EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0320

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/271/KEE – Trattament tal-ilma urban mormi – Artikolu 4(1) u (3) – Trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti.
Kawża C-320/15.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:246

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

Kawża C-320/15

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru – Ambjent – Trattament ta’ ilma urban mormi – Artikolu 4(1) u (3) u l-punti B u D tal-Anness I tad-Direttiva 91/271/KEE – Kampjuni rappreżentattivi”

I. Introduzzjoni

1.

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (iktar ’il quddiem id-“DTIUM”) ( 2 ) hija intiża li tipproteġi l-ambjent mill-effetti negattivi ta’, inter alia, skariki ta’ ilma urban mormi li ma jkunx ġie ttrattat biżżejjed. Hija tistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri biex jissuġġettaw l-ilma urban mormi għal trattament xieraq. Biex juru li l-ilma urban mormi jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli, l-Istati Membri iridu jiġbru kampjuni tal-ilma urban mormi li huma jkunu ssuġġettaw għat-trattament preskritt.

2.

Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-DTIUM fir-rigward ta’ tmien agglomerazzjonijiet. Dan l-Istat Membru ma jikkontestax l-allegat ksur għal ħamsa minn dawk l-agglomerazzjonijiet. Fir-rigward tat-tliet agglomerazzjonijiet l-oħra, madankollu, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar jekk ir-Repubblika Ellenika pprovdietx lil din tal-aħħar b’kampjuni suffiċjenti tal-ilma ttrattat.

3.

Il-kwistjoni ta’ kemm il-kampjuni huma meħtieġa taħt id-DTIUM ċertament li ma hijiex waħda ġdida. Madankollu, x’aktarx li huwa ġust li jiġi aċċettat li fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux dejjem ikkunsidratha b’konsistenza perfetta. Skont it-talba magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jiffokaw għaldaqstant biex jiċċaraw din il-kwistjoni speċifika.

II. Il-kuntest ġuridiku

4.

L-obbligi msemmija fid-DTIUM huma stabbiliti skont dak li jissejjaħ l-ekwivalenti ta’ popolazzjoni (iktar ’il quddiem l-“e.p.”) tal-agglomerazzjoni kkonċernata ( 3 ).

5.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-DTIUM, l-Istati Membri kellhom jiżguraw inter alia li l-agglomerazzjonijiet b’e.p. ta’ bejn 2000 u 15000 ( 4 ) ikunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir ( 5 )għall-ilma urban mormi sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005.

6.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-DTIUM, l-Istati Membri kellhom jiżguraw, inter alia, li l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun suġġett għal trattament sekondarju jew ekwivalenti qabel ma jiġi skarikat. L-agglomerazzjonijiet ta’ bejn 10000 u 15000 e.p. u l-agglomerazzjonijiet ta’ bejn 2000 u 10000 e.p. għal skariki li jispiċċaw f’ilma ħelu jew estwarji kellhom jikkonformaw ma’ din id-dispożizzjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005.

7.

Skont l-Artikolu 4(3) tad-DTIUM dawn l-iskariki għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti tal-punt B tal-Anness I tad-DTIUM.

8.

Il-punt B tal-Anness I jelenka r-rekwiżiti għal skariki minn impjant ta’ trattament tal-ilma urban mormi fl-ilmijiet riċeventi b’dan il-mod:

“1.

Impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi għandhom ikunu ppjanati u modifikati biex kampjun[i] rappreżentattiv[i] ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel u [ta’] l-effluwent ittrattat ikun jista’ jinkiseb [ikunu jistgħu jinkisbu] qabel ma dan jintrema fl-ilmijiet riċeventi.

2.

Skariki minn impjant tat-trattment tal-ilma mormi urban soġġetti għat-trattament skond l-Artikoli 4 u 5 għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet murija fit-Tabella 1.

[…]”

9.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-DTIUM, l-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet xierqa għandhom, inter alia, jissorveljaw l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi. Dan biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I, skont il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fil-punt D tal-Anness I.

10.

Il-punt D tal-Anness I tad-DTIUM jelenka l-metodi ta’ riferiment għas-sorveljanza u għall-evalwazzjoni tar-riżultati. Il-punt D(3) jispeċifika li n-numru minimu annwali ta’ kampjuni għandu jkun iddeterminat skont il-qies tal-impjant tat-trattament u li dawn għandhom jinġabru f’intervalli regolari matul is-sena. Għal impjanti ta’ trattament ta’ qies bejn 2000 sa 9999 e.p., in-numru minimu huwa 12-il kampjun matul l-ewwel sena. Fis-snin ta’ wara, huma meħtieġa erba’ kampjuni jekk il-kampjuni miġbura matul l-ewwel sena jkunu konformi mad-DTIUM. Jekk wieħed mill-erba’ kampjuni jfalli, ikollhom jittieħdu 12-il kampjun ieħor fis-sena ta’ wara. Għal impjanti ta’ trattament ta’ qies bejn 10000 u 49999 e.p., in-numru minimu huwa 12-il kampjun.

III. Proċedura

11.

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika tipprovdi data li tirrigwarda l-implementazzjoni tad-DTIUM f’perijodu ta’ 6 xhur. B’mod iktar speċifiku, din id-data intalbet biex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-konformità mal-Artikolu 4 tad-DTIUM. It-talba kienet tikkonċerna l-agglomerazzjonijiet b’e.p. ta’ iktar minn 2000.

12.

Wara li eżaminat id-data pprovduta mir-Repubblika Ellenika għas-sena 2007, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li 62 agglomerazzjoni kienu kisru l-Artikolu 4 tad-DTIUM.

13.

