EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0247

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2016.
Maxcom Ltd et vs Chin Haur Indonesia PT.
Appell – Dumping – Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 501/2013 – Importazzjonijiet ta’ roti mibgħuta mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija – Estensjoni, għal dawn l-importazzjonijiet, tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 13 – Evażjoni – Artikolu 18 – Nuqqas ta’ kooperazzjoni – Prova – Għadd ta’ indizji konsistenti.
Kawżi magħquda C-247/15 P, C-253/15 P u C-259/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:712

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑247/15 P, C‑253/15 P u C‑259/15 P

Maxcom Ltd (C‑247/15 P)

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑253/15 P)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C‑259/15 P)

vs

Chin Haur Indonesia, PT

“Appell — Politika kummerċjali — Dumping — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013 — Importazzjonijiet ta’ biċikletti mibgħuta b’mod partikolari mill-Indoneżja — Estensjoni għal dawn l-importazzjonijiet tad-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikoli 13 u 18 — Evażjoni — Nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ parti mill-produtturi/esportaturi kkonċernati mill-investigazzjoni — Prova tal-evażjoni — Sensiela ta’ indizji konkordanti — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Ksur tad-drittijiet proċedurali”

1. 

Dawn il-konklużjonijiet jittrattaw tliet appelli li bihom Maxcom Ltd, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Marzu 2015, Chin Haur Indonesia vs Il-Kunsill ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din annullat l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 ( 3 ), (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) sa fejn jikkonċerna l-kumpannija Chin Haur Indonesia, PT (iktar ’il quddiem “Chin Haur”), rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

2. 

Dawn it-tliet kawżi magħquda huma l-ewwel okkażjoni ( 4 ) għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ appell, fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ evażjoni tad-dazji antidumping. Din il-leġiżlazzjoni, li tinsab fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”) ( 5 ), tippermetti lill-istituzzjonijiet, f’ċerti kundizzjonijiet, li jestendu d-dazji antidumping li huma kienu imponew fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott li joriġina minn pajjiż terz, għall-importazzjonijiet ta’ prodotti simili li joriġinaw b’mod partikolari minn pajjiż ieħor, bil-għan li jevitaw li jiġu evażi l-miżuri antidumping.

3. 

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-opportunità li tikkjarifika iktar ir-rekwiżiti dwar il-prova li għandhom iġibu l-Kummissjoni u l-Kunsill (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“istituzzjonijiet”) sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ evażjoni. Il-ġurisprudenza diġà tipprovdi ċerti indikazzjonijiet fir-rigward tal-piż u tal-livell tal-prova rikjesta. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat dawn l-indikazzjonijiet f’kawżi kkaratterizzati minn kuntest fattwali partikolari li fih l-istituzzjonijiet iltaqgħu ma’ rifjut ta’ kooperazzjoni mill-partijiet kollha interessati matul l-investigazzjoni intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ evażjoni, investigazzjoni bbażata fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-produtturi/esportaturi indirizzati.

4. 

F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ir-rekwiżiti dwar il-prova li għaliha huma suġġetti l-istituzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ evażjoni f’kuntest fattwali differenti, jiġifieri f’sitwazzjoni kkaratterizzata minn nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa mhux tal-partijiet interessati kollha, iżda biss min-naħa ta’ wħud mill-produtturi/esportaturi involuti fl-investigazzjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

5.

Għalkemm il-kwistjoni tal-evażjoni kienet ġiet diskussa fil-kuntest tan-negozjati WTO-GATT, l-ebda ftehim ma seta’ jintlaħaq. Għaldaqstant, il-kodiċi antidumping tal-1994 ( 6 ) finalment ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar is-suġġett ( 7 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Unjoni Ewropea adottat unilateralment il-liġi għal kontra l-evażjoni tagħha stess ( 8 ).

6.

It-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1)(1) tar-regolament bażiku tiddefinixxi l-evażjoni bħala “bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u [l-Unjoni] jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u [l-Unjoni], li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom [ma] hemm[x] raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2”.

7.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku jinkludi lista mhux eżawrjenti tal-prattiki, proċessi jew ħidmiet imsemmija fis-subparagrafu preċedenti, li jinkludu, inter alia“il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi” u “fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 2, l-assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni ta’ l-assemblaġġ f[l-Unjoni] jew f’pajjiż terz”. L-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku jiddefinixxi t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li taħthom operazzjoni ta’ assemblaġġ fl-Unjoni jew f’pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata bħala li tevadi l-miżuri antidumping fis-seħħ ( 9 ).

8.

Skont l-Artikolu 13(3) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tiftaħ investigazzjoni, skont id-regolament, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ xi parti interessata, fuq il-bażi ta’ elementi ta’ prova suffiċjenti dwar il-fatturi enumerati fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu. Jekk il-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Meta l-fatt stabbiliti definittivament jiġġustifika l-estensjoni tal-miżuri antidumping, dan għandu jiġi deċiż mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-kumitat konsultattiv.

9.

L-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku jipprevedi l-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet mill-miżuri kontra l-evażjoni lil ċerti kumpanniji. Huwa jipprovdi li “[l]-importazzjonijiet ma jkunux […] suġġetti għal miżuri meta jkunu negozjati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet. It-talbiet għall-eżenzjonijiet debitament sostnuti minn provi għandhom jiġu ppreżentati fit-termini perentorji stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda’ l-investigazzjoni. Meta l-prattika, proċess jew ħidma li [tikkostitwixxi evażjoni] ssir barra mil[l-Unjoni], jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ xi produttur li hu suġġett għall-miżuri u li jinstabu li ma humiex iwettqu [prattiċi ta’ evażjoni] kif imfisser fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. […D]awn l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw b’deċiżjoni tal-Kummissjoni […] jew b’deċiżjoni tal-Kunsill li timponi l-miżuri u li għandhom jibqgħu validi għall-perjodu u skond il-kundizzjonijiet hemm sabbiliti. […] [L]- eżenzjonijiet jistgħu wkoll jingħataw wara li tintemm l-investigazzjoni li twassal għall-estensjoni tal-miżuri”.

10.

L-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, bit-titolu “Nuqqas ta’ koperazzjoni”, jipprovdi li ġej:

“1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

[…]

3.   Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

[…]

6.   Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat”.

II – Il-fatti li wasslu għat-tilwima u r-regolament ikkontestat

11.

Il-fatti li wasslu għat-tilwima ġew esposti fil-punti 1 sa 28 tas-sentenza appellata li nirreferi għalihom. Għall-bżonnijiet ta’ din il-proċedura, nillimita ruħi biex infakkar li diġà fl-1993, l-Unjoni kienet imponiet dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Sussegwentement, dan id-dazju kien is-suġġett ta’ reviżjoni diversi drabi u finalment inżamm, fil-livell ta’ 48.5 % bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 ( 10 ).

12.

Fl-2012, wara ilment, il-Kummissjoni kienet fetħet investigazzjoni fir-rigward tal-eventwali evażjoni tal-miżuri antidumping stabbiliti bir-Regolament Nru 990/2011, permezz ta’ importazzjonijiet ta’ biċikletti mibgħuta, inter alia, mill-Indoneżja ( 11 ). Fil-kuntest ta’ dik l-investigazzjoni, Chin Haur kienet ippreżentat talba għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku. Il-Kummissjoni kienet wettqet viżita ta’ verifika fl-istabbilimenti ta’ Chin Haur fl-Indoneżja, u kienet finalment ċaħdet it-talba għal eżenzjoni ta’ Chin Haur minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli ppreżentata minn din tal-aħħar ( 12 ).

13.

Fid-29 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-regolament ikkontestat.

14.

F’dan ir-regolament, il-Kunsill kien qabel kollox indika li, fost l-erba’ kumpanniji Indoneżjani li kienu ressqu talba għal eżenzjoni, li jirrappreżentaw 91 % tat-total tal-importazzjonijiet fl-Unjoni li joriġinaw mill-Indoneżja, tliet kumpanniji kienu ġew ikkunsidrati li kkooperaw, fil-waqt li d-data pprovduta mir-raba’ kumpannija, jiġifieri Chin Haur, ma setgħetx tiġi vverifikata u ma kinitx affidabbli b’mod li din ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni ( 13 ). Għaldaqstant, il-Kunsill indika, fil-premessa 33 tar-regolament imsemmi, li l-konklużjonijiet li jikkonċernaw lil Chin Haur kienu ġew ibbażati fuq id-data disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku.

15.

Sussegwentement, il-Kunsill ikkonstata li kienu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku ( 14 ).

16.

Fir-rigward, speċifikament, tal-prattiċi ta’ evitar fl-Indoneżja, il-Kunsill kien eżamina, qabel xejn, l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord. F’dan ir-rigward, il-premessi 61 sa 64 tar-regolament ikkontestat jipprovdu:

“(61)

Għal tlieta mill-erba’ kumpanniji li kkoperaw inizjalment, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda prattiki ta’ trażbord.

(62)

Fir-rigward tar-raba’ kumpannija [jiġifieri, Chin Haur], kif iddikjarat fil-premessi (29) sa (33) aktar ’il fuq, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kienet ġustifikata. L-investigazzjoni żvelat li l-kumpannija ma kenitx tippossjedi tagħmir suffiċjenti biex jiġġustifika l-volumi tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-[perjodu ta’ referenza] u, għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-kumpannija kienet involuta fi prattiċi ta’ evażjoni permezz ta’ trażbord. Fl-assenza ta’ xi ġustifikazzjoni, jista’ jiġi konkluż li l-kumpannija kienet implikata fi prattiki ta’ evażjoni permezz ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord.

(63)

Għall-bqija tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni […].

(64)

Għaldaqstant, fid-dawl tal-bidliet fix-xejriet tal-kummerċ konklużi fil-premessa (58) hawn fuq bejn l-Indoneżja u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet ta’ kumpannija waħda Indoneżjana kif iddikjarat fil-premessa (61) hawn fuq, u l-fatt li mhux il-produtturi/esportaturi Indoneżjani kollha ppreżentaw ruħhom u kkoperaw, l-eżistenza ta’ trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża vija l-Indoneżja hija kkonfermata.”

17.

Sussegwentement, il-Kunsill indika li l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku, ma kinitx ġiet stabbilita fl-Indoneżja ( 15 ).

18.

F’dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, il-Kunsill ikkonferma l-eżistenza ta’ evażjoni permezz ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord vija l-Indoneżja u kien estenda d-dazju antidumping definittiv previst bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 990/2011 għall-importazzjonijiet ta’ biċikletti mibgħuta mill-Indoneżja ( 16 ) u, min-naħa l-oħra, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni reali kkonstatata, ċaħad l-eżenzjoni lil Chin Haur skont l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku ( 17 ).

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19.

Fid-9 ta’ Awwissu 2013, Chin Haur ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tal-Artikolu 1(1) u (3) tar-regolament ikkontestat.

20.

Fit-8 ta’ Ottubru 2013, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba ppreżentata minn Chin Haur sabiex il-kawża tiġi deċiża bil-proċedura mħaffa ( 18 ).

21.

