Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0111

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati l-20 ta’ April 2016.
    Občina Gorje vs Republika Slovenija.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upravno sodišče Republike Slovenije.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Regolament (KE) Nru 1698/2005 – Regolament (KE) Nru 65/2011 – Finanzjament mill-FAEŻR – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ operazzjonijiet u ta’ nfiq – Rekwiżit ratione temporis – Esklużjoni kompleta – Tnaqqis tal-għajnuna.
    Kawża C-111/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:280

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ippreżentati fl-20 ta’ April 2016 ( 1 )

    Kawża C‑111/15

    Občina Gorje

    vs

    Ir-Repubblika tas-Slovenja

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upravno sodišče Republike Slovenije (qorti amministrattiva, is-Slovenja)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni — Finanzjament mill-FAEŻR — Għajnuna għall-iżvilupp rurali — Regolament (KE) Nru 1698/2005 — Artikolu 71(3) — Kundizzjoni ratione temporis ta’ eliġibbiltà tan-nefqa — Regolament (UE) Nru 65/2011 — Artikolu 30(1) — Ċaħda tat-talba għal pagament kollha kemm hi fil-każ fejn din it-talba tinkludi fl-istess ħin nefqa eliġibbli u mhux eliġibbli”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Il-politika għall-iżvilupp rurali tal-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq prinċipju ta’ kofinanzjament, billi l-Unjoni tipprovdi madwar żewġ terzi tal-fondi totali u l-Istati Membri terz tagħhom. Is-somom mogħtija mill-Unjoni u l-Istati Membri bex jiffaċilitaw l-iżvilupp rurali huma kunsiderevoli. Għalhekk, matul il-perijodu ta’ programmazzjoni għas-snin 2007 sa 2013, l-Unjoni u l-Istati Membri nefqu iktar minn EUR 150 biljun fuq il-politika għall-iżvilupp rurali, li minnhom madwar nofshom bħala miżuri ta’ investiment ( 2 ).

    2.

    F’dan ir-rigward, il-ġlieda kontra l-frodi tokkupa dejjem post importanti minħabba r-rata għolja ta’ żball ( 3 ). Filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 325 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-istess miżuri biex jikkumbattu l-frodi li jagħmlu ħsara lill-interessi finanżjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu biex jikkumbattu l-frodi li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tagħhom stess ( 4 ).

    3.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata mill-Upravno sodišče Republike Slovenije (qorti amministrattiva, is-Slovenja), tidħol f’dan il-kuntest, billi tqajjem kwistjonijiet dwar il-kompetenzi tal-Istati Membri għall-finijiet tal-kontroll tal-għajnuna taħt il-politika għall-iżvilupp rurali tal-Unjoni.

    4.

    Iktar speċifikament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 71(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) ( 5 ), jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eliġibbiltà tan-nefqa ta’ investiment għall-kontribut tal-FAEŻR għall-kundizzjoni li din tiġi sostnuta wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmi regolament kif ukoll l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali ( 6 ), jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għaċ-ċaħda tat-talba għal pagament tal-għajnuna kollha fil-każ fejn din it-talba tinkludi fl-istess ħin nefqa eliġibbli u mhux eliġibbli.

    5.

    Għaldaqstant l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati Membri fl-iffissar ta’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa għall-għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR, filwaqt li t-tieni domanda preliminari tikkonċerna s-setgħa tal-Istati Membri li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.

    6.

    Id-domandi preliminari tqajmu fil-kuntest ta’ kawża amministrattiva bejn l-Občina Gorje (muniċipalità ta’ Gorje) u l-Agencija Republike Slovenije za kmetijske trge in razvoj podeželja (l-aġenzija Slovena tas-swieq agrikoli u tal-iżvilupp rurali, iktar ’il quddiem l-“aġenzija”) dwar iċ-ċaħda minn din tal-aħħar tat-talba tagħha għal pagament ta’ għajnuna taħt il-programm ta’ żvilupp rurali tar-Repubblika tas-Slovenja għall-perijodu bejn l-2007 u l-2013.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    1. Ir-Regolament Nru 1698/2005

    7.

    L-implementazzjoni tal-politika għall-iżvilupp rurali tal-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, billi d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi qafas legali ġenerali li għandu jitkompla mil-liġijiet nazzjonali. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1698/2005 jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw l-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali, iffinanzjat mill-FAEŻR ( 7 ).

    8.

    Skont it-Titolu III tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Programmazzjoni”, kull Stat Membru għandu jadotta programm nazzjonali, li jkun suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li jimplementa strateġija għall-iżvilupp rurali bbażata fuq erba’ assi, iddefiniti fit-Titolu IV tar-regolament, intitolat “Appoġġ għall-iżvilupp rurali”. L-assi 3, intitolat “Il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali”, jinkludi, inter alia, skont l-Artikolu 52(b)(ii) ta’ dan ir-regolament, “ir-rinnovazzjoni u l-iżvilupp tal-irħula”.

    9.

    It-Titolu V tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Kontribut tal-FAEŻR”, jinkludi regoli fuq il-finanzjament tal-politika għall-iżvilupp rurali, fosthom l-Artikolu 71, intitolat “Eliġibbiltà tan-nefqa”. L-Artikolu 71(1) u (2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) jipprovdu:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39(1) tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, (ĠU 2005, L 209, p. 1)], nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR jekk l-għajnuna rilevanti hija fil-fatt imħallsa mill-aġenzija ta’ pagament bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2015. Operazzjonijiet kofinanzjati m’għandhomx jitlestew qabel id-data tal-bidu tal-eliġibbiltà.

    Nefqa ġdida miżjuda fil-mument tal-modifika ta’ programm imsemmi fl-Artikolu 19, għandha tkun eliġibbli mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba għal modifika tal-programm.

    2.   Nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR unikament meta magħmula għal operazzjonijiet deċiżi mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm inkwistjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, f’konformità mal-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti mill-korp kompetenti.

    3.   Ir-regoli dwar l-eliġibbilità tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, soġġett għall-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-Regolament għal ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali.”

    10.

    It-Titolu VI tar-Regolament Nru 1698/2005 jikkonċerna, b’mod partikolari, il-ġestjoni u l-kontroll tal-politika għall-iżvilupp rurali. L-Artikolu 74(4) intitolat “Responsabbiltajiet tal-Istati Membri”, jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli f’konformità mar-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni stipulati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2), b’mod partikolari dwar it-tip u l-intensità tal-kontrolli, adattati għan-natura tal-miżuri differenti għall-iżvilupp rurali.”

    11.

    Ir-Regolament Nru 1698/2005 kien tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ( 8 ).

    2. Ir-Regolament Nru 65/2011

    12.

    Konformement mal-Artikolu 74(4) tar-Regolament Nru 1698/2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 65/2011.

    13.

    L-Artikolu 2(a) u (b) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi distinzjoni bejn l-“applikazzjoni għal appoġġ”, iddefinita bħala “applikazzjoni għal appoġġ jew għad-dħul fi skema taħt ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005”, u t-“talba għal pagament” iddefinita bħala “applikazzjoni minn benefiċjarju għal pagament mill-awtoritajiet nazzjonali”.

    14.

    L-Artikolu 4 tar-regolament jirrigwarda l-prinċipji ġenerali ta’ kontroll. Il-paragrafu 9 ta’ dan l-artikolu jipprovdi:

    “It-tnaqqis jew l-esklużjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-penali addizzjonali skont dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali.”

    15.

    Il-kontroll amministrattiv tal-għoti ta’ sussidji taħt l-assi 3 tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jitwettaq f’żewġ fażijiet, jiġifieri, l-ewwel nett taħt l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 65/2011, għall-applikazzjonijiet għal appoġġ, u t-tieni nett, taħt l-Artikolu 24(3) ta’ dan ir-regolament, għat-talbiet għal pagament ( 9 ). Barra minn hekk, l-Artikoli 25 sa 27 tar-Regolament Nru 65/2011 jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw il-kontrolli fuq il-post.

    16.

    Fir-rigward tal-pagament tal-għajnuna lill-benefiċjarju, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011, intitolat “Tnaqqis u esklużjonijiet”, jipprovdi:

    “1.   Il-pagamenti għandhom jiġu kkalkulati abbażi ta’ dak li jinstab li huwa eliġibbli matul il-kontrolli amministrattivi.

