EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0221

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati l-21 ta’ April 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:288

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-21 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawża C‑221/15

Openbaar Ministerie

vs

Etablissements Fr. Colruyt NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van Beroep te Brussel (qorti tal-appell, Brussell, il-Belġju)]

“Direttiva 2011/64/UE — Dazji tas-sisa applikabbli għal tabakk manifatturat — Prezz tal-bejgħ bl-imnut ta’ tabakk manifatturat — Bolla fiskali — Prezzijiet minimi — Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Artikolu 101 TFUE”

1. 

Erbgħin sena wara l-introduzzjoni tal-ewwel Direttiva dwar l-armonizzazzjoni ta’ dazji tas-sisa fuq prodotti ta’ tabakk manifatturat ( 2 ), jista’ jkun xi ftit sorprendenti l-fatt li d-dispożizzjonijiet ipprovduti mid-direttiva l-iktar reċenti dwar il-materja ( 3 ) għadhom jeħtieġu interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

2. 

Madankollu, kif jikkonfermaw id-domandi mill-qorti tar-rinviju, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-prezz ta’ prodotti tat-tabakk fis-suq domestiku tkompli toħloq diffikultajiet u teħtieġ kjarifika. Dawn id-diffikultajiet jirrigwardaw mhux biss id-dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, iżda wkoll l-applikabbiltà ta’ dawk il-miżuri nazzjonali tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-kompetizzjoni ħielsa.

3. 

F’dawn il-proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tikkjarifika jekk liġi nazzjonali bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64, mal-Artikolu 34 TFUE u mal-Artikolu 101 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Direttiva 2011/64

4.

Id-Direttiva 2011/64 hija kodifikazzjoni ta’ tliet direttivi preċedenti dwar it-taxxi fuq prodotti ta’ tabakk manifatturat ( 4 ).

5.

Il-premessi 3, 9 u 10 tad-Direttiva 2011/64 jipprovdu:

“(3)

Wieħed mill-għanijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa li jimmantjeni unjoni ekonomika, li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk ta’ suq domestiku, fejn hemm kompetizzjoni attiva. Fejn jidħol tabakk manifatturat, l-intenzjoni wara dan il-għan hija biex l-applikazzjoni fl-Istati Membri tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti f’dan is-settur ma toħloqx distorsjoni fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni.

[…]

(9)

Sa fejn dazji tas-sisa huma kkonċernati, l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni fid-diversikategoriji ta’ tabakk manifatturat li jiffurmaw parti mill-istess grupp li ma ġġarrabx distorsjoni bl-effetti tal-imposizzjoni tat-taxxa u, konsegwentement, fil-ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.

(10)

Il-bżonnijiet imperattivi ta’ kompetizzjoni jimplikaw sistema ta’ prezzijiet iffurmati liberament għall-gruppi kollha ta’ tabakk manifatturat.”

6.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/64, dan l-istrument jistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat.

7.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jipprovdi:

“Manifatturi, jew, fejn xieraq, ir-rappreżentanti jew aġenti awtorizzati tagħhom fl-Unjoni, u importaturi tat-tabakk minn pajjiżi terzi għandhom ikunu liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut għal kull prodott tagħhom għal kull Stat Membru fejn dawn il-prodotti huma maħsuba li jiġu rilaxxati għall-konsum.

L-ewwel subparagrafu ma jistax, madankollu, ifixkel l-implementazzjoni tas-sistemi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.”

B – Id-dritt Belġjan

8.

L-Artikolu 7(2a)(1) tal-Wet 24 januari 1977 betreffende de bescherming van de gezondheid van de gebruikers op het stuk van de voedingsmiddelen en andere producten (liġi tal-24 ta’ Jannar 1977 dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur b’rabta ma’ prodotti tal-ikel u prodotti oħra ( 5 ), iktar ’il quddiem “il-liġi inkwistjoni”) jipprovdi dan li ġej:

“Ma jistgħux isiru riklami għal jew jiġi organizzat patrunaġġ minn manifatturi tat-tabakk, ta’ prodotti magħmula mit-tabakk jew ta’ prodotti simili, iktar ’il quddiem imsejħa ‘prodotti tat-tabakk’.

