EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0218

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fis-26 ta’ Mejju 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:370

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fis-26 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

Kawża C‑218/15

Proċedura kriminali

vs

Gianpaolo Paoletti ET

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Campobasso (Tribunal ta’ Campobasso, l-Italja)]

“Rinviju preliminari — Drittijiet fundamentali — Applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli — Effett tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea fuq id-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali fuq it-territorju Taljan imwettaq qabel l-adeżjoni”

1. 

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet sabiex teżamina l-effett tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea fuq ir-reat tal-għajnuna għad-dħul u għar-residenza illegali ta’ ċittadini Rumeni, fuq it-territorju Ualjan, meta tali reat twettaq qabel din l-adeżjoni. B’mod iktar partikolari, it-Tribunale ordinario di Campobasso (qorti ta’ Campobasso, l-Italja) jistaqsi jekk l-imsemmija adeżjoni, wara t-twettiq ta’ dan ir-reat, u qabel ma ġie ġġudikat l-awtur tagħha, kellhiex bħala effett li telimina r-reat tal-għajnuna għad-dħul u għar-residenza illegali fit-territorju Taljan.

2. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li abbażi tagħhom naħseb li l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, wara li twettaq ir-reat tal-għajnuna għad-dħul u għar-residenza illegali ta’ ċittadini ta’ dan l-Istat fit-territorju ta’ Stat Membru u qabel ma ġie ġġudikat l-awtur ta’ dan ir-reat, ma jkollhiex bħala effett li telimina lil dan ir-reat.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni ( *2 ) jistabbilixxi:

“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

4.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE, tat-28 ta’ Novembru 2002, li tiddefinixxi l-għajnuna għal dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati ( *3 ), jipprovdi li kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa “kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex tidħol, jew taqsam fi transitu, it-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar id-dħul jew transitu ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernat” u wkoll “kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex toqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar ir-residenza ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernati”.

5.

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA, tat-28 ta’ Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati ( *4 ), jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu li, “[k]ull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-ksur tal-liġi ddefinit fl-Artikolu 1 u 2 tad-Direttiva 2002/90[...] ikun ikkastigat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinvolvu estradizzjoni”. L-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jindika wkoll li, jekk ikun il-każ, dawn is-sanzjonijiet jistgħu jkunu akkumpanjati, b’mod partikolari, minn miżura ta’ tkeċċija.

B – Id-dritt Taljan

6.

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni Taljana jindika li ħadd ma jista’ jiġi kkastigat, sakemm dan ma jkunx abbażi ta’ liġi li daħlet fis-seħħ qabel ma twettaq il-fatt.

7.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-codice penale (kodiċi kriminali) jipprevedi li ħadd ma jista’ jiġi kkastigat għal att li, abbażi tal-liġi fis-seħħ fil-mument li fih twettaq, ma kienx jikkostitwixxi reat. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan il-kodiċi, ħadd ma jista’ jiġi kkastigat għal att li, skont liġi sussegwenti, ma baqax jikkostitwixxi reat. Fil-każ ta’ kundanna, din il-liġi ttemm l-eżekuzzjoni u l-effetti penali tagħha.

8.

L-Artikolu 12(3)(a) u (d) tad-decreto legislativo n. 286 – Testo unico delle disposizioni concernenti la disciplina dell’immigrazione e norme sulla condizione dello straniero (digriet leġiżlattiv Nru 286, li fih test uniku tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni u r-regoli dwar il-kundizzjoni tal-barrani), tal-25 ta’ Lulju 1998 ( *5 ), kif emendat mil-Liġi Nru 94, tal-15 ta’ Lulju 2009 ( *6 ), jipprovdi li, ħlief meta l-atti huma kostituttivi ta’ delitt iktar gravi, kull min, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-test uniku, jippromwovi, jidderiġi, jorganizza, jiffinanza jew iwettaq it-trasport ta’ barranin fl-Italja jew iwettaq atti oħra intiżi sabiex jippermettulhom sabiex jidħlu illegalment fl-Italja jew fit-territorju ta’ Stat ieħor fejn ma humiex residenti jew ma jiddisponux minn permess ta’ residenza huwa suġġett għal piena ta’ bejn ħames u ħmistax-il sena priġunerija u għal multa ta’ EUR 15000 għal kull persuna, meta l-fatti jikkonċernaw id-dħul jew il-preżenza illegali fl-Italja ta’ ħames persuni jew iktar jew meta l-atti twettqu minn tliet persuni jew iktar li qed jaġixxu flimkien jew billi jintużaw servizz ta’ trasport internazzjonali jew xi dokumenti ffalsifikati jew emendati jew, fi kwalunkwe każ, miksuba b’mod illegali.

