Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0161

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2016.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:3

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2016 ( 1 )

    Kawża C‑161/15

    Abdelhafid Bensada Benallal

    vs

    État belge

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal smigħ — Motiv ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio — Prinċipju ta’ ekwivalenza — Rwol tal-qorti nazzjonali u tal-qorti tal-Unjoni — Ċittadin tal-Unjoni Ewropea — Ordni għat-tkeċċija mit-territorju — Abbuż ta’ dritt”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż dak li jingħata smigħ qabel kull deċiżjoni tal-amministrazzjoni, għandu grad komparabbli mar-regoli ta’ ordni pubbliku tad-dritt intern b’mod li, minħabba l-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti amministrattiva tal-aħħar istanza jkollha tiddeċiedi fuq aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għas-smigħ imressaq għall-ewwel darba quddiemha, l-istess kif dan huwa permess taħt id-dritt intern għall-motivi ta’ ordni pubbliku?

    2.

    Din hija, fis-sustanza, id-domanda magħmula mill-Conseil d’État tal-Belġju fil-kuntest ta’ kawża bejn Abdelhafid Bensada Benallal, ta’ nazzjonalità Spanjola, u l-uffiċċju Belġjan tal-barranin, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ dan il-korp, tas-26 ta’ Settembru 2013, li ttemm il-permess ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u li tordnalu li jitlaq mit-territorju Belġjan.

    3.

    B’mod iktar preċiż, sena wara li ngħatalu permess ta’ residenza bħala ħaddiem impjegat, l-uffiċċju Belġjan tal-barranin adotta l-imsemmija deċiżjoni minħabba li deherlu li “l-persuna kkonċernata kienet tat informazzjoni qarrieqa li kienet determinanti biex jiġi rikonoxxut lilha d-dritt ta’ residenza tagħha mill-amministrazzjoni tal-komun ta’ Berchem-Sainte-Agathe [il-Belġju]. Fil-fatt, fir-rapport tiegħu tal-04.09.2013, [l-uffiċċju nazzjonali ta’ sigurtà soċjali] kkonkluda li l-persuni kollha ddikjarati mill-kumpannija ma għandhomx ikunu suġġetti [...] għas-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema impjegati: ‘Diversi elementi preċiżi u konkordanti juru b’mod suffiċjenti fid-dritt in-nuqqas ta’ xogħol bħala ħaddiema impjegati tal-[imsemmija] kumpannija [...] u, konsegwentement, in-nuqqas ta’ kuntratt ta’ xogħol bejn il-persuni ddikjarati [...] u l-kumpannija’”.

    4.

    Fit-2 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal annullament quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (qorti tal-kawżi tal-barranin) kontra d-deċiżjoni msemmija. Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva dwar il-motivazzjoni formali tal-atti amministrattivi, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipji ta’ prudenza u preċiżjoni, tal-prinċipju ta’ ġestjoni kuxjenzjuża, tal-prinċipju li l-amministrazzjoni hija marbuta li tiddeċiedi billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kawża kif ukoll tal-ksur tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 2 ).

    5.

    Fl-argument tiegħu biex jispjega dan l-uniku motiv, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna, inter alia, li d-deċiżjoni kkontestata kienet nieqsa mill-motivazzjoni. Huwa sostna, f’dan ir-rigward, li r-rapport tal-uffiċċju nazzjonali ta’ sigurtà soċjali li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata, la kien ġie mehmuż mad-deċiżjoni msemmija u lanqas riprodott fis-sustanza tiegħu fiha, u lanqas intbagħatlu qabel in-notifika ta’ dik id-deċiżjoni, b’mod li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx f’pożizzjoni li jifhem il-motivi tad-deċiżjoni meħuda kontrih.

    6.

    Dak ir-rikors kien ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers tat-30 ta’ April 2014. F’dik is-sentenza, din tal-aħħar irrilevat b’mod partikolari dan li ġej:

    “F’kull każ, il-Conseil ikkonstata li għaddiet kważi sena bejn meta r-rikorrent pproduċa l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mal-kumpannija [...] u r-rapport tal-ispettur soċjali tal-[uffiċċju nazzjonali ta’ sigurtà soċjali] li wassal għat-teħid tad-deċiżjoni [kkontestata], perijodu li matulu r-rikorrent ma bagħat jew wassal ebda informazzjoni lill-konvenut dwar il-problemi invokati fir-rikors u li huwa kien ser jiltaqa’ magħhom fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu mal-imsemmija kumpannija.

    Issa, jekk ir-rikorrent deherlu li seta’ jinvoka l-elementi li jxekklu l-irtirar tal-permess ta’ residenza tiegħu, huwa kellu l-obbligu li jġibhom għall-konjizzjoni tal-konvenut, u mhux li dan tal-aħħar joqgħod jistieden lir-rikorrent sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Il-Conseil ifakkar fil-fatt li l-obbligu huwa tar-rikorrent li jġib il-provi li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet inerenti għad-dritt li huwa kien qiegħed isostni jew biex iżomm dak id-dritt. Sa fejn ir-rikorrent ressaq talba biex tiġi attestata r-reġistrazzjoni tiegħu fil-Belġju bħala ħaddiem impjegat, huwa seta’/kellu leġittimament jistenna li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu (anki jekk dan ikun indipendentement minnu) iwassal għal konsegwenzi fuq ir-residenza tiegħu u jkun jaf li kien meħtieġ li jibgħat minn jeddu din l-informazzjoni lill-konvenut, tal-inqas għall-fajl amministrattiv.

    Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrent ‘ma rċieva ebda avviż kif ġie affermat fl-investigazzjoni u li huwa ma kellux il-possibbiltà ta’ smigħ’, dan ma jxejjinx din il-konstatazzjoni peress li l-akkuża indirizzata lir-rikorrent tikkontempla s-smigħ tiegħu mill-ispettur soċjali responsabbli mir-rapport tal-uffiċċju nazzjonali ta’ sigurtà soċjali] tal-4 ta’ Settembru 2013 (liema smigħ, fil-fatt, ma huwiex ibbażat biss fuq dikjarazzjonijiet imma wkoll fuq konstatazzjonijiet oġġettivi li ebda waħda minnhom ma hija kkontestata mir-rikorrent) u ma tirrigwardax direttament id-deċiżjoni [kkontestata].”

    7.

    Fl-10 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella f’kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État, appell li jinvolvi b’mod partikolari l-aggravju li bih ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-uffiċċju Belġjan tal-barranin kellu jisimgħu qabel ma jadotta d-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega l-ksur tal-Artikoli 41 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-kontradittorju kif ukoll tal-prinċipju audi alteram partem.

    8.

    L-uffiċċju Belġjan tal-barranin jirrispondi b’mod partikolari li l-aggravju huwa inammissibbli, peress li tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tal-kassazzjoni u ma huwiex ta’ ordni pubbliku.

    9.

    Il-Conseil d’État josserva li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq aggravju li ma ġiex invokat quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers. Issa, skont id-dritt Belġjan, il-Conseil d’État ma jistax jaċċetta l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju sakemm dan ma jkunx ta’ ordni pubbliku. Il-Conseil d’État jippreċiża li, fid-dritt intern, ir-regoli ta’ ordni pubbliku huma dawk li għandhom importanza fundamentali fl-ordinament ġuridiku Belġjan, bħalma huma r-regoli dwar il-kompetenzi tal-awtoritajiet amministrattivi, dwar il-kompetenza tal-qrati, dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jew ukoll dawk li jikkonċernaw ċerti drittijiet fundamentali.

