EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0258

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fil-21 ta’ Lulju 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:588

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PAOLO MENGOZZI

ippreżentati fil-21 ta’ Lulju 2016 ( 1 )

Kawża C‑258/15

Gorka Salaberria Sorondo

vs

Academia Vasca de Policía y Emergencias

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Direttiva 2000/78/KE — Limitu ta’ età ta’ 35 sena għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ fil-korp tal-pulizija awtonoma tal-Pajjiż Bask — Kapaċitajiet fiżiċi — Rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti — Għan li jiġu żgurati n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija — Għan li jiġi żgurat perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar — Għan marbut mar-rekwiżit ta’ taħriġ — Proporzjonalità”

I – Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2014 ( 2 ), id-Directora General de la Academia Vasca de Policía y Emergencias (direttur ġenerali tal-akkademja tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Pajjiż Bask, Spanja) ippubblika avviż ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ uffiċjal tal-ewwel grad (“Escala Básica”) tal-Ertzaintza (pulizija Baska). Mill-parti 2(1)(c) ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-kandidati ma humiex ammessi sabiex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni ħlief jekk ikollhom l-età ta’ bejn 18 u 35 il-sena fil-mument li fih japplikaw.

2.

Gorka Salaberria Sorondo, li għandu iktar minn 35 il-sena, applika għal din il-kompetizzjoni. Wara li ġie eskluż inizjalment, huwa finalment ġie awtorizzat jieħu sehem fil-kompetizzjoni b’mod provviżorju, sakemm jiġi deċiż ir-rikors għal annullament li huwa ppreżentat kontra l-parti 2(1)(c) tad-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2014 li tħabbar il-kompetizzjoni ( 3 ).

3.

Il-korp tal-pulizija li għalih ġie organizzat dan ir-reklutaġġ huwa dak tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Il-Ley Orgánica 2/1986 de Fuerzas y Cuerpus de Seguridad del Estado (Liġi Organika 2/1986 dwar il-forzi u l-korpi tas-sigurtà), tat-13 ta’ Marzu 1986 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Oganika Nru 2/1986”) ( 4 ), tiddefinixxi l-funzjonijiet fdati lill-forzi u lill-korpi tas-sigurtà tal-Istat, lill-korpi tal-komunitajiet awtonomi kif ukoll lill-korpi tal-pulizija lokali. Fir-rigward tal-komunitajiet awtonomi, l-Artikolu 38(1) tal-Liġi Organika Nru 2/1986 jipprovdi li l-kompetenzi speċifiċi tal-korpi tal-pulizija tagħhom għandhom ikunu li “[jiżguraw] l-osservanza tad-dispożizzjonijiet u tal-ordnijiet individwali maħruġa mill-korpi tal-komunità awtonoma, [jissorveljaw u jipproteġu] lill-persuni, istituzzjonijiet, bini, stabbilimenti u beni tal-komunità awtonoma u tal-amministrazzjonijiet tagħha, billi jiggarantixxu l-funzjonament normali tal-installazzjonijiet u s-sigurtà tal-persuni li jużaw is-servizzi tagħhom, [jispezzjonaw] l-attivitajiet suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-komunità awtonoma, billi jirrapportaw kull attività illegali [u jużaw] il-forza għall-finijiet tal-eżekuzzjoni forzata tal-atti jew tad-dispożizzjonijiet meħuda mill-komunità awtonoma”. Il-korpi tal-pulizija tal-komunitajiet awtonomi jeżerċitaw ukoll xi funzjonijiet b’kollaborazzjoni mal-forzi u mal-korpi tas-sigurtà tal-Istat u għandhom b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, “jiżguraw l-osservanza tal-liġijiet u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Istat u jiżguraw il-funzjonament tas-servizzi pubbliċi essenzjali, […] jipparteċipaw fil-funzjonijiet tal-pulizija ġudizzjarja […], jissorveljaw l-ispazji pubbliċi, jipproteġu l-manifestazzjonijiet u jżommu l-ordni waqt laqgħat kbar […]” ( 5 ). Fil-kuntest ta’ intervent simultanju u mingħajr distinzjoni mal-forzi u mal-korpi tas-sigurtà tal-Istat, il-pulizija tal-komunitajiet awtonomi għandhom “jikkooperaw għar-riżoluzzjoni bonarja tal-kunflitti privati, […] jagħtu assistenza fil-każ ta’ inċident, katastrofi jew diżastru pubbliku, billi jipparteċipaw, skont il-modalitajiet legali, fl-eżekuzzjoni ta’ programmi ta’ protezzjoni ċivili, […] jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet intiżi għall-preżervazzjoni tan-natura u tal-ambjent, tar-riżorsi tal-ilma, kif ukoll għal dik tar-rikkezza tal-annimali tal-kaċċa, tal-ħut u tas-siġar jew affarijiet oħrajn b’rabta man-natura” ( 6 ).

4.

