EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0185

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2016.
Marjan Kostanjevec vs F&S Leasing, GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 6(3) – Kunċett ta’ ‘kontrotalba’ – Talba bbażata fuq arrikkiment indebitu – Pagament ta’ ammont dovut bis-saħħa ta’ deċiżjoni annullata – Applikazzjoni ratione temporis.
Kawża C-185/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:397

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

Kawża C‑185/15

Marjan Kostanjevec

vs

F&S Leasing, GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kunċett ta’ ‘kontrotalba’ — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Kontrotalba li biha huwa invokat dritt fuq il-bażi tal-arrikkiment indebitu — Kunċett ta’ materja kuntrattwali — Post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu”

I – Introduzzjoni

1.

Fil-kawża preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi kkonfrontata b’sitwazzjoni pjuttost mhux tas-soltu, kemm skont il-profil proċedurali kif ukoll tal-fatti, rigward liema l-qorti tar-rinviju tagħmel diversi domandi preliminari li kollha jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( *2 ).

2.

Bid-domandi preliminari qiegħda tistaqsi, minn naħa, jekk azzjoni li biha konsumatur, inizjalment ikkundannat għall-pagament, jitlob – wara r-revoka tat-titolu tal-pagament – fil-konfront tal-parti opposta fuq bażi tal-arrikkiment indebitu għar-rimbors tal-pagament magħmul, tistax tiġi kkunsidrata bħala kontrotalba fis-sens tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kawża preżenti trid tiġi diskussa l-interpretazzjoni tal-forum tal-konsumatur u tal-forum kuntrattwali għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

3.

Qabel ma tingħata risposta lid-domandi nfushom, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina wkoll jekk ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 jistax qabelxejn isib applikazzjoni għall-kawża preżenti, billi t-talba għal pagament fil-konfront tal-konsumatur kienet introdotta qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 44/2001

4.

Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001 tindika:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut […].”

5.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.

(a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)

għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

(ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a); […]”

6.

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista' wkoll tiġi mfittxija: […]

3.

fuq kontro talba li toriġina mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha tkun pendenti t-talba oriġinali; […]”

7.

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, […] jekk:

(a)

ikun kuntratt ta' bejgħ ta’ oġġetti b’termini ta' kreditu; jew

(b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta' attivitajiet bħal dawk.”

8.

Abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regola tal-forum tal-konsumatur ma għandhiex taffettwa “d-dritt li titressaq kontro-talba fil-qorti li fih, skond din is-Sezzjoni, tkun pendenti t-talba oriġinali.”

9.

L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi:

“[…] Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mill-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissosspendi l-proċedimenti ta' quddiemha.

[…]

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

10.

Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 44/2001 taqra:

“Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti u għal dokumenti formalment imħejjija jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.”

2. Ir-Regolament Nru 864/2007 (“Ruma II”)

11.

Is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 864/2007 ( *3 ) tiċċara dan li ġej:

“Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 […] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

12.

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 864/2007 jipprevedi:

“Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkiment inġust, inkluż il-pagament ta’ ammonti indebitament riċevuti, tikkonċerna relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet, bħal waħda li tirriżulta minn kuntratt jew delitt jew kważi-delitt ċivili, li tkun konnessa mill-qrib ma’ dak l-arrikkiment inġust, dik l-obbligazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi li tirregola dik ir-relazzjoni”.

3. Ir-Regolament Nru 593/2008 (Ruma I)

13.

Is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 593/2008 ( *4 ) tgħid hekk:

“L-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 […] u r-Regolament [Ruma II].”

14.

L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 593/2008 jipprevedi:

“Il-liġi applikabbli għal kuntratt skond dan ir-Regolament għandha tirregola partikolarment: […]

(e)

il-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt”.

B – Dritt nazzjonali

15.