    10.

    B’riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318) u Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615), il-Conseil d’État jistaqsi jekk il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż dak tas-smigħ, għandux post komparabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġix li wieħed jeżamina aggravju, li jitqajjem għall-ewwel darba fil-kassazzjoni, li jkun ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif dan hu permess fid-dritt intern fir-rigward tal-aggravji ta’ ordni pubbliku.

    11.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li [j]ikkonċerena r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal persuna li tinstema’ minn awtorità nazzjonali, qabel l-adozzjoni mill-awtorità ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffetwa b’mod negattiv l-interessi tal-persuna kkonċernata, [bħal] deċiżjoni [li] ttemm il-permess ta’ residenza tiegħu, [għandu l-istess importanza] fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea daqs dak [li għandhom] normi ta’ ordni pubbliku tad-dritt Belġjan [fid-dritt intern] u l-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li l-motiv [ibbażat fuq] ksur tal-prinċipju ġenerali tal-Unjoni Ewropea ta’ rispett għad-drittijiet tad-difiża, jista’ jiġi [mqajjem] għall-ewwel darba quddiem il-[Conseil d’État], li tiddeċiedi f’kassazzjoni, kif huwa permess taħt [id-dritt intern] [fir-rigward tal-motivi] ta’ ordni pubbliku?”

    12.

    Din id-domanda kienet is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tal-Belġju u dak ta’ Franza kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, ħlief għar-rikorrent fil-kawża prinċipali li ma kienx irrappreżentat, ittrattaw il-każ oralment waqt is-seduta li nżammet fid-19 ta’ Novembru 2015.

    II – Analiżi

    A – Osservazzjonijiet preliminari

    13.

    Din il-kawża toffri l-opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel numru ta’ kjarifiki dwar il-pożizzjoni tal-ġudikant fil-kawżi amministrattivi, b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li dan tal-aħħar jiddikjara ammissibbli aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ li jitqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell jew li tali aggravju jitqajjem ex officio.

    14.

    Qabel ma ngħaddi biex neżamina ż-żewġ partijiet tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandhom isiru erba’ osservazzjonijiet preliminari.

    15.

    L-ewwel waħda minnhom tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kuntest ġuridiku u fattwali li wassal għall-kawża prinċipali u b’mod iktar partikolari għall-kunsiderazzjoni tal-Conseil d’État li l-aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ ġie ppreżentat biss għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell fil-kassazzjoni. Minn qari tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014 mogħtija mill-Conseil du contentieux des étrangers u li l-paragrafi rilevanti tagħha ġew riprodotti fil-punt 6 iktar ’il fuq, jidher li dik il-qorti interpretat l-uniku motiv imressaq quddiemha bħala li jinkludi, tal-inqas impliċitament, il-ksur li wettaq l-uffiċċju Belġjan tal-barranin tad-dritt għal smigħ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u dan qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Conseil du contentieux des étrangers afferma li jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali “deherlu li seta’ jinvoka l-elementi li jxekklu l-irtirar tal-permess ta’ residenza tiegħu, huwa kellu l-obbligu li jġibhom għall-konjizzjoni tal-konvenut, u mhux li din tal-aħħar toqgħod tistied[nu] sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward”. Jiġifieri, prima facie, jidher li ttieħdet pożizzjoni fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-ilment li, fil-kuntest tal-appel, seta’ jwassal lill-Conseil d’État sabiex sempliċement teżamina l-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti, u, jekk ikun il-każ, tiċċensuraha ( 3 ).

    16.

    Dan premess, huwa ċar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE, l-interpretazzjoni magħmula mill-Conseil d’État dwar il-portata tar-rikors fl-ewwel istanza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ esklużivament taħt l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, mingħajr indħil min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, din tal-aħħar għandha tqis bħala stabbilita l-konstatazzjoni li l‑aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, tqajjem biss fl-istadju tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

    17.

    L-istess japplika (u din tikkostitwixxi t-tieni osservazzjoni tiegħi) fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dan l-aggravju taħt id-dritt intern, minkejja li ġiet ikkontestata mill-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Fil-fatt, fil-kuntest tar-rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi fuq id-differenza li dak il-gvern jallega li teżisti fid-dritt intern bejn, min-naħa waħda, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kamp dixxiplinarju u kriminali li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu jitqajmu ex officio u, min-naħa l-oħra, dak tad-dritt għal smigħ mill-awtorità amministrattiva qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, li ma hijiex ta’ ordni pubbliku u li għaldaqstant ma tistax tiġi eżaminata ex officio ( 4 ).

    18.

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Conseil d’État jinkludi r-rispett tad-dritt għal smigħ fid-drittijiet tad-difiża u jitlaq mill-premessa li dan id-dritt jista’ jiġi eżaminat ex officio fid-dritt intern, ħaġa li, fil-fatt, tiġġustifika preċiżament is-suġġett tad-domanda preliminari bbażata fuq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwivalenza.

    19.

    It-tielet osservazzjoni tiegħi tittratta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-evalwazzjoni tal-uffiċċju Belġjan tal-barranin, ikkonfermata mill-Conseil du contentieux des étrangers, fejn jingħad, essenzjalment, li l-irtirar tal-permess ta’ residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kien immotivat minn użu abbużiv u frawdolenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

    20.

    Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kkontesta din il-klassifikazzjoni li saret mill-uffiċċju Belġjan tal-barranin, fejn sostna li dan il-korp kiser l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Abbuż tad-drittijiet”, li permezz tiegħu, b’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu “jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi” u dan b’rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    21.

    Huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk, fil-każ li jiġi pprovat, tali użu abbużiv jew frawdolenti joħroġx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkun eżerċita waħda mil-libertajiet ta’ moviment iggarantita mit-Trattat FUE b’mod li d-domanda magħmula titlef ir-rilevanza tagħha.

    22.

    Fil-fatt, kif diġà kelli l-okkażjoni li nippreċiża fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C‑83/13, EU:C:2014:201, punti 6266), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx risposta nieqsa minn ambigwitajiet fir-rigward tal-kunċett dwar jekk l-abbuż ta’ dritt jikkostitwixxix regola li tista’ tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – f’liema każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju – jew jekk dan għandux jinftiehem, min-naħa l-oħra, bħala regola jew prinċipju li jippermetti li jiġi limitat l-eżerċizzju ta’ dritt (suġġettiv) mogħti permezz tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ħaġa li tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt tal-Unjoni u li allura għandha tingħata risposta lid-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ).

    23.

    Mingħajr il-bżonn li jiġu mtennija hawnhekk l-argumenti li huma favur it-tieni teżi, intendi li naħseb li jekk il-projbizzjoni kontra l-abbuż ta’ dritt titqies li hija prinċipju li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dan ikun ifisser li jingħatalha, fir-rigward tal-libertajiet fundamentali ta’ moviment, l-istatus analogu għal dak ta’ regola ta’ raġuni (“rule of reason”), ħaġa li jidhirli li hija żbaljata u ftit li xejn xierqa. Fil-fatt, tali rikonoxximent iwassal biex jiġi vverifikat, f’kull każ, jekk sitwazzjoni partikolari tinvolvix sitwazzjoni ta’ abbuż ta’ dritt qabel ma dik is-sitwazzjoni titqies li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, tali relazzjoni bejn l-abbuż u d-dritt, li tipprivileġġa l-eżami tal-abbuż fuq dak tad-dritt, tippreġudika b’mod sostanzjali l-effett utli tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE ( 6 ).

