129.

    Għaldaqstant sejjer nanalizza din it-tieni parti fil-każ li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel parti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li l-proċedura inkwistjoni tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    130.

    Fl-ewwel lok, il-Gvern Franċiż jinnota li C. Schlyter f’ebda mument ma qajjem, fir-rikors inizjali tiegħu, fir-replika tiegħu jew fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-interventi, l-argument li, fil-każ li l-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tikkostitwixxi attività ta’ investigazzjoni, l-iżvelar tad-dokument ikkontestat ma kienx sejjer jipperikola l-għan ta’ dik l-attività ta’ investigazzjoni. Konsegwentement, huwa jikkunsidra li billi l-motiv imqajjem sussidjarjament mill-Qorti Ġenerali ma tqajjimx minn C. Schlyter (ir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali) u jikkonċerna l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża, fil-punti 84 sa 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qajmet dan il-motiv ex ufficio.

    131.

    Nikkunsidra li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    132.

    Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li “[l]- affermazzjoni tar-Repubblika Franċiża, waqt is-seduta, li ma għandux jiġi ssottovalutat l-aspett destabbilizzanti tal-fatt li tinġieb għall-konoxxenza tal-pubbliku kritika potenzjali tal-Kummissjoni fil-konfront tal-abbozz ta’ regolament tekniku nnotifikat qabel ma l-Istat Membru jkollu l-opportunità li jwieġeb għaliha, ma ġietx issostanzjata”. Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[r]-Repubblika Franċiża ma spjegatx, b’mod partikolari, liema istanza tiġi destabbilizzata b’mod mhux iġġustifikat minħabba l-fatt li tiġi reża pubblika opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità ta’ abbozz ta’ regolament tekniku ma’ ċerti aspetti tad-dritt tal-Unjoni” ( 86 ).

    133.

    Isegwi minn dan li, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża, il-Qorti Ġenerali ma qajmitx ex ufficio l-argument li l-aċċess għall-opinjoni ddettaljata kien jipperikola l-għan tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 imma biss irrispondiet għall-argumenti mqajma quddiemha mir-Repubblika Franċiża nnifisha u mill-Kummissjoni.

    134.

    Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża tinnota li fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 kien li jipprevjeni l-adozzjoni, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ regolament tekniku nazzjonali li jostakola l-moviment liberu tal-merkanzija jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-moviment liberu tal-kapital tal-operaturi ta’ servizzi ġewwa s-suq intern. Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk tat interpretazzjoni restrittiva tal-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34.

    135.

    Għar-Repubblika Franċiża, l-għan tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 għandu jkun dak li jwassal lill-Istat Membru li jemenda, jekk meħtieġ, abbozz ta’ regola nazzjonali sabiex jagħmilha konformi mar-regoli li jirregolaw is-suq intern, u dan, abbażi ta’ djalogu u ta’ soluzzjoni bonarja tad-diverġenza bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, ir-Repubblika Franċiża tqis li, flimkien mal-għan ta’ konformità tar-regoli nazzjonali, il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tfittex ukoll għan marbut mal-kwalità tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Hija tinnnota li fil-punt 63 tas-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u l-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li żvelar ta’ dokumenti relattivi għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu matul il-fażi prekontenzjuża tagħha setgħet timmodifika n-natura u l-iżvolġiment ta’ dik il-proċedura, billi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun iktar diffiċli sabiex jinbeda proċess ta’ negozjar u sabiex jintlaħaq ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat sabiex ikun possibbli li d-dritt tal-Unjoni jkun osservat u jiġi evitat rikors ġudizzjarju.

    136.

    Issa, iżżid ir-Repubblika Franċiża, kif jirriżulta mill-punt 109 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2009:520), “il-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjonijiet tiġi estiża anki għal marġni ta’ libertà li jippermetti diskussjonijiet mingħajr tfixkil dwar l-ilment tal-ksur [tad-dritt tal-Unjoni]. Tali marġni ta’ libertà jagħmel sens sakemm l-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-Kummissjoni jistgħu jaslu għal ftehim bonarju mingħajr ma jkunu suġġetti għal pressjoni pubblika żejda. Jekk kull fażi ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tkun pubblika, ikun diffiċli għall-persuni responsabbli mid-deċiżjonijiet politiċi li jirrevedu ċerti pożizzjonijiet li huma jkunu adottaw. Dan kollu jista’ jagħlaq it-triq għal soluzzjoni tal-kunflitt li tkun kemm senstata kif ukoll konformi mad-dritt”.