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni talbet kjarifika mingħand ir-Repubblika Ellenika. Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għal dik l-ittra fil-21 ta’ Diċembru 2010 billi pprovdiet iktar informazzjoni.

14.

Fis-17 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni li fiha indikat li r-Repubblika Ellenika kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-DTIUM. Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għal dik l-ittra fil-11 ta’ Awwissu 2011, billi pprovdiet iktar informazzjoni dwar l-agglomerazzjonijiet rilevanti.

15.

Fl-1 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Ellenika fejn iddikjarat li l-Istat Membru kompla jikser id-DTIUM.

16.

Wara skambju ta’ iktar informazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata supplimentari lir-Repubblika Ellenika fil-21 ta’ Frar 2014. Hija sostniet li tmien agglomerazzjonijiet, jiġifieri Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia, Desfina, Galatista, Polychrono u Chaniotis, baqgħu mhux konformi mal-Artikolu 4 tad-DTIUM.

17.

Fis-26 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bdiet kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE. Hija talbet dikjarazzjoni li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (3) tad-DTIUM.

18.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ppreżentati mir-Repubblika Ellenika u mill-Kummissjoni. Iż-żewġ partijiet ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2017.

IV. Evalwazzjoni

19.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej: l-ewwel nett, ser nipprovdi sunt konċiż tal-ġurisprudenza preċedenti li ttrattat, espliċitament jew impliċitament, ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-DTIUM u l-punti B u D tal-Anness I tagħha (A). It-tieni nett, ser nipprova norganizza b’mod sistematiku dik il-ġurisprudenza fir-rigward taż-żewġ elementi ċentrali għal din l-azzjoni: il-loġika u l-struttura interna tad-DTIUM u r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet u l-Anness I (B.1.), u l-obbligi korrelattivi tal-Istati Membri f’termini ta’ kampjuni li għandhom jiġu pprovduti (B.2.). It-tielet parti (C) ser tittratta dan il-każ, fejn l-ewwel ser nindirizza l-agglomerazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ma huwiex ikkontestat in-nuqqas ta’ provvista ta’ kampjuni (C.1.) u sussegwentement ser indur fuq dawk li huma kkontestati (C.2.).

A. Il-ġurisprudenza eżistenti

20.

Il-kwistjoni li jiġu pprovduti kampjuni taħt id-DTIUM għandha żewġ elementi ċentrali: l-ewwel nett, in-natura speċifika tar-rabta bejn l-Artikoli 4 u 15 tad-DTIUM fuq naħa waħda, u l-punti B u D tal-Anness I fuq in-naħa l-oħra. Minn din issegwi l-kwistjoni tal-kwantità u tal-kwalità tal-kampjuni li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri taħt kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

21.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha diversi opportunitajiet biex tieħu pożizzjoni fuq ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet rispettivi tad-DTIUM u l-punti B u D tal-Anness I.

22.

Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja ( 6 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li r-rekwiżiti taħt il-punt D tal-Anness I tad-DTIUM kienu issodisfatti ppermetta li jiġi konkluż li l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva kien ġie osservat.

23.

Il-fatt dwar jekk l-inferenza inversa hijiex minnha, jiġifieri li l-osservanza tal-Artikolu 4 tista’ tiġi stabbilita biss jekk l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi n-numru ta’ kampjuni miġbura skont il-metodu deskritt fil-punt D tal-Anness I, ġie kkontestat sussegwentement fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju. Il-gvern tal-Belġju argumenta li “b’mod konformi mal-Artikolu 4 u mal-punt B tal-Anness I tad-[DTIUM], l-obbligi taħt id-Direttiva jkunu ssodisfatti meta impjant ta’ trattament li jipprovdi s-servizzi tiegħu lil agglomerazzjoni jkun beda jopera u meta l-ewwel riżultati tal-analiżijiet juru li l-kompożizzjoni tal-effluwenti hija konformi mar-regoli inklużi fit-tabella 1 tal-Anness I tad-[DTIUM]” ( 7 ).

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-każ mingħajr ma ħadet pożizzjoni espliċita fuq dan il-punt. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet speċifiċi kkonċernati li “fid-data tal-preżentata tar-rikors tal-Kummissjoni, dawn kellhom impjanti ta’ trattament iżda, kuntrarjament għal dak previst fil-punt D tal-Anness I tad-[DTIUM], ma kinux ittieħdu tnax-il kampjun matul l-ewwel sena tal-operazzjoni tagħhom”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid imbagħad li “[…] fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iż-żewġ agglomerazzjonijiet inkwistjoni ma kellhomx impjanti ta’ trattament u li, konsegwentement, huma ma kinux f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-[DTIUM]” ( 8 ).

25.

Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall Nru I”) il-Kummissjoni argumentat li “l-obbligi tal-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-[DTIUM] jimplikaw it-twettiq tal-kontrolli previsti fil-punt D tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li għalihom ikun neċessarju li, għal perijodu ta’ sena, jittieħdu numru minimu ta’ kampjuni […]” ( 9 ).

26.

Fl-istess kawża, ir-rabta bejn l-Artikolu 4 u l-punti B u D tal-Anness I ġiet esplorata sew fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón. Huwa kkonkluda li biex jiġu evalwati l-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 4 tad-DTIUM, id-dispożizzjoni rilevanti hija l-punt B tal-Anness I, mhux il-punt D tal-Anness I. Huwa enfasizza li l-punt D tal-Anness I jirrigwarda l-Artikolu 15 tad-DTIUM. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna s-sorveljanza ta’ wara l-installazzjoni. Dan jinvolvi “obbligu kontinwu li skontu għandu jiġi żgurat li l-iskariki jissodisfaw maż-żmien ir-rekwiżiti ta’ kwalità li kellhom jilħqu mit-tħaddim tal-impjant” ( 10 ). Sabiex jiġi stabbilit jekk impjant ta’ trattament partikolari jissodisfax ir-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I “ma huwiex meħtieġ li jkun hemm konformità mal-proċedura ta’ teħid tal-kampjuni tal-punt D tal-Anness I” ( 11 ).