    24.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jikkonferma, fil-fehma tiegħi, li l-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt tikkostitwixxi prinċipju li jillimita d-drittijiet suġġettivi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-individwi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija limitata biex tippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ dritt li qabel kien mogħti minn din tal-aħħar liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom.

    25.

    Konsegwentement, sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża prinċipali taqa’ sewwasew, fil-fehma tiegħi, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fil-mertu għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    26.

    Fl-aħħar nett, ir-raba’ kumment preliminari tiegħi jirrigwarda d-delimitazzjoni tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    27.

    Din tal-aħħar tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż dak tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal smigħ mill-amministrazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u mhux kif jinsab stabbilit fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ġiet ukoll invokata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-appell tiegħu fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État.

    28.

    L-applikabbiltà tal-Artikolu 41 tal-Karta għall-Istati Membri fil-każijiet meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri meta l-miżuri nazzjonali li huma jadottaw jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt ( 7 ), tibqa’ suġġetta għall-kontroversji.

    29.

    Għalkemm id-“dritt għal amministrazzjoni tajba” ikkontemplat f’dak l-artikolu jinkludi, fil-paragrafu 2(a), “id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament”, id-dispożizzjonijiet tiegħu huma diretti biss, skont il-paragrafu 1 tiegħu, għall-“istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”.

    30.

    F’numru ta’ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan il-kliem li l-Artikolu 41(2) tal-Karta ma japplikax għall-Istati Membri ( 8 ), ħaġa li wasslitha biex teżamina d-domandi magħmula f’uħud minn dawn is-sentenzi fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li d-dritt għal smigħ jifforma parti integrali minnu ( 9 ).

    31.

    Madankollu, skont linja ta’ ġurisprudenza oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 41 tal-Karta jista’ japplika għall-miżuri tal-Istati Membri meta dawn tal-aħħar jimplementaw id-dritt tal-Unjoni ( 10 ), fejn hija kkonstatat li din id-dispożizzjoni kienet ta’ “applikazzjoni ġenerali” ( 11 ).

    32.

    Kif fakkart fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CO Sociedad de Gestion y Participación et (C‑18/14, EU:C:2015:95, nota ta’ qiegħ il-paġna 48), l-Artikolu 51(1) tal-Karta jobbliga lill-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta “meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw għaldaqstant id-dispożizzjonijiet tal-Karta, inkluż id-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tagħha. Fil-fatt, interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 41 tal-Karta, li tikkonsisti fl-esklużjoni tal-applikabbiltà tagħha għall-Istati Membri, twassal għall-ammissjoni li d-dritt għal smigħ previst fl-imsemmi Artikolu 41 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-Artikolu 51 tagħha, li jipprevedi l-applikabbiltà tad-“dispożizzjonijiet tal-Karta” kollha għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Wathelet fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2031, punt 56), ma huwiex “koerenti [...] li l-kliem tal-Artikolu 41 tal-Karta jista’ b’dan il-mod jintroduċi eċċezzjoni għar-regola stabbilita bl-Artikolu 51 ta’ din, li tippermetti lill-Istati Membri li ma japplikawx artikolu tal-Karta, anki jekk ikunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni”.

    33.

    Fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni kkontestata li biha l-uffiċċju Belġjan tal-barranin irtira l-permess ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u ordnalu jitlaq mit-territorju tar-Renju tal-Belġju tikkostitwixxi bla ebda dubju miżura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandha bħala suġġett, b’mod iktar preċiż, l-implementazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija permezz tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38.

    34.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għaldaqstant terġa’ tifformula d-domanda magħmula b’mod li tirrispondi għaliha mill-aspett tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta iktar milli dwar dak tal-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż dak tas-smigħ, ħaġa li jidhirli li fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti hija l-iktar soluzzjoni xierqa.

    35.

    Magħmula dawn il-kjarifiki, ir-risposta għad-domanda magħmula tinqasam, fil-fehma tiegħi, f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif tgħid il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tiddependix mill-fatt li r-rispett tad-dritt għal smigħ ikollu grad komparabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma’ dak li huwa jgawdi fid-dritt intern biex ikun jista’ jiġi eżaminat ex officio. Fit-tieni lok, u jekk dan ikun il-każ, ikun irid jiġi vverifikat jekk id-dritt għal smigħ jikkostitwixxix regola ta’ ordni pubbliku li tista’ tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni, ħaġa li tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-ksur ta’ dan id-dritt għandux jiġi kklassifikat bħala ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

    B – Fuq l-applikazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta ’ ekwivalenza b’mod li r-regola tad-dritt tal-Unjoni jkollha grad komparabbli ma ’ dawk tad-dritt intern li jistgħu jiġu eżaminati ex officio

    36.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat diversi drabi li d-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kwalunkwe persuna l-possibbiltà li jsemma’, b’mod utli u effettiv, l-fehma tiegħu matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha ( 12 ).

    37.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ japplika wkoll meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix b’mod espliċitu tali rekwiżit proċedurali ( 13 ) u jaqa’ fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta huma jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 14 ).

    38.

    F’sitwazzjoni fejn la l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ u lanqas il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt ma jkunu stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-konsegwenzi jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali, sa fejn, minn naħa, l-miżuri adottati f’dan ir-rigward ikunu tal-istess natura bħal dawk li jibbenefikaw minnhom l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 15 ).

    39.

    F’dan il-każ, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, għalkemm fl-Artikolu 31 tagħha, id-Direttiva 2004/38 tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kkonċernati jkollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji kontra deċiżjonijiet ta’ tkeċċija mit-territorju ( 16 ), min-naħa l-oħra hija ma tikkontemplax id-dritt ta’ dawn il-persuni għal smigħ mill-amministrazzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

    40.

    Konsegwentement, kif tajjeb qalet il-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet li taħthom għandu jiġi eżerċitat id-dritt għal smigħ huma rregolati mid-dritt nazzjonali, u dan bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, imma bl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    41.

    Wieħed jifhem faċilment għaliex il-qorti tar-rinviju assolutament ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-prinċipju ta’ effettività.

    42.

    Effettivament, il-fatt li l-qorti amministrattiva tal-aħħar istanza ma tistax teżamina ex officio jew għandha tiċħad bħala inammissibbli aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ imressaq għall-ewwel darba quddiemha, bl-ebda mod ma jfisser li r-regoli ta’ proċedura interni jrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli li wieħed jinvoka l-ksur ta’ tali dritt quddiem il-qrati nazzjonali. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, dak li huwa importanti, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa li l-partijiet jingħataw opportunità ġenwina li jressqu motiv ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali ( 17 ). Fi kliem ieħor, dan il-prinċipju ma jeżiġix li l-qorti nazzjonali tagħmel tajjeb għan-nuqqas jew ommissjoni tal-partijiet sakemm dawn tal-aħħar kellhom possibbiltà ġenwina, skont ir-regoli ta’ proċeduri interni, li jinvokaw motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Kif ċertament huwa l-każ hawnhekk, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali bbenefika wkoll mir-rappreżentanza ta’ avukat mal-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività ma timponix dmir fuq il-qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, indipendentement mill-importanza ta’ dak id-dritt għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 18 ).

    43.

    Ċertament hija iktar delikata l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza jkollux din il-konsegwenza għall-qorti tar-rinviju.

    44.

    Dan il-prinċipju jimplika li l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi biex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati taħt id-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili tad-dritt intern ( 19 ).

    45.