Kull komunikazzjoni jew att li jkollhom l-għan, dirett jew indirett, li jippromwovu l-bejgħ, irrispettivament mill-post, metodu ta’ komunikazzjoni jew teknika użati, għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu reklamar jew patrunaġġ.”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari mressqa

9.

Etablissements Fr. Colruyt NV (iktar ’il quddiem “Colruyt”) topera diversi supermarkets fil-Belġju.

10.

Skont il-qorti tar-rinviju, Colruyt biegħet diversi prodotti tat-tabakk bi prezz għal kull unità inqas mill-prezz indikat fuq il-bolla fiskali stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur, applikat kemm skont ġenerali temporanju u kif ukoll skont fuq il-kwantità għal xi prodotti tat-tabakk, u offriet skont ġenerali lil membri ta’ movimenti taż-żgħażagħ. L-Openbaar Ministerie (servizz pubbliku ta’ prosekuzzjoni) ikkunsidra li, meta għamlet hekk, Colruyt kisret il-liġi inkwistjoni minħabba li, inter alia, il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk bi prezz inqas minn dak indikat fuq il-bolla jikkostitwixxi att li, direttament jew indirettament, ikollu l-għan li jippromwovi l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti.

11.

Wara li l-correctionele rechtbank te Brussel (qorti kriminali, Brussell) sabet li kien sar ksur, tressaq appell mis-sentenza quddiem il-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell, Brussell).

12.

Quddiem din il-qorti, Colruyt issottomettiet li l-projbizzjoni li jiġu applikati prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut li jkunu inqas mill-prezz fuq il-bolla fiskali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64, mal-Artikolu 34 TFUE u mal-Artikolu 101 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE.

13.

Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64/UE, moqri flimkien jew mhux flimkien mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Diċembru 2000, jipprekludi miżura nazzjonali li timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut li jirrispettaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi li jiġi applikat għal prodotti tat-tabakk prezz inqas mill-prezz li l-produttur/importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali?

(2)

L-Artikolu 34 TFUE jipprekludi miżura nazzjonali li timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut li jirrispettaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi li jiġi applikat għal prodotti tat-tabakk prezz inqas mill-prezz li l-produttur/importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali?

(3)

L-Artikolu 4(3) TFUE, ( 6 ) moqri flimkien mal-Artikolu 101 TFUE, jipprekludi [...] miżura nazzjonali li timponi fuq il-bejjiegħa bl-imnut li jirrispettaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi li jiġi applikat għal prodotti tat-tabakk prezz inqas mill-prezz li l-produttur/l-importatur ikun indika fuq il-bolla fiskali?”

14.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi minn Colruyt, mill-Gvern Belġjan, Franċiż u Portugiż u mill-Kummissjoni. Colruyt, il-Gvern Belġjan u Franċiż u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2016.

III – Analiżi

A – Ammissibbiltà

15.

Il-Gvern Belġjan u dak Franċiż jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fuq żewġ motivi: minn naħa, id-domandi jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma irrilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, il-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell, Brussell) ma pprovdietx informazzjoni biżżejjed fil-kuntest legali u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

16.

M’iniex persważ b’dawn l-argumenti.

17.

L-ewwel nett, ma nemminx li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija mill-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell, Brussell) jistgħu jitqiesu irrilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dik il-qorti qiegħda tipprova tiddetermina jekk id-dispożizzjoni nazzjonali li Colruyt allegatament kisret hijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni. Evidentement, kieku tali dispożizzjoni kellha tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ebda piena kriminali ma tkun tista’ tiġi imposta fuq Colruyt minħabba l-ksur tagħha. Għandi ninnota, f’dan il-kuntest, li dispożizzjonijiet kriminali nazzjonali li jimponu pieni għal imġiba permessa jew meħtieġa skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, jew li jċaħħdu lil dawk ir-regoli mill-effettività tagħhom, ikunu inkompatibbli mat-Trattat ( 7 ) u, għaldaqstant, għandhom jiġu skartati mill-qorti nazzjonali ( 8 ).

18.

It-tieni nett, filwaqt li huwa minnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari tista’ tiġi deskritta bħala konċiża, insib li l-elementi pprovduti huma biżżejjed sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari mressqa. Għalhekk, din it-talba hija konformi mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19.