Il-Ley 4/1992 de Policía del País Vasco (Liġi 4/1992, dwar il-pulizija tal-Pajjiż Bask), tas-17 ta’ Lulju 1992 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 4/1992”) ( 7 ) tistabbilixxi, fir-rigward tal-funzjonijiet tal-pulizija Baska, li, “[f]il-kuntest tal-kompetenzi eżerċitati mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, il-pulizija Baska għandha l-funzjoni essenzjali li tipproteġi l-persuni u l-proprjetà, li tiżgura l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħhom u li tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Komunità Awtonoma. Għal dan il-għan, hija twettaq il-funzjonijiet li l-ordinament ġuridiku jagħti lill-korpi tas-sigurtà tal-Istat” ( 8 ). Minn din il-liġi jirriżulta wkoll li l-pulizija Baska hija komposta minn gradi differenti. L-ewwel grad (“Escala Básica”) tal-korp tal-pulizija tal-Pajjiż Bask – dak li għalih ġiet organizzata l-kompetizzjoni li fiha G. Salaberria Sorondo xtaq jipparteċipa – ikopri “il-kompiti ta’ eżekuzzjoni li jeħtieġu l-funzjonijiet tal-pulizija kif ukoll dawk ta’ kmand ta’ uffiċċjal wieħed jew iktar li jaqgħu taħt il-grad fis-servizz operattiv” ( 9 ). Il-Liġi Nru 4/1992 tagħti lill-Gvern Bask ir-responsabbiltà sabiex jiddetermina “permezz ta’ regolament il-kuntest tal-esklużjonijiet mediċi għall-finijiet tal-aċċess għall-gradi u għall-kategoriji tal-korpi li jikkomponu l-pulizija tal-Pajjiż Bask, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ età u ta’ tul meħtieġa ( 10 ).

5.

B’hekk, id-Decreto 120/2010 de tercera modificación del decreto 315/1994 (Digriet 120/2010 tat-tielet emenda tad-Digriet 315/1994) ( 11 ) emenda lill-Artikolu 4(b) tad-Decreto 315/1994 por el que se aprueba el Reglamento de Selección y Formación de la Policía del País Vasco (Digriet 315/1994 li japprova r-regolament ta’ selezzjoni u ta’ taħriġ tal-pulizija tal-Pajjiż Bask), tad-19 ta’ Lulju 1994, billi ffissa l-età ta’ 35 il-sena bħala l-limitu ta’ età tal-kandidati awtorizzati sabiex jikkompetu ( 12 ).

6.

Quddiem il-qorti tar-rinviju, G. Salaberria Sorondo jiddubita dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 4(b) tad-Digriet Nru 315/1994 kif emendat mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 13 ).

7.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 huwa “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ( 14 ).

8.

Barra minn hekk, hija tistabbilixxi li “jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1” ( 15 ).

9.

Madankollu, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jiddikjara li “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti], sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.” Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jiddisponi li “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”. Dawn id-differenzi fit-trattament “jista’ [jistgħu] b’mod partikolari jinkludi [jinkludu] […] l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar” ( 16 ).

10.

Billi kkunsidra li l-avviż ta’ kompetizzjoni kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78, G. Salaberria Sorondo ppreżenta rikors amministrattiv kontra d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2014 li torganizza l-kompetizzjoni għar-reklutaġġ fil-kategorija ta’ uffiċjal tal-ewwel grad tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

11.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-qrati nazzjonali kienu, f’diversi okkażjonijiet, iddeċidew fuq il-limiti ta’ età imposti għar-reklutaġġ f’diversi korpi tal-pulizija. Hija stess diġà ddeċidiet li l-limitu ta’ età ta’ 32 sena kien kompattibbli mad-Direttiva 2000/78. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Vital Pérez ( 17 ), li din id-direttiva tipprekludi l-iffissar ta’ limitu ta’ età ta’ 30 sena għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-pulizija lokali tal-komun ta’ Oviedo (Spanja). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-funzjonijiet imwettqa mill-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask huma differenti minn dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tas-sentenza tagħha Vital Pérez ( 18 ), b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jistgħu jintalbu jwettqu funzjonijiet li huma bħala prinċipju fdati lill-forzi u lill-korpi tas-sigurtà tal-Istat ( 19 ). Barra minn hekk, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, il-limiti ta’ età jvarjaw skont il-korpi u l-funzjonijiet iżda huma stabbiliti abbażi ta’ evalwazzjoni mwettqa mil-leġiżlatur. Fuq livell internazzjonali, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-prattiki huma partikolarment differenti, filwaqt li l-Istati li ma jiffissaw l-ebda limitu ta’ età ma humiex rari ( 20 ). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li l-attività tal-pulizija hija attività li, fid-dawl tan-natura speċifika tagħha, tiġġustifika l-iffissar ta’ limitu massimu għall-ammissjoni inizjali f’pożizzjoni ta’ uffiċjal minħabba l-fatt li dan tal-aħħar ikun jista’ jassumi kwalunkwe funzjoni tal-pulizija li hija karatteristika ta’ “pulizija vera u proprja”, bħal dak tal-Pajjiż Bask.

II – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.

Għalhekk iffaċċjata b’diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ġunju 2015, li tagħmel lil din tal-aħħar id-domanda preliminari li ġejja:

“L-iffissar tal-limitu ta’ età għal 35 sena bħala rekwiżit għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni ta’ membru fil-korp tal-pulizija awtonoma Baska huwa konformi mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2), tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78/KE?”

13.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Spanjol, mill-Irlanda, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn instemgħu kollha fis-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2016.

III – Analiżi ġuridika

14.