    137.

    Skont ir-Repubblika Franċiża, is-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat qabel ma tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

    138.

    C. Schlyter jikkunsidra li l-“fatt li jiġi ppreżentat għall-ewwel darba f’dan l-istadju tal-proċedura, argument dwar allegat ksur tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, billi jiġu invokati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott [fil-kawża Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2009:520), huwa inammissibbli]. Ir-Repubblika Franċiża kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-argument tagħha matul il-fażijiet inizjali tal-proċedura. C. Schlyter u l-Qorti Ġenerali talbu li l-argument dwar allegat effett dannuż jiġi sostanzjat, imma r-Repubblika Franċiża ma kinitx irrispondiet u baqgħet tinsisti li tiċċita l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott mingħajr ma tispjega kif dawn huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża”.

    139.

    Skont C. Schlyter, la l-ġurisprudenza ( 87 ) u lanqas id-Direttiva 98/34 innifisha ma jippermettu li tiġi aċċettata d-dikjrazzjoni tar-Repubblika Franċiża li d-Direttiva 98/34 hija intiża wkoll, bħala għan distint u indipendenti, sabiex ittejjeb id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Huwa jqis li għalkemm dan id-djalogu jista’ jkun utli sabiex jilħaq l-għan tad-Direttiva 98/34, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li din id-direttiva għandha għan aħħari wieħed biss, jiġifieri dak li tiggarantixxi l-konformità tar-regolamenti tekniċi nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u li l-kwistjoni jekk l-iżvelar tad-dokumenti jistax jipperikola l-għan tal-proċedura għandu jiġi eżaminat fir-rigward ta’ dan l-għan.

    140.

    Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn C. Schlyter ( 88 ) għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, jirrżulta mill-punti 83 et seq tan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża fil-kawża li wasslet għas-sentenza appellata li dan l-Istat Membru kien invoka l-argumenti inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ( 89 ) u ma qajjimhomx għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    141.

    Fir-rigward tal-mertu, ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni ristrettiva tal-għan tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 u li s-soluzzjoni bi ftehim bonarju tat-tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat qabel ma tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika ċ-ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni. Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku, l-għan tal-proċedura prevista f’dawk l-artikoli ta’ dik id-direttiva huwa li jantiċipa u jipprevjeni l-adozzjoni ta’ regolamenti tekniċi li ser joħolqu ostakoli għall-kummerċ. Kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża, is-soluzzjoni bonarja tat-tilwima bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat qabel ma tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex l-għan tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34. Konsegwentement, l-iżvelar tal-opinjoni ddettaljata ma jistax jipperikola l-għan ta’ dawk l-artikoli.

    142.

    Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad anki t-tieni parti tal-aggravju uniku.

    Fuq l-ispejjeż

    143.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmi regolament, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell skont l-imsemmi Artikolu 184(1), l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Skont l-Artikolu 184(4) tal-istess regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fil-proċeduri ta’ appell għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    144.

    Nikkunsidra li r-Repubblika Franċiża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet ta’ C. Schlyter. Ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Isvezja, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Konklużjoni

    145.

    Għar-raġunijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell;

    tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti minn C. Schlyter, u

    tikkundanna lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika tal-Finlandja, lir-Renju tal-Isvezja u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.

    ( 3 ) Previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).

    ( 4 ) Mogħtija b’applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34.

    ( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, L 217, p. 18. Għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 98/34 kienet ġiet imħassra bl-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1). Billi d-Direttiva 98/34 kienet “ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali għal iktar ċarezza u razzjonalità, dik id-Direttiva [kellha] tiġi kkodifikata.” (ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2015/1535). Ninnota, f’dan ir-rigward, li l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2015/1535 (li ma humiex applikabbli ratione temporis għal din il-kawża) jikkorrispondu essenzjalment għall-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34.

    ( 6 ) Ara l-punt 41 tas-sentenza kkontestata. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li kemm il-proċedura fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 huma ta’ natura bilaterali u li l-konklużjonijiet iddettaljati u l-kummentarji tal-Kummissjoni għandhom ikunu indirizzati unikament lill-Istat Membru kkonċernat.

    ( 7 ) Huwa kien sostnut mir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja. Il-Kummissjoni kienet sostnuta mir-Repubblika Franċiża.

