EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0292

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2016.
Hörmann Reisen GmbH vs Stadt Augsburg u Landkreis Augsburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vergabekammer Südbayern.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Artikolu 4(7) – Subappalt – Obbligu għall-operatur li jwettaq huwa stess parti kbira mis-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri – Portata – Artikolu 5(1) – Kriterji għall-għoti tal-kuntratt – Għoti ta’ kuntratt skont id-Direttiva 2004/18/KE.
Kawża C-292/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:480

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2016 ( 1 )

Kawża C‑292/15

Hörmann Reisen GmbHvs

Stadt Augsburg

Landkreis Augsburg

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vergabekammer Südbayern (Bord għall-Kuntratti Pubbliċi ta’ Südbayern, il‑Ġermanja]

“Kuntratt pubbliku — Servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank — Regolament (KE) Nru 1370/2007 — Artikolu 4(7) — Subappaltar — Rekwiżit għall-operatur tas-servizz pubbliku li jwettaq huwa stess parti kbira mis-servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri — Portata — Artikolu 5(1) — Proċedura tal-għoti tal-kuntratt — Għoti ta’ kuntratt pubbliku skont id-Direttiva 2004/18/KE”

1. 

Skont id-Direttiva 2004/18/KE ( 2 ), awtoritajiet kontraenti jistgħu biss jirrestrinġu l-offerenti rebbieħa fl-użu tagħhom tas-subappaltar f’ċirkostanzi limitati ħafna ( 3 ). Dan huwa konsistenti mal-għan tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li impriżi żgħar u medji jiġu mħeġġa jinvolvu ruħhom fis-suq tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u għalhekk jikkontribwixxu għall-ftuħ tal-għoti ta’ kuntratti għall-kompetizzjoni. B’kuntrast, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ( 4 ), fid-definizzjoni dwar kif l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu sabiex jiggarantixxu provvista effettiva ta’ servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ġenerali, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regoli speċifiċi dwar is-subappaltar. Ir-Regolament Nru 1370/2007 jawtorizza lill-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu jekk dawn is-servizzi jistgħux jiġu ssubappaltati, sabiex jiżguraw l-aħjar użu ta’ fondi pubbliċi. Fil-każ li jiddeċiedu li dawn jistgħu jiġu ssubappaltati, ir-regolament xorta waħda jirrikjedi li l-operatur magħżul iwettaq huwa stess “parti kbira” minn dawn is-servizzi (ir-“rekwiżit tal-awto-forniment”). Fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel teżamina jekk dawn ir-regoli speċifiċi japplikawx għal kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri b’xarabank li, skont ir-Regolament Nru 1370/2007, għandu jingħata skont id-Direttiva 2004/18. Il-qorti tar-rinviju titob gwida wkoll dwar il-portata tar-rekwiżit ta’ awto-forniment previst f’dan ir-regolament.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2004/18

2.

Id-Direttiva 2004/18 tikkoordina proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur ( 5 ). Hija għandha l-għan li tiggarantixxi li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali jew minn korpi oħra rregolati mid-dritt pubbliku jkun josserva l-“prinċipju tat-trattament ugwali [ta’ ugwaljanza fit-trattament], il-prinċipju ta’ bla diskriminazzjoni [nondiskriminazzjoni], il-prinċipju ta’ għarfien [rikonoxximent] reċiproku, il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-prinċipju tat-trasparenza”. Għandha wkoll l-għan li tiggarantixxi “l-bidu tal-kisba għall-kompetizzjoni [l-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi]” ( 6 ). Sabiex tinkoraġġixxi impriżi żgħar u medji jkunu involuti fis-suq tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet dwar is-subappaltar ( 7 ).

3.

L-Artikolu 1(2)(a) jiddefinixxi “Kuntratti pubbliċi” bħala “kuntratti għall-interess tal-flus [bi ħlas] konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni [provvista] tas-servizzi fi ħdan it-tifsira tad-[Direttiva 2004/18]”. Skont l-Artikolu 1(2)(d), “Kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal servizzi]” huma “kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u għal provvisti] li għandhom bħala għan id-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II” u għalhekk jinkludu “servizzi tat-trasport fuq l-art” ( 8 ). Taħt l-Artikolu 1(4), “Konċessjoni tas-servizz [għal servizzi]” hija “kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi] minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni [r-remunerazzjoni għall-provvista] tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas”.

4.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25 [“Sotto-kuntratti (subappalti)”], “[f]id-dokumenti tal-kuntratt, l-awtorità kontrattwanti [kontraenti] tista’ tistaqsi jew tista’ tkun mitluba minn xi Stat Membru biex tistaqsi lil min ikun xeħet l-offerta biex jindika fl-offerta tiegħu kull sehem mill-kuntratt li hu jista’ jkollu l-ħsieb li joffri b’sotto-kuntratt [subappalt] lil partijiet terzi jew kull sotto-kuntratturi [subappaltaturi] proposti”.