Essenzjalment, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija identika għal dik imqajma fil-kuntest tal-kawża Vital Pérez ( 21 ) iżda l-kuntest li fih titqajjem huwa differenti fis-sens li l-kuntest preżenti ma jirrigwardax pulizija ta’ komun iżda l-pulizija ta’ komunità awtonoma. Issa, il-funzjonijiet huma sostanzjalment differenti. Barra minn hekk, il-limitu ta’ età rilevanti fil-kawża Vital Pérez ( 22 ) kien ta’ 30 sena. Min-naħa tiegħu, G. Salaberria Sorondo kien affaċċjat b’limitu ogħla, iffissat għal 35 sena.

15.

Minkejja dawn id-differenzi li ser nerġa’ niġi għalihom, is-sentenza Vital Pérez ( 23 ) diġà solviet numru ta’ punti preliminari rilevanti għall-kawża preżenti.

16.

Fl-ewwel lok, leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Digriet Nru 315/1994 emendat, li d-deċiżjoni tal-1 ta’ April 2014 li tħabbar il-kompetizzjoni ma għamlet xejn ħlief applikatha, taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali tal-pulizija, billi tipprevedi li l-persuni li għandhom età ta’ iktar minn 35 sena ma jistgħux jiġu ammessi fil-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Għaldaqstant, id-Direttiva 2000/78 tabilħaqq tapplika għal tali sitwazzjoni ( 24 ).

17.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament abbażi tal-età, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-età. Issa, l-Artikolu 4(b) tad-Digriet Nru 315/1994 emendat għandu l-effett li ċerti persuni huma ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, sempliċement għaliex qabżu l-età ta’ 35 sena. Din hija, b’mod ċar ħafna, differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età ( 25 ).

18.

Tibqa’ l-kwistjoni, li hija iktar delikata, jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jew tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

A – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78

19.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata [mal-età] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti], sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

20.

Il-Gvern Spanjol, l-Irlanda, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Taljan huma tal-opinjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-età ta’ 35 sena bħala limitu sabiex wieħed jipparteċipa fil-kompetizzjoni għad-dħul fil-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask hija ġġustifikata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn il-funzjonijiet imwettqa mill-uffiċjali ta’ dan il-korp jeħtieġu kundizzjonijiet fiżiċi partikolarment għolja, fattur li jikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, u sa fejn din il-leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq l-għan leġittimu li jiġu żgurati n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija, filwaqt li tibqa’ proporzjonata. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jiddubitaw kemm il-limitu ta’ età inkwistjoni huwa konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

21.

F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl tax-xebh li għandha din il-kawża ma’ dik li tat lok għas-sentenza Vital Pérez ( 26 ), hemm ċertu tagħlim li jista’ jinsilet mill-ġdid minn din tal-aħħar. Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78, huwa biss f’ċirkustanzi limitati ħafna li differenza fit-trattament tista’ tkun iġġustifikata fejn karatteristika marbuta mal-eta tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti, u li, sa fejn jippermetti deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 27 ).

22.

B’dan f’moħħi, fl-ewwel lok, ser nikkonferma l-preżenza ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti kif ukoll għan leġittimu qabel ma nivverifika, fit-tieni lok, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1. Fuq l-eżistenza ta’ rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti u t-tfittxija ta’ għan leġittimu

23.

Ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li ħadu sehem f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari li l-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jitqies li huwa “ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol [rekwiżit professjonali ġenwin u determinanti]” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ uffiċjal tal-pulizija fil-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “l-funzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ persuni u ta’ beni, l-arrest u s-sorveljanza tal-awturi tal-fatti kriminali kif ukoll ir-ronda għal skop preventiv jistgħu jeżiġu l-użu tal-forza fiżika” ( 28 ). In-natura ta’ dawn il-funzjonijiet timplika kapaċità fiżika partikolari peress li n-nuqqasijiet fiżiċi jistgħu jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi għall-uffiċjali tal-pulizija, għall-poplu u għaż-żamma tal-ordni pubbliku ( 29 ). Barra minn hekk, il-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari huwa karatteristika marbuta mal-età ( 30 ).

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ammess, fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi tal-aħħar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolarment sinjifikattivi, sabiex ikunu jistgħu jiġu żgurati l-protezzjoni tal-persuni u tal-proprjetà, l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ kulħadd kif ukoll is-sigurtà taċ-ċittadini, li huma t-tlett funzjonijiet essenzjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask deskritti – għalkemm b’mod pjuttost vag – fl-Artikolu 26(1) tal-Liġi Nru 4/1992 ( 31 ), jikkostitwixxi rekwiżit ġenwin u determinanti għall-eżerċizzju tal-imsemmija professjoni.

25.

Huwa wkoll paċifiku bejn il-partijiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tfittex li tilħaq għan li jista’ jiġi deskritt bħala “leġittimu”. Fil-fatt, il-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari, li jitfittxu permezz tal-iffissar ta’ limitu ta’ età fil-kompetizzjoni għad-dħul fil-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija billi jiġi żgurat li l-uffiċjali ġodda li jiġu rreklutati jkunu f’pożizzjoni li jwettqu l-itqal kompiti minn perspettiva fiżika matul perijodu relattivament twil tal-karriera tagħhom. Issa filwaqt li fakkret b’mod partikolari l-kontenut tal-premessa 18 tad-Direttiva 2000/78 ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali preokkupazzjoni tikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ( 33 ).

26.

L-unika domanda li għadha ma ngħatatx risposta hija dik li jsir magħruf jekk, billi tiffissa l-limitu ta’ età għal 35 sena, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex proporzjonata, jiġifieri jekk dan il-limitu huwiex xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

2. Fuq in-natura proporzjonata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

27.