    Għaldaqstant, minn dan wieħed jista’ loġikament jiddeduċi li, meta r-regoli ta’ proċeduri interni jagħtu lill-qorti nazzjonali l-fakultà jew jimponulha d-dmir li teżamina ex officio motiv ibbażat fuq id-dritt nazzjonali, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi, b’xi mod awtomatiku, li din il-fakultà jew dan l-obbligu jkopru wkoll il-motivi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni.

    46.

    Dan l-approċċ huwa meħud ukoll, f’dan il-każ, mill-Gvern Franċiż. Dan il-gvern jirrileva, essenzjalment, li, jekk il-qorti tar-rinviju tidentifika l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ bħala motiv ta’ ordni pubbliku li jista’ jitqajjem għall-ewwel darba fil-kassazzjoni quddiemha fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt intern, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar ir-rispett tad-dritt għal smigħ jista’ jgawdi mill-istess regoli quddiem dik l-istess qorti. Waqt is-seduta, dan il-gvern ippreċiża li, bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ma hemm ebda bżonn, u dan b’kuntrast għal dak li qalet il-qorti tar-rinviju, li jiġi vverifikat jekk in-nuqqas tad-dritt għal smigħ taħt id-dritt tal-Unjoni huwiex ta’ natura ta’ ordni pubbliku.

    47.

    Jekk wieħed jaqbel ma’ dan is-suġġeriment, li huwa wkoll attraenti, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun finalment pjuttost faċli.

    48.

    Dan is-suġġeriment – u r-riformulazzjoni tad-domanda preliminari ssuġġerita fis-seduta minn dan l-istess gvern, li tirriżulta minnha – tkun madankollu qiegħda tinjora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ), li twassal biex ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju tkun ħafna iktar kumplessa.

    49.

    Din il-ġurisprudenza teżiġi fil-fatt li jiġi vverifikat jekk ir-regola inkwistjoni għandhiex, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, “post” bejn wieħed u ieħor daqs dak li jibbenefikaw minnu r-regoli li jistgħu jew għandhom jitqajmu ex officio fid-dritt intern mill-qorti nazzjonali.

    50.

    Huwa b’dan il-mod li fis-sentenza van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punti 29 sa 31), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li tistabbilixxi miżuri biex tiġi miġġielda l-marda tal-ilsien u d-dwiefer għandhom “pożizzjoni komparabbli fi ħdan l-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni]” bħall-motivi bbażati fuq il-ksur tar-regoli ta’ ordni pubbliku fid-dritt Olandiż li jitqiesu, essenzjalment, bħal dawk li jirrigwardaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet amministrattivi u l-ammissibbiltà tar-rikors. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għaldaqstant li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza ma timplikax, f’din il-kawża, li l-qorti nazzjonali hija obbligata tipproċedi ex officio għal stħarriġ tal-legalità tal-atti amministrattivi kkontestati quddiemha abbażi tal-kriterji bbażati fuq id-direttiva inkwistjoni. Fil-punt 32 ta’ din l-istess sentenza, il-qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li, għalkemm id‑dispożizzjonijiet tad-direttiva jaqgħu taħt il-politika tas-saħħa pubblika, huma ġew invokati, “essenzjalment sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi privati tal-individwi” li kienu suġġetti għall-miżuri ta’ kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer.

    51.

    Iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ġabret din il-ġurisprudenza bħala li tfisser li l-“prinċipju ta’ ekwivalenza [...] jitlob li l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali sabiex tiġi mistħarrġa ex officio regola tad-dritt [tal-Unjoni] ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-applikazzjoni ex officio ta’ regoli tal-istess grad tad-dritt nazzjonali” ( 21 ).

    52.

    Għaldaqstant, skont din il-ġurisprudenza, il-portata tal-eżami ex officio ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni tiddependi mill-ekwivalenza jew mill-grad identiku li jkollha dik ir-regola fid-dritt tal-Unjoni meta mqabbla ma’ dawk li l-qorti nazzjonali hija awtorizzata teżamina ex officio fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern.

    53.

    Fi kliem ieħor, jekk ir-regoli ta’ proċedura interni jippermettu lill-qorti nazzjonali teżamina ex officio regoli interni “vinkolanti” bħal fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 131422) u Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punti 575860), dik il-qorti jkollha teżamina ex officio regoli tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom natura vinkolanti ekwivalenti, u dan kif kien sar mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    54.

    Għalkemm ir-regoli ta’ proċedura interni huma iktar rigorużi u jissuġġettaw l-eżami ex officio ta’ motiv għall-kundizzjoni li r-regola ta’ dritt nazzjonali li tkun inkisret trid tkun ta’ ordni pubbliku, motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu wkoll, biex jibbenefika minn trattament ekwivalenti mill-qrati nazzjonali, ikun ibbażat fuq ksur ta’ regola li tgawdi minn “post komparabbli” jew tal-“istess grad” fid-dritt tal-Unjoni.

    55.

    Min-naħa l-oħra, it-teżi li ddefenda l-Gvern Franċiż tidher li tagħti marġni wiesa’ wisq lill-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, anki fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, prinċipju li huwa intiż li jnaqqas l-imsemmija awtonomija u li l-portata tiegħu għandha tkun iddefinita mid-dritt tal-Unjoni.

    56.

    Issa, il-mertu tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa preċiżament li tistabbilixxi l-pedamenti tad-definizzjoni ta’ motiv ta’ ordni pubbliku fid-dritt tal-Unjoni b’mod li tevita li l-applikazzjoni tar-regola tal-Unjoni kkonċernata tkun tista’ tvarja biss skont kif tiġi kklassifikata fid-dritt intern.

    57.

    Bir-rispett kollu lejn il-Gvern Franċiż, dan il-ħsieb huwa, fil-fehma tiegħi, koerenti mas-soluzzjoni adottata fis-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 24313741). Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 81 KE (l-Artikolu 101 TFUE tal-lum) kellu l-istess valur bħar-regoli tad-dritt intern ta’ ordni pubbliku tal-Istat Membru inkwistjoni u, għaldaqstant, li l-prinċipju ta’ ekwivalenza kien jimponi fuq il-qorti nazzjonali li tilqa’ talba għal annullament ta’ sentenza ta’ arbitraġġ li hija kien jidhrilha li tmur kontra dan l-artikolu, peress li dik il-qorti kellha, skont ir-regoli ta’ proċedura interni, tilqa’ talba għal annullament ibbażata fuq il-ksur tar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku u minkejja li, skont id-dritt intern, il-fatt li sentenza ta’ arbitraġġ kienet tmur kontra r-regoli tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni ma kienx, b’mod inġenerali, jitqies li huwa ta’ ordni pubbliku.

    58.

    Fi kliem ieħor, għalkemm l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri hija aċċettata, din l-awtonomija ma tistax tkun estiża sabiex tinkludi d-definizzjoni jew il-klassifikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-kategorija tar-regoli ta’ ordni pubbliku.

    59.

    Għaldaqstant nikkunsidra li, kif ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Belġjan sostnew u eżaminaw in concreto fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja twassal biex jiġi investigat jekk ir-rispett tad-dritt għal smigħ għandux, fid-dritt tal-Unjoni, grad identiku jew komparabbli għar-regoli ta’ ordni pubbliku tad-dritt intern.

    C – Fuq in-natura ta ’ ordni pubbliku tar-rispett tad-dritt għal smigħ fid-dritt tal-Unjoni

    60.

    Quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza hija pprojbita, bl-eċċezzjoni għal xi waħda minn dawn il-każijiet: meta dawn il-motivi jkunu bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura ( 22 ) meta huma, fir-realtà, jkunu jikkostitwixxu biss elaborazzjoni ta’ motiv imressaq qabel jew meta jkunu bbażati fuq ksur ta’ regola ta’ ordni pubbliku ( 23 ).

