Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0099

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2015.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:768

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑99/15

Christian Liffers

vs

Producciones Mandarina SL,

Mediaset España Comunicación SA, li qabel kienet Gestevisión Telecinco SA,

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Xogħol awdjoviżiv — Direttiva 2004/48/KE — Artikolu 13 — Danni — Ammont — Danni morali — Metodu ta’ ffissar”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( 2 ).

2.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, it-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja) qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-kumpens li tista’ titlob parti leża minn ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u dwar l-esklużjoni eventwali tad-dannu morali minn dan il-kumpens.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/48, l-għan tad-Direttiva huwa li “tqarreb is-sistemi leġiżlattivi [tal-Istati Membri] sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju [tal-proprjetà intellettwali] fis-suq intern”.

4.

Il-premessa 26 tal-istess direttiva tippreċiża li “[b]l-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffret riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-kontravvenzjoni, l-ammont ta’ ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta’ qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. Bħala alternattiva, pereżempju fejn huwa diffiċli biex jiġi determinat l-ammont ta’ preġudizzju attwali [realment] soffert, l-ammont ta’ ħsara tista’ tiġi minn elementi bħalma huma royalties u ħlasijiet li ikunu jridu jitħallsu kieku l-kontravventur talab awtoriżazzjoni biex uża d-dritt tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni. L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka”.

5.

L-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva jipprevedi li l-“miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun[u] wkoll effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

6.

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-danni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali [realment] soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

a)

Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni.

jew

b)

bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtorizzazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

2.   Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

B – Id-dritt Spanjol

7.

L-Artikolu 140 tat-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar il-proprjetà intellettwali (Texto Refundido de la Ley de Propiedad Intelectual), kif emendat bil-Liġi Nru 19/2006, li testendi l-mezzi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali u li tistabbilixxi r-regoli proċedurali sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ diversi Regolamenti Komunitarji (ley 19/2006, de 5 de junio de 2006, por la que se amplían los medios de tutela de los derechos de propiedad intelectual e industrial y se establecen normas procesales para facilitar la aplicación de diversos reglamentos comunitarios), tal-5 ta’ Ġunju 2006 (BOE Nru 134 tas-6 ta’ Ġunju 2006, p. 21230, iktar ’il quddiem it-“TRLPI”), jipprovdi li:

“1.   Il-kumpens għad-danni li huwa dovut lid-detentur tad-dritt li jkun inkiser ma jinkludix biss il-valur tat-telf imġarrab iżda wkoll il-valur tat-telf ta’ qligħ li jirriżulta mill-ksur tad-dritt tiegħu. L-ammont tal-kumpens jista’ jinkludi, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż tar-riċerka li jkunu saru sabiex jinkisbu provi raġonevoli tat-twettiq tal-ksur li jkun is-suġġett tal-proċedura ġudizzjarja.

2.   Il-kumpens għad-danni għandu jiġi stabbilit, skont l-għażla tal-persuna leża, b’konformità ma’ wieħed mill-kriterji li ġejjin:

a)

Il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, b’mod partikolari t-telf ta’ qligħ imġarrab mill-parti leża u l-benefiċċji miksuba b’mod inġust mill-kontravventur mill-użu illegali. Jekk ikun hemm dannu morali, dan għandu jiġi kkumpensat, anki jekk l-eżistenza ta’ dannu ekonomiku ma tkunx ġiet stabbilita. Sabiex jiġi evalwat dan id-dannu, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-ksur, il-gravità tal-ksur u l-grad tad-diffużjoni illeċita tax-xogħol.

b)

L-ammont li l-parti leża kienet tirċievi bħala remunerazzjoni li kieku l-kontravventur talab l-awtorizzazzjoni sabiex juża d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni”.

III – Il-fatti tal-kawża inkwistjoni

8.