Abbażi tad-dritt dwar l-obbligi Sloven, min ikun ibbenefika, mingħajr raġuni, minn arrikkiment għad-dannu ta’ terz huwa obbligat jirritorna dak li rċieva jekk dan huwa possibbli u, jekk dan mhux il-każ, li jħallas kumpens korrispondenti għall-valur tal-vantaġġ miksub. L-obbligu legali tar-restituzzjoni jew tal-ħlas ta’ kumpens minħabba li kien hemm arrikkiment indebitu japplika wkoll meta suġġett jirċievi xi ħaġa abbażi ta’ kundizzjoni liema iktar tard ġiet annullata.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali kienu kkonkludew, fl-14 ta’ Jannar 1994, kuntratt ta’ leasing finanzjarju li fir-rigward tiegħu min jagħti l-leasing jidderiva dritt għall-pagament. Fl-1995 huwa invoka dan id-dritt għall-ewwel darba, fil-proċedura ġuridika, kontra min jagħti l-leasing u, fis-sena 2004, akkwista titolu li – wara appell mingħajr suċċess – li kiseb l-awtorità ta’ res judicata u sar eżekuttiv. Fl-2006, il-partijiet qablu fuq il-pagament ta’ EUR 18678.45 għall-issodisfar ta’ dan it-titolu.

17.

Madankollu min jieħu l-leasing qiegħed jikkontesta l-kundanna tiegħu għall-pagament b’mezz legali ( *5 ) ulterjuri ammissibbli. Abbażi ta’ dan ir-rimedju legali, il-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (qorti suprema tar-Repubblika tas-Slovenja) irrevokat, fid-9 ta’ Lulju 2008, id-deċiżjonijiet li kienu laqgħu r-rikjesta tal-pagament ta’ min jagħti l-leasing u rrinvijat il-kawża għat-teħid mill-ġdid ta’ deċiżjoni lill-qorti tal-ewwel istanza. F’tali fażi tal-proċedura, min jieħu l-leasing istitwixxa kontrotalba fil-konfront ta’ min jagħti l-leasing intiża sabiex jikseb ir-rimbors ta’ EUR 18678.45, flimkien mal-interessi u bbaża t-talba tiegħu fuq arrikkiment indebitu, billi s-sentenza tas-sena 2004 – li tirrikonoxxi d-dritt ta’ min jagħti l-leasing – kienet saret nulla.

18.

Abbażi tal-kawża mibgħuta lura, it-talba għal pagament ta’ min jagħti l-leasing kienet legalment miċħuda. Min jieħu l-leasing, min-naħa l-oħra, kellu suċċess bl-applikazzjoni tiegħu kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza. Kontra dan min jagħti l-leasing, li issa huwa kontumaċi, adixxa lill-qorti tar-rinviju u lmenta kontra l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Sloveni għas-suġġett tat-talba ta’ min jieħu l-leasing.

19.

Fit-tali kuntest, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea d-domandi preliminari li ġejjin:

1)

Il-kunċett ta’ kontrotalba fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll ir-rikors li ġie ppreżentat inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali wara li, fil-kuntest ta’ proċedura għal “reviżjoni” ( *6 ), sentenza li għandha saħħa ta’ res judicata u li saret eżekuttiva, mogħtija f’proċedura sussegwenti għar-rikors oriġinali tal-konvenuta ( *7 ), kienet ġiet annullata u li din l-istess kawża kienet ġiet irrinvijata lill-qorti tal-prim’istanza sabiex tiġi deċiża mill-ġdid, fejn ir-rikorrent ( *8 ) madankollu jitlob fil-kontrotalba tiegħu bbażata fuq l-arrikkiment indebitu ir-rimbors tal-ammont li kien obbligat li jħallas skont is-sentenza annullata?

2)

Il-kunċett ta’ kawża “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur jippreżenta rikors li permezz tiegħu huwa jressaq talba li tallega l-arrikkiment indebitu inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali fir-rigward ta’ rikors oriġinali li madankollu jikkostitwixxi kawża li tirrigwarda materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata tar-Regolament Nru 44/2001, u fejn ir-rikorrent – il-konsumatur – jitlob permezz tar-rikors tiegħu r-rimbors ta’ somma li huwa kien obbligat li jħallas skont sentenza annullata (iktar tard) sussegwentement għal proċedura mibdija permezz tar-rikors oriġinali tal-konvenuta, u għalhekk jitlob ir-rimbors ta’ ammont li jirriżulta minn kawża li tirrigwarda materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi?