    L-Istat Membru għandu jeżamina t-talba għal pagament mibgħuta mill-benefiċjarju, u jistabbilixxi l-ammonti li huma eliġibbli għall-appoġġ. Dan għandu jistabbilixxi:

    (a)

    l-ammont pagabbli lill-benefiċjarju abbażi biss tat-talba għal pagament;

    (b)

    l-ammont pagabbli lill-benefiċjarju wara eżaminazzjoni tal-eliġibbiltà tat-talba għal pagament.

    Jekk l-ammont stabbilit skond il-punt (a) jaqbeż l-ammont stabbilit skont il-punt (b) b’iżjed minn 3 %, għandu jiġi applikat tnaqqis mill-ammont stabbilit skont il-punt (b). L-ammont tat-tnaqqis għandu jkun id-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti.

    Madankollu, l-ebda tnaqqis m’għandu jiġi applikat jekk il-benefiċjarju jista’ juri li huwa m’għandux tort għall-inklużjoni tal-ammont mhux eliġibbli

    2.   Meta jinstab li benefiċjarju għamel dikjarazzjoni falza intenzjonalment, l-operazzjoni kkonċernata għandha tiġi eskluża mill-appoġġ mill-FAEŻR u kwalunkwe ammonti mħallsa diġà għal dik l-operazzjoni għandhom jiġu rkuprati. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż milli jirċievi appoġġ taħt l-istess miżura għas-sena kalendarja tas-sejba [kkonċernata] u għas-sena kalendarja ta’ wara.

    3.   It-tnaqqis u l-esklużjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għall-infiq mhux eliġibbli identifikat matul il-kontroll skont l-Artikoli 25 u 29.”

    17.

    Ir-Regolament Nru 65/2011, bħalma huwa ppreċiżat fl-Artikolu 34(1) tiegħu, issostitwixxa lir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006, tas-7 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali ( 10 ), b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011. Madankollu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1), l-aħħar regolament għandu japplika għat-talbiet għal pagament ippreżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2011. F’dan il-każ, hemm qbil li l-applikazzjoni għal appoġġ u talbiet għal pagament kienu ġew ippreżentati rispettivament fid-19 ta’ Awwissu 2010 u fl-1 ta’ Ġunju 2011. Isegwi li għandhom jiġu applikati id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 65/2011 f’din il-kawża.

    B – Id-dritt Sloven

    1. Il-liġi fuq l-agrikoltura

    18.

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li s-sistema Slovena tal-iżvilupp rurali hija rregolata biż-Zakon o kmetijstvu (liġi fuq l-agrikoltura, iktar ’il quddiem iż-“ZKme‑1”).

    19.

    F’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji, l-Artikolu 53(1) taż-ZKme‑1 jipprovdi li l-awtorità kompetenti għandha tadotta deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji intiżi għall-partijiet li t-talbiet tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet rikjesti mid-dispożizzjonijiet applikabbli u s-sejħa għal offerti u li riżorsi huma impenjati għal dan l-għan.

    20.

    Skont l-Artikolu 56(1) taż-ZKme‑1, is-sussidji għandhom jitħallsu fuq talba tal-partijiet.

    21.

    L-Artikolu 56(4) taż-ZKme‑1 jipprovdi:

    “L-awtorità għandha tiċħad permezz ta’ deċiżjoni kull talba li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet legali, is-sejħa għal offerti jew id-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji”.

    2. Id-digriet PRP

    22.

    Fuq il-bażi taż-ZKme‑1, il-Gvern Sloven adotta d-digriet fuq il-miżuri tal-assi 1, 3 u 4 tal-programm ta’ żvilupp rurali tar-Repubblika tas-Slovenja għall-perijodu 2007‑2013 (iktar ’il quddiem id-“digriet PRP”).

    23.

    Skont il-punt 4 tal-Artikolu 78 tad-digriet PRP, dwar il-miżura Nru 322, intitolat “Rinnovazzjoni u żvilupp tal-irħula”, l-appoġġ għandu jikkonsisti f’investimenti fir-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni ta’ bini versatili ta’ interess generali intiż għal laqgħat interġenerazzjonali, għal attivitajiet kulturali u artistiċi, sportivi kif ukoll għal attivitajiet oħra ta’ divertiment tal-popolazzjoni rurali lokali.

    24.

    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP jipprovdi lil hija eliġibbli biss in-nefqa ta’ investiment li tkun ġiet sostnuta bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji u t-twettiq tal-proġett ta’ investiment, jew mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2015. Skont l-imsemmi artikolu, il-fatt li l-benefiċjarju jassumi, jekk ikun il-każ, xi obbligi taħt is-sussidji mogħtija (konklużjoni ta’ kwalsiasi kuntratt, ordni ta’ materjali, ta’ apparat, ta’ servizzi jew ta’ xogħlijiet) jammonta għall-ewwel nefqa.

    III – Il-fatti fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    25.

    Fit-18 ta’ Ġunju 2010, bis-saħħa tad-digriet PRP, l-aġenzija ppubblikat sejħa għal offerti taħt il-miżura tal-assi 3 tar-Regolament Nru 1698/2005, il-miżura Nru 322 (“Rinnovazzjoni u żvilupp tal-irħula”), fil-kuntest tal-programm ta’ żvilupp rurali tas-Slovenja għall-perijodu bejn l-2007 u l-2013.

    26.

    Skont il-punt 1, imqiegħed taħt it-titolu “Investiment”, tal-Kapitolu IV/1 tas-sejħa għal offerti, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li għandhom jiġu ssodisfatti meta tiġi depożitata talba fil-kuntest tas-sejħa għal offerti” (iktar ’il quddiem il-“punt 1 tas-sejħa għal offerti”, l-investiment ma jistax jibda jitwettaq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji.

    27.

    Skont l-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP, il-punt 3 tal-Kapitolu VI tas-sejħa għal offerti, intitolat “Nefqa eliġibbli” (iktar ’il quddiem il-“punt 3 tas-sejħa għal offerti”, kien jipprovdi li n-nefqa ta’ investiment eliġibbli għandha tkun dik li tkun ġiet sostnuta bejn id-data tal-adozzjoni tal-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji u t-twettiq tal-proġett ta’ investiment jew mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2015.

    28.

    Skont il-punt 4 tal-Kapitolu VI tas-sejħa għal offerti(iktar ’il quddiem il-“punt 4 tas-sejħa għal offerti” huma wkoll eliġibbli għall-appoġġ l-ispejjeż eventwalment iġġenerati jew in-nefqa sostnuta wara l‑1 ta’ Jannar 2007, sal-preżentata tal-aħħar talba għal pagament ta’ sussidju, relattivi għall-preparazzjoni tat-talba, għall-akkwist tad-dokumentazzjoni dwar il-kostruzzjoni u l-preżentata tat-talbiet għal sussidju. Qabel id-data li fiha n-nefqa ssir eliġibbli, l-applikant ma jistax jibda x-xogħlijiet u lanqas jassumi kwalunkwe impenn taħt is-sussidji li eventwalment għandhom jingħataw.

    29.

    Skont il-punt 5 tal-Kapitolu VI tas-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem il-“punt 5 tas-sejħa għal offerti”, il-fatt li l-benefiċjarju jassumi, jekk ikun il-każ, kwalsiasi obbligu taħt is-sussidji mogħtija (konklużjoni ta’ kwalsiasi kuntratt, ordni ta’ materjali, ta’ apparat, ta’ servizzi jew ta’ xogħlijiet) għandu jitqies bħala l-ewwel nefqa taħt l-Artikolu 79 tad-digriet PRP. Bis-saħħa tal-punt imsemmi, madankollu, l-applikant jista’ jibda l-proċedura tal-għażla tal-appaltatur skont il-leġiżlazzjoni fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mingħajr madankollu ma jikkonkludi kuntratt mal-appaltatur magħżul qabel l-adozzjoni tal-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji.

    30.

    Fit-12 ta’ Lulju 2010 ( 11 ), il-muniċipalità ta’ Gorje kkonkludiet żewġ kuntratti ma’ appaltatur dwar ir-rikostruzzjoni ta’ bini li tiegħu hija kienet koproprjetarja. Skont il-qorti tar-rinviju, hemm qbil li ż-żewġ kuntratti kienu ġew konklużi taħt kundizzjoni sospensiva li tissuġġetta l-obbligi kuntrattwali għall-kisba mill-muniċipalità ta’ Gorje tad-deċiżjoni finali tal-aġenzija fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji.