F’din il-fażi tal-analiżi, għandu jiġi ddeterminat jekk l-iffissar ta’ limitu ta’ età ta’ 35 sena sabiex wieħed jidħol fil-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jikkostitwixxix miżura neċessarja u proporzjonata fid-dawl tal-għan leġittimu li jiġu żgurati n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija ta’ din il-komunità.

28.

Flimkien mal-preżenza ta’ statistika li turi b’mod oġġettiv li l-età inevitabbilment dejjem qiegħda tikber fil-korp tal-pulizija awtonoma tal-Pajjiż Bask, mal-assenjazzjoni ta’ funzjonijiet li jikkorrispondu għal “pulizija vera u proprja” u mar-rapporti annessi mal-osservazzjonijiet tal-akkademja tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Pajjiż Bask li fihom xi informazzjoni pprovduta mill-mediċina okkupazzjonali ( 34 ), il-fatt li l-limitu ta’ età inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ħames snin ogħla jikkostitwixxi raġuni oħra sabiex wieħed jaħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta hawnhekk soluzzjoni differenti minn dik li waslet għaliha fil-kuntest tal-kawża Vital Pérez ( 35 ). L-enfażi għandha għaldaqstant titqiegħed fuq dawn l-elementi li jiddistingwu u jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

29.

Fir-rigward tan-natura u tal-iżvolġiment tal-karriera ta’ uffiċjal ta’ din il-pulizija, mill-proċess u mid-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kompetizzjoni li fiha xtaq jipparteċipa r-rikorrent fil-kawża prinċipali hija l-unika kompetizzjoni ta’ aċċess għall-professjoni ta’ uffiċjal tal-pulizija awtonoma tal-Pajjiż Bask. Il-funzjonijiet ta’ dan l-uffiċjal huma essenzjalment funzjonijiet ta’ eżekuzzjoni. L-uffiċjal tal-ewwel grad ma huwiex ser jiġi fdat b’kompiti amministrattivi, peress li l-persunal purament amministrattiv jiġi rreklutat permezz ta’ kompetizzjoni oħra organizzata b’mod totalment awtonomu minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Mill-mument li fih jiġi rreklutat, huwa mistenni mill-uffiċjal li jkun jista’ jwettaq kwalunkwe kompitu karatteristiku tal-professjoni tiegħu.

30.

Ladarba individwu jgħaddi mill-kompetizzjoni, jibda perijodu ta’ taħriġ inizjali ta’ 27 xahar ( 36 ). Peress li l-kompetizzjoni hija ġenerali, l-ispeċjalizzazzjoni, jekk ikun il-każ, isseħħ biss fil-kors tal-karriera permezz tat-taħriġ kontinwu li huwa offert lill-uffiċjali. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jkun hemm distinzjoni minn qabel bejn l-uffiċjali li ser jeżerċitaw il-parti l-kbira tal-attività tagħhom fil-kuntest ta’ funzjonijiet ta’ natura predominantement fiżika u dawk li ser jorjentaw ruħhom lejn oqsma ta’ attività li huma inqas eżigenti fiżikament, bħal pereżempju il-pulizija forensika. Fi kwalunkwe każ, huwa mistenni mill-uffiċjali tal-pulizija tal-ewwel grad li, sal-eventwali speċjalizzazzjoni tagħhom, ikunu f’pożizzjoni li jwettqu l-kompiti fiżiċi li jikkaratterizzaw il-funzjonijiet tagħhom.

31.

Barra minn hekk, minħabba l-espożizzjoni kostanti tiegħu għar-riskji u għall-istress, huwa previst li, fuq talba tiegħu, l-uffiċjal tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jista’ jitqiegħed f’servizz attiv aġġustat mill-età ta’ 56 sena. Dan is-servizz attiv aġġustat huwa kkaratterizzat minn eżenzjoni minn xogħol billejl, minn eżenzjoni mir-ronda barra mill-bini tal-pulizija u minn tnaqqis fil-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa. Inkambju, l-aġent jintrabat li jirtira fl-età ta’ 59 jew 60 sena minflok fl-età normali ta’ 65 sena. Fil-prattika, skont l-akkademja tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Pajjiż Bask, kważi l-uffiċjali kollha tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask li jkunu f’età li fiha jistgħu jibbenefikaw mis-servizz attiv aġġustat jitolbu li jagħmlu dan.

32.

Fl-aħħar nett, il-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask huwa korp li huwa oġġettivament milqut minn età li dejjem qiegħda tikber fost il-maġġoranza tal-membri tiegħu. Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-akkademja tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Pajjiż Bask jirriżulta li l-korp huwa kompost attwalment minn 8000 uffiċjal. Fl-2009, 59 uffiċjal kellhom bejn 60 u 65 sena u 1399 kellhom bejn 50 u 59 sena. Fl-2018, 1135 uffiċjal ser ikollhom bejn 60 u 65 sena u 4660 uffiċjal, jiġifieri iktar minn nofs il-membri tal-korp, ser ikollhom bejn 50 u 59 sena. Il-projezzjoni għall-2025 tipprevedi li iktar minn 50 % tal-persunal ser ikollu bejn 55 u 65 sena ( 37 ).

33.