Ir-Regolament Nru 1370/2007

5.

Skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 1370/2007, l-awtoritajiet kompetenti kollha fl-Istati Membri għandhom, sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri tagħhom “bl-iktar mod adatt għall-ħtiġijiet tal-pubbliku”, “ikunu jistgħu jagħżlu liberament l-operaturi ta’ servizz pubbliku tagħhom, b’kont meħud ta’ l-interessi ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju, taħt il-kondizzjonijiet [stipulati] f’dan ir-Regolament” Din il-premessa żżid tgħid li “[s]abiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali [ugwaljanza fit-trattament] ta’ l-operaturi li qed jikkompetu u tal-proporzjonalità, meta jingħataw kumpens jew drittijiet esklussivi, huwa meħtieġ li kuntratt għal servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi] bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur magħżul ta’ servizz pubbliku jiddefinixxi n-natura ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku u r-rimborż miftiehem”.

6.

B’mod partikolari, il-premessa 19 tipprevedi li l-“għoti ta’ sub-kuntratti [subappalti] jista’ jikkontribwixxi għal trasport pubbliku ta’ passiġġieri li hu aktar effiċjenti u jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ impriżi oħrajn minbarra l-operatur ta’ servizz pubbliku li kien mogħti l-kuntratt għal servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi]”. Madankollu, “bil-ħsieb għall-aħjar użu tal-fondi pubbliċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jiddeterminaw il-modalitajiet għas-sub-kuntrattar [subappaltar] tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ servizzi mogħtija minn operatur intern.”

7.

L-Artikolu 1(1) jipprevedi li l-iskop tar-Regolament Nru 1370/2007 huwa li “jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tad-[dritt tal-Unjoni], l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment [provvista] ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.” Għal dan il-għan, ir-Regolament “jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], [għandhom] jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.”

8.

Skont l-Artikolu 1(2), ir-Regolament Nru 1370/2007 japplika għall-“operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom.”

9.

L-Artikolu 2 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(a)

“trasport pubbliku għall-passiġġieri” tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

(b)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

[...]

(i)

“kuntratt għal servizz pubbliku [kuntratt pubbliku għal servizzi]” tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta’ servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku [...]”

10.

L-Artikolu 3(1) jipprevedi li meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklużiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, inkambju għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, hija għandha tagħmel dan fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi.

11.

L-Artikolu 4, intitolat “Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] u tar-regoli ġenerali”, jipprevedi b’mod partikolari:

“1.   Kuntratti ta’ servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal servizzi [...] għandhom:

[...]

(b)

jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti,

(i)

il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

(ii)

in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija,

b’mod li jevita l-kumpens żejjed. [...]

[...]

7.   Dokumenti ta’ sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jindikaw, b’mod trasparenti, jekk jistax jiġi kkunsidrat li jingħata sub-kuntratt [subappalt] jew le, u jekk iva sa fejn. Jekk jingħataw sub-kuntratti [subappalti], l-operatur li jingħata l-inkarigu li jamministra u jħaddem is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri skond dan ir-Regolament għandu jkun mitlub iwettaq parti kbira mis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu. Kuntratt għal servizz pubbliku li jkopri fl-istess ħin id-disinn, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta’ servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri jista’ jippermetti sub-kuntrattazzjoni [subappaltar] sħiħa għall-operazzjoni ta’ dawk is-servizzi. Il-kuntratt għal servizz pubbliku għandu, skond il-liġi nazzjonali u Komunitarja, jiddetermina l-kondizzjonijiet applikabbli għall-għoti ta’ subkuntratt.”

12.

L-Artikolu 5, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz [għal servizzi] kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.”

13.

L-Artikolu 5(2) sa (6) jinkludi regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li jidderogaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi. Pereżempju, “sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] direttament jew fejn il-valur annwali medu jkun stmat inqas minn EUR 1000000 jew fejn huma jikkonċernaw il-forniment [provvista] annwali ta’ anqas minn 300000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri” ( 9 ).

14.

L-Artikolu 8(2) jistabbilixxi perijodu ta’ tranżizzjoni għall-implementazzjoni tal-Artikolu 5. Filwaqt li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi bil-ferrovija u bit-triq huwa suġġett għall-Artikolu 5 sa mit-3 ta’ Diċembru 2019, l-Istati Membri huma mitluba li gradwalment jikkonformaw ma’ din id-dispożizzjoni matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni sabiex jevitaw problemi strutturali serji ( 10 ). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedu iktar dettalji ta’ dak ir-rekwiżit ta’ tranżizzjoni. Madankollu, mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(1) isegwi li l-Artikolu 8(2) sa (4) ma japplikax għal kuntratti ta’ servizz pubbliku għal servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġieri b’xarabank, li jirreferi għalihom l-Artikolu 5(1).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

15.