9.

L-Artikolu 12(3)a tad-Digriet 286/1998 jindika li, jekk l-atti previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jitwettqu billi jintużaw tnejn jew iktar mill-eżempji previsti taħt (a) sa (e) ta’ dan il-paragrafu 3, il-piena prevista fih tiżdied.

II – Il-kuntest fattwali

10.

G. Paoletti kif ukoll diversi persuni oħra tressqu l-qorti akkużati bil-fatt li, b’mod partikolari, ippermettew id-dħul illegali ta’ 30 ċittadin Rumen, fi żmien preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni. B’mod iktar partikolari, huma ġew akkużati bil-fatt li, injoraw b’mod premeditat u frawdolenti d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-fluss tal-ħaddiema barranin sabiex japprofittaw mill-esplojtazzjoni intensiva u kontinwa tal-provvista ta’ ħaddiema bi prezz baxx, li huma fatti li jikkaratterizzaw ir-reat previst fl-Artikolu 12(3) u (3)a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998.

11.

B’hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-akkużati kienu fetħu, f’Pescara (l-Italja), Oma Srl, estensjoni fittizja ta’ Api Construction SRL li s-sede tagħha tinstab f’Bukarest (ir-Rumanija). Huma kienu talbu u kisbu, mingħand id-Direzione Provinciale del Lavoro di Pescara (direttorat provinċjali ta’ Pescara, l-Italja) il-permessi ta’ xogħol u, konsegwentement, il-permessi ta’ residenza korrispondenti fit-territorju Taljan għal 30 ħaddiem Rumen, abbażi tal-Artikolu 27(1)(g) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, li jippermetti l-ammissjoni temporanja, fuq talba tal-persuna li timpjega u barra mill-kwota ta’ ħaddiema barranin previst mil-liġi, ta’ ħaddiema impjegati minn organizzazzjonijiet jew minn impriżi attivi fit-territorju Taljan, sabiex iwettqu funzjonijiet jew missjonijiet speċifiċi għal tul limitat jew determinat.

III – Id-domandi preliminari

12.

Peress li t-Tribunale ordinario di Campobasso (qorti ta’ Campobasso), kellu xi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dritt tal-Unjoni, huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 7 tal-[Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( *7 )], l-Artikolu 49 tal-Karta [...] u l-Artikolu 6 tat-TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni [...], li seħħet fl‑1 ta’ Jannar 2007, wasslet għat-tneħħija tar-reat previst u ssanzjonat mill-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 [...] f’dak li jirrigwarda l-għajnuna għall-immigrazzjoni u l-preżenza kontinwa ta’ ċittadini Rumeni fl-Italja?

2)

L-artikoli ċċitati għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa pprojbit għall-Istat Membru li japplika l-prinċipju tar-retroattività in mitius fir-rigward ta’ dawk li, qabel l-1 ta’ Jannar 2007 (jew kull data suċċessiva li tiddetermina l-applikazzjoni sħiħa tat-trattat), data tad-dħul fis-seħħ tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, instabu ħatja tal-ksur tal-Artikolu 12 tad‑Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 [...] talli kienu ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni ta’ ċittadini Rumeni, fatt li ma huwiex iktar ikkunsidrat bħala reat mill-1 ta’ Jannar 2007?”

IV – Analiżi

13.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tal-KEDB, l-Artikolu 49 tal-Karta u l-Artikolu 6 TUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni kellha bħala effett li telimina r-reat tal-għajnuna għad-dħul u għar-residenza illegali ta’ ċittadini Rumeni fit-territorju Taljan, meta, wara li twettaq dan ir-reat u qabel ma ġie ġġudikat l-awtur tiegħu, dawn iċ-ċittadini akkwistaw ċittadinanza tal-Unjoni.

14.

Il-Gvern Taljan iqis li dawn id-domandi huma inammissibbli sa fejn id-dispożizzjonijiet kriminali Taljani kkonċernati, jiġifieri l-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna għad-dħul illegali ta’ ċittadini barranin fit-territorju Taljan, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jsostni li t-trattament kriminali rriżervat għall-aġir intiż sabiex jiffaċilita l-immigrazzjoni illegali ta’ ċittadini barranin ma huwiex irregolat mid-dritt tal-Unjoni. B’hekk, peress li l-leġiżlazzjoni relevanti Taljana fil-kawża preżenti ma kinitx implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mir-Repubblika Taljana, il-Karta ma hijiex, għaldaqstant, applikabbli.

15.