    ( 8 ) ĠU 2006, L 264, p. 13. Ara l-punt 34 tas-sentenza appellata.

    ( 9 ) Ara l-punt 35 tas-sentenza appellata.

    ( 10 ) Ara l-punt 34 tas-sentenza appellata.

    ( 11 ) Ara l-punt 34 tas-sentenza appellata.

    ( 12 ) Ara l-punt 53 tas-sentenza appellata.

    ( 13 ) Ara l-punt 54 tas-sentenza appellata.

    ( 14 ) Ara l-punt 55 tas-sentenza appellata.

    ( 15 ) Ara l-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata.

    ( 16 ) Ara l-punt 58 tas-sentenza appellata.

    ( 17 ) Ara l-punt 59 tas-sentenza appellata.

    ( 18 ) Ara l-punt 60 tas-sentenza appellata.

    ( 19 ) Ara l-punt 61 tas-sentenza appellata.

    ( 20 ) Ara l-punt 62 tas-sentenza appellata.

    ( 21 ) Ara l-punt 63 tas-sentenza appellata.

    ( 22 ) Ara l-punt 79 tas-sentenza appellata.

    ( 23 ) Ara l-punt 80 tas-sentenza appellata.

    ( 24 ) Ara l-punt 84 tas-sentenza appellata.

    ( 25 ) Ara l-punt 87 tas-sentenza appellata.

    ( 26 ) Ara l-punt 89 tas-sentenza appellata.

    ( 27 ) Ara l-punt 90 tas-sentenza appellata.

    ( 28 ) Ara l-punt 90 tas-sentenza appellata.

    ( 29 ) Ara l-punt 8 tar-risposta ta’ C. Schlyter.

    ( 30 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 31 ) Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Il-Kummissjoni tinnota li “fil-kuntest tad-Direttiva 98/34, huwa ċar li l-istadji differenti tal-proċedura (osservazzjonijiet, opinjoni ddettaljata, obbligu li tittieħed u li jsir rapport dwarha, osservazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni) ta’ sikwit jimplikaw djalogu li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni u spjegazzjonijiet supplementari, li għandhom ikunu pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjonali leali”.

    ( 33 ) Ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni jagħmlu riferiment għall-punt 63 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u l-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċediet li “[ż] velar tad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu matul il-fażi prekontenzjuża tagħha tista’, barra minn hekk, taffettwa n-natura u l-iżvolġiment ta’ tali proċedura, fid-dawl tal-fatt li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun iktar diffiċli li jinbeda proċess ta’ negozjar u li jkun hemm ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat li jtemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, sabiex id-dritt tal-Unjoni jiġi osservat u sabiex jiġu evitati proċeduri legali”.

    ( 34 ) Ir-Repubblika tal-Finlandja tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawżi ClientEarth vs Il-Kummissjoni u ClientEarth u PAN Europe vs EFSA (C‑612/13 P u C‑615/13 P, EU:C:2015:219, punt 43).

    ( 35 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Ivansson et (C‑307/13, EU:C:2014:2058, l-punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 36 ) Ara d-digriet tat-13 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑341/97, EU:C:2000:434, punti 17 sa 21), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-proċedura ta’ emenda tar-regolamenti tekniċi ma tikkorrispondix għal proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    ( 37 ) Hija tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata.

    ( 38 ) Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 39 ) Ara l-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 40 ) Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) Ara l-punt 78 tal-appell u l-punt 30 tar-replika tar-Repubblika Franċiża.

    ( 42 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 43 ) Is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 57). Ara wkoll, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tipprovdi li “[l]-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond [l-Artikolu 15(3) TUE]”, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 li jipprovdi li dan ir-regolament huwa intiż b’mod partikolari sabiex “li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni previsti fl-Artikolu [15 TUE] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti” u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jipprevedi li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”. Barra minn hekk, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.”

    ( 44 ) Din il-premessa tipprevedi li “[b]ħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet ħandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.” Enfasi miżjuda minni.

    ( 45 ) Is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u l-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punti 70 sa 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 46 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31.

    ( 47 ) Ara wkoll, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T‑237/02, EU:T:2006:395, punt 76) fuq il-proċedura fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

    ( 48 ) F’dan l-appell, ir-Renju tal-Isvezja talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Settembru 2014, Spirlea vs Il-Kummissjoni (T‑306/12, EU:T:2014:816).

    ( 49 ) COM (2007), 502 finali.