Fis-7 ta’ Marzu 2015, Stadt Augsburg (il-Belt ta’ Augsburg) u Landkreis Augsburg (l-awtorità rurali distrettwali ta’ Augsburg) (ikkunsidrati flimkien, iktar ’il quddiem, l-“awtoritajiet kontraenti”) ippubblikaw avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn stiednu t-tfiħ ta’ offerti għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’omnibus (iktar il-quddiem “Grupp ta’ rotot Lech North”) ( 11 ). Skont dan l-avviż għall-kuntratt, l-offerenti kienu intitolati li joffru sa 30 % tas-servizzi ta’ trasport (ikkalkolati fuq il-kilometri skedati) lil subappaltaturi.

16.

Hörmann Reisen GmbH hija impriża żgħira jew ta’ daqs medju stabbilita fil-Ġermanja u attiva fit-trasport pubbliku. Sabiex tipparteċipa b’suċċess f’din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, hija jkollha tagħmel użu iktar estensiv tas-subappaltar minn dak permess fl-avviż tal-kuntratt.

17.

Għaldaqstant Hörmann Reisen ikkontestat ir-restrizzjoni fuq is-subappaltar quddiem il-Vergabekammer Südbayern (Bord għall-Kuntratti Pubbliċi ta’ Südbayern, il‑Ġermanja). Hija tirrileva li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirrendi dan ir-regolament inapplikabbli fil-kawża prinċipali u li r-restrizzjoni fuq subappaltar hija inkompatibbli mad-Direttiva 2004/18. Kuntrarjament, l-awtoritajiet kontraenti jissottomettu li r-Regolament Nru 1370/2007 huwa applikabbli fil-kawża prinċipali u li l-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-regolament jawtorizzahom jirrestrinġu s-subappaltar, kif kienu għamlu. Ir-rekwiżit tal-awto-forniment ta’ mill-inqas 70 % li huma imponew huwa konsistenti mal-obbligu li l-operatur magħżul iwettaq “parti kbira” mis-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri kkonċernati.

18.

Billi qies li l-eżitu tal-proċeduri mressqa quddiemha jiddependi fuq liema regoli tal-Unjoni japplikaw għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, il-Vergabekammer Südbayern (Bord għall-Kuntratti Pubbliċi ta’ Südbayern) issospenda l-proċeduri u għamel id-domandi preliminari li ġejjin:

“(a)

Fi proċedura għall-għoti mibdija taħt l-Artikolu 5(1) tar-[Regolament Nru 1370/2007], flimkien mad-[Direttiva 2004/18/KE] jew mad-Direttiva 2014/24/UE, ir-regoli previsti minn dawn id-direttivi biss huma applikabbli bħala prinċipju, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 1370/2007] li jidderogaw minn dawn id-direttivi għandhom jiġu esklużi?

(b)

Il-legalità tal-użu ta’ subappalt f’[tali] proċedura għall-għoti [...], hija rregolata esklużivament mir-regoli li stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-[Direttiva 2004/18/KE] u minn dawk elenkati fl-Artikolu 63(2) tad-[Direttiva 2014/24/KE], jew għandu jiġi kkunsidrat li b’deroga minn dawk ir-regoli, awtorità kontraenti tista’ wkoll, f’tali proċedura, tiffissa għall-offerenti, skont l-Artikolu 4(7) tar-[Regolament 1370/2007], rata perċentwali ta’ awto-forniment (ikkalkolata fuq il-bażi tat-tabella tal-kilometri)?

(ċ)

Jekk l-Artikolu 4(7) [...] japplika għall-proċeduri għall-għoti mibdija bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-[Regolament Nru 1370/2007] flimkien mad-[Direttiva 2004/18/KE] jew mad-[Direttiva 2014/24/UE], l-awtorità kontraenti, fid-dawl tal-premessa 19 ta’ [dan] ir-Regolament [...], tista’ tiffissa r-rata ta’ awto-forniment b’tali mod li jista’ jiġi ġġustifikat ir-rekwiżit tiegħu ta’ rata ta’ awto-forniment ta’ 70 %, ikkalkolata fuq il-bażi tat-tabella tal-kilometri?”

19.

Hörmann Reisen, l-awtoritajiet kontraenti u l‑Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma ntalbet li ssir ebda seduta u ma saret ebda waħda.

Evalwazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

20.