    31.

    Fid-19 ta’ Awwissu 2010, il-muniċipalità ta’ Gorje ppreżentat, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti dwar il-miżura Nru 322, applikazzjoni għal appoġġ bl-għan tar-rinovazzjoni, tar-rikostruzzjoni u tat-tibdil fl-użu ta’ din il-binja (iktar ’il quddiem l-“operazzjoni kofinanzjata”). L-applikazzjoni kienet limitata għall-parti mill-binja li tagħha l-muniċipalità kienet koproprjetarja.

    32.

    Fid-19 ta’ Ottubru 2010, l-aġenzija adottat id-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji, li tat lill-muniċipalità ta’ Gorje sussidji fl-ammont ta’ EUR 128200.52. It-talba tal-muniċipalità ta’ Gorje kienet ġiet approvata bħala perċentwali tal-investiment totali mwettaq parallelment mal-kofinanzjament tal-koproprjetarju l-ieħor, Pošta Slovenije, jiġifieri l-Posta tar-Repubblika tas-Slovenja, u mhux b’mod li ċerti xogħlijiet biss ikunu kofinanzjati.

    33.

    Fl-1 ta’ Ġunju 2011, il-muniċipalità ta’ Gorje ppreżentat talba għal pagament ta’ sussidju fl-ammont ta’ EUR 128200.52, u flimkien mat-talba tagħha annettiet id-dokumentazzjoni rikjesta.

    34.

    Fid-9 ta’ Settembru 2011, id-dipartiment ta’ kontroll tal-aġenzija wettaq kontroll fuq il-post, li matulu d-dipartiment ikkonstata, fuq il-bażi tal-ġurnal tas-sit u tat-tneħħija tal-iskart, li x-xogħlijiet fuq il-bini kienu nbdew fis-16 ta’ Awwissu 2010. Dan l-istess dipartiment ikkonstata b’mod partikolari li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ tas-saqaf, li kien parti komuni tal-bini koperta mit-talba għal pagament, kienu twettqu fid-19 ta’ Awwissu 2010.

    35.

    Fit-3 ta’ Novembru 2011, l-aġenzija ċaħdet it-talba għal pagament fuq il-motiv li l-muniċipalità ta’ Gorje ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fid-digriet PRP u fis-sejħa għal offerti. Iktar speċifikament, skont l-aġenzija, il-muniċipalità ta’ Gorje ma kinitx issodisfat il-punti 3 sa 5 tas-sejħa għal offerti billi bdiet ix-xogħlijiet fuq il-bini fis-16 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010 fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji. Barra minn hekk, l-aġenzija rreferiet għaż-żewġ kuntratti konklużi fit‑12 ta’ Lulju 2010 mill-muniċipalità ta’ Gorje. Għalhekk, skont l-aġenzija, ix-xogħlijiet kollha mibdija taħt dawn il-kuntratti kienu jnisslu obbligi inkompatibbli mal-punti 3 sa 5 tas-sejħa għal offerti.

    36.

    Il-muniċipalità ta’ Gorje ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-aġenzija tat-3 ta’ Novembru 2011 quddiem il-qorti tar-rinviju li, b’sentenza tat‑13 ta’ Frar 2013, laqgħet ir-rikors tal-muniċipalità ta’ Gorje, billi kkonstatat l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mar-Regolament Nru 1698/2005. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju annullat id-deċiżjoni tal-aġenzija tat‑3 ta’ Novembru 2011 u rrinvijat il-kawża quddiem dik l-aġenzija sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid.

    37.

    Fil-25 ta’ April 2013, l-aġenzija mill-ġdid ċaħdet it-talba għal pagament tal-muniċipalità ta’ Gorje, essenzjalment għall-istess motivi, jiġifieri l-fatt li x-xogħlijiet fuq il-bini kienu nbdew qabel l-adozzjoni tal-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà u li l-konklużjoni tal-kuntratti, fit-12 ta’ Lulju 2010, mal-appaltatur kienu jnisslu obbligi inkompatibbli mal-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP u mal-punt 3 u 5 tas-sejħa għal offerti. Barra minn hekk, l-aġenzija enfasizzat, fid-deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ April 2013, li t-talba dwar l-investiment inkwistjoni kienet ġiet approvata bħala perċentwali tal-investiment totali, u mhux b’mod li ċerti xogħlijiet biss kienu kofinanzjati.

    38.

    Il-muniċipalità ta’ Gorje mill-ġdid ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, billi argumentat, inter alia, li d-deċiżjoni tal-aġenzija kienet ġiet ibbażata fuq id-digriet PRP u fuq is-sejħa għal offerti li ma kinux konformi mar-Regolament Nru 1698/2005, għaliex kienu jipprovdu kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà iktar severi minn dawk stabbiliti b’dan ir-regolament.

    39.

    Min-naħa tagħha, l-aġenzija tikkontesta l-inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u r-Regolament Nru 1698/2005, billi targumenta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jistabbilixxu biss regoli li huma iktar preċiżi, u mhux iktar severi, minn dawk previsti bl-imsemmi regolament dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għal kontribut tal-FAEŻR.

    40.

    F’dan il-kuntest, l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Ir-Regolament Nru 1698/2005, u b’mod partikolari l-Artikolu 71(3) tiegħu, li jipprovdi li r-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-infiq għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, suġġett għall-kundizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-regolament għal ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 79(4) tad-Digriet PRP, u fil-punt 3 tal-Kapitolu VI tas-sejħa għal offerti, liema leġiżlazzjoni tipprovdi li l-infiq ta’ investiment eliġibbli huwa biss dak li jkun ġie sostnut wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għas-sussidji (sat-tmiem tal-proġett ta’ investiment jew sa mhux iktar mit‑30 ta’ Ġunju 2015)?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, ir-Regolament Nru 1698/2005, u b’mod partikolari l-Artikolu 71(3) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 56 [taż-Zkme‑1], li jipprovdi li kull talba li ma tkunx konformi mal-Artikolu 79(4) tad-Digriet PRP, dwar l-infiq ta’ investiment eliġibbli sostnut wara d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni, għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi?”

    41.

    Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-muniċipalità ta’ Gorje u l-Gvern Sloven, Pollakk u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni. Il-muniċipalità ta’ Gorje, il-Gvern Sloven kif ukoll il-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta li nżammet fit-28 ta’ Jannar 2016.

    IV – Analiżi ġuridiku

    A – Fuq il-marġni ta ’ diskrezzjoni tal-Istati Membri taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 (l-ewwel domanda preliminari)

    42.

    L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri bl-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, meta dawn tal-aħħar jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna ffinanzjata mill-FAEŻR.

    43.

    Jirriżulta mill-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, li, suġġett għall-kundizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-regolament, “[i]r-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali” ( 12 ). Skont il-prinċipji ta’ sussidjarjità u tal-ġestjoni kondiviża ( 13 ) li jikkaretterizzaw il-politika tal-iżvilupp rurali tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom igawdu, taħt din id-dispożizzjoni, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ( 14 ) bbażata fuq rikonoxximent tad-diversità neċessarja tal-ħtiġijiet u tal-isfidi speċifiċi tal-iżvilupp rurali ta’ Stat Membru għall-ieħor.

    44.

    Billi tissuġġetta l-eliġibbiltà tan-nefqa ta’ investiment għall-fatt li din tiġi sostnuta wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ, il-leġiżlazzjoni Slovena inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 79 tad-digriet PRP, u l-punt 3 tas-sejħa għal offerti, għandha l-effett, kif targumenta l-muniċipalità ta’ Gorje, li tillimita l-kontribut tal-FAEŻR għall-“operazzjonijiet futuri”, jiġifieri li teskludi l-għoti tal-għajnuna retroattivament. Il-mistoqsija li tqum hija dik jekk tali limitazzjoni ratione temporis tidħolx fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lil kull Stat Membru taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005.

    45.

    Għalkemm huwa minnu, kif isostnu l-qorti tar-rinviju u l-muniċipalità ta’ Gorje, li r-Regolament Nru 1698/2005 ma jipprevedix id-data tal-bidu tal-eliġibbiltà tan-nefqa, huwa lanqas ma jeskludi li tali limitazzjoni ratione temporis tkun stabbilita mill-Istati Membri. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1698/2005 innifsu jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jillimitaw l-applikazzjoni ratione temporis tan-nefqa eliġibbli. Hekk, skont l-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament, nefqa għandha tkun eliġibbli biss għal kontribut tal-FAEŻR jekk l-għajnuna rilevanti hija fil-fatt imħallsa mill-aġenzija ta’ pagament bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l‑31 ta’ Diċembru 2015. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li “[o]perazzjonijiet kofinanzjati ma għandhomx jitlestew qabel id-data tal-bidu tal-eliġibbilità”.