27.

Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón innota li jekk wieħed jeżiġi li l-kampjuni meħuda fuq perijodu ta’ sena sabiex jevalwa l-konformità mal-Artikolu 4, dan ikun ifisser li dawk il-kampjuni għandhom jiġu pprovduti sad-dati speċifikati fl-Artikolu 4. Dan ikun ifisser fil-fatt li t-terminu li fih l-agglomerazzjonijiet ikunu jridu jiġu mgħammra bis-sistemi ta’ ġbir, kif stabbilit fl-Artikolu 3, ikunu jridu jitqiesu bħala li jirreferu għal sena qabel id-dati stabbiliti ( 12 ).

28.

Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall Nru I, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet mal-interpretazzjoni proposta mill-Avukat Ġenerali. Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li l-osservanza tal-Artikolu 4 trid tintwera b’metodu stabbilit fil-punt D tal-Anness I, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-Artikolu 4 tad-DTIUM ma jagħmel ebda riferiment għall-punt D tal-Anness I. Billi rreferiet għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-punt D tal-Anness I jirreferi għal “obbligu kontinwu li għandu l-għan li jiggarantixxi li l-iskariki jissodisfaw ‘maż-żmien’” ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ kwalità tal-punt B tal-Anness I ( 13 ). Min-naħa l-oħra, ma jeżiġix li l-kampjuni jittieħdu fuq perijodu ta’ sena. Il-Qorti żiedet li “hekk kif Stat Membru jkun jista’ jippreżenta kampjun li jissodisfa r-rekwiżiti previst fil-punt B tal-Anness I tad-[DTIUM], l-obbligi taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu kkunsidrati bħala ssodisfatti” ( 14 ).

29.

L-istess interpretazzjoni ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja ( 15 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li meta Stat Membru jkun jista’ jipprovdi kampjun wieħed li jkun konformi mar-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I tad-DTIUM, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 għandhom jitqiesu bħala ssodisfatti. Dan għaliex din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-kampjuni jittieħdu fuq perijodu ta’ sena. Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat sussegwentement l-istess soluzzjoni għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-obbligi taħt l-Artikolu 5 tad-DTIUM ( 16 ).

30.

Madankollu, il-pożizzjoni li kampjun wieħed huwa suffiċjenti ma tidhirx li ġiet aċċettata kompletament fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ellenika ( 17 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-konklużjoni tagħha dwar jekk ir-Repubblika Ellenika kinitx kisret l-Artikolu 4(3) tad-DTIUM fuq il-fatt li dak l-Istat Membru naqas milli jipproduċi provi skont l-punt D tal-Anness I. ( 18 ).

31.

F’kawża sussegwenti li tikkonċerna wkoll lill-Portugall (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall Nru II”) ( 19 ), ġie ppreżentat rikors taħt l-Artikolu 260(2) TFUE ( 20 ). Il-Kummissjoni reġgħet sostniet li biex tintwera l-osservanza tal-Artikolu 4 tad-DTIUM, l-evalwazzjoni tal-kampjuni trid issir fuq perijodu ta’ sena skont l-punt D tal-Anness I li jistabbilixxi n-numru minimu annwali ta’ kampjuni ( 21 ).

32.

Fil-konklużjonijiet tagħha f’dik il-kawża, l-Avukat Ġenerali Kokott ikkunsidrat ( 22 ) li “mid-[DTIUM] ma għandux jiġi dedott li l-implementazzjoni tal-Artikolu 4 tirrikjedi t-teħid ta’ kampjuni fir-rigward ta’ impjant tat-trattament speċifiku. Għall-kuntrarju, l-obbligu li jittieħdu kampjuni f’intervalli regolari jeżisti indipendentement mill-obbligu li jitwettaq trattament sekondarju effettiv” ( 23 ). Hija kkunsidrat li “t-teħid tal-kampjuni huwa prova xierqa li l-impjant tat-trattament jissodisfa r-rekwiżiti tad-[DTIUM]” ( 24 ).

33.

Mingħajr ma ħadet pożizzjoni espliċita fuq is-sottomissjoni tal-Kummissjoni fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall Nru II, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li peress li l-Portugall kien ħa kampjuni fir-rigward tal-agglomerazzjoni kkonċernata f’intervalli regolari fuq perijodu ta’ diversi xhur, l-iskariki inkwistjoni kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(3) tad-[DTIUM] ( 25 ).

34.

Biex nikkonkludi: wara ftit ambigwità inizjali dwar il-portata legali preċiża tal-punt D tal-Anness I fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs L‑Italja ( 26 ) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet bejn obbligu ta’ darba li jirrigwarda t-tħaddim ta’ installazzjoni taħt l-Artikolu 4 u l-obbligu ta’ sorveljanza kontinwa ta’ wara l-installazzjoni taħt l-Artikolu 15 tad-DTIUM fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall Nru I. Hija qalet li kampjun wieħed huwa biżżejjed biex Stat Membru juri li osserva l-Artikolu 4 tad-DTIUM.

B. Il-prova tal-osservanza tal-Artikolu 4 tad-DTIUM

35.

Fid-dawl tas-sunt mogħti hawn qabel, ma jistax ma jingħadx li l-ġurisprudenza inizjali x’aktarx ma kinitx xempju ta’ ċarezza. Madankollu, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall Nru I, din il-kwistjoni ġiet iċċarata.

36.