Fid-dawl tal-premess, l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà hija għalhekk infondata.

B – Fuq l-ewwel domanda

20.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jipprekludix miżura nazzjonali li tipprojbixxi bejjiegħa bl-imnut milli jbigħu prodotti tat-tabakk manifatturat bi prezz inqas mill-prezz fuq il-bolla fiskali stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur.

21.

Mill-bidu nett, nibda billi nfakkar li d-Direttiva 2011/64, bħal predeċessuri tagħha, għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern u li trawwem kompetizzjoni b’saħħitha billi tarmonizza s-sistemi tal-Istati Membri tad-dazji tas-sisa fuq prodotti tat-tabakk. Il-premessa 3 tad-Direttiva 2011/64 tipprovdi li dawn l-għanijiet għandhom jintlaħqu billi jkun żgurat li l-applikazzjoni ta’ taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat ma toħloqx distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti fl-Unjoni.

22.

Wara dan issa ser neżamina l-kompatibbiltà tal-liġi inkwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64.

1. Fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64

23.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jitlob li l-Istati Membri jħallu l-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ tabakk immanifatturat jiġi stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur. B’hekk, dan jiżgura li l-manifatturi u l-importaturi jkunu jistgħu jikkompetu bil-prezzijiet filwaqt li jiżgura wkoll li d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa ta’ dazji tas-sisa proporzjonali tkun suġġetta għall-istess regoli fl-Istati Membri kollha ( 9 ).

24.

Jidhirli li l-liġi inkwistjoni ma tippreżentax diffikultajiet b’rabta ma’ din id-dispożizzjoni. Sempliċement ma tħallix bejjiegħa bl-imnut ibiegħu prodotti tat-tabakk bi prezz inqas minn dak indikat fuq il-bolla fiskali. L-importanti huwa li l-prezz fuq il-bolla fiskali jitkompla jiġi ddeterminat liberament mill-manifatturi jew mill-importaturi, li jibqgħu liberi jisfruttaw kull vantaġġ kompetittiv li jista’ jkollhom fuq il-kompetituri tagħhom. Għalhekk, il-liġi inkwistjoni ma tindaħalx fir-rigward tad-dritt tal-manifatturi u tal-importaturi li liberament jistabbilixxu prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut tagħhom.

25.

Fir-rigward ta’ bejjiegħa bl-imnut, id-Direttiva 2011/64 sempliċement ma ssemmihomx u lanqas ma tipprovdi għal dritt ekwivalenti għalihom sabiex liberament jistabbilixxu prezzijiet. Nista’ nżid li din l-ommissjoni hija spjegata mill-għan tad-Direttiva li, kif ġie spjegat, huwa dak li jiġu armonizzati d-dazji tas-sisa u, għalhekk, jirrigwarda l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ aċċess għas-suq lil importaturi u manifatturi ta’ prodotti tat-tabakk.

26.

Din l-analiżi tidher li hija kkonfermata mis-sentenza GB-INNO-BM. Il-miżura nazzjonali f’dik il-kawża kienet fil-fatt kważi identika għal-liġi inkwistjoni u kienet eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 72/464, il-predeċessur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni li biha prezz tal-bejgħ, jiġifieri l-prezz indikat fuq il-bolla fiskali, jiġi impost għall-bejgħ lill-konsumatur ta’ prodotti ta’ tabakk manifatturat importati jew domestiċi, ma hijiex ipprojbita, sakemm dak il-prezz (jiġifieri, dak indikat fuq il-bolla fiskali) ikun liberament stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur ( 10 ).

27.

Madankollu, mis-sentenza GB-INNO-BM lil hawn, id-Direttiva dwar dazji tas-sisa għal prodotti ta’ tabakk manifatturat kienet ġiet irriformulata u kkodifikata u ħafna ġurisprudenza pprovdiet kjarifika fuq l-interpretazzjoni tagħha. Din il-ġurisprudenza ttrattat, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ miżuri nazzjonali li jimponu prezzijiet minimi, li min-naħa tagħhom illimitaw il-kapaċità ta’ manifatturi jew importaturi li liberament jistabbilixxu prezzijiet massimi. Minħabba li l-liġi inkwistjoni twassal de facto sabiex il-prezz massimu u minimu tal-bejgħ bl-imnut ikunu l-istess, inqis li jkun utli u neċessarju li din il-liġi tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi iktar reċenti dwar il-prezzijiet minimi.