3)

Jekk il-ġurisdizzjoni ma tistax tkun fondata fil-każ deskritt, la fuq ir-regoli tal-ġurisdizzjoni applikabbli għall-kontrotalbiet, u lanqas fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-konsumaturi,

a)

il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll ir-rikors li permezz tiegħu l-konsumatur iressaq talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu, iżda li huwa jintroduċi inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali, flimkien mar-rikors oriġinali tal-konvenuta li jikkonċerna r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet, meta s-suġġett tat-talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu jkun madankollu r-rimbors tal-ammont li huwa kien obbligat li jħallas skont sentenza annullata (iktar tard) sussegwentement għal proċedura skont ir-rikors oriġinali tal-konvenuta u għalhekk ir-rimbors ta’ ammont li jirriżulta minn kawża li tikkonċerna materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt;

u jekk tista’ tingħata risposta affermattiva għad-domanda preċedenti

b)

fil-każ deskritt, il-ġurisdizzjoni skont il-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi evalwata skont ir-regoli applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu?

IV – Analiżi ġuridika

20.

Il-qorti tar-rinviju, qabelxejn, tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-kontrotalba għad-dritt tar-rimbors ta’ min jieħu l-leasing u, bit-tieni domanda tagħha, dwar il-ġurisdizzjoni għal kuntratti konklużi mill-konsumaturi. Hija tressaq it-tielet domanda tagħha biss għall-każ li l-ewwel żewġ domandi kellhom jiġu risposti fin-negattiv u t-tieni parti tagħha biss għall-każ li r-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda tkun fl-affermattiv.

21.

Id-domandi kollha jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Fl-isfond tal-iżvilupp proċedurali kkomunikat mill-qorti tar-rinviju, ma għandux jiġi preżunt awtomatikament li dawn id-domandi jridu jingħataw risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, huwa dubjuż jekk l-imsemmi regolament jistax qabelxejn ikun rilevanti għall-kawża prinċipali fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu.

22.

Fit-territorju Sloven ir-Regolament Nru 44/2001 daħal fis-seħħ meta s-Slovenja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 ( *9 ). Madankollu, il-proċedura kontra min jieħu l-leasing li qiegħed iressaq il-kontrotalba tmur lura għas-sena 1995, jiġifieri għal mument qabel ma r-Repubblika tas-Slovenja ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.

23.

Għalhekk, qabel ma jiġu diskussi d-domandi, inizjalment trid tiġi ċċarata l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001 għall-kawża preżenti. Li kieku din kellha tingħata risposta fin-negattiv, ir-risposta għad-domandi preliminari tkun superfluwa billi dawn ma jkunu fl-ebda relazzjoni mal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u jkunu ipotetiċi ( *10 ).

A – Il-kamp ta ’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001

24.

Skont l-Artikolu 66 tagħha, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi applikat biss għal azzjonijiet ġudizzjarji istitwiti wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

25.

Ir-Regolament ma japplikax, evidentement, għat-talba oriġinali għal pagament ta’ min jagħti l-leasing, liema tmur lura għas-sena 1995.

26.

Iżda d-domandi preliminari ma humiex marbutin direttament mat-talba għal pagament ta’ min jagħti l-leasing. Dawn jirreferu pjuttost għall-kontrotalba ta’ min jieħu l-leasing tas-sena 2008 liema huwa kien istitwixxa meta l-proċedura Slovena, suċċessivament għall-konklużjoni definittiva tagħha, kienet ġiet irrinvijata lill-qorti tal-ewwel istanza. Fit-tali data, ir-Regolament Nru 44/2001 kien diġà applikabbli fir-Repubblika tas-Slovenja.

27.

Għalhekk tingħata importanza determinanti jekk din it-talba għal protezzjoni ġuridika tikkostitwixxix “azzjoni” awtonoma fis-sens tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001 u jekk, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-proċedura fiha nfisha tmur lura għall-1995, għandux jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament.

28.

Il-Kummissjoni Ewropea ma taqsamx it-tali fehma. Hija temmen li l-proċedura għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kollha kemm hi u temporalment għandha titpoġġa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001 fis-Slovenja. Għaldaqstant, hija tqis id-domandi bħala inammissibbli.

29.

Iżda tali analiżi ġenerali la hija neċessarja, u lanqas ovvja.