    61.

    Fir-rigward tal-aħħar punt, l-Artikolu 150 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, ex officio tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza llum stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha l-obbligu teżamina ex officio l-motivi ta’ ordni pubbliku ( 24 ).

    62.

    B’mod illustrattiv biss, huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ex officio, inkluż fl-istadju tal-appell, motivi ta’ inammissibbiltà ta’ rikors ( 25 ) jew l-eżawriment tal-oġġett tiegħu ( 26 ), il-kompetenza tal-awtur ta’ att tal-Unjoni ( 27 ), dik tal-qorti adita ( 28 ), l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ( 29 ), kif ukoll in-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni ta’ dak l-att ( 30 ). Għaldaqstant, dawn kienu motivi li huma marbutin mal-legalità esterna tal-atti.

    63.

    Min-naħa l-oħra, bħala qorti tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li teżamina ex officio motivi fil-mertu, ibbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tat-trattat jew ta’ atti tal-Unjoni ( 31 ), li tqajmu għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ma tantx taċċetta li teżamina ex officio motivi bbażati fuq il-legalità interna tal-atti ( 32 ).

    64.

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma identifikat b’mod astratt il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk motiv huwiex ta’ ordni pubbliku jew le.

    65.

    Huwa minnu li ma huwiex faċli li tali motiv jiġi ddefinit peress li jiddependi, finalment, fuq il-valuri fundamentali tal-ordinament ġuridiku kkunsidrat, fuq ir-rwoli li jkollhom il-partijiet, fuq ir-regoli ta’ proċedura applikabbli kif ukoll fuq it-tip ta’ qorti (partikolarment ċivili jew amministrattiva) adita u fuq il-grad tagħha (qorti tal-mertu jew qorti ta’ kassazzjoni) ( 33 ).

    66.

    Madankollu, fir-rigward tal-ordinament ġuridiku u tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, hemm ċerti elementi bbażati fuq il-ġurisprudenza li jippermettu li wieħed jidentifika b’ċerta preċiżjoni dawn il-kriterji.

    67.

    Kif diġà kelli l-okkażjoni li nenfasizza f’konklużjonijiet preċedenti ( 34 ), jiena naqbel, f’dan ir-rigward, maż-żewġ kriterji li stabbilixxa l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-punti 141 u 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet fil-kawża Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:172).

    68.

    Dan ifisser, għaldaqstant, li jrid jiġi evalwat, minn naħa, jekk ir-regola miksura hijiex intiża li sservi għan jew valur fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jekk hija għandhiex rwol sinjifikattiv fit-twettiq ta’ dak l-għan jew ta’ dak il-valur u, min-naħa l-oħra, jekk dik ir-regola ġietx stabbilita fl-interess ta’ terzi jew tal-kollettività inġenerali, u mhux sempliċement fl-interess tal-persuni direttament ikkonċernati ( 35 ).

    69.

    Evidentement, l-ewwel kriterju għandu jitqies issodisfatt. Fil-fatt, ir-rispett tad-dritt għal smigħ f’kull proċedura amministrattiva jifforma parti integrali minn dak tad-drittijiet tad-difiża li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali (u fundamentali) tad-dritt tal-Unjoni ( 36 ). Skont l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija partikolarment ibbażata fuq il-valuri tar-rispett tal-Istat tad-dritt u fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, fejn ir-rispett ta’ dawn tal-aħħar jikkostiwixxi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kundizzjoni għal-legalità tal-atti tal-Unjoni ( 37 ) u “prinċipju kostituzzjonali” tat-trattat ( 38 ). Iktar u iktar, peress li l-Artikolu 6(1) TUE jafferma li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, li jinkludu dak imsemmi fl-Artikolu 41 tagħha, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jżid li d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, jifformaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali.

    70.

    Ir-rispett tad-dritt għal smigħ iservi għaldaqstant ta’ valur essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jiġifieri dak tal-konnessjoni, ta’ natura kostituzzjonali, ta’ dan tal-aħħar mar-rispett tad-drittijiet u libertajiet rikonoxxuti lill-individwi, stabbiliti b’mod partikolari fil-Karta.

    71.

    Min-naħa l-oħra, biex jiġi stabbilit jekk ir-rispett tad-dritt għal smigħ jissodisfax it-tieni kriterju, jiġifieri jekk dan ġiex maħluq fl-interess ġenerali iktar milli sempliċement fl-interess tal-persuni direttament ikkonċernati, huwa iktar diffiċli.

    72.

    Fid-dawl tad-dikotomija magħmula mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bejn motivi dwar il-legalità esterna, li jistgħu jiġu eżaminati ex officio, u dawk li jirrigwardaw il-legalità interna, li l-eżami tagħhom ex officio jidher li huwa eskluż, għandu jiġi vverifikat jekk il-ksur tad-dritt għal smigħ jistax jaqa’ taħt ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri, fil-fehma tiegħi, bħala ksur ta’ rekwiżit essenzjali ta’ proċedura intrinsikament marbuta mal-formazzjoni jew l-espressjoni tal-volontà tal-awtorità li tadotta l-att inkwistjoni, b’mod li jaltera ipso jure s-sustanza tiegħu ( 39 ).

    73.

    Din il-kundizzjoni tal-ksur tar-rispett tad-dritt għal smigħ, li tinvolvi l-eżami ex officio ta’ tali lment, ġiet adottata diversi drabi mill-Qorti Ġenerali kif ukoll mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

    74.

    Huwa b’dan il-mod li l-Qorti Ġenerali eżaminat ex officio n-nuqqas tal-Kummissjoni li tistieden lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li pparteċipaw f’akkordju milli jippreżentaw osservazzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva fuq l-eventwali eżerċizzju tas-setgħa li timponilhom multi ( 40 ) u dak li tisma’ lill-impriżi qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-maħfra jew in-nuqqas ta’ rkupru ta’ dazji fuq l-importazzjoni ( 41 ). Min-naħa tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku aċċetta b’mod partikolari li jista’ jeżamina ex officio n-nuqqas tal-amministrazzjoni li titlob lil uffiċjal biex jagħti l-fehma tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riklassifikazzjoni fil-grad tal-persuna kkonċernata ( 42 ), dak li tagħti lill-aġent il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dokument ta’ evalwazzjoni li fuqu l-amministrazzjoni tkun bi ħsiebha tibbaża ruħha biex tiċħad lil dak l-aġent il-benefiċċju ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ( 43 ) jew dak li ma tismax lil aġent qabel ir-rifjut tal-amministrazzjoni li ġġeddidlu l-kuntratt għal żmien determinat ( 44 ).

    75.

    Din il-linja ta’ ġurisprudenza bl-ebda mod ma tiġġustifika r-raġunijiet li jwasslu biex il-ksur tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal smigħ, jiġi kklassifikat bħala li jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

    76.

    Min-naħa l-oħra, din il-linja ta’ ġurisprudenza tibbaża ruħha kważi sistematikament fuq żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenzi Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189, punt 14) u Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67).

    77.

    Madankollu, dawn iż-żewġ sentenzi ma jidhirlix li jsostnu l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali u mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

    78.

    Dan huwa perfettament ċar għal dak li jikkonċerna s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67). Fil-fatt, din ma tirrigwardax ir-rispett tad-dritt għal smigħ, imma l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa paċifiku li dan jaqa’ fil-fatt taħt il-kategorija ta’ forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE ( 45 ).