28.

Fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, miżura li biha l-prezz minimu tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk kien stabbilit b’ordni ministerjali nstabet li kienet tikser l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/59 (predeċessur ieħor tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li prezz minimu li jiġi stabbilit b’ordni ministerjali inevitabbilment xekkel il-libertà ta’ manifatturi jew importaturi milli jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom, minħabba li dawn ma tħallewx jistabbilixxu l-prezz massimu tagħhom tal-bejgħ bl-imnut f’livell iktar baxx mill-minimu obbligatorju ( 11 ).

29.

Sussegwentement, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza, miżura li biha prezz minimu tal-bejgħ bl-imnut għal prodotti tat-tabakk kienet ipprojbita milli tkun inqas minn 95 % tal-prezz medju ta’ prodotti tat-tabakk fis-suq tqieset ukoll li kienet tikser l-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/59, minħabba li rriżultat fl-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet bejn manifatturi u importaturi ( 12 ).

30.

Fiż-żewġ kawżi l-miżuri nazzjonali kellhom l-effett li jillimitaw il-libertà ta’ manifatturi u importaturi milli jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom f’kundizzjonijiet kompetittivi normali. Fil-fatt, prezz minimu, stabbilit unilateralment minn awtoritajiet nazzjonali, jew b’riferiment għal prezz medju, inevitabbilment ma jħallix lil manifatturi milli jistabbilixxu liberament il-prezz massimu tagħhom tal-bejgħ bl-imnut: il-prezz massimu qatt ma jista’ jkun inqas minn dak minimu obbligatorju.

31.

Il-ġurisprudenza msemmija twassalni sabiex nikkonkludi li l-miżuri li jipprovdu għal prezzijiet minimi huma pprojbiti biss jekk jolqtu l-libertà tal-manifatturi jew tal-importaturi li jistabbilixxu prezzijiet massimi u, bħala riżultat, iħassru kull vantaġġ kompetittiv potenzjali li l-manifatturi jew l-importaturi jista’ jkollhom fuq il-kompetituri tagħhom.

32.

Il-liġi inkwistjoni tħalli lill-manifatturi u importaturi liberi li jistabbilixxu l-prezz massimu tagħhom tal-bejgħ bl-imnut u ma tolqotx il-kapaċità tagħhom li jikkompetu bil-prezzijiet. Għal dawn ir-raġunijiet nikkonkludi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 ma jipprekludix miżura, bħalma hija l-liġi inkwistjoni, li biha bejjiegħ bl-imnut ikun ipprojbit milli jbigħ prodotti tat-tabakk bi prezz inqas mill-prezz fuq il-bolla fiskali stabbilit minn manifatturi jew importaturi.

2. Fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64

33.

Minkejja din il-konklużjoni, għandu jissemma l-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 jipprovdi li l-prinċipju stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma jfixkilx l-implementazzjoni ta’ “sistemi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-livell tal-prezzijiet jew l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni”.

34.

Kif il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jagħmilha ċara, it-tieni subparagrafu jikkostitwixxi deroga mir-regola li hemm fl-ewwel subparagrafu. Essenzjalment, skont it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu – b’ċerti kundizzjonijiet – jintroduċu u jżommu ċerti miżuri nazzjonali li jistgħu jħallu impatt fuq il-ħila tal-manifatturi u tal-importaturi li liberament jistabbilixxu l-prezzijiet massimi ta’ prodotti tat-tabakk.

35.

Fil-prinċipju, billi kkonkludejt li l-liġi inkwistjoni ma hijiex inkompatibbli mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64, ma hemmx ħtieġa li neżamina din il-liġi fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni. Ir-raġuni hija ovvja: minħabba li l-liġi inkwistjoni ma tiksirx il-prinċipju stabbilit fl-ewwel subparagrafu, ma hemmx ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk id-deroga minn dan il-prinċipju tapplikax.

36.

Madankollu, minħabba li l-partijiet iddiskutew biżżejjed din il-kwistjoni, u sempliċement għas-saħħa tal-kompletezza, ser nispjega għaliex jiena tal-fehma li l-liġi inkwistjoni taqa’ barra mill-ambitu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64.