30.

Minn naħa, il-proċedura kontra min jieħu l-leasing kienet diġà waslet għal konklużjoni finali qabel ma kienet irrinvijata lejn il-qorti tal-ewwel istanza fl-2008. Fit-tali kuntest, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett preklużiv li jiżvolġi mid-dħul fis-seħħ, huwa fil-fatt dubjuż jekk wieħed iridx jippreżumi, mil-lat tad-dritt tal-Unjoni, kontinwità proċedurali liema tmur lura għas-sena 1995 jew jekk, għall-kuntrarju, jidhirx iktar xieraq li s-sekwenza proċedurali, liema kienet diġà konkluża, titqies bħala reġgħet mibdija fis-sena 2008, jiġifieri f’mument li fih ir-Regolament Nru 44/2001 diġà kien applikabbli fis-Slovenja.

31.

Min-naħa l-oħra – b’differenza għal, pereżempju, l-Artikolu 30(1) ( *11 ) tiegħu – l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex ibbażat fuq is-sottomissjoni tal-(ewwel) att promotur iżda fuq il-preżentazzjoni ta’ azzjoni ddeterminata. Jekk tali tkun ippreżentata wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, dan tal-aħħar japplika skont l-Artikolu 66 tiegħu.

32.

Mill-Artikolu 66 tar-Regolament ma jirriżultax li, permezz ta’ dan, kien intenzjonat li jsir riferiment biss għall-ewwel istanza fi ħdan proċedura kumplessa liema tiġbor fiha numru ta’ talbiet. Jekk, barra minn hekk, f’konformità mas-sentenza Danvaern Production ( *12 ), permezz ta’ “azzjoni” wieħed jifhem rikors awtonomu liema jinkludi talba li tmur lil hinn mis-sempliċi ċaħda tal-affermazzjoni tal-kontroparti, jidher possibbli li l-invokazzjoni ġudizzjarja ta’ dritt għal titolu tal-arrikkiment indebitu fil-konfront tal-kontroparti proċedurali tiġi inkluża taħt il-kunċett ta’ “azzjoni” skont l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001.

33.

Il-fatt li f’xi verżjonijiet lingwistiċi, l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001, it-terminu użat ma huwiex “azzjoni” iżda “proċedimenti legali” ( *13 ) ma jipprekludix din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-użu tat-terminu “proċedimenti legali” lanqas ma jimplika li l-azzjoni u l-kontrotalba għandhom jikkostitwixxu proċedura unika u kontinwa fis-sens tal-Artikolu 66. Anki jekk l-ordinamenti ġuridiċi ta’ ċerti Stati Membri sejrin f’din id-direzzjoni, dan ma jipprekludix l-interpretazzjoni awtonoma tal-Artikolu 66 li qiegħed nipproponi.

34.

Konsegwentement, għandu jiġi preżunt li t-talba għal deċiżjoni preliminari, id-domandi ta’ liema kollha kemm huma jikkonċernaw it-talba għal titolu tal-arrikkiment indebitu mressqa minn min jieħu l-leasing fis-sena 2008, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001.

35.

Għaldaqstant, id-domandi ma humiex ipotetiċi u jeħtieġu risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja

B – L-ewwel domanda preliminari

36.

Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-ġurisdizzjoni tal-kontrotalba tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hijiex rilevanti għal talba għal protezzjoni ġuridika bħal dik fil-kawża prinċipali.

37.

Għalhekk, minbarra definizzjoni ġenerali tal-kunċett tal-kontrotalba, iktar ’il quddiem għandu jiġi eżaminat jekk, fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjoni msemmija, it-talba għal titolu tal-arrikkiment indebitu ta’ min jieħu l-leasing tikkonċernax “[l]-istess kuntratt dwar fatti [bħat]-talba oriġinali [ta’ min jieħu l-leasing]”.

1. Kunċett tal-kontrotalba fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001

38.

Il-kunċett tal-kontrotalba fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu. Fil-kawża Danvaern Productions, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat dan il-kunċett billi stabbilixxiet li japplika għal talba tal-kundanna separata għad-detriment tar-rikorrent li eventwalment “[jista’ jirreferi wkoll għal] somma ogħla minn dik mitluba mir-rikorrent, u tista’ tibqa’ tiġi mitluba anki jekk it-talba tar-rikorrent tkun miċħuda” ( *14 ).