    46.

    Ma hemm l-ebda raġuni sabiex nassumu li l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 jistipula b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet ratione temporis li jistgħu jiġu stabbiliti dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għal kontribut tal-FAEŻR.

    47.

    Barra minn hekk, jidhirli impossibbli li, bħall-muniċipalità ta’ Gorje, nikkonkludu mill-Artikolu 71(1) tal-istess regolament li t-twettiq tal-operazzjoni kofinanzjata jista’ jinbeda qabel id-data tal-bidu tal-eliġibbiltà u, għaldaqstant, li l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettaw l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-fatt li hija tiġi sostnuta wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ. Bil-kuntrarju, il-frażi “data tal-bidu tal-eliġibbiltà” li tidher fil-kliem tal-imsemmi artikolu, tindika fiha nnifisha, fil-fehma tiegħi, li l-Istati Membri huma awtorizzati jistabbilixxu data tal-bidu tal-eliġibbiltà, jiġifieri li jistabbilixxu limitu ratione temporis li qablu n-nefqa ta’ investiment sostnuta ma tkunx eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR.

    48.

    Lanqas ma jien konvint mill-fatt li kundizzjoni ratione temporis bħalma hija l-kundizzjoni nazzjonali inkwistjoni jista’ jkollha l-effett, kif targumenta l-muniċipalità ta’ Gorje, li tirrendi r-Regolament Nru 1698/2005 mingħajr kontenut jew tostakola t-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu b’dan ir-regolament. Fil-fatt, tali kundizzjoni ma tillimitax il-kofinanzjament tal-FAEŻR għal orizzont ratione temporis speċifiku li huwa iktar strett mill-perijodu għall-ħlas stabbilit fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 (mill-1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2015), imma tipprovdi biss li l-benefiċjarju għandu jistenna l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ qabel ma jsostni n-nefqa dwar l-operazzjoni kofinanzjata ( 15 ).

    49.

    Fuq din il-bażi, ma nara l-ebda raġuni sabiex jitqies li leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Slovena inkwistjoni tfixkel l-applikabbiltà diretta tar-Regolament Nru 1698/2005, taħbi n-natura Komunitarja tiegħu jew teċċedi l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri b’dan ir-regolament, li huma kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi ma hemm xejn li jippermetti l-konklużjoni li tali leġiżlazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi tagħmel l-għoti tas-sussidji lill-benefiċjarji diffiċli ħafna jew anki impossibbli ( 17 ).

    50.

    Għall-kuntrarju, kundizzjoni ratione temporis bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, fil-fehma tiegħi, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament Nru 1698/2005, fosthom il-kwalità tal-ħajja fl-ambjent rurali ( 18 ) u, iktar speċifikament fir-rigward tal-assi 3 tar-Regolament, ir-rinnovazzjoni u l-iżvilupp tal-irħula ( 19 ), billi tiżgura allokazzjoni aħjar tal-fondi tal-FAEŻR.

    51.

    F’dan ir-rigward, naqbel mar-riflessjonijiet ippreżentati mill-Gvern Sloven, Pollakk u tar-Renju Unit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tnaqqas ir-riskju tad-“deadweight effect”, jiġifieri l-għoti tal-għajnuna lill-investimenti li kienu ser jitwettqu parzjalment jew totalment anki mingħajr l-għajnuna mogħtija. Dan ir-riskju kien ġie identifikat mill-Qorti tal-Awdituri li rrakkomandat lill-Kummissjoni li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jsegwu prattiki sabiex in-nefqa dwar l-investimenti tkun eliġibbli biss mill-mument li fih is-sussidju jkun ġie approvat ( 20 ).

    52.

    Barra minn hekk, l-esklużjoni tal-eliġibbiltà tan-nefqa sostnuta qabel l-adozzjoni tal-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà tista’ tiżgura, kif isostni l-Gvern Slovena, kontroll iktar effettiv fuq l-użu tal-fondi tal-FAEŻR. B’mod partikolari, il-kontroll fuq il-post, rikjest mill-Artikoli 25 sa 27 tar-Regolament Nru 65/2011, li jipprovdi, inter alia, għall-verifika mill-awtorità kompetenti tal-fatt li n-natura u d-data li fiha ġiet sostnuta n-nefqa jkunu konformi max-xogħlijiet realment eżegwiti jew mas-servizzi realment ipprovduti, jista’ jsir iktar diffiċli jekk in-nefqa relatata mal-operazzjoni kofinanzjata tkun parzjalment jew totalment sostnuta qabel l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ.

    53.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li hija favur il-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011 intiża sabiex temenda r-Regolament Nru 1698/2005, billi tirreferi għad-dispożizzjonijiet proposti li n-nefqa għandha tkun eliġibbli biss wara l-preżentata ta’ talba għal sussidju ( 21 ).

    54.

    Bl-adozzjoni tar-regolament tal-FAEŻR il-ġdid, jiġifieri r-Regolament Nru 1305/2013, il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-emenda tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà kienet ġiet aċċettata mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Skont dan ir-regolament l-Istati Membri huma espliċitament awtorizzati jistabbilixxu, kif kienu għamlu l-awtoritajiet Sloveni, kundizzjoni ratione temporis li hija biss in-nefqa ta’ investiment sostnuta wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ li għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR ( 22 ).

    55.

    Għalkemm huwa veru li r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 japplika biss b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014 ( 23 ), u dan jeskludi l-applikazzjoni tiegħu fil-każ inkwistjoni, l-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni tar-regolament il-ġdid jixhed, fil-fehma tiegħi, ir-rikonoxximent mil-leġiżlatur tal-Unjoni li kundizzjoni ratione temporis tat-tip ta’ dik inkwistjoni f’din il-kawża tista’ tkun iġġustifikata sabiex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-FAEŻR.

    56.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn li jwassal għall-konklużjoni li, meta jistabbilixxi kundizzjoni ratione temporis bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Stat Membru jkun eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilu fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 ( 24 ). Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi fin-negattiv l-ewwel domanda preliminari.

    B – Fuq il-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta ’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta ’ eliġibbiltà (it-tieni domanda preliminari)

    1. Is-suġġett tat-tieni domanda preliminari

    57.

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-aġenzija ċaħdet it-talba għal pagament, f’dan il-każ, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà tan-nefqa li tissemma fl-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP kif ukoll fil-punti 3 u 5 tas-sejħa għal offerti, li hija biss in-nefqa ta’ investiment li tkun ġiet sostnuta wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ li għandha tkun eliġibbli. Minn dan jirriżulta wkoll li l-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li parti min-nefqa relattiva għall-operazzjoni kofinanzjata inkwistjoni kienet ġiet sostnuta wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ, jiġifieri skont il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa, filwaqt li parti oħra kienet ġiet sostnuta qabel dik l-approvazzjoni, jiġifieri bi ksur tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa ( 25 ).

    58.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, bit-tieni domanda tagħha, jekk l-Artikolu 56(4) taż-ZKme‑1, billi jipprovdi ċ-ċaħda tat-talba għal pagament kollha kemm hi f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex eċċessivament sever. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar il-punt jekk it-talba għal pagament għandhiex tiġi eżaminata, f’dan il-każ, taħt l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011, li jipprovdi għal tnaqqis tal-ammont pagabbli lill-benefiċjarju u għal esklużjonijiet tal-operazzjoni ta’ appoġġ tal-FAEŻR f’ċerti sitwazzjonijet.

    59.

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermati mill-partijiet li ħadu sehem fis-seduta, jidhirli neċessarju, f’dan l-istadju, li nenfasizza li t-tieni domanda, kif delimitata mill-qorti tar-rinviju, ma tikkonċernax il-kundizzjoni li tissemma fil-punt 1 tas-sejħa għal offerti, li l-investiment ma jistax jibda jitwettaq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà għas-sussidji ( 26 ). Effettivament, din il-kundizzjoni tikkonċerna kundizzjoni ta’ eliġibbiltà tas-sussidji u ma tirrigwardax “l-eliġibbiltà tan-nefqa” fis-sens tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 ( 27 ).