Din il-parti tipprovdi stampa konċiża tal-elementi prinċipali tal-kuntest ġuridiku rilevanti, b’enfasi mill-ġdid fuq iż-żewġ elementi prinċipali: l-istruttura u l-loġika interna tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DTIUM (1) u sussegwentement fuq id-dettalji tal-obbligi tal-Istati Membri għat-teħid ta’ kampjuni (2).

1.  L-istruttura interna tad-DTIUM

37.

Kif intqal fil-parti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón kien għamel distinzjoni ċara bejn l-Artikolu 4 u l-punt B tal-Anness I min-naħa waħda, u l-Artikolu 15 u l-punt D tal-Anness I min-naħa l-oħra u dan fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Portugall Nru I. Din ġiet sussegwentement ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

38.

Il-Kummissjoni argumentat preċedentement u għadha qiegħda targumenta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha f’din il-kawża li l-metodu kkontemplat mil-leġiżlatur tal-Unjoni għas-sorveljanza ta’ wara l-installazzjoni taħt il-punt D tal-Anness I għandu jiġi applikat ukoll biex jiġi evalwat jekk l-obbligu ta’ darba huwiex konformi mal-Artikolu 4.

39.

Madankollu, dan l-approċċ imur kontra l-istruttura u l-loġika interna tad-DTIUM.

40.

Għandu jitfakkar li l-Artikoli 4 u 15 tad-DTIUM għandhom skopijiet differenti. L-Artikolu 4 għandu l-għan li jiżgura li l-Istati Membri jissuġġettaw l-ilma urban mormi f’agglomerazzjonijiet speċifiċi għal trattament sekondarju jew ekwivalenti sa ċerti dati. L-Artikolu 15 għandu l-għan li jiżgura li l-Istati Membri jkomplu jissuġġettaw dak l-ilma urban mormi għal trattament sekondarju jew ekwivalenti matul il-ħajja operattiva sħiħa ta’ impjant ta’ trattament partikolari.

41.

Skont dawn l-iskopijiet differenti, kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tirreferi għal punt differenti tal-Anness I tad-DTIUM. Dawn il-punti jistabbilixxu d-dettalji tal-obbligi tal-Istati Membri għat-teħid ta’ kampjuni. Il-kontenut tagħhom huwa aġġustat skont l-għanijiet differenti li għandhom l-Artikoli 4 u 15.

42.

L-Artikolu 4(3) jirreferi għall-punt B tal-Anness I. Dan tal-aħħar jistabbilixxi l-valuri speċifiċi li jridu jintlaħqu bit-trattament sekondarju jew ekwivalenti meta s-sistema ta’ ġbir tibda topera.

43.

L-Artikolu 15 jirreferi għall-punt D tal-Anness I. Dan tal-aħħar jistabbilixxi l-proċeduri ta’ kontroll biex tiġi ssorveljata l-osservanza kontinwa tal-valuri stabbiliti fil-punt B tal-Anness I malli s-sistema ta’ ġbir tkun bdiet topera. Dawn ir-regoli ta’ sorveljanza ta’ wara l-installazzjoni huma intiżi li joperaw fuq bażi annwali. L-Istati Membri huma meħtieġa jiġbru kampjuni tal-ilma urban mormi ttrattat matul is-sena u f’intervalli regolari.

44.

Biex nikkonkludi: l-evalwazzjoni tal-obbligi taħt l-Artikolu 4 u l-punt B tal-Anness I jiffokaw loġikament fuq mument wieħed: il-mument meta s-sistema ta’ ġbir inkwistjoni tibda topera. L-evalwazzjoni tal-obbligi taħt l-Artikolu 15 u l-punt D tal-Anness I hija, mid-definizzjoni tagħha, proċess kontinwu għal żmien indeterminat. Barra minn hekk, il-punt B tal-Anness I ikompli jistabbilixxi r-rekwiżiti sostantivi rilevanti (valuri) li għandhom jiġu osservati sussegwentement, matul il-ħajja operattiva sħiħa tas-sistema ta’ ġbir.

2.  L-obbligu ta’ teħid ta’ kampjuni taħt l-Artikolu 4 tad-DTIUM

45.

Il-kwistjoni dwar id-dettalji speċifiċi tal-obbligi ta’ teħid ta’ kampjuni tirriżulta loġikament mill-istruttura interna tad-DTIUM deskritta iktar ’il fuq.

46.

Diġà ġie ċċarat li l-Kummissjoni ma tistax teżiġi mill-Istati Membri li dawn jieħdu 12-il kampjun fuq perijodu ta’ sena skont il-punt D tal-Anness I sabiex tivverifika l-osservanza tal-Artikolu 4 tad-DTIUM.

47.

Jidher li issa l-Kummissjoni ma għadhiex tisħaq fuq r-rekwiżit invokat preċedentement għal 12-il kampjun. Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ffokat fuq l-argument li minkejja dan kollu l-kampjuni pprovduti mill-Istati Membri jridu jkunu rappreżentattivi.

48.

Fil-fatt, il-punt B(1) tal-Anness I jipprovdi li “[i]mpjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi għandhom ikunu ppjanati u modifikati biex kampjun[i] rappreżentattiv[i] ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel u [ta’] l-effluwent ittrattat ikun jista’ jinkiseb [ikunu jistgħu jinkisbu] qabel ma dan jintrema fl-ilmijiet riċeventi” ( 28 ).

49.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha raġun tgħid li l-kampjuni meħtieġa taħt l-Artikolu 4 moqri flimkien mal-punt B tal-Anness I għandhom ikunu rappreżentattivi. Madankollu, it-test tal-punt B tal-Anness I (jew id-DTIUM fil-fatt) ma jistabbilixxix x’jinvolvi l-kunċett ta’ kampjuni rappreżentattivi.

50.