B’digriet tal-11 ta’ Novembru 2013, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ intervent tal-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Madankollu, il-Kummissjoni ma kinitx ġiet awtorizzata tippreżenta nota ta’ intervent ( 19 ). Fil-25 ta’ Ġunju 2014, billi ġiet applikata l-proċedura mħaffa għall-kawża, il-Kummissjoni kienet ressqet talba sabiex tiġi awtorizzata tippreżenta nota ta’ intervent bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ( 20 ). Dik it-talba ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali.

22.

Maxcom ġiet awtorizzata tintervjeni b’digriet tas-16 ta’ Lulju 2014.

23.

Insostenn tar-rikors tagħha, Chin Haur invokat tliet motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 13(1) u 18(1) tar-regolament bażiku. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, Chin Haur kienet tikkontesta l-konklużjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ bidla fix-xejriet tal-kummerċ. Bit-tieni parti ta’ dak il-motiv, Chin Haur kienet ikkontestat il-konklużjoni tal-Kunsill, fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat, li tgħid li hija kienet twettaq operazzjonijiet ta’ trażbord. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Dan kien jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-Kunsill dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Kien jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ dumping.

24.

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni u t-tielet motivi bħala infondati. Min-naħa l-oħra, din laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv, b’mod partikolari l-ewwel ilment tiegħu li permezz tiegħu Chin Haur ikkontestat il-konklużjoni stabbilita fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat, li tgħid li hija ma kellhiex kapaċitajiet ta’ produzzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-volumi ta’ esportazzjoni tagħha lejn l-Unjoni.

25.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali analizzat, fl-ewwel lok, fil-punti 81 sa 94 tas-sentenza appellata, l-elementi kkomunikati minn Chin Haur matul l-investigazzjoni u ddeċidiet li dawn l-elementi ma kinux jistgħu juru li dik il-kumpannija verament kienet esportatur ta’ oriġini Indoneżjana jew li hija kienet tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku.

26.

Fit-tieni lok, fil-punti 95 sa 103 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-elementi li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jikkonstata l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord minn Chin Haur. Wara dik l-analiżi, fil-punt 104 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Kunsill ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu indizji suffiċjenti sabiex jibbaża l-konklużjoni tiegħu imsemmija fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat. Fil-punt 105 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet barra minn hekk ikkunsidrat li l-fatt li Chin Haur ma setgħetx turi li hija kienet tabilħaqq produttur Indoneżjan jew li hija kienet tissodisfa l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Bażiku ma kienx jippermetti lill-Kunsill li jikkonkludi, awtomatikament, li kienu jeżistu operazzjonijiet ta’ trażbord imwettqa minn Chin Haur, peress li tali possibbiltà ma tirriżulta bl-ebda mod mir-Regolament Bażiku jew mill-ġurisprudenza. Il-Qorti Ġenerali għalhekk laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv, mingħajr ma ttrattat iż-żewġ motivi l-oħra mqajma minn Chin Haur. Għaldaqstant, hija annullat l-Artikolu 1(1) u (3) tar-regolament ikkontestat “f’dak li jikkonċerna” lil Chin Haur.

IV – It-talbiet tal-partijiet

27.

Bl-appelli tagħhom, Maxcom, il-Kummissjoni u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Chin Haur għall-ispejjeż. Sussidjarjament, il-Kummissjoni u l-Kunsill jitolbu li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżaminaha mill-ġdid u li l-ispejjeż taż-żewġ istanzi jibqgħu riżervati.

28.

Chin Haur titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad kompletament l-appelli kontra s-sentenza appellata u li tikkundanna lil Maxcom, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-ispejjeż. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tannulla s-sentenza appellata, Chin Haur titlob lil-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, tilqa’ ż-żewġ ilmenti l-oħra tal-ewwel motiv li hija kienet qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali u tannulla parzjalment l-Artikolu 1(1) u (3) tar-regolament ikkontestat sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jestendu d-dazju antidumping stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw miċ-Ċina għal Chin Haur u jiċħdu t-talba ta’ eżenzjoni ta’ Chin Haur.

V – Analiżi

29.

Fl-appelli, Maxcom tqajjem żewġ aggravji kontra s-sentenza appellata, l-ewwel wieħed b’mod prinċipali u t-tieni wieħed b’mod sussidjarju, il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji u l-Kunsill, min-naħa tiegħu, iqajjem tnejn. L-aggravji invokati fit-tliet appelli jikkoinċidu fil-parti l-kbira u jistgħu, essenzjalment, jinġabru fi tliet gruppi.

30.

L-ewwel nett, Maxcom, il-Kummissjoni u l-Kunsill jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku ( 21 ). It-tieni nett, il-Kummissjoni u l-Kunsill jallegaw li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u minn motivazzjoni kontradittorja; fl-istess kuntest, il-Kunsill jargumenta wkoll li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti ( 22 ). It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedurali tagħha ( 23 ).

A – Fuq l-aggravji bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku

1. Argumenti tal-partijiet

31.

Fl-ewwel grupp ta’ aggravji, Maxcom, il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu, essenzjalment, li r-raġunament li jinsab fil-punti 95 sa 105 tas-sentenza appellata, li abbażi tiegħu il-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament ikkontestat, huwa vvizzjat b’diversi żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku.

32.

Fl-ewwel lok, Maxcom tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet applikazzjoni manifestament żbaljata tad-dispożizzjoni msemmija, billi kkunsidrat li l-Kunsill ma setax jikkonkludi, abbażi tal-provi li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, li Chin Haur kienet implikata f’operazzjonijiet ta’ trażbord.

33.

Skont Maxcom, l-ewwel nett, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li hemm qbil li Chin Haur kienet importat partijiet ta’ biċikletti minn produttur Ċiniż marbut magħha u li hija kienet esportat biċikletti lejn l-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, billi kienet ikkonstatat li Chin Haur setgħetx tipprova li hija verament kienet produttur Indoneżjan ta’ biċikletti jew li hija kienet wettqet operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li ma kinux jaqbżu l-livelli ffissati l-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku, kellha tikklassifika l-attivitajiet ta’ importazzjoni-esportazzjoni ta’ Chin Haur bħala trażbord.

34.

It-tieni nett, skont Maxcom, l-elementi li bbażat ruħha fuqhom il-Qorti Ġenerali, fil-punti 95 sa 102 tas-sentenza appellata, sabiex tikkonkludi li l-Kunsill ma kellux provi suffiċjenti sabiex jikkonstata li Chin Haur ma kinitx involuta f’operazzjonijiet ta’ trażbord, kienu irrilevanti. F’dan il-każ, il-kwistjoni essenzjali kellha tkun in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur li tellfet lill-Kummissjoni milli tifforma stampa sħiħa tal-attivitajiet ta’ dik il-kumpannija b’mod li l-konstatazzjonijiet dwarha kellhom isiru fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku. Is-sentenza appellata tippremja lil Chin Haur għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħha u hija kuntrarja kemm għall-għanijiet tar-regolament bażiku kif ukoll għall-ġurisprudenza. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta li jipprovaw speċifikament l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni preċiżi. Huma għandhom jipprovaw biss li l-bidla fl-iskambji tirriżulta minn operazzjonijiet ta’ evażjoni. Isegwi li l-annullament tar-regolament ikkontestat minħabba l-fatt li l-istituzzjonijiet ma kellhomx provi suffiċjenti sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ prattiki ta’ trażbord, għandhom jikkostitwixxu żball manifest ta’ liġi.

35.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali telqet mill-premessa impliċita li l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku jeżiġi li l-istituzzjonijiet għandhom juru li kull produttur/esportatur fil-pajjiż li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni iwettaq prattiki ta’ trażbord. Tali interpretazzjoni hija żbaljata. L-ewwel nett, din tikser l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku fil-livell tal-pajjiż, u mhux fil-livell tal-esportaturi individwali. It-tieni nett, din tirrendi l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku mingħajr ebda skop. It-tielet nett, hija tikkonfondi l-kunċett ta’ “prattika ta’ evażjoni” ma’ waħda mill-manifestazzjonijiet tiegħu, jiġifieri t-trażbord. Issa, l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta li jipprovaw speċifikament l-eżistenza ta’ prattiki preċiżi ta’ evażjoni. Ir-raba nett, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjonijiet kontradittorji tal-kunċett ta’ prattika ta’ evażjoni fl-evalwazzjoni tal-motivi differenti.

36.

Fit-tielet lok, Maxcom, il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li, anki jekk il-Kunsill kien wettaq żball meta kkonstata li Chin Haur kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trażbord, din il-konstatazzjoni ma setgħetx tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex tannulla r-regolament ikkontestat. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ trażbord vija l-Indoneżja, stabbilita fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat, ma hijiex ibbażata biss fuq il-konstatazzjoni li tikkonċerna lil Chin Haur, iżda wkoll fuq il-fatt, minn naħa, li xi produtturi li jirrappreżentaw 9 % tal-esportazzjonijiet tal-Indoneżja lejn l-Unjoni ma kienu kkooperaw xejn fl-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, li finalment ma nstabet l-ebda kooperazzjoni minn Chin Haur li kienet tirrappreżenta 42 % minn dawk l-esportazzjonijiet. Għalhekk, anki f’każ ta’ żball fir-rigward tat-trażbord ta’ Chin Haur, il-Kunsill seta’ jikkonkludi li kien seħħ trażbord fl-Indoneżja, u dan, kif rikjest mill-ġurisprudenza, fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti, dwar produtturi/esportaturi Indoneżjani oħra, ibbażati fuq id-data disponibbli.

37.

Chin Haur tikkontesta l-argumenti kollha tal-appellanti. Preliminarjament, hija ssostni li l-argumenti dwar il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li ma teżistix prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord ta’ Chin Haur jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-fatti u għaldaqstant huma inammissibbli. Sussegwentement, Chin Haur targumenta li, fl-ewwel lok, il-problema inkwistjoni tirrigwarda fundamentalment l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ evażjoni u, b’mod partikolari, tat-trażbord. Il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tiddikjara li dan l-oneru jinsab fuq l-istituzzjonijiet u li, f’dan il-każ, dan ma kienx ġie sodisfatt. Id-distinzjoni bejn l-evalwazzjoni ta’ evażjoni fil-livell tal-pajjiż u fil-livell tal-esportatur individwali ma hijiex sostnuta mill-kliem tar-regolament bażiku u hija irrilevanti f’dan il-każ, għaliex il-Kunsill innifsu kien għaqqad dawn iż-żewġ kriterji flimkien fir-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fl-ebda mument ma sostniet li l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu pożittivament li kull produttur/esportatur individwali iwettaq operazzjonijiet ta’ trażbord. L-appellanti kkonfondew l-oneru tal-prova, li jinsab fuq l-istituzzjonijiet, u l-livell ta’ prova rikjest, li jista’ jitnaqqas f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku. Madankollu, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li wasslet għall-Kawża Simon, Evers & Co. ( 24 ), f’dan il-każ, minn naħa, l-istituzzjonijiet ma kellhom l-ebda sensiela ta’ indizji konkordanti dwar l-eżistenza ta’ trażbord u, min-naħa l-oħra, ċerti impriżi kienu kkooperaw fl-investigazzjoni.