    79.

    Is-sentenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189), min-naħa tagħha, kienet tikkonċerna rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas assistenza finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew għal programmi ta’ taħriġ u gwida professjonali magħmula fil-Portugall, assistenza li kienet ibbenefikat minnha s-soċjetà Interhotel. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli kienet tipprovdi espliċitament li, f’sitwazzjoni bħalma kienet ta’ dik il-kawża, il-Kummissjoni setgħet, b’mod partikolari, tnaqqas l-assistenza finanzjarja biss wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Wara li fakkret li hija kienet awtorizzata teżamina ex officio l-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar kienet naqset milli tiġbor minn qabel l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Portugiża.

    80.

    Din il-konklużjoni tista’, prima facie, tħalli lil wieħed jaħseb li hija tikkorrobora l-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżaminata iktar ’il fuq.

    81.

    Madankollu, il-punti 15 sa 17 tas-sentenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189) ifakkru mhux biss li l-obbligu tas-smigħ tal-Istat Membru kkonċernat jirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tar-regolament Komunitarju inkwistjoni, imma jenfasizzaw fuq kollox ir-“rwol ċentrali” u “l-importanza tar-responsabbiltajiet li [l-Istat Membru] jassumi fil-preżentazzjoni u l-kontroll tal-finanzjament tal-programmi ta’ taħriġ” li jimplikaw li l-possibbiltà ta’ dan li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva għat-tnaqqis tal-assistenza finanzjarja tikkostitwixxi “formalità sostanzjali” li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha twassal għan-nullità tal-imsemmija deċiżjoni.

    82.

    Fil-fehma tiegħi, hija n-natura ċentrali tar-rwol u l-importanza tar-responsabbiltajiet tal-Istat Membru fil-qasam inkwistjoni li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikklassifika l-ksur tal-konsultazzjoni obbligatorja tal-Istat Membru kkonċernat, li wara kollox hija prevista espressament mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, bħala ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali. Din il-konsultazzjoni tista’, finalment, titqies li hija espressjoni partikolari tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jew, fi kliem ieħor, tal-bilanċ istituzzjonali fi ħdan l-Unjoni. Konsegwentement, wieħed jista’ jifhem kompletament li l-ksur ta’ tali konsultazzjoni minn qabel jista’ jitqies li jippreġudika regola li sservi għan jew valur fundamentali tal-Unjoni, li ġiet stabbilita fl-interess ġenerali u li, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżaminaha ex officio.

    83.

    Din hija r-raġuni wkoll għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li persuna ġuridika tista’ tipprevalixxi ruħha mill-ksur tad-drittijiet tal-Istat Membru, li jisboq is-sempliċi ksur tad-drittijiet suġġettivi ta’ dan tal-aħħar u li twassal għan-nullità ipso jure tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 46 ).

    84.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li jkun perikoluż li mis-sentenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189) tinstilet affermazzjoni ġenerali li l-ksur tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari dak tad-dritt għal smigħ tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi f’kull proċedura amministrattiva, ikun jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li għandha tiġi eżaminata ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

    85.

    Jidhirli li din hi prudenza li tinsab imsaħħa minn tliet fatturi deċiżivi oħra.

    86.

    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, qatt ma estendiet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189) lil hinn mis-sitwazzjonijiet li jinvolvu l-osservanza tal-garanziji proċedurali rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni lill-Istati Membri ( 47 ).

    87.

    Sussegwentement, f’deċiżjoni f’kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala ġdid u għaldaqstant inammissibbli motivi li tqajmu fl-istadju tar-replika quddiem il-Qorti Ġenerali jew għall-ewwel darba quddiemha, li kienu bbażati jew fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tal-persuni ġuridiċi jew fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq matul il-proċedimenti amministrattivi magħmula mill-Kummissjoni fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 48 ).

    88.

    Dan ifisser neċessarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tali motivi, anki jekk ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li għandhom jiġu eżaminati ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

    89.

    Fl-aħħar nett, il-konsegwenza tal-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, jiġifieri l-annullament ipso jure tal-att ikkonċernat, ma tantx taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li ksur tad-dritt għal smigħ iwassal għan-nullità tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti ( 49 ).

    90.

    Kif turi s-sentenza G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38), din il-ġurisprudenza tapplika b’mod sħiħ fil-kuntest tal-ksur tad-dritt għal smigħ matul il-proċedura amministrattiva tal-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba t-tkeċċija tiegħu, skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 50 ). Fil-fatt, għalkemm din id-direttiva hija silenzjuża fir-rigward tal-konsegwenzi li jkun hemm f’każ ta’ ksur ta’ tali dritt u li, għaldaqstant, huma l-Istati Membri li, fil-prinċipju, għandhom jirregolaw dawn il-konsegwenzi fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, x’aktarx minħabba dan l-aħħar prinċipju, li jekk il-ksur tad-dritt għal smigħ jiġi ssanzjonat bl-annullament awtomatiku ta’ deċiżjoni għall-estensjoni tad-detenzjoni, dan jirriskja li jippreġudika l-effett utli tad-direttiva ( 51 ).

    91.

    Id-“dritt tal-Unjoni”, li bbażat ruħha fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, jidher għaldaqstant li jeskludi li l-ksur tad-dritt għal smigħ jista’ jwassal għall-annullament awtomatiku tal-att adottat wara l-proċedura amministrattiva kkontestata, ħaġa li wkoll hija l-konsegwenza loġika jekk il-ksur ta’ dan id-dritt kellu jiġi kklassifikat bħala ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

    92.

    Il-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma hijiex, barra minn hekk, univoka f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għalkemm fl-imsemmija sentenzi, dawn iż-żewġ qrati aċċettaw il-klassifikazzjoni tad-dritt għal smigħ bħala li huwa forma proċedurali sostanzjali, f’uħud minn dawn il-kawżi, biex jippruvaw jibqgħu mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għadha kif ġiet iċċitata, huma investigaw madankollu jekk fl-assenza ta’ tali ksur, il-proċedura amministrattiva setgħetx twassal għal riżultat differenti ( 52 ). Issa, kif ġie indikat diġà, il-konstatazzjoni mill-qorti tal-Unjoni dwar il-ksur ta’ (veru) forma proċedurali sostanzjali ma teħtieġx tali evalwazzjoni peress li l-att amministrattiv inkwistjoni jkun null ipso jure.

    93.

    Fl-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli għaldaqstant li l-ksur tad-dritt għal smigħ matul proċedura amministrattiva ma jikkostitwixxix ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżamina ex officio ( 53 ).

    94.

    Fil-fehma tiegħi, din l-evalwazzjoni tista’ tiġi kkontestata biss kieku l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tagħti valur ikbar lill-“permeabbiltà” li tidher li teżisti bejn ir-rispett tad-dritt għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-amministrazzjoni, u, għaldaqstant, li tgħaqqad dan id-dritt b’mod iktar ċar u deċiżiv mal-prinċipju, li huwa ta’ interess ġenerali, ta’ amministrazzjoni tajba ( 54 ).

    95.

    Huwa minnu li dan l-approċċ li, essenzjalment, iddefendietu l-Kummissjoni waqt is-seduta, isib ċertu sostenn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    96.

    Fil-fatt, fis-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punti 4748) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 3738), il-Qorti tal-Ġustizzja assoċjat id-dritt għal smigħ mal-għan li jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti titpoġġa f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod utli, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni sabiex tippermetti lil dik l-awtorità li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod iddettaljat. B’dan il-mod il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-motivazzjoni tal-att amministrattiv tikkostitwixxi l-“korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża”.