Il-Vergabekammer Südbayern (Bord għall-Kuntratti Pubbliċi ta’ Südbayern) huwa “qorti jew tribunal” fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 267 TFUE u huwa għalhekk intitolat li jressaq talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ).

21.

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-awtoritajiet kontraenti u l-Kummissjoni jirreferu kemm għad-Direttiva 2004/18 u għad-Direttiva 2004/17/KE ( 13 ). Id-Direttiva 2004/17, li b’mod komuni hija magħrufa bħala d-“direttiva settorali” ( 14 ) tapplika biss għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk l-awtoritajiet kontraenti nfushom kienu jipprovdu servizzi ta’ trasport fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ( 15 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tiddetermina jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta u, anki jekk dan ikun il-każ, jekk il-fatti humiex tali li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/17 jeskludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 16 ). Barra minn hekk, id-domandi magħmula ma jirreferux għad-Direttiva 2004/17. Għalhekk, mhux ser nieħu inkunsiderazzjoni iktar din id-direttiva f’dan li ser isegwi.

22.

Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju titlob gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikoli 4(7) u 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 moqrija flimkien mad-Direttiva 2004/18 jew mad-Direttiva 2014/24. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-direttiva applikabbli hija, bħala prinċipju, dik fis-seħħ meta l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni jekk hemmx jew le obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Għall-kuntrarju, direttiva ma hijiex applikabbli jekk il-perijodu mogħti għat-traspożizzjoni tagħha skada wara dak il-mument ( 17 ). Għalhekk, reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li jekk id-Direttiva 2004/18 tiġi applikata qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti għat-traspożizzjoni tagħha, dan jipprekludi lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet kontraenti u lill-operaturi ekonomiċi, milli jibbenefikaw minn perijodu suffiċjenti sabiex jadattaw ruħhom għad-dispożizzjonijiet il-ġodda introdotti minnha. ( 18 ) Dan huwa partikolarment rilevanti fir-rigward tas-subappaltar: hawn, l-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24 jintroduċi bidliet sinjifikattivi meta mqabbel mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2004/18 ( 19 ). Fil-każ fil-kawża prinċipali, l-avviż tal-kuntratt kien ippubblikat fis-7 ta’ Marzu 2015, jiġifieri iktar minn sena qabel l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24. Għalhekk, id-Direttiva 2014/24 ma hijiex applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali u ser nikkunsidra d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju biss mill-perspettiva tar-Regolament Nru 1370/2007 u tad-Direttiva 2004/18.

23.

Il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix informazzjoni dwar il-valur tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku inkwistjoni. Madankollu, l-avviż tal-kuntratt ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jindika li l-kuntratt kellu jkopri madwar 639000 kilometru ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank ( 20 ). Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni hija probabbilment korretta li tikkonkludi li l-valur tal-kuntratt jeċċedi l-minimu sabiex issir applikabbli d-Direttiva 2004/18 ( 21 ). Madankollu, dan huwa fatt li fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

24.

Bl-ewwel u bit-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank li huma s-suġġett tal-kuntratt pubbliku għal servizzi inkwistjoni jaqgħux taħt ir-regoli speċifiċi tas-subappaltar previsti fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007, anki jekk dan il-kuntratt għandu jingħata skont id-Direttiva 2004/18. Għalhekk ser nevalwa dawn id-domandi flimkien. It-tielet domanda hija distinta peress li tikkonċerna l-portata tar-rekwiżit ta’ awto-forniment fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7). Għalhekk ser nindirizza din id-domanda b’mod separat.

Id-domandi 1 u 2: Kuntratt pubbliku għal servizzi ta ’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank jew tramm huwa suġġett għar-regoli speċifiċi dwar subappaltar skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007?

25.

Ma huwiex ikkontestat li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri bit-triq skont id-definizzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1370/2007. Bl-istess mod, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kuntratt jikkonċerna “servizzi [pubbliċi] tat-trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank” fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.

26.

Ir-riferiment li l-Artikolu 5(1) jagħmel għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt previsti fid-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, teskludi konċessjonijiet għal servizzi kif iddefiniti f’dawn id-direttivi ( 22 ). F’każijiet oħra, minn dawn id-definizzjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja inferiet li kuntratt għal servizzi jinvolvi remunerazzjoni li titħallas direttament mill-awtorità kontraenti lill-fornitur tas-servizz filwaqt li, f’konċessjoni għal servizzi, ir-remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi tikkonsisti fid-dritt (jew bħala tali, jew flimkien ma’ ħlas) li topera s-servizz ( 23 ). Hawnhekk, l-avviż tal-kuntratt ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jindika li l-offerent rebbieħ għandu jirċievi ħlas fuq bażi mensili mill-awtoritajiet kontraenti ( 24 ). Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tipproċedi fuq il-bażi li dan il-kuntratt ma huwiex kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi fi ħdan id-definizzjoni tad-Direttiva 2004/18.