C. Liffers huwa d-direttur, ix-xeneġġjatur u l-produttur tax-xogħol awdjoviżiv Dos patrias, Cuba y la noche (Żewġ patriji, Kuba u l-lejl). Dan ix-xogħol, li rebaħ ħafna premjijiet f’diversi festivals taċ-ċinema, jirrakkonta sitt stejjer personali u intimi ta’ diversi abitanti ta’ Havana (Kuba).

9.

Producciones Mandarina SL (iktar ’il quddiem “Mandarina”) għamlet dokumentarju awdjoviżiv dwar il-prostituzzjoni tat-tfal f’Kuba, li juri attivitajiet kriminali rrekordjati permezz ta’ kamera moħbija. Xi siltiet mix-xogħol Dos patrias, Cuba y la noche iddaħħlu f’dan id-dokumentarju mingħajr ma ntalbet ebda awtorizzazzjoni mingħand C. Liffers. Id-dokumentarju xxandar mill-kanal tat-televiżjoni Spanjol Telecinco, li jappartjeni lil Mediaset España Comunicación SA (iktar ’il quddiem “Mediaset”), u kellu udjenza ta’ 13.4 %.

10.

C. Liffers ippreżenta rikors kontra Mandarina u Mediaset quddiem il-Juzgado de lo Mercantil de Madrid (qorti kummerċjali ta’ Madrid) li permezz tiegħu talab lill-imsemmija qorti, b’mod partikolari, sabiex tordna lil dawn tal-aħħar iwaqqfu kull ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu u sabiex tikkundannahom iħallsuh l-ammont ta’ EUR 6740, minħabba l-ksur tad-drittijiet ta’ esplojtazzjoni tiegħu, kif ukoll ammont addizzjonali ta’ EUR 10000, bħala kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab.

11.

Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tad-danni dovuti fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-esplojtazzjoni ta’ xogħlu, C. Liffers għażel il-kriterju tal-“liċenzja ipotetika” jew “royalties ipotetiċi”, jiġifieri l-ammont tar-royalties jew tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti lilu li kieku Mandarina u Mediaset talbuh awtorizzazzjoni sabiex jużaw id-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni. Għal dan il-għan, huwa applika t-tariffi tas-Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-produtturi awdjoviżivi (Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales). Il-kumpens għad-dannu morali kien ikkalkolat b’rata fissa.

12.

Il-Juzgado de lo Mercantil de Madrid (qorti kummerċjali ta’ Madrid) laqgħat parzjalment ir-rikors ta’ C. Liffers u kkundannat lil Mandarina u lil Mediaset, b’mod partikolari, sabiex iħallsu lil dan tal-aħħar is-somma ta’ EUR 3370 għad-dannu kkawżat minn dan il-ksur kif ukoll EUR 10000 għad-dannu morali kkawżat.

13.

Fuq appell mid-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, l-Audiencia provincial de Madrid (qorti provinċjali ta’ Madrid) naqqset għal EUR 962.33 il-kumpens dovut bħala liċenzja ipotetika u annullat għalkollox il-kundanna ta’ Mandarina u ta’ Mediaset li jikkumpensaw id-dannu morali mġarrab minn C. Liffers. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, dan tal-aħħar kien talab kumpens ikkalkolat b’applikazzjoni tal-kriterju tal-liċenzja ipotetika, previst fl-Artikolu 140(2)(b) tat-TRLPI. Issa, skont l-Audiencia Provincial de Madrid (qorti provinċjali ta’ Madrid), dan il-kriterju ta’ kumpens huwa alternattiv għal dak previst fl-Artikolu 140(2)(a) tat-TRLPI, dispożizzjoni din li tippermetti biss il-kumpens għad-dannu morali. Taħlita ta’ dawn iż-żewġ kriterji ma hijiex permessa.

14.