X’inhuma allura “kampjun[i] rappreżentattiv[i]”? Hemm żewġ aspetti ta’ dan il-kunċett li għandhom jiġu ċċarati: kwantitattiv u kwalitattiv.

51.

Għal dak li jikkonċerna l-aspett kwantitattiv, jiġifieri n-numru ta’ kampjuni, iridu jiġu enfasizzati tliet punti.

52.

L-ewwel nett, kif ġie nnutat qabel, l-istruttura interna tad-DTIUM tiddistingwi bejn l-Artikoli 4 u 15. It-tnejn li huma jirreferu għal partijiet differenti tal-Anness I. Loġikament, in-numru ta’ kampjuni li jistgħu jintalbu taħt kull waħda mid-dispożizzjonijiet għandu jkun differenti. Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissuġġetta l-possibbiltà li tiġi pprovata l-osservanza tal-Artikolu 4(3) b’sena sħiħa ta’ teħid ta’ kampjuni, huwa kien juża l-istess soluzzjoni proċedurali bħal dik użata fil-punt D tal-Anness I.

53.

It-tieni nett, in-numru ta’ kampjuni li jridu jiġu pprovduti taħt il-punt B tal-Anness I irid ukoll ikun inqas minn dawk li jridu jiġu pprovduti taħt il-punt D tal-Anness I. Dan ukoll jirriżulta mil-loġika differenti taż-żewġ dispożizzjonijiet: ir-rekwiżit għall-obbligi ta’ sorveljanza kontinwa ta’ wara l-installazzjoni, intiż li jiġi ssodisfatt fuq bażi annwali, huwa neċessarjament iktar oneruż milli jekk jiġi pprovat li, f’mument partikolari ta’ żmien, l-installazzjoni kienet bdiet topera u bdiet tissuġġetta l-ilma urban mormi għal trattament sekondarju jew ekwivalenti.

54.

Is-sett ta’ valuri “inqas minn 12” huwa pjuttost ċar fil-qasam tal-aritmetika ta’ numri naturali. Madankollu, dan jista’ jkun jeħtieġ kjarifika ulterjuri f’termini ta’ provi li għandhom jiġu prodotti mill-Istati Membri fid-DTIUM.

55.

It-tielet nett, din hija r-raġuni għaliex il-loġika u l-iskop tal-Artikolu 4 tad-DTIUM huma rilevanti. Kif issemma fil-parti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 4 u l-punt B tal-Anness I jiffokaw essenzjalment fuq mument partikolari ta’ żmien u l-verifika korrelattiva: il-bidu tat-tħaddim tat-trattament sekondarju meħtieġ tal-ilma urban mormi fid-dati meħtieġa. Peress li, b’kuntrast mas-sorveljanza kontinwa sussegwenti li sseħħ taħt l-Artikolu 15 tad-DTIUM, din essenzjalment hija verifika ta’ darba, ikkonċentrata fuq mument partikolari ta’ żmien, kampjun wieħed suppost li jkun biżżejjed.

56.

Għaldaqstant, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall Nru I, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat espressament li fir-rigward tan-numru speċifiku ta’ dawn il-kampjuni, kampjun wieħed li jikkonforma mal-valuri stabbiliti fil-punt B tal-Anness I huwa biżżejjed biex juri konformità mal-Artikolu 4 tad-DTIUM.

57.

Fid-dawl tal-elementi suesposti, ma jistax ma jiġix ripetut li naturalment, l-evalwazzjoni tal-provi hija min-natura tagħha dipendenti mill-każ. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti individwali ta’ kull każ. Madankollu, b’mod ġenerali, għall-iskopijiet li jiġi kkonfermat li s-sistema ta’ ġbir ta’ Stat Membru tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u fl-punt B tal-Anness I, kampjun wieħed huwa biżżejjed.

58.

Madankollu, għandu jitfakkar li l-formulazzjoni tal-punt B tal-Anness I tuża l-plural. Huwa jirreferi għal kampjuni rappreżentattivi, u mhux għal kampjun rappreżentattiv.

59.

Madankollu, mad-daqqa ta’ għajn, dan l-element huwa marbut b’mod xi ftit sorprendenti, mhux mal-kwantità tal-kampjuni, imma pjuttost mal-kwalità interna u l-kompożizzjoni tal-kampjun meħtieġ.

60.

Kif spjegat b’mod utli l-Kummissjoni fis-seduta, l-użu tal-plural fil-punt B tal-Anness I jirrifletti l-fatt li l-evalwazzjoni tal-konformità mal-punt B tal-Anness I għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 tad-DTIUM teħtieġ żewġ tipi distinti ta’ kampjun: wieħed għall-ilma mormi li jkun dieħel u l-ieħor għall-effluwent ittrattat li jkun ħiereġ.

61.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn il-kwalità tal-kampjuni u l-kwantità tagħhom. Hija tammetti li, fid-dawl tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall Nru I ( 29 ) kampjun wieħed huwa biżżejjed f’termini ta’ kwantità ta’ kampjuni. Hija tenfasizza, madankollu, il-kwalità neċessarja tal-kampjun ipprovdut.

62.

Mingħajr preġudizzju għal jekk tali argument jistax jitqajjem għall-iskopijiet ta’ din il-kawża, kwistjoni li ser nittratta fil-parti C.2 ta’ dawn il-konklużjonijiet fil-punt 84 et seq., inqis li, b’mod ġenerali, dan l-approċċ huwa kompatibbli mal-kliem użat fil-punt B tal-Anness I. Fil-fatt, il-punt B(1) tal-Anness I jirreferi għal “kampjun[i] rappreżentattiv[i] ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel u [ta’] l-effluwent ittrattat”.

63.