38.

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-ilment li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma kinux suffiċjenti sabiex jiġi annullat ir-regolament ikkontestat, Chin Haur issostni li f’dan ir-regolament, il-Kunsill imkien ma kien ikkonstata li produtturi Indoneżjani l-oħra minbarra hija kienu jwettqu operazzjonijiet ta’ trażbord. L-unika konstatazzjoni li tidher fir-regolament ikkontestat kienet li wħud minn dawn il-produtturi, li jirrappreżentaw parti żgħira mill-produzzjoni totali, ma kinux ikkooperaw. Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, xejn ma jawtorizza lill-istituzzjonijiet li jillimitaw ruħhom sabiex jiddeduċu l-eżistenza ta’ trażbord għas-sempliċi nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ produtturi-esportaturi individwali.

2. Evalwazzjoni

a) Fuq l-ammissibbiltà

39.

F’dak li jikkonċerna l-ilment ta’ inammissibbiltà mressaq preliminarjament minn Chin Haur (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u, fil-prinċipju, sabiex teżamina l-provi li jitressqu quddiemha insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti ( 25 ).

40.

Għalhekk, billi l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-provi ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali, inkluż dawk li jidhru fil-punti 96 sa 102 tas-sentenza appellata, l-aggravji tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli.

41.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif tinnota Chin Haur stess, fil-kuntest tal-aggravji bbażati fuq żbalji fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, dawn l-appelli jqajmu, essenzjalment, mistoqsijiet dwar il-piż u l-livell ta’ prova rikjesti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni. Għalhekk, sa fejn dawn l-aggravji ma jirrigwardawx il-konstatazzjoni tal-fatti u l-eżami tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, iżda jirrigwardaw il-ksur tar-regoli applikabbli fil-materja tal-provi, li, skont il-ġurisprudenza, jikkostitwixxu kwistjoni ta’ liġi ( 26 ), dawn l-aggravji għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

b) Ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam ta’ evażjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza

42.

Qabel ma neżamina l-aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, jeħtieġ li jiġu analizzati r-regoli tal-Unjoni fil-qasam ta’ evażjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti. Dawn ir-regoli huma intiżi biex jiżguraw l-effettività tal-miżuri antidumping stabbiliti u biex jevitaw li dawn jiġu evażi ( 27 ).

43.

Mid-definizzjoni li tinsab fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, imsemmija fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni, għandhom jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet: (i) għandu jkun hemm bidla fix-xejriet tal-kummerċ bejn il-pajjiż terz inkwistjoni u l-Unjoni, (ii) din il-bidla għandha tinħoloq minn prattiki, proċessi jew ħidmiet li għalihom ma hemmx motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju, (iii) għandu jkun hemm il-prova tal-eżistenza ta’ preġudizzju, u (iv) għandu jkun hemm il-prova tal-eżistenza ta’ dumping. F’dawn l-appelli, huwa biss it-tieni minn dawn l-elementi li jikkostitwixxu evażjoni li qed jiġi kkontestat, billi l-eżistenza tat-tliet elementi l-oħra ġiet ikkonstatata definittivament.

44.

Fis-sentenza tagħha Simon, Evers & Co. ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din id-definizzjoni ta’ evażjoni hija fformulata f’termini ġenerali ħafna li jħallu marġni wiesgħa ta’ manuvra lill-istituzzjonijiet ( 29 ). Ir-rikonoxximent ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni huwa barra minn hekk koerenti mad-diskrezzjoni wiesgħa li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, igawdu minnha b’mod ġenerali l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari fil-materja ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li dawn għandhom jeżaminaw ( 30 ). Hija timplika, barra minn hekk, li l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti adottati sabiex titwettaq l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ żnaturament tal-poter ( 31 ).

45.

Dejjem fis-sentenza Simon, Evers & Co. ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet indikat ukoll li mir-regolament bażiku, b’mod partikolari mill-Artikolu 13(3) tiegħu, jirriżulta li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ evitar jinkombi fuq l-istituzzjonijiet ( 33 ). Ladarba l-istituzzjonijiet jiddeċiedu li jestendu għal pajjiż ieħor id-dazji antidumping li huma kienu stabbilew fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw minn ċertu pajjiż, huma għandhom l-oneru li jistabbilixxu li jkunu sodisfatti l-elementi kollha li jikkostitwixxu evażjoni ta’ dawn id-dazji, kif indikati fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku ( 34 ).

46.

Darba li l-istituzzjonijiet jkunu pprovaw li l-erba’ kundizzjonijiet ikunu sodisfatt u li, għaldaqstant, hija stabbilita l-eżistenza ta’ evitar b’rabta mal-pajjiż inkwistjoni fl-investigazzjoni, id-dazji antidumping stabbiliti preċedentement għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet kollha li joriġinaw minn dan il-pajjiż.

47.

Produttur/esportatur tal-prodott ikkonċernat li joriġina minn dan il-pajjiż jista’, skont l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku, jingħata eżenzjoni individwali mid-dazji kontra l-evażjoni hekk stabbiliti jekk jippreżenta, fit-termini ffissati, talba għal eżenzjoni, debitament sostnuta b’elementi ta’ prova, u – fil-każ fejn il-prattiki ta’ evażjoni jseħħu barra mill-Unjoni – jekk jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, jekk huwa juri wkoll li ma huwiex marbut ma’ produttur suġġett għall-miżuri u, it-tieni nett, jekk jiġi kkonstatat li dan il-produttur ma jirrikorrix għal prattiki ta’ evażjoni ( 35 ).

48.

Jirriżulta għalhekk mil-loġika u mill-istruttura tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-evażjoni li l-analiżi intiża sabiex tivverifika li huma sodisfatti l-erba’ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku hija intiża sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ evażjoni tad-dazji antidumping fil-livell tal-pajjiż inkwistjoni fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni speċifika tal-produtturi/esportaturi individwali tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi skont l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku. Madankollu, din l-istruttura tar-regoli kontra l-evażjoni ma ttellifx, kif ġara f’dan il-każ, li konstatazzjonijiet li jikkonċernaw lil wieħed jew iktar mill-produtturi/esportaturi individwali jistgħu jintużaw sabiex isostnu l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza tal-elementi li jikkostitwixxu evażjoni, b’mod partikolari dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni, skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku ( 36 ).

49.

Fil-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari fis-sentenzi Simon, Evers & Co. ( 37 ) u APEX ( 38 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ukoll ipprovdiet indikazzjonijiet dwar il-livell meħtieġ tal-prova sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-elementi li jikkostitwixxu evażjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ evażjoni, l-istituzzjonijiet ma għandhomx il-poter li jġiegħlu lill-produtturi/esportaturi msemmija sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni. Għalhekk, dawn huma biss tributarji tal-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet ikkonċernati sabiex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja. Din hija r-raġuni għalfejn ir-regolament bażiku ppreveda, fl-Artikolu 18(1) u (6) tiegħu, li, f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’, minn naħa, tistabbilixxi konklużjonijiet “fuq il-bażi tal-fatti disponibbli” u, min-naħa l-oħra, tpoġġi lill-parti li ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment f’“sitwazzjoni inqas favorevoli […] milli kieku kkoperat” ( 39 ).

50.

Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonkludiet li, f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-paragrafi 1 u 6 tal-Artikolu 18 tar-regolament bażiku huma nettament intiżi sabiex jiffaċilitaw l-oneru tal-prova ta’ evażjoni li jinkombi fuq l-istituzzjonijiet ( 40 ).

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jistabbilixxi preżunzjoni legali li tippermetti li l-eżistenza ta’ evażjoni tiġi dedotta direttament min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati u, għaldaqstant, li jeżenta lill-istituzzjonijiet minn kull rekwiżit ta’ prova ( 41 ).

52.

Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti konklużjonijiet, anki definittivi, abbażi tad-data disponibbli u li l-parti li ma tikkooperax jew li tikkoopera biss parzjalment tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku kienet ikkooperat, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, f’każ ta’ nuqqas totali ta’ kooperazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti li jippermettu li jiġi konkluż li teżisti evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku ( 42 ).

53.

Dan l-iffaċilitar tal-oneru tal-prova huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi evitat li l-effettività tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni tiġi kompromessa kull darba li l-istituzzjonijiet ikunu kkonfrontati minn rifjut ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex tistabbilixxi evażjoni ( 43 ).

54.

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi nnotat li s-sentenzi Simon, Evers & Co. u APEX kienu jikkonċernaw investigazzjonijiet kontra l-evażjoni kkaratterizzati minn nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-partijiet interessati kollha ( 44 ). Min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni inkwistjoni f’dawn il-kawżi tiddistingwi ruħha għaliex, hekk kif jirriżulta mill-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ċerti impriżi interessati kienu kkooperaw u li, fir-rigward tagħhom, kien ġie kkonstatat li ma kinux jirrikorru għal prattiki ta’ evażjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, tqum il-kwistjoni dwar sa fejn il-prinċipji ġurisprudenzjali, esposti fiż-żewġ sentenzi ċċitati iktar ’il fuq dwar il-livell tal-prova li hija rikjesta sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni, jistgħu jiġu trasposti għal każ ikkaratterizzat minn kuntest fattwali differenti.

c) Fuq l-aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku

i) Osservazzjonijiet preliminari

55.

Kif diġà ġie rrilevat, l-aggravji bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku jpoġġu indiskussjoni biss l-analiżi dwar it-tieni element li jikkostitwixxi evażjoni, kif indikat fil-punti 6 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri r-rekwiżit li l-bidla fix-xejriet tal-kummerċ titnissel minn prattiki ta’ evażjoni li għalihom ma teżistix motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju antidumping. Madankollu, qabel ma nanalizza dawn l-aggravji, huma meħtieġa tliet kunsiderazzjonijiet ta’ natura preliminari.

56.

L-ewwel nett, ninnota li, kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-konklużjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ trażbord ta’ biċikletti Ċiniżi vija l-Indoneżja (premessa 64 tar-regolament ikkontestat), hija bbażata fuq tliet elementi, fosthom il-konstatazzjoni li tgħid li Chin Haur kienet implikata f’operazzjonijiet ta’ trażbord (konstatazzjoni li saret fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat).

57.

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-regolament, il-konstatazzjoni li tikkonċerna produttur individwali (Chin Haur) tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni fil-livell tal-pajjiż (l-Indoneżja). Fi kliem ieħor, kif enfasizzat korrettament Chin Haur, f’dan ir-regolament, sabiex jipprova l-eżistenza tat-tieni element li jikkostitwixxi evażjoni, il-Kunsill wettaq speċi ta’ “fużjoni” bejn l-analiżi fil-livell tal-pajjiż u dik fil-livell individwali msemmija fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

58.

It-tieni nett, hekk kif jirriżulta mill-punti 24 sa 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment ir-regolament ikkontestat “sa fejn dan jikkonċerna” lil Chin Haur billi laqgħet l-ewwel motiv tagħha u billi qieset li ma kinitx ipprovata biżżejjed il-konstatazzjoni li kienet tikkonċerna lil dik il-kumpannija, li tidher fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat ( 45 ).