Fl-appell ippreżentat mis-sentenza tal-Audiencia Provincial de Madrid (qorti provinċjali ta’ Madrid), C. Liffers jattakka r-revoka tal-kumpens għad-dannu morali u jsostni li dan il-kumpens huwa indipendenti mill-għażla bejn il-kriterji tal-kumpens stabbiliti fl-Artikolu 140(2)(a) u (b) tat-TRLPI.

15.

Adita b’dan l-appell, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 140(2)(b) tat-TRLPI, dispożizzjoni din li hija intiża li tittrasponi fid-dritt Spanjol il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2015, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2015, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) għaldaqstant iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li persuna, ppreġudikata minn ksur tad-dritt għall-proprjetà intellettwali u li titlob kumpens għad-dannu patrimonjali kkalkolat abbażi tar-royalties jew tal-ħlasijiet li kienet tirċievi li kieku l-kontravventur talab awtorizzazzjoni sabiex juża d-dritt għall-proprjetà intellettwali inkwistjoni, titlob ulterjorment il-kumpens għad-danni morali kkawżati?”

17.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn C. Liffers, minn Mandarina, minn Mediaset, mill-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Ġermanja, ta’ Franza u tal-Polonja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali, b’konformità mal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V – Analiżi

18.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil parti leża minn ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali u li qed titlob kumpens għad-dannu patrimonjali kkalkulat abbażi tar-royalties jew tal-ħlasijiet li kienet tirċievi li kieku l-kontravventur talab awtorizzazzjoni sabiex juża d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, sabiex titlob ulterjorment il-kumpens għad-dannu morali mġarrab minnha.

19.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 3 ).

20.

Issa, fil-kawża ineżami, kemm it-test tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 u kemm l-istruttura tiegħu, kif ukoll interpretazzjoni teleoloġika jwassluni sabiex naħseb li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lil kull persuna leża minn ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali sabiex titlob kumpens għad-dannu morali kkawżat, u dan irrispettivament mill-metodu magħżul għall-kumpens għad-dannu patrimonjali.

A – It-test tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48

21.

Il-metodu alternattiv issuġġerit fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 jipproponi li “ jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni” ( 4 ).

22.

Mingħajr ma nislet minn dan konklużjoni definittiva dwar il-possibbiltà ta’ kumpens għal eventwali dannu morali fil-kuntest tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, għandu jiġi kkonstatat li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni jawtorizzaw espressament li jiġu kkunsidrati fatturi oħra minbarra “ir-royalties jew ħlasijiet” li normalment ikunu dovuti. Il-karattru a minima tal-imsemmi fattur jirriżulta b’mod ċar mill-kliem “au moins” (“għall-inqas”) użati fil-verżjoni Franċiża tat-test. Dan jirriżulta wkoll minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan it-test ( 5 ).

23.

It-termini “bħala alternattiva” użati sabiex jiġi introdott il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 ma jibdlux din l-interpretazzjoni.

24.

Fil-fatt, l-analiżi sistematika tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 tikkonferma li, għalkemm il-formulazzjoni tal-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tippreżenta għażliet alternattivi, dawn huma alternattivi fis-sens li jikkonsistu f’żewġ metodi sabiex jintlaħaq l-istess riżultat.

B – L-interpretazzjoni sistematika tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48

25.

L-approċċ sistematiku jobbliga li nikkunsidraw li s-subparagrafi li jiffurmaw artikolu jew, a fortiori, paragrafu tiegħu, jiffurmaw unità li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat ( 6 ). Issa, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 jinforma lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri dwar il-mod kif jistgħu jiffissaw id-danni dovuti fil-każ ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) jindika b’mod ċar, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, li dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jordnaw “lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali [realment] soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni” ( 7 ).

26.

L-analiżi sistematika tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 turi, għalhekk, li t-tieni subparagrafu jistabbilixxi l-metodoloġiji li jistgħu jiġu applikati sabiex jintlaħaq ir-riżultat iffissat fl-ewwel subparagrafu. Issa, dan ir-riżultat huwa tabilħaqq il-kumpens għad-dannu “attwali [realment] soffert [...] riżultat tal-kontravvenzjoni” ( 8 ).