    ( 50 ) Ara b’mod partikolari, il-linji gwidi tal-Kummissjoni tax-xahar ta’ Novembru 2014 dwar il-proċedura EU Pilot.

    ( 51 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “kull wieħed minn dawn l-istudji, li huwa dwar Stat Membru wieħed u direttiva waħda, jinkludi […] paragun tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni rilevanti, flimkien ma’ analiżi legali u konklużjonijiet dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati mill-Istat Membru kkonċernat”. Is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 61).

    ( 52 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li t-twettiq tal-istudji kontenzjużi ġie fdat mill-Kummissjoni lil prestatarju estern minflok ma sar mid-dipartimenti tagħha stess, u li dawn l-istudji ma jirriflettux il-pożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni u lanqas ma hija responsabbli għalihom, ma jfissirx li l-Kummissjoni, billi ordnat li jsiru dawn l-istudji, segwiet għan differenti minn dak intiż sabiex jiddisponi, grazzi għal dawn il-mezzi ta’ investigazzjoni, informazzjoni fil-fond dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni ta’ ċertu numru ta’ Stati Membri mad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni, li jippermettilha li tiskopri l-eżistenza ta’ possibbli ksur ta’ dan id-dritt u li tibda, skont il-każ, proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru inadempjent. [Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 63)]. Barra minn hekkk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” ma kienx ikkundizzjonat mill-eżistenza ta’ deċiżjoni formali adottata mill-Kummissjoni miġbura f’kulleġġ li tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri. Is-sentenza ts-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 60).

    ( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u l-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738).

    ( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (C‑562/14 P, EU:C:2016:885) fuq il-proċedura EU Pilot.

    ( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob (C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 115) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fir-rigward tad-dokumenti skambjati bejn il-Kummissjoni u l-partijiet notifikanti jew terzi, [fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89] huwa stabbilit li d-dokumenti inkwistjoni effettivament jaqgħu taħt attività ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi, li jikkonsisti fil-verifika dwar jekk konċentrazzjoni tagħtix jew le lill-partijiet notifikanti setgħa fuq is-suq li tista’ taffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv, il-Kummissjoni tiġbor fil-kuntest ta’ tali proċedura informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata ma’ strateġiji kummerċjali tal-impriżi involuti, mal-ammonti tal-bejgħ tagħhom, mas-sehem tagħhom mis-suq jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti ta’ tali proċedura ta’ kontroll jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u ma’ dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni huma, f’dan il-każ, marbutin flimkien”.

    ( 56 ) Skont il-Kummissjoni, id-definizzjoni mogħtija fil-punt 53 tas-sentenza appellata “hija indebitament restrittiva u tikkostitwixxi ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001”.

    ( 57 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Catinis vs Il-Kummissjoni (T‑447/11, EU:T:2014:267, punt 51) fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dokumenti rċevuti mill-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) “jagħmlu effettivament parti minn attività ta’ investigazzjoni” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Issa, ir-rapport stabbilit wara inkjesta mwettqa mill-OLAF u r-rakkomandazzjonijiet li jakkompanjawh (ara l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999, ĠU 2013, L 248, p. 1) ma jikkostitwixxux deċiżjoni u l-investigazzjoni inkwistjoni ma hijiex proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE.

    ( 58 ) Ara b’mod partikolari, l-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew imħassra bl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 316, p. 12).

    ( 59 ) Fil-punt 82 tas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 98/34, “tfittex li tippermetti użu aħjar mill-vantaġġi inerenti għas-suq intern mill-operaturi ekonomiċi billi tiżgura l-pubblikazzjoni regolari tal-leġiżlazzjonijiet tekniċi abbozzati mill-Istati Membri u billi b’hekk tqiegħed lil dawn l-operaturi f’pożizzjoni li juru l-evalwazzjoni tagħhom dwar l-impatt ta’ dawn”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-operaturi ekonomiċi ta’ Stat Membru għandhom jiġu informati bl-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi adottati minn Stat Membru ieħor kif ukoll bil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u bil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn tal-aħħar, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru jafu l-portata tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom u jantiċipaw l-adozzjoni ta’ dawn it-testi billi, jekk ikun il-każ, jadattaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fi żmien xieraq”. Ara s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 83). Fil-fatt, skont ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Il-funzjonament tad-Direttiva 98/34/KE mill-2011 sal-2013, tas-17 ta’ Lulju 2015, [COM(2015) 0338 finali], il-proċedura ta’ notifika tar-regolamenti tekniċi nazzjonali “tippermetti lill-operaturi ekonomiċi, inklużi l-impriżi żgħar u medji (SME), li jesprimu l-opinjoni tagħhom u jadattaw l-attivitajiet tagħhom fi żmien utli għar-regolamenti tekniċi futur. Dawn tal-aħħar għandhom jagħmlu użu sħiħ minn dan id-dritt, u b’hekk jgħinu lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex ineħħu possibbli ostakoli għall-kummerċ”.