59.

Fil-punti rilevanti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tindikax espressament id-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku li, fil-fehma tagħha, kien kiser il-Kunsill. Madankollu, peress li l-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat quddiemha kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 13(1) u 18(1) tar-regolament bażiku, huwa evidenti li l-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament ikkontestat minħabba l-ksur ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

60.

Issa, annullament ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku jippreżupponi li l-konstatazzjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu evażjoni, kif previsti f’dik id-dispożizzjoni, hija żbaljata. Isegwi li, fis-sentenza appellata, anki jekk dan ma ddikjaratux espressament, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-konklużjoni adottata fir-regolament ikkontestat li tikkonċerna t-tieni element li jikkostitwixxi l-evażjoni kienet żbaljata.

61.

Fir-regolament ikkontestat, il-konklużjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ dan it-tieni element kostituttiv, speċifikament il-konklużjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni fil-livell tal-Indoneżja, tinsab fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat. Il-Qorti Ġenerali kienet madankollu nnotat żball fir-rigward tal-konstatazzjoni li tikkonċerna l-implikazzjoni ta’ Chin Haur f’operazzjonijiet ta’ trażbord (konstatazzjoni li tidher fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat).

62.

F’dawn il-kundizzjonijiet, billi bbażat l-annullament tar-regolament ikkontestat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali kienet neċessarjament ikkunsidrat, b’mod impliċitu, li l-iżball innotat fir-rigward tal-konstatazzjoni li tikkonċerna lil Chin Haur kien irrimedjabbilment invalida l-konklużjoni dwar it-tieni element li jikkostitwixxi l-evażjoni, speċifikament il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni vija l-Indoneżja. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-iżball ikkonstatat fir-rigward tal-premessa 62 tar-regolament ikkontestat kien “waqqa’” il-konklużjoni ġenerali li tinsab fil-premessa 64 tal-istess regolament.

63.

It-tielet nett, huwa stabbilit li Chin Haur ikkomunikat informazzjoni mhux verifikabbli u mhux affidabbli, u li, għaldaqstant, din kienet tqieset korrettament li ma kkooperatx verament fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-konklużjonijiet li jikkonċernawha kienu korrettament ibbażati, fir-regolament ikkontestat, fuq l-informazzjoni disponibbli, skont l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku ( 46 ).

ii) Fuq l-ilmenti dwar il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-implikazzjoni ta’ Chin Haur f’operazzjonijiet ta’ trażbord

64.

Għandu, l-ewwelnett, jiġi indirizzat l-argument tal-appellanti li jgħid li, fil-punti 95 sa 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku.

65.

Fil-punti msemmija tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fuq il-bażi tal-provi li jinsabu fil-fajl, il-Kunsill ma kellux indizji suffiċjenti sabiex jikkonkludi, fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat, li Chin Haur ma kellhiex il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni suffiċjenti, fid-dawl tal-volumi esportati lejn l-Unjoni, u lanqas, għaldaqstant, li hija kienet implikata f’operazzjonijiet ta’ trażbord. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett fil-punti 96 sa 101 ta’ dik is-sentenza, analizzat il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-aġenti tal-Kummissjoni waqt il-viżita ta’ verifikazzjoni fl-istabbilimenti ta’ Chin Haur u kkonkludiet li l-ebda waħda minn dawn il-konstatazzjonijiet, individwalment jew meħuda flimkien, ma kienu juru b’mod konvinċenti l-eżistenza ta’ trażbord. It-tieni nett, fil-punt 102 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali nnotat, minn naħa, li l-parti l-kbira tal-konstatazzjonijiet ibbażati fuq ir-rapport tal-missjoni tal-aġenti tal-Kummissjoni li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill kienu kkontestati minn Chin Haur u, min-naħa l-oħra, li ritratti oħra li kien irrefera għalihom il-Kunsill ma jagħtu l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord. It-tielet nett, fil-punt 103 tal-istess sentenza, wara li nnotat li l-Kunsill kien ibbaża r-raġunament tiegħu wkoll fuq il-fatt li Chin Haur baqgħet ma werietx li hija kienet produttur Indoneżjan ta’ biċikletti jew li hija kienet issodisfat il-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li minn din il-konstatazzjoni, fiha nnifisha, ma jsegwix li Chin Haur kienet wettqet operazzjonijiet ta’ trażbord.

– Fuq is-suġġett u l-livell tal-prova rikjesta fil-każ ta’ non-kooperazzjoni fl-investigazzjoni kontra l-evażjoni min-naħa ta’ wieħed mill-produtturi/esportaturi kkonċernati

66.

L-argumenti tal-appellanti jqajmu qabel kollox il-kwistjoni jekk l-istituzzjonijiet għandhomx jipprovaw u liema livell tal-prova huma għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jikkonkludu l-eżistenza tat-tieni element kostituttiv ta’ evażjoni, kif identifikat fil-punti 43 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’investigazzjoni kkaratterizzata minn nuqqas ta’ kooperazzjoni mhux mill-produtturi-esportaturi kollha kkonċernati, iżda biss minn uħud fosthom.

67.

Iktar speċifikament, l-istituzzjonijiet huma obbligati li jressqu l-prova ta’ prattiki preċiżi ta’ evażjoni – bħal dawk imsemmija, b’mod mhux eżawrjenti, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku – jew jistgħu jillimitaw ruħhom li jipprovaw, fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti, li l-bidliet fix-xejriet tal-kummerċ jirriżultaw mill-prattiki ta’ evażjoni, mingħajr madankollu ma jkunu obbligati juru l-eżistenza ta’ prattiki preċiżi?

68.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, diġà ġie nnotat ( 47 ) li, meta jiddeċiedu li jimponu dazji kontra l-evażjoni, l-istituzzjonijiet huma obbligati li jipprovaw l-eżistenza ta’ kull wieħed mill-erba’ elementi kostituttivi ta’ evażjoni. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jillimitaw ruħhom li jipprovaw is-sempliċi eżistenza ta’ bidla fix-xejriet tal-kummerċ, iżda għandhom jistabbilixxu suffiċjentement skont il-liġi li, fil-kliem użat fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, dik il-bidla tinħoloq minn prattiki (proċessi jew ħidmiet) ta’ evażjoni li għalihom ma teżisti l-ebda ġustifikazzjoni ħlief l-impożizzjoni tad-dazju.

69.

It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-livell tal-prova, inqis li l-ġustifikazzjoni tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Simon, Evers & Co. u APEX fil-każ ta’ assenza totali ta’ kooperazzjoni, jiġifieri r-rekwiżit li ma tiġix kompromessa l-effettività tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni ( 48 ), hija kompletament applikabbli wkoll fil-każ, bħal f’din il-kawża, fejn l-impriżi li ma jkunux ikkooperaw fl-investigazzjoni jirrappreżentaw maġġoranza tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni ( 49 ). Għalhekk, f’każ fejn il-livell ta’ non-kooperazzjoni ikun daqshekk għoli, inqis li l-istituzzjonijiet għandhom ikunu awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex jistabbilixxu li l-bidla fix-xejriet tal-kummerċ inħolqot minn prattiki ta’ evażjoni. Ċertament, f’dan il-każ, sabiex jaslu għall-konklużjoni tagħhom, huma ma jistgħux jinjoraw il-fatt li parti, ftit jew wisq importanti, mill-produtturi/esportaturi ma rrikorrewx għal dawn il-prattiki.

70.

It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk l-istituzzjonijiet għandhomx juru l-eżistenza ta’ prattiki speċifiċi ta’ evażjoni, jien nemmen li s-sentenza Simon, Evers & Co. tista’ tipprovdi indikazzjonijiet rilevanti. Fil-fatt, f’din is-sentenza, li, kif ġie nnotat, kienet tikkonċerna każ ta’ nuqqas totali ta’ kooperazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni element kostituttiv ta’ evażjoni, ikkonfermat il-validità tal-konklużjoni pożittiva li tinsab fir-regolament inkwistjoni, billi bbażat ruħha, inter alia, fuq il-konstatazzjoni li, fost l-indizji konkordanti li kienu jsostnu dik il-konklużjoni, il-Kunsill kellu indizji li donnhom jindikaw l-eżistenza ta’ ċerti prattiki ta’ evażjoni ( 50 ).

71.

Isegwi li, f’każ ta’ assenza totali ta’ kooperazzjoni, fil-preżenza ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti fis-sens li l-bidla fix-xejriet tal-kummerċ tirriżulta minn prattika ta’ evażjoni, għalkemm ma huwiex neċessarju li l-istituzzjonijiet jipprovaw l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni speċifiċi, madankollu, huma għandhom tal-inqas ikollhom xi elementi li jtendu sabiex jindikaw l-eżistenza ta’ dawn il-prattiki. Għar-raġunijiet esposti fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li dan l-approċċ jista’ jiġi applikat għal każ bħal dak f’din il-kawża kkaratterizzat minn nuqqas ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjoni min-naħa tal-produtturi/esportaturi li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

72.

Issa, f’dan il-każ, ma jirriżulta la mir-regolament ikkontestat u lanqas mill-fajl li, b’eċċezzjoni tal-konstatazzjoni tal-involviment ta’ Chin Haur f’operazzjonijiet ta’ trażbord, dawk l-istituzzjonijiet kellhom provi oħra li jidhru li jindikaw l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni.

73.

Barra minn hekk, u f’kull każ, inqis li fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet jiddeċiedu li jibbażaw il-konklużjoni tagħhom rigward it-tieni element kostituttiv tal-evażjoni fuq l-eżistenza ta’ prattiki speċifiċi, huma għandhom isostnu l-konklużjonijiet tagħhom suffiċjentement skont il-liġi.

74.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kwistjoni li tikkonċerna l-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Kunsill rigward l-implikazzjoni ta’ Chin Haur fi prattiki ta’ trażbord hija deċiżiva, f’dan il-każ, sabiex tiġi vverifikata l-legalità tal-konklużjoni li ġibdet din l-istituzzjoni dwar it-tieni element kostituttiv ta’ evażjoni ( 51 ).

– Fuq il-prova tal-implikazzjoni ta’ Chin Haur f’operazzjonijiet ta’ trażbord

75.

Ladarba, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet jixtiequ jibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom dwar it-tieni element kostituttiv ta’ evażjoni – li, kif ġie nnotat, għandu jkun ipprovat fil-livell tal-pajjiż – fuq konstatazzjonijiet li jikkonċernaw l-implikazzjoni ta’ esportatur/produttur individwali fi prattiki ta’ evażjoni, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-oneru tal-prova ta’ dawn il-konstatazzjonijiet jinkombi fuqhom ( 52 ).

76.

Madankollu, skont l-Artikolu 18(1) u (6) tar-regolament bażiku, f’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, l-istituzzjonijiet jistgħu jibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni disponibbli. F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 49 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-oneru tal-prova li jinkombi fuqhom huwa nettament iffaċilitat u huma awtorizzati li jibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti.