39.

B’hekk, bil-kontrotalba trid tiġi segwita talba definibbli mir-rikjesta tar-rikorrent u trid tkun immirata biex tinkiseb kundanna distinta ( *15 ).

40.

Dan għandu jiġi preżunt fil-każ preżenti.

41.

It-talba għar-rimbors tal-pagament effettwat fil-fatt tikkostitwixxi talba awtonoma ta’ min jieħu l-leasing, liema timmira sabiex tinkiseb kundanna distinta ta’ min jagħti l-leasing, jiġifieri r-rimbors tal-ammonti mħallsa mingħajr ma kienu dovuti. Tali talba ma tikkostitwixxix sempliċi motiv ta’ difiża kontra r-rikjesta tal-pagament mill-kontroparti.

2. Kunċett “mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali”

42.

Lil hinn minn dan, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jitlob li l-kontrotalba toriġina “mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali”.

43.

Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ttrattatx b’mod eżawrjenti l-interpretazzjoni tal-espressjoni “mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali” ( *16 ). Anki tali espressjoni trid tiġi interpretata b’mod awtonomu b’teħid inkunsiderazzjoni tal-objettivi tar-Regolament Nru 44/2001, iżda madankollu ma huwiex impost rikors għall-ġurisprudenza elaborata abbażi tal-Artikolu 28 tar-Regolament ( *17 ).

44.

L-iskop tal-ġurisdizzjoni speċjali tal-kontrotalba huwa tali li jagħmilha possibbli lill-partijiet sabiex dawn iħallu l-pretensjonijiet reċiproċi tagħhom jiġu deċiżi fl-istess proċedura quddiem l-istess qorti ( *18 ), sakemm dawn il-pretensjonijiet imorru lura għall-istess materja inkwistjoni u li għalhekk “għandhom l-oriġini tagħhom fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet involuti jew il-fatti liema fuqhom kien ibbażat ir-rikors oriġinali [att promotur]” ( *19 ).

45.

Fil-każ preżenti r-risposta għandha tkun fl-affermattiv. It-talba għal rimbors invokata permezz ta’ kontrotalba, fil-fatt, għandha l-oriġini tagħha fil-kuntratt ta’ leasing li minnu ġie dderivat id-dritt għall-pagament tar-rikorrent.

46.

It-talba għar-rimbors tal-ammont imħallas għall-issodisfar ta’ obbligu bbażat fuq it-titolu għandha tabilħaqq natura ta’ arrikkiment indebitu, iżda tmur lura għall-kuntratt ta’ leasing biss sa fejn id-dritt relattiv ma kienx jinħoloq fin-nuqqas tal-kuntratt inkwistjoni u tal-prestazzjoni ipprovduta għat-twettiq tiegħu.

47.

Sabiex jiġi stabbilit jekk teżistix relazzjoni suffiċjenti mal-kuntratt konkluż mill-partijiet, barra minn hekk jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-valutazzjonijiet elenkati fir-Regolamenti Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Regolament Ruma I) u fir-Regolament Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Regolament Ruma II). Ir-Regolamenti Ruma I u Ruma II fil-fatt jassumu, b’mod unanimu, il-prinċipju li għall-fini tar-rimbors tal-prestazzjonijiet riżultat ta’ arrikkiment indebitu għandu jsir riferiment għad-dritt applikabbli fir-rigward tal-kuntratt fundamentali ( *20 ), u għalhekk, finalment, iqisu li l-oriġini tat-talba għal arrikkiment indebitu tinsab fil-kuntratt għall-eżekuzzjoni ta’ liema saret il-prestazzjoni kontroversjali.

48.