    60.

    Infakkar li, skont l-Artikolu 2(a) u (b) tar-Regolament Nru 65/2011, għandha ssir distinzjoni bejn l-“applikazzjoni għal appoġġ” u t-“talba għal pagament” ( 28 ). Din id-distinzjoni tinsab fil-liġi nazzjonali, għaliex il-punt 1 tas-sejħa għal offerti jistabbilixxi kundizzjoni tal-eliġibbiltà għas-sussidji li għandha tiġi sodisfatta mill-benefiċjarju sabiex jottjeni l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ ( 29 ), filwaqt li l-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP u l-punti 3 u 5 tas-sejħa għal offerti jistabilixxu kundizzjoni ta’ eliġibbiltà tan-nefqa li għandha tiġi sodisfatta sabiex tinkiseb l-approvazzjoni tat-talba għal pagament ( 30 ).

    61.

    Għalkemm huwa veru, kif jargumenta l-Gvern Sloven, li l-awtorità kompetenti tista’ tivverifika t-twettiq mill-benefiċjarju tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tas-sussidji waqt il-kontroll tat-talba għal pagament ( 31 ), sa fejn naf jien xejn ma jindika li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, fosthom dawk imsemmija fil-punt 1 tas-sejħa għal offerti, kien ġie stabbilit f’dan il-każ ( 32 ). Issa, f’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tressaq quddiemha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li din tal-aħħar tikkunsidra bħala stabbilita, għaliex għandha tkun biss il-qorti nazzjonali li twettaq l-evalwazzjoni tal-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-implementazzjoni tagħhom ( 33 ).

    62.

    Għalhekk, it-tieni domanda preliminari għandha tiftiehem bħala intiża sabiex tistabbilixxi jekk ir-Regolament Nru 1698/2005 u r-regolament ta’ implementazzjoni tiegħu, ir-Regolament Nru 65/2011, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għaċ-ċaħda tat-talba għal pagament kollha kemm hi fil-każ fejn dik it-talba tinkludi fl-istess ħin nefqa eliġibbli u mhux eliġibbli.

    63.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkjarifika, fl-ewwel lok, jekk l-Istati Membri jistgħux jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika sanzjonijiet ġuridiċi għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ eliġibbiltà tan-nefqa stabbiliti taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005. Fit-tieni lok, tqum il-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    2. Is-setgħa tal-Istati Membri li jirregolaw il-konsegwenzi ġuridiċi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà

    a) Kunsiderazzjonijiet preliminari

    64.

    Skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/1995, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea ( 34 ), id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew għandhom jiddeterminaw, għall-għanijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, in-natura u l-portata tal-miżuri u sanzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-irregolaritajiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni ( 35 ). Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni speċifika li tipprovdi sanzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħha jew meta leġiżlazzjoni tipprovdi li ċerti sanzjonijiet jistgħu jiġu applikati f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni, imma ma tistabbilixxix b’mod eżawrjenti s-sanzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jimponu, l-Artikolu 4(3) TUE jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri effettivi kollha sabiex jissanzjonaw aġir li jmur kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ( 36 ).

    65.

    Għalhekk, il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxix b’mod eżarwrjenti s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa stabbiliti taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005.

    b) Fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005

    66.

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, “[i]r-regoli dwar l-eliġibbilità tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, soġġett għall-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-Regolament […]”.

    67.

    Prima facie, l-użu tal-frażi “regoli dwar l-eliġibbilità”, li tidher relattivament wiesgħa, jista’ jimmilita favur l-interpretazzjoni rakkommandata mill-Gvern Slovena li, taħt dan l-artikolu, l-Istati Membri jgawdu s-setgħa li jirregolaw il-konsegwenzi ġuridiċi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa. Madankollu, jirriżulta minn qari tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament kollu kemm hu, li dan l-artikolu jirrigwarda biss il-kundizzjonijiet materjali ta’ eliġibbiltà tan-nefqa u ma jikkonċernax is-sanzjonijiet ġuridiċi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet.

    68.

    Hekk, l-Artikolu 74(4) tar-Regolament Nru 1698/2005 jipprovdi espliċitament li l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli f’konformità mar-regoli dettaljati ta’ implementazzjoni stipulati mill-Kummissjoni ( 37 ), u li jiddeterminaw, b’mod partikolari t-tip u l-intensità tal-kontrolli, skont in-natura tad-diversi miżuri ta’ żvilupp rurali. Ir-Regolament Nru 65/2011, adottat mill-Kummissjoni taħt dan l-artikolu, jinkludi regoli dettaljati fuq il-kontroll li għandu jitwettaq mill-Istati Membri fil-kuntest tal-FAEŻR.

    69.

    Isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 ma jagħtix lill-Istati Membri s-setgħa li jistabbilixxu s-sanzjonijiet ġuridiċi li għandhom jiġu applikati għan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa ( 38 ).

    c) Fuq l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 65/2011

    70.

    L-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011 jobbliga lill-Istati Membri jipproċedu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għal tnaqqis mill-ammont pagabbli u, f’sitwazzjonijet oħra, għall-esklużjoni totali tal-operazzjoni ta’ appoġġ tal-FAEŻR.

    71.

    Għalhekk, jirriżulta mill-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 65/2011 li tnaqqis mill-ammont pagabbli għandu jiġi applikat fil-każ fejn l-ammont mitlub mill-benefiċjarju jeċċedi, b’iktar minn 3 %, l-ammont ammissibbli, jiġifieri l-ammont pagabbli wara l-veritifka tal-ammissibbiltà tat-talba għal pagament. Jekk ikun il-każ, l-ammont tat-tnaqqis, li għandu jiġi applikat għall-ammont eliġibbli, għandu jikkorrispondi skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tal-imsemmi regolament għad-differenza bejn l-ammont mitlub u l-ammont eliġibbli. Jirriżulta, barra minn hekk, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 30(1) tal-istess regolament li ma għandu jiġi applikat l-ebda tnaqqis jekk il-benefiċjarju jista’ juri li “huwa m’għandux tort għall-inklużjoni tal-ammont mhux eliġibbli”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 30(2) ta’ dan ir-regolament, l-operazzjoni kofinanzjata għandha tiġi kompletament eskluża mill-appoġġ tal-FAEŻR, jekk jiġi konstatat li l-benefiċjarju jkun għamel dikjarazzjoni falza deliberatament ( 39 ).

    72.

    Ninnota, f’dan l-istadju li t-termini differenti ta’ “éligibilité” u ta’ “admissibilité” li jidhru fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 u tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011 ma jqegħdux fid-dubju l-applikazzjoni ta’ dan l-aħħar artikolu għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din il-formulazzjoni differenti ma tinsabx fil-verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dawn iż-żewġ regolamenti ( 40 ). Għaldaqstant ma jistax jiġi preżunt li ż-żewġ termini li jissemmew fil-verżjoni Franċiża tar-regolamenti għandhom sinifikat differenti ( 41 ).

    73.

    Naqbel mal-analiżi tal-muniċipalità ta’ Gorje u tal-Kummissjoni li l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 65/2011 huwa applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik tal-każ fil-kawża prinċipali ( 42 ).

    74.

    Għalkemm huwa veru li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011 jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont pagabbli u li, fil-paragrafu 1 tiegħu, huwa jipprovdi li dan il-kalkolu għandu jsir “abbażi ta’ dak li jinstab li huwa eliġibbli matul il-kontrolli amministrattivi”, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma huwiex limitat, kif jargumenta l-Gvern Sloven, għas-sitwazzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa huma lkoll sodisfatti. Fil-fatt, jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 30(3) ta’ dan ir-regolament li t-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 30 għandu jiġi applikat “mutatis mutandis għall-infiq mhux eliġibbli identifikat matul il-kontroll skont l-Artikoli 25 u 29 [ta’ dan ir-regolament]”, jiġifieri l-kontrolli fuq il-post. Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li l-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 30 huwa applikabbli direttament għan-nefqa mhux eliġibbli identifikata matul tipi oħra ta’ kontrolli, fosthom il-kontrolli amministrattivi ( 43 ).

    75.