Issa mir-rapporti annessi mill-akkademja tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenzż tal-Pajjiż Bask mal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha jirriżulta wkoll li, mill-età ta’ 40 sena, tiġi osservata deterjorazzjoni qawwija tal-kapaċitajiet ta’ irkupru. Effett sinjifikattiv fuq il-kapaċitajiet funzjonali dovut għaż-żieda fl-età jseħħ mill-età ta’ 40‑45 sena u, fi kwalunkwe każ, uffiċjal li għandu iktar minn 55 sena ma jistax jitqies li għandu l-pussess sħiħ tal-kapaċitajiet fiżiċi u psikiċi neċessarji għall-eżerċizzju adegwat tal-professjoni tiegħu mingħajr ma jkun hemm l-ebda riskju għalih jew għal terzi.

34.

Minn dan jirriżulta li persuna tal-età ta’ 35 sena fil-mument tal-kompetizzjoni tidħol fis-servizz, jekk tgħaddi mill-kompetizzjoni, wara t-taħriġ inizjali ta’ 27 xahar, jiġifieri fl-età ta’ 37 sena. Wieħed jista’ jqis li ser tipprovdi 13-il sena servizz fil-massimu tal-kapaċitajiet fiżiċi u psikiċi tagħha, li wara ser jonqsu b’mod sinjifikattiv sakemm tgħaddi għas-servizz attiv aġġustat.

35.

Infakkar li l-funzjonijiet fdati lill-pulizija awtonoma tal-Pajjiż Bask jikkonsistu fil-protezzjoni tal-persuni u tal-proprjetà, f’li jiġi żgurat l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħhom u f’li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Komunità Awtonoma. Il-funzjonijiet imwettqa mill-pulizija awtonoma tal-Pajjiż Bask huma dawk ta’ pulizija “vera u proprja”. B’differenza mill-funzjonijiet li kienu inkwistjoni fil-kawża Vital Pérez ( 38 ), dawk imwettqa mill-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, meqjusa fit-totalità tagħhom, jidhru li jirrikjedu effettivament kundizzjoni fiżika tajba sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw dak kollu li huwa mitlub minn uffiċjal tal-pulizija fl-eżerċizzju sħiħ tal-professjoni tiegħu. Il-kompiti b’rabta maż-żamma tal-ordni pubbliku jeħtieġu li l-membri tal-korp ikunu jistgħu jaġixxu u jirreaġixxu f’kull mument, inkluż matul il-lejl jew taħt kundizzjonijiet estremi, b’mod adegwat u skont l-għan imfittex li huwa l-istabbiliment mill-ġdid tal-paċi soċjali. Minbarra l-eżerċizzju, fis-sens strett tal-kelma, tal-funzjonijiet tradizzjonalment fdati lil korp tal-pulizija “veru u proprju”, l-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask iridu jkunu f’pożizzjoni li jifilħu, pereżempju, it-tagħmir speċifiku li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom għas-sigurtà tagħhom.

36.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Wolf ( 39 ), jien inklinat nikkunsidra li, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effikaċi tal-pulizija awtomona tal-Pajjiż Bask, jista’ jitqies li huwa neċessarju li l-maġġoranza tal-uffiċjali tal-pulizija jkunu f’pożizzjoni li jwettqu l-iktar kompiti fiżikament eżiġenti li uffiċjal li għandu iktar minn 50 sena jista’ jwettaq b’mod inqas effikaċi u li uffiċjal li għandu iktar minn 55 sena ma jkunx għadu f’pożizzjoni li jwettaq. Il-fatt li fl-2025 – jiġifieri fi żmien disa’ snin – kważi n-nofs tal-membri tal-korp ser jgħaddu għas-servizz attiv aġġustat jeħtieġ li jittieħdu xi miżuri minn issa sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid ċertu ekwilibriju bejn l-iktar uffiċjali attivi u dawk li huma inqas attivi. Jidher ċar li ż-żamma ta’ kompożizzjoni ta’ età relattivament ekwilibrata fil-forzi tal-ordni tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask hija neċessarja sabiex tinżamm in-natura operattiva tal-pulizija awtonoma tal-Pajjiż Bask ( 40 ). Fil-fatt, fil-kompożizzjoni attwali tagħha u kieku kellu jsir reklutaġġ mingħajr limitu ta’ età jew b’limitu ogħla, dan jista’ jwassal għar-riżultat li numru kbir wisq ta’ uffiċjali ma jkunx jista’ jiġi assenjati għall-iktar kompiti eżiġenti fuq livell fiżiku ( 41 ).

37.

Dan l-istat ta’ fatt juri li organizzazzjoni raġonevoli tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask tirrikjedi, sabiex jiġu żgurati n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tagħha – għall-inqas għal perijodu medju – l-istabbiliment mill-ġdid ta’ korrelazzjoni bejn il-postijiet ta’ xogħol eżiġenti fiżikament u mhux adattati għall-iktar uffiċjali anzjani u l-inqas postijiet eżiġenti fiżikament u adattati għal dawn l-uffiċjali ( 42 ), u dan iktar u iktar peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li n-nuqqasijiet fiżiċi waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet b’mod partikolari li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-persuni, l-arrest u s-sorveljanza tad-delikwenti u r-rondi preventivi jistgħu jkollhom konsegwenzi importanti mhux biss għall-uffiċjali tal-pulizija stess u għal terzi iżda wkoll għaż-żamma tal-ordni pubbliku ( 43 ). A fortiori, l-istess japplika għall-funzjonijiet addizzjonali speċifiċi għall-pulizija tal-komunitajiet awtonomi li jirrigwardaw l-użu tal-forza għall-finijiet tal-eżekuzzjoni forzata, il-protezzjoni tal-manifestazzjonijiet u ż-żamma tal-ordni waqt laqgħat kbar jew il-ġlieda kontra t-terroriżmu ( 44 ).