37.

Din id-dispożizzjoni tirrigwarda żewġ kategoriji ta’ miżuri nazzjonali: dawk dwar il-kontroll tal-livelli tal-prezzijiet u dawk dwar l-osservanza ta’ prezzijiet imposti.

38.

F’dak li jirrigwarda l-ewwel kategorija, hija ġurisprudenza stabbilita li l-espressjoni “il-kontroll tal-livelli tal-prezzijiet” tirreferi biss għal leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura ġenerali maħsuba sabiex twaqqaf iż-żieda fil-prezzijiet ( 13 ). Din l-espressjoni tkopri prinċipalment miżuri ġenerali intiżi sabiex irażżnu l-inflazzjoni fil-prezzijiet ( 14 ).

39.

Fir-rigward tat-tieni kategorija (osservanza ta’ prezzijiet imposti), jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretatha restrittivament ħafna. F’GB-INNO-BM, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din id-dispożizzjoni kienet tippermetti lill-Istati Membri jimponu prezz ta’ bejgħ biss sakemm dan il-prezz kien ikun ġie stabbilit liberament mill-manifattur jew mill-importatur ( 15 ).

40.

Sussegwentement, fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza, inqalgħet il-kwistjoni dwar jekk miżura nazzjonali li kienet tistabbilixxi prezz minimu ta’ bejgħ bl-imnut għal prodotti tat-tabakk fl-ammont ta’ 95 % tal-prezz medju tal-prodotti fis-suq setgħetx titqies bħala miżura għall-“osservanza ta’ prezzijiet imposti” skont it-tifsira ta’ dak li llum huwa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64. Il-Qorti tal-Ġustizzja inekwivokament ċaħdet din il-possibbiltà minħabba li s-sistema Franċiża ma kinitx tiżgura li l-prezz minimu impost ma kienx idgħajjef il-vantaġġ kompetittiv potenzjali li kellhom manifatturi jew importaturi. Minħabba li kienet timmina l-libertà tal-manifatturi u l-importaturi li jiddeterminaw il-prezz massimu tagħhom tal-bejgħ bl-imnut kif iggarantit bl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), is-sistema li timponi prezz minimu ma setgħetx tibbenefika mid-deroga msemmija fit-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni ( 16 ). F’sentenzi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment segwiet l-istess approċċ, billi eskludiet il-possibbiltà li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li kienet tirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet ta’ prodotti tat-tabakk setgħet tiġi interpretata bħala miżura li kellha x’taqsam mal-osservanza ta’ prezzijiet imposti skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 ( 17 ).

41.

Fil-fatt, fil-ġurisprudenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet it-terminu “osservanza ta’ prezzijiet imposti” bħala “li tindika prezz li, ladarba stabbilit mill-manifattur jew l-importatur u approvat mill-awtorità pubblika, jiġi impost bħala prezz massimu u għandu jiġi osservat bħala tali f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni sakemm jinbiegħ lill-konsumatur” ( 18 ).

42.

Din il-ġurisprudenza twassalni sabiex inqis li, fir-rigward ta’ miżuri dwar l-osservanza ta’ prezzijiet imposti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1), ma għadx għandu, jekk qatt kellu, deroga mid-dritt ta’ manifatturi jew importaturi li liberament jistabbilixxu prezzijiet. Jekk xejn, din id-dispożizzjoni sempliċement tfakkar dak li diġà jsegwi mid-Direttiva bħala tali, jiġifieri li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jieħdu miżuri sabiex jiżguraw l-osservanza, sa u inkluż il-bejgħ finali lill-konsumatur, tal-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur ( 19 ). Din il-possibbiltà tiżgura li l-integrità tas-sistema ta’ dazji tas-sisa ma tkunx imminata billi jinqabżu l-prezzijiet imposti ( 20 ).

43.

F’dan l-isfond, nosserva li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni la hija miżura intiża sabiex trażżan l-inflazzjoni u lanqas ma hija waħda maħsuba li tiżgura l-integrità tas-sistema ta’ dazji tas-sisa. Għalhekk, jidhirli li, fi kwalunkwe każ, il-liġi inkwistjoni ma taqax fl-ambitu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64.