    97.

    Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-Kummissjoni fis-seduta jidher ukoll li huwa koerenti biżżejjed mal-inklużjoni espliċita tar-rispett tad-dritt għal smigħ, flimkien mal-obbligu li għandha l-amministrazzjoni biex timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, fil-lista ta’ drittijiet li jaqgħu taħt id-“dritt għal amministrazzjoni tajba” stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

    98.

    Madankollu, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevita kull sinkretiżmu, fejn tħallat in-natura u l-portata tad-dritt għal smigħ tal-persuni ma’ dawk tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-amministrazzjoni.

    99.

    B’mod iktar preċiż, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-amministrazzjoni ċertament ma huwiex limitat għat-teħid inkunsiderazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-osservazzjonijiet tal-persuni qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwahom negattivament. Kif essenzjalment jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkontribwixxi fuq kollox għat-twettiq ta’ għan iktar ġenerali, jiġifieri dak li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-att ikkontestat quddiemha ( 55 ). Huwa meta l-qorti tal-Unjoni ssib ruħha fl-impossibbiltà li teżerċita dan l-istħarriġ li jkun iġġustifikat, fil-fehma tiegħi, li dik il-qorti teżamina ex officio l-ksur ta’ tali obbligu. Il-fatt li individwu ma setax jagħmel utilment l-osservazzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li twassal għal adozzjoni ta’ deċiżjoni li taffettwah negattivament jista’, fil-fatt, jaffettwa n-natura suffiċjentement elaborata ta’ dik il-motivazzjoni jekk mhux il-fondatezza tagħha ( 56 ). Madankollu, huwa ma jipprekludix sistematikament lill-qorti tal-Unjoni milli teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha ( 57 ).

    100.

    Għaldaqstant, jidhirli li l-argumenti tal-Kummissjoni ma humiex konvinċenti biżżejjed biex tiġi skartata x-xejra attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ matul proċedura amministrattiva ma jikkostitwixxix ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li jappartjeni lill-kategorija ta’ motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżamina ex officio. Għaldaqstant, hija l-parti allegatament leża li għandha tinvoka l-ksur ta’ tali dritt quddiem il-qorti tal-Unjoni, mingħajr ma’ din tal-aħħar għandha tagħmel tajjeb għall-ommissjoni jew in-negliġenza ta’ din il-parti.

    III – Konklużjoni

    101.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État tal-Belġju:

    “Ir-rispett tad-dritt ta’ persuna għal smigħ minn awtorità nazzjonali, qabel l-adozzjoni minn din l-awtorità ta’ kull deċiżjoni li tista’ tikkawżalha preġudizzju ma tokkupax, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, grad jew post ekwivalenti għal dawk li għandhom in-normi ta’ ordni pubbliku tad-dritt Belġjan fid-dritt intern, kif dawn in-normi ġew deskritti mill-qorti tar-rinviju.

    Il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jeżiġix li motiv, ibbażat fuq ksur tar-rispett tad-dritt għal smigħ imsemmi fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jitqajjem għall-ewwel darba quddiem qorti amministrattiva tal-aħħar istanza, li tiddeċiedi f’kassazzjoni, bħalma hija l-qorti tar-rinviju, jiġi ddikjarat ammissibbli u eżaminat fil-mertu.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

    ( 3 ) Għal kull buon fini, infakkar li, f’kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa tagħha, taċċetta l-ammissibbiltà ta’ aggravju li joriġina minn evalwazzjoni li tkun tinsab fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li tkun ikkontestata quddiemha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Areva et vs Il-Kummissjoni (C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punti 118170 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 4 ) Hemm bżonn infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba li ma huwiex l-obbligu tagħha li tippronunzja ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, peress li dan ix-xogħol huwa esklużivament tal-qorti tar-rinviju? Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 5 ) Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “[h]ija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri prattiki abbużivi ta’ kummerċjanti” [ara s-sentenza Slancheva sila (C‑434/12, EU:C:2013:546 u l-ġurisprudenza ċċitata; enfasi miżjud minni)] u, konsegwentement, tat wieħed x’jifhem li l-kunċett ta’ abbuż (tad-dritt) jikkostitwixxi regola ta’ limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni [din il-kwalifika ddefendiha wkoll l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Halifax et (C‑255/02, EU:C:2005:200, punt 69)], mentri, min-naħa l-oħra, hija kkonstatat “li l-eventwali abbuż tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku [tal-Unjoni] skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jippreżupponi li l-persuna kkonċernata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tat-trattat, billi tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun ikklassifikata bħala ‘ħaddiem’” [sentenza Ninni-Orasche (C‑413/01, EU:C:2003:600, punt 31; enfasi miżjud minni)] u eżaminat ukoll il-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi abbażi tal-motivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet ta’ moviment [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 55) u SIAT (C‑318/10, EU:C:2012:415, punt 50)].

    ( 6 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fonnship u Svenska Transportarbetareförbundet (C‑83/13, EU:C:2014:201, punt 70).

    ( 7 ) Sentenza Åkerberg Fransson (C-617/10, EU:C:2013:105, punti 18 sa 21).

    ( 8 ) Ara s-sentenzi Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28), sentenza YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67), Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 44) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 3233).

    ( 9 ) Ara s-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 45) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 34).

    ( 10 ) Ara s-sentenza N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 4950). Ara wkoll, impliċitament, is-sentenza Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 29) li llimitat ruħha biex teskludi l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 41(2) tal-Karta għas-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża prinċipali.

    ( 11 ) Sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 84).

    ( 12 ) Sentenzi M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87), Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 46) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 36).

    ( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 49) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 50) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 40).

    ( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35), Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 51) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 41).

    ( 16 ) Ara l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/38. Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 30 ta’ din jipprovdi wkoll li d-deċiżjonijiet li jillimitaw id-dritt tad-dħul u residenza għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub lill-persuna kkonċernata u jkunu mmotivati.

    ( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 41).

    ( 18 ) Idem.

    ( 19 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 28); Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 57) u Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 27).

    ( 20 ) Fis-seduta, il-Gvern Franċiż ma ħebiex l-iskumdità tiegħu fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza jew tal-inqas fir-rigward tat-terminoloġija użata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 21 ) Sentenza Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 49) u digriet Pohotovosť (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 48) (enfasi miżjuda minni).

    ( 22 ) Ara l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll l-Artikolu 56(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

    ( 23 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑276/02, EU:C:2004:211, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawżi magħquda Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:215, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67), KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punt 104) u s-sentenza Siemens et vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 321).

    ( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 35) u Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni (C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Ara s-sentenza Hassan u Ayadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑399/06 P u C‑403/06 P, EU:C:2009:748 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 56).

    ( 28 ) Ara s-sentenzi Planet vs Il-Kummissjoni (C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 37).

    ( 29 ) Sentenza Chronopost u La Poste/UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 4849).

    ( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 3435) u Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 31 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑272/12 P, EU:C:2013:812, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat għalhekk li teżamina ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE minħabba n-nuqqas ta’ attribwibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni lill-Istat. Ara wkoll, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 97).