27.

Minn dan isegwi li, abbażi tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kuntratt inkwistjoni għandu jingħata skont id-Direttiva 2004/18 iktar milli skont ir-regoli speċifiċi ta’ għoti ta’ kuntratt previsti fl-Artikolu 5(2) sa (6) ta’ dan ir-regolament jew skont ir-regoli tranżitorji fl-Artikolu 8(2) sa (4) tal-istess regolament ( 25 ).

28.

Dan ifisser li r-regoli speċifiċi dwar is-subappaltar fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma japplikawx għal dan il-kuntratt?

29.

Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li nanalizzaw iktar fil-fond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 26 ).

30.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 5(1), l-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tindika li kuntratti pubbliċi għas-servizz tat-trasport tal-passiġġieri għandhom jingħataw “skond ir-regoli stabbiliti [fir-Regolament Nru 1370/2007]”.

31.

Filwaqt li t-tieni sentenza tidderoga mir-regola tal-ewwel sentenza fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank jew tramm li ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet għal servizzi, it-tielet sentenza mbgħad tikkjarifika l-portata ta’ din id-deroga: meta kuntratt għandu jingħata skont id-Direttiva 2004/17 jew id-Direttiva 2004/18, “id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ [l-Artikolu 5] m’għandhomx japplikaw”. Għalhekk, id-deroga fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tikkonċerna esklużivament ir-regoli speċifiċi fuq proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt f’dawn il-paragrafi. It-tielet sentenza ma tkunx tagħmel sens li kieku l-għan tal-leġiżlatur kien li jneħħi kuntratti għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank jew tramm li ma humiex konċessjonijiet għal servizzi mill-portata tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nr 1370/2007, inklużi r-regoli dwar subappaltar fl-Artikolu 4(7). Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-Artikolu 4(7) jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tar-regoli dwar is-subappaltar applikabbli taħt id-Direttiva 2004/18.

32.

Kuntrarju għal dak li ssostni Hörmann Reisen, din l-interpretazzjoni ma hijiex inkonsistenti mal-frażi: “l-operatur li jingħata l-inkarigu li jamministra u jħaddem is-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri skond ir-[Regolament Nru 1370/2007]” fl-Artiklu 4(7) ( 27 ). L-għan tal-Artikolu 5(1) ma huwiex li tiġi stabbilita esklużjoni ġenerali ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank jew tramm mill-portata ta’ dak ir-regolement, iżda li tiġi speċifikata deroga ħafna iktar limitata. Għalhekk, ir-Regolament Nru 1370/2014 jirregola l-għoti ta’ dawn is-servizzi ta’ trasport lill-operaturi tas-servizz pubbliku ( 28 ), suġġett biss għal dik id-deroga limitata.

33.

Il-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 5(1) jikkonferma iktar din l-interpretazzjoni. Id-deroga għas-servizz pubbliku ta’ trasport b’xarabank jew tramm tinsab fi ħdan dispożizzjoni li tirregola l-“għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]”. Għalhekk ir-Regolament Nru 1370/2007 jiddistingwi b’mod ċar dik il-kwistjoni minn, inter alia, “Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] u tar-regoli ġenerali” li huwa kopert mill-Artikolu 4.

34.

Barra minn hekk, il-konklużjoni li wasalt għaliha hija konsistenti mal-istess portata tar-Regolament Nru 1370/2007 kif iddefinita fl-Artikolu 1(2). Din id-dispożizzjoni tipprevedi, inter alia, li r-regolament japplika “għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport [...] bit-triq [...]”. Dan il-kliem, moqri flimkien mat-tielet sentenza tal-Artikolu 5(1), jikkonferma b’mod ċar li l-intenzjoni tal-leġiżlatur ma kinitx li tiġi stabbilita esklużjoni ġenerali mill-portata tar-Regolament Nru 1370/2007 għal kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank li ma humiex kuntratti ta’ konċessjonijiet għal servizzi.

35.

Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni tikkontribwixxi għall-għan tar-regolament li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ interess ġenerali – bħas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li huma iktar numerużi, iktar sguri, ta’ kwalità ogħla jew ipprovduti għal prezz inqas minn dak li s-sempliċi kompetizzjoni waħedha kieku kienet tippermetti ( 29 ).

36.