    F’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ fejn parti tan-nefqa inkluża fit-talba għal pagament hija eliġibbli taħt il-kundizzjonijiet nazzjonali ta’ eliġibbiltà filwaqt li l-oħra ma hijiex, l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 65/2011 twassal għal tnaqqis tal-ammont pagabbli skont il-metodu deskritt f’dan il-paragrafu, billi tiġi kkalkolata d-differenza bejn l-ammont mitlub mill-benefiċjarju (in-nefqa kollha inkluża fit-talba għal pagament) u l-ammont eliġibbli (in-nefqa eliġibbli biss). Jekk din id-differenza tkun iktar minn 3 % tal-ammont eliġibbli, it-tnaqqis għandu jkun id-differenza bejn iż-żewġ ammonti.

    76.

    Għalhekk, jien ma naqbilx mal-argument propost mill-Kummissjoni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 65/2011 twassal, fis-sitwazzjoni ta’ dan il-każ, għal tnaqqis ta’ 100 %, jiġifieri għal esklużjoni totali tan-nefqa marbuta mal-investiment. Il-Kummissjoni tinnota, f’dan ir-rigward, li f’dan il-każ teżisti ineliġibbiltà tal-investiment kollu u mhux ta’ parti minnu biss, għaliex il-muniċipalità ta’ Gorje ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ aċċess (kundizzjoni ta’ eliġibbiltà), stabbilita għall-investiment kollu, li timponi obbligu li l-investiment ma jinbediex qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà. Fil-fehma tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni ta’ aċċess “jikkontamina” t-twettiq tal-investiment kollu.

    77.

    F’dan ir-rigward, ninnota, minn naħa li la r-Regolament Nru 1698/2005 u lanqas ir-Regolament Nru 65/2011 ma jagħmlu distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa, u lanqas ma jawtorizzaw lill-Istati Membri li japplikaw xi konsegwenzi partikolari għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet li huma jikkunsidraw bħala iktar “fundamentali”. Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Kummissjoni jistrieħ, fil-verità, fuq il-punt 1 tas-sejħa għal offerti, li jikkostitwixxi, kif indikat fil-punti 59 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għas-sussidji, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ma jwassalx għal tnaqqis tal-ammont pagabbli taħt l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 65/2011 ( 44 ).

    78.

    Għaldaqstant, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011 jistabbilixxix b’mod eżawrjenti s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-Istati Membri f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa stabbiliti fuq il-livell nazzjonali taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005.

    79.

    Għalkemm l-Artikolu 4(9) tar-Regolament Nru 65/2011 jipprovdi espliċitament li t-tnaqqis u esklużjonijiet previsti minnu għandhom jiġu applikati mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet supplementari previsti minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, madankollu jiena naqbel mal-opinjoni tal-muniċipalità ta’ Gorje li l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu sanzjonijiet nazzjonali li jwasslu għal esklużjoni totali ta’ operazzjoni ta’ appoġġ tal-FAEŻR, peress li sanzjoni ta’ dan it-tip diġà tissemma fid-dettall fl-imsemmi regolament ( 45 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 65/2011, tali sanzjoni hija espliċitament limitata għas-sitwazzjoni fejn il-benefiċjarju ikun għamel dikjarazzjoni falza deliberatament, b’mod li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu japplikaw esklużjoni totali għal sitwazzjonijiet oħra, bħalma tipprovdi l-leġiżlazzjoni Slovena applikabbli fil-kawża prinċipali taħt il-piena li jiġi, fil-prattika, emendat il-kamp tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 65/2011.

    80.

    Nikkonkludi li l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 65/2011 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik Slovena applikabbli fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għaċ-ċaħda tat-talba għal pagament kollha kemm hi u għalhekk l-esklużjoni totali ta’ operazzjoni mill-appoġġ tal-FAEŻR, fil-każ fejn dik it-talba tinkludi fl-istess ħin nefqa eliġibbli u mhux eliġibbli.

    81.

    Fid-dawl tar-risposta li jien qiegħed nipproponi, ma huwiex neċessarju li jiġi indagat jekk iċ-ċaħda tat-talba għal pagament kollha kemm hi hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk sejjer nindirizza din il-kwistjoni sussidjarjament biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjoni tiegħi, billi tikkonkludi li r-Regolament Nru 1698/2005 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 56(4) taż-ZKme‑1.

    3. L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    82.

    Skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, statutorji u amministrattivi kollha sabiex jiżguraw li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti b’mod effettiv ( 46 ). L-Istati Membri huma madankollu obbligati josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dak ta’ proporzjonalità ( 47 ). Jirriżulta minn dan li r-rigorożità tas-sanzjonijiet applikati f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tkun konsistenti mas-severità tal-ksur li huma għandhom jeliminaw, b’mod partikolari billi jiżguraw effett tassew dissważiv filwaqt li josservaw il-prinċipju generali ta’ proporzjonalità ( 48 ).

    83.

    F’dan ir-rigward, il-muniċipalità ta’ Gorje targumenta li, billi kien jipprovdi għaċ-ċaħda tat-talba għal pagament kollha kemm hi fil-każ fejn it-talba tinkludi fl-istess ħin nefqa eliġibbli u mhux eliġibbli, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-portata tan-nuqqas ta’ osservanza, l-Artikolu 56(4) taż-ZKme‑1 imur oltre dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Fl-opinjoni tal-muniċipalità ta’ Gorje, għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Slovena tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u dan huwa kkontestat mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni.

    84.

    Għalkemm l-esklużjoni tal-għajnuna minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna ma tikkostitwixxix sanzjoni, imma hija s-sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet previsti par il-Liġi ( 49 ), iċ-ċaħda tat-talba għal pagament stabbilita fl-Artikolu 56(4) taż-ZKme‑1 hija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhux il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna, imma pjuttost dik tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa ( 50 ).

    85.

    Barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-talba għal pagament għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi taħt l-Artikolu 56(4) taż-ZKme‑1, inkluża l-parti mit-talba li tirrigwarda n-nefqa eliġibbli li ġiet sostnuta b’konformità mal-kundizzjonijiet nazzjonali. F’dak li jikkonċerna din il-parti, iċ-ċaħda tat-talba għal pagament ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjonijiet, imma għandha pjuttost tiġi kkunsidrata bħala ta’ natura dissważiva.

    86.

    Il-ksur tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-kuntest ta’ operazzjonijiet li jibbenefikaw minn kofinanzjament tal-Unjoni għandu inkontestabbilment jiġi ssanzjonat b’mod effettiv bl-għan li jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra kull frodi u jiġi żgurat it-twettiq sħiħ tal-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-leġiżlatur tal-Unjoni. Ma hemm l-ebda dubju li leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Slovena inkwistjoni, billi ċċaħħad benefiċjarju minn kull ħlas ta’ għajnuna, hija partikolarment dissważiva u, għaldaqstant, hija ta’ natura li tiġġieled b’mod effettiv kontra l-irregolaritajiet li jitwettqu fi-kuntest tal-FAEŻR ( 51 ).

    87.

    Madankollu, billi jipprovdi ċ-ċaħda tat-talba għal pagament kollha kemm hi, l-Artikolu 56(4) taż-ZKme‑1 jipprovdi għal sanzjoni li ma għandhiex relazzjoni mal-gravità tal-ksur imwettaq mill-benefiċjarju, għaliex is-sanzjonjiet jibqgħu l-istess, kemm jekk il-ksur jaffettwa parti sinjifikattiva jew, għall-kuntrarju, parti negliġibbli tat-talba ( 52 ).

    88.

    Ċertament, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 65/2011 jipprovdi wkoll għal tnaqqis li jmur lil hinn mill-irregolarità kkonstatata, billi jipprovdi li l-ammont eliġibbli għandu jitnaqqas mid-differenza bejn l-imsemmi ammont u dak li jkun intalab mill-benefiċjarju. Madankollu, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, it-tnaqqis ipprovdut f’dan l-artikolu għandu jiġi kkalkolat b’rabta mal-ksur imwettaq, u, fil-fehma tiegħi, dan jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    89.

    Il-kunsiderazzjonijiet invokati mill-Gvern Slovena f’dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni tal-kundizzjoni nazzjonali li hija s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, jiġifieri t-tnaqqis tar-riskju tad-“deadweight effect” u l-iżgurar ta’ kontroll effettiv, ma japplikawx għal din il-parti mit-talba li tikkonċerna n-nefqa eliġibbli. Għalhekk, minkejja n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà f’dak li jikkonċerna parti min-nefqa, l-operazzjoni kofinanzjata fiha nnifisha tista’ tilħaq l-għan tagħha u tottjeni valur miżjud reali f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp rurali ( 53 ).