77.

F’dan ir-rigward, ninnota li, fis-sentenzi Simon, Evers & Co. u APEX, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u (6) b’riferenza għall-eżistenza ta’ evażjoni b’mod ġenerali ( 53 ). Barra minn hekk, fis-sentenza Simon, Evers & Co., hija applikatha in concreto għall-elementi kostituttivi ta’ evażjoni u, b’mod partikolari, għat-tieni wieħed minn dawn l-elementi ( 54 ). Min-naħa l-oħra, hija qatt ma applikatha għall-konstatazzjonijiet dwar impriża kkunsidrata individwalment.

78.

Madankollu, fid-dawl tal-kontenut stess tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) u (6) tar-regolament bażiku, li jirreferu għal “parti interessata” fis-singular, jien inqis li dik l-interpretazzjoni għandha tkun applikabbli għall-konstatazzjonijiet li l-istituzzjonijiet huma msejħa sabiex iwettqu fil-kuntest ta’ investigazzjoni kontra l-evażjoni f’dak li jikkonċerna impriża individwali li ma kkooperatx f’dik l-investigazzjoni.

79.

Isegwi li, f’dan il-każ, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur, l-istituzzjonijiet kienu suġġetti għal oneru tal-prova ffaċilitat u setgħu jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex isostnu suffiċjentement skont il-liġi l-konklużjonijiet tagħhom li jikkonċernaw l-implikazzjoni ta’ dik l-impriża fi prattiki ta’ evażjoni.

80.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fl-analiżi ddettaljat li hija wettqet, fil-punti 95 sa 105 tas-sentenza appellata, tal-elementi li l-Kunsill seta’ juża sabiex jikkonkludi, fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat, fuq l-involviment ta’ Chin Haur f’operazzjonijiet ta’ trażbord, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx verament inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ġuridiċi li jitnisslu mill-fatt li, waqt l-investigazzjoni, huwa kien ikkonstata li Chin Haur ma kinitx ikkooperat. Għaldaqstant, kif argumentat Maxcom, dan huwa element essenzjali tal-analiżi, barra minn hekk effettivament ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali nnifisha. Dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni kellu, fil-fatt, effett fundamentali fuq il-livell tal-prova li kellu jissodisfa l-Kunsill sabiex isostni suffiċjentement fid-dritt il-konklużjonijiet tiegħu li jikkonċernaw lil Chin Haur, konklużjonijiet li, min-naħa tagħhom, kienu jsostnu l-konklużjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evitar fl-Indoneżja.

81.

Mill-qari tal-punti rilevanti tas-sentenza appellata jirriżulta, min-naħa l-oħra, li, għalkemm użat il-kelma “indizju”, il-Qorti Ġenerali, fil-verità, kienet teħtieġ mingħand il-Kunsill l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ prova pjuttost strett. Dan jirriżulta b’mod ovvju ladarba l-Qorti Ġenerali tistqarr li l-Kunsill kien imissu “juri l-eżistenza ta’ trażbord” min-naħa ta’ Chin Haur fuq il-bażi tal-provi li juru “b’mod konvinċenti” din l-eżistenza ( 55 ).

82.

Fil-punti rilevanti tas-sentenza appellata, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur jissemmew biss fil-punt 103 fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-fatt li Chin Haur kienet naqset milli tressaq il-provi li jistgħu juru li hija verament kienet produttur Indoneżjan jew li kienet tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2) tar-regolament bażiku ma kienx jipprova, fih innifsu, li hija kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trażbord. Għalkemm, ċertament, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ma jistax minnu nnifsu jibbaża preżunzjoni ta’ evażjoni ( 56 ), huwa, madankollu, proprju minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur waqt l-investigazzjoni li l-istituzzjonijiet kienu ġew impediti milli jiddeterminaw b’ċertezza li hija verament kienet twettaq attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ biċikletti.

83.

Issa, il-konstatazzjoni li impriża tikkostitwixxi verament produttur tal-prodott li hija tesporta hija ovvjament kundizzjoni neċessarja u preċedenti għal eventwali konklużjoni li l-esportazzjonijiet tagħha ma humiex ir-riżultat ta’ prattiki ta’ evażjoni. Għall-kuntrarju, il-fatt li ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit li dik l-impriża ma hijiex verament produttur jikkostitwixxi ħjiel tal-fatt li l-prodotti li hija tesporta ma humiex ir-riżultat ta’ attività reali ta’ produzzjoni.

84.

F’dawn kundizzjonijiet, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku billi ma kkunsidratx verament il-konsegwenzi ġuridiċi li jitnisslu min-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur fl-investigazzjoni fl-analiżi li wasslitha sabiex tikkonkludi li l-Kunsill ma kellux ħjiel suffiċjenti sabiex jiġġustifika li Chin Haur kienet involuta fi prattiki ta’ trażbord. Dan l-iżball huwa rifless fil-konstatazzjoni, impliċita ( 57 ), magħmula mill-Qorti Ġenerali, li ġġustifikat l-annullament tar-regolament ikkontestat, li tgħid li, minħabba din l-insuffiċjenza, il-konklużjoni, li tinsab fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat, dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ trażbord ta’ prodotti li joriġinaw miċ-Ċina lejn l-Indoneżja, kienet żbaljata. Isegwi li s-sentenza appellata għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi annullata.

iii) Fuq l-aggravji l-oħra mqajma fil-kuntest tal-aggravji bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku

85.

Għall-kompletezza, xtaqt nagħmel dawn il-kummenti li ġejjin fir-rigward tal-ilmenti l-oħra mqajma fil-kuntest tal-aggravji bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku.

86.

Fir-rigward tal-ilmenti mqajma mill-istituzzjonijiet li jgħidu li l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali għandu bħala konsegwenza li huma jkunu obbligati li juru li kull produttur/esportatur fil-pajjiż li jkun is-suġġett tal-investigazzjoni jkun involut fi prattiki ta’ trażbord, inqis li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u tar-regolament ikkontestat. Fil-fehma tiegħi, Chin Haur għandha raġun tistqarr li fl-ebda punt ta’ din is-sentenza l-Qorti Ġenerali ma kkunsidrat li l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu pożittivament li kull produttur/esportatur individwali huwa involut f’operazzjonijiet ta’ trażbord. Hekk kif irrilevajt fil-punti 56 u 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 58 ), f’dan il-każ, kien il-Kunsill innifsu li għaqqad l-analiżi fil-livell tal-pajjiż ma’ dik fil-livell individwali billi uża l-konstatazzjonijiet li jikkonċernaw produttur/esportatur individwali sabiex isostni l-konklużjonijiet tiegħu fil-livell tal-pajjiż. Isegwi li l-aggravji kollha tal-istituzzjonijiet ibbażati fuq din il-premessa għandhom jiġu miċħuda ( 59 ).

87.

Fir-rigward tal-ilmenti li jikkontestaw in-natura suffiċjenti tal-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali sabiex tannulla r-regolament ikkontestat, fil-fehma tiegħi, dawn ukoll għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, jekk, kif qieset il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-konstatazzjoni dwar l-implikazzjoni ta’ Chin Haur fi prattiki ta’ trażbord kienet żbaljata jew mhux sostnuta suffiċjentement, allura l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ evażjoni fil-livell tal-Indoneżja hija bbażata esklużivament fuq iż-żewġ elementi l-oħra li jissemmew fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat. Issa, l-ewwel minn dawn iż-żewġ elementi li fadal, jiġifieri l-eżistenza tal-bidla fix-xejriet tal-kummerċ, jikkostitwixxi l-ewwel mill-elementi kostituttivi ta’ evażjoni. Għaldaqstant, bħala tali, dan ma jistax jitqies bħala ħjiel tal-eżistenza tat-tieni minn dawn l-elementi kostituttivi, billi jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jipprovawhom kollha ( 60 ). F’dak li jikkonċerna t-tieni minn dawn iż-żewġ elementi li fadal, jiġifieri n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi/esportaturi li jirrappreżentaw 9 % mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni fiha nnifisha ma tistax twassal għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni. Għaldaqstant, fiha nnifisha hija ma tikkostitwixxix ħjiel tat-tieni element kostituttiv ta’ evażjoni.

88.

Isegwi li, kuntrarjament għal dak li jargumentaw l-appellanti, f’dan il-każ, kieku l-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra l-konstatazzjoni li tikkonċerna lil Chin Haur bħala żbaljata, dan seta’ jiġġustifika l-annullament tar-regolament ikkontestat.

B – Fuq l-aggravji bbażati fuq nuqqas ta ’ motivazzjoni, motivazzjoni kontradittorja u żnaturament tal-fatti

1. Argumenti tal-partijiet

89.

Fit-tieni grupp ta’ aggravji, l-istituzzjonijiet jikkontestaw il-motivazzjoni tas-sentenza appellata. Il-Kunsill jinvoka wkoll żnaturament tal-fatti.

90.

Fl-ewwel lok, l-istituzzjonijiet josservaw li s-sentenza appellata ma tispjegax għalfejn il-Kunsill kiser l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku. L-ewwel nett, is-sentenza appellata ma tindikax jekk l-iżball imwettaq mill-Kunsill huwiex sempliċi żball ta’ evalwazzjoni jew żball manifest ta’ evalwazzjoni. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għalfejn hija bbażat ruħha fuq il-fatt li Chin Haur ma kellhiex kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti filwaqt li l-premessa 62 tar-regolament ikkontestat issemmi l-fatt li l-kumpannija ma kellhiex tagħmir suffiċjenti. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ provi suffiċjenti li jikkonċernaw il-prattiki ta’ trażbord fuq l-analiżi tagħha taż-żjara ta’ verifika, iżda madankollu naqset milli timmotiva għalfejn il-Kunsill ma kellux provi suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-preżenza ta’ prattiki ta’ trażbord fuq il-bażi tal-informazzjoni bil-miktub ippreżentata minn Chin Haur qabel dik iż-żjara.

91.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tistaqsi, fid-dawl tal-punt 94 tas-sentenza appellata, kif il-provi ppreżentati minn Chin Haur jistgħu ma jurux li hija kienet ukoll involuta f’operazzjonijiet ta’ trażbord, jekk dawn jindikaw li hija kienet tirrikorri għal evażjoni permezz ta’ prattiki ta’ assemblaġġ. It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali għaliex ikkontradixxiet lilha nnifisha meta ddikjarat, minn naħa, li l-unika prova li kellu l-Kunsill kienet ir-rapport dwar iż-żjara ta’ verifika u, min-naħa l-oħra, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li korp kbir ta’ informazzjoni disponibbli kien jippermetti l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni minn Chin Haur.

92.

Il-Kunsill jargumenta, sussidjarjament, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti stabbiliti. Peress li t-trażbord ġie pprovat debitament fil-livell tal-pajjiż u li t-talba għal eżenzjoni ta’ Chin Haur kienet infondata, l-unika konklużjoni li l-Qorti Ġenerali setgħet tiġbed mill-fatti disponibbli kienet li Chin Haur kienet tirrikorri għal operazzjonijiet ta’ trażbord.

93.