    ( 60 ) Enfasi miżjuda minni. Ara s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 82).

    ( 61 ) Id-Direttiva 98/34 għandha l-għan mhux biss tal-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ ostakoli għall-moviment ħieles tal-kapital imma wkoll il-prevenzjoni tal-ħolqien ta’ ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment ġewwa s-suq intern.

    ( 62 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 98/34 li tipprevedi li “s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri li fiha jiġi żgurat il-moviment tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital; billi, għalhekk, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-moviment tal-merkanzija u ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti hija waħda mill-prinċipji bażiċi tal-[Unjoni]”.

    ( 63 ) Ara l-punt 11 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża UNIC u Uni.co.pel (C‑95/14, EU:C:2015:270) li jfakkar “[l]-għan tad-Direttiva 98/34 huwa li tgħin sabiex ikun evitat il-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għall-kummerċ fis-suq intern. Hija tintroduċi mekkaniżmu għal trasparenza u kontroll preventiv billi teżiġi li l-Istati Membri jinnotifikaw regolamenti tekniċi f’forma ta’ abbozz qabel l-adozzjoni u mbagħad, b’mod ġenerali, iħarsu perijodu ta’ waqfien ta’ mill-inqas tliet xhur […] qabel jadottaw ir-regolament ikkonċernat, sabiex jagħtu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni opportunità li jesprimu kull tħassib dwar ostakoli potenzjali għall-kummerċ”. Enfasi miżjuda minni. Għandu jitfakkar li mhux biss il-Kummissjoni imma anki l-Istati Membri jistgħu jagħtu opinjonijiet ddettaljati b’applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34 u l-ebda distinzjoni legali bejn l-opinjonijiet ddettaljati mogħtija mill-Kummissjoni u dawk tal-Istati Membri ma hija prevista minn dik id-direttiva. Issa, l-ebda waħda mill-partijet ma tallega li, fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34, l-Istati Membri għandhom imexxu xi investigazzjoni fuq xulxin.

    ( 64 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, Belgische Petroleum Unie et (C‑26/11, EU:C:2013:44, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 65 ) Għandu jiġi nnotat li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 98/34, l-informazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 8 ta’ dak id-direttiva ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali, b’eċċezzjoni ta’ meta l-Istat Membru li jagħmel in-notifika jitlob espressament li jkunu hekk. Bil-kuntrarju, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/34 ma jagħmel l-ebda referenza għall-kwistjoni ta’ kunfidenzjalità. Isegwi li l-kwistjoni tal-aċċess għall-opinjoni ddettaljata prevista mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34 hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. Konsegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni tal-aċċess għall-opinjoni ddettaljata, id-Direttiva 98/34 ma tikkostitwixxix lex specialis fil-konfront tar-Regolament Nru 1049/2001, kif kien issuġġerit waqt is-seduta.

    ( 66 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Balázs (C‑251/14, EU:C:2015:687, punt 43).

    ( 67 ) Ara l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 98/34.

    ( 68 ) Dan il-perijodu huwa ta’ erba’ xhur għall-abbozzi marbuta mas-servizzi jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor joħroġ opinjoni ddettaljata li l-miżura prevista tinkludi aspetti li jistgħu eventwalment joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi jew għal-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ta’ servizzi fil-kuntest tas-suq intern.

    ( 69 ) Jien nikkunsidra, konformement mal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża waqt is-seduta, li l-għoti ta’ opinjoni ddettaljata b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34 ma huwiex stadju awtomatiku imma jseħħ jekk “il-miżura prevista tista’ toħloq ostakolu għall-moviment liberu ta’ l-oġġetti fis-suq intern”.