Wara t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan huwa evidenti li tkun irrikonoxxuta uniformità korrispondenti u oriġini fil-kuntratt anki fil-każ ta’ kontrotalba li tikkonċerna arrikkiment indebitu skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

49.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-kunċett ta’ “kontro talba li toriġina mill-istess kuntratt […] li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali”, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tkopri wkoll talba mressqa wara li s-sentenza tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata u saret eżekuttiva, mogħtija fi proċedura sussegwenti għat-talba inizjali tas-suġġett liema sadanittant sar il-konvenut, kienet ġiet irrevokata u wara li din l-istess kawża kienet ġiet irrinvijata lill-qorti tal-ewwel istanza sabiex tiġi deċiża mill-ġdid u li biha r-rikorrent attwali, fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu, jitlob ir-rimbors tal-ammont li kien obbligat li jħallas skont is-sentenza inizjali fil-proċedura oriġinali u mbagħad irrevokata.

C – It-tieni domanda preliminari

50.

Bit-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiċċara jekk ir-rikors introdott minn konsumatur, li f’relazzjoni ma’ kuntratt konkluż minn konsumatur fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001 jinvoka dritt għal titolu tal-arrikkiment indebitu inkwantu kontrotalba jikkostitwixxix ukoll kuntratt konkluż minn konsumatur.

1. L-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari

51.

Il-qorti tar-rinviju ma limitatx din id-domanda għall-każ – li ma huwiex il-każ hawnhekk – li l-ġurisdizzjoni tal-kontrotalba hija miċħuda.

52.

Madankollu, fil-każ preżenti hawnhekk, l-għoti ta’ risposta għat-tieni domanda preliminari jirriżulta superfluwu billi, fil-kawża prinċipali, il-kompetenza tal-forum tal-kontrotalba fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 xorta waħda hija rrikonoxxuta u l-kompetenza internazzjonali tal-qrati Sloveni għaldaqstant diġà għandha tiġi kkonfermata għal din ir-raġuni.

2. Sussidjarjament: Evalwazzjoni fuq il-mertu tat-tieni domanda preliminari

53.

Sussidjarjament jidher opportun li tiġi eżaminata fil-qosor it-tieni domanda u tiġi analizzata n-natura legali tat-talba għal arrikkiment indebitu invokata permezz ta’ kontrotalba fid-dawl tal-forum tal-konsumatur.

54.

Fil-każ tal-forum tal-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ wiesa’ u taħt dan inkludiet anki dawk id-drittijiet li sempliċiment jippreżentaw “rabta mill-qrib” ma’ kuntratt konkluż minn konsumatur ( *21 ). Talba għal protezzjoni ġuridika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li timmira għar-rimbors ta’ pagament li sar għat-twettiq ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur – fil-każ preżenti, kuntratt ta’ leasing finanzjarju – tippreżenta tali rabta mill-qrib.

55.

Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari jkollha tkun li l-kunċett ta’ kawża “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll talba tal-konsumatur għal titolu tal-arrikkiment indebitu u marbuta ma’ kuntratt ieħor konkluż minn konsumaturi kontrih u li jimmira għall-ksib tar-rimbors tal-ammont li kellu jħallas abbażi ta’ sentenza fil-kuntest tal-kuntratt l-ieħor stipulat minn konsumatur u ulterjorment annullata.

D – It-tielet domanda preliminari

56.

Bit-tielet domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk (u eventwalment kif) issib applikazzjoni d-dispożizzjoni f’materja tal-kompetenza tal-forum kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, meta min jieħu l-leasing jinvoka, bħal fil-kawża prinċipali, dritt għal titolu ta’ arrikkiment indebitu.

57.

Wara li l-kompetenza tal-qrati Sloveni tista’ tkun ibbażata kemm fuq id-dispożizzjonijiet relatati mal-kompetenza għall-kontrotalbiet kif ukoll fuq dawk relattivi għall-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, l-għoti ta’ risposta għat-tielet domanda huwa superfluwu. Sussidjarjament għandha tiġi analizzata fil-qosor.

1. L-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari

58.

Il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 inizjalment jikkonċerna kull obbligu liberament assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra ( *22 ). Iżda, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jkoprix biss l-obbligi kuntrattwali immedjati, iżda wkoll obbligi sekondarji, pereżempju pretensjonijiet għal danni jew rimbors liema jieħdu post obbligu kuntrattwali mhux imwettaq ( *23 ).

59.