Biex nikkonkludi: sabiex juri li osserva l-Artikolu 4 tad-DTIUM, l-Istat Membru huwa obbligat jipprovdi mill-inqas kampjun rappreżentattiv wieħed. Il-Kummissjoni tista’, bħala prinċipju, titlob lil Stat Membru jipprovdi par kampjuni, wieħed għall-ilma urban mormi li jkun dieħel u wieħed għall-effluwent ittrattat, skont il-formulazzjoni tal-punt B(1) tal-Anness I. Madankollu, wara s-sentenza Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni Nru I, iż-żewġ elementi ta’ dan il-par jistgħu jinġabru, sa fejn huwa teknikament possibbli, fl-istess mument ta’ żmien. Il-kampjun huwa “plural” li jfisser li huwa magħmul minn dawn iż-żewġ elementi msemmija qabel u għaldaqstant rappreżentattiv, iżda jista’ jkun “singular” fis-sens li l-elementi kollha tiegħu jistgħu jinġabru f’mument wieħed ta’ żmien.

C. Il-każ ineżami

64.

Skont ġurisprudenza stabbilita, f’azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni għandha fuqha l-oneru tal-prova. Hija għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tistabbilixxi li ma jkunx twettaq obbligu. Il-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru naqasx milli jissodisfa l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istat Membru meta jintemm it-terminu preskritt fl-opinjoni motivata ( 30 ).

65.

F’dan il-każ, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan il-perijodu skada fil-21 ta’ April 2014.

1.  L-agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista

66.

Ir-Repubblika Ellenika ma kkontestatx l-allegazzjoni ta’ ksur fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista. Ir-Repubblika Ellenika tammetti li x-xogħol meħtieġ għall-kostruzzjoni jew għat-titjib tas-sistemi ta’ ġbir għadu ma tlestiex. Fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli u Vagia, ir-Repubblika Ellenika tammetti li r-rekwiżiti tad-DTIUM ser ikunu ssodisfatti biss malli jitlestew ix-xogħlijiet pendent. Fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Galatista, ir-Repubblika Ellenika taqbel li t-tħaddim tas-sistema ta’ ġbir ma huwiex konformi mad-DTIUM u li din is-sistema trid tiġi ssostitwita.

67.

Fi proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi jekk jeżistix l-allegat ksur tal-obbligi ( 31 ) anki meta l-Istat Membru kkonċernat ma jikkontestax il-ksur.

68.

F’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika tammetti li s-sistemi ta’ ġbir fl-agglomerazzjonijiet imsemmija għadhom ma tlestewx jew iridu jitjiebu. Din hija l-pożizzjoni li ttieħdet waqt is-seduta. Għaldaqstant ma hemm xejn x’jikkontradixxi l-evidenza prodotta mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 4 tad-DTIUM fis-sens li l-ilma urban mormi f’dawn il-ħames agglomerazzjonijiet ma kienx suġġett għal trattament sekondarju jew ekwivalenti qabel ma jiġi skarikat.

2.  L-agglomerazzjonijiet ta’ Polychrono, Chaniotis, u Desfina

69.

In-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 4 huwa kkontestat fir-rigward tat-tliet agglomerazzjonijiet li ġejjin:

70.

Għal Polychrono, ir-Repubblika Ellenika pprovdiet 12-il kampjun għas-sena 2012 u 12-il kampjun għas-sena 2013. Il-Kummissjoni tgħid li erba’ kampjuni pprovduti għas-sena 2012 jeċċedu l-valuri preskritti. Hija tiddikjara wkoll li tliet kampjuni pprovduti għas-sena 2013 ukoll jeċċedu dawn il-valuri. Skont il-Kummissjoni, dan jammonta għal numru ikbar ta’ kampjuni mhux konformi minn dak awtorizzat taħt it-tabella 3 tal-Anness I. Il-Kummissjoni tqis li l-kampjuni pprovduti ma jistgħux jitqiesu bħala rappreżentattivi peress li ma ttieħdux skont il-punt D tal-Anness I. B’mod iktar speċifiku, ma ġew ipprovduti ebda kampjuni għal Jannar sa April 2012, Jannar sa April 2013, Novembru 2013 u Diċembru 2013. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika Ellenika naqset milli tipprovdi kampjuni li juru konformità, bħala prinċipju, ma nbidlitx fid-dawl tas-16-il kampjun li l-Istat Membru pprovda fid-difiża tiegħu għall-2013 fil-fażi bil-miktub tal-proċedura.

71.

Fir-rigward ta’ Chaniotis, ir-Repubblika Ellenika pprovdiet 12-il kampjun għall-2012. Skont il-Kummissjoni, kampjun wieħed biss ma kienx konformi mal-valuri preskritti. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-kampjuni pprovduti ma jistgħux jitqiesu bħala li huma rappreżentattivi u li ttieħdu f’intervalli regolari peress li ebda kampjun ma ttieħed bejn Jannar u April 2012. Barra minn hekk, inizjalment ma ġie pprovdut ebda kampjun għall-2013. Fir-rigward tal-kampjuni li r-Repubblika Ellenika pprovdiet fid-difiża tagħha fil-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawk tal-2013 ma josservawx il-valuri preskritti, u dawk tal-2014 ma ttieħdux f’intervalli regolari.

72.