3. Fuq l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

44.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 fid-dawl tal-Artikoli 20 (“L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”) u 21 (“Non-diskriminazzjoni”) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

45.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax għaliex hija tqis li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti f’dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, ma narax kif il-liġi inkwistjoni tista’ tiġi interpretata bħala li qiegħda tittratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti, jew bħala li tintroduċi diskriminazzjoni fuq il-bażi, inter alia, tas-sess, tar-razza, tat-twemmin reliġjuż u politiku.

46.

Eżami tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta ma jbiddilx, għalhekk, ir-riżultat tal-analiżi tiegħi.

47.

Sabiex nikkonkludi, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64 ma jipprekludix miżura nazzjonali li teżiġi li bejjiegħa bl-imnut josservaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ prezz għal prodotti tat-tabakk li jkun inqas mill-prezz indikat fuq il-bolla fiskali, sakemm il-miżura tħalli l-prezz indikat fuq il-bolla fiskali jiġi ddeterminat liberament mill-manifattur jew mill-importatur.

C – Fuq it-tieni domanda

48.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix miżura nazzjonali li teżiġi li bejjiegħa bl-imnut josservaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ prezz għal prodotti tat-tabakk li jkun inqas mill-prezz indikat mill-manifattur jew mill-importatur fuq il-bolla fiskali.

49.

Qabelxejn, nixtieq l-ewwel niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-qorti tar-rinviju tillimita d-domanda tagħha għall-projbizzjoni ta’ promozzjonijiet ta’ prezzijiet ta’ prodotti ta’ tabakk manifatturat. Filwaqt li l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali tidher ukoll li tipprojbixxi r-reklamar u għamliet oħra ta’ promozzjoni, dawn l-aspetti tal-leġiżlazzjoni ma humiex l-għan tad-domanda tal-qorti tar-rinviju u, għalhekk, m’iniex ser neżaminahom ( 21 ).

50.

L-Artikolu 34 TFUE jipprojbixxi miżuri kwantitattivi għal importazzjonijiet jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli kollha tal-kummerċ maħruġa mill-Istati Membri li jkunu jistgħu jfixklu, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fl-Unjoni għandhom jitqiesu li jkunu miżura li jkollha effett ekwivalenti bħal restrizzjoni kwantitattiva għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat ( 22 ).

51.

Madankollu, skont ġurisprudenza li toriġina mis-sentenza Keck u Mithouard, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-applikazzjoni għal prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti arranġamenti ta’ bejgħ ma tikkostitwixxix tali tfixkil, bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu japplikaw għall-kummerċjanti kkonċernati kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali u li jaffettwaw bl-istess mod, fil-fatt u fid-dritt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti domestiċi u ta’ dawk minn Stati Membri oħra. Sakemm tali kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-applikazzjoni ta’ tali regoli għall-bejgħ ta’ prodotti minn Stat Membru ieħor li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn dan l-Istat ma tkunx ta’ natura tali li żżomm l-aċċess tagħhom għas-suq jew li tostakola l-aċċess tagħhom iktar milli tostakola l-aċċess ta’ prodotti domestiċi ( 23 ).

52.

F’dan l-isfond, jiena tal-fehma li l-aspett tal-liġi inkwistjoni li, essenzjalment, jipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk bi prezz inqas minn dak liberament stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur, għandu jitqies bħala “arranġament ta’ bejgħ” skont it-tifsira tal-ġurisprudenza ta’ Keck u Mithouard.

53.

Fil-fatt, ir-regoli msemmija f’dik il-leġiżlazzjoni ma jolqtux il-karatteristiċi li prodotti tat-tabakk għandu jkollhom sabiex jiġu kkummerċjalizzati fil-Belġju, iżda biss l-arranġamenti li skonthom dawn jistgħu jinbiegħu ( 24 ).

54.

Għalhekk, għandha titqies il-kwistjoni ta’ jekk il-liġi inkwistjoni tapplikax għall-kummerċjanti kkonċernati kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali u tolqotx bl-istess mod, fil-fatt u fid-dritt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti domestiċi u ta’ dawk minn Stati Membri oħra.

55.