Kien biss reċentement li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Profit Investment SIM iċċarat f’dan ir-rigward li “l-azzjonijiet intiżi għall-annullament ta’ kuntratt u għar-restituzzjoni tas-somom indebitament imħallsa fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt jaqgħu taħt il-‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni” ( *24 ), filwaqt li ttieħdet inkunsiderazzjoni “ir-rabta ta’ kawżalità bejn id-dritt għal restituzzjoni u r-rabta kuntrattwali” ( *25 ).

60.

Tali approċċ jista’ jiġi ttrasferit direttament għall-kawża li hawnhekk hija s-suġġett tad-deċiżjoni li fiha ċertament ma huwiex diskuss kuntratt null fis-sens strett, iżda pagament liema sar mingħajr bażi legali bħala riżultat tat-telf ta’ titolu tal-pagament.

61.

Għaldaqstant, għandha tingħata r-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari li l-espressjoni “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi interpretata b’tali mod li din tinkludi wkoll talba bħal dik li hija s-suġġett fil-kawża prinċipali li permezz tagħha min jieħu l-leasing jinvoka dritt kopert minn arrikkiment indebitu.

2. It-tieni parti tat-tielet domanda preliminari

62.

It-tieni parti tat-tielet domanda preliminari tirreferi għad-determinazzjoni tal-post tat-twettiq tal-obbligu inkwistjoni.

63.

Minħabba li l-kuntratt ta’ leasing finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa relatat mat-talba għal arrikkiment indebitu, la huwa kuntratt ta’ bejgħ ( *26 ), u lanqas kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) ( *27 ), il-post tat-twettiq irid ikun stabbilit fil-każ preżenti fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ) moqri flimkien mal-ittra (a), jiġifieri fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali applikabbli għad-dritt invokat ( *28 ).

64.

Minħabba l-fatt li, fil-ġurisprudenza, fil-każ tal-obbligi sekondarji, l-obbligu determinanti huwa dak li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jiġi invokat biex jiġġustifika t-talbiet ( *29 ), jirriżulta neċessarju, anki fil-każ ta’ talba għal arrikkiment indebitu invokata minħabba prestazzjoni mhux dovuta, li jsir riferiment għall-post tat-twettiq tal-obbligu (preżunt) tal-pagament inizjali. Fl-istess sens jinqraw il-valutazzjonijiet preżenti fl-Artikolu 12(1)(e) tar-Regolament Ruma I, skont liema anki l-konsegwenzi ta’ kuntratt inadempjenti (pereżempju l-annullament tiegħu) huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt ( *30 ).

65.

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma applikabbli għat-twettiq tal-obbligu kuntrattwali oriġinali ta’ pagament ta’ liema issa qiegħed jintalab ir-rimbors.

V – Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, billi r-risposta għall-ewwel domanda biss hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

67.

L-espressjoni “kontro talba li toriġina mill-istess kuntratt […] li [fuqu] kienet ibbażata t-talba oriġinali”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tkopri wkoll talba, imressqa wara li kienet irrevokata s-sentenza li kisbet l-awtorità ta’ res judicata u saret eżekuttiva, ippromulgata fil-proċedura dwar it-talba inizjali tas-suġġett li issa sar il-konvenut u wara li din l-istess kawża kienet ġiet irrinvijata lill-qorti tal-ewwel istanza sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid dwar il-kwistjoni, li biha r-rikorrenti attwali jitlob, fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu, ir-rimbors ta’ ammont li huwa ħallas fuq il-bażi tas-sentenza inizjalment ippromulgata fil-proċedura oriġinali u mbagħad irrevokata.


( *1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( *2 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( *3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU L 199, p. 40).

( *4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

( *5 ) Fit-talba għal deċiżjoni preliminari l-mezz tar-rikors Sloven huwa indikat, fil-punt 3, bħala “rikors għal reviżjoni”; iżda fil-każ preżenti, abbażi tal-interpretazzjoni Ġermaniża ta’ dan il-kunċett, pjuttost huwa ttrattat bħala “rikors għal riamissjoni” tal-proċedura diġà konkluża definittivament.

( *6 ) B’dan huwa mfisser min jagħti l-leasing u l-konvenut inċidentali.

( *7 ) Dwar il-kunċett tar-reviżjoni ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

( *8 ) B’dan huwa mfisser min jieħu l-leasing u r-rikorrent inċidentali.