Għal dak li jikkonċerna lil Desfina, ir-Repubblika Ellenika pprovdiet erba’ kampjuni għall- 2011, żewġ kampjuni għall-2012 u tmien kampjuni għall-2013. Il-Kummissjoni tinnota li skont il-punt D tal-Anness I, suppost kellhom jittieħdu 12-il kampjun fl-2012 peress li wieħed mill-kampjuni li ttieħed fl-2011 ma kienx josserva l-valuri preskritti. Bl-istess mod, peress li wieħed mill-kampjuni meħuda fl-2012 instab li ma kienx konformi, ir-Repubblika Ellenika suppost reġgħet ħadet 12-il kampjun fl-2013. Addizzjonalment, il-kampjuni meħuda ma setgħux jittieħdu f’intervalli regolari peress li n-numru tagħhom ma kienx suffiċjenti. Barra minn hekk, wieħed mill-parametri ta’ wieħed mill-kampjuni pprovduti fl-2013 ma kienx jikkonforma mal-valuri stabbiliti fil-punt D(4) tal-Anness I tad-DTIUM.

73.

Fi kliem ieħor, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li biex tagħmel evalwazzjoni affidabbli possibbli taħt l-Artikolu 4 tad-DTIUM, ir-Repubblika Ellenika kellha tipprovdi, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ikkonċernati, riżultati sodisfaċenti għal perijodu li jikkorrispondi mill-inqas għal sena wara l-bidu tat-tħaddim tas-sistema ta’ ġbir rispettiva, skont il-metodi stabbiliti fil-punt D tal-Anness I.

74.

Fid-dawl tar-raġunament użat fil-parti preċedenti, il-Kummissjoni hija żbaljata fl-argumenti tagħha. Tħares kif tħares lejn il-kampjuni pprovduti fir-rigward ta’ dawn it-tliet agglomerazzjonijiet, dawn huma konformi, f’termini kwantitattivi, mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 moqri flimkien mal-punt B tal-Anness I. Iktar minn kampjun wieħed ġie pprovdut.

75.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kienet mitluba tikkummenta fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall Nru I. Fid-dawl ta’ dik is-sentenza, il-Kummissjoni qablet li kampjun wieħed jista’ jikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-konformità mal-Artikolu 4 tad-DTIUM.

76.

Madankollu, filwaqt li tammetti dan, il-Kummissjoni targumenta li l-kampjuni pprovduti f’dan il-każ ma humiex rappreżentattivi fir-rigward tal-kwalità tagħhom.

77.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tispjega li biex kampjun jitqies rappreżentattiv, it-teħid tiegħu irid iseħħ f’mument speċifiku fiż-żmien li jrid jiġi evalwat każ b’każ u li, bħala prinċipju, irid jirrifletti l-agħar tniġġis li x’aktarx jista’ jseħħ fl-agglomerazzjoni kkonċernata (fis-sajf għal agglomerazzjonijiet viċin il-baħar, fil-perijodu ta’ wara l-ħsad tal-għeneb għal reġjuni li jipproduċu l-inbid, u fix-xitwa għal agglomerazzjonijiet fil-muntanji).

78.

Dan it-twessiegħ tal-kunċett ta’ “rappreżentattiv” għandu jiġi miċħud. B’dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni tipprova essenzjalment terġa’ ddaħħal mill-bieb ta’ wara r-rekwiżiti ta’ sorveljanza tal-punt D tal-Anness I – li huwa ċar li ma japplikax għall-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 4 tad-DTIUM – fil-punt B tal-Anness I.

79.

Kif ġie nnutat qabel, il-provvista ta’ kampjun wieħed li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I huwa biżżejjed biex juri konformità taħt l-Artikolu 4 tad-DTIUM. L-Artikolu 4 u l-punt B tal-Anness I ma jsemmu xejn dwar il-mument li fih irid jittieħed il-kampjun. L-istruttura interna tad-DTIUM jeżiġi li t-teħid ta’ kampjun ta’ darba jseħħ meta s-sistema ta’ ġbir tiġi installata.

80.

Għandu jiġi enfasizzat li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jipprovdiha l-prova tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punt D tal-Anness I. Madankollu, dan irid isir taħt l-Artikolu 15 tad-DTIUM u mhux taħt l-Artikolu 4. Kif tajjeb innutat ir-Repubblika Ellenika f’dan il-każ, il-Kummissjoni invokat ksur tal-Artikolu 4 biss u mhux tal-Artikolu 15.

81.

It-tieni nett, waqt is-seduta l-Kummissjoni qalet ukoll li biex tevalwa n-natura rappreżentattiva ta’ kampjun wieħed, il-Kummissjoni jrid ikollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jistgħu jiġu pparagunati, jiġifieri informazzjoni li tikkonċerna l-ilma li jkun dieħel u l-effluwent ittrattat. Mingħajr din id-data l-esperti ma jistgħux, skont il-Kummissjoni, jevalwaw in-natura rappreżentattiva tal-kampjun ipprovdut.

82.

Kif ġie nnutat fil-punti 60 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-pożizzjoni tista’ b’mod ġenerali tiġi aċċettata fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt B(1) tal-Anness I. Fil-fatt, it-test tal-punt B(1) tal-Anness I jirreferi għal “kampjun[i] rappreżentattiv[i] ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel u [ta’] l-effluwent ittrattat”.

83.

Fil-kuntest ta’ dan il-każ, madankollu, dawn l-argumenti tressqu għall-ewwel darba mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

84.

Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE ma jistax ikun ibbażat fuq oġġezzjonijiet li ma humiex dawk iddikjarati fil-proċedura prekontenzjuża. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ripetutament li l-opinjoni motivata u r-rikors irid ikollhom l-istess suġġett u jkunu bbażati fuq l-istess oġġezzjonijiet. Dan għaliex l-għan tal-proċedura prekontenzjuża huwa li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li juża d-dritt tiegħu li jiddefendi ruħu kontra l-oġġezzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni ( 32 ).

85.