Chin Haur tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

2. Evalwazzjoni

94.

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni adottata u li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-obbligu ta’ motivazzjoni li jinkombi fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa sodisfatt meta, anki jekk dan ikun b’mod impliċitu, il-motivazzjoni adottata tippermetti lill-interessati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 61 ).

95.

Issa, mill-punti 58 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li anki jekk fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ma żviluppatx b’mod iddettaljat ir-raġunament li wassalha sabiex tikkonkludi favur l-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat “f’dak li jikkonċerna” lil Chin Haur, dan ir-raġunament jista’ jiġi dedott b’mod inekwivoku minn dik is-sentenza, u dan jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Minn din il-perspettiva, fil-fehma tiegħi, is-sentenza appellata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

96.

Fir-rigward tal-ilmenti l-oħra, l-ewwel nett, fil-fehma tiegħi dak ibbażat fuq li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni għaliex ma tispjegax jekk l-iżball li wettaq il-Kunsill huwiex sempliċi żball ta’ evalwazzjoni jew żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament mixtieq li fis-sentenzi tagħha l-Qorti Ġenerali tindika l-kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju li hija tapplika, sentenza ma tistax titqies bħala vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni għas-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali ma tindikax espressament fiha l-kriterju tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija tkun applikat. Issa, billi l-istituzzjonijiet ma kkontestawx fil-mertu l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju żbaljat, iżda llimitaw l-aggravji tagħhom għan-nuqqas ta’ motivazzjoni ( 62 ), il-kwistjoni jekk il-kriterju applikat in concreto fis-sentenza appellata kienx żbaljat jew le ma tifformax parti mis-suġġett ta’ dawn l-appelli.

97.

It-tieni nett, lanqas l-ilment dwar in-nuqqas ta’ spjegazzjoni tad-differenza bejn il-kunċett ta’ kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti u dak dwar tagħmir suffiċjenti, ma jista’ jirnexxi. Fil-fatt, iż-żewġ kunċetti ntużaw b’riferenza għall-istess idea, jiġifieri l-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ Chin Haur li fir-rigward tagħhom, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ma kienx ipprova suffiċjentement skont il-liġi l-konklużjoni tiegħu li tgħid li huma ma setgħux jiġġustifikaw il-volumi ta’ importazzjonijiet ta’ Chin Haur.

98.

It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli tispjega għalfejn il-Kunsill ma kellux provi suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-preżenza ta’ prattiki ta’ trażbord fuq il-bażi tal-informazzjoni bil-miktub ippreżentata minn Chin Haur, fil-fehma tiegħi dan ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li teżiġi li l-Qorti Ġenerali timmotiva kull waħda mill-għażliet meta tadotta, insostenn tad-deċiżjoni tagħha, element ta’ prova u mhux ieħor. Deċiżjoni differenti twassal biex il-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess ta’ dawn il-provi ma’ dik magħmula mill-Qorti Ġenerali, liema ħaġa ma hijiex fis-setgħa tagħha ( 63 ).

99.

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-aggravji bbażati fuq il-motivazzjoni kontradittorja, inqis li l-ewwel allegazzjoni invokata mill-Kummissjoni hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali imkien ma nnotat li l-provi li tressqu minn Chin Haur kienu jindikaw li hija wettqet evażjoni fuq il-bażi ta’ prattiki ta’ assemblaġġ. It-tieni kontradizzjoni allegata, enfasizzata mill-Kummissjoni, lanqas ma tista’ tiġġustifika l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja. Fil-fatt, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex telenka d-data li ntużat mill-Kunsill sabiex jikkonkludi dwar l-eżistenza tal-elementi kostituttivi kollha ta’ evażjoni speċifikament b’risposta għal argument li l-Kunsill ma kienx iċċara n-natura tal-informazzjoni disponibbli ( 64 ). Jien ma narax kontradizzjoni mad-dikjarazzjoni li tinsab fil-punti 96 u 102 tal-istess sentenza li tgħid li l-Kunsill kien ibbaża ruħu f’parti kbira fuq ir-rapport tal-missjoni, billi dawn huma konstatazzjonijiet fattwali li fuq il-bażi tagħhom huwa kkonferma l-implikazzjoni ta’ Chin Haur f’operazzjonijiet ta’ trażbord.

100.

F’dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, l-aggravju tal-Kunsill ibbażat fuq żnaturament tal-fatti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, dan l-iżnaturament għandu jidher b’mod ovvju mid-dokumenti fil-fajl, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 65 ). Issa, l-argument tal-Kunsill huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li l-eżistenza ta’ trażbord fil-livell tal-pajjiż kienet intweriet anki fl-assenza ta’ żball li jikkonċerna l-konstatazzjoni dwar l-implikazzjoni ta’ Chin Haur f’operazzjonijiet ta’ trażbord. Kif innotajt fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha sabiex tiddeċiedi li, fid-dawl tal-elementi preżenti fil-fajl, il-Kunsill ma setax jikkonkludi favur l-implikazzjoni ta’ Chin Haur f’operazzjonijiet ta’ trażbord. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-fatti iżda, fil-fehma tiegħi, wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tikkunsidra l-element essenzjali tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur fl-investigazzjoni, element li kellu effett deċiżiv fuq il-livell tal-prova li l-istituzzjonijiet kellhom iressqu sabiex ikunu jistgħu jipprovaw dak l-involviment.

101.

Fil-fehma tiegħi, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, kemm it-tieni aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C-253/15 P, kif ukoll it-tieni aggravju tal-appell tal-Kunsill fil-Kawża C‑259/15 P għandhom jiġu miċħuda.

C – Fuq it-tielet aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑53/15 P, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha

1. Argumenti tal-partijiet

102.

Bit-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedurali tagħha, billi pprojbixxietha milli tippreżenta nota ta’ intervent. Qabel kollox, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tingħata l-proċedura mħaffa li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76a(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali fis-seħħ fil-mument tal-proċedura quddiem dik il-qorti, teskludi kull intervent bil-miktub tal-Kummissjoni, hija nieqsa minn motivazzjoni. Sussegwentement, iċ-ċaħda tat-talba ulterjuri tagħha tal-25 ta’ Ġunju 2014 sabiex tingħata permess tippreżenta nota ta’ intervent, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija wkoll mhux motivata. Barra minn hekk, ir-rifjut persistenti tal-Qorti Ġenerali li tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub ma kienx immotivat bil-ħtieġa li titħaffef it-trattazzjoni tal-kawża, kif jirriżulta miċ-ċirkustanza li l-Qorti Ġenerali kienet ħadet 19.3 xahar sabiex tagħti s-sentenza tagħha, filwaqt li t-tul medju ta’ proċedura quddiem dik il-qorti kien ta’ 23.4 xahar fl-2014. Fl-aħħarnett, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li, skont il-Kummissjoni, jikkostitwixxu żbalji tal-liġi huma marbuta mal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha u b’mod partikolari mal-importanza tar-rapporti ta’ missjoni stabbiliti waqt iż-żjarat ta’ verifika. Dawn il-konstatazzjonijiet kienu jkunu differenti kieku hija kienet ġiet awtorizzata tesprimi l-pożizzjoni tagħha qabel is-seduta.

103.

Chin Haur tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

2. Evalwazzjoni

104.

Għalkemm huwa minnu li l-istituzzjonijiet huma intervenjenti privileġġati u li ma huwiex meħtieġ li juru li għandhom interess fid-deċiżjoni tal-kawża ( 66 ), xorta jibqa’ l-fatt li huma jibqgħu suġġetti għar-regoli li jinsabu fir-regoli tal-proċedura tal-qrati tal-Unjoni.

105.

F’dan il-każ, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li mill-fajl jirriżulta li l-Kummissjoni ppreżentat it-talba għal intervent tagħha fis-17 ta’ Ottubru 2013, jiġifieri wara li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet, billi laqgħet it-talba ta’ Chin Haur, li tissuġġetta l-kawża għal proċedura mħaffa.

106.

Issa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fis-seħħ fid-data tal-proċedura quddiemha, l-intervenjent jaċċetta l-kawża fl-istat li fiha tkun tinsab dakinhar tal-intervent tiegħu. Isegwi li f’kull każ il-Kummissjoni ma setgħetx tikkontesta deċiżjoni, bħal dik li l-kawża tiġi deċiża bil-proċedura mħaffa, li kienet ġiet adottata qabel l-aċċettazzjoni tat-talba għal intervent tagħha.

107.

Sussegwentement, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76a(2) tal-istess regoli jirriżulta li, f’każ li kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa, l-intervenjent jista’ jippreżenta nota ta’ intervent biss jekk il-Qorti Ġenerali tawtorizzah jagħmel dan fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati skont l-Artikolu 64 ta’ dawk ir-regoli.

108.

Fir-rigward tar-rifjut mill-Qorti Ġenerali għal talba ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa minn parti fil-kawża, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi, fil-prinċipju, dwar l-eventwali neċessità li jiġu kkompletati l-elementi ta’ informazzjoni li hija għandha fil-kawżi quddiemha ( 67 ).

109.

F’dan il-kuntest, għandha tkun il-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar in-neċessità li tuża s-setgħa tagħha li tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jiġu kkompletati l-elementi ta’ informazzjoni li jkollha quddiemha, bil-fehma li l-valur probatorju jew le tad-dokumenti tal-proċedura jaqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li, għal din ir-raġuni, jaqa’ lil hinn mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell, ħlief f’każ ta’ żnaturazzjoni tal-elementi ta’ prova ppreżentati lill-Qorti Ġenerali, jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet li jitwettqu minn din tal-aħħar jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati fil-fajl ( 68 ).

110.

F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma tinvoka la żnaturament tal-provi u lanqas ineżattezzi materjali tal-konstatazzjonijiet li twettqu mill-Qorti Ġenerali. It-tieni nett, it-talba tagħha tal-25 ta’ Ġunju 2014 intiża sabiex tiġi ammessa tippreżenta nota ta’ intervent taħt miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma tidentifikax id-dokumenti jew l-elementi oġġettivi preċiżi li kellhom neċessarjament jiġu prodotti bil-miktub b’mod li preżentazzjoni orali ma kinitx ser tkun suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li tesponi l-argumenti tagħha. It-tielet nett, il-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tesprimi ruħha b’mod sħiħ fis-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali. L-appell tagħha ma jidentifikax għalfejn iċ-ċirkustanza li setgħet tesponi l-pożizzjoni tagħha biss waqt is-seduta kellha xi effett fuq il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali b’mod li din kienet tkun differenti kieku t-talba tagħha sabiex tiġi ammessa tippreżenta nota ta’ intervent kienet ġiet milqugħa.

111.

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tielet aggravju tal-Kummissjoni għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

112.

Mill-analiżi preċedenti, u b’mod partikolari mill-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, fil-fehma tiegħu, l-appelli ppreżentati minn Maxcom, mill-Kummissjoni u mill-Kunsill għandhom jiġu milqugħa u li, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

VI – Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

113.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Jiena nqis, kif anki Chin Haur innifisha tinnota, li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

114.