27.

Għaldaqstant, qari kuntestwali tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 iwassal ukoll sabiex jiġi aċċettat t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ eventwali dannu morali fil-kumpens għad-dannu mġarrab b’riżultat tal-ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali. Fil-fatt, f’ċerti ċirkustanzi, “l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni” jirrifletti biss parzjalment id-dannu realment imġarrab mid-detentur tad-dritt inkwistjoni u mhux dak li realment ġarrab.

28.

Mingħajr ma jiġi diskuss hawnhekk li l-awtur tal-ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali jiġi kkundannat għal danni punittivi ( 9 ), jidhirli li huwa ftit li xejn kontestabbli li dannu morali – bħalma tista’ tkun, b’mod partikolari, ħsara reputazzjonali – jista’ jkun, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit, komponent fih innifsu tad-dannu realment imġarrab mill-awtur ( 10 ).

29.

L-alternattiva prevista fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 tikkostitwixxi għalhekk żvilupp tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tad-dannu mġarrab u ma għandhiex l-għan li temenda l-portata tal-kumpens għall-imsemmi dannu.

C – L-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48

30.

Fl-aħħar nett, nikkonstata li interpretazzjoni kuntrarja, li twassal sabiex id-dannu morali jiġi eskluż mill-kumpens għad-dannu realment imġarrab, tmur ukoll kontra l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2004/48.

31.

Il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/48 tikkjarifika l-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea. Skont din il-premessa, l-għan tad-Direttiva huwa li “tqarreb is-sistemi leġislattivi [tal-Istati Membri] sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju [tal-proprjetà intellettwali] fis-suq intern”.

32.

Filwaqt li jsegwi dan l-għan, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi espliċitament li r-rimedji “għandhom ikun[u] wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom” ( 11 ).

33.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx koerenti li mid-danni mogħtija lid-detentur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali jiġi eskluż il-kumpens għad-dannu morali tiegħu meta huwa jagħżel li jitlob il-kumpens għad-dannu patrimonjali tiegħu skont il-metodu tal-ammont fiss previst fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48.

34.

Fil-fatt, tali esklużjoni jkollha l-konsegwenza li teqred kompletament kull effett dissważiv tal-kundanna peress li l-awtur tal-ksur ikollu biss jirrimborsa lid-detentur tad-dritt is-somma li huwa kien ikollu jħallsu li kieku rrispetta d-dritt imsemmi u li tista’ tkun inqas mid-dannu reali. Għaldaqstant, tali kumpens ma jkunx konformi max-xewqa tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura protezzjoni għolja tal-proprjetà intellettwali.

35.

B’tali limitazzjoni, tista’ tiddaħħal inkwistjoni wkoll in-natura effettiva tal-protezzjoni. Madankollu, dan huwa wieħed mill-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2004/48 li l-Istati Membri għandhom jiżguraw ( 12 ). Fil-fatt, kif enfasizzat tajjeb il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jekk tiġi aċċettata l-esklużjoni tad-dannu morali, is-sitwazzjoni tal-kontravventur tkun l-istess, kemm jekk ikun irriproduċa xogħol mingħajr awtorizzazzjoni u kemm jekk ikun aġixxa b’mod legali billi talab liċenzja ( 13 ).

VI – Konklużjoni

36.

Fid-dawl tat-test tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48, tal-istruttura tiegħu kif ukoll tal-għanijiet tiegħu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) kif ġej:

“L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-parti leża minn ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u li tkun qed titlob kumpens għad-dannu patrimonjali kkalkolat abbażi tal-ammont tar-royalties jew tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti lilha li kieku l-kontravventur talab awtorizzazzjoni sabiex juża d-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni, sabiex titlob ukoll kumpens għad-dannu morali kkawżat lilha”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.

( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Yaesu Europe (C‑433/08, EU:C:2009:750, punt 24); Brain Products (C‑219/11, EU:C:2012:742, punt 13); Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34), kif ukoll Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 35).

( 4 ) Enfasi miżjuda minni.

( 5 ) Ara wkoll, rispettivament, fil-verżjonijiet bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bit-Taljan, bl-Olandiż, bil-Portugiż u bl-Islovakk, it-termini “cuando menos”, “alespoň”, “mindesten”, “τουλάχιστον”, “at least”, “per lo meno”, “als ten minste”, “no mínimo” u “prinajmenšom”.

( 6 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Sodiaal International (C‑383/14, EU:C:2015:541, punt 25).

( 7 ) Enfasi miżjuda minni. Il-kelma “attwali [realment]” ma tidhirx fil-verżjonijiet bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Latvjan u bl-Olandiż tat-test tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Léger, C-528/13, EU:C:2015:288, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil-kawża ineżami, minbarra l-fatt li l-kelma “attwali [realment]” tinsab fil-verżjonijiet lingwistiċi kważi kollha, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni meħuda fl-intier tagħha (ara t-Taqsima A iktar ’il fuq) u l-interpretazzjoni teleoloġija (ara t-Taqsima C iktar ’il quddiem) iwasslu wkoll sabiex tingħażel l-interpetazzjoni fis-sens li d-dannu li għandu jkun is-suġġett ta’ kumpens huwa fil-fatt id-dannu realment imġarrab.

( 8 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48.

( 9 ) Il-possibblità li jingħataw danni punittivi tidher li hija s-suġġett ta’ kontroversja fid-duttrina. Skont J.-C. Galloux, il-verżjoni definittiva tad-Direttiva 2004/48 abbandunat dan il-kunċett. Madankollu, skont l-istess awtur, għalkemm it-terminu użat fid-Direttiva jindika biss li l-kalkolu tad-danni għandu jieħu bħala qies id-dannu attwalment imġarrab, dan il-kalkolu madankollu “ma għandux ikun neċessarjament limitat għal tali dannu” (J-C. Galloux, “La directive relative au respect des droits de propriété intellectuelle”, Revue trimestrielle de droit communautaire, 2004, p. 698). Fl-istess sens ara Y. Benhamou, “Compensation of damages for infringements of intellectual property rights in France, under Directive 2004/48/EC and its transposition law – new notions?”, International Review of Intellectual Property and Competition Law, 2009, 40(2), p. 125, b’mod partikolari p. 140 u p. 143. Għall-kuntrarju, M. Buydens jikkritika b’mod aħrax dan l-approċċ filwaqt li jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ kumpens sħiħ, jiġifieri l-kumpens tad-dannu kollu, iżda xejn iktar minn dan (M. Buydens, “La réparation des atteintes aux droits de propriété intellectuelle”, Actualités en droits intellectuels, UB3, Bruylant, 2015, p. 407 sa 434, speċjalment p. 408 u 417). Skont dan l-awtur, l-użu tal-avverbju “réellement” fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 jimmilita favur it-tħaddin ta’ dan il-prinċipju (op. cit., p. 411).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, M. Buydens, “La réparation des atteintes aux droits de propriété intellectuelle”, f’Actualités en droits intellectuels, UB3, Bruylant, 2015, p. 407 sa 434, speċjalment p. 416 u 429; J.-S. Borghetti, “Punitive Damages in France”, H. Koziol u V. Wilcox (ed.), Punitives Damages: Common Law and Civil Law Perspectives, Tort and Insurance Law, Vol. 25, 2009, p. 55 sa 73, speċjalment nru 26, kif ukoll P.-Y. Gautier, “Fonction normative de la responsabilité: le contrefacteur peut être condamné à verser au créancier une indemnité contractuelle par équivalent”, Recueil Dalloz, 2008, p. 727, speċjalment nru 5.

( 11 ) Enfasi miżjuda minni.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 131).

( 13 ) Punt 29 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

Top