L-ewwel nett, huwa paċifiku li l-liġi inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-prodotti tat-tabakk kollha prodotti lokalment jew importati fil-Belġju. Din il-leġiżlazzjoni ma tidhirx li qiegħda tpoġġi piż addizzjonali fuq prodotti importati jew li tagħmel l-aċċess tagħhom għas-suq Belġjan iktar diffiċli, minħabba li manifatturi jew importaturi minn Stati Membri oħra (kif ukoll minn pajjiżi terzi) jibqgħu kompletament liberi li jistabbilixxu l-prezz tal-prodotti tagħhom kif jidhrilhom huma l-aħjar, u jistgħu, għalhekk, jikkompetu ma’ manifatturi domestiċi fuq l-istess livell.

56.

It-tieni nett, għalkemm il-kapaċità tal-bejjiegħa bl-imnut li jistabbilixxu l-prezzijiet ta’ prodotti tat-tabakk titnaqqas ħafna, din il-kapaċità ma titneħħiex għalkollox. Fil-fatt, għall-inqas fit-teorija, xejn ma jżomm lil bejjiegħa bl-imnut (l-iktar bejjiegħa kbar bl-imnut) milli jinnegozjaw ma’ manifatturi jew importaturi (magħduda importaturi paralleli) bil-ħsieb li jistabbilixxu prezz għall-prodotti iktar baxx minn dak li s-soltu jkun fil-prattika ( 25 ). Sakemm il-manifattur jew l-importatur jaqbel li jindika bolla fiskali bi prezz inqas, il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk b’dak il-prezz inqas ikun, u għandu jkun, permissibbli.

57.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-liġi inkwistjoni taqa’ fi ħdan il-kunċett ta’ “arranġament ta’ bejgħ” kif iddefinit fis-sentenza Keck u Mithouard u, sa fejn tittratta prodotti tat-tabakk domestiċi u prodotti tat-tabakk importati b’mod ugwali fil-fatt u fid-dritt, ma taqax taħt il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 34 TFUE.

58.

Ir-risposta għat-tieni domanda, għalhekk, għandha tkun li l-Artikolu 34 TFUE ma jipprekludix miżura nazzjonali li teżiġi li bejjiegħa bl-imnut josservaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ prezz għal prodotti tat-tabakk li jkun inqas mill-prezz fuq il-bolla fiskali stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur.

D – Fuq it-tielet domanda

59.

Permezz tat-tielet u l-aħħar domanda tagħha, il-qorti nazzjonali titlob li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni.

60.

Għandi ninnota li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Artikoli 101 u 102 TFUE jirrigwardaw biss l-imġiba ta’ impriżi u mhux liġijiet jew regolamenti li joħorġu mill-Istati Membri, dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, madankollu jeżiġu li l-Istati Membri ma jintroduċux jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja, li jkunu jistgħu jirrendu ineffettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal impriżi ( 26 ).

61.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Artikoli 4(3) TUE u 101 TFUE jinkisru meta Stat Membru jeżiġi jew jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti tagħhom, jew meta jippriva r-regoli tiegħu stess min-natura leġiżlattiva tagħhom billi jiddelega lil operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet li jolqtu l-qasam ekonomiku ( 27 ).

62.

F’dawn il-proċeduri, ma hemmx indikazzjoni li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt wieħed minn dawk it-tliet settijiet ta’ ċirkustanzi.

63.

L-ewwel nett, il-liġi inkwistjoni ma timponix u lanqas ma tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet kuntrarji għall-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, meta jkun impost prezz minimu unilateralment minn awtoritajiet pubbliċi jew b’applikazzjoni awtomatika ta’ regola legali ma jkunx hemm bażi sabiex wieħed jikkonkludi li liġi bħal din inkwistjoni ġġiegħel importaturi, manifatturi jew bejjiegħa bl-imnut sabiex jikkonkludu li jkun hemm ftehimiet antikompetittivi ( 28 ). Dan ikun partikolarment il-każ meta r-regola nazzjonali tkun fiha nfisha suffiċjenti u ma tkunx teħtieġ ftehimiet ta’ implementazzjoni sabiex ikollha effett ( 29 ).

64.

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju ma tagħtix indikazzjoni li kien hemm ftehimiet kuntrarji għall-Artikolu 101 TFUE meta l-liġi inkwistjoni ġiet adottata jew li kienu daħlu fis-seħħ meta din il-leġiżlazzjoni ġiet ippromulgata.