F’dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġu analizzati t-tliet ilmenti mressqa minn Chin Haur fir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie nnotat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat fis-sens espost f’dak il-punt.

115.

F’dak li jikkonċerna l-ewwel minn dawn it-tliet ilmenti, dan huwa l-ilment li kien ġie aċċettat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fuq il-bażi ta’ analiżi li, fl-opinjoni tiegħi, hija vvizzjata minn żball. Dan l-ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kien ikkonkluda bi żball, fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat, li Chin Haur ma kellhiex il-kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-volumi ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

116.

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 49 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 75 sa 79 ta’ dawn l-istess konklużjonijiet, jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur, l-istituzzjonijiet kienu suġġetti għal oneru tal-prova ffaċilitat u setgħu jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti sabiex isostnu suffiċjentement skont il-liġi l-konklużjonijiet tagħhom dwar l-implikazzjoni ta’ din l-impriża fi prattiki ta’ evażjoni.

117.

F’dawn il-kundizzjonijiet, inqis li l-preżenza, minn naħa, ta’ volumi importanti ta’ esportazzjoni ta’ biċikletti lejn l-Unjoni min-naħa ta’ Chin Haur li l-oriġini tagħhom ma setgħetx tiġi stabbilita ( 69 ) u n-nuqqas konkomitanti, min-naħa l-oħra, ta’ provi li juru li Chin Haur kienet verament produttur ta’ biċikletti, kienu ħjiel li jippermettu lill-istituzzjonijiet, fl-assenza ta’ elementi oħra, jikkonkludu fuq il-bażi ta’ rabta loġika u raġonevoli li Chin Haur kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trażbord ( 70 ). Dan il-ħjiel kien barra minn hekk sostnut ulterjorment mill-preżenza ta’ diversi provi li jqajmu dubji dwar l-attivitajiet reali ta’ Chin Haur ( 71 ). Kieku kien jeżisti motiv raġonevoli li jiġġustifika l-attivitajiet tagħha, minbarra dak li tevadi d-dazju antidumping, kienet tkun Chin Haur li jkollha tressaq il-prova ta’ dan il-motiv ( 72 ).

118.

Isegwi li l-Kunsill ma wettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat ikkonkluda li Chin Haur kienet involuta f’operazzjonijiet ta’ trażbord. Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv imressaq fl-ewwel istanza minn Chin Haur għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

119.

F’dak li jikkonċerna t-tieni lment imqajjem fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, Chin Haur targumenta li l-Kunsill kien wettaq żball tal-liġi meta ddeduċa l-eżistenza ta’ trażbord biss mill-bidla fix-xejriet tal-kummerċ. Il-Kunsill la ta provi tal-eżistenza tal-imsemmija operazzjonijiet ta’ trażbord u lanqas ma stabbilixxa rabta kawżali bejn dawn l-operazzjonijiet u l-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ.

120.

F’dan ir-rigward, huwa minnu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 64 tar-regolament ikkontestat, li l-Kunsill irrefera għall-eżistenza tal-bidla fix-xejriet tal-kummerċ bħala wieħed mill-elementi li minnu kien possibbli li tiġi dedotta l-eżistenza ta’ prattiki ta’ trażbord fl-Indoneżja. Issa, kif semmejt fil-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-eżistenza tal-bidla fix-xejriet tal-kummerċ tikkostitwixxi l-ewwel mill-elementi kostituttivi ta’ evitar. Għaldaqstant, bħala tali, din ma tistax titqies bħala ħjiel tal-eżistenza tal-prattiki ta’ evażjoni.

121.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li sostniet Chin Haur quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ma kienx ibbaża ruħu fuq dan l-element uniku fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, huwa bbaża ruħu fuq żewġ elementi oħra: minn naħa, il-konstatazzjoni li tikkonċerna l-involviment ta’ Chin Haur – li l-importazzjonijiet tagħha jirrappreżentaw proporzjon importanti (42 %) tal-importazzjonijiet ta’ biċikletti fl-Unjoni – fi prattiki ta’ trażbord, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li partijiet interessati li jirrappreżentaw 9 % minn dawn l-importazzjonijiet ma kinux ikkooperaw fl-investigazzjoni. Ċertament, kif ġie nnotat ( 73 ), dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni waħdu ma setax jippermetti li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord. Madankollu, fil-preżenza ta’ żieda kunsiderevoli tal-importazzjonijiet ta’ biċikletti mill-Indoneżja lejn l-Unjoni proprju wara l-impożizzjoni tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina ( 74 ) u fil-preżenza ta’ indikazzjonijiet, li jitnisslu mill-konstatazzjoni li tikkonċerna lil Chin Haur, tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord vija l-Indoneżja, dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni seta’ jikkostitwixxi ħjiel supplimentari li jsaħħaħ il-konklużjoni tal-eżistenza ta’ dawn l-operazzjonijiet ( 75 ). F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill kellu indizji konkordanti suffiċjenti skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġġustifika l-konklużjoni tiegħu dwar l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni vija l-Indoneżja f’dan il-każ.

122.

Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-Kunsill wettaq żball għaliex ma stabbilixxiex rabta kawżali bejn l-operazzjonijiet ta’ trażbord u l-bidla fix-xejriet tal-kummerċ, għandu jiġi nnotat is-segwenti. L-ewwel nett, huwa definittivament ipprovat li l-Kunsill kien stabbilixxa mingħajr żball li, għal dawn l-operazzjonijiet, ma kienet teżisti l-ebda motivazzjoni jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-intenzjoni li jiġu evitati l-miżuri antidumping ( 76 ). It-tieni nett, il-Kunsill iddikjara li l-investigazzjoni ma kienet weriet l-ebda żieda fil-konsum ta’ biċikletti fl-Indoneżja, li setgħet tinkoraġġixxi lill-produtturi li jżidu l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-investigazzjoni weriet li t-tliet kumpanniji Indoneżjani eżentati kienu jenfasizzaw fuq is-suq intern pjuttost milli fuq is-swieq ta’ esportazzjoni. It-tielet nett, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet ta’ Chin Haur, li jgħidu li l-bidla fix-xejriet tas-suq setgħet kienet riżultat ta’ żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni fl-Indoneżja, minn diżlokament tal-produtturi Ċiniżi fl-Indoneżja minħabba ż-żieda tad-dazji antidumping, jew minħabba l-fatt li l-produtturi Indoneżjani ħatfu l-okkażjoni tat-tnaqqis fl-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni sabiex iżidu s-sehem mis-suq tagħhom fl-Unjoni, ma huma sostnuti minn ebda prova.

123.

Isegwi li t-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv imressaq minn Chin Haur fl-ewwel istanza għandu wkoll, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud.

124.

F’dak li jikkonċerna t-tielet ilment tal-imsemmija tieni parti tal-ewwel motiv, espost quddiem il-Qorti Ġenerali, Chin Haur targumenta li, fl-assenza ta’ kull prova oħra, l-elementi li hija kienet forniet kellhom jikkostitwixxu l-fatti disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, li fuqhom il-Kunsill kellu jikkonstata l-ineżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord.

125.

Dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta minn Chin Haur kienet kontradittorja, inkompleta, mhux verifikabbli u, min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel u t-tieni lmenti iktar ’il fuq, li l-Kunsill kellu ħjiel suffiċjenti sabiex jikkonkludi f’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, favur l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ trażbord.

126.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inħoss li r-rikors għal annullament ippreżentat minn Chin Haur għandu jiġi miċħud.

VII – Fuq l-ispejjeż

127.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

128.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tħaddan l-evalwazzjoni tiegħi dwar it-tliet appelli magħquda, tkun Chin Haur li titlef il-kawża. Billi Chin Haur tilfet fil-motivi tagħha u Maxcom, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hija għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż ta’ Maxcom, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dawn l-appelli.

VIII – Konklużjoni

129.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Is-sentenza ta Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Marzu 2015, Chin Haur Indonesia vs Il-Kunsill (T‑412/13, EU:T:2015:163) hija annullata.

2)

Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Chin Haur Indonesia PT huwa miċħud.

3)

Chin Haur Indonesia PT għandha tiġi kkundannat tħallas l-ispejjeż ta’ Maxcom Ltd, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’dawn l-appelli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑412/13, EU:T:2015:163.

( 3 ) Regolament tad-29 ta’ Mejju 2013, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkonsenjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU 2011, L 153, p. 1).

( 4 ) Dawn il-konklużjonijiet huma ppreżentati parallellament mal-konklużjonijiet relattivi għall-Kawżi C-248/15 P, Maxcom vs City Cycle Industries, C-254/15, Il-Kummissjoni vs City Cycle Industries u C-260/15 P, Il-Kunsill vs City Cycle Industries, li jikkonċernaw tliet appelli mressqa mill-istess appellanti kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-istess jum bħas-sentenza appellata u li jikkonċernaw l-istess regolament ikkontestat. Il-kwistjonijiet imqajma f’dawn it-tliet appelli l-oħra huma analogi għal dawk imqajma f’dawn il-kawżi.

( 5 ) Regolament tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, u korrettiv ĠU 2010, L 7, p. 22), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1168/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2012 (ĠU L 237, p. 1).

( 6 ) Ftehim fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim ġenerali fuq it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1994, L 336, p. 103) li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

( 7 ) Ara l-premessa 22 tar-regolament bażiku kif ukoll il-punt 10 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:261).

( 8 ) Għal referenzi għal-liġi għal kontra l-evitar tal-Unjoni fis-seħħ qabel l-adozzjoni tar-regolament bażiku, ara l-punt 9 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:261).

( 9 ) Iktar preċiżament, skont dik id-dispożizzjoni, operazzjoni ta’ assemblaġġ għandha tiġi kkunsidrata bħala li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta: a) l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni kontra dumping u l-biċċiet ikkonċernati jiġu mill-pajjiż suġġett għall-miżuri; u b) il-biċċiet jikkostitwixxu 60 % jew iktar mill-valur totali tal-biċċiet tal-prodott mibni; madankollu, f’ebda każ ma għandha l-evażjoni tiġi meqjusa li tkun qiegħda isseħħ fejn il-valur miżjud mal-biċċiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ kompletazzjoni, jkun ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-fabbrikazzjoni; u (ċ) l-effetti korrettivi tad-dazju ma jkunux qegħdin jagħmlu effett fir-rigward tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott simili mibni u jkun hemm evidenza ta’ dumping fejn b’rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel għal prodotti simili.

( 10 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tat-3 ta’ Ottubru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/200 (ĠU L 261, p. 2). Ara l-punti 2 sa 6 tas-sentenza appellata għal riferenzi għar-regolamenti preċedenti.

( 11 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 875/2012, tal-25 ta’ Settembru 2012, li jibda investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 258, p. 21). Dik l-investigazzjoni kienet infetħet wara talba ppreżentata mill-Federazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-biċikletti (EBMA), f’isem, inter alia, ta’ Maxcom. Ara l-punti 10 sa 13 tar-regolament kontenzjuż kif ukoll 8 u 9 tas-sentenza appellata.

( 12 ) F’dan ir-rigward, ara, f’iktar dettall, il-punti 8 sa 18 tas-sentenza appellata.