    90.

    Nikkonkludi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għaċ-ċaħda tat-talba għal pagament kollha kemm hi fil-każ fejn t-talba tinkludi fl-istess ħin nefqa eliġibbli u mhux eliġibbli, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-portata tal-ksur imwettaq, għandha tiġi kkunsidrata li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 54 ).

    V – Konklużjoni

    91.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari li saru mill-Upravno sodišče Republike Slovenije (qorti amministrattiva, is-Slovenja):

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li hija biss in-nefqa ta’ investiment li tkun ġiet sostnuta wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ li għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ tal-FAEŻR.

    L-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas‑27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għaċ-ċaħda tat-talba għal pagament ta’ għajnuna kollha kemm hi fil-każ fejn din it-talba tinkludi fl-istess ħin nefqa eliġibbli u mhux eliġibbli.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Rapport Speċjali Nru 23 tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea intitolat “Żbalji fin-nefqa għall-iżvilupp rurali: x’jikkawżahom, u kif qed jiġu indirizzati?”, 2014, punt 1.

    ( 3 ) Rapport Speċjali Nru 23 tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea intitolat “Żbalji fin-nefqa għall-iżvilupp rurali: x’jikkawżahom, u kif qed jiġu indirizzati?”, 2014, punt 12. F’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ programmazzjoni għas-snin 2007 sa 2013, ir-rata medja ta’ żball fin-nefqa sostnuta fil-qasam ta’ żvilupp rurali kienet ġiet stmata li hija 8.2 %.

    ( 4 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 40)

    ( 5 ) ĠU L 286M, p. 26.

    ( 6 ) ĠU 2011, L 25, p. 8.

    ( 7 ) Ara, f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 1698/2005, Danielsen, J.H., EU Agricultural Law, Kluwer Law International, Alphen-sur-le-Rhin, 2013, p. 123 sa 133.

    ( 8 ) ĠU 2013, L 347, p. 487. Ara, fir-rigward tar-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1698/2005 u r-Regolament Nru 1305/2013, Monteduro, M., et (éd.), Law and AgroecologyA Transdisciplinary Dialogue, Springer Verlag, Berlin, Heidelberg, 2015, p. 151 sa 159.

    ( 9 ) Iktar preċiżament, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 65/2011 jagħmel parti mit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Appoġġ Għal Żvilupp Rurali Skont l-Assi 1 u l-Assi 3 u Ċerti Miżuri Skont l-Assi 2 u l-Assi 4”.

    ( 10 ) ĠU L 330M, p. 455.

    ( 11 ) Fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-data tat-13 ta’ Lulju 2010 tidher ukoll bħala d-data tal-konklużjoni tal-kuntratti.

    ( 12 ) Ara, ukoll, il-premessa 61 ta’ dan ir-regolament.

    ( 13 ) Ara l-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom (C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 60). Ara, ukoll, il-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005 (proposta tal-14 ta’ Lulju 2004 ta’ Regolament tal-Kunsill dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEAŻR) [COM(2004) 490 finali]), punt 13 tal-espożizzjoni tal-motivi, fejn il-Kummissjoni tenfasizza l-għan li titħalla “iktar libertà lill-Istati Membri fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-programmi tagħhom permezz ta’ regoli u kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà inqas iddettaljati u arranġamenti ta’ ġestjoni finanzjarja u ta’ kontroll issimplifikati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 15 ) Jirriżulta espliċitament mill-punt 5 tas-sejħa għal offerti li l-benefiċjarju, anki jekk ma jista’ jassumi l-ebda obbligu taħt is-sussidji mogħtija, jista’ jibda l-proċedura tal-għażla tal-appaltatur skont il-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk, il-preparazzjonijiet mill-benefiċjarju tal-operazzjoni maħsuba ma jiġux imfixkla għalkemm huwa ma jkunx jista’ jidħol f’xi kuntratt mal-appaltatur qabel l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ. Bis-saħħa tal-punt 4 tas-sejħa għal offerti, l-ispejjeż ġenerali marbuta mal-preparazzjoni tat-talba, mal-akkwist tad-dokumentazzjoni dwar il-kostruzzjoni u l-preżentata tat-talba għal sussidju huma eżenti mill-kundizzjoni ratione temporis stabbilita bl-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP u bil-punt 3 tas-sejħa għal offerti. Ara, fir-rigward tal-ispejjeż ġenerali, l-Artikolu 55(1)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 322M, p. 305).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom (C‑135/13, EU:C:2014:327, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) Ara d-digriet tas-16 ta’ Jannar 2014, Dél‑Zempléni Nektár Leader Nonprofit (C‑24/13, EU:C:2014:40, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Ara l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1698/2005.

    ( 19 ) Ara l-Artikolu 52(b)(ii) tar-Regolament Nru 1698/2005.

    ( 20 ) Ara r-Rapport Speċjali Nru 8 tal-Qorti tal-Awdituri fuq l-“Identifikazzjoni ta’ għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli”, 2012, punti 60 sa 65 u 73.

    ( 21 ) Ara r-Rapport Speċjali Nru 8 tal-Qorti tal-Awdituri fuq l-“Identifikazzjoni ta’ għajnuna għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli”, 2012, punt 64. Il-Qorti tal-Awdituri tinnota, madankollu, li d-dispożizzjonijiet proposti mill-Kummissjoni “mhuwiex se jindirizza biżżejjed ir-riskju ta’ “deadweight effect” billi l-proġett ta’ investiment ikun jista’ jibda xorta waħda qabel l-approvazzjoni tal-applikazzjoni (u anke qabel ma l-applikazzjoni tkun ġiet sottomessa, bid-dispożizzjoni li l-ispejjeż sostnuti sad-data tal-applikazzjoni ma jkunux eliġibbli għall-appoġġ)”.

    ( 22 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament Nru 1305/2013 jipprovdi, f’dak li jikkonċerna ċerti operazzjonijiet ta’ investiment, li, b’eċċezzjoni ta’ ċerti spejjeż ġenerali, hija biss in-nefqa li tkun ġiet sostnuta wara l-preżentata ta’ talba lill-awtorità kompetenti li għandha titqies li hija ammissibbli. Skont it-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu fil-programmi tagħhom li hija biss in-nefqa sostnuta wara l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ mill-awtorità kompetenti li għandha tkun ammissibbli.

    ( 23 ) Ara l-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 1305/2013. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 88 ta’ dan ir-regolament, ir-Regolament Nru 1698/2005 għandu jibqa’ japplika għall-operazzjonijiet implementati taħt il-programmi li l-Kummissjoni tapprova taħt l-imsemmi regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2014.

    ( 24 ) Fir-rigward tal-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP u tal-punti 4 u 5 tas-sejħa għal offerti, li jipprovdu li l-fatt li l-benefiċjarju jkun assuma obbligu taħt is-sussidju mogħti (il-konklużjoni ta’ xi kuntratt, ordni ta’ materjal, ta’ apparat, ta’ servizzi jew ta’ xogħlijiet) għandu jiġi kkunsidrat bħala l-ewwel nefqa, jien ninnota li, fil-fehma tiegħi, din ir-regola sservi sabiex tippreċiża l-kundizzjoni ratione temporis stabbilita bl-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP u bil-punt 3 tas-sejħa għall-offerti u, għaldaqstant, sabiex tiżgura li l-fondi tal-FEAŻR ma jingħatawx għal investimenti li jkunu ser jitwettqu kollha jew parzjalment jew totalment anki mingħajr l-għajnuna mogħtija.

    ( 25 ) F’dan ir-rigward, ninnota li għandha tkun esklużivament il-qorti nazzjonali li tivverifika, fil-każ inkwistjoni, jekk il-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ u dawk tal-approvazzjoni tal-ħlas kinux ġew osservati mill-muniċipalità ta’ Gorje, u li tislet il-konsegwenzi adegwati fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

    ( 26 ) Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni enfasizzaw il-fatt li l-muniċipalità ta’ Gorje ma ssodisfatx il-kundizzjoni li tissemma fil-punt 1 tas-sejħa għal offerti.

    ( 27 ) Infakkar li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 jikkonċerna biss ir-“regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa”, kif jirriżulta ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mit-titolu tal-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament intitolat: “Eliġibbiltà tan-nefqa”.