38.

Barra minn hekk, in-nuqqasijiet li jistgħu joħolqu preokkupazzjoni fil-funzjonament tas-servizzi tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jeskludu li l-organizzazzjoni ta’ provi fiżiċi eżiġenti u eliminatorji waqt il-kompetizzjoni għad-dħul tista’ tikkostitwixxi miżura alternattiva inqas stretta. L-għan li jinżammu n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-uffiċjali tal-pulizija awtonoma tal-Pajjiż Bask jeħtieġ li tiġi stabbilita mill-ġdid ċerta struttura tal-etajiet, b’mod li l-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari ma għandux jitqies b’mod statiku, sempliċement fil-mument partikolari tal-kompetizzjoni, iżda, għall-kuntrarju, b’mod dinamiku, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-snin ta’ servizz li ser isegwu s-suċċess fil-kompetizzjoni.

39.

Huwa wkoll minħabba s-sitwazzjoni speċifika ħafna tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask li l-paragun mal-limiti ta’ età għall-korpi tal-pulizija l-oħra li joperaw fit-territorju nazzjonali, li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża Vital Pérez ( 45 ), jieqaf milli jkun fattur determinanti ( 46 ).

40.

Għaldaqstant, minħabba r-raġunijiet kollha li diġà ssemmew, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinjora d-diffikultajiet organizzattivi li taffaċċja l-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask – kemm jekk humiex kurrenti jew fil-futur – u konsegwentement, għandha tikkonstata l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

41.

Madankollu, jiena konvint ukoll li din il-konformità għandha tiġi kkonstatata biss għall-perijodu strettament neċessarju għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ ċerta struttura ta’ etajiet li ma tkunx iktar ta’ natura li tippreġudika n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

42.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa għal 35 sena l-età massima għar-reklutaġġ tal-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, sa fejn din hija strettament neċessarja għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ struttura ta’ etajiet li ma tippreġudikax iktar in-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta’ din il-pulizija.

B – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78

43.

Peress li jidhirli li d-differenza fit-trattament introdotta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa għal 35 sena l-limitu ta’ età sabiex wieħed jipparteċipa f’kompetizzjoni għad-dħul fil-pulizija awtonoma Baska hija ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, ma huwiex utli li jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva ( 47 ). Għaldaqstant huwa fuq bażi kompletament sussidjarja li ser nillimita ruħi għal xi kunsiderazzjonijiet fuq dan il-punt.

44.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jiddisponi li “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”. Dawn id-differenzi fit-trattament differenti “jista’ [jistgħu] b’mod partikolari jinkludi [jinkludu] […] l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar” ( 48 ).

45.

L-espożizzjoni tal-motivi tad-Digriet Nru 120/2010 ma tantx toffri kjarifiki sabiex jiġi identifikat l-għan imfittex mill-iffissar ta’ limitu ta’ età ta’ 35 sena għall-kompetizzjoni għad-dħul fil-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ( 49 ). Peress li l-osservazzjonijiet tal-partijiet li intervenjenew matul din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari kienu essenzjalment iffokati fuq l-analiżi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, il-proċess fih inqas informazzjoni li tista’ tkun utli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

46.

Madankollu, l-akkademja tal-pulizija u tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Pajjiż Bask tressaq l-għan dwar l-ekwilibriju organizzattiv u finanzjarju tal-pulizija Baska jew il-ħtieġa li tinħoloq piramida ta’ etajiet ekwilibrata. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol jinvoka r-rekwiżit ta’ taħriġ, il-ħtieġa ta’ perijodu ta’ impjieg raġjonevoli qabel l-irtirar jew kunsiderazzjonijiet dwar il-politika tal-impjieg, mingħajr ma jagħti iktar dettalji.

47.

L-għan li jiġi żgurat perijodu ta’ impjieg raġjonevoli qabel l-irtirar u l-ġustifikazzjoni tal-iffissar ta’ limitu ta’ età bbażat fuq it-taħriġ meħtieġ huma għanijiet li l-leġittimità tagħhom tirriżulta direttament mill-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 50 ).

48.

Min-naħa l-oħra, għandi iktar riżervi fir-rigward tal-possibbiltà li t-tfittxija u ż-żamma tal-ekwilibriju organizzattiv u finanzjarju tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jew il-ħtieġa li tinħoloq piramida ta’ etajiet ekwilibrata jikkostitwixxu għanijiet leġittimi skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, meta dawn l-għanijiet, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “huma għanijiet li jirrilevaw mill-politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonali” ( 51 ).

49.

Fi kwalunkwe każ, ladarba l-għan leġittimu, abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ikun ġie identifikat, ikun irid jiġi ddeterminat jekk l-iffissar ta’ limitu ta’ età ta’ 35 sena jeċċedix dak li huwa adegwat u neċessarju sabiex dan tal-aħħar jintlaħaq.

50.