Kif tindika l-premessa 9 tar-Regolament Nru 1370/2007, it-tfittxija tal-ilħuq ta’ dan l-għan tippresupponi li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħżlu l-operaturi tas-servizz pubbliku b’mod ħieles, u jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ impriżi żgħar u medji, taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-regolament. Għalhekk, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa li s-subappaltar jista’ jikkontribwixxi għal trasport tal-passiġġieri iktar effiċjenti, huwa għaraf ukoll li, bil-għan tal-aħjar użu tal-fondi pubbliċi, l-awtoritajiet kompetenti “għandhom ikunu kapaċi jiddeterminaw il-modalitajiet għas-sub-kuntrattar [subappaltar] tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri”. Għalhekk, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 jagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-flessibbiltà li jiddeċiedu jekk, skont iċ-ċirkostanzi, is-subappaltar jistax jikkontribwixxi għall-iktar provvista effiċjenti ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri ta’ interess ġenerali ( 30 ).

37.

Ma nara xejn fir-regolament li jissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jċaħħad lill-awtoritajiet kompetenti mill-istess flessibbiltà meta jikkonkludu kuntratti għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport b’xarabank li ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet għal servizzi.

38.

Għaldaqstant, nikkonkludi li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat li jfisser li kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex f’forma ta’ kuntratt għal konċessjoni għal servizzi kif iddefinit fid-Direttiva 2004/18 u li għandu jingħata skont din id-direttiva, huwa rregolat bir-Regolament Nru 1370/2007 bl-eċċezzjoni tar-regoli li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi fl-Artikolu 5(2) sa (6) tiegħu. Għalhekk, kuntratt bħal dan huwa suġġett għar-regoli speċifiċi dwar is-subappaltar previsti fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007.

It-tielet domanda: X’inhi l-portata tar-rekwiżit tal-awto-forniment fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007?

39.

L-Artikolu 4(7) jistabbilixxi tliet rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw is-subappaltar. L-ewwel, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw “b’mod trasparenti” jekk, u meta jkun il-każ sa liema punt, is-subappaltar għandu jkun permess. It-tieni, jekk is-subappaltar fil-fatt iseħħ, l-offerent rebbieħ huwa xorta waħda meħtieġ li jwettaq “parti kbira” mis-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fdati lilu skont ir-Regolament Nru 1370/2007. It-tielet, il-kuntratt tas-servizz pubbliku għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet applikabbli għas-subappaltar. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ awto-forniment fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) jirrappreżentax minimu u jekk, għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhomx diskrezzjoni wiesgħa sabiex jillimitaw iktar is-subappaltar.

40.

L-espressjoni “parti kbira” hija impreċiża. Bla dubju, din tħalli ċertu marġni lill-awtoritajiet kompetenti. Hawn, ninnota li l-fatt li l-operatur magħżul ikun meħtieġ jipprovdi parti kbira mis-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri ma huwiex l-istess bħal meta jiġi meħtieġ jipprovdi l-parti l-kbira tagħhom ( 31 ). B’riżultat ta’ dan, ma ninterpretax it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) bħala li tirrikjedi li l-operatur magħżul innifsu jwettaq “tal-inqas 50 %” tas-servizzi kkonċernati. Din l-interpretazzjoni jidher li hija kkonfermata minn verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 4(7) ( 32 ).

41.

Hörmann Reisen essenzjalment tissottometti li r-rekwiżit tal-Artikolu 4(7) joħloq livell massimu ta’ awto-forniment li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu. Kif tippreċiża l-premessa 19, is-subappaltar jista’ jikkontribwixxi għal servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri iktar effiċjenti. Konsegwentement, l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jimponu rekwiżit ta’ awto-forniment li jirrappreżenta iktar minn “parti kbira” tas-servizzi inkwistjoni – pereżempju, “ħafna minn” jew “il-maġġoranza kbira minn” dawn is-servizzi. Għalhekk, Hörmann Reisen tikkonkludi li r-rekwiżit minimu ta’ awto-forniment inkwistjoni fil-kawża prinċipali (70 %) huwa inkompatibbli mat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) jekk din id-dispożizzjoni tapplika f’dawn il-proċeduri.

42.

Ma naqbilx. Mill-kliem tal-Artikolu 4(7) u mill-għan u mill-istorja leġiżlattiva tad-dispożizzjoni jirriżulta li r-rekwiżit ta’ awto-forniment fit-tieni sentenza tiegħu jistabbilixxi biss minimu.

43.

Fl-ewwel lok, ir-rekwiżit stabbilit mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) għandu jinqara’ flimkien mal-prinċipju, stabbilit fl-ewwel sentenza, li dokumenti ta’ sejħiet għal offerti u kuntratti pubbliċi għal servizzi għandhom jindikaw jekk is-subappaltar huwiex ser jiġi permess (“considered” fit-test Ingliż), u, jekk inhu l-każ, sa liema punt. Din is-sentenza tissuġġerixxi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom diskrezzjoni wiesgħa li jirrestrinġu s-subappaltar.

44.