    ( 28 ) Ara l-punti 13 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Id-distinzjoni bejn l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ u dik tat-talba għal pagament tidher ukoll fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1698/2005, li jipprovdi li “[n]efqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-FAEŻR unikament meta magħmula għal operazzjonijiet deċiżi mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm inkwistjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, f’konformità mal-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti mill-korp kompetenti” (enfasi miżjuda minni).

    ( 29 ) Il-punt 1 tas-sejħa għal offerti huwa mqiegħed taħt il-Kapitolu IV/I, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li għandhom jiġu ssodisfatti meta tiġi ppreżentata t-talba fil-kuntest tas-sejħa għal offerti”. L-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha, bħala regola ġenerali, tiġi evalwata mill-awtorità kompetenti waqt l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ. Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 24(2)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 65/2011.

    ( 30 ) Infakkar li l-kundizzjonijiet 3 u 5 jissemmew fil-Kapitolu VI tas-sejħa għal offerti, intitolat “Nefqa eliġibbli”. Ara punti 27 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 31 ) F’dan ir-rigward, inħoss li għandi nippreċiża li l-enumerazzjoni, fl-Artikolu 24(2) u (3) tar-Regolament Nru 65/2011, tal-elementi li rispettivament jiffurmaw is-suġġett tal-kontroll tat-applikazzjonijiet għal appoġġ u tat-talbiet għal pagament, ma hijiex eżawrjenti, kif jirriżulta mill-frażi “għandhom jinkludu b’mod partikolari”, li tidher fil-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    ( 32 ) Anki jekk id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, jiġifieri d-deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2013, issemmi l-fatt li x-xogħlijiet fuq il-bini inkwistjoni kienu nbdew qabel l-approvazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ, l-imsemmija deċiżjoni tirreferi biss għall-Artikolu 79(4) tad-digriet PRP u għall-punti 3 u 5 tas-sejħa għal offerti, li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tan-nefqa. Ara l-punti 35 u 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ prinċipju tirrigwarda l-punt jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni tal-eliġibbiltà għas-sussidju jistax iwassal għaċ-ċaħda tat-talba għal pagament, bħal f’dan il-każ, jew inkella jekk għandux iwassal minflok għall-irtirar jew l-annullament tal-approvazzjoni inizjali tal-applikazzjoni għal appoġġ, li ma seħħx f’dan il-każ. Din l-aħħar ipoteżi jidhirli li hija preferibbli għaliex tirrifletti d-distinzjoni sabbilita bir-Regolament Nru 65/2011 bejn applikazzjoni għal appoġġ u talba għal pagament.

    ( 33 ) Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Kaba (C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 41) u tal‑1 ta’ Ġunju 2006, Innoventif (C‑453/04, EU:C:2006:361, punt 29).

    ( 34 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340.

    ( 35 ) Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 2988/1995 jirrigwarda “irregolaritajiet” fir-rigward tad-dritt Komunitarju. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia (C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 40) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li meta jeżiġu r-rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament mill-baġit tal-Unjoni lil operatur, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu qegħdin jaġixxu kontra irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/1995, b’mod li huma jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Ara ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi Județul Neamț u Județul Bacău (C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:7, punti 72 sa 74).

    ( 36 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fehma tiegħi, dan japplika wkoll fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet nazzjonali stabbiliti taħt id-dritt tal-Unjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jidher, f’dan il-każ, ukoll importanti.

    ( 37 ) L-Artikolu 74(4) tar-Regolament Nru 1698/2005 jirreferi għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) tal-istess regolament li jirrinvija għall-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124).

    ( 38 ) Din il-konklużjoni hija msaħħa bl-inklużjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) fit-Titolu V tar-regolament, intitolat “Kontribut tal-FEAŻR”, minflok fit-Titolu VI, intitolat “Ġestjoni, kontroll u informazzjoni”.

    ( 39 ) Barra minn hekk, f’dan il-każ, bis-saħħa tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 65/2011, il-benefiċjarju huwa eskluż milli jirċievi appoġġ taħt l-istess miżura għas-sena kalendarja tal-konstatazzjoni kif ukoll għas-sena ta’ wara.

    ( 40 ) Fil-verżjoni Ingliża taż-żewġ regolamenti, jissemmew it-termini “eligibility” [fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005] u “eligible” [fl-Artikolu 30(1) ta r-Regolament Nru 65/2011]; fil-verżjoni Daniża t-termini “støtteberettigelse” u “støtteberettiget”; fil-verżjoni Spanjola t-termini “subvencionabilidad” u “subvencionable”; fil-verżjoni Taljana t-termini “ammissibilità” u “ammissibili”, u fil-verżjoni Rumena t-termini “eligibilitate” u “eligibil”. Il-verżjoni Ġermaniża taż-żewġ regolamenti tinkludi varjazzjonijiet lingwistiċi li ma għandhom l-ebda effett ġuridiku (“Zuschussfähigkeit” u “förderfähig”). Il-verżjoni Ungeriża ssemmi kunċetti paragunabbli imma mhux identiċi. Hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) tal-verżjoni Ungeriża tar-Regolament Nru 1698/2005 tuża t-terminu “jogosultság”, filwaqt li l-Artikolu 30(1) tal-verżjoni Ungeriża tar-Regolament Nru 65/2011 tuża t-terminu “támogatható”.

    ( 41 ) Infakkar li, fil-każ ta’ diverġenza bejn diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ekonomija ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnu hija tifforma parti, u dan jikkonferma l-fatt li ż-żewġ termini għandhom jiftehmu bl-istess mod. Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2010, M et (C‑340/08, EU:C:2010:232, punt 44).

    ( 42 ) Fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, xejn ma jwassal sabiex jiġi preżunt li l-muniċipalità ta’ Gorje kienet deliberatament għamlet dikjarazzjoni falza, u dan iwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 65/2011.

    ( 43 ) Bil-kuntrarju, jekk il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà għas-sussidju ma jkunux issodisfatti kollha, l-approvazzjoni inizjali tal-applikazzjoni għal appoġġ tista’ tiġi rtirata jew annullata u l-kalkolu tal-ammont pagabbli, taħt l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, ma għandux jitwettaq. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 44 ) Bl-istess mod, il-Gvern Sloven juża l-frażi “kundizzjonijiet minn qabel” biex jispjega l-kundizzjoni nazzjonali li tissemma fil-punt 1 tas-sejħa għal offerti li l-benefiċjarju ma jistax jibda jwettaq l-investiment qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni fuq l-eliġibbiltà.

    ( 45 ) Ara, b’mod simili, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille‑Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296, punti 64 sa 68).

    ( 46 ) Skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, għall-finijiet tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, li l-miżuri kollha ta’ żvilupp rurali li huma jkunu fi ħsiebhom jimplementaw ikunu suġġett ta’ kontrolli u verifiki. Ara, ukoll, l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1290/2005.

    ( 47 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 40).

    ( 48 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Szemerey (C‑330/14, EU:C:2015:605, punti 51 sa 63). Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 35(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014, tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48) li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 65/2011 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015.

    ( 49 ) Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2012, Hehenberger (C‑188/11, EU:C:2012:312, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille‑Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata) fir-rigward tas-sitwazzjoni fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni stablixxa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna.

    ( 50 ) Ara l-punti 59 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar id-distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għas-sussidju u dawk ta’ eliġibbiltà tan-nefqa.

    ( 51 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tar-rata ta’ żball għan-nefqa sostnuta fil-qasam ta’ żvilupp rurali. Ara ukoll s-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2014, Van Den Broeck (C‑525/13, EU:C:2014:2254, punt 33) u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑199/03, EU:C:2005:548, punt 31).

    ( 52 ) Infakkar li l-qorti tar-rinviju hija marbuta, fl-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, li tinterpretaha sa fejn possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26). F’dan ir-rigward, tista’ tqum il-kwistjoni jekk huwiex possibbli li l-Artikolu 56(4) taz-ZKme‑1 jiġi interpretat b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi mistoqsi jekk il-frażi “talba kuntrarja”, li tissemma f’din id-dispożizzjoni, tirreferix neċessarjament għat-talba għal pagament kollha kemm hi jew biss il-parti tat-talba li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet nazzjonali.

    ( 53 ) Ara, b’mod simili, fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, it-Tweġibiet tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Frar 2015, għar-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea fuq “Żbalji fin-nefqa għall-iżvilupp rurali: x’jikkawżahom, u kif qed jiġu indirizzati?” [COM (2015) 71 finali], p. 2, dwar in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    ( 54 ) Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑199/03, EU:C:2005:548, punti 5960).

    Top