    ( 70 ) Il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jiġi estiż għal tnax-il xahar jekk fit-tliet xhur wara d-data tan-notifika, il-Kummissjoni tiddikjara l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew li toħroġ leġiżlazzjoni fuq is-suġġett kopert bl-abbozz ta’ regolament tekniku. [Ara l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 98/34]. Barra minn hekk, jekk l-obbligi ta’ notifika u ta’ sospensjoni ma jkunux osservati, ir-regolament tekniku jibqa’ ma jistax jintuża kontra l-individwi. [Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Schwibbert (C‑20/05, EU:C:2007:652, punt 38)].

    ( 71 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 50). Il-premessa 13 tad-Direttiva 98/34 tiddikjara li “l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom wkoll jingħataw żmien biżżejjed li fih jipproponu emendi għal miżura kkontemplata” u l-premessa 16 ta’ din l-istess direttiva tippreċiża li “l-Istati Membri għandhom […] iħallu għal iktar tard l-implimentazzjoni tal-miżura kkontemplata għal perjodu biżżejjed taż-żmien biex jagħtu permess jew għal eżami konġunt ta’ l-emendi proposti jew għat-tħejjija ta’ proposta għall-att li jorbot tal-Kunsill jew l-adozzjoni ta’ att li jorbot mill-Kummissjoni”.

    ( 72 ) Ara l-Artikolu 258 TFUE.

    ( 73 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 59 sa 61 tas-sentenza appellata. Waqt is-seduta, C. Schlyter innota li fir-rigward tal-proċedura prevista mil-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 li tirrigwarda abbozzi ta’ regolamenti tekniċi, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni kienet purament ipotetika, imbegħda u spekulattiva.

    ( 74 ) Kif innotat ir-Repubblika tal-Finlandja, “[i]l-leġiżlazzjoni definittiva li Stat Membru jsipiċċa jadotta tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 tista’ tkun ferm differenti mill-abbozz inizjali. Għall-bżonnijiet tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa tal-introduzzjoni ta’ possibbli proċedura ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha, f’kull każ, takkwista informazzjoni ġdida dwar is-sitwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-proċedura taħt id-Direttiva 98/34/KE ma tistax waħedha tintuża sabiex jiġi preżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”. (Ara l-punt 8 tar-replika tar-Repubblika tal-Finlandja għall-intervent tar-Repubblika Ċeka). Fil-fatt, “il-kontroll imwettaq fil-kuntest tal-proċedura taħt id-Direttiva 98/34 huwa preventiv u l-għan tiegħu huwa dak li jipprevjeni eventwali kuntradizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-proċedura ta’ ksur hija kontroll a posteriori li l-għan tagħha huwa li jwaqqaf l-attivitajiet ta’ Stat Membru meqjusa bħala kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni”. Ara l-punt 11(a) tar-replika tar-Repubblika tal-Finlandja għall-intervent tar-Repubblika Ċeka.

    ( 75 ) Ara l-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 76 ) Ara l-punt 63 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, jekk il-proċedura msemmija mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 hija obbligatorja, il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fl-opinjoni ddettaljata ma hijiex vinkolanti u l-Istati Membri huma liberi li jimmodifikaw jew le l-abbozzi tagħhom ta’ regolamenti tekniċi. Kif innotat il-Kummissjoni, “fi tmiem il-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34, huwa l-Istat Membru kkonċernat li jiddeċiedi jekk jadottax l-abbozzi ta’ regolamenti bħal dawk innotifikati, jekk jimmodifikahomx jew jekk jirtirahomx […]”. (Ara l-punt 21 tar-replika tal-Kummissjoni). Skont ir-Repubblika tal-Finlandja “[i]d-dispożizjoni li sejra finalmenet tiġi adottata mill-Istat Membru b’kont meħud tal-osservazzjonijiet esposti dwarha tista’ titbiegħed notevolment mill-pjan inizjali. Sabiex tevalwa l-ħtieġa tal-eventwalil preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni għandha għaldaqstant, f’kull każ, takkwista informazzjoni ġdida fuq is-sitwazzjoni, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, rigward l-elementi li l-Istat Membru kien obbligat li jindika taħt id-Direttiva 98/34”. Ara l-punt 11 tar-replika tar-Repubblika tal-Finlandja.

    ( 77 ) Ara t-tieni inċiż tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 98/34.

    ( 78 ) Ara l-punt 21 tar-replika tal-Kummissjoni.