65.

Fl-aħħar nett, ma nara xejn fl-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju li jindika li l-awtoritajiet Belġjani kienu ddelegaw setgħa lil operaturi ekonomiċi privati.

66.

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jsegwi li liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni ma hijiex prekluża mill-Artikolu 101 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE.

IV – Konklużjoni

67.

Fid-dawl tal-premess, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell, Brussell) kif ġej:

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, l-Artikolu 34 TFUE, u l-Artikolu 101 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi promozzjonijiet ta’ prezzijiet għal tabakk manifatturat u li teżiġi li bejjiegħa bl-imnut josservaw prezzijiet minimi billi tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ prezz għal prodotti tat-tabakk li jkun inqas mill-prezz fuq il-bolla fiskali stabbilit mill-manifattur jew mill-importatur.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Dik id-direttiva kienet id-Direttiva tal-Kunsill 72/464/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1972, dwar taxxi barra minn taxxi ta’ fatturat li jolqtu l-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż, 1972 (I), p. 3).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, tal-21 ta’ Ġunju 2011, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/64”) (ĠU L 176, p. 24).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 202); Direttiva tal-Kunsill 92/80/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 204) u Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE, tas-27 ta’ Novembru 1995, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283).

( 5 ) Moniteur belge, 8 ta’ April 1977, p. 4501.

( 6 ) Il-hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell, Brussell) tirreferi għall-Artikolu 4(3) TFUE li jiena nifhem li huwa sempliċi żball ta’ redazzjoni, minħabba li din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti għad-domanda inkwistjoni.

( 7 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (C‑224/00, EU:C:2002:185), u tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133).

( 8 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ April 2011, El Dridi, (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 55), u tad-29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, (C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 17).

( 9 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑197/08, EU:C:2010:111, punt 36), u tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑216/98, EU:C:2000:571, punt 20).

( 10 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 1977, GB-Inno-BM, (13/77, EU:C:1977:185, punt 64).

( 11 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑216/98, EU:C:2000:571, punt 21).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑197/08, EU:C:2010:111, punt 41).

( 13 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1983, Il-Kummissjoni vs Franza, (90/82, EU:C:1983:169, punt 22), u tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑216/98, EU:C:2000:571, punt 25).

( 14 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑197/08, EU:C:2010:111, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Novembru 1977, GB-Inno-BM, (13/77, EU:C:1977:185, punt 64).

( 16 ) Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑197/08, EU:C:2010:111, punti 41 sa 44).

( 17 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, (C‑198/08, EU:C:2010:112, punt 30), u tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, (C‑221/08, EU:C:2010:113, punt 41).

( 18 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (C‑287/89, EU:C:1991:188, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑197/08, EU:C:2010:111, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑197/08, EU:C:2010:111, punt 43), u tad-19 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑216/98, EU:C:2000:571, punt 26).

( 21 ) Ninnota biss li r-reklamar ta’ prodotti tat-tabakk kien is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-iktar id-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-reklamar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 460) li tipprojbixxi reklamar transkonfinali ta’ prodotti tat-tabakk.

( 22 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, (8/74, EU:C:1974:82, punt 5).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punti 1617). Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, (C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 36).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Fachverband der Buch- und Medienwirtschaft,( C‑531/07, EU:C:2009:276, punt 20).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (C‑287/89, EU:C:1991:188), u tal-14 ta’ Lulju 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (298/86, EU:C:1988:404).

( 26 ) Fost ħafna, ara s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1977, GB-Inno-BM, (13/77, EU:C:1977:185, punt 31); tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 46); u tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, (C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 28).

( 27 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1995, Centro Servizi Spediporto, (C‑96/94, EU:C:1995:308, punt 21); tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, (C‑35/99, EU:C:2002:97 punt 35); tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 47); u tal-4 ta’ Settembru 2014, API et, (C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punt 29).

( 28 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 1985, Cullet u Chambre syndicale des réparateurs automobiles et détaillants de produits pétroliers, (231/83, EU: C:1985:29, punt 17).

( 29 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1993, Meng, (C‑2/91, EU:C:1993:885, punt 15), u tas-17 ta’ Novembru 1993, Ohra Schadeverzekeringen, (C‑245/91, EU:C:1993:887, punt 11).

Top