Huwa minnu li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg. Dan il-marġni huwa madankollu limitat sa fejn ma jistax ikollu l-effett li jneħħi s-sustanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ( 52 ). Issa, f’dak li jirrigwarda l-għan dwar it-taħriġ meħtieġ għall-pożizzjoni ta’ uffiċjal tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, l-ebda element fil-proċess ma jidher li huwa ta’ natura li jiġġustifika tali limitu ta’ età. Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan li jiġi żgurat perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar, l-età ta’ rtirar “normali” għall-uffiċjali ta’ dan il-korp tal-pulizija huwa ffissat għal 65 sena, b’mod li, fit-teorija, anki aġent li jidħol fis-servizz fl-età ta’ 40 sena jkun jista’ jibqa’ għal 25 sena ( 53 ).

51.

Konsegwentement, insib xi diffikultajiet sabiex nikkonċepixxi l-fatt li l-limitu ta’ età ta’ 35 sena sabiex wieħed jidħol fil-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jista’ jkun iġġustifikat fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

IV – Konklużjoni

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (qorti superjuri tal-ġustizzja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask):

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa għal 35 sena l-età massima għar-reklutaġġ tal-uffiċjali tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, sa fejn dan il-limitu huwa strettament neċessarju għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ struttura ta’ etajiet li ma tippreġudikax iktar in-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta’ din il-pulizija.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Boletín Oficial del País Vasco Nru 63 tal-1 ta’ April 2014.

( 3 ) G. Salaberria Sorondo ma għaddiex mill-ħames eżami tal-kompetizzjoni, li kien jikkonsisti f’intervista personali. Huwa ppreżenta rikors kontra din l-esklużjoni wkoll, liema rikors kien għadu pendenti fil-mument li fih tressaq dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

( 4 ) BOE Nru 63, tal-14 ta’ Marzu 1986.

( 5 ) Artikolu 38(2) tal-Liġi Organika Nru 2/1986.

( 6 ) Artikolu 38(3), tal-Liġi Organika Nru 2/1986.

( 7 ) BOE Nru 39, tal-15 ta’ Frar 2012.

( 8 ) Artikolu 26(1) tal-Liġi Nru 4/1992.

( 9 ) Artikolu 105(2) tal-Liġi Nru 4/1992.

( 10 ) Tmien dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Nru 4/1992.

( 11 ) Boletín Oficial del País Vasco Nru 82.

( 12 ) Fil-verżjoni inizjali tiegħu, id-Digriet Nru 315/1994 iffissa lil dan il-limitu għal 30 sena qabel mal-imsemmi limitu ġie emendat, għall-ewwel darba fl-2002, fejn żdied sa 32 sena.

( 13 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

( 14 ) Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.

( 15 ) Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

( 16 ) Punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

( 17 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 18 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 19 ) Il-funzjonijiet fdati lill-forzi u lill-korpi tas-sigurtà tal-Istat huma ddefiniti fl-Artikolu 11 tal-Liġi Organika Nru 2/1986. Huma jikkonsisti f’li jiżguraw l-osservanza tal-liġijiet u tad-dispożizzjonijiet ġenerali billi jeżegwixxu l-ordnijiet li jirċievu mingħand l-awtoritajiet, li jgħinu u jipproteġu lill-persuni u li jiżguraw il-protezzjoni u s-sorveljanza tal-proprjetà li jkunu mhedda, li jissorveljaw u jipproteġu lill-istabbilimenti u bini pubbliċi li jeħtieġu protezzjoni, li jiżguraw il-protezzjoni u s-sigurtà ta’ persuni importanti, li jżommu u li jistabbilixxu mill-ġdid l-ordni u s-sigurtà pubbliċi, li jinvestgaw id-delitti sabiex jiskopru u jaqbdu lill-awturi preżunti tagħhom, li jqegħdu taħt sekwestru l-istrumenti, prodotti u provi tar-reati u li jqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-qorti jew tat-tribunal li jkollhom ġurisdizzjoni u li jfasslu r-rapporti tekniċi u l-perizji rilevanti, li jimpedixxu r-reati, li jiġbru, jirċievu u janalizzaw l-informazzjoni kollha li tkun ta’ interess għall-ordni u s-sigurtà pubbliċi, u li jistudjaw, jippjanaw u jeżegwixxu l-metodi u t-teknika ta’ prevenzjoni tad-delinkwenza kif ukoll li jikkollaboraw mas-servizzi ta’ protezzjoni ċivili fil-każ ta’ riskju gravi ta’ katastrofi jew diżastru pubbliku.

( 20 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tiċċita l-eżempju tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Istat ta’ Iżrael, ir-Renju tan-Norveġja u New Zealand, kif ukoll, fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja.

( 21 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 22 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 23 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 30 u 31). Sabiex infakkar, l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 jiddisponi li din id-direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-korpi pubbliċi, fir-rigward b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali. Infakkar ukoll li, minkejja li, barra minn hekk, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età huwa stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda teżamina kawża bejn individwu u amministrazzjoni pubblika f’dak li jirrigwarda tali prinċipju biss fuq il-bażi tad-Direttiva 2000/78 [ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft (C‑132/11, EU:C:2012:329, punti 21 sa 23) u tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 25)].

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 33).

( 26 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 27 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 46 u 47).

( 28 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 39).

( 29 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara l-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Li skontha din id-direttiva “ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi” (korsiv miżjud minni).

( 33 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 42 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Madankollu, għanu jiġi rrikonoxxut li l-informazzjoni xjentifika li hemm f’dawn ir-rapporti hija relattivitament sommarja meta mqabbla ma’ dik ipprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawża Wolf [sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3)].