( *9 ) Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001 ara s-sentenza Wolf Naturprodukte (C‑514/10, EU:C:2012:367, punt 19) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fl-istess kawża (C‑514/10, EU:C:2012:54, punt 25).

( *10 ) Ara s-sentenza Česká spořitelna (C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( *11 ) Din id-dispożizzjoni tirrigwarda d-delimitazzjoni tal-kompetenzi ta’ numru ta’ qrati aditi waħda wara l-oħra u barra minn hekk tapplika biss għat-Taqsima 9 tal-Kapitolu II tar-Regolament, iżda li għalih ma jappartjenix l-Artikolu 66 ineżami hawnhekk.

( *12 ) Sentenza Danværn Production (C‑341/93, EU:C:1995:239, punt 18).

( *13 ) Ara pereżempju l-verżjoni Ingliża (“legal proceedings”), Svediża (“rättsliga förfaranden”) u Slovena (“pravne postopke”). Min-naħa l-oħra, il-verżjoni Franċiża, Taljana u Spanjola huma bbażati fuq l-espressjoni “azzjoni ġudizzjarja”.

( *14 ) Ara s-sentenza Danvaern Production (C‑341/93, EU:C:1995:239, punt 12).

( *15 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Danvaern Production (C‑341/93, EU:C:1995:139, punt 26).

( *16 ) Ara d-digriet Reichling (C‑69/02, EU:C:2002:221) mogħti insegwitu għal talba għal deċiżjoni preliminari bħala manifestament inammissibbli.

( *17 ) Anki fid-dispożizzjoni inkwistjoni titqajjem il-kwistjoni ta’ żewġ talbiet “relatati”. Madankollu, abbażi tat-test (“Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu”) u l-pożizzjoni sistematika tiegħu, l-Artikolu 28(3) jirreferi esklużivament għal sitwazzjoni proċedurali liema fiha jeżisti r-riskju li jintlaħqu soluzzjonijiet inkompatibbli bejniethom billi t-talbiet, li jkunu f’relazzjoni ma’ xulxin, ikunu tressqu quddiem qrati differenti ta’ Stati Membri differenti. Madankollu, meta tiġi istitwita kontrotalba matul il-kors tal-istess proċedura, ma jingħatax ir-riskju ta’ soluzzjonijiet inkompatibbli.

( *18 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Danvaern Production (C‑341/93, EU:C:1995:139, punti 7 u 35).

( *19 ) Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, tas-27 ta’ Settembru 1968, ta’ Jenard, P. (ĠU 1979, C 59, p. 1, 28).

( *20 ) Mill-perspettiva sistematika, fil-każ ta’ kuntratti annullati, l-Artikolu 12(1)(e) tar-Regolament Ruma I għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bi prijorità mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Ruma II (ara NomosKommentar-BGB/Leible, Artikolu 12 tar-Regolament Ruma I, punt 35 li jinkludi referenzi oħra).

( *21 ) Ara, reċentement, is-sentenza Hobohm (C‑297/14, EU:C:2015:844, punt 33).

( *22 ) Ara sentenzi Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268), Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 23) u Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punti 4850).

( *23 ) Sentenza De Bloos (14/76, EU:C:1976:134).

( *24 ) Sentenza Profit Investment SIM (C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 58).

( *25 ) Sentenza Profit Investment SIM (C‑366/13, EU:C:2016:282, punt 55).

( *26 ) Fuq ir-rekwiżit ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija, ara sentenza Car Trim (C‑381/08, EU:C:2010:90, punti 32 et seq).

( *27 ) Dwar in-negazzjoni tal-kunċett ta’ servizz fil-każ tal-konċessjoni ta’ sfruttament ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, ara sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2007:257, punt 29).

( *28 ) Ara sentenza Industrie Tessili Italiana vs Dunlop (12/76, EU:C:1976:133, punti 13 u 15); fuq it-trasferibbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għall-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, ara sentenza Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2007:257, punt 47 et seq).

( *29 ) Ara sentenza De Bloos (14/76, EU:C:1976:134, punti 1314).

( *30 ) F’dan ir-rigward ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet u Rauscher/Leible, EuZPR/EuIPR (2011), punt 30 li jinkludi referenzi oħra.

Top