Hekk kif tfakkar, ġustament, il-Kummissjoni Ewropea, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/90 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa kontra kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li ma hijiex ċittadina ta’ Stat Membru sabiex tidħol, jew taqsam fi tranżitu, it-territorju ta’ tali Stat, bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar id-dħul jew it-tranżitu ta’ barranin , kif ukoll kontra kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, intenzjonalment tassisti persuna li ma hijiex ċittadina ta’ Stat Membru sabiex tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar ir-residenza tal-barranin. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li r-reati ddefiniti fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2002/90 ikunu kkastigat b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jagħtu lok għal estradizzjoni.

16.

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Taljana relevanti fil-kawża preżenti hija intiża preċiżament sabiex tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, b’hekk, sabiex timplementah.

17.

Konsegwentement, ma hemmx dubju li l-Karta hija applikabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

18.

Fir-rigward tad-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju, fl-opinjoni tiegħi, din issib risposta permezz ta’ analiżi li tirrigwarda l-elementi li jikkostitwixxu r-reat u b’mod iktar partikolari f’dan il-każ, fuq tnejn minnhom, jiġifieri l-element legali u l-element materjali.

19.

Fir-rigward tal-element legali, skont prinċipju ġeneralment irrikonoxxut, reat kriminali jibbaża l-leġittimità fuq in-neċessità tiegħu. Ladarba tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni minn qabel, ir-reat, sabiex jikkwalifika bħala tali, għandu evidentement, jissodisfa kundizzjonijiet oħrajn, kollha essenzjali wkoll, iżda li jirriżultaw biss b’konsegwenza tal-ewwel kundizzjoni. B’hekk, huwa dan li huwa meħtieġ mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ proporzjonalità ta’ delitti u ta’ pieni hekk kif espress minn Beccaria, u mill-ħtieġa tal-proporzjonalità tas-sanzjoni prevista. Madankollu, l-ebda minn dawn il-kundizzjonijiet tal-aħħar ma ħaqqhom li jiġu eżaminati jekk ma jkunx neċessarju li tilleġiżla.

20.

Il-poter ta’ kastig jappartjeni lill-awtorità pubblika, investita bis-setgħa li tfassal il-liġijiet. Din tal-aħħar tiddisponi minn dan sabiex tipprojbixxi l-aġir li jikkostitwixxi, għaliha, preġudizzju għall-kunċetti li hija tqis bħala essenzjali fir-rigward ta’ kemm il-morali soċjali, kemm tal-prinċipji fundamentali ta’ funzjonament, jiġifieri l-atti li huma ta’ preġudizzju għal dik li nirreferu għaliha b’mod iktar komuni bħala l-ordni pubbliku.

21.

Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura tar-reati mwettqa mill-persuni akkużati, għandu jiġi ddeterminat liema ordni pubbliku kien ippreġudikat bi prijorità mir-reat imwettaq. Kien l-ordni pubbliku proprju tal-Istat Taljan jew dak proprju tal-Unjoni?

22.

Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li kienet, f’dan il-każ, l-ordni pubbliku tal-Unjoni. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni kriminali Taljana ma teżistix ħlief fl-eżekuzzjoni tal-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/90 li jipprovdi li kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa kontra kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li ma hijiex ċittadina ta’ Stat Membru sabiex tidħol, jew taqsam fi transitu, it-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar id-dħul jew it-transitu ta’ barranin, ikkompletat mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 li jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet li jinkludu piena li tista’ twassal għall-implementazzjoni ta’ miżura ta’ estradizzjoni.

23.

Minħabba dan, il-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istati Membri ma tasalx għal iktar, f’dan il-każ, mis-sostenn ta’ dispożizzjoni imperattiva ta’ norma li tistabbilixxi regoli li huma stess huma komuni għall-Istati Membri u sabiex tara li jiġu rrispettati.

24.

Issa, għal-liema raġuni isservi din in-norma? Sabiex tipproteġi, fil-kuntest tas-suq intern, lir-regoli partikolari proprji tal-Unjoni u applikabbli biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni, jiġifieri sabiex jipproteġi funzjonament li jinvolvi, billi jgħaqqadhom flimkien, il-libertajiet u l-kunċetti fundamentali daqs il-moviment liberu, il-libertà ta’ stabbiliment u ta’ ċittadinanza, jiġifieri l-bażi stess li fuqha nbniet l-Unjoni. Jien naqbel mingħajr diffikultà man-neċessità ta’ din il-leġiżlazzjoni repressiva.

25.