    ( 79 ) Ara, b’analoġija, il-punt 43 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawżi ClientEarth vs Il-Kummissjoni u ClientEarth u PAN Europe vs EFSA (C‑612/13 P u C‑615/13 P, EU:C:2015:219), li “l-‘attività ta’ investigazzjoni’ fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma [kellhiex] tiġi konfuża mal-‘attività ta’ sorveljanza’ li l-Artikolu 17(1) TUE jafda, b’mod ġenerali, lill-Kummissjoni bl-għan tal-‘applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni’. Fil-fatt teżisti differenza ta’ grad netta bejn l-attività ta’ investigazzjoni msemmija minn dik id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-attività ta’ informazzjoni meħtieġa li l-Kummissjoni tista’ twettaq fir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-trattati.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali – għaliex la fil-punt 43 u lanqas f’xi parti oħra minn dawn il-konklużjonijiet ma sibt dan il-paragrafu]

    ( 80 ) Ara l-punt 19 tar-replika tar-Renju tal-Isvezja li tipprovdi “li għandha teżisti rabta ma’ dikjarazzjoni li ssir mill-Kummissjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni sabiex l-eċċezzjoni ta’ kunfidenzjalità intiża sabiex tipproteġi l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tkun tista’ tiġi applikati. Għalhekk għandha ssir demarkazzjoni sabiex teskludi l-miżuri proviżorji meħuda preventivament mill-Kummissjoni.”

    ( 81 ) Skont ir-Renju tal-Isvezja “[b]illi l-Istat Membru għandu, wara li jkun irċieva l-opinjoni ddettaljata, jinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li huwa fi ħsiebu jadotta wara din l-opinjoni u l-Kummissjoni għandha tieħu pożizzjoni dwar dawn il-miżuri, huwa impossibbli għal kollox għall-Kummissjoni, permezz ta’ dik l-opinjoni, li tadotta pożizzjoni definittiva fuq il-kwistjoni jekk hemmx ksur tad-dritt tal-Unjoni”.

    ( 82 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 83 ) Ara l-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, il-punt 3(a) tal-linji gwida tal-Kummissjoni tax-xahar ta’ Novembru 2014 dwar il-proċedura EU Pilot li jispjega l-istadji prinċipali tal-proċedura EU Pilot.

    ( 84 ) Waqt is-seduta, C. Schlyter enfasizza n-natura multilaterali tal-proċedura prevista fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34 filwaqt li l-proċedura EU Pilot hija ta’ natura bilaterali.

    ( 85 ) Ara l-punt 14 tar-replika tar-Repubblika tal-Finlandja għall-intervent tar-Repubblika Ċeka.

    ( 86 ) Ara wkoll, il-punt 77 tas-sentenza appellata fis-sens li “lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument tal-Kummissjoni li l-iżvelar, matul il-perijodu ta’ “statu quo”, tal-opinjoni ddettaljata li hija tat fil-kuntest tal-proċedura prevista mid-Direttiva 98/34 jista’ jippreġudika d-diskussjonijiet sussegwenti bejn il-partijiet (id-disa’ paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni (kontenzjuża), sa fejn l-imsemmija proċedura tista’ potenzjalment twassal għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru li jinnotifika”. Għandu jiġi enfasizzat li d-disa’ paragrafu tal-punt 3 tad-deċiżjoni kontenzjuża litiġjuża jinsab fil-parti intitolat “Protection of the purpose of Investigations” (protezzjoni tal-għan tal-attività ta’ investigazzjoni).

    ( 87 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia (C‑303/04, EU:C:2005:528, punt 22; tal-15 ta’ April 2010, Sandström (C‑433/05, EU:C:2010:184, punt 42), kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Intercommunale Intermosane u Fédération de l’industrie et du gaz (C‑361/10, EU:C:2011:382, l-punt 10).

    ( 88 ) Ara l-punt 138 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 89 ) Ara l-punti 83 u 84 tan-nota ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza appellata li “Hekk, hija ġurisprudenza kostanti li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jistennew li tkun il-Kummissjoni li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoniji li jistgħu jwasslu għal rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu […]. F’dan ir-rigward, kif sostna fil-konklużjonijiet tiegħu l-Avukat Ġenerali Kokott [fil-kawża] Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2009:520), il-protezzjoni ta’ spazju liberu, bl-għan ta’ diskussjonijiet sereni fuq l-ilment ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni hija għaqlija sabiex l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jipprovaw jaslu fi ftehim bonarju mingħajr pressjoni”.

    Top