Barra minn hekk, it-tielet sentenza tal-Artikolu 4(7) tipprevedi li awtoritajiet kontraenti “jist[għu] jippermett[u] sub-kuntrattazzjoni [subappaltar] sħiħa” għall-operazzjoni tal-kuntratti “li jkopri fl-istess ħin id-disinn, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta’ servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri” ( 33 ). Billi t-tielet sentenza hija eċċezzjoni għar-regola prevista fit-tieni sentenza, il-kliem tagħha donnu jindika li din l-aħħar sentenza tinkludi biss rekwiżit minimu.

45.

Iktar minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti jiġu preklużi milli jirrikjedu li operaturi tas-servizz pubbliku magħżula jwettqu huma stess parti jew l-intier tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri ikun inkonsistenti mal-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li dawn l-awtoritajiet jingħataw il-flessibbiltà li jagħmlu l-aħjar użu minn fondi pubbliċi meta jorganizzaw is-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri tagħhom ( 34 ). Ikun ukoll diffiċli li tiġġustifika fid-dawl tad-dritt (mhux iddubitat) tal-awtoritajiet kompetenti li jeskludu kull forma ta’ subappaltar [dan id-dritt jirriżulta b’mod ċar mill-frażi “għandhom jindikaw [...] jekk [...] jiġi kkunsidrat li jingħata sub-kuntratt [subappalt]” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(7)].

46.

Fl-aħħar nett, nemmen li din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-istorja leġiżlattiva tar-Regolament Nru 1370/2007. It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) toħroġ minn emenda introdotta mill-Parlament Ewropew fl-istadju tat-tieni qari tal-proċedura ( 35 ). Il-Kumitat fuq it-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew iġġustifikaha kif ġej: “jekk it-testijiet kollha għall-iskjerament ta’ vetturi u persunal jingħaddew lil subappaltaturi, li min-naħa tagħhom jistgħu jissubappaltaw xogħol, hemm riskju ta’ implikazzjonijiet negattivi għal standards soċjali u ta’ kwalità eżistenti. Jekk effettivament is-subappaltar iseħħ, dawn l-implikazzjonijiet negattivi jistgħu jiġu kkontrobilanċjati billi l-impriża fdata bil-kuntratt għas-servizz pubbliku tiġi meħtieġa twettaq il-parti l-kbira tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri hija nnifisha [...] [traduzzjoni mhux uffiċjali]” ( 36 ). Għalija huwa ċar li avviż ta’ kuntratt li jirrikjedi li l-operatur magħżul għas-servizz pubbliku nnifsu jipprovdi iktar minn “parti kbira” tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri – jew tabilħaqq dawk is-servizzi kollha kemm huma – ma huwiex kapaċi li jimmina dan l-għan.

47.

F’dan l-isfond, nikkonkludi li awtorità kontraenti, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tkunx qed taġixxi bi ksur tar-rekwiżit tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 jekk fl-avviż tal-kuntratt tindika li l-offerent rebbieħ mhux ser ikun intitolat li jissubappalta iktar minn 30 % tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank (ikkalkolati fuq il-kilometri skedati) fdati lilu mill-kuntratt pubbliku għal servizzi.

Konklużjoni

48.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-Vergabekammer Südbayern (Bord għall-Kuntratti Pubbliċi ta’ Südbayern) jkunu:

(1)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 għandu jiġi interpretat li jfisser li kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma huwiex f’forma ta’ kuntratt għal konċessjoni għal servizzi kif iddefinit fid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], u li għandu jingħata skont din id-direttiva, huwa regolat bir-Regolament Nru 1370/2007 bl-eċċezzjoni tar-regoli li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi fl-Artikolu 5(2) sa (6) tiegħu. Għalhekk, kuntratt bħal dan huwa suġġett għar-regoli speċifiċi dwar is-subappaltar previsti fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007.

(2)

Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1370/2007 isegwi li awtorità kompetenti tista’, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tispeċifika fl-avviż tal-kuntratt li l-offerent rebbieħ mhux ser ikun intitolat li jissubappalta iktar minn 30 % tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank (ikkalkolati fuq il-kilometri skedati) fdati lilu mill-kuntratt pubbliku għal servizzi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). Il-verżjoni tad-Direttiva 2004/18 li hija rilevanti għall-fatti fil-kawża prinċipali hija dik l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1336/2013, tat-13 ta’ Diċembru 2013, (ĠU 2013 L 335, p. 17). Id-Direttiva 2004/18 ġiet imħassra u sostitwita, b’effett mit-18 ta’ April 2016, bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014 L 94, p. 65).

( 3 ) Ara, għal ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza u l-prinċipji sottostanti, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wrocław - Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2015:761, punti 29 sa 43.