Preċiżazzjoni mwettqa mill-element legali tar-reat kif għandha tiġi mfassla mill-Istati Membri, tippermetti b’hekk li titkejjel il-gravità li għandha, fl-opinjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, dan il-preġudizzju għall-ordni pubbliku, li tista’ tinġibed mill-fatt li, fid-Deċiżjoni Qafas 2002/946, is-sanzjoni kriminali imposta mill-Istati Membri għandha tippermetti l-estradizzjoni tal-awturi tar-reat, u jekk ikun il-każ, tkun akkumpanjata minn miżura ta’ tkeċċija. It-tħassib sabiex, skont is-sitwazzjoni li wieħed jiltaqa’ magħha, kemm jiġi ġġudikat lill-ħati li baqa’ barra mill-pajjiż tal-inkwiet maħluq għall-ordni pubbliku, kif ukoll li jitkeċċa juri sa liema punt dan l-ordni pubbliku huwa miksur minn dan it-tip ta’ delitt.

26.

Għaldaqstant, huwa minnu li huwa kkonċernat l-ordni pubbliku tal-Unjoni. Issa, jien ma nara l-ebda dispożizzjoni fid-Direttiva 2002/90 u lanqas l-ebda test ieħor li jippermettu li jitqies li l-adeżjoni għal ċittadinanza “sħiħa” tal-Unjoni għandha, jew anki sempliċiment tista’, twassal sabiex telimina l-preġudizzju mwettaq kontra dan l-ordni pubbliku superjuri u, konsegwentement, dak tar-reat imwettaq mill-akkużati li wettqu dak li nsejħulu, fil-lingwa kurrenti, bħala traffiku tal-provvista ta’ ħaddiema.

27.

Kieku tingħata deċiżjoni b’sens kuntrarju, dan iwassal, fir-realtà, sabiex tinkoraġġixxi żieda f’dan it-tip ta’ traffiku hekk kif Stat ikun beda l-proċess definittiv ta’ adeżjoni mal-Unjoni, peress li t-traffikanti jkunu ċerti li ser jibbenefikaw, bħala konsegwenza, mill-immunità. Għaldaqstant, l-għan li jintlaħaq ikun eżattament kuntrarju minn dak imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

28.

Fl-aħħar, ma jkunx inutli li jissemma li t-test tal-liġi kriminali Taljana, b’koerenza totali mal-obbligi imposti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/90 u dawk tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 li tiżgura l-applikazzjoni effettiva tagħhom, tikkonċerna strettament lill-kuntrabandisti u mhux il-persuni li użaw dan il-mezz.

29.

Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, ma tantx huwa importanti li, sussegwentement għad-dħul illegali tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, dawn il-persuni kienu akkwistaw il-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni jew it-totalità tad-drittijiet relatati magħha.

30.

Barra minn hekk, jien nistaqsi liema tkun il-ġustifikazzjoni teoretika ta’ tali effett.

31.

Jidhirli li ma huwiex kontestabbli li ma nistgħux inkunu f’sitwazzjoni li fiha emenda tad-dritt tal-Unjoni twassal sabiex tipparalizza ksur tad-dritt nazzjonali, għas-sempliċi u evidenti raġuni, diġà enfasizzata, li t-test nazzjonali jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li hija biss emenda ta’ dan tal-aħħar tkun tista’ taffettwa lid-dritt nazzjonali ikkunsidrat. Issa, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/90 ma sarlu l-ebda emenda u, kif diġà rajna, huwa indifferenti fir-rigward tal-kisba taċ-ċittadinanza tal-Unjoni sussegwentement għat-twettiq tar-reat.

32.

Jidhirli wkoll li ma jservi għal xejn iżda nistgħu ninvokaw lil prinċipju tar-retroattività in mitius li għalih jidher li jagħmel riferiment l-Artikolu 49 tal-Karta. Fil-fatt, dan il-prinċipju huwa, fir-realtà, modalità tal-applikazzjoni suċċessiva ta’ liġijiet fiż-żmien, hekk kif ifakkar it-test stess tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. Xorta jrid ikun hemm suċċessjoni ta’ liġijiet li jikkonċernaw l-istess reat, li ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li ma seħħet l-ebda emenda fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni jew il-piena tar-reat.

33.

Fil-fatt, tali soluzzjoni tista’ tirriżulta biss mill-fatt li r-reat ikkonċernat tilef in-neċessità tiegħu. Preċedentement, urejt li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-kuntrabandisti.

34.

B’mod independenti mill-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku, elementi oħra ta’ analiżi li jirrigwardaw l-istruttura ġuridika tar-reat huma favur ukoll taċ-ċaħda tat-teżi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

35.