Ċertament wieħed jista’ jargumenta formalment li s-suġġett tal-azzjoni baqa’ l-istess, jiġifieri, in-nuqqas tar-Repubblika Ellenika li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (3) tad-DTIUM. Madankollu, ir-realtà hija li l-argument li l-kampjuni pprovduti mir-Repubblika Ellenika ma kinux rappreżentattivi fir-rigward tal-kwalità tagħhom huwa argument ġdid kompletament. Materjalment, dan jitbiegħed għalkollox mir-raġunament żviluppat mill-Kummissjoni sa dakinhar, u li ġie riprodott fir-rigward tat-tliet agglomerazzjonijiet kontenzjużi fil-punti 70 sa 73 iktar ’il fuq.

86.

Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan l-istadju tal-proċedura, ma hijiex f’pożizzjoni tivverifika kwalunkwe argumenti mressqa mill-Kummissjoni. B’mod iktar importanti, jekk il-Kummissjoni titħalla titbiegħed daqshekk mill-punt prinċipali tal-azzjoni tagħha dan iwassal sabiex tiġi affettwata l-opportunità tal-Istat Membru kkonċernat li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu u li jżomm effettivament id-drittijiet ta’ difiża tiegħu. Kif innutat ir-Repubblika Ellenika waqt is-seduta, mhux biss hija ma setgħetx tieħu pożizzjoni fuq l-argument imressaq mill-Kummissjoni: il-Kummissjoni ma talbitx ukoll l-provi msemmija waqt is-seduta fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet l-oħra li bihom il-Kummissjoni kienet inizjalment ikkonċernata fil-fażi prekontenzjuża ta’ din il-kawża ( 33 ).

87.

Bħala konklużjoni, għaldaqstant, għandu jiġi mtenni li l-Kummissjoni, bħala prinċipju, tammetti li, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Polychrono, Chaniotis u Desfina, ir-Repubblika Ellenika setgħet tipprovdi, fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, mill-inqas kampjun wieħed li kien konformi mar-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I kif mifhuma preċedentement mill-Kummissjoni.

88.

Għaldaqstant, inqis li fir-rigward ta’ dawn l-agglomerazzjonijiet, il-Kummissjoni naqset milli tipprova l-ksur tal-Artikolu 4 tad-DTIUM min-naħa tar-Repubblika Ellenika. F’dan is-sens, din il-kawża għandha tiġi miċħuda.

V. Spejjeż

89.

Peress li l-partijiet tilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-partijiet ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

VI. Konklużjoni

90.

Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

(a)

Tiddikjara li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet Prosotsani, Doxato, Eleftheroupoli, Vagia u Galatista. Fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet imsemmija, ir-Repubblika Ellenika ma żguratx, fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, li l-iskariki minn impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi kienu suġġetti għal trattament ta’ livell adegwat kif meħtieġ taħt il-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

(b)

Tiċħad ir-rikors fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet Polychrono, Chaniotis u Desfina.

(c)

Tikkundanna lill-partijiet ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26)

( 3 ) Dan il-parametru huwa ddefinit fl-Artikolu 2(6) tad-DTIUM bħala t-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu biokemikali ta’ ħamest ijiem ta’ 60g ta’ ossiġnu kuljum.

( 4 ) L-agglomerazzjonijiet kollha kkonċernati b’dan il-każ għandhom e.p. li hija bejn 2000 u 15000 – l-iżgħar e.p. hija ta’ 2024 (l-agglomerazzjoni ta’ Desfina) u l-ogħla waħda hija ta’ 10786 (l-agglomerazzjoni ta’ Chianotis).

( 5 ) “Sistema ta’ ġbir” hija ddefinita fl-Artikolu 2(5) tad-DTIUM bħala sistema ta’ pajpijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma urban mormi.

( 6 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑565/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:476, punt 37).

( 7 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑395/13, EU:C:2014:2347, punt 22).

( 8 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑395/13, EU:C:2014:2347, punti 4648).

( 9 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑398/14, EU:C:2016:61, punt 33).

( 10 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑398/14, EU:C:2015:625, punt 43).

( 11 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑398/14, EU:C:2015:625, punt 44).

( 12 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑398/14, EU:C:2015:625, punt 37).

( 13 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑398/14, EU:C:2016:61, punt 37).

( 14 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑398/14, EU:C:2016:61, punti 39). Enfasi miżjuda minni.

( 15 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑38/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:156, punt 24).

( 16 ) L-Artikolu 5 tad-DTIUM jikkonċerna dawk li jissejjħu żoni sensittivi. L-Artikolu 5(3) jistabbilixxi wkoll rabta mal-punt B tal-Anness I.

( 17 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika (C-167/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:684).

( 18 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, essenzjalment, li r-Repubblika Ellenika naqset milli turi li hija tieħu kampjuni f’intervalli regolari, kif meħtieġ mill-punt D tal-Anness I. Dan ipprekluda, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li jiġi vverifikat jekk kinux issodisfatti ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(3) tad-DTIUM. Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika (C‑167/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:684, punt 48).

( 19 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471).

( 20 ) Dan ir-rikors kien jikkonċerna l-implementazzjoni ta’ sentenza preċedenti tas-7 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑530/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:292).

( 21 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 43).

( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:119).

( 23 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:119, punt 29).

( 24 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:119, punt 30).

( 25 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 63).

( 26 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑565/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:476).

( 27 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑395/13, EU:C:2014:2347).

( 28 ) Enfasi miżjuda minni.

( 29 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑398/14, EU:C:2016:61).

( 30 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑398/14, EU:C:2016:61, punti 47 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑243/89, EU:C:1993:257, punt 30), tat-3 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (C‑414/03, EU:C:2005:134, punti 9 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, (C‑438/07, EU:C:2009:613, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑237/90, EU:C:1992:452, punt 20), tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punti 36 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 21).

( 33 ) Fil-fażi prekontenzjuża, il-Kummissjoni kienet ikkonċernata inizjalment b’62 agglomerazzjoni (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

Top