( 4 ) Regolament Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1). Ir-Regolament Nru 1370/2007 issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19). Kif tikkonferma l-premessa 6 tar-Regolament Nru 1370/2007, ir-Regolament Nru 1191/69 ma kien jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ trasport.

( 5 ) Fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2004/18 kienet tapplika għal kuntratti ta’ servizz pubbliku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li l-valur stmat tagħhom kien ta’ mill-inqas EUR 207000, nett mill-VAT (l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18).

( 6 ) Premessa 2.

( 7 ) Premessa 32.

( 8 ) Anness II A, Kategorija 2.

( 9 ) Artikolu 5(4).

( 10 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2).

( 11 ) ĠU 2015/S 47-81632.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Bundesdruckerei, C‑549/13, EU:C:2014:2235, punti 20 sa 23.

( 13 ) Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008Ing. Aigner, C‑393/06, EU:C:2008:213, punt 26.

( 15 ) Jiġifieri, il-“provvediment jew l-operat ta’ xbieki li jipprovdi servizz lil pubbliku fil-qasam ta’ trasport bil-ferrovija, sistemi automated, bit-trammijiet, trolley bus, karozza tal-linja jew kejbil” [Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/17].

( 16 ) Isegwi mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/17, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku [ta’ għoti ta’ kuntratti] għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194), li l-provvista tas-servizzi tat-trasport b’xarabank lill-pubbliku hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 meta entitajiet oħra huma ħielsa li jipprovdu dawk is-servizzi, sew f’żona ġeografika ġenerali jew waħda partikolari, taħt l-istess kundizzjoni tal-entitajiet kontraenti.

( 17 ) Ara, is-sentenza riċenti, tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 18 ) Sentenza tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 86.

( 19 ) L-Artikolu 63(2) tad-Direttiva 2014/24 jawtorizza lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jirrikjedu li “ċerti kompiti kritiċi” ikunu mwettqa direttament mill-offerent innifsu jew, meta t-tender ikun mitfugħ minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi, minn parteċipant f’dak il-grupp. Għalhekk, b’differenza għall-Artikolu 25 tad-Direttiva 2004/18, dan espressament jippermetti li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq is-subappaltar. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wrocław - Miasto na prawach powiatu, C‑406/14, EU:C:2015:761, punt 39.

( 20 ) Punt II.2.1. L-avviż tal-kuntratt ipprovda għall-possibbiltà (fakultattiva) li jingħata kuntratt pubbliku għal servizzi li bejn wieħed u ieħor ikopri 834500 kilometru.

( 21 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/18. L-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2004/17 jinkludi definizzjoni paragunabbli.

( 23 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Norma-A u Dekom, C‑348/10, EU:C:2011:721, punt 41.

( 24 ) Punt III.1.2. tal-avviż tal-kuntratt.

( 25 ) L-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1370/2007: ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tas-17 ta’ Marzu 2016Liffers, C‑99/15, EU:C:2016:173, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 27 ) Enfasi miżjuda.

( 28 ) Artikolu 1(2).

( 29 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1).

( 30 ) Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(7) tillimita din il-flessibbiltà billi tirrikjedi li l-operatur magħżul iwettaq huwa stess “parti prinċipali” mis-servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri. Ara l-punti 39 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Dan il-kliem tal-aħħar huwa użat fl-Artikolu 5(2)(e) tar-Regolament Nru 1370/2007. Madankollu din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri minn “operatur intern” u għalhekk ma jidhirx li hija rilevanti għall-kawża prinċipali.

( 32 ) Ara, pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża (“einen bedeutenden Teil”), il-verżjoni Spanjola (“una parte importante”), il-verżjoni Franċiża (“une partie importante”), il-verżjoni Taljana (“una parte importante”), il-verżjoni Olandiża (“een aanzienlijk deel”) u l-verżjoni Svediża (“en stor del”).

( 33 ) Ninnota li ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju (jew tabilħaqq fil-materjal disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja) li jissuġġerixxi li l-kuntratt pubbliku għal servizzi għall-passiġġieri inkwistjoni fil-fatt jikkorrispondi għal dik id-definizzjoni.

( 34 ) Ara l-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 ([/1/2006 – C6‑0042/2007 – 2000/0212(COD) (ĠU 2008, C76 E, p. 92)].

( 36 ) Rakkomandazzjoni tal-Kumitat fuq it-Trasport u t-Turiżmu tal-4 ta’ April 2007 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (13736/1/2006 – C6 0042/2007 – 2000/0212(COD), emenda 21. Għalkemm l-Artikolu 4(7) juża l-espressjoni “parti kbira minn” minflok “il-parti l-kbira ta’”, din id-differenza ma tbiddel xejn minn dak li esponejt fl-aħħar sentenza tal-punt 46.

Top