( 13 ) Ara l-premessi 28 sa 32 tar-regolament ikkontestat.

( 14 ) Ara, rispettivament, il-premessi 45 sa 58 u 59 sa 67 tar-regolament kontenzjuż, kif ukoll il-premessi 92 (dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni jew ta’ ġustifikazzjoni ekonomika differenti mill-intenzjoni ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping fis-seħħ), 93 sa 96 (dwar in-newtralizzazzjoni tal-effetti korrettivi ta’ dawn il-miżuri) u 99 sa 102 (dwar l-eżistenza ta’ dumping meta mqabbel mal-valur normali stabbilit preċedentement) tar-regolament ikkontestat.

( 15 ) Ara l-premessi 65 sa 67 tar-regolament ikkontestat.

( 16 ) Ara l-premessi 115 u 117 u l-Artikolu 1(1) u (3) tar-regolament ikkontestat.

( 17 ) Ara l-premessa 120 u l-Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat.

( 18 ) Ara l-Artikolu 76a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali fis-seħħ fiż-żmien li fih żvolġiet il-proċedura quddiem dik il-qorti.

( 19 ) Dik id-deċiżjoni kienet ġiet adottata fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76a(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li kien fis-seħħ fiż-żmien li fih żvolġiet il-proċedura quddiem dik il-qorti.

( 20 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fis-seħħ fiż-żmien li fih żvolġiet il-proċedura quddiem dik il-qorti, f’każ li kawża titmexxa bi proċedura mħaffa, l-intervenjenti jista’ jippreżenta nota ta’ intervent biss jekk il-Qorti Ġenerali tawtorizzah fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati skont l-Artikolu 64 ta’ dak ir-regolament. It-talba tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq din l-aħħar dispożizzjoni.

( 21 ) L-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell ta’ Maxcom fil-Kawża C‑247/15 P, kif ukoll l-ewwel aggravju tal-appelli tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, rispettivament fil-Kawżi C‑253/15 P u C-259/15 P.

( 22 ) It-tieni aggravju tal-appelli tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, rispettivament fil-Kawżi C‑253/15 P u C-259/15 P.

( 23 ) It-tielet aggravju tal-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑253/15 P.

( 24 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, C‑21/13 (EU:C:2014:2154).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 64 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, il-punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (C‑70/12 P, EU:C:2013:351, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, f’diversi okkażjonijiet, analizzat fl-istadju tal-appell il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ksur tar-regoli dwar il-livell tal-prova (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, il-punti 54 et seq) kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punti 77 et seq).

( 27 ) Fuq l-iskop tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-evażjoni, ara l-premessa 19 tar-regolament bażiku kif ukoll is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Paltrade (C‑667/11, EU:C:2013:368, punt 28) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T‑80/97, EU:T:2000:216, punti 85113).

( 28 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014 (C‑21/13, EU:C:2014:2154).

( 29 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154,.punt 48). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:261, punt 87).

( 30 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)..

( 32 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, C‑21/13 (EU:C:2014:2154).

( 33 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 35).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:261, punt 4). Ir-rekwiżit li l-istituzzjonijiet jipprovaw il-kundizzjonijiet kollha elenkati fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku huwa kkonfermat, mhux biss fit-test innifsu tad-dispożizzjoni, iżda wkoll fl-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat b’mod separat il-validità tar-regolament inkwistjoni b’rabta ma’ kull waħda mill-kundizzjonijiet li fuqhom il-qorti tar-rinviju kienet esprimiet dubji (b’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet; ara rispettivament, il-punti 39 et seq u l-punti 50 et seq ta’ dik is-sentenza).

( 35 ) Il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar min għandu l-oneru tal-prova li l-produttur/esportatur ma huwiex implikat fi prattiki ta’ evażjoni sabiex tingħata l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku. Minn naħa, il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li l-oneru tal-prova jinkombi fuq il-produttur/esportatur li, skont dik id-dispożizzjoni, għandu jippreżenta talba għal eżenzjoni “debitament sostnuta minn xiedha”. Min-naħa l-oħra, Chin Haur issostni, bil-kuntrarju, li din l-interpretazzjoni tal-oneru tal-prova tmur kontra t-test tad-dispożizzjoni, li meta tuża l-espressjoni “li jinstabu li” tippreżupponi li l-oneru tal-prova jinkombi fuq l-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, inqis li hija l-parti li tikkoopera b’mod awtentiku u li trid tibbenefika mill-eżenzjoni li għandha tipprovdi l-elementi kollha li jippermettu lill-istituzzjonijiet li jevalwaw kompletament li ma kinitx implikata fil-prattiki ta’ evażjoni. Dan l-approċċ huwa partikolarment iġġustifikat fid-dawl tal-fatt li, kif huwa indikat fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ evażjoni, l-istituzzjonijiet jiddependu fuq il-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet interessati. F’dan ir-rigward, ninnota, madankollu, li, għalkemm din il-kwistjoni hija marbuta, f’dan il-każ, ma dik tal-konstatazzjoni tal-evażjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku (ara l-aħħar sentenza tal-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet u r-referenzi fin-nota segwenti), fil-verità ma hijiex deċiżiva għad-deċiżjoni ta’ dawn l-appelli. Fil-fatt, ġie definittivament ikkonstatat li Chin Haur ma kinitx eliġibbli għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku (ara l-punt 63 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 36 ) F’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova f’każ simili, ara l-punti 57 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014 (C‑21/13, EU:C:2014:2154).

( 38 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015 (C‑371/14, EU:C:2015:828).

( 39 ) Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13 (EU:C:2014:2154, punti 32 sa 34) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828, punti 64 sa 66).

( 40 ) Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13 (EU:C:2014:2154, punt 35) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 67).

( 41 ) Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13 (EU:C:2014:2154, punt 36) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 68).

( 42 ) Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13 (EU:C:2014:2154, punt 36) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 68).

( 43 ) Sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13 (EU:C:2014:2154, punt 37) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 69).

( 44 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13 (EU:C:2014:2154, punti 3956) kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C‑371/14, EU:C:2015:828, punt 71).

( 45 ) Ara l-punti 95 u 104 tas-sentenza appellata.

( 46 ) Fil-fatt, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonfermat li l-informazzjoni pprovduta kienet kontradittorja, inkompleta u inverifikabbli (ara l-punti 81 sa 94 u 110 sa 120 tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-parti tat-tieni motiv ibbażata fuq żbalji fil-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ Chin Haur (ara l-punti 110 sa 120). Dawn il-punti tas-sentenza appellata ma ġewx ikkontestati minn Chin Haur.

( 47 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Mill-fajl jirriżulta li l-importazzjonijiet minn Chin Haur jirrappreżentaw 42 % tal-importazzjonijiet ta’ biċikletti fl-Unjoni provenjenti mill-Indoneżja u li l-kwota ta’ dawn l-importazzjonijiet attribwibbli lill-importaturi li ma kinux ikkooperaw, imsemmija fil-premessa 63 tar-regolament ikkontestat, kienet ta’ 9 %.

( 50 ) B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ operazzjonijiet importanti ta’ assemblaġġ (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 53).

( 51 ) Dan huwa iktar minnu fid-dawl tal-fatt li, kif nirrileva fil-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iż-żewġ elementi l-oħra li kienet ibbażata fuqhom dik il-konklużjoni ma kinux fihom infushom suffiċjenti sabiex isostnu dik il-konklużjoni.

( 52 ) Fil-każ fejn il-produttur/esportatur ikkonċernat ikun ippreżenta talba għal eżenzjoni taħt l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni pprovduta minnu. Dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li l-prova tal-eżistenza tal-elementi kostituttivi ta’ evażjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku tinkombi dejjem fuq l-istituzzjonijiet (fuq l-oneru tal-prova fil-kuntest tal-analiżi skont l-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku, ara, min-naħa l-oħra, in-nota 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 53 ) Ara l-punti 49 sa 53 iktar ’il fuq.

( 54 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014 (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punti 50 sa 56).

( 55 ) Ara l-punti 97 u 100 tas-sentenza appellata.

( 56 ) Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Ara l-punti 60 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punti 48 u 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) B’mod partikolari, l-ilmenti esposti fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ibbażati fuq l-effettività tal-Artikolu 13(4) tar-regolament bażiku u fuq il-konfużjoni bejn il-kunċett ta’ “prattika ta’ evażjoni” u waħda mill-manifestazzjonijiet tagħha huma assorbiti fir-raġunament preċedenti.

( 60 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 5455).

( 62 ) Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha bbażat fuq żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, wara li sostniet li s-sentenza appellata ma kinitx suffiċjentement immotivata f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom ir-regolament ikkontestat suppost kiser din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tikkwalifika bħala żball tal-liġi ċ-ċirkustanza li “s-sentenza appellata ma ssemmix lanqas ir-regola ta’ stħarriġ ġudizzjarju u, b’mod partikolari, ma tippreċiżax jekk il-Kunsill wettaqx sempliċi żball ta’ evalwazzjoni jew żball manifest ta’ evalwazzjoni”. F’dan il-kuntest, madankollu, il-Kummissjoni ma tiżviluppa ebda argument dwar dan l-ilment, iżda tillimita ruħha sabiex tirreferi espressament għat-tieni aggravju tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni “għal analiżi iktar iddettaljat”. Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi kwalifika bħala żball ta’ liġi tan-nuqqas li jissemma l-kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju applikat mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma din il-kwalifika tkun sostnuta minn ebda argument jew żviluppi, ħlief referenza ġenerali għall-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, ma jistax jiġi interpretat bħala lment awtonomu bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali qabżet il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju meħtieġ, u b’hekk kisret is-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dawn il-kundizzjonijiet, dan l-ilment tal-Kummissjoni jikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dak ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni evalwat f’dan il-punti. F’dan ir-rigward, nirrileva li mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandhom ikunu l-appellanti li jiżviluppaw b’mod suffiċjenti l-argumenti li huma jinvokaw sabiex isostnu l-appelli tagħhom.

( 63 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 161).

( 64 ) Ara l-punt 129 tas-sentenza appellata.

( 65 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill (C‑31/15 P, EU:C:2016:390, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 66 ) Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères vs Il-Kunsill (138/79, EU:C:1980:249, punt 21).

( 67 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il-Kummissjoni (C‑616/13 P, Rec, EU:C:2016:415, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 68 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Heli-Flight vs AESA (C‑61/15 P, EU:C:2016:59, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) Ara l-punt 118 tas-sentenza appellata.

( 70 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kliem “rabta kemm loġika kif ukoll raġonevoli” fil-punt 52 tas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154).

( 71 ) Il-Qorti Ġenerali nnifisha enfasizzat dawn l-elementi. Ara l-punt 100 tas-sentenza appellata kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-punt 105 tal-istess sentenza.

( 72 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, fl-aħħar tal-punt 56).

( 73 ) Ara l-punti 51, 82 u 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Ara l-punt 46 tar-regolament ikkontestat u l-punt 52 tas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154).

( 75 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 54 tas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154) applikabbli b’analoġija minħabba l-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) Ara l-punt 92 tar-regolament ikkontestat.

Top