B’hekk, wasalt għall-analiżi tat-tieni element li jikkostitwixxi r-reat, jiġifieri l-element materjali.

36.

Il-metodu tar-realizzazzjoni tal-element materjali tal-ksur jimponi li dan jiġi kklassifikat fil-kategorija tar-reati instantanji. Fil-fatt, l-assistenza għad-dħul titwettaq materjalment meta l-persuna tirrikorri għall-“kuntrabandisti” u qasmet il-fruntiera esterna tal-Unjoni u l-assistenza għar-residenza meta tiġi pprovduti b’xi dokumenti, miksuba b’mod frawdolenti, li jippermettulha sabiex tagħti l-impressjoni li għandha d-dritt sabiex tibbenefika mill-vantaġġi marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni jew fil-kwalità ta’ ħaddiem barrani f’sitwazzjoni legali.

37.

B’teħid inkunsiderazzjoni tad-dati esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-reati li huma akkużati bihom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu totalment u definittivament imwettqa fil-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, li ma wassal għal ebda emenda fit-test tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/90, li huwa test b’portata ġenerali.

38.

Dan ir-raġunament jidhirli li jissaħħaħ mill-paragun mas-sitwazzjoni partikolari taċ-ċittadini Rumeni li kienu huma stess qed iwettqu reat fil-mument li fih seħħet dan il-bidla kapitali fl-istatus tagħhom, liema ksur jikkonsisti f’residenza illegali. Fil-fatt, id-differenza hija kbira.

39.

F’din l-ipoteżi, ir-reat imwettaq miċ-ċittadin tal-ex Stat terz huwa reat kontinwu li l-element materjali, jiġifieri l-fatt li qiegħed f’territorju li mhux suppost qiegħed fih, qatt ma jiġi ssodisfatt sakemm din is-sitwazzjoni titkompla. Waħda mill-konsegwenzi l-iktar evidenti fir-rigward tar-reat kontinwu huwa l-fatt li l-preskrizzjoni ma tibdiex tiddekorri ħlief mill-mument li fih dan jintemm.

40.

L-akkwist tan-nazzjonalità li jitwettaq waqt li r-reat qed jitwettaq, li huwa wieħed mill-elementi tal-kriminalizzazzjoni speċifika ta’ residenza illegali applikabbli biss fuq il-parti interessata tiġi eliminata, peress li huwa l-element materjali, li jibqa’ għaddej u li huwa indiviżibbli, tar-reat li jsib ruħu affettwat direttament. Fil-fatt, fil-ġurnata tal-akkwist tad-drittijiet sħaħ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, wieħed mill-elementi kostituttivi tar-reat kontinwu, jiġifieri l-fatt li ma tkunx ċittadina kompleta tal-Unjoni, jiġi eliminat.

41.

Barra minn hekk, minħabba l-istess avveniment, ir-reat li ma jipprevedix ħlief li l-persuni ċittadini ta’ Stat terz jitlef in-neċessità tiegħu fir-rigward taċ-ċittadini Rumeni, li jiġġustifika li ma jsirux proċeduri kontra dawk li, pereżempju, ġew irritornati lejn l-Istat ta’ oriġini tagħhom, iżda li fir-rigward tagħhom il-preskrizzjoni għadha ma skadietx.

42.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/90, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 u l-Artikolu 49 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, wara li jitwettaq ir-reat ta’ assistenza għad-dħul u għar-residenza illegali taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat fit-territorju ta’ Stat Membru u qabel ma jiġi ġġudikat l-awtur tiegħu, ma jkollhiex bħala effett li telimina lil dan ir-reat.

V – Konklużjoni

43.

Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lit-Tribunale ordinario di Campobasso (qorti ta’ Campobasso, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE, tat-28 ta’ Novembru 2002, li tiddefinixxi l-iffaċilitar [għajnuna] ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA , tat‑28 ta’ Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati u l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, wara li jitwettaq ir-reat ta’ assistenza għad-dħul u għar-residenza illegali taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat fit-territorju ta’ Stat Membru u qabel ma jiġi ġġudikat l-awtur tiegħu, ma jkollhiex bħala effett li telimina dan ir-reat.


( *1 ) Lingwa oriġinali : il-Franċiż.

( *2 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( *3 ) ĠU 2002, L 328, p. 17.

( *4 ) ĠU 2002, L 328, p. 1.

( *5 ) Suppliment ordinarju tal-GURI Nru 191, tat-18 ta’ Awwissu 1998.

( *6 ) GURI Nru 170, tal-24 ta’ Lulju 2009, iktar 'il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998”.

( *7 ) Iktar 'il quddiem il-“KEDB”.

Top