( 35 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 36 ) Jiġifieri 9 xhur ta’ taħriġ fis-sens strett tal-kelma u 18-il xahar ta’ apprendistat.

( 37 ) Dan huwa dovut b’mod partikolari għall-fatt li l-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ġie kkostitwit fis-snin 80, wara li l-Pajjiż Bask ingħata l-istatus ta’ Komunità Awtonoma fl-1979.

( 38 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 39 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010 (C‑229/08, EU:C:2010:3).

( 40 ) Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Jannar 010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-assenjazzjoni ta’ uffiċjali iktar anzjani għal doveri li huma nqas eżiġenti fuq livell fiżiku teħtieġ li dawn jiġu ssostitwiti minn uffiċjali iżgħar (ara l-punt 43 tal-imsemmija sentenza).

( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 43).

( 42 ) Idem.

( 43 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol jenfasizza li l-organizzazzjoni terrorista tal-ETA hija komposta minn membri żgħażagħ u li l-ġlieda effikaċi kontra din l-organizzazzjoni teħtieġ l-eżistenza ta’ membri tal-korp li għandhom mezzi materjali u umani ekwivalenti u, b’mod partikolari, li jkunu f’kundizzjoni fiżika perfetta (ara l-punt 34 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol). Barra minn hekk, is-sorveljanza ta’ din l-organizzazzjoni teħtieġ li jitwettqu diversi missjonijiet bil-lejl, li, kif huwa magħruf, l-iktar uffiċjali anzjani huma eżenti minnhom. Madankollu, il-Gvern Spanjol ma kkwantifikax il-volum li tirrapreżenta l-ġlieda kontra t-terroriżmu għas-servizz ta’ uffiċjal tal-ewwel grad tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

( 45 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014 (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 50 u 51).

( 46 ) Il-pulizija nazzjonali Spanjola għandha 65000 uffiċjal. Fil-5 ta’ Mejju 2016, 34 % minn dawn l-uffiċjali kellhom bejn 18 u 35 sena u 32 % kellhom l-età ta’ bejn 36 u 44 sena. 66 % mill-uffiċjali tal-pulizija nazzjonali kellhom għaldaqstant bejn 18 u 44 sena. Il-Gvern Spanjol ammetta wkoll li l-funzjonijiet tal-pulizija nazzjonali jkopru iktar kompiti burokratiċi jew amministrattivi minn dawk tal-pulizija tal-komunitajiet awtonomi. Din l-informazzjoni ġiet ipprovduta minn dan il-gvern b’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta li kienet intiża sabiex jinkisbu xi kjarifiki fuq ir-raġuni li għaliha l-limitu ta’ età għad-dħul fil-korp tal-pulizija nazzjonali kien tħassar.

( 47 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 45).

( 48 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

( 49 ) Tissemma r-rieda “li jiġu estiżi l-possibilitajiet ta’ aċċess għall-korp tal-pulizija tal-Pajjiż Bask għal numru ikbar ta’ ċittadini rġiel u nisa u [li] jiġi żgurat li l-persuni li huma membri ta’ dan il-korp jkunu użaw il-potenzjal massimu li jirrekjedi xogħolhom”.

( 50 ) Ara wkoll il-punt 65 tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371).

( 51 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 46), tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 41) kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 81). Fuq id-distinzjoni bejn l-għanijiet ta’ interess ġenerali u l-għanijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Vital Pérez (EU:C:2014:2109, punti 42 et seq). Fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita struttura ta’ eta ekwilibrata, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura leġittima tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biss jekk dan l-għan huwa intiż sabiex jiffavorixxi l-għanijiet ta’ politika tal-impjieg, bħall-promozzjoni tal-impjieg, b’mod partikolari taż-żgħażagħ, fl-interess ta’ tqassim tax-xogħol bejn il-ġenerazzjonijiet [ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Vital Pérez (EU:C:2014:2109, punti 50 u 51). Ara wkoll is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 53), tal‑21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 68), tas-6 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 62), kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 63). Bla ħsara għal eventwali verifiki ulterjuri mwettqa mill-qorti tar-rinviju, il-Gvern Spanjol ma jidhirx li rabat l-għan li tinħoloq piramida ta’ etajiet ekwilibrata ma’ għanijiet li jaqgħu taħt il-politika tal-impjieg fis-sens strett tal-kelma.

( 52 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Anki jekk dan l-aġent ma jgħaddix it-totalità ta’ 25 sena f’servizz effettiv normali, minħabba deterjorament psikiko-fiżiku marbut mal-età. Barra minn hekk, l-ebda argument marbut mad-dritt għall-pensjoni tal-uffiċjali li daħlu tard fil-korp tal-pulizija tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ma jista’ jirnexxi. Anki jekk jitqies li tali ġustifikazzjoni hija ammissibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, nirrileva li, minn naħa, il-Gvern Spanjol eskluda b’mod ċar tali ġustifikazzjoni waqt is-seduta u, min-naħa l-oħra, peress li l-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi attwali jirrendu l-karriera professjonali inqas u inqas lineari, jista’ leġittimament jitqies li uffiċjal li jidħol fis-servizz fl-età ta’ 40 sena jkun ikkontribwixxa għad-dritt għall-pensjoni tiegħu fil-kuntest tal-ħajja professjonali li kellu qabel ma daħal fil-korp tal-pulizija.

Top