    ( 32 ) Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina ex officio motiv, magħruf sew fid-dritt amministrattiv Franċiż, li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Valero Jordana vs Il-Kummissjoni (F‑104/05, EU:F:2008:13, punti 5354), Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni (F‑31/07, EU:F:2008:23, punti 50 sa 62) u Vakalis vs Il-Kummissjoni (F‑38/10, EU:F:2011:43, punti 282938). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippreċiża f’din l-aħħar sentenza l-portata ta’ dan l-eżami inkwantu dan “jikser ir-rwol tiegħu li jistħarreġ il-legalità jekk huwa jastjeni milli jirrileva, anki fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-partijiet fuq dan il-punt, li d-deċiżjoni kkontestata quddiemu kienet ittieħdet abbażi ta’ norma li ma tistax tapplika fil-każ ineżami u jekk, sussegwentement, huwa jasal biex jiddeċiedi l-kwistjoni li jkollu quddiemu billi japplika huwa stess dik in-norma”. Fis-sentenza Wurster vs EIGE (F‑20/12 u F‑43/12, EU:F:2013:129, punt 90), din il-qorti kkunsidrat li l-eżami ex officio ta’ motiv li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-projbizzjoni kontra l-eżami ex officio ta’ motivi ta’ legalità interna. Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher għalhekk li tammetti wkoll, kif juru s-sentenza Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, li dawn il-qrati jkunu obbligati f’ċerti każijiet, minħabba l-prinċipju ta’ effettività tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, li jqajmu ex officio motivi bbażati fuq il-legalità interna tal-atti.

    ( 33 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C‑210/98 P, EU:C:2000:172, punt 134).

    ( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni (C‑443/05 P, EU:C:2007:127, punti 102103) u fil-kawża Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2009:553, punti 7879).

    ( 35 ) Min-naħa l-oħra, ma naħsibx li l-kriterju tan-natura manifesta tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, deskritt fil-punt 143 tal-konklużjonijiet imsemmija tal-Avukat Ġenerali Jacobs, jirrigwarda, strettament, il-klassifikazzjoni ta’ motiv bħala motiv ta’ ordni pubbliku. Pjuttost huwa rekwiżit għall-eżistenza ta’ obbligu, tal-qorti, li tirrileva ex officio motiv ta’ ordni pubbliku. Ara, f’dan is-sens, Vesterdorf, B., “Le relevé d’office par le juge communautaire”, f’Une Communauté de droit: Festschrift für G. C. Rodríguez Iglesias, Nomos, 2003, p. 551, speċjalment p. 560-561.

    ( 36 ) Ara s-sentenzi Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 45) u Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 34).

    ( 37 ) Sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 284) u Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 41).

    ( 38 ) Sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 285).

    ( 39 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il-Kummissjoni vs ICI (C‑286/95 P, EU:C:1999:578, punt 22).

    ( 40 ) Sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni (T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 487).

    ( 41 ) Sentenzi Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni (T‑42/96, EU:T:1998:40, punt 88), Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni (T‑50/96, EU:T:1998:223, punt 71) u Kaufring et vs Il-Kummissjoni (T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, EU:T:2001:133, punti 134135). B’riferiment għal din l-aħħar sentenza, l-Avukat Ġenerali Jacobs sostna wkoll li “hija ġurisprudenza stabbilita” li n-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva jikkostitwixxi l-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali li l-Qorti Ġenerali setgħet, anzi kellha, tirrileva ex officio [ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:106, punt 89)].

    ( 42 ) Sentenza Bui Van vs Il-Kummissjoni (F‑51/07, EU:F:2008:112, punti 7778). Din l-evalwazzjoni ġiet impliċitament imma neċessarjament ikkonfermata fl-appell fil-punti 77 sa 81 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Bui Van vs Il-Kummissjoni (T‑491/08 P, EU:T:2010:191) fejn, f’dawn iż-żewġ punti, ċaħdet l-appell inċidentali tal-Kummissjoni li kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-obbligu tas-smigħ tal-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

    ( 43 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Hanschmann vs Europol (F‑27/09, EU:F:2010:58, punt 53) u Knöll vs Europol (F‑44/09, EU:F:2010:68, punt 59).

    ( 44 ) Ara s-sentenza EE vs Il-Kummissjoni (F‑55/14, EU:F:2015:66, punti 3541).

    ( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ipatau vs Il-Kunsill (C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 46 ) Li jista’ jispjega għaliex il-qorti tal-Unjoni taċċetta wkoll li l-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jinvoka l-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-Istat Membru li ta l-għajnuna u li tali ksur jista’ jiġi rilevat ex officio: ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punti 143147).

    ( 47 ) Ara s-sentenzi Infortec vs Il-Kummissjoni (C‑157/90, EU:C:1992:243, punt 20), Foyer culturel du Sart-Tilman vs Il-Kummissjoni (C‑199/91, EU:C:1993:205, punt 34) u IRI vs Il-Kummissjoni (C‑334/91, EU:C:1993:211, punt 25). F’din ix-xejra ta’ ġurisprudenza tipparteċipa wkoll il-ġurisprudenza dwar il-“garanzija essenzjali mitluba mit-Trattat” tar-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża fil-qasam tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas, fejn dan huwa neċessarju mhux biss biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat inkwistjoni, imma wkoll biex jiġi ggarantit li l-proċedura kontenzjuża eventwali jkollha bħala suġġett kwistjoni definita b’mod ċar, ħaġa li tispjega li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrileva ex officio l-ksur ta’ din il-garanzija, anki jekk l-Istat Membru jkun ħass li ma għandux jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu matul il-fażi prekontenzjuża. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑365/97, EU:C:1999:544, punti 2335) u Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (C‑522/09, EU:C:2011:251, punt 16). L-analoġija bejn din il-ġurisprudenza u s-sentenza Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, EU:C:1991:189) kif ukoll il-possibbiltà li l-ksur ta’ dawn il-garanziji jiġi rrilevat ex officio ġew affermati b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑160/08, EU:C:2010:230, punti 40 sa 42).

    ( 48 ) Dwar ir-rispett tad-dritt għal smigħ, ara s-sentenzi Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punti 99103104107108), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 421422) kif ukoll Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punti 86 sa 91). Fir-rigward tal-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, ara b’mod partikolari s-sentenza Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 128) u d-digrieti Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑421/11 P, EU:C:2012:60, punt 35) u Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C‑495/11 P, EU:C:2012:571, punt 33).

    ( 49 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 79) u G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 50 ) ĠU L 348, p. 98.

    ( 51 ) Sentenza G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 41).

    ( 52 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Bui Van vs Il-Kummissjoni (F‑51/07, EU:F:2008:112, punt 81) u Knöll vs Europol (F‑44/09, EU:F:2010:68, punt 70).

    ( 53 ) Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess, li jista’ jwassal għall-annullament tal-att amministrattiv inkwistjoni jekk huwa jkun ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u jista’ jkun regolarizzat matul il-proċedura ġudizzjarja, f’liema każ l-oneru tal-prova jikkonsisti f’li jintwera li d-dokumenti setgħu jintużaw għad-difiża ta’ dik il-persuna. Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑110/10 P, EU:C:2011:687, punti 50 sa 525758) u Siemens et vs Il-Kummissjoni (C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punti 370-371).

    ( 54 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti wkoll prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni: ara, b’mod partikolari, is-sentenza YS et (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 55 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza FLS Plast vs Il-Kummissjonin (C‑243/12 P, EU:C:2014:2006, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 56 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Edison (C‑446/11 P, EU:C:2013:798, punt 54).

    ( 57 ) Għall kull buon fini, għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti tal-Unjoni kkunsidrat inammissibbli motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li kien ġie ppreżentat jew b’mod tardiv quddiem il-qorti tal-ewwel istanza jew għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, rispettivament, is-sentenza Stadtsportverband Neuss vs Il-Kummissjoni (T‑137/01, EU:T:2003:232, punti 135137) u s-sentenza Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni (C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punti 86